Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0105

Kawża T-105/10: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ Marzu 2010 — BASF vs Il-Kummissjoni

ĠU C 113, 1.5.2010, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/70


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2010 — BASF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-105/10)

2010/C 113/104

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BASF SE (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Montag, J. Blockx u T. Wilson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10568, tat-18 ta’ Diċembru 2009, fil-Każ Nru COMP/M.5355 — BASF/Ciba, li tiċħad il-proposta tas-6 ta’ Novembru 2009 sabiex Roquette Frères tiġi approvata bħala xerreja ta’ Divestment Business SDA u li tiċħad it-talba għat-tibdil tal-impenji li suġġetta għalihom il-Kummissjoni ddikjarat, permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 1961, tat-12 ta’ Marzu 2009, li t-tranżazzjoni li biha r-rikorrenti akkwistat il-kontroll ta’ Ciba Holding AG (“Ciba”) kollha kemm hi kompatibbli mas-suq komuni.

Ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti insostenn tar-rikors tagħha għal annullament.

L-ewwel nett, hija ssostni, li l-konvenuta, billi rrifjutat lix-xerrej propost, kisret l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004 (1), il-punti 418 u 419 tad-deċiżjoni li approvat l-akkwist ta’ Ciba minn BASF, il-klawżola 4(a)(b), 13, 14 u 34 u l-Iskeda B tal-impennji annessa miegħu u l-paragrafi 31, 48, 73 u 102 tal-avviż ta’ rimedji (2).

B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat ir-rifjut tagħha tax-xerrej propost fuq fatti ineżatti u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-inċentiv għal Roquette Frères li żżomm u tiżviluppa d-Divestment Business. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat ruħha fuq fatti ineżatti u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward it-talba tar-rikorrenti sabiex tbiddel l-impennji skont il-klawsola ta’ reviżjoni tal-impenji.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, fl-opinjoni tar-rikorrenti, ir-rifjut tal-proposta tagħha ma kienx neċessarju biex jintlaħaq l-iskop tal-impennji sabiex jiġi evitat il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 296 TFUE billi naqset li tisma’ lir-rikorrenti qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata u billi naqset li tagħti motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88)


Top