Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0281

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-20 ta' Ottubru 2011.
PepsiCo, Inc. vs Grupo Promer Mon Graphic SA.
Appell - Regolament (KE) Nru 6/2002 - Artikoli 5, 6, 10 u 25(1)(d) - Disinn Komunitarju - Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari - Disinn Komunitarju preċedenti - Impressjoni ġenerali differenti - Grad ta’ libertà tad-disinjatur - Utent informat - Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju - Żnaturament tal-fatti.
Kawża C-281/10 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-10153

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:679

Kawża C-281/10 P

PepsiCo Inc.

vs

Grupo Promer Mon Graphic SA

“Appell — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikoli 5, 6, 10 u 25(1)(d) — Disinn Komunitarju — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari — Disinn Komunitarju preċedenti — Impressjoni ġenerali differenti — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Utent avżat — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju — Żnaturament tal-fatti”

Sommarju tas-sentenza

1.        Disinni Komunitarji — Raġunijiet għal invalidità — Kunflitt ma’ disinn preċedenti — Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni ġenerali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti — Utent avżat — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1), 10(1) u 25(1)(d))

2.        Disinni Komunitarji — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Uffiċċju

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 61)

1.        Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma joqgħodx jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem li jinkludi utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat.

In-natura stess tal-utent avżat timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett tad-disinni inkwistjoni. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li tali tqabbil ma jsirx jew ma huwiex normali li jsir fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi jew minħabba l-karatteristiċi tal-oġġetti li d-disinni jirrappreżentaw. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-evalwazzjoni tad-disinni eventwali għal tqabbil dirett.

Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, minkejja li dan ma huwiex il-konsumatur medju li jkun informat b’mod normali u attent u avżat b’mod raġonevoli li normalment jara disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx ezami tad-diversi dettalji tiegħu, huwa lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tax-xogħol li kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. Barra minn hekk, il-kwalifika “informat [avżat]” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, minħabba l-interess tiegħu għall-prodotti kkonċernati, jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom.

(ara l-punti 53, 55, 57, 59)

2.        Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tagħmel stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju fuq l-elementi ppreżentati minn min għamel it-talba.

F’dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali, din tista’ tagħti lill-Uffiċċju, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jiġi msejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet tekniċi ħafna, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni u tillimita ruħha, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-qasam tad-disinni industrijali, għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 66, 67)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Appell – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikoli 5, 6, 10 u 25(1)(d) – Disinn Komunitarju – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta oġġetti promozzjonali ċirkulari – Disinn Komunitarju preċedenti – Impressjoni ġenerali differenti – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Utent avżat – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Żnaturament tal-fatti”

Fil-Kawża C-281/10 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2010,

PepsiCo, Inc., stabbilita fi New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u V. von Bomhard, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Grupo Promer Mon Graphic, SA, stabbilita f’Sabadell (Spanja), irrappreżentata minn R. Almaraz Palmero, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, PepsiCo Inc. (iktar ’il quddiem “PepsiCo”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), (T-9/07, Ġabra p. II-981, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Grupo Promer Mon Graphic SA (iktar ’il quddiem “Grupo Promer”), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-27 ta’ Ottubru 2006 (Każ T 1001/2005-3) dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Grupo Promer u PepsiCo (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p.142), jipprovdi:

“1.      Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

[…]”

3        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

“1.      Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

a)      fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

b)      fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.      Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

4        L-Artikolu 6 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat [avżat] tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

a)      fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

b)      fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.      Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn.”

5        Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002:

“1.      L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat [avżat].

2.      Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.”

6        L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

[…]

b)      jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9;

[…]

d)      jekk disinn Komunitarju jkun f’konflitt ma’ disinn minn qabel li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn Komunitarju, u li jkun protett minn data minn qabel id-data msemmija minn disinn Komunitarju rreġistrat jew minn applikazzjoni għal dan id-disinn, jew bi dritt rigward disinn irreġistrat ta’ Stat membru, jew b’applikazzjoni għal dan id-dritt;

[…]

3.      Ir-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafu (1)(d), (e) u (f) jistgħu jiġu invokati biss mill-applikant għad-dritt ta’ iktar qabel [preċedenti] jew mill-pussessur tiegħu.

[…]”

7        L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li: “[b]la ħsara għall-Artikolu 25[2], (3) (4) u (5), kull persuna naturali jew legali, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa li tagħmel dan, jistgħu jissottomettu lill-[UASI] applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat.”

8        Skont l-Artikolu 61(1) sa (3) tar-Regolament Nru 6/2002:

“1.      Jistgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-appelli.

2.      Il-kawża tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter.

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

9        Fid-9 ta’ Settembru 2003, PepsiCo, Inc., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-UASI, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 6/2002. Meta saret din l-applikazzjoni, intalbet il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157156, ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2003, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Novembru 2003.

10      Id-disinn Komunitarju ġie rreġistrat mill-UASI bin-numru 74463-0001 għall-prodotti li ġejjin, jiġifieri “Oġġetti promozzjonali tad-divertiment”. Dan huwa rrapreżentat kif ġej:

Image not found

11      Fl-4 ta’ Frar 2004, Grupo Promer ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Nru 74463-0001 (iktar ’il quddiem “id-disinn ikkontestat”) skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002.

12      It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq id-disinn Komunitarju rreġistrat bin-numru 53186-0001 (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”), ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2003, u li għalih intalbet il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157098, ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2003, u li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu ġiet ippubblikata f-1 ta’ Novembru 2003. Id-disinn preċedenti huwa rreġistrat għall-prodott li ġej, jiġifieri “Fojl [Disk] tal-metall għad-divertiment”. Huwa rrapreżentat kif ġej: 

Image not found

13      Il-motivi invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ dritt preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(d) tal-imsemmi regolament.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

15      Fit-18 ta’ Awwissu 2005, PepsiCo ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

16      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) annulla l-imsemmija deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Wara li ċaħad l-argument tar-rikorrenti dwar il-mala fide ta’ PepsiCo, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li d-disinn ikkontestat ma kienx f’kunflitt mad-dritt preċedenti tar-rikorrenti, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 ma kinux ġew sodisfatti.

17      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti marbuta mad-disinni inkwistjoni jaqgħu taħt kategorija partikolari ta’ oġġetti promozzjonali, jiġifieri it-“tazos” jew ir-“rappers”, u li, għaldaqstant, il-libertà tad-disinjatur responsabbli sabiex joħloq tali oġġetti promozzjonali kienet “ristretta b’mod serju”. Minn dan, il-Bord tal-Appell iddeduċa li d-differenza fil-profil tad-disinni inkwistjoni kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn jipproduċu impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent avżat.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2007, Grupo Promer ressqet rikors intiż sabiex tiġi annullata d-deċizjoni kkontestata u għall-kundanna tal-UASI u ta’ PepsiCo għall-ispejjeż.

19      Insostenn tar-rikors tagħha, Grupo Promer invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-mala fide ta’ PepsiCo u fuq interpretazzjoni restrittiva tar-Regolament Nru 6/2002, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ novità tad-disinn ikkontestat u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

20      Permezz tas-sentenza appellata, wara li ċaħdet l-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv u kkonstatat li, konsegwentement, ma kienx għad hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv tar-rikors.

21      It-tielet motiv tar-rikors kien maqsum f’erba’ partijiet.

22      L-ewwel nett, Grupo Promer ikkontestat id-definizzjoni tal-kategorija tal-prodotti kkonċernati bid-disinni inkwistjoni bħala “pogs”, “rappers” jew “tazos”, billi argumentat li dawn huma prodotti differenti. Skont Grupo Promer, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-kategorija ġenerali tal-oġġetti promozzjonali tad-divertiment.

23      Għaldaqstant, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodott inkwistjoni jaqa’, fi ħdan il-kategorija wiesgħa ta’ oġġetti promozzjonali tad-divertiment, taħt kategorija partikolari, li hija dik tal-biċċiet tal-logħob magħrufa bl-ismijiet ta’ “pogs”, ta’ “rappers” jew ta’ “tazos”.

24      It-tieni nett, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li d-disinn ikkontestat huwa relatat mal-kategorija ġenerali tal-oġġetti promozzjonali għad-divertiment, Grupo Promer ikkontestat, għaldaqstant, l-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat hija “ristretta b’mod serju”.

25      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ġustament qies li, fid-data tal-prijorità mitluba għad-disinn ikkontestat, il-libertà tad-disinjatur kienet “ristretta b’mod serju”, b’mod partikolari sa fejn fid-disinn tiegħu dan kellu jdaħħal dawn il-karatteristiċi komuni tal-prodotti inkwistjoni.

26      It-tielet nett, skont Grupo Promer, l-utent avżat huwa tifel jew tifla ta’ bejn madwar 5 sa 10 snin, u mhux direttur tal-marketing kif huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, tali direttur fl-industrija tal-ikel mhuwiex utent finali u għandu livell ta’ speċjalizzazzjoni ogħla minn dik ta’ sempliċi utent.

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet il-kunċett ta’ utent avżat fil-punt 62 tas-sentenza appellata u, fil-punti 64 u 65 tal-istess sentenza, ikkonkludiet li huwa ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, f’dan il-każ, mhuwiex importanti jekk l-utent avżat huwiex tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin jew jekk huwiex direttur tal-marketing ta’ kumpannija li timmanifattura prodotti li l-promozzjoni tagħhom hija żgurata bl-offerta ta’ “pogs”, ta’ “rappers” jew ta’ “tazos”, peress li dak li jgħodd huwa li ż-żewġ kategoriji ta’ persuni jafu bil-fenomenu tar-“rappers”.

28      Ir-raba’ nett, skont Grupo Promer, id-disinni inkwistjoni jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali, peress li, kuntrarjament għall-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi tal-profil tad-disinni inkwistjoni mhumiex evidenti, peress li l-iskoperta tagħhom teħtieġ attenzjoni partikolari u osservazzjoni attentiva tad-disk.

29      Dwar dan l-aspett, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat, il-Qorti Ġenerali, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, qieset li sa fejn ix-xebh bejn id-disinni inkwistjoni jirrigwarda karatteristiċi komuni, dan ix-xebh għandu ftit importanza fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mill-imsemmija disinni fuq l-utent avżat. Barra minn hekk, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent avżat.

30      Imbagħad, fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ħames similaritajiet li jeżistu bejn iż-żewġ disinni kunfliġġenti. It-tnejn li huma kienu jikkonsistu f’disks kważi ċatti b’ċirku konċentriku viċin ħafna tax-xifer, ċirku konċentriku li jinsab f’madwar terz tad-distanza bejn ix-xifer u ċ-ċentru tad-disk, xifer imqabbeż u kurvat meta mqabbel mal-parti intermedjarja tad-disk, li tinsab bejn ix-xifer u l-parti ċentrali elevata, kif ukoll xebh fil-proporzjonijiet rispettivi tal-parti ċentrali elevata u tal-parti intermedja tad-disk, li tinsab bejn ix-xifer u l-parti ċentrali elevata.

31      Wara li kkonstatat li l-ewwel similarità kienet karatteristika komuni għad-disinni relattivi għall-prodotti tat-tip ta’ dak inkwistjoni u li t-tieni similarità setgħet toħroġ minn restrizzjoni marbuta mar-rekwiżiti ta’ sigurtà imposti fuq id-disinjatur, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dawn is-similaritajiet ma jżommux l-attenzjoni tal-utent avżat fl-impressjoni ġenerali tad-disinni inkwistjoni.

32      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-aħħar tliet similaritajiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn kienu jikkonċernaw elementi li fir-rigward tagħhom kienet teżisti libertà għad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat u li konsegwentement, dawn kienu jiġbdu l-attenzjoni tal-utent avżat, u dan iktar u iktar meta l-uċuh ta’ fuq huma, f’dan il-każ, l-iktar viżibbli minn dan l-utent.

33      Fir-rigward tad-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni, fil-punt 83 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li meta wieħed iħares lejn id-disinn ikkontestat minn fuq, dan fih żewġ ċrieki konċentriċi iktar mid-disinn preċedenti u li mill-ġenb, iż-żewġ disinni huma differenti sa fejn id-disinn ikkontestat fih konvessità iktar qawwija, iżda madankollu din xorta tibqa’ dgħajfa ħafna.

34      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-differenzi kkonstatati mill-Bord tal-Appell ma kinux suffiċjenti sabiex id-disinn jipproduċi, fuq l-utent avżat, impressjoni ġenerali differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35      PepsiCo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kawża billi tiċħad it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil Grupo Promer għall-ispejjeż.

36      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tikkundanna lil Grupo Promer għall-ispejjeż.

37      Grupo Promer jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli u mhux fondat;

–        tikkundanna lil PepsiCo għall-ispejjeż ta’ dan l-appell;

–        tikkundanna lil PepsiCo u lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti minnha quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lil PepsiCo għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem l-UASI.

 Fuq l-appell

38      Insostenn tal-appell tagħha, PepsiCo tinvoka aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(d), tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-aggravju jinqasam f’ħames partijiet, fejn l-ewwel erbgħa jirrigwardaw żbalji diversi li twettqu mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-limiti għal-libertà tad-disinjatur, tal-kunċett ta’ utent avżat u tal-livell tal-attenzjoni tiegħu, tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u tal-possibbiltà li jsir paragun bejn il-prodotti iktar milli tad-disinni inkwistjoni, kif ukoll, l-aħħar parti tirrigwarda allegat żnaturament tal-fatti.

 Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku, dwar il-limiti għal-libertà tad-disinjatur

 L-argumenti tal-partijiet

39      PepsiCo ssostni li t-tliet similaritajiet identifikati mill-Qorti Ġenerali (forma ċirkulari ċentrali, xifer imqabbeż, proporzjonijiet) huma kollha dovuti għall-funzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni u huma karatteristiċi komuni għalihom, u dan jillimita l-libertà tad-disinjatur. Il-Qorti Ġenerali madankollu, matul il-paragun tagħha tad-disinni inkwistjoni, ma ħaditx dawn il-limiti inkunsiderazzjoni. Li jiġi deċiż li d-disinni inwistjoni jixxiebhu minħabba dawn il-karatteristiċi komuni preċiżi ma jfisser xejn iktar ħlief li Grupo Promer tingħata d-drittijiet esklużivi sabiex tisfrutta dawn il-karatteristiċi komuni, u dan ma jikkorrispondix mal-għan intiż mill-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002.

40      L-UASI jsostni li, anki kieku l-karatteristiċi bħalma huma l-forma tad-disk ċatt jew iż-żona ċentrali konvessa ma humiex imposti minn funzjoni teknika jew rekwiżiti legali, huma xorta waħda ddettati mil-limitazzjonijiet tas-suq, u b’hekk tiġi llimitata l-libertà tad-disinjatur.

41      L-atti tal-proċess juru li l-parti l-kbira – jekk mhux it-totalità – tal-“pogs” li kienu jeżistu fid-data ta’ prijorità tad-disinn ikkontestat għandhom ħotba ċentrali ċirkulari. Ir-raġuni ta’ dan hija li l-“pogs” li għandhom ħotba ċentrali li ma hijiex ċirkulari ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fuq il-maġġoranza assoluta ta’ “pogs” li għandhom din il-karatteristika.

42      Grupo Promer tqis li din il-parti tal-aggravju uniku hija inammissibbli peress li din kienet intiża li tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali mwettqa fis-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, PepsiCo essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-forma ċirkulari ċentrali, ix-xifer imqabbeż u l-proporzjonijiet simili tad-disinni inkwistjoni ma jirriżultawx minn limitazzjoni tal-libertà tad-disinjatur, filwaqt li effettivament dawn l-elementi ta’ xebh huma meħtieġa sabiex il-prodotti inkwistjoni jkunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom. Skont PepsiCo, din wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex b’mod żbaljat tevalwa l-impressjoni ġenerali prodotta minn kull wieħed mid-disinni kunfliġġenti.

44      PepsiCo għandha l-intenzjoni li tikkontesta evalwazzjoni ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma turi l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti u mingħajr ma tikkontesta la r-rilevanza tal-elementi li jiddefinixxu l-livell tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn bħalma huma dawk li ġew identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, jiġifieri b’mod partikolari r-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew minn element tal-prodott jew ir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodotti, u lanqas il-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali bbażat fuqha fil-punt 72 tal-imsemmija sentenza.

45      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali hija sempliċement kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-eżattezza fattwali tal-konstatazzjonjiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et, C-470/00 P, Ġabra p. I-4167, punt 40, u ġurisprudenza ċċitata).

46      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku, dwar il-kunċett ta’ utent avżat u dwar il-livell ta’ attenzjoni tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

47      PepsiCo tqis li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji mhux adegwati sabiex jiċħdu li d-disinni inkwistjoni jipproduċu impressjoni ġenerali differenti fuq l-“utent informat [avżat]”. Dan tal-aħħar la jikkorrispondi għall-konsumatur medju li jkun informat b’mod normali u attent u avżat b’mod raġonevoli kif iddefinit mid-dritt tat-trade marks u lanqas l-utent finali tal-prodotti inkwistjoni biss.

48      Min-naħa l-oħra, l-utent avżat kellu jiġi preżunt bħala li huwa kapaċi jqabbel id-disinni maġenb xulxin u, kuntrarjament għall-każ fid-dritt tat-trade marks, ma kellux jibbaża ruħu fuq “tifkira imperfetta”.

49      Kieku l-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji rilevanti, din kienet tikkonkludi li l-utent avżat kien faċilment jagħmel distinzjoni bejn id-disinni inkwistjoni grazzi għaż-żewġ differenzi l-iktar sinjifikanti fosthom, jiġifieri, l-ewwel nett, iż-żewġ ċirki konċentriċi addizzjonali viżibbli b’mod ċar fuq in-naħa ta’ fuq tad-disinn ikkontestat u, it-tieni nett, il-forma fit-tond ta’ dan tal-aħħar b’kuntrast mal-uniformità totali (minbarra x-xfar) tad-disinn preċedenti.

50      Barra minn hekk, PepsiCo tqis li l-utent avżat ma jiħux inkunsiderazzjoni l-“uċuh l-iktar viżibbli” ta’ disinn biss, fejn jikkonċentra fuq l-elementi li jista’ “jinnota faċilment” (punt 83 tas-sentenza appellata), iżda jkollu ċ-ċans li jeżamina d-disinn kollu kemm hu f’iktar dettall u li jqabblu mad-disinni preċedenti filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-libertà li jgawdi minnha d-disinjatur.

51      L-UASI jsostni wkoll li l-paragun għandu jkun ibbażat mhux fuq it-tifkira imperfetta tal-utent avżat, iżda fuq paragun dirett tad-disinni.

52      Grupo Promer tqis li din il-parti tal-aggravju uniku tikkonċerna wkoll kwistjoni ta’ fatt. Hija ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju li jikkonċerna d-dritt tat-trade marks bħalma huwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ disinni kunfliġġenti inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 6/2002 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ utent avżat. Madankollu, din il-frażi għandha tinftiehem, hekk kif l-Avukat Ġenerali ġustament osserva fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma joqgħodx jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem li jinkludi utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat.

54      Issa, għandu jiġi kkonstatat li huwa proprju dan il-kunċett intermedjarju li ntlaqa’ mill-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza appellata. Dan huwa muri permezz tal-konklużjoni li għamlet fil-punt 64 tas-sentenza appellata, fejn identifikat l-utent avżat rilevanti f’dan il-każ bħala li jista’ jkun tifel jew tifla ta’ madwar 5 sa 10 snin jew direttur tal-marketing ta’ kumpannija li timmanifattura prodotti li l-promozzjoni tagħhom hija żgurata billi jiġu offerti “pogs”, “rappers” jew “tazos”.

55      It-tieni nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa minnu li n-natura stess tal-utent avżat kif ġie ddefinit iktar ’il fuq timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett tad-disinni inkwistjoni. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li tali tqabbil ma jsirx jew ma huwiex normali li jsir fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi jew minħabba l-karatteristiċi tal-oġġetti li d-disinni inkwistjoni jirrappreżentaw.

56      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’mod effettiv li wettqet żball ta’ dritt minħabba l-fatt li wettqet evalwazzjoni tal-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti mingħajr ma telqet mill-premessa li utent avżat fi kwalunkwe eventwalità jagħmel paragun dirett tagħhom.

57      Dan huwa iktar u iktar minnu meta, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-evalwazzjoni tad-disinni eventwali għal tqabbil dirett.

58      Minn dan isegwi li l-użu mill-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata, tal-formulazzjoni li “l-utent informat [avżat] mhux ser jiftakar dan ix-xebh fl-impressjoni globali [ġenerali] tad-disinni inkwistjoni”, minkejja li, barra minn dan il-kuntest, hija tindika li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fuq metodu ta’ paragun indirett ibbażat fuq tifkira imperfetta, ma turi l-ebda żball ta’ liġi min-naħa tagħha.

59      It-tielet nett, fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, hemm lok li jitfakkar li, minkejja li dan ma huwiex il-konsumatur medju li jkun informat b’mod normali u attent u avżat b’mod raġonevoli li normalment jara disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx ezami tad-diversi dettalji tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punti 25 u 26), huwa lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tax-xogħol li kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. Barra minn hekk, il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, minħabba l-interess tiegħu għall-prodotti kkonċernati, jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom.

60      Barra minn hekk, l-użu tal-frażi “jinnota faċilment” fil-punt 83 tas-sentenza appellata għandha tinftiehem f’kuntest iktar wiesa’ milli bħala li hija biss preċiżazzjoni millimetrika li tikkonċerna l-livell ta’ konvessità ikbar fil-każ tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, billi l-Qorti Ġenerali qieset dan l-approċċ bħala wieħed korrett fir-rigward tad-definizzjoni tal-utent avżat, ma jistax jiġi dedott li l-frażi użata fl-imsemmi punt 83, hija waħedha, tfisser li l-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat ġie evalwat b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din it-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku, dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

 L-argumenti tal-partijiet

62      PepsiCo, billi tirreferi għal sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-varjetajiet tal-pjanti (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C-38/09 P Ġabra p. I-3209, punt 77), issostni li l-eżami ddettaljat tad-differenzi u x-xebh bejn id-disinni inkwistjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali mar lil hinn minn dak li hu mistenni minnha skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Għalhekk, PepsiCo ssostni li l-kwistjoni ta’ jekk għandux jiġi konkluż jekk teżistix impressjoni ġenerali simili jew le għandha titħalla għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

63      L-UASI jqis ukoll li, billi rrifjutat li tillimita ruħha għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn minn dak li jawtorizza l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 fil-qasam tad-disinni Komunitarji.

64      Grupo Promer tqis li l-argument ta’ PepsiCo ma huwiex fondat. Il-konstatazzjonijiet ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schräder vs CPVO, iċċitata iktar ’il fuq, irriżultaw mill-fatt li dan kien eżami tekniku u kumpless, filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna biss l-eżami tad-disinni bl-għan li jiġi ddeterminat in-nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami fil-fond tad-disinni inkwistjoni sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

66      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tagħmel stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni mwettqa mill-UASI fuq l-elementi ppreżentati minn min għamel it-talba (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, Ġabra p. I-0000, punt 52).

67      Ċertament, b’analoġija mas-sentenza Schräder vs CPVO, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti lill-UASI, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jiġi msejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet tekniċi ħafna, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni u tillimita ruħha, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ tagħha tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-qasam tad-disinni industrijali, għal eżami tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

68      Madankollu għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ma marritx lil hinn mill-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata li jikkorrispondi għas-setgha ta’ riforma li tibbenefika minnha bis-saħħa tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002.

69      Għalhekk, hemm lok li t-tielet parti tal-aggravju uniku tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku, dwar stħarriġ imwettaq fuq il-prodotti iktar milli fuq id-disinni inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

70      PepsiCo tqis li huwa żbaljat li wieħed jibbaża l-evalwazzjoni tad-disinni kunfliġġenti fuq paragun ta’ kampjuni ta’ prodotti reali ppreżentati mill-partijiet sabiex jillustraw l-approċċ tagħhom. B’mod partikolari, l-UASI ma għandu l-ebda ħtieġa, fil-kuntest ta’ tali rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jantiċipa azzjonijiet paralleli jew futuri eventwali ta’ ksur ibbażati fuq l-istess disinn preċedenti u l-istess disinn iktar reċenti kif użati fis-suq.

71      Grupo Promer tfakkar li l-kampjuni tal-prodotti wkoll kienu ġew eżaminati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mill-Bord tal-Appell. Konsegwentement, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-provi li kienu diġà fil-proċess hija kwistjoni ta’ fatt li ma tistax tkun il-bażi ta’ aggravju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-evalwazzjoni tagħha fuq il-livell ta’ konvessità tad-disinni inkwistjoni hija “ikkonfermat[a] mill-prodotti realment ikkummerċjalizzati, kif jidhru mill-atti tal-proċess tal-UASI mibgħuta lill-Qorti Ġenerali”.

73      Madankollu, sa fejn, fil-qasam tad-disinni, il-persuna li twettaq paragun tkun utent avżat li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 53 u 59 ta’ din is-sentenza, jiddistingwi ruħu minn sempliċi konsumatur medju, ma huwiex żbaljat li matul l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali tad-disinni inkwistjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati u li jikkorrispondu għal dawn id-disinni.

74      Fi kwalunkwe każ, mill-użu tal-verb “ikkonfermat” fil-punt 83 tas-sentenza appellata jirriżulta li effettivament, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjonijiet tagħha fuq id-disinni kunfliġġenti hekk kif deskritti u rrappreżentati fl-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni rispettivi, b’mod li l-paragun tal-prodotti reali ntuża biss għal skop ta’ illustrazzjoni sabiex jikkonferma l-konklużjonijiet li kienu diġà mfassla u ma setax jitqies bħala li jirrappreżenta l-bażi tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

75      Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku, dwar allegat żnaturament tal-fatti

 L-argumenti tal-partijiet

76      PepsiCo, sostnuta mill-UASI, issostni żnaturament tal-fatti min-naħa tal-Qorti Ġenerali billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li huwa irreali u kontra l-esperjenza komuni li wieħed jassumi li l-utent avżat jillimita l-perċezzjoni tiegħu tal-oġġett ikkunsidrat għal ħarsa “minn fuq” biss. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jeżamina d-disinni inkwistjoni minn fuq u fiċ-ċatt, wieħed jinnota d-differenzi li jiddistingwuhom minn xulxin immedjatament.

77      Grupo Promer tikkunsidra li l-allegat żnaturament tal-fatti mingħajr ma ssir l-ebda referenza għal żnaturament tal-evalwazzjoni tal-provi, tirrappreżenta argument li ma jistax ikun ta’ bażi għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-elementi li ġew ippreżentati quddiemha, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ lment dwar żnaturament, l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari jobbligaw lill-appellant sabiex jindika b’mod preċiż l-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u sabiex juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wassluha għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 50).

79      Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, PepsiCo essenzjalment tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkumparat id-disinni inkwistjoni “minn fuq” biss, filwaqt li injorat id-differenzi li kienu jkunu evidenti kieku wieħed ħares lejhom mill-profil. B’hekk, PepsiCo ma tindikax b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u lanqas ma turi l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-appellanti dwar dan is-suġġett ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-ħames parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

82      Billi l-apellanti tilfet il-partijiet kollha tal-aggravju uniku tagħha, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li PepsiCo tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Grupo Promer.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      PepsiCo Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top