EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0140

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-20 ta' Ottubru 2011.
Greenstar-Kanzi Europe NV vs Jean Hustin u Jo Goossens.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Regolament (KE) Nru 2100/94 kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 - Interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 - Prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti - Ftehim ta’ liċenzja - Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terzi - Ksur tal-ftehim ta’ liċenzja mill-persuna liċenzjata fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mat-terzi.
Kawża C-140/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-10075

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:677

Kawża C-140/10

Greenstar-Kanzi Europe NV

vs

Jean Hustin u Jo Goossens

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie)

“Regolament (KE) Nru 2100/94 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 — Interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 — Prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt Komunitarju dwar il-varjetajiet ta’ pjanti — Ftehim ta’ liċenzja — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terz — Ksur tal-ftehim ta’ liċenzja mill-persuna li għandha liċenzja fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mat-terz”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Proċediment għal vjolazzjoni ppreżentat minn proprjetarju jew mill-persuna li għandha liċenzja kontra terz li jkun kiseb il-materjal maħsud tal-varjetajiet protetti permezz ta’ persuna li għandha liċenzja oħra li tkun kisret il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-kuntratt ta’ liċenzja preċedentement konkluż mal-proprjetarju — Ammissibbiltà — Kundizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, kif emendat bir-Regolament Nru 873/2004, Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104)

L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 873/2004, moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna li għandha liċenzja tista’ tippreżenta proċediment għal vjolazzjoni kontra terz li jkun kiseb il-materjal permezz ta’ persuna li għandha liċenzja oħra li tkun kisret il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja li din l-aħħar persuna li għandha liċenzja tkun preċedentement ikkonkludiet mal-proprjetarju sa fejn il-kundizzjonijiet jew il-limiti inkwistjoni jkunu direttament dwar l-elementi essenzjali tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti kkonċernati li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-vjolazzjoni f’tali ipoteżi, ma huwiex importanti li t-terz li jkun wettaq atti fir-rigward tal-materjal mibjugħ jew mogħti kien informat jew kellu jkun informat bil-kundizzjonijiet jew bil-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja.

(ara l-punti 44, 49 u d-dispożittivi 1, 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Regolament (KE) Nru 2100/94 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 873/2004 – Interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 – Prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt Komunitarju dwar il-varjetajiet ta’ pjanti – Ftehim ta’ liċenzja – Proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra terz – Ksur tal-ftehim ta’ liċenzja mill-persuna li għandha liċenzja fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mat-terz”

Fil-Kawża C‑140/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Greenstar-Kanzi Europe NV

vs

Jean Hustin,

Jo Goossens,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u J.‑J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Greenstar-Kanzi Europe NV, minn N. Segers u K. Tielens, avukati,

–        għal J. Hustin u J. Goossens, minn H. Van Gompel u J. Hensen, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27, 94 u 104 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 873/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 178, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2100/94”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Green-Star Kanzi Europe NV (iktar ’il quddiem “GKE”) u J. Hustin u J. Goossens dwar allegat ksur, minn dawn tal-aħħar, tat-trade mark Kanzi u tal-varjetà tas-siġar Nicoter kif ukoll tat-trade mark u tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti relatati miegħu, minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tat-tuffieħ, minn J. Hustin u J. Goossens taħt it-trade mark Kanzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa erbatax tar-Regolament Nru 2100/94 jistabbilixxi:

“Billi, minħabba l-effett ta’ dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] ta[l-]varjet[ajiet] ta’ pjanti għandu jkun uniformi fil-Komunità kollha, tranżazzjonijiet kummerċjali suġġetti għall-ftehim tad-detentur [proprjetarju] għandhom ikun[u] magħmula [b’mod ċar]; billi l-iskop ta’ protezzjoni għandu jiġi estiż, meta mqabbel mal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, għal ċerti materjali tal-varjetà biex jagħti kont ta’ negozju minn pajjiżi barra l-Komunità mingħajr protezzjoni; billi, iżda, l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment tad-drittijiet għandu jassigura li l-protezzjoni ma tkunx eċċessiva”.

4        L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament jiddisponi:

“Il-persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu, it-tnejn li huma – il-persuna u s-suċċessur tiegħu – hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “dak li jkabbar”, ikunu ntitolati għad-dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti.

5        L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      [Id-]Dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi [l-proprjetarju jew il-proprjetarji] ta’ dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’ [‘proprjetarju’], ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur [tal-proprjetarju]:

a)      produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

b)      kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni [moltiplikazzjoni];

ċ)      toffri għall-bejgħ;

d)      bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

e)      esportazzjoni mill-Komunità;

f)      importazzjoni lejn il-Komunità;

g)      ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi (a) sa (f).

Id-detentur [Il-proprjetarju] jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur [il-proprjetarju] kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti ta’ varjetajiet”.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94:

“Id-drittijiet tal-Komunità [drittijiet Komunitarji ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti m’għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti […] li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur [proprjetarju] jew bil-kunsens tiegħu, f’kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal, sakemm dawk l-atti:

a)      jinvolvu aktar propagazzjoni [multiplikazzjoni] tal-varjetajiet in kwistjoni, ħlief meta dik il-propagazzjoni [multiplikazzjoni] kienet intiża [prevista] meta l-materjal kien ġie mogħti;

jew

b)      jinvolvi l-esportazzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet f’pajjiż terż li ma jipproteġix varjetajiet tal-ġeneru tal-pjanti jew ta’ l-ispeċi li għalihom tkun tappartjeni l-varjetà, ħlief meta l-materjal esportat ikun għall-għanijiet ta’ konsum finali”

7        L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      [Id-d]rittijiet tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti jistgħu jiffurmaw b’mod sħiħ jew in parti is-suġġett ta’ drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni [liċenzji] kontrattwalment mogħtija. Drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni [Dawn il-liċenzji] jistgħu jkunu esklużivi jew mhux esklużivi.

2.      Id-detentur [Il-proprjetarju] jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija bid-dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti kontra persuna li tkun tgawdi d-dritt ta’ l-esplojtazzjoni [l-liċenzja kuntrattwali] li tikser xi waħda mill-kondizzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet marbutin mad-dritt tagħha ta’ l-esplojtazzjoni [mal-liċenzja tagħha] bis-saħħa tal-paragrafu 1”.

8        L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Kull min:

a)      jaff[et]twa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità [dritt Komunitarju ta’ protezzjoni] tal-varjetajiet ta’ pjanti; jew

[…]

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur [mill-proprjetarju] biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.      Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur [lill-proprjetarju] għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skont il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur”.

9        L-Artikolu 104 tar-regolament imsemmi jiddisponi hekk:

“1.      Azzjonijiet għall-ksur tal-liġi jistgħu jinġiebu mid-detentur [mill-proprjetarju]. Persuni li jgawdu drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni jistgħu iressqu dawk l-azzjonijiet kemm-il darba dan ma jkunx espressament eskluż bi ftehim mad-detentur [mal-proprjetarju] fil-każ ta’ dritt esklussiv ta’ l-esplojtazzjoni jew mill-Uffiċċju bis-saħħa ta’ l-Artikoli 29 jew 100 (2).

2.      Kull persuna li tkun tgawdi drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni għandha, għall-għan li tikseb kumpens għad-danni sofferti minnha, tkun intitolata li tintervjeni f’azzjoni ta’ ksur ta’ liġi miġjuba mid-detentur [mill-proprjetarju].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Nicolaï NV (iktar ’il quddiem “Nicolaï”) hija l-proprjetarja, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2100/94, ta’ varjetà ġdida ta’ siġar tat-tuffieħ, jiġifieri l-varjetà Nicoter. Din tal-aħħar hija l-unika waħda li, peress li tissodisfa ċerti eżiġenzi ta’ kwalità, hija kkummerċalizzata taħt it-trade mark Kanzi. Sabiex tiġi evitata bidla fil-kwalità tal-imsemmija varjetà u trade mark, ġiet implementata sistema ekwivalenti għal netwerk ta’ distribuzzjoni selettiv, li jinvolvi speċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jimplikaw restrizzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tas-siġra, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-produzzjoni, il-konservazzjoni, l-għażla u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott.

11      It-talba li tikkonċerna l-varjetà tas-siġar tat-tuffieħ Nicoter, li ġiet ippreżentata fis-27 ta’ April 2001 minn Nicolaï, ġiet ippubblikata fil-15 ta’ Ġunju 2001 fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti.

12      Id-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti marbut ma’ din it-talba ngħata, minn Nicolaï, lil Better3fruit NV (iktar ’il quddiem “Better3fruit”) fit-3 ta’ Settembru 2002. Għaldaqstant Better3fruit hija l-proprjetarja tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti mogħti għas-siġar tal-varjetà Nicoter.

13      Better3fruit hija ukoll il-proprjetarja tat-trade mark tat-tuffieħ Kanzi.

14      Fis-sena 2003, Better3fruit u Nicolaï kkonkludew ftehim ta’ liċenzja li jippermetti lil Nicolaï li takkwista d-dritt esklużiv li tkabbar u tikkummerċjalizza s-siġar tat-tuffieħ tal-varjetà Nicoter. L-imsemmi kuntratt jipprovdi li Nicolaï “ma għandhiex tassenja u lanqas tbiegħ ebda prodott li huwa s-suġġett tal-liċenzja jekk ma jkunx ġie konkluż bil-miktub minn qabel ftehim ta’ liċenzja mal-kokontraent ikkonċernat, għat-tkabbir imsemmi fl-Anness 6 (għall-kokontraenti li jkabbru) jew ftehim ta’ liċenzja għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Anness 7 (għall-kokontraenti negozjanti)”.

15      Fl-24 ta’ Diċembru 2004, Nicolaï biegħet 7 000 siġra tat-tuffieħ tal-varjetà “Nicoter” lil J. Hustin. Fil-kuntest ta’ din it-transazzjoni, J. Hustin ma ntrabat b’ebda kundizzjoni partikolari dwar it-tkabbir tat-tuffieħ u dwar il-bejgħ tal-prodott maħsud.

16      Il-ftehim ta’ liċenzja konkluż fl-2003 bejn Better3fruit u Nicolaï ġie xolt fl-20 ta’ Jannar 2005. F’data li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux jaqblu dwarha, GKE kisbet, għas-siġar tat-tuffieħ tal-varjetà Nicoter, id-drittijiet ta’ użu esklużiv previsti mid-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti. B’hekk GKE kellha liċenzja minflok Nicolaï.

17      Fl-4 ta’ Diċembru 2007, ġie kkonstatat li J. Goossens kien qed ibigħ tuffieħ taħt it-trade mark Kanzi. Dan it-tuffieħ kien ġie fornit lilu minn J. Hustin.

18      Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, GKE ippreżentat proċediment għal vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti kontra J. Hustin u J. Goossens. Fid-29 ta’ Jannar 2008, il-president tar-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Belġju), fi proċeduri għal miżuri provviżorji, iddeċieda li kemm J. Hustin kif ukoll J. Goossens kienu kisru d-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti ta’ GKE.

19      Il-hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju) biddlet din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ April 2008. Filwaqt li qieset li effettivament Nicolaï ma kinitx irrispettat l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-ftehim tal-liċenzja, l-imsemmija qorti ddeċidiet li ma kienx hemm, fir-rigward ta’ J. Hustin u J. Goossens, vjolazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti ta’ GKE, peress li l-limiti stabbiliti fil-ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn Better3fruit u Nicolaï ma kinux japplikaw kontra J. Hustin u J. Goossens.

20      GKE appellat minn din is-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen quddiem il-qorti tal-kassazzjoni. Il-Hof van Cassatie, peress li kellha dubji dwar il-portata li għandha tingħata lir-regola tal-eżawriment kif stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:

“1.      L-Artikolu 94 tar-Regolament […] Nru 2100/94, […] moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tar-Regolament […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna liċenzjata tista’ tressaq azzjoni għal ksur ta’ liġi [proċedimenti ta’ vjolazzjoni] kontra kull persuna li twettaq atti fir-rigward ta’ materjal mibjugħ jew ittrasferit lil din tal-aħħar mill-persuna liċenzjata fil-każ fejn il-limiti stabbiliti fil-ftehim tal-liċenzja konkluż bejn il-persuna liċenzjata u l-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ tali materjal ma ġewx osservati?

2.      Jekk ir-risposta li tingħata tkun fl-affermattiv, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ksur, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-persuna li tkun wettqet l-atti msemmija iktar ’il fuq tkunx ġiet informata jew kellhiex tiġi informata bl-imsemmija limiti inklużi fil-ftehim tal-liċenzja?”

 Fuq id-domandi preliminari

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti jew il-persuna li għandha liċenzja jistax jippreżenta proċediment għal vjolazzjoni kontra terzi li jkunu kisbu l-materjal mingħand persuna li għandha liċenzja oħra mingħajr ma din tkun irrispettat, fil-kuntest tal-bejgħ tal-materjal, il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn il-proprjetarju u din il-persuna li għandha liċenzja.

22      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali hija unikament dwar il-punt li jsir magħruf jekk il-persuna li għandha liċenzja l-ġdida, jiġifieri GKE, tistax tibda proċediment għal vjolazzjoni kontra terzi, f’dan il-każ J. Hustin u J. Goossens, li kisbu l-materjal mingħand il-persuna li qabel kellha l-liċenzja, f’dan il-każ, Nicolaï, li, fil-kuntest tal-bejgħ ta’ dan il-materjal, kisret il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja li kien għamel, f’dak iż-żmien, mal-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti, jiġifieri Better3fruit.

23      Jekk l-ewwel ipoteżi invokata mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-fakultà, għall-proprjetarju, li jintroduċi hu stess tali proċediment għal vjolazzjoni kontra dawn it-terzi, ma tidhirx rilevanti, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża prinċipali, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżerva lill-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti d-dritt li jiġi ppreżentat proċediment għal vjolazzjoni.

24      Peress li d-dritt tal-persuna li għandha liċenzja li tippreżenta tali proċediment jiddependi minn dak tal-proprjetarju, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, għal-liema kundizzjonijiet preċiżi r-Regolament Nru 2100/94 jissuġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-proprjetarju.

25      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti stabbilita bir-Regolament Nru 2100/94, għandu jiġi rrilevat li dan jipprovdi għal diversi livelli ta’ protezzjoni u diversi mezzi ta’ rikors.

26      L-ewwel nett, teżisti protezzjoni “primarja” li tkopri l-kostitwenti tal-varjetajiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94. Il-materjal maħsud, min-naħa tiegħu, huwa s-suġġett ta’ protezzjoni “sekondarja”, li, għalkemm tissemma xorta fl-Artikolu 13(2), hija limitata ħafna bil-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Għaldaqstant, għalkemm il-kostitwenti tal-varjetajiet u l-materjal maħsud jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “materjal”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13(2), il-protezzjoni prevista għal dawn iż-żewġ kategoriji hija madankollu differenti.

27      It-tieni nett, ir-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi diversi possibbiltajiet ta’ rikors. Skont l-Artikolu 94(1) tiegħu, kull min jagħmel, mingħajr ma jkun awtorizzat, wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2), fir-rigward ta’ varjetà li għaliha jkun ingħata dritt Komunitarju tal-varjetajiet ta’ pjanti tista’ tkun is-suġġett ta’ proċediment għal vjolazzjoni.

28      F’dak li jikkonċerna b’mod iżjed partikolari l-ftehim ta’ liċenzja, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li l-proprjetarju jista’ jinvoka l-protezzjoni mogħtija mid-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti kontra persuna li jkollha liċenzja ta’ użu li tikser waħda mill-kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet marbuta mal-liċenzja tagħha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu.

29      Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedimenti ppreżentati mill-proprjetarji kontra l-persuna li għandha liċenzja u, min-naħa l-oħra, dawk ippreżentati kontra terza persuna li twettaq atti li jikkonċernaw il-materjal protett mingħajr ma tkun awtorizzata.

30      Fir-rigward tal-aħħar każ imsemmi, li huwa s-suġġett fil-kawża prinċipali, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 104(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi l-possibbiltà, għall-persuna li għandha liċenzja, li tippreżenta l-proċediment għal vjolazzjoni minflok il-proprjetarju. Għalhekk, GKE, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li għandha liċenzja, tista’ tippreżenta proċediment għal vjolazzjoni kontra J. Hustin u J. Goossens.

31      Madankollu, għandu jiġi osservat li, skont ir-regola msejjħa tal-“eżawriment”, li tinsab fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94, id-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti ma huwiex estiż għall-atti li jikkonċernaw il-materjal tal-varjetà protetta kemm jekk ikun ġie ċedut lil terzi mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu f’post kwalunkwe tal-Unjoni Ewropea, sakemm dawn l-atti ma jkunux jimplikaw jew multiplikazzjoni ulterjuri tal-varjetà inkwistjoni, ħlief jekk din il-multiplikazzjoni kienet prevista; meta ngħata l-materjal, jew esportazzjoni tal-kostitwenti tal-varjetajiet lejn pajjiż terz li ma jipproteġix il-varjetajiet tal-pjanti jew l-ispeċi veġetali li tagħmel parti minnha l-varjetà, bl-esklużjoni tal-każ fejn il-materjal esportat ikun intiż għall-konsum.

32      Minn dan l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94 kif ukoll mir-regola stabbilita fih jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, il-proċediment għal vjolazzjoni ppreżentat minn GKE, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li għandha liċenzja ġdida li taġixxi minflok il-proprjetarju, jiġifieri Better3fruit, kontra J. Hustin u J. Goossens, jista’ jsir biss fil-każ fejn id-dritt tal-proprjetarju ma jkunx ġie eżawrit.

33      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li Better3fruit u Nicolaï kkonkludew ftehim ta’ liċenzja li permezz tiegħu Better3fruit tat lil Nicolaï d-dritt esklużiv li tikkoltiva u tikkummerċjalizza s-siġar tat-tuffieħ tal-varjetà Nicoter kif ukoll l-użu tad-drittijiet relatati għal dawn tal-aħħar.

34      Dan il-ftehim ta’ liċenzja jinkludi kundizzjonijiet jew limiti li skonthom Nicolaï ma kellu d-dritt li jċedi l-ebda prodott li huwa s-suġġett tal-liċenzja mingħajr ma t-terz ikkonċernat jobbliga ruħu li josserva l-imsemmija kundizzjonijiet jew limiti.

35      Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-elementi esposti fiż-żewġ punti preċedenti, id-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti ġiex eżawrit.

36      Il-portata tal-prinċipju ta’ eżawriment, kif stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94, għadha ma kinitx is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni li ssir taf jekk, madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata ta’ dan il-prinċipju tal-eżawriment fil-qasam tad-dritt tat-trade marks hijiex applikabbli b’analoġija.

38      Minn din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-proprjetarju ta’ trade mark u l-liċenzjat tiegħu, jirriżulta li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark ta’ liċenzjat għandha tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, li saret bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, Ġabra p. I‑3421, punt 46).

39      Madankollu, skont din l-istess ġurisprudenza, il-ftehim ta’ liċenzja ma huwiex ekwivalenti għal kunsens assolut u inkundizzjonat tal-proprjetarju għall-kummerċjalizzazzjoni, mill-persuna li għandha liċenzja, tal-prodotti li jaqgħu taħt din it-trade mark (ara s-sentenza Copad, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

40      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti, l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi espressament il-possibbiltà, għall-proprjetarju, li jinvoka d-drittijiet li din il-protezzjoni tipprovdilu kontra persuna li għandha liċenzja meta din tal-aħħar tikser waħda mill-klawsoli tal-ftehim ta’ liċenzja.

41      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċediment għal vjolazzjoni kontra terzi msemmi fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa (14) ta’ dan l-istess regolament li tipprovdi li l-protezzjoni li jgawdi minnha l-proprjetarju ma hijiex eċċessiva. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur ta’ kwalunkwe klawżola tal-ftehim tal-liċenzja ma jistax ikollu l-konsegwenza li jonqos dejjem il-kunsens tal-proprjetarju. B’mod partikolari, dan il-kunsens ma jistax jiġi kkunsidrat bħala nieqes fl-ipoteżi fejn il-persuna li għandha liċenzja tikser dispożizzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja li ma jaffettwax il-kunsens għall-kummerċjalizzazzjoni u għalhekk lanqas l-eżawriment tad-dritt tal-proprjetarju.

42      Peress li l-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludiex il-kopji tal-Annessi 6 u 7 tal-ftehim, li jsir riferiment għalih fil-klawżola kkonċernata tal-imsemmi kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tiddeterimina t-tip ta’ dispożizzjoni hija kkonċernata fil-kawża prinċipali. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkwalifika, abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-kawża li jkollha quddiemha, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ liċenzja inkwistjoni.

43      Għalkemm il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-materjal protett kien mogħti mill-persuna li għandha liċenzja bi ksur ta’ kundizzjoni jew limitu li jinsab fil-ftehim ta’ liċenzja u kien direttament relatat mal-elementi essenzjali tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjonijiet tal-varjetajiet tal-pjanti, għandu jiġi konkluż li dan l-għoti tal-materjal, mill-persuna li għandha liċenzja lil terzi, sar mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, b’mod li d-dritt ta’ dan tal-aħħar ma ġiex eżawrit. Min-naħa l-oħra, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali ta’ natura oħra fil-ftehim ta’ liċenzja ma jipprekludix l-eżawriment tad-dritt tal-proprjetarju.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tal-imsemmi regolament, f’kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna li għandha liċenzja tista’ tippreżenta proċediment għal vjolazzjoni kontra terz li jkun kiseb il-materjal permezz ta’ persuna li għandha liċenzja oħra li tkun kisret il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja li din l-aħħar persuna li għandha liċenzja tkun preċedentement ikkonkludiet mal-proprjetarju sa fejn il-kundizzjonijiet jew il-limiti inkwistjoni jkunu direttament dwar l-elementi essenzjali tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti kkonċernat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-vjolazzjoni, huwiex importanti li jiġi determinat jekk it-terz li jwettaq atti fir-rigward tal-materjal mibjugħ jew mogħti kienx ġie informat jew kellux jiġi informat bil-kundizzjonijiet jew limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom il-proprjetarju tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti jista’ jippreżenta proċediment għal vjolazzjoni, sabiex jikseb jew il-waqfien tal-vjolazzjoni jew il-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa jiġifieri kumbinazzjoni taż-żewġ tipi ta’ ħlas għal dannu.

47      Il-paragrafu (2) ta’ dan l-istess artikolu jelenka l-każijiet fejn il-proprjetarju jista’, barra minn hekk, jippreżenta proċediment kontra l-awtur ta’ vjolazzjoni sabiex jikseb ħlas għad-dannu kkawżat minn din il-vjolazzjoni. Sabiex il-proprjetarju jkun jista’ jitlob tali ħlas għal dannu subit, l-awtur tal-vjolazzjoni għandu, skont l-imsemmi paragrafu (2), jkun aġixxa b’mod intenzjonat jew b’negliġenza. F’każ ta’ negliġenza ħafifa, id-dritt għal ħlas għal dannu tal-proprjetarju jista’ bħala prinċipju jitnaqqas bħala konsegwenza.

48      Il-paragun tal-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ paragrafi juri li fil-paragrafu 1 kwalunkwe element suġġettiv huwa nieqes. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li elementi suġġettivi, bħall-konoxxenza ta’ kundizzjonijiet jew limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja, ma għandhom l-ebda rwol għall-evalwazzjoni ta’ vjolazzjoni u ta’ dritt ta’ azzjoni kontra l-awtur ta’ tali ksur.

49      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda mressqa għandha tkun li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-vjolazzjoni, ma huwiex importanti li terz li jkun wettaq atti fir-rigward tal-materjal mibjugħ jew mogħti kien informat jew kellu jkun informat bil-kundizzjonijiet jew bil-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 873/2004, tad-29 ta’ April 2004, moqri flimkien mal-Artikoli 11(1), 13(1) sa (3), 16, 27 u 104 tal-imsemmi regolament, f’kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju jew il-persuna li għandha liċenzja tista’ tippreżenta proċediment għal vjolazzjoni kontra terz li jkun kiseb il-materjal permezz ta’ persuna li għandha liċenzja oħra li tkun kisret il-kundizzjonijiet jew il-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja li din l-aħħar persuna li għandha liċenzja tkun preċedentement ikkonkludiet mal-proprjetarju sa fejn il-kundizzjonijiet jew il-limiti inkwistjoni jkunu direttament dwar l-elementi essenzjali tad-dritt Komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti kkonċernat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa.

2)      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-vjolazzjoni, ma huwiex importanti li terz li jkun wettaq atti fir-rigward tal-materjal mibjugħ jew mogħti kien informat jew kellu jkun informat bil-kundizzjonijiet jew bil-limiti li jinsabu fil-ftehim ta’ liċenzja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top