Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0511

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015.
    Niki Luftfahrt GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Awstrija favur il-grupp Austrian Airlines — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet — Privatizzazzjoni tal-grupp Austrian Airlines — Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà.
    Kawża T-511/09.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:284

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    13 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Awstrija favur il-grupp Austrian Airlines — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet — Privatizzazzjoni tal-grupp Austrian Airlines — Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà”

    Fil-Kawża T‑511/09,

    Niki Luftfahrt GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn H. Asenbauer u A. Habeler, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Martenczuk u K. Gross, bħala aġenti, assistiti minn G. Quardt, avukat, sussegwentement minn B. Martenczuk u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn G. Quardt u J. Lipinsky, avukati,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti,

    minn

    Deutsche Lufthansa AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, H. Ehlers u M. Rosenberg, sussegwentement minn H.-J. Niemeyer, H. Ehlers, C. Kovács u S. Völcker, avukati,

    minn

    Austrian Airlines AG, stabbilita fi Vjenna, inizjalment irrappreżentata minn H.‑J. Niemeyer, H. Ehlers u M. Rosenberg, sussegwentement minn H.‑J. Niemeyer, H. Ehlers u C. Kovács, avukati,

    u minn

    Österreichische Industrieholding AG, stabbilita fi Vjenna rrappreżentata minn T. Zivny, P. Lewisch u H. Kristoferitsch, avukati,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/137/KE, tat-28 ta’ Awwissu 2009, Għajnuna mill-Istat C 6/09 (ex N 663/08) – Awstrija Austrian Airlines – Pjan għall-istrutturar mill-ġdid [ristrutturazzjoni] (ĠU 2010, L 59, p. 1) li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija favur il-grupp Austrian Airlines fil-kuntest tal-akkwist ta’ din tal-aħħar mill-grupp Lufthansa,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

    komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Il-grupp Austrian Airlines (iktar ’il quddiem “Austrian Airlines”) huwa kompost minn tliet impriżi: Austrian Airlines Österreichische Luftverkehrs AG, kumpannija tal-ajru li għandha ċentru ta’ attività ta’ trasport stabbilita fl-1957, Tiroler Luftfahrt GesmbH, sussidjarja reġjonali stabbilita fl-1978, u Lauda Air Luftfahrt GmbH, kumpannija għall-kiri tal-ajruplani stabbilita fl-1979. Austrian Airlines hija trasportatur bl-ajru li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fi Vjenna (l-Awstrija) u li ċ-ċentri ta’ attività tagħha huma l-ajruport internazzjonali ta’ Vjenna u l-ajruport ta’ Innsbruck (l-Awstrija). Austrian Airlines hija membru tal-iStar Alliance. Ir-Repubblika tal-Awstrija kellha 41.56 % mill-ishma ta’ Austrian Airlines permezz tal-holding pubbliku Österreichische Industrieholding AG (iktar ’il quddiem l-“ÖIAG”) u kienet, għalhekk, l-azzjonista maġġoritarja ta’ Austrian Airlines.

    2

    Ir-rikorrenti, Niki Luftfahrt GmbH, hija kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak stabbilita fi Vjenna li topera kumpannija tal-ajru magħrufa bl-isem “flyniki” jew “Niki”. Hija topera minn Vjenna, minn Linz (l-Awstrija), minn Salzburg (l-Awstrija), minn Graz (l-Awstrija) u minn Innsbruck fejn hija tipprovdi, b’mod partikolari, titjiriet lejn l-Ewropa kollha u lejn l-Afrika ta’ Fuq. Fid-data tal-preżentata tar-rikors il-Privatstiftung Lauda (fondazzjoni privata Lauda) kellha 76 % tal-ishma tar-rikorrenti filwaqt li l-24 % l-oħra kienu miżmuma mit-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru Ġermaniża, l-Air Berlin.

    3

    Austrian Airlines ilha għal dawn l-aħħar snin taffaċċja diffikultajiet finanzjarji serji. Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet fit-12 ta’ Awwissu 2008 l-Gvern Federali Awstrijak ta’ mandat ta’ privatizzazzjoni li jawtorizza lill-ÖIAG tbigħ l-ishma kollha li hija għandha f’Austrian Airlines. Fid-29 ta’ Ottubru 2008, il-mandat ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    4

    Fit-13 ta’ Awwissu 2008 l-ÖIAG ippubblikat notifikazzjonijiet fl-istampa Awstrijaka u fl-istampa internazzjonali, li fihom stiednet lill-investituri potenzjali sabiex juru l-interess tagħhom fl-akkwist tal-ishma li hija kellha fl-Austrian Airlines. L-offerenti setgħu jikkomunikaw l-interess tagħhom sal-24 ta’ Awwissu 2008. B’kollox tnax-il investitur iddikjaraw l-interess tagħhom.

    5

    Fit-28 ta’ Awwissu 2008 l-investituri potenzjali ġew informati li kellhom sat-12 ta’ Settembru 2008 sabiex jippreżentaw pjan għall-akkwist. Il-pjan kellu jkun kompost minn informazzjoni dwar l-offerent, pjan strateġiku għal Austrian Airlines, proposta dwar l-istruttura tan-negozjati, informazzjoni dwar il-finanzjament ippjanat u xi informazzjoni addizzjonali dwar il-kontenut tal-kuntratt (garanziji). Ġew ippreżentati biss tliet pjanijiet għall-akkwist rispettivament minn Air France-KLM, Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u t-trasportatur Russu S7.

    6

    Fis-16 ta’ Settembru 2008, it-tliet impriżi li ppreżentaw pjan għall-akkwist intalbu jippreżentaw l-offerta finali tagħhom, mingħajr indikazzjoni tal-prezz tax-xiri, sa mhux iktar tard mil-21 ta’ Ottubru 2008, u l-offerta finali tagħhom, b’indikazzjoni tal-prezz tax-xiri, sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Ottubru 2008.

    7

    Fil-21 ta’ Ottubru 2008, kienet biss Lufthansa li ppreżentat offerta flimkien ma kuntratt u pjan strateġiku mingħajr indikazzjoni tal-prezz, skont kif kien intalab. Fl-24 ta’ Ottubru 2008 Lufthansa ppreżentat offerta vinkolanti b’indikazzjoni tal-prezz li hija kienet lesta li tħallas għall-akkwist tal-ishma li ÖIAG kellha f’Austrian Airlines.

    8

    L-offerta għall-akkwist kienet tipprevedi dan li ġej:

    Lufthansa tħallas lill-ÖIAG prezz tax-xiri ta’ EUR 366 268.75;

    ÖIAG tirċievi ċertifikat ta’ debitur li, fil-każ ta’ titjib fl-andament tal-kumpannija, jista’ jagħti dritt għal ħlas addizzjonali li jista’ jammonta sa EUR 162 000 000.

    ÖIAG, permezz ta’ entità bi skopijiet speċjali, għandha tħallas sussidju ta’ EUR 500 000 000 li għandu jintuża għal żieda fil-kapital tal-Austrian Airlines.

    9

    Fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ debitur, kien previst li, tliet snin wara l-għeluq jew sa mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tar-rapport finanzjarju għall-perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2011, ÖIAG għandha tirċievi ammont addizzjonali li jista’ jilħaq l-EUR 162 000 000.

    10

    L-ishma ta’ Austrian Airlines miżmuma minn ÖIAG kellhom jinxtraw minn Österreichische Luftverkehrs-Holding-GmbH, li kienet miżmuma rispettivament għal 49.8 % minn Österreichische Luftverkehrs-Beteiligungs-GmbH, li min-naħa tagħha kienet miżmuma 100 % minn Lufthansa, u għal 50.2 % minn Österreichische Luftverkehrs-Privatstiftung, fondazzjoni rregolata mid-dritt Awstrijak li l-fundatur tagħha hija Österreichische Luftverkehrs-Beteiligungs.

    11

    B’mod parallel għal din it-tranżazzjoni, Österreichische Luftverkehrs-Holding GmbH kellha tixtri l-ishma l-oħra kollha ta’ Austrian Airlines permezz ta’ offerta għax-xiri jew operazzjoni ta’ “squeeze out” sabiex tikseb il-proprjetà tal-ishma kollha ta’ din tal-aħħar.

    12

    Il-Bord ta’ Sorveljanza ta’ Lufthansa approva t-tranżazzjoni fit-3 ta’ Diċembru 2008 u dak ta’ ÖIAG approvaha fil-5 ta’ Diċembru 2008.

    13

    Fil-21 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-miżuri dwar il-pjan ta’ bejgħ tal-holding tagħha f’Austrian Airlines.

    14

    B’mod parallel, fid-19 ta’ Diċembru 2008 r-Repubblika tal-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni d-deċiżjoni tagħha li tagħti lill-Austrian Airlines għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ garanzija ta’ 100 % sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tikseb finanzjament fil-forma ta’ self ta’ EUR 200 000 000.

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 72/08, Austrian Airlines – Għajnuna għas-salvataġġ, il-Kummissjoni awtorizzat din l-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ garanzija, li kellha tieqaf ladarba l-Kummissjoni tasal għal-deċiżjoni finali dwar l-għajnuna nnotifikata fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ jew tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

    16

    Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Awstrija d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-miżuri ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija intiżi sabiex tittrasferixxi l-ishma li hija għandha f’Austrian Airlines.

    17

    Fil-11 ta’ Marzu 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    18

    Fl-istess jum, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet interessati ssejħu sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom (ĠU 2009, C 57, p. 8).

    19

    F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni l-ewwel nett indikat li hija kellha tiddetermina jekk il-prezz imħallas minn Lufthansa għall-holding ta’ ÖIAG f’Austrian Airlines kienx jikkorrispondi għall-prezz tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet id-dubji li hija kellha dwar in-natura miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet tal-bejgħ u dwar il-valur taċ-ċertifikat ta’ debitur. Il-Kummissjoni indikat li, fil-każ fejn l-ammont imħallas għal Austrian Airlines ma jikkorrispondix għall-prezz tas-suq, id-differenza bejn l-ammont imħallas u l-prezz tas-suq kellha titqies li hija għajnuna mill-Istat.

    20

    Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha teżamina d-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li tgħid li l-ammont imħallas minn Lufthansa ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba li kull xenarju alternattiv kien ikun jinvolvi spejjeż ogħla għal ÖIAG.

    21

    Fl-aħħar nett, peress li r-Repubblika tal-Awstrija pproponiet pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha tqis li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni indikat li hija kellha tivverifika jekk l-imsemmi pjan kienx kompatibbli mal-komunikazzjoni tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2004 dwar il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas- salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2004”) u mal-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Diċembru 1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU C 350, p. 5) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni”).

    22

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand partijiet interessati, fosthom dawk tar-rikorrenti, u bagħtithom lir-Repubblika tal-Awstrija fil-15 ta’ April 2009.

    23

    Fit-8 ta’ Mejju 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti tal-partijiet interessati.

    24

    Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ pjan ta’ amalgamazzjoni li permezz tiegħu Lufthansa kellha tikseb il-kontroll esklużiv ta’ Austrian Airlines.

    25

    Fuq talba tar-Repubblika tal-Awstrija, fis-7 u fit-18 ta’ Mejju 2009 nżammew laqgħat dwar il-privatizzazzjoni ta’ Austrian Airlines. Wara dawn il-laqgħat, l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni ġiet ikkomunikata fit-22 u fit-18 ta’ Ġunju 2009.

    26

    Fit-28 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/137/KE Għajnuna mill-Istat C 6/2009 (ex N 663/08) – Awstrija Austrian Airlines – Pjan għall-istrutturar mill-ġdid [ristrutturazzjoni] (ĠU 2010, L 59, p. 1), li tiddikjara l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lil Austrian Airlines kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    27

    Wara li stiednet lir-Repubblika tal-Awstrija tindikalha, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, li jadatta ċerti Regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu ta’ oġġetti, il-moviment liberu ta’ persuni, il-liġi dwar il-kumpanniji, il-politika dwar il-kompetizzjoni, l-agrikoltura (inkluż il-leġiżlazzjoni veterinarja u fitosanitarja), il-politika dwar it-trasport, it-tassazzjoni, l-istatistika, l-enerġija, l-ambjent, il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629), l-informazzjoni li hija kienet tqis bħala koperta mill-obbligu tal-osservanza tas-sigriet professjonali, fid-9 ta’ Marzu 2010 il-Kummissjoni ppubblikat, skont l-Artikolu 26(3) tal-istess regolament, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    28

    Fit-28 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni C (2009) 6690 finali (Każ COMP/M.5440 – Lufthansa/Austrian Airlines), li tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE, bla ħsara għall-osservanza tal-impenji proposti, il-konċentrazzjoni ta’ impriżi intiża sabiex Lufthansa tikseb il-kontroll esklużiv tal-grupp Austrian Airlines, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 16, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni”).

    29

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-prezz tax-xiri mħallas minn Lufthansa lil ÖIAG bħala korrispettiv għall-ishma li din tal-aħħar kellha f’Austrian Airlines kien jikkorrispondi għal prezz negattiv, sa fejn dan kien jirriżulta mid-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tas-sussidju mħallas favur Austrian Airlines u, min-naħa l-oħra, l-ammont taċ-ċertifikat ta’ debitur kif ukoll dak imħallas għax-xiri tal-ishma ta’ ÖIAG. Wara li eżaminat il-valur tal-ishma li ÖIAG kellha f’Austrian Airlines, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz negattiv propost minn Lufthansa kien jikkorrispondi għall-prezz tas-suq u konsegwentement ma setgħax jitqies li huwa għajnuna favur Lufthansa.

    30

    Il-Kummissjoni madankollu fakkret li, meta impriża tinbiegħ minn Stat bi prezz negattiv, il-fatt li dan il-prezz jikkorrispondi għall-prezz tas-suq ma huwiex kriterju suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-Istat aġixxa bħala investitur li jopera f’ekonomija tas-suq u li ma ngħatat ebda għajnuna mill-Istat. Tali investitur għandu effettivament iqabbel il-prezz tas-suq negattiv mal-ispiża li huwa jkollu jsostni fil-kuntest ta’ soluzzjonijiet oħra. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ, il-falliment ta’ Austrian Airlines, li ma kien ikun jinvolvi l-ebda spiża għall-Istat, kien jirrappreżenta għażla iktar vantaġġuża għal dan tal-aħħar milli l-bejgħ tal-holding li huwa kellu f’Austrian Airlines bi prezz negattiv. Il-Kummissjoni konsegwentement qieset li l-ammont totali tal-prezz negattiv kellu jitqies li huwa riżorsi pubbliċi mogħtija lil Austrian Airlines u li l-għoti ta’ dawn ir-riżorsi, imputabbli lill-Istat, lil impriża f’kompetizzjoni ma trasportaturi bl-ajru oħra tal-Komunità, kellu effett ħażin fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u kien għalhekk jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    31

    Wara li eżaminat l-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li din kienet tikkostitwixxi, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet u sakemm il-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat lill-Kummissjoni jkun ġie implementat b’mod sħiħ, għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE.

    32

    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

    “Artikolu 1

    L-għajnuna għall-istrutturar mill-ġdid [ristrutturazzjoni] li ngħatat mill-Awstrija għall-benefiċċju tal-Austrian Airlines soġġetta għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont l-Artikolu 87(3)(c) [...] KE hija konformi mas-Suq Komuni, jekk il-pjan għall-istrutturar mill-ġdid innotifikat lill-Kummissjoni jiġi implimentat kollu kemm hu.

    Artikolu 2

    1.   L-Awstrija tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex qabel l-aħħar tas-sena 2010, l-Austrian Airlines tnaqqas il-kapaċità sħiħa tagħha fil-kilometri ta’ trasport offruti għal 15 % tal-livell ta’ Jannar tal-2008. B’konnessjoni ma’ dan, it-tkabbir fil-kapaċità tal-Austrian Airlines għall-medja tar-rata ta’ tkabbir determinata għal intrapriżi tal-avjazzjoni membri tal-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej [(Association of European Airlines)] jiġi limitat. Din il-limitazzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-aħħar tas-sena 2015 jew jekk dan ikun il-każ qabel din id-data sakemm l-Austrian Airlines tilħaq dħul stabbli qabel l-interessi u t-taxxi (stat li fih la jsir qligħ u lanqas telf).

    2.   L-Awstrija tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex sat-30 ta’ Settembru 2009, l-Austrian Airlines tnaqqas l-ishma tagħha fix-Schedule Coordination Austria GmbH għal 25 % u li la l-Ajruport ta’ Vjenna AG u lanqas kwalunkwe parti oħra li hija kkontrollata mill-Austrian Airlines jew mill-Ajruport ta’ Vjenna AG ma jkollha l-maġġoranza tal-ishma fix-Schedule Coordination Austria wara dan il-proċess għall-istrutturar mill-ġdid.

    3.   L-Awstrija tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex il-kundizzjonijiet mid-Deċiżjoni dwar l-amalgamazzjoni ta’ intrapriżi COMP/M.5440 — Lufthansa/Austrian Airlines jiġu ssodisfati.

    4.   L-Awstrija tħassar ftehimiet bilaterali dwar trasport bl-ajru li ma fihomx il-klawsola dwar in-nomenklatura tal-Komunità, jew tinnegozja mill-ġdid magħhom skont ir-Regolamenti (KE) Nru 847/2004. L-Awstrija tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li hija ħadet sabiex tiggarantixxi l-konformità ta’ dawn it-tip ta’ ftehimiet mal-Liġi tal-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam mar-rikonoxximent tan-nomenklatura tal-Komunità.

    5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Awstrija tissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar il-progress u l-ġestjoni tal-pjan għall-istrutturar mill-ġdid kif ukoll dwar il-miżuri meħuda, li permezz tagħhom l-ishma tal-Austrian Airlines fix-Schedule Coordination Austria GmbH jiġu mnaqqsa. Sal-31 ta’ April 2010, l-Awstrija tikkomunika l-progress li sar għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 2(4). Kull sena l-Awstrija tissottometti rapporti lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan għall-istrutturar mill-ġdid kif ukoll dwar ir-rati ta’ tkabbir fil-kapaċità għal kull sena sal-2015.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Awstrijaka.”

    Il-proċedura

    33

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ressqet, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, din il-kawża.

    34

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ April 2010, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2010, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba tar-Repubblika tal-Awstrija sabiex tintervjeni.

    35

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2010, Lufthansa u Austrian Airlines talbu sabiex jitħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    36

    Permezz ta’ att ippreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2010, ÖIAG talbet sabiex titħalla tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

    37

    Permezz ta’ att ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

    38

    Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil dik l-Awla fis-27 ta’ Settembru 2010.

    39

    Permezz ta’ att ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija.

    40

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Awstrija ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u dwar it-talba għal miżuri istruttorja ppreżentati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Awstrija.

    41

    B’digriet tad-29 ta’ Novembru 2010, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta l-interventi ta’ Lufthansa, ta’ Austrian Airlines u ta’ ÖIAG.

    42

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2011, Lufthansa, Austrian Airlines u ÖIAG ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

    43

    Permezz ta’ att ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ta’ Lufthansa, ta’ Austrian Airlines u ta’ ÖIAG.

    44

    Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil dik l-Awla fis-16 ta’ Mejju 2012.

    45

    Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Lulju 2012 dwar miżura istruttorja fir-rigward tal-produzzjoni ta’ dokumenti, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kienet qed tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tar-rikorrenti minħabba li dawn kienu msejsa fuq informazzjoni ddettaljata li ma kinitx tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni nett, li r-rikorrenti kienet ehmżet mar-rikors tagħha l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, it-tielet nett, li l-informazzjoni mħassra mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarja sabiex id-deċiżjoni tinftiehem tajjeb u, għaldaqstant, kienet neċessarja wkoll sabiex tingħata deċiżjoni għat-tilwima, ordnat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċi l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, kif kienet ġiet innotifikata lid-destinatarja tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija. Fid-digriet kien hemm speċifikament indikat li l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata la kellha tiġi kkomunikata lir-rikorrenti u lanqas lill-partijiet l-oħra fil-proċedura, ħlief lir-Repubblika tal-Awstrija li diġà kienet id-destinatarja tagħha, f’dan l-istadju tal-proċedura. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba fil-25 ta’ Lulju 2012.

    46

    Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali stiednet, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, lir-rikorrenti tispeċifika jekk kellhiex aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, kif innotifikata lir-Repubblika tal-Awstrija. Ir-rikorrenti rrispondiet fl-affermattiv għal din il-mistoqsija fis-26 ta’ Lulju 2012.

    47

    Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi mistoqsijiet lill-partijiet fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 64(3)(b) u (ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

    48

    L-ewwel nett, filwaqt li kkonstatat li l-informazzjoni ddettaljata indikata fir-rikors, li ma tinsabx fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kienet tinsab fil-verżjoni sħiħa ta’ din id-deċiżjoni, u li r-rikorrenti kienet ikkonfermat li kellha għarfien tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprepara r-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tikkompleta d-difiża tagħha u tesprimi ruħha dwar il-motivi, l-ilmenti u l-argumenti kollha żviluppati fl-imsemmi rikors u li fir-rigward tagħhom hija kienet għadha ma ħaditx pożizzjoni minħabba li, billi tagħmel dan, hija kienet tikser l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE.

    49

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tindika jekk, u sa fejn, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha li tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata setgħetx titneħħa fir-rigward tar-rikorrenti u tal-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża. Fil-każ li l-Kummissjoni tkun tixtieq iżomm il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni kollha, hija ntalbet timmotiva ż-żamma tat-trattament kunfidenzjali għal kull element allegatament kunfidenzjali sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tadotta deċiżjoni f’dan ir-rigward abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    50

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lill-intervenjenti jagħtu l-opinjoni motivata tagħhom dwar in-natura kunfidenzjali tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata.

    51

    Ir-Repubblika tal-Awstrija u ÖIAG rrispondew għall din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, rispettivament, fl-14 u fit-18 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni, Austrian Airlines u Lufthansa min-naħa tagħhom irrispondew fid-19 ta’ Marzu 2013.

    52

    Peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha, fir-risposta tagħha tad-19 ta’ Marzu 2013, sabiex tiġġustifika ż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, li ssemmi r-rifjut tar-Repubblika tal-Awstrija li tneħħi l-kunfidenzjalità tal-imsemmija deċiżjoni, fit-18 ta’ Lulju 2013 il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 64(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, tindika r-raġunijiet li wassluha taċċetta t-talba ta’ kunfidenzjalità tar-Repubblika tal-Awstrija għal kull element allegatament kunfidenzjali tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, billi tispeċifika l-kriterji applikati sabiex tiddeċiedi li din kienet informazzjoni li tista’ tkun koperta mis-sigriet professjonali, b’mod partikolari fis-sens tal-Komunikazzjoni C(2003) 4582, tal-1 ta’ Diċembru 2003, dwar is-siġriet professjonali fid-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, p. 6). Il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fid-19 ta’ Settembru 2013.

    53

    Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fl-1 ta’ Ottubru 2013.

    54

    Fl-14 ta’ Novembru 2013, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet li tibgħatha lura quddiem il-Kummissjoni u adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġdida li permezz tagħha stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni ġdida tad-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kellha tħassar biss l-informazzjoni kunfidenzjali li ma kinitx imsemmija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, sabiex din tiġi kkomunikata lill-partijiet l-oħra fil-proċedura.

    55

    Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni rrifjutat li tobdi din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura minħabba li, b’mod partikolari, peress li l-Qorti Ġenerali kienet bagħtitilha l-verżjoni sħiħa kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata u peress li ma kinitx ikkontestat il-fondatezza tad-deċiżjoni li permezz tagħha hija kienet ħassret ċerta informazzjoni fil-verżjoni pubblika mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet tikkunsidra li kienet biss obbligata tipprepara verżjoni ġdida tad-deċiżjoni kkontestata.

    56

    Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Jannar 2014, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kellha tħassar biss l-informazzjoni kunfidenzjali li ma kinitx imsemmija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ddeċidiet li dan id-dokument jista’ jiġi kkonsultat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentanti tar-rikorrenti, kif ukoll mir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Awstrija u minn dawk ta’ ÖIAG, ta’ Lufthansa u ta’ Austrian Airlines, wara li jiġi kkomunikat u sad-data tas-seduta, mingħajr ma jkunu jistgħu jsiru kopji. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-miżura istruttorja fit-13 ta’ Frar 2014.

    57

    Fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet, li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tinżamm in camera, din is-seduta nżammet fil-25 ta’ Ġunju 2014.

    It-talbiet tal-partijiet

    58

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    59

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Awstrija, minn ÖIAG, mil-Lufthansa u minn Austrian Airlines, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors għaliex inammissibbli, minn tal-inqas parzjalment, u, sussidjarjament, għaliex infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    1. Fuq l-ammissibbiltà

    Fuq l-assenza tal-iffirmar tal-oriġinal tar-rikors

    60

    Fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors li ntbagħtilha ma kienx iffirmat, ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura u kien, konsegwentement, inammissibbli. Madankollu, waqt is-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni rrinunċjat għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li hija tislet mill-ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2010, li permezz tagħha r-Reġistru kien ikkonfermalha li l-oriġinal tar-rikors kien tabilħaqq ġie ffirmat mir-rappreżentanti tar-rikorrenti.

    Fuq l-użu mir-rikorrenti ta ’ informazzjoni li ma tinsabx fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea iżda li tinsab fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-Repubblika tal-Awstrija

    61

    Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli sa fejn dan fih allegazzjonijiet dwar ċerta informazzjoni, li abbażi tagħha l-Kummissjoni żbaljatament iddeċidiet li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni, li ma tinsabx fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea annessa mar-rikors.

    62

    Skont il-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li hija tieħu pożizzjoni fuq dawn l-allegazzjonijiet mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE. Issa, din iċ-ċirkustanza tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha u twassal, għaldaqstant, għall-inammissibbiltà parzjali tar-rikors abbażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dan jagħmel riferiment għall-informazzjoni inkwistjoni.

    63

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa wkoll parzjalment inammissibbli sa fejn dan fih l-informazzjoni inkwistjoni, inkwantu din inkisbet b’mod irregolari mir-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li ma tiġix ikkonstatata l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors f’dan ir-rigward ikun jammonta għal approvazzjoni tal-mod li bih ir-rikorrenti kisbet aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u għal inċitar ta’ tali prattiki. Dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-kunfidenza li l-operaturi ekonomiċi għandhom fil-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni kunfidenzjali li huma jistgħu jittrażmettu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u jwassal sabiex fil-ġejjieni huma ma jipprovdux iktar tali informazzjoni lill-Kummissjoni, fatt li jaffettwa ħażin l-effettività tal-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat kollha kemm huma.

    64

    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, dan ma huwiex konvinċenti.

    65

    Fil-fatt għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, abbażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Għalhekk, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra, EU:T:1993:39, punt 20, u tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra, EU:T:2005:280, punt 23).

    66

    Issa, il-Kummissjoni ma tinvokax xi assenza ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni tas-sunt tar-raġunijiet li jinsab fir-rikors, iżda biss li ma huwiex possibbli għaliha li tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti minħabba obbligu legali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma turix l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li huma ta’ natura li jwasslu għall-inammissibbiltà tar-rikors fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq.

    67

    Mill-kumplament, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, li huwa msejjes fuq l-allegata impossibbiltà li tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq informazzjoni li ma tidhirx fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi milqugħ.

    68

    Fil-fatt, persuna fiżika jew ġuridika li, b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha locus standi sabiex tikkontesta att imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tista’ tinvoka mingħajr limiti l-motivi kollha msemmija fit-tieni paragrafu tal-istess artikolu.

    69

    Konsegwentement, kull limitazzjoni tad-dritt ta’ tali rikorrent li jinvoka l-motivi għall-annullament li jidhirlu xierqa għandha, fid-dawl tal-fatt li din tkun tikkostitwixxi wkoll limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tkun prevista mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-istess karta u tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din għandha tkun neċessarja u tkun tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew jekk meħtieġ ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn.

    70

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 339 TFUE, invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, jipprevedi li l-Kummissjoni hija obbligata li ma tiżvelax l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezz tal-bejgħ tagħhom. Dan l-obbligu huwa mfakkar fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999 fir-rigward tal-informazzjoni miġbura skont dan l-istess regolament. Skont din id-dispożizzjoni, l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali ma jorbotx biss lill-Kummissjoni, iżda wkoll lill-Istati Membri u lill-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tagħhom, inklużi l-esperti indipendenti mqabbda mill-Kummissjoni. L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999 jispeċifika li l-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinnotifika d-deċiżjonijiet adottati skont il-Kapitoli II sa V u VII tal-istess regolament lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tagħtih il-possibbiltà li jindikalha l-informazzjoni li huwa jqis bħala koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esponiet, fil-Komunikazzjoni C(2003) 4582 (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), il-modalitajiet li bihom għandhom jiġu trattati t-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri, fil-kwalità tagħhom ta’ destinatarji tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sabiex ċerti partijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiġu kkunsidrati koperti mis-sigriet professjonali u li għalhekk ma għandhomx jidhru fil-verżjoni ppubblikata.

    71

    Għandu jiġi osservat li la l-Artikolu 339 TFUE u lanqas l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jipprevedu espliċitament iċ-ċaħda, għaliex inammissibbli, ta’ motivi bbażati fuq elementi tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors li jkunu tħassru fil-verżjoni ta’ din id-deċiżjoni li ġiet ippubblikata u li għalihom ir-rikorrenti seta’ jkollha biss aċċess billi tikseb, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, il-verżjoni kunfidenzjali sħiħa tal-istess deċiżjoni.

    72

    Anki jekk jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati f’dan is-sens, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, dawn ma humiex applikabbli.

    73

    Fil-fatt, mir-risposta tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2013 għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fil-31 ta’ Awwissu 2009, hija kkomunikat id-deċiżjoni kkontestata lir-Repubblika tal-Awstrija fejn stednitha, fl-istess ħin u fi żmien ħmistax-il ġurnata tax-xogħol, tindikalha l-informazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni u li hija tqis li hija kunfidenzjali u li ma għandhiex tiġi ppubblikata. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lill-Kummissjoni tħassar ċerta informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kunfidenzjalità tagħha. F’ittra tad-29 ta’ Settembru 2009 mibgħuta lir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni indikatilha li ma setgħetx tilqa’ totalment it-talba tagħha u bagħtitilha verżjoni mħassra provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata u talbitha tapprovaha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment awtorizzat il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata mibgħuta mill-Kummissjoni. Hija madankollu talbet, mill-ġdid, it-tħassir ta’ informazzjoni li tinsab fil-premessi 61 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li pprovdiet raġunijiet addizzjonali li jiġġustifikaw, fl-opinjoni tagħha, it-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Wara eżami ġdid tal-ġustifikazzjonijiet prodotti mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ħassret l-informazzjoni kkonċernata li tinsab fil-premessi 61 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata u kkomunikata (iktar ’il quddiem il-“verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata”) lit-terzi interessati, inkluża r-rikorrenti, u ppubblikatha fis-sit internet tagħha fit-13 ta’ Ottubru 2009. Il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata ġiet sussegwentement ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Marzu 2010.

    74

    Issa, bi qbil mal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li fir-rikors tagħha r-rikorrenti kienet qed tressaq argumenti li kienu msejsa fuq informazzjoni li, għalkemm allegatament kienet tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx tinsab fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata mehmuża mar-rikors. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, ikkonstatat li, fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata, il-premessi li għalihom kienet qed tagħmel riferiment ir-rikorrenti insostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni kellhom l-indikazzjoni li tgħid li ċerta informazzjoni kienet tħassret minħabba l-kunfidenzjalità tagħha.

    75

    L-informazzjoni inkwistjoni msemmija fir-rikors tirrigwarda l-ammont tal-kontribut li għalih kienet responsabbli esklużivament Austrian Airlines u l-perċentwali tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni li din il-kontribuzzjoni allegatament tirrappreżenta, l-ammont tat-telf mill-operat previst ta’ Austrian Airlines, l-ammont tal-kontribut ta’ Lufthansa, l-ammont tal-kontribut kumulat ta’ Lufthansa u ta’ Austrian Airlines u l-ammont tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni fil-każ fejn it-teħid ta’ responsabbiltà, minn Lufthansa, tat-telf mill-operat ta’ Austrian Airlines u l-kontribut, minn Lufthansa, għat-tnaqqis tal-proporzjon ta’ dejn ta’ Austrian Airlines ma jitqisux li huma kontribut għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni.

    76

    Din l-informazzjoni kienet tirrigwarda wkoll ċerti miżuri tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-ottimizzazzjoni tat-traffiku bejn ċerti pajjiżi, il-perċentwali tat-tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ fl-2008 u fl-2009 fuq il-linji regolari u t-titjiriet charter ta’ Austrian Airlines, in-numru ta’ ajruplani li Austrian Airlines kellu jkollha fl-2011, kif ukoll in-numru u t-tipi ta’ ajruplani li Austrian Airlines kellha ddaħħal fis-servizz, il-mod ta’ kif kellhom jinxtraw dawn l-ajruplani u d-data prevista għad-dħul fis-servizz tagħhom.

    77

    F’dan l-istadju, fl-assenza tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar kinux veri jew le.

    78

    Issa, dawn l-allegazzjonijiet kienu jirrigwardaw informazzjoni li kienet tidher rilevanti sabiex il-kawża preżenti tiġi deċiża, sa fejn insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti kienet qed issostni, b’mod partikolari, ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minħabba l-insuffiċjenza tal-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni, minħabba l-assenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni veru u proprju u minħabba l-insuffiċjenza tal-miżuri kumpensatorji sabiex tiġi rrimedjata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

    79

    Barra minn hekk, billi tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq din l-informazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tkun qed tikkonferma, anki jekk b’mod impliċitu, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kontenut tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, tkun qed tikser l-obbligu tagħha ta’ osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE.

    80

    Għalhekk, fid-dawl tal-importanza tal-informazzjoni inkwistjoni sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li speċifikat li, f’dak l-istadju tal-proċedura, din la kienet ser tiġi kkomunikata lir-rikorrenti u lanqas lill-intervenjenti, ħlief għar-Repubblika tal-Awstrija, sabiex tivverifika li l-informazzjoni msemmija fir-rikors u li ma kinitx tidher fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata kienet tabilħaqq tikkorrispondi għal dik li tidher fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata. B’risposta għal din il-miżura istruttorja, il-Kummissjoni pproduċiet il-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk tikkonstata li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, dwar il-kontenut tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, kienu tabilħaqq eżatti.

    81

    Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tindika jekk hija kellhiex aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata. Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ir-rikorrenti indikat li l-avukati tagħha kellhom aċċess għal dan id-dokument sabiex jippreparaw ir-rikors.

    82

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fir-rikors, li ma kinitx tinsab fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li kienet tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, l-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tosserva s-sigriet professjonali ma kienx għadu jgħodd fir-rigward tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar kienet diġà taf bl-informazzjoni inkwistjoni.

    83

    Fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni inkwistjoni, dan l-obbligu lanqas ma kien għadu jgħodd fir-rigward tal-intervenjenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-Repubblika tal-Awstrija kienet destinatarja tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata u li, inkwantu tali, hija kienet taf bil-kontenut ta’ dan id-dokument. F’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ ksur tal-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali fir-rigward tal-intervenjenti l-oħra, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni inkwistjoni, li tirrigwarda l-ispiża tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines, il-kontributi ta’ Austrian Airlines u ta’ Lufthansa għall-ispiża ta’ dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, it-telf mill-operat previst għal Austrian Airlines u l-kontenut tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kienu, probabbilment, magħrufa minn ÖIAG, minn Austrian Airlines u minn Lufthansa. Kieku l-Kummissjoni kellha dubji f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li kienet l-istess Kummissjoni li kellha titlob it-trattament kunfidenzjali tar-rikors fir-rigward ta’ dawn l-intervenjenti, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.

    84

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tieħu pożizzjoni fuq l-ilmenti, l-argumenti u l-motivi kollha li fir-rigward tagħhom hija kienet għadha ma ħaditx pożizzjoni għar-raġuni li hija ma setgħetx tagħmel dan mingħajr ma tikser l-Artikolu 339 TFUE, ħaġa li l-Kummissjoni għamlet billi pproduċiet risposta komplementari fid-19 ta’ Marzu 2013.

    85

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi wkoll informazzjoni li kienet tħassret mill-verżjoni pubbika tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kunfidenzjalità tagħha u li ma kinitx tidher fir-rikors u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li ma huwiex ċert li r-rikorrenti kellha tabilħaqq aċċess għall-verżjoni sħiħa kollha tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja t-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-Kummissjoni jekk kienx possibbli għaliha li tneħħi l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni kollha li tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet ta’ din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lill-intervenjenti jesponu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata.

    86

    Wara li eżaminat l-argumenti magħmula mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tat-tneħħija tal-kunfidenzjalità tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali bagħtet lura dan id-dokument lill-Kummissjoni u stednitha, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġdida, tipproduċi verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata fejn kellha titħasar biss l-informazzjoni kunfidenzjali li ma kinitx imsemmija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, sabiex tkun tista’ tiġi kkomunikata lill-partijiet l-oħra fil-proċedura. Peress li l-Kummissjoni rrifjutat li tipproduċi dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali adottat id-digriet istruttorju tas-27 ta’ Jannar 2014 li ġie obdut mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Frar 2014.

    87

    Sabiex tiżgura l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ terzi, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk iddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet, li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tinżamm in camera.

    88

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, minkejja li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali nżammet in camera, hija kienet għadha tikkunsidra lilha nnifisha marbuta bl-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali u li r-rikors kellu konsegwentement jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli sa fejn dan ma kienx jippermettilha teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha.

    89

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tistax tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha bbażat fuq l-allegata impossibbiltà li tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali.

    90

    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-impossibbiltà li tirrispondi għall-argumenti bbażati fuq informazzjoni li tinsab biss fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

    91

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li r-rikors kellu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, peress li dan kien fih informazzjoni li nkisbet b’mod irregolari mir-rikorrenti, lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti.

    92

    Fil-fatt, insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha li ssostni li l-fatt li r-rikorrenti tiġi awtorizzata tuża, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, informazzjoni miksuba b’mod irregolari jkun ta’ ħsara għas-sistema ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jiġu skoraġġiti milli jafdawlha informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

    93

    Issa, minn naħa, anki jekk tali kunsiderazzjonijiet jitqiesu fondati, dawn ma humiex fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw li rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE jiġi miċħud għaliex inammissibbli, skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura, kif imsemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti li jipprovdu li motivi bbażati fuq elementi kunfidenzjali ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali invokati mill-Kummissjoni huma irrilevanti.

    94

    Għalkemm huwa ċertament minnu li, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li titlobha aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata skont il-modalitajiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jew li tikkontesta fir-rikors tagħha, hekk kif sostnew ir-Repubblika tal-Awstrija u Lufthansa, it-tħassir ta’ ċerta informazzjoni fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-allegata kunfidenzjalità tagħha u li titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tikseb il-verżjoni sħiħa.

    95

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza mill-Kummissjoni u mir-Repubblika tal-Awstrija, ir-rikorrenti ma hijiex marbuta mill-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE u fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999.

    96

    Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti diġà kellha aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, ma kien hemm xejn li jobbligaha tuża waħda mill-proċeduri msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq.

    97

    Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħet ukoll tillimita ruħha, kif għamlet, li fir-rikors tagħmel allegazzjonijiet dwar il-kontenut tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata.

    98

    F’tali ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li hija kellha, sa fejn l-allegazzjonijiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw informazzjoni essenzjali sabiex tissolva l-kawża, tivverifika l-verità tal-imsemmija allegazzjonijiet billi tordna l-produzzjoni tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata.

    99

    Minn dan isegwi li, anki l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mil-Kummissjoni, ibbażata fuq l-użu fir-rikors ta’ informazzjoni li tinsab biss fil-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

    2. Fuq il-mertu

    100

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

    101

    Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li l-ewwel teżamina t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

    102

    It-tieni motiv ippreżentat mir-rikorrenti huwa kompost minn żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-miżuri kumpensatorji, it-tieni waħda, fuq żball ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ għajnuna unika.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-miżuri kumpensatorji fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq inkwistjoni

    103

    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda riferiment għas-sitwazzjoni tas-suq li jista’ jiġi affettwat mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-miżuri kumpensatorji li hija timponi fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-imsemmi suq.

    104

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. L-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att huma, għalhekk, ineffettivi fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, France vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punti 35 sa 38, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra, EU:T:2005:221, punti 52 u 59; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T‑17/03, Ġabra, EU:T:2006:109, punti 70 u 71).

    105

    Għandu jitfakkar ukoll li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’tali mod li, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u li, min-naħa l-oħra, l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra, EU:T:2010:62, punt 180).

    106

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost y La Poste vs UFEX et, C‑341/06P u C‑342/06 P, Ġabra, EU:C:2008:375, punt 96, u Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, EU:T:2010:62, punt 180).

    107

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata assenza ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-suq li jista’ jiġi affettwat mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest li fih din id-deċiżjoni ġiet adottata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-istess ġurnata bħad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni bejn Lufthansa u Austrian Airlines li fiha l-Kummissjoni speċifikament eżaminat l-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fuq is-suq. Barra minn hekk, mill-premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni tas-suq kienet tirrikjedi, f’dan il-każ, tnaqqis tal-kapaċitajiet addizzjonali ikbar minn dak diġà previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Iktar minn hekk, mill-premessi 322 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien imsejjes fuq bdil fl-andament tal-iżvilupp tas-suq mill-2010, li kien jiġġustifika żieda fil-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines limitata għall-medja tar-rati ta’ tkabbir ikkonstatati mit-trasportaturi bl-ajru Ewropej sa tmiem is-sena 2015 jew sakemm Austrian Airlines tilħaq il-punt fejn la tagħmel qliegħ u lanqas telf.

    108

    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex nieqsa minn kull indikazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq li jista’ jiġi affettwat mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

    109

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-miżuri kumpensatorji imposti mill-imsemmija deċiżjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq, għandhom jitfakkru l-argumenti li r-rikorrenti tagħmel insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

    110

    Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni, kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika, li, billi tirrikonoxxi l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ser tippermetti t-tisħiħ ta’ prattiki antikompetittivi eżerċitati minn Lufthansa u minn Austrian Airlines permezz tal-joint-venture tagħhom sa mill-2006, li l-miżuri kumpensatorji ma kinux jippermettu li jittaffew l-effetti antikompetittivi li għandhom jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna, li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedi ebda miżura kumpensatorja fir-rigward tas-suq tal-konnessjonijiet bejn l-Awstrija u l-Ewropa tal-Lvant kif ukoll bejn l-Awstrija u l-Lvant Nofsani fejn Austrian Airlines għandha pożizzjoni dominanti u, fl-aħħar nett, li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedix miżuri kumpensatorji sabiex tiġi miġġielda l-politika żleali fil-qasam tal-prezzijiet adottata minn Lufthansa u minn Austrian Airlines.

    111

    Għalhekk, minkejja t-titolu ta’ dan il-motiv, mill-formulazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti, kemm fir-rikors kif ukoll fir-replika, jirriżulta li dawn huma fir-realtà intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Dawn għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-miżuri kumpensatorji. Madankollu, hekk kif imfakkar fil-punt 104 iktar ’il fuq, tali argumenti huma ineffettivi fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

    112

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ għajnuna unika

    113

    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, ma ħaditx pożizzjoni fuq id-diversi tipi ta’ għajnuna li minnhom ibbenefikat Austrian Airlines fl-imgħoddi u li l-eżistenza tagħhom intweriet mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilment tagħha u, min-naħa l-oħra, qieset li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tmur kontra l-prinċipju ta’ għajnuna unika.

    114

    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenzi Chronopost u La Poste vs UFEX et, punt 106 iktar ’il fuq, EU:C:2008:375, punt 96, u Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, EU:T:2010:62, punt 180).

    115

    Madankollu, għandu wkoll jitfakkar li l-prinċipju ta’ non-rikorrenza għandu importanza partikolari fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni, hekk kif jirriżulta mill-punt 72 tal-Linji Gwida tal-2004, applikabbli f’dan il-każ.

    116

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tabilħaqq ħadet pożizzjoni dwar l-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dan il-każ, billi indikat, fil-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata li kienet ikkonstatat li la Austrian Airlines fiha nnifisha, u lanqas xi waħda mill-impriża tal-grupp ma kienu preċedentement irċevew għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

    117

    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ħaditx pożizzjoni fid-dettall dwar l-argumenti kollha li hija għamlet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva sabiex turi l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mogħtija fl-imgħoddi lill-Austrian Airlines.

    118

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni ma kienx imur kontra l-prinċipju ta’ għajnuna unika, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-Kummissjoni u li huwa, għalhekk, ineffettiv fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq żball jew fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 104 iktar ’il fuq.

    119

    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu għaliex infondat.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

    120

    L-ewwel motiv ippreżentat mir-rikorrenti huwa kompost minn erba’ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identità u tal-eliġibbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, it-tieni waħda, fuq l-insuffiċjenza tal-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni, it-tielet waħda, fuq l-insuffiċjenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-miżuri kumpensatorji u, ir-raba’ waħda, fuq ksur tal-Artikolu 43 KE.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identità u tal-eliġibbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna

    121

    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna, li ma hijiex Austrian Airlines iżda Lufthansa. Dan l-żball inizjali kellu riperkussjonijiet fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn Lufthansa ma kinitx impriża f’diffikultà u għalhekk ma kinitx eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, anki fil-każ li Austrian Airlines kienet tabilħaqq il-benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, lanqas din ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tibbenefika minnha.

    122

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment dwar l-allegat żball tal-Kummissjoni fir-rigward tal-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li r-rekwiżiti kollha previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett jeħtieġ li jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415, punti 74 u 75, u tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02, Ġabra, EU:T:2006:59, punt 110).

    123

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra, EU:C:1988:38, punti 28 u 29; tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra, EU:C:2003:622, punt 29; u tal-1 ta’ Lulju 2010, l-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑53/08, Ġabra, EU:T:2010:267, punt 59).

    124

    Meta applikat għall-każ ta’ bejgħ ta’ oġġett minn awtorità pubblika lil persuna privata, il-konsegwenza ta’ dan il-prinċipju hija li għandu jiġi ddeterminat jekk, b’mod partikolari, il-prezz ta’ bejgħ ta’ dan l-oġġett huwiex ekwivalenti għall-prezz tas-suq sa fejn jikkorrispondi għall-prezz li seta’ jinkiseb mix-xerrej f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra, EU:T:2004:266, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-perspettiva, hemm lok li l-Kummissjoni tapplika l-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq sabiex tivverifika jekk il-prezz imħallas mill-allegat benefiċjarju tal-għajnuna jikkorrispondix għall-prezz li seta’ jistabbilixxi operatur privat li jaġixxi f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra, EU:C:2010:480, punt 68, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, Ġabra, EU:C:2010:778, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni konkreta tal-imsemmi kriterju timplika, bħala prinċipju, evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 68).

    125

    Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tal-portata u tan-natura tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra, EU:C:2000:248, punt 25, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 111). Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l‑elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 124 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    126

    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Scott, punt 124 iktar ’il fuq, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra, EU:T:2008:585, punt 41).

    127

    Barra minn hekk għandu jiġi speċifikat li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha meta adottat dik id-deċiżjoni (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Belgique vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra, EU:C:1986:302, punt 16; tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑276/02, Ġabra, EU:C:2004:521, punt 31, u Valmont vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2004:266, punt 38). Minn dan, b’mod partikolari, isegwi li meta l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata fid-data ta’ meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, punt 106 iktar ’il fuq, EU:C:2008:375, punt 144).

    128

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx, f’dan il-każ, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni kienet Austrian Airlines u mhux Lufthansa.

    129

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li s-sussidju ta’ EUR 500 000 000 inkwistjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur Lufthansa. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ssostni li l-imsemmi sussidju jikkorrispondi għall-prezz imħallas mill-bejjiegħ, jiġifieri ÖIAG, lix-xerrej, jiġifieri Lufthansa, bħala korrispettiv għat-trasferiment tal-attiv negattiv. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li s-sussidju l-ewwel tħallas lil Suriba Beteiligungsverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem “Suriba”), kumpannija kompletament ikkontrollata minn Lufthansa, u wara ġie ttrasferit lil Austrian Airlines, li finalment saret sussidjarja 100 % ta’ Lufthansa. Issa, għall-Istat, il-ħlas ta’ dan is-sussidju kien jirrappreżenta xenarju inqas favorevoli milli l-falliment ta’ Austrian Airlines.

    130

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-offerta għall-akkwist ippreżentata minn Lufthansa għas-sehem tar-Repubblika tal-Awstrija f’Austrian Airlines jirriżulta li l-ħlas ta’ sussidju pubbliku ta’ EUR 500 000 000 favur Austrian Airlines kien jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ dan l-akkwist, bl-istess mod bħall ħlas minn Lufthansa lil ÖIAG ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 366 268.75 u l-eżistenza ta’ ċertifikat ta’ debitur li jista’ jagħti lok għal ħlas addizzjonali li jista’ jammonta sa EUR 162 000 000, b’tali mod li dan is-sussidju jista’ jiġi analizzat bħala element negattiv integrat fil-prezz tal-bejgħ aċċettat mir-Repubblika tal-Awstrija bħala korrispettiv tas-sehem tagħha f’Austrian Airlines.

    131

    Din l-analiżi tal-prezz tal-bejgħ ġiet adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u ma hijiex ikkontestata b’mod formali mir-rikorrenti.

    132

    Għandu wkoll jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat, wara li eżaminat il-kundizzjonijiet tas-suq, li l-prezz propost minn Lufthansa fl-offerta tagħha għall-akkwist tas-sehem tar-Repubblika tal-Awstrija f’Austrian Airlines kien jikkorrispondi għall-prezz tas-suq, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

    133

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab, b’mod partikolari wara li kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna jitqies li ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. Taħt tali kundizzjonijiet, ix-xerrej ma jistax jitqies li jkun ibbenefika minn xi vantaġġ fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, Ġabra, EU:C:2001:456, punt 77).

    134

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma turix b’liema mod il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li Austrian Airlines kienet il-benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni.

    135

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ħlas tas-sussidju pubbliku ma kienx ikun neċessarju fil-każ fejn Austrian Airlines kellha tiġi akkwistata minn operatur ieħor, u lanqas fil-każ li Austrian Airlines kellha tkompli l-attività tagħha b’mod indipendenti wara l-istabbiliment ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni alternattiv allegatament miżmum sigriet mir-Repubblika tal-Awstrija.

    136

    Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti ssostni li, billi aċċettat offerta ta’ akkwist li kienet tinkludi element negattiv li jammonta għal EUR 500 000 000 għas-sehem tagħha f’Austrian Airlines, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ġabitx ruħha bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

    137

    Issa, dan huwa preċiżament dak li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, meta qieset li x-xenarju tal-falliment ta’ Austrian Airlines, li ma kien ikun jinvolvi l-ebda spiża għall-Istat, kien jirrappreżenta għażla iktar vantaġġuża għal dan tal-aħħar milli bejgħ ta’ Austrian Airlines li kien jeħtieġ li din tal-aħħar tingħata sussidju pubbliku ta’ EUR 500 000 000. Huwa abbażi ta’ din il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan is-sussidju pubbliku kellu jitqies li huwa għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lil Austrian Airlines.

    138

    Din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li Austrian Airlines ma kinitx il-benefiċjarja tas-sussidju pubbliku sa fejn il-ħlas ta’ dan is-sussidju minn ÖIAG lil Suriba, sussidjarja ta’ Lufthansa, ma kienx segwit minn żieda tal-kapital azzjonarju ta’ Austrian Airlines. Fil-fatt, għalkemm mid-dispożizzjonijiet tal-Bundesgesetz über die Übertragung von Bundesbeteiligungen in das Eigentum der ÖIAG (liġi federali dwar it-trasferiment tal-investimenti federali miżmuma minn ÖIAG), tat-23 ta’ Ottubru 2009 (BGB1. I, 87/1998), jirriżulta li l-għajnuna finanzjarja ta’ EUR 500 000 000 għandha tippermetti li jiżdied il-kapital ta’ din tal-aħħar, madankollu ma huwiex speċifikat li din il-miżura għandha neċessarjament tieħu l-forma ta’ żieda tal-kapital azzjonarju. Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-għan ta’ din il-miżura huwa t-titjib tal-proporzjon tad-dejn ta’ Austrian Airlines billi jiżdiedu l-fondi tagħha. Issa, mill-proċess jirriżulta li Austrian Airlines tabilħaqq ibbenefikat minn żieda tal-fondi tagħha permezz tal-amalgamazzjoni tagħha ma’ Suriba.

    139

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Lufthansa finalment ibbenefikat mis-sussidju inkwistjoni minħabba li hija direttament jew indirettament kisbet l-ishma kollha ta’ Austrian Airlines għandu jiġi miċħud għaliex infondat sa fejn ma huwiex ikkontestat li s-sussidju pubbliku kien jifforma parti mill-prezz tal-bejgħ negattiv imħallas minn Lufthansa għal Austrian Airlines u li dan il-prezz tal-bejgħ kien jikkorrispondi għall-prezz tas-suq.

    140

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk Lufthansa hijiex impriża eliġibbli fis-sens tal-Linji Gwida tal-2004 hija irrilevanti.

    141

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni żbaljat meta fid-deċiżjoni kkontestata qieset li Austrian Airlines kienet impriża eliġibbli għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi osservat li tali lment jirrigwarda evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

    142

    Hawnhekk, għandu jitfakkar il-kuntest ġuridiku rilevanti dwar l-investigazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

    143

    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, sakemm tali għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni.

    144

    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jitwettqu f’kuntest Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra, EU:C:1987:96, punt 18; tad-29 ta’ April 2004, Italie vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 83; u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2005:221, punt 137).

    145

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ atti bħal Linji Gwida għall-impriżi f’diffikultà, dejjem sakemm tali atti jkun fihom regoli indikattivi dwar id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jitbiegħedx mir-regoli tat-Trattat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra, EU:T:2002:19, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    146

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kunċett tal‑għajnuna għar‑ristrutturazzjoni, li mill-punti 16 u 17 tal-Linji Gwida tal-2004 jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni tqis li, b’kuntrast mal-għajnuna ta’ salvataġġ, li tikkonsisti f’assistenza temporanja u intiża għall-implementazzjoni ta’ miżuri immedjati, l-għan ta’ tali għajnuna huwa li tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fuq żmien twil ta’ kumpannija.

    147

    It-tieni nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall‑eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar‑regoli proċedurali u tal‑motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra, EU:C:2003:92, punt 93, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2005:221, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad‑deċiżjoni (sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punt 79, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2005:221, punt 138).

    148

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tivverifika jekk ir-rekwiżiti li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, fil-Linji Gwida tagħha, ikunux ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, EU:T:2002:19, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    149

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi twettaq minflokha eżami li hija fl-ebda mument ma wettqet u billi tissostitwixxi l-konklużjonijiet li għalihom kienet tasal fi tmiem dan l-eżami (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, T‑266/02, Ġabra, EU:T:2008:235, punt 95; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Valmont vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2004:266, punt 136).

    150

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li Austrian Airlines kienet impriża eliġibbli għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni sa fejn din kienet fil-punt li tittieħed minn Lufthansa u li din tal-aħħar kienet kapaċi taffaċċja waħedha d-diffikultajiet ta’ Austrian Airlines.

    151

    Il-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004 li jinsab fil-parti tal-Linji Gwida fejn il-Kummissjoni tispeċifika l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà jipprevedi dan li ġej:

    “Kumpannija li tifforma parti minn grupp jew li ser tiġi akkwistata minn grupp ma tistax, bħala prinċipju, tibbenefika minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni, ħlief jekk jista’ jintwera li d-diffikultajiet li minnhom għaddejja huma speċifiċi għaliha u ma humiex ir-riżultat ta’ attribuzzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, li dawn id-diffikultajiet huma gravi wisq sabiex jiġu solvuti mill-grupp innifsu […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    152

    Għalhekk għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, Austrian Airlines kinitx tifforma parti minn grupp jew setgħetx tiġi kklassifikata bħala kumpannija li ser tiġi akkwistata minn grupp, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004, qabel ma jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, jekk Lufthansa kinitx f’pożizzjoni li ssolvi d-diffikultajiet affaċjati minn Austrian Airlines.

    153

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-approvazzjoni minn ÖIAG tal-offerta għall-akkwist ta’ Austrian Airlines minn Lufthansa, mogħtija fil-5 ta’ Diċembru 2008, ma tfissirx li, f’dik id-data, Austrian Airlines diġà kienet ta’ Lufthansa. Fil-fatt, it-trasferiment effettiv minn ÖIAG tas-sehem tagħha f’Austrian Airlines favur Lufthansa kien għadu suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, awtorizzazzjoni li ngħatat biss sussegwentement, fit-28 ta’ Awwissu 2009, permezz tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni.

    154

    F’dan il-każ, barra minn hekk waqt is-seduta r-rikorrenti ammettiet li, fil-5 ta’ Diċembru 2008, l-operazzjoni ta’ trasferiment ta’ Austrian Airlines, jiġifieri l-akkwist minn Lufthansa tas-sehem li ÖIAG kellha f’Austrian Airlines, kienet għadha suġġetta għall-ħlas tas-sussidju inkwistjoni, filwaqt li dan l-istess sussidju kien suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

    155

    Issa, il-ħlas tas-sussidju inkwistjoni ma setax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, peress li kien inkluż fil-prezz tal-bejgħ negattiv li Lufthansa kienet ipproponiet li tħallas, li kien ġie aċċettat minn ÖIAG.

    156

    Għalhekk, il-ħlas tal-prezz negattiv u, għaldaqstant, it-trasferiment tal-proprjetà tas-sehem li ÖIAG kellha f’Austrian Airlines lil Lufthansa, kien sospiż sal ħlas tas-sussidju inkwistjoni.

    157

    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Austrian Airlines kienet għadha ma tifformax parti mill-grupp Lufthansa.

    158

    Il-kwistjoni hija għalhekk jekk, f’dik l-istess data, Austrian Airlines setgħetx titqies li hija kumpannija li ser tiġi akkwistata minn grupp fis-sens tal-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004.

    159

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li wieħed mill-prinċipji imposti mill-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004 huwa li impriża f’diffikultà li tifforma parti minn grupp hija pprojbita milli tibbenefika minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni, meta d-diffikultajiet li minnhom għaddejja ma humiex speċifiċi għaliha u huma r-riżultat ta’ attribuzzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp jew meta l-grupp għandu l-mezzi sabiex isolvi huwa nnifsu dawn id-diffikultajiet. Għalhekk, l-għan ta’ din il-projbizzjoni huwa li grupp ta’ impriżi jiġi prekluż milli jgħaddi lill-Istat l-ispiża ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ waħda mill-impriżi li tifforma parti minnu, meta din l-impriża hija f’diffikulta u meta l-grupp innifsu huwa l-oriġini ta’ dawn id-diffikultajiet u għandu l-mezzi sabiex jaffaċċja, waħdu, dawn id-diffikultajiet.

    160

    F’dan il-kuntest, l-għan tal-estensjoni tal-projbizzjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni għall-impriżi f’diffikultà “li ser jiġu akkwistati” minn grupp huwa li jiġi evitat li grupp ta’ impriżi jevita din il-projbizzjoni billi japprofitta ruħu mill-fatt li impriża li huwa qiegħed fil-proċess li jakkwista għadha ma hijiex formalment proprjetà tiegħu fil-mument tal-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-impriża akkwistata.

    161

    Madankollu, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi assimilata għal dik tal-kawża preżenti fejn il-ħlas mill-Istat tas-sussidju inkwistjoni lil Austrian Airlines jikkostitwixxi, hekk kif ġie speċifikat fil-punt 130 iktar ’il fuq, element negattiv integrat fil-prezz imħallas minn Lufthansa lil ÖIAG għall-akkwist ta’ Austrian Airlines.

    162

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004 ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

    163

    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk Lufthansa kinitx, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, f’pożizzjoni li taffaċċja d-diffikultajiet ta’ Austrian Airlines.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni

    164

    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni kien xieraq fid-dawl tal-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004.

    165

    Il-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004 jipprevedi dan li ġej:

    “L-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni neċessarji sabiex jippermettu t-twettiq tar-ristrutturazzjoni skont id-disponibbiltajiet finanzjarji tal-impriża, tal-azzjonisti tagħha jew tal-grupp li minnu tifforma parti. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull għajnuna għas-salvataġġ mogħtija preċedentement. Il-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni permezz tar-riżorsi tagħhom, inkluż permezz tal-bejgħ ta’ attiv li ma huwiex indispensabbli għas-sopravivenza tal-impriża, jew permezz ta’ finanzjament estern miksub taħt kundizzjonijiet tas-suq. Dan il-kontribut huwa indikazzjoni li s-swieq jemmnu li huwa fattibbli li terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà. Dan għandhu jkun reali, jiġifieri effettiv, bl-esklużjoni ta’ kull profitt potenzjali, bħal cash-flow, u għandu jkun l-ogħla possibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    166

    Mill-punt 44 tal-Linji Gwida tal-2004 jirriżulta, b’mod partikolari, li normalment il-Kummissjoni għandha tqis xieraq kontribut min-naħa tal-benefiċjarji tal-għajnuna li jammonta għal 50 % għall-impriżi l-kbar.

    167

    Mill-premessa 307 tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata prodotta mill-Kummissjoni b’risposta għad-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 2014, li jordna miżura istruttorja, jirriżulta wkoll dan li ġej:

    “[I]l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-total tal-ispejjeż għall-istrutturar mill-ġdid [għar-ristrutturazzjoni] ser jammonta għal madwar EUR 1 405 miljun (jew EUR 1 048 [miljun] f’każ li l-Lufthansa ma tnaqqasx il-livell ta’ djun tal-Austrian Airlines għal EUR 357 [miljun]), fejn il-kontribuzzjoni personali (li tingħata b’mod komuni jew individwali mill-Austrian Airlines u/jew il-Lufthansa) tammonta għal EUR 905 [miljun] (jew EUR 548[miljun]). Dan ifisser 64 % (jew 52 %) tal-ispejjeż għall-istrutturar mill-ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-kundizzjoni [r-rekwiżit] ta’ kontribuzzjoni personali sodisfaċenti għall-ispejjeż għall-istrutturar mill-ġdid f’dan il-każ ġiet issodisfata.”

    168

    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti.

    169

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li huwa biss il-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni mill-fondi personali tiegħu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata n-natura xierqa tal-kontribut għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li mill-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004 jirriżulta li l-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni permezz ta’ finanzjament estern miksub f’kundizzjonijiet tas-suq.

    170

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kontribut ta’ Lufthansa ma jikkostitwixxix finanzjament estern fis-sens tal-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004, minħabba li, minn naħa, jekk Lufthansa ma kinitx fil-punt li takkwista Austrian Airlines fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma setgħetx titqies li hija investitur estern u minħabba li, min-naħa l-oħra, Lufthansa la poġġiet għad-dispożizzjoni ta’ Austrian Airlines kapital fi flus u lanqas kapital in natura għar-ristrutturazzjoni ta’ din tal-aħħar, dan ma jistax jiġi milqugħ.

    171

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li Austrian Airlines ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ impriża li ser tiġi akkwistata minn grupp ta’ impriżi, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 162 iktar ’il fuq, huwa irrilevanti fir-rigward tal-fatt li Lufthansa kienet tabilħaqq tirrappreżenta, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, investitur privat li l-offerta ta’ akkwist tiegħu kienet tinkludi, minbarra l-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 366 268.75 u l-għoti ta’ ċertifikat ta’ debitur li jista’ jilħaq l-EUR 162 000 000, il-ħlas ta’ prezz negattiv li kien jikkonsisti fil-ħlas mir-Repubblika tal-Awstrija ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur Austrian Airlines, ristrutturazzjoni li għaliha Lufthansa kienet impenjat ruħha li tipparteċipa fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni.

    172

    Sussegwentement, mill-kliem innifsu tal-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004 jirriżulta li dawn ma jimponux li l-finanzjament estern għandu jingħata fil-forma ta’ kapital fi flus jew in natura. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tqis, fil-premessi 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali finanzjament estern seta’ jieħu l-forma, b’mod partikolari, tat-teħid tar-responsabbiltà għat-telf mill-operat jew inkella tal-ispejjeż bħal dawk li ġeneralment jirriżultaw minn konċentrazzjoni, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    173

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li Lufthansa tnaqqas id-dejn ta’ Austrian Airlines jista’ jitqies li huwa kontribut biss sa fejn dan it-tnaqqis tad-dejn jieħu l-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital u mhux ta’ sempliċi akkwist ta’ dejn, għalhekk għandu jitqies li l-għan huwa li jiġi żgurat li t-tnaqqis tad-dejn ta’ Austrian Airlines jkun effettiv u mhux li jiġi impost l-obbligu li l-kontribut ta’ Lufthansa jkun neċessarjament fil-forma ta’ ħlas ta’ kapital fi flus.

    174

    Fit-tielet lok, anki l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, f’kull każ, ma huwiex possibbli li t-teħid tar-responsabbiltà minn Lufthansa għat-telf mill-operat ta’ Austrian Airlines għall-perijodu mill- 2009 sal-2013 jitqies li huwa kontribut għar-ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines, minħabba li, minn naħa, dan ma huwiex kontribut effettiv, sa fejn l-imsemmi telf għadu ma sarx u jista’ jkun inqas minn dak li kien previst u, min-naħa l-oħra, it-teħid ta’ responsabbiltà għal dan it-telf futur mill-operat ma jistax jiġi assimilat, kif tagħmel il-Kummissjoni, għall-ħlas ta’ kontribut fi flus għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi miċħud peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

    175

    Fil-fatt, mill-premessi 302 u 303 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex it-teħid ta’ responsabbiltà għal eventwali telf mill-operat li l-Kummissjoni tassimila għal ħlas fi flus bħala kontribut għar-ristrutturazzjoni, iżda l-eventwali injezzjoni ta’ kapital ta’ Lufthansa favur Austrian Airlines sabiex jitnaqqas il-proporzjon ta’ dejn ta’ din tal-aħħar.

    176

    Barra minn hekk, mill-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-prospetti negattivi fir-rigward tal-iżvilupp tar-riżultat globali ta’ Austrian Airlines ippreżentati fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni kienu bbażati fuq ipoteżi realistiċi f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-karburant, ir-rata tal-kambju, il-volum tat-traffiku u l-iżvilupp tas-suq. Issa, ir-rikorrenti ma tagħmel l-ebda argument li jista’ jikkonfuta l-plawżibbiltà ta’ dawn l-ipoteżi. Għalhekk, hija ma tispjegax kif it-telf futur mill-operat ta’ Austrian Airlines jista’ jkun inqas minn dak previst fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

    177

    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tibqa’ ma turix l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura xierqa tal-kontribut ta’ Austrian Airlines għall-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl tal-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004.

    178

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-miżuri kumpensatorji

    179

    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika n-natura xierqa, minn naħa, tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni intiżi li jippermettu li Austrian Airlines terġa ssir vijabbli u, min-naħa l-oħra, tal-miżuri kumpensatorji previsti fid-deċiżjoni kkontestata.

    – Fuq il-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni

    180

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li ġie ppreżentat għall-evalwazzjoni tagħha kien konformi mal-Linji Gwida tal-2004, filwaqt li l-għajnuna inkwistjoni kienet iddedikata biss għar-ristrutturazzjoni finanzjarja ta’ Austrian Airlines, għandu jitfakkar li skont il-punt 17 Linji Gwida tal-2004:

    “Ristrutturazzjoni […] għandha tkun ibbażata fuq pjan realistiku, koerenti u komprensiv, intiż li terġa tiġi stabbilita l-vijabbiltà fuq żmien twil tal-impriża. Din ġeneralment tinvolvi wieħed jew iktar minn dawn l-elementi: ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-impriża fuq bażi iktar effiċjenti, li ġeneralment tinvolvi li d-ditta titbiegħed minn attivitajiet li qegħdin itellfuha l-flus, ir-ristrutturazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet li jistgħu mill-ġdid isiru kompetittivi u, xi kultant, id-diversifikazzjoni fid-direzzjoni ta’ attivitajiet ġodda u vijabbli. Ir-ristrutturazzjoni industrijali għandha ġeneralment tkun akkumpanjata minn ristrutturazzjoni finanzjarja (injezzjoni ta’ kapital, it-tnaqqis tad-dejn). Ristrutturazzjoni fis-sens ta’ dawn il-Linji Gwida ma tistax, madankollu, tkun limitata biss għal għajnuna finanzjarja intiża li tagħmel tajjeb għat-telf preċedenti, mingħajr ma ttieħed azzjoni fir-rigward tal-kawżi ta’ dan it-telf.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    181

    Għalhekk, fis-sens tal-Linji Gwida tal-2004, ristrutturazzjoni normalment tinvolvi parti industrijali, li tipprevedi miżuri intiżi għar-riorganizzazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-impriża, u parti finanzjarja li tista’ tieħu l-forma, b’mod partikolari, ta’ injezzjoni ta’ kapital jew ta’ tnaqqis tad-dejn. F’dan is-sens, ristrutturazzjoni ma tistax tkun limitata għal għajnuna finanzjarja.

    182

    Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan ma jfissirx li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha neċessarjament tiffinanzja l-miżuri adottati fil-kuntest tal-parti industrijali tar-ristrutturazzjoni. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt 43 tal-Linji Gwida li minnu jirriżulta li l-ammont tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu tal-ispejjeż neċessarji għat-twettiq tar-ristrutturazzjoni skont id-disponibbiltajiet finanzjarji tal-impriża. Issa, fil-każ ta’ impriża li għandha ammont ta’ dejn kunsiderevoli, bħalma huwa l-każ ta’ Austrian Airlines f’din il-kawża, il-parti l-kbira tal-għajnuna għandha loġikament tiġi attribwita għat-tnaqqis tad-dejn, filwaqt li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni industrijali għandhom jitwettqu mill-benefiċjarju tal-għajnuna permezz tal-fondi tiegħu stess kif ukoll permezz ta’ eventwali finanzjament estern miksub taħt kundizzjonijiet tas-suq.

    183

    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

    184

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines kellhom jipproduċu sinerġiji fil-qasam tal-ispejjeż u tad-dħul, filwaqt li tali sinerġiji huma inerenti għal kull konċentrazzjoni, għandu jiġi osservat li anki jekk iċ-ċirkustanza msemmija l-aħħar titqies stabbilita, dan ma jurix li dawn il-miżuri ma humiex xierqa f’dan il-każ u li ma għandhomx jippermettu titjib tas-sitwazzjoni ta’ Austrian Airlines u li jiżguraw li din terġa ssir vijabbli, li huwa l-iskop ta’ kull ristrutturazzjoni. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud għaliex ineffettiv.

    185

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-miżuri previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-persunal ta’ Austrian Airlines ma humiex marbuta mar-ristrutturazzjoni ta’ din tal-aħħar, sa fejn l-attivitajiet tagħha ta’ kummerċjalizzazzjoni ma għandhomx jonqsu iżda għandhom sempliċement jittieħdu minn Lufthansa sabiex tkopri s-suq Awstrijak, għandha tingħata istess risposta. Fil-fatt, anki jekk tali dikjarazzjoni titqies fondata, din ma taffettwax il-fatt li din il-miżura għandu jkollha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż ta’ Austrian Airlines u tikkostitwixxi miżura klassika għall-ksib lura tal-vijabbiltà ta’ impriża li hija s-suġġett ta’ ristrutturazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 43 tal-Linji Gwida tal-2004.

    186

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li l-miżuri ta’ sinerġija tad-dħul previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni kienu xierqa, filwaqt li l-imsemmija miżuri huma msejsa fuq politika tal-kompetizzjoni żleali minħabba l-prezzijiet, li tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    187

    Ir-rikorrenti għalhekk iddeskriviet lill-Kummissjoni, f’ilment tas-26 ta’ Jannar 2009, l-istrateġiji ta’ prezzijiet żleali ta’ Austrian Airlines. F’dak li jirrigwarda Lufthansa, hija tippreċiża li din il-politika hija organizzata permezz ta’ ftehimiet qafas, bħal dawk previsti mill-programm “PartnerPlus Progress 2008/2009”, konklużi mal-klijenti tan-negozju u li permezz tagħhom jiġi propost tnaqqis kunsiderevoli fuq il-konnessjonijiet suġġetti għall-monopolju ta’ Lufthansa inkambju għax-xiri ta’ titjiriet minn dawn il-klijenti fuq konnessjonijiet suġġetti għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari fuq il-konnessjonijiet bejn l-Awstrija u l-Ġermanja. Jekk is-sinerġiji tad-dħul maħluqa permezz tal-integrazzjoni ta’ Austrian Airlines fil-ftehimiet qafas ta’ Lufthansa jiġu rrikonoxxuti bħala li jifformaw parti minn pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà li qed tirċievi għajnuna mill-Istat, dan ikun jammonta għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Il-miżuri kumpensatorji imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdu, skont ir-rikorrenti, l-ebda protezzjoni kontra tali aġir u l-fatt li impriżi oħra jipproponu ftehimiet qafas li jipprevedu possibbiltajiet varji ta’ tnaqqis ma jikkonfutax din il-konklużjoni.

    188

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali lment huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni. Hija r-rikorrenti li għandha, jekk tqis li l-politika tariffarja ta’ Lufthansa u ta’ Austrian Airlines tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 82 KE, tressaq ilment f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni, ħaġa li hija barra minn hekk għamlet fir-rigward tal-allegata politika ta’ esklużjoni permezz tal-prezzijiet eżerċitata, skontha, minn Austrian Airlines. Mill-kumplament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha meta adottatha. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax b’mod effettiv tinvoka l-politika tariffarja ta’ Lufthansa li fir-rigward tagħha hija ma kinitx ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni fid-data tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-aħħar kunsiderazzjoni tgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda l-aġir tariffarju ta’ Lufthansa u ta’ Austrian Airlines ta’ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    189

    Fir-rigward, fil-ħames lok, tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta approvat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, filwaqt li dan kien jinvolvi miżuri espansjonisti sa fejn kien jipprevedi, b’mod kuntrarju għal-Linji Gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni, it-tkabbir tal-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines sa mill-2010, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines ma tikkostitwixxix miżura tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda miżura kumpensatorja.

    190

    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li mill-punt 38(4) tal-Linji Gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni jirriżulta li r-ristrutturazzjoni ma għandhiex twassal għal żieda fin-numru ta’ ajruplani jew seats offruti fis-swieq ikkonċernati li tkun ikbar mit-tkabbir ta’ dawn is-swieq.

    191

    Din il-limitazzjoni għandha madankollu tiġi bbilanċjata mal-għan stabbilit fil-punt 38(1) tal-Linji Gwida tal-1994 dwar is-settur tal-avjazzjoni u riprodotti fil-punt 38 tal-Linji Gwida tal-2004, jiġifieri li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jippermetti li l-kumpannija terġa tikseb il-vijabbiltà fuq żmien twil f’terminu raġonevoli. Issa, ikun diffiċli li tali għan jintlaħaq jekk il-kapaċitajiet tal-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma jkunux jistgħu jikbru bl-istess ritmu bħal dawk tal-kompetituri tagħha, b’mod partikolari fil-każ ta’ tkabbir rapidu tas-suq.

    192

    F’dan il-każ, mill-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jipprevedi bdil favorevoli fl-andament tal-iżvilupp tas-suq u żieda tal-kapaċitajiet fl-2010.

    193

    Għalhekk, billi pprovdiet, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika tal-Awstrija għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex Austrian Airlines tnaqqas il-kapaċità totali tagħha f’seats għal kull kilometru disponibbli bi 15 % meta mqabbla mal-livell ta’ Jannar 2008, u dan qabel tmiem is-sena 2010, u billi llimitat iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines f’seats għal kull kilometru disponibbli għar-rati medji ta’ tkabbir stabbiliti għat-trasportaturi bl-ajru membri tal-Assoċjazzjoni tal-Kumpanniji tal-ajru Ewropej sa tmiem is-sena 2015 jew sakemm Austrian Airlines tilħaq il-punt fejn la tagħmel qliegħ u lanqas telf, il-Kummissjoni żgurat ruħha minn limitazzjoni tal-espansjoni tal-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines, filwaqt li fl-istess ħin ippreżervat il-ksib lura tal-vijabbiltà f’terminu raġonevoli.

    194

    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

    195

    Fir-rigward, fis-sitt lok, tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tnaqqis tal-flotta ta’ Austrian Airlines kienet tikkostitwixxi miżura xierqa, meta tnaqqis tal-flotta reġjonali għandu jkun f’kull każ ikkumpensat mix-xiri ta’ ajruplani kbar kif ukoll mill-użu ta’ ajruplani għal titjiriet twal fuq konnessjonijiet qosra jew ta’ tul medju sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines f’dan is-suq, għandu jiġi osservat li, sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tirreferi għat-tnaqqis tal-kapaċità f’termini ta’ seats għal kull kilometru disponibbli, Austrian Airlines tibqa’ ħielsa li tqassam, kif jidhrilha, dan it-tnaqqis ta’ kapaċità fuq il-kompożizzjoni tal-flotta tagħha, dejjem sakemm dan it-tnaqqis ikun integrat fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, skont il-punt 40 tal-Linji Gwida tal-2004.

    196

    Għaldaqstant, anki tali lment għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

    – Fuq il-miżuri kumpensatorji previsti mid-deċiżjoni kkontestata

    197

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni tali qieset li miżura ta’ tnaqqis ta’ kapaċità ta’ 15 % meta mqabbla mal-livell ta’ Jannar 2008 kienet miżura kumpensatorja xierqa sabiex tagħmel tajjeb għall-effetti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna inkwistjoni. Insostenn ta’ dan l-ilment ir-rikorrenti tagħmel diversi argumenti.

    198

    L-ewwel nett, hija ssostni li tali miżura ma għandhiex effett prattiku fis-suq prinċipali ta’ Austrian Airlines, li huwa dak tat-titjiriet qosra u ta’ tul medju li jitilqu jew li sejrin lejn l-Awstrija u, b’mod iktar partikolari, bejn l-Awstrija u l-Ġermanja kif ukoll bejn l-Awstrija u l-Ewropa tal-Lvant.

    199

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 40 tal-Linji Gwida tal-2004 jipprevedi li l-korrispettivi mogħtija fil-kuntest ta’ miżura kumpensatorja għandhom ikunu proporzjonali mal-importanza relattiva li l-impriża għandha fis-swieq li fihom hija topera u li dawn għandhom għalhekk ikunu jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-swieq li fihom l-impriża ser ikollha pożizzjoni importanti wara r-ristrutturazzjoni.

    200

    Issa, mill-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ Austrian Airlines seħħ fuq it-titjiriet regolari kif ukoll fuq titjiriet bi prezz baxx matul is-sena 2008.

    201

    Barra minn hekk, mill-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, fil-bidu tas-sena 2009, miżuri oħra ta’ ristrutturazzjoni wasslu għal tnaqqis ġdid tal-kapaċitajiet fuq it-titjiriet regolari u fuq it-titjiriet charter.

    202

    Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li t-tnaqqis ta’ kapaċità mwettaq fl-2008 u fl-2009 kien sar biss fuq it-titjiriet twal jew fuq it-titjiriet charter ta’ Austrian Airlines.

    203

    Barra minn hekk, anki fil-każ li t-tnaqqis ta’ kapaċità msemmi fid-deċiżjoni kkontestata jkun seħħ biss fuq it-titjiriet twal u fuq it-titjiriet charter, ma huwiex irraġonevoli li jitqies li anki t-tnaqqis il-ġdid ta’ kapaċità impost fid-deċiżjoni kkontestata għandu probabbilment jiġi implementat fuq it-tipi l-oħra ta’ titjiriet proposti minn Austrian Airlines, inkluż fuq it-titjiriet qosra u ta’ tul medju bejn l-Awstrija u l-Ġermanja jew bejn l-Awstrija u l-Ewropa tal-Lvant.

    204

    Barra minn hekk, l-effettività tal-miżura ta’ tnaqqis ta’ kapaċità għandha wkoll tiġi evalwata fid-dawl tal-impenji meħuda fid-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, mill-premessi 328 u 329 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Lufthansa u Austrian Airlines impenjaw ruħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni slots fuq il-konnessjonijiet li jitilqu minn Vjenna lejn Stuttgart, minn Köln/Bonn, minn München, minn Frankfurt am Main u minn Brussell, sabiex jippermettu li kompetituri jkunu jistgħu jidħlu fuq dawn il-konnessjonijiet.

    205

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tnaqqis ta’ kapaċità ibbażata fuq in-numru ta’ seats għal kull kilometru disponibbli hija manifestament mhux xierqa.

    206

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tiffissa l-livell ta’ tnaqqis ta’ kapaċità għal 15 %, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-livell tal-kapaċità ta’ Austrian Airlines fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-28 ta’ Awwissu 2009, u mhux Jannar 2008. Skont ir-rikorrenti, anki fil-każ li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ qabel l-għoti, mir-Repubblika tal-Awstrija, tal-mandat ta’ privatizzazzjoni ta’ Austrian Airlines lil ÖIAG, jiġifieri fit-12 ta’ Awwissu 2008. Fil-fatt, ma teżistix rabta bejn it-tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ abbażi tar-ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines sabiex tiġi pprivatizzata u li fil-kuntest tagħha ngħatat l-għajnuna inkwistjoni u t-tnaqqis ta’ kapaċità preċedenti għal din il-privatizzazzjoni.

    207

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-punt 40 tal-Linji Gwida tal-2004 jirriżulta li l-livell ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet għandu jiġi stabbilit każ b’każ u li l-fatt li t-tnaqqis ta’ kapaċità seħħ qabel l-għoti tal-għajnuna ma jeskludix li dan ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala miżura kumpensatorja, sakemm dan ikun jifforma parti integrali mir-ristrutturazzjoni tal-impriża f’diffikultà benefiċjarju tal-għajnuna, kif stabbilit fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

    208

    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, sabiex tiffissa r-rata ta’ tnaqqis ta’ kapaċità, li tieħu biss inkunsiderazzjoni l-livell ta’ kapaċità fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ preċedentement, sakemm dan ikun jifforma parti integrali mir-ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines, kif prevista fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat mir-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni.

    209

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx, f’kull każ, tieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis ta’ kapaċità mwettaq qabel it-12 ta’ Awwissu 2008, li hija d-data ta’ meta r-Repubblika tal-Awstrija tat lill-ÖIAG l-mandat ta’ privatizzazzjoni ta’ Austrian Airlines, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar iktar ’il fuq, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ tnaqqis ta’ kapaċità li seħħew qabel l-għoti tal-għajnuna hija suġġetta għall-fatt li dawn il-miżuri jkunu ġew implementati fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna. Issa, l-fatt li l-mandat ta’ privatizzazzjoni ngħata formalment mir-Repubblika tal-Awstrija lil ÖIAG fit-12 ta’ Awwissu 2008 ma jeskludix, fih innifsu, li, f’dik id-data, tnaqqis ta’ kapaċità li seħħ minn Jannar 2008 jista’ jiġi kkunsidrat li jifforma parti integrali mir-ristrutturazzjoni ta’ Austrian Airlines fid-dawl tal-privatizzazzjoni tagħha. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tnaqqis ta’ kapaċità adottat sa mill-2008 minn Austrian Airlines ma kienx jifforma parti mit-tnaqqis previst fil-pjan “Go4Profit” implementat fl-2007 u kkonċepit f’kuntest ta’ soluzzjoni ta’ awtonomija.

    210

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux xierqa tat-tnaqqis ta’ 15 % tal-kapaċitajiet f’seats għal kull kilometru ta’ Austrian Airlines bħala miżura kumpensatorja għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

    211

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni tali ħadet inkunsiderazzjoni, bħala miżuri kumpensatorji, eventwali tentattivi ta’ ristrutturazzjoni li kienu seħħew iktar minn sena qabel in-notifika tal-għajnuna inkwistjoni.

    212

    F’dan ir-rigward, sa fejn dan l-argument għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda r-riferiment magħmul fid-deċiżjoni kkontestata għall-miżuri implementati fl-2006 fil-kuntest tal-pjan “Go4Profit”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-imsemmi pjan ma tqiesx li huwa miżura kumpensatorja.

    213

    Għalhekk, it‑tielet parti tal‑ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 43 KE

    214

    F’din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni sa fejn din hija indissolubbilment marbuta maż-żamma tad-drittijiet ta’ traffiku tal-ajru mogħtija abbażi ta’ klawżola ta’ nazzjonalità li tmur kontra l-Artikolu 43 KE.

    215

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif issostni r-rikorrenti, għalkemm il-proċedura prevista fl-Artikoli 87 KE u 88 KE tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mar-rekwiżiti tas-suq komuni, madankollu, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat KE jirriżulta li din il-proċedura ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-imsemmi Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs l-Italja, 73/79, Ġabra, EU:C:1980:129, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra, EU:C:2000:467, punt 78; u tal-31 ta’ Jannar 2001, Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, T‑197/97 u T‑198/97, Ġabra, EU:T:2001:28, punt 75). Dan l-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tosserva l-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE, minn-naħa, u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, min-naħa l-oħra, jimponi ruħu partikolarment fil-każ li dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jkunu jirrigwardaw ukoll kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 43 KE, li l-għan tiegħu huwa li tiġi ppreżervata l-libertà ta’ stabbiliment u l-kompetizzjoni libera bejn l-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru ieħor u l-operaturi ekonomiċi ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Fil-fatt, meta tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il-Kummissjoni, T‑359/04, Ġabra, EU:T:2010:366, punti 91 u 92).

    216

    Ġie deċiż ukoll li l-modalitajiet ta’ għajnuna li jiksru dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat KE, minbarra l-Artikoli 87 KE u 88 KE, tant jistgħu jkunu indissolubbilment marbuta mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod separat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli Volpi, 74/76, Ġabra, EU:C:1977:51, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punt 41).

    217

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, iż-żamma tad-drittijiet ta’ traffiku tal-ajru ta’ Austrian Airlines ma kinitx tikkostitwixxi modalità tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm iż-żamma tad-drittijiet ta’ traffiku tal-ajru kienet ta’ interess għal Lufthansa, fis-sens li tali drittijiet jikkorrispondu għal element importanti tal-attiv ta’ kumpannija tal-ajru, madankollu din bl-ebda mod ma kienet kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Din kienet pjuttost kundizzjoni għas-suċċess tal-akkwist ta’ Austrian Airlines imposta fuq kull persuna li takkwista, indipendentement minn jekk kienx qiegħed jintalab li r-Repubblika tal-Awstrija tħallas prezz tal-bejgħ negattiv li jinkludi, jekk ikun il-każ, il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat favur Austrian Airlines.

    218

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-użu ta’ strataġemma legali permezz tal-ħolqien ta’ entità rregolata mid-dritt Awstrijak sabiex tinżamm in-nazzjonalità Awstrijaka ta’ Austrian Airlines u, għaldaqstant, sabiex jinżammu d-drittijiet ta’ traffiku tal-ajru li ngħatawlha abbażi ta’ klawżola ta’ nazzjonalità li tinsab fi ftehimiet bilaterali konklużi ma stati terzi, ma jistax jitqies li huwa indissolubbilment marbut mal-għajnuna inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq.

    219

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kisret l-Artikolu 43 KE meta kkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni.

    220

    Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tippreġudikax l-istħarriġ tal-legalità tal-klawżoli ta’ nazzjonalità li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali ta’ servizzi tal-ajru konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija ma stati terzi fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

    221

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika tal-Awstrija l-obbligu li tirrexxindi tali ftehimiet jew li tirrinegozjahom, skont ir-Regolament Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-29 ta’ April 2004, dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimijiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 193). Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha wkoll l-obbligu, skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li hija adottat sabiex tiggarantixxi l-kompatibbiltà ta’ tali ftehimiet mad-dritt Komunitarju.

    222

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta ’ poter

    223

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat il-Linji Gwida tagħha stess fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa tal-kontribut ta’ Austrian Airlines, tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u tal-miżuri kumpensatorji sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija wettqet użu ħażin ta’ poter.

    224

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk titqies stabbilita, li ma huwiex il-każ hawnhekk, l-allegazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni injorat il-Linji Gwida tagħha stess biex adottat id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex tali li turi l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza.

    225

    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħdet bl-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu finijiet differenti minn dawk iddikjarati (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, Ġabra, EU:T:2002:61, punt 84, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra, EU:T:2007:253, punt 484). F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda prova li tippermetti li jintwera li l-Kummissjoni wettqet, għal raġunijiet ta’ opportunità, applikazzjoni partikolarment ħarxa jew partikolarment laxka tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li hija ma segwietx il-proċedura u ma implementatx il-kriterji applikabbli, skont ir-regoli rilevanti tat-Trattat u tad-dritt derivat.

    226

    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

    227

    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    228

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    229

    Peress li r-rikorrenti tilfet hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, minn ÖIAG, minn Lufthansa u minn Austrian Airlines, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

    230

    Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Niki Luftfahrt GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Österreichische Industrieholding AG, minn Deutsche Lufthansa AG u minn Austrian Airlines AG.

     

    3)

    Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Gratsias

    Kancheva

    Wetter

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2015.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura

     

    It-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    1. Fuq l-ammissibbiltà

     

    Fuq l-assenza tal-iffirmar tal-oriġinal tar-rikors

     

    Fuq l-użu mir-rikorrenti ta’ informazzjoni li ma tinsabx fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea iżda li tinsab fil-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-Repubblika tal-Awstrija

     

    2. Fuq il-mertu

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

     

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-miżuri kumpensatorji fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq inkwistjoni

     

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ għajnuna unika

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

     

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identitŕ u tal-eliġibbiltŕ tal-benefiċjarju tal-għajnuna

     

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-kontribut tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni

     

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-miżuri kumpensatorji

     

    – Fuq il-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni

     

    – Fuq il-miżuri kumpensatorji previsti mid-deċiżjoni kkontestata

     

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 43 KE

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top