Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0505

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta̕ Marzu 2012.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja.
    Appell — Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għar-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu 2008-2012 — Kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri — Artikoli 9(1) u (3), u 11(2) tad-Direttiva 2003/87 — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
    Kawża C-505/09 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:179

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    29 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

    “Appell — Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għar-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu 2008-2012 — Kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri — Artikoli 9(1) u (3), u 11(2) tad-Direttiva 2003/87 — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

    Fil-Kawża C-505/09P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Kružíková u E. Randvere kif ukoll E. White, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellanti,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Vang, bħala aġent,

    intervenjent fl-appell,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn L. Uibo u M. Linntam, bħala aġenti,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

    Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn K. Drēviņa u I. Kalniņš, bħala aġenti,

    intervenjenti fl-appell,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja,

    Ir-Repubblika Slovakka,

    Ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irland ta’ Fuq,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2011,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tat-23 ta’ Settembru 2009, L-Estonja vs Il-Kummissjoni (T-263/07, Ġabra p. II-3463, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Mejju 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Estonja għall-perjodu mill-2008 sal-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”) jipprovdi li:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.”

    3

    L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi dan li ġej:

    “1.   Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr prġudizzju għat-Trattat [KE], il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal 31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

    Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-pjan għandu jiġi ppjanat [ppubblikat] u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru [Marzu] 2004. Għall-perjodi sussegwenti taż-żmien, il-pjan għandu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien rilevanti.

    2.   Il-pjani ta’ l-allokazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati ġewwa l-kumitat riferit fl-Artikolu 23(1).

    3.   Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni.”

    4

    L-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li għall-“perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 95 % tal-kwotai mingħajr ħlas. Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Istati Membri għandhom jallokaw mill-inqas 90 % tal-kwoti mingħajr ħlas”.

    5

    Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87:

    “Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku.”

    6

    L-Anness III ta’ din l-istess direttiva jelenka tnax-il kriterju applikabbli għall-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni. Il-kriterji Nru 1 sa 3, 5 u 6 tal-imsemmi anness jipprovdu rispettivament dan li ġej:

    “1.

    Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni [tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24)] u l-Protokoll ta’ Kyoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness. Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto.

    2.

    Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li trid tiġi allokata għandha tkun konsistenti ma’ l-istimi tal-progress attwali u proġettati sabiex iwettqu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għall-impennji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni [tal-Kunsill 93/389/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1993 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet serra oħrajn fil-Komunità, ĠU L 167, p. 31].

    3.

    Il-kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenzali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attiviajiet koperti b’din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f’kull attività u l-progress li jista’ jinkiseb f’kull attività.

    […]

    5.

    Il-pjan ma għandux jiddiskrimina bejn il-kumpaniji jew is-setturi hekk li jiffavorixxi kif mhux mistħoqq lil ċerti impriżi jew attivitajiet skond il-ħtiġiet tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikol[i] 87 [KE] u 88 [KE] tiegħu.

    6.

    Il-pjan għandu jkun fih tagħrif dwar il-manjiera li fiha dawk li jidħlu ġodda jkunu kapaċi li jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja fl-Istati Membri interessati.”

    7

    L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/780/KE, tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett tas-serra skond l-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-attivitajiet tal-proġetti skond il-Protokoll ta’ Kyoto 2003/87/KE (ĠU L 142M, p. 482), jipprovdi:

    “1.   Stat membru, fil-pjan nazzjonali ta’ kwota tiegħu għall-perjodu 2008 to 2012, għandu jinkludi fil-kwantità tat-total ta’ kwoti, riżerva ta’ kwoti mfassla għal kull attività ta’ proġett fil-format stabbilit fit-tabella ta’ l-Anness I għal din id-Deċiżjoni jekk, qabel l-iskadenza għan-notifika tal-pjan nazzjonali tiegħu stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istat Membru kien ħareġ ittri ta’ approvazzjoni bħala l-pajjiż li qed jospita, waqt li wiegħed li joħroġ [unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet] jew [tnaqqis ta’ emissjonijiet iċċertifikati] għall-attivitajiet ta’ proġetti li jirriżultaw fl tnaqqis jew limitazzjonijiet ta’ l-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttiva 2003/87/KE.

    2.   Stat Membru, fil-pjan nazzjonali ta’ kwota tiegħu għall-perjodu mill-2008 sa l-2012, għandu jinkludi wkoll fil-kwantità totali ta’ kwoti riżervi adizzjonali ta’ kwoti mfassla fil-format stabbilit fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni jekk wara d-deċiżjoni skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu l-ħsieb li joħroġ ittri ta’ approvazzjoni bħala l-pajjiż li qed jospita li jwiegħed li joħroġ [unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet] u [tnaqqis ta’ emissjonijiet iċċertifikati] qabel il-31 ta’ Diċembru 2012 għal attivitajiet ta’ proġetti li jirriżultaw fi tnaqqis jew limitazzjonijiet ta’ l-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu flambitu tad-Direttiva 2003/87/KE. Attivitajiet ta’ proġetti ippjanati li jużaw l-istess metodoloġija biex inaqqsu l-emissjonijiet li għalihom l-ebda ittra ta’ konferma ma tkun għada inħarġet iżda jistgħu jiġu miġbura flimkien taħt kolonna waħda fit-tabella tar-riżerva mfassla skond l-Anness II.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    8

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 6 sa 12 tas-sentenza appellata kif ġej:

    “6

    Ir-Repubblika tal-Estonja nnotifikat lill-Kummissjoni […] bil-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont id-direttiva [2003/87]. Skont ir-Repubblika tal-Estonja, din in-notifika seħħet fit-30 ta’ Ġunju 2006 mentri skont il-Kummissjoni, hija saret fis-7 ta’ Lulju 2006.

    7

    Wara skambju ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, fi Frar 2007, ir-Repubblika tal-Estonja ppreżentat lill-Kummissjoni verżjoni ġdida tal-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    8

    Fl-4 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata]. Din id-deċiżjoni tipprevedi tnaqqis ta 47.8 % meta mqabbla mal-kwoti ta’ emissjonijiet li r-Repubblika tal-Estonja pproponiet li toħroġ.

    9

    Il-parti operattiva [id-dispożittiv] tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi dan li ġej:

    ‘Artikolu 1

    L-aspetti segwenti tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ [r-Repubblika tal-]Estonja għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 11(2) tad-direttiva [2003/87] huma inkompatibbli, rispettivament, ma’:

    1.

    il-kriterji [Nru ]1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: il-porzjon mill-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi allokata, jiġifieri 11.657987-il miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO 2 fis-sena, li hija inkompatibbli mal-istimi mwettqa skont id-Deċizjoni [...] Nru 280/2004/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta]l-emissjonijiet ta’ gass[ijiet] serra tal-Komunità u biex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 273)] u mal-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, peress li dan il-porzjon huwa mnaqqas sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005, u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għal limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2003/87], sa fejn dan it-tnaqqis jew dawn il-limitazzjonijiet ġew iġġustifikati u vverifikati: barra minn hekk, il-parti tal-kwantità totali tal-kwoti li tikkorrispondi għall-emissjonijiet addizzjonali ta’ installazzjoni ta’ kombustjoni li mhijiex inkluża fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni stabbilit għall-ewwel fażi, valutat għal 0.313883 miljun tunnellata fis-sena, li mhijiex iġġustifikata skont il-metodi ġenerali stabbiliti fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data dwar l-emissjonijiet ivverifikata u ġġustifikata;

    2.

    il-kriterju [nru] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: in-nuqqas ta’ inklużjoni, fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati prevista skont il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, ta’ riżerva ta’ kwoti kkostitwita mir-[Repubblika tal-]Estonja skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2006/780/KE][...] u l-fatt li l-kwantità ta’ kwoti allokati għall-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet ikkonċernati mhijiex imnaqqsa proporzjonalment;

    3.

    il-kriterju [nru] 5 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: il-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet ikbar mill-ħtieġa prevista tagħhom, li jirriżultaw mill-akkumulazzjoni ta’ bonus għall-miżuri adottati fi stadju bikri u tal-allokazzjonijiet ikkalkolati b’mod ieħor;

    4.

    il-kriterju [nru] 6 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: informazzjoni dwar il-mod kif dawk li jidħlu ġodda jkunu jistgħu jibdew jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja.

    Artikolu 2

    Ma ser issir l-ebda oġġezzjoni għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni sakemm isirulu t-tibdiliet li ġejjin b’mod nondiskriminatorju u dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni l-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali:

    1

    il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati għall-finijiet tal-iskema Komunitarja tiġi mnaqqsa b’11.657987 miljun tunnellata ta’ ekwivalenza ta’ CO 2 fis-sena, u l-kwantitajiet allokati lil installazzjoni ta’ kombustjoni addizzjonali, li mhijiex inkluża fil-pjan stabbilit għall-ewwel fażi, jiġu stabbiliti skont il-metodi ġenerali speċifikati fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data tal-emissjonijiet vverifikata u ġġustifikata, u l-kwantità totali tiġi mnaqqsa wkoll bl-ekwivalenti tad-differenza eventwali bejn il-kwoti allokati lil din l-installazzjoni, u ż-0.313883 miljun tunnellata rriżervati kull sena għal din l-installazzjoni; barra minn hekk, il-kwantità totali tiġi miżjuda sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005 u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għal limitazzjonijiet fl-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2003/87], sa fejn dan it-tnaqqis jew limitazzjonijiet ġew iġġustifikati u vverifikati;

    2.

    ir-riżerva ta’ kwoti li [r-Repubblika tal-]Estonja beħsiebha tikkostitwixxi skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780/KE tiġi inkluża fil-kwantità totali ta’ kwoti ta’ 12.717058 miljun tunnellata kkalkolata skont il-kriterji [nru]1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87] qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali finali dwar l-allokazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/87], u l-kwantità ta’ kwoti allokata lill-installazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet ikkonċernati tiġi mnaqqsa b’mod proporzjonali;

    3.

    il-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet ma jmorrux lil hinn mill-ħtieġa prevista bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ bonus għall-miżuri adottati fi stadju bikri;

    4.

    tingħata informazzjoni dwar il-mod kif dawk li jidħlu ġodda jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-iskema Komunitarja, b’mod konsistenti mal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87] u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 ta’ din tal-aħħar.

    Artikolu 3

    1.   It-total annwali medju ta’ kwoti ta’ 12.717058 miljun tunnellata — imnaqqas mir-riżerva li [r-Repubblika tal-]Estonja beħsiebha tikkostitiwxxi skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780/KE, u mnaqqas ukoll bl-ekwivalenti tad-differenza eventwali bejn il-kwoti allokati lil installazzjoni ta’ kombustjoni addizzjonali li mhijiex inkluża fil-pjan ta’ allokazzjoni stabbilit għall-ewwel fażi u ż-0.313883 miljun tunnellata rriżervati kull sena għal din l-installazzjoni, li mhumiex iġġustifikati skont il-metodi ġenerali speċifikati fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, abbażi ta’ data ta’ emissjonijiet ivverifikata u ġġustifikata, u miżjud sabiex jitqiesu l-emissjonijiet tal-attivitajiet ta’ proġetti li kienu diġà għaddejjin fl-2005, u li fl-2005 wasslu għal tnaqqis jew għa limitazzjonijiet fl-emissjonijiet fl-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2003/87], sakemm dan it-tnaqqis jew limitazzjonijiet jkunu ġew iġġustifikati u vverifikati — li jridu jiġu allokati mir-[Repubblika tal-]Estonja skont il-pjan nazzjonali tagħha ta’ allokazzjoni, lill-installazzjonijiet imsemmija f’dan il-pjan u lil dawk li jidħlu ġodda ma jinqabiżx.

    2.   Il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti jista’ jiġi mibdul mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni jekk it-tibdil jikkonċerna l-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet, fil-limiti tal-kwoti kollha li jridu jiġu allokati lill-installazzjonijiet msemmija fil-pjan, wara titjib fil-kwalità tad-data, jew jekk dan jikkonsisti fi tnaqqis tal-persentaġġ tal-kwoti li jridu jiġu allokati b’xejn fil-limiti definiti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2003/87].

    3.   Kull tibdil fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni intiż sabiex jikkoreġi dawk l-inkompatibbiltajiet indikati fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, iżda li jiddevja mit-tibdil imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jiġi nnotifikat mill-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali, u jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva [2003/87]. Kull tibdil ieħor fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dak meħtieġ skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, huwa inammissibbli.

    Artikolu 4

    Ir-[R]epubblika tal-Estonja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    9

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2007, ir-Repubblika tal-Estonja bdiet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    10

    Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Jannar 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Slovakka jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    11

    Insostenn tar-rikors tiegħu, dan l-Istat Membru qajjem ħames motivi. Dawn kienu bbażati, l-ewwel nett, fuq abbuż ta’ poter li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 9(1) u (3) u tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87, it-tieni nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 175 KE, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, l-ħames nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

    12

    Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tiddikjara dan ir-rikors inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li r-Repubblika tal-Estonja ma ppreżentat l-ebda motiv fattwali jew legali marbut ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, u li tiċħdu bħala infondat għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha.

    13

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

    14

    Qabel kollox, fil-punti 28 sa 34 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali mqajma mill-Kummissjoni. Hija qieset li l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-deċiżjoni u li, fil-każ li l-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja huma fondati, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata kollha kemm hi.

    15

    Sussegwentement, fil-punti 49 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq abbuż ta’ poter li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87. Fl-ewwel lok, hija kkonstatat li l-Kummissjoni kienet eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha taħt l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, minn naħa, billi fid-deċiżjoni kontenzjuża ppreċiżat kwantità speċifika ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, li kull eċċess tagħha kien jitqies inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti mill-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, billi rrifjutat il-pjan nazzjonali għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu 2008-2012, skont id-Direttiva 2003/87 (iktar ’il quddiem il-“PNA Estonjan”), sa fejn il-kwantità totali tal-kwoti proposti hemmhekk kienu jaqbżu dan il-limitu. Fit-tieni lok, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 billi ssostitwixxiet l-analiżi tagħha ma’ dik magħmula mir-Repubblika tal-Estonja f’dan il-pjan. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li d-data u l-metodi ta’ evalwazzjoni użati mill-Kummissjoni ma kinux “neċessarjament” l-iktar rappreżentattivi.

    16

    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jirrigwardaw l-iffissar tal-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, kellhom jiġu annullati. Għal dak li jirrigwarda t-tieni, it-tielet u l-ħames motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja, sa fejn kienu intiżi kontra l-istess dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kellhomx jiġu eżaminati.

    17

    Fl-aħħar nett, fil-punti 99 sa 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan il-motiv kien jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjoni jekk il-PNA Estonjan kienx konformi mal-kriterju Nru 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87 li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ riżervi fil-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati. Skont il-Qorti Ġenerali, din ma kinitx stabbilixxiet li l-kalkoli inkużi f’dan il-pjan kienu vvizzjati minn żball.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 113 tal-imsemmija sentenza, li l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar l-allegat nuqqas ta’ inklużjoni ta’ riżervi ta’ kwoti fl-imsemmija kwantità totali, kellhom jiġu annullati.

    19

    Għaldaqstant, peress li kkonkludiet li l-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża kellhom jiġu annullati u peress li ddikkjarat li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux separabbli mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali finalment iddikjarat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata kollha kemm hi.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju tad-Danimarka ġie awtorizzat jintervjeni insosenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka flimkien mar-Repubblika tal-Latvja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    21

    Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata, u

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

    22

    Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

    23

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi ppreżentati minn dan l-Istat Membru fl-ewwel istanza li ma ġewx evalwati fis-sentenza appellata, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    24

    Ir- Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    25

    Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

    Fuq l-appell

    26

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem erba’ aggravji. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq żball ta’ liġi fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u t-tieni nett, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u r-raba’ nett hija wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi kkunsidrat lil dawn id-dispożizzjonijiet bħala mhux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament

    L-argumenti tal-partijiet

    27

    Il-Kummissjoni tallega li, billi laqgħat l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    28

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-motivi invokati mir-Repubblika tal-Estonja quddiem il-Qorti Ġenerali kienu jikkonċernaw, essenzjalment, il-legalità tal-limitu stabbilit għall-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra prevista fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll, parzjalment, in-nuqqas milli jiġu inklużi r-riżervi ta’ kwoti msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni. Ma saret l-ebda kritika minn dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ inkompatibbiltajiet oħra kkonstatati għal dak li jikkonċerna l-PNA Estonjan, jiġifieri l-favoritiżmi fl-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u n-nuqqas ta’ trasparenza fit-trattament tal-parteċipanti l-ġodda. Madankollu, sabiex tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, ir-Repubblika tal-Estonja kellha tqajjem motivi kontra kull waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha.

    29

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddikkjarat l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4), kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala mhux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha.

    30

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. Hija tfakkar li talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi. Ir-rikors kien jinkludi sommarju tal-motivi invokati, skont ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għal dak li jirrigwarda s-sentenza appellata, din hija bbażata fuq fehim korrett tar-rekwiżit tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijeit tal-imsemmija deċiżjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    L-ewwel aggravju jikkonċerna l-punti 28 sa 34 tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors għal annullament.

    32

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 28 sa 33 tal-imsemmija sentenza, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża kinux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-deċiżjoni u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ. F’tali ċirkustanzi, fil-punt 34 tal-imsemmija sentenza, hija ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-allegata inammissibbiltà parzjali tal-imsemmi rikors filwaqt li ppreċiżat li, fil-każ li l-motivi mqajma mir-Repubblika tal-Estonja huma fondati, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata kollha kemm hi.

    33

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li fir-rikors promotur tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja kienet talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda allegata motivazzjoni insuffiċjenti tal-imsemmi rikors rigward tal-portata tal-annullament mitlub, sa fejn il-motivi ppreżentati minn dan l-Istat Membru kienu jirrigwardaw biss l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni. Skont il-Kummissjoni, tali rikors ma kienx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Billi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet li kienu s-suġġett tal-motivi ppreżentati mir-Repubblika tal-Estonja kienu separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-aħħar dispożizzjonijiet.

    34

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istess Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża, it-talbiet u sunt tal-motivi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lil-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr, jekk ikun il-każ, il-bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C-343/08, Ġabra p. I 275, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors promotur ippreżentat mir-Repubblika tal-Estonja kien jissodisfa dawn ir-rekwiżiti proċedurali peress li huwa paċifiku li kien jinkludi s-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi mqajma minn dan l-Istat Membru dwar l-Artikolu (1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Lanqas ma huwa kkontestat li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom kienu bbażati dawn il-motivi kienu jirriżultaw b’mod koerenti u li tinftiehem mit-test tal-imsemmi rikors.

    36

    Huwa minnu li fir-rikors tagħha r-Repubblika tal-Estonja ma kinitx ippreżentat motivi jew oġġezzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, sabiex jiġi fformulat rikors għal annullament kontra att tad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu, ma huwiex neċessarju li rikorrent iqajjem motivi jew oġġezzjonijiet kontra kull dispożizzjoni tiegħu.

    37

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-annullament tad-dispożizzjonijiet imsemmija espliċitament fil-motivi tar-rikors, jiġifieri l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża setax iwassal għall-annullament tal-kumplament tal-imsemmija deċiżjoni, hekk kif kienet qiegħda titlob ir-Repubblika tal-Estonja fid-dispożittiv tar-rikors promotur tagħha, u b’mod iktar partikolari, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx wettqet żball ta’ liġi billi qieset dawn id-dispożizzjonijiet bħala mhux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ aggravju tal-appell preżenti.

    38

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 1(3) u (4), l-Artikolu 2(3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87

    39

    Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87. Wara li kkritikat l-osservazzjonijiet ġenerali ppreżentati mill-Qorti Ġenerali dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif previst mill-imsemmija direttiva u dwar in-natura tal-istħarriġ eżerċitat minn din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tippreżenta argumenti li jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u t-tieni waħda fuq allegat ksur tal-għan ta’ din l-istess direttiva.

    40

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. Il-Kummissjoni ma sostniet l-ebda argument tali li jipprova li l-Qorti Ġenerali wettqet żball bħal dan meta ddeċidiet li, skont l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87, din kellha taġixxi fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-għażliet magħmula minn dan l-Istat Membru u tosserva l-marġni ta’ manuvra mogħti lilha.

    Fuq in-natura tal-istħarriġ tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87

    – L-argumenti tal-partijiet

    41

    Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat it-tqassim tal-kompetenzi bejnha u l-Istati Membri kif previsti fl-Artikoli 9 u 11 tad-Deċiżjoni 2003/87 u li, billi kklassifikat l-istħarriġ tagħha skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva bħala stħarriġ ta’ legalità, wettqet żball ta’ liġi.

    42

    Fil-punt 51 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali estendiet, b’mod żbaljat, il-kompetenzi tal-Istati Membri billi bbażat ruħha fuq id-definizzjoni tan-natura ġuridika ta’ direttiva, kif tirriżulta mill-Artikolu 249 KE. L-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87 huma maħsuba sabiex japplikaw biss bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri u ma jeħtiġux traspożizzjoni minn qabel fid-dritt nazzjonali. Huma għandhom natura regolatorja u japplikaw direttament, bħal dispożizzjonijiet ta’ regolament. Għal dak li jikkonċerna l-forma u l-kontenut tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni, fil-parti l-kbira tagħhom dawn huma ddeterminati u kkontrollati fil-livell tal-Unjoni Ewropea b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-gwidi mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, għall-implementazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III tagħha.

    43

    Bil-kontra tal-approċċ sostnut mill-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, ma tistax tillimita s-setgħa ta’ stħarriġ mogħti lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, ladarba dan tal-aħħar ikun ikkonkluda li teżisti l-ħtieġa li jkun hemm regoli fil-livell tal-Unjoni, dan il-prinċipju ma japplikax iżjed.

    44

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq l-Artikoli 211 KE u 226 KE. Il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ma humiex miżuri klassiċi ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Filwaqt li att ta’ traspożizzjoni ma jistax ikun suġġett ta’ stħarriġ mill-Kummissjoni ħlief ex post taħt l-Artikolu 226 KE, il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet huma evalwati minnha matul stħarriġ ex ante, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87. F’dan il-kuntest, il-Kumitat għal bidla fil-klima, imsemmi fl-Artikolu 9(2), għandu rwol importanti. Għaldaqstant, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-Kummissjoni jmur lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità.

    45

    Il-Kummissjoni tippreċiża, fir-risposta għan-nota ta’ invervent tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tad-Danimark u tar-Repubblika tal-Latvja, li l-għan ta’ dan l-aggravju ma huwiex li tiġi kkonstatata l-kompetenza tagħha sabiex tiffissa b’mod vinkolanti l-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, iżda li jiġi stabbilit li l-argument żviluppat mill-Qorti Ġenerali sabiex tillimita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha huwa żbaljat. Fi kwalunkwe każ, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat, bil-kontra tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li fid-deċiżjoni kontenzjuża din ma setgħetx tindika l-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjoni li hija tqis aċċettabbli, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi annullata l-imsemmija deċiżjoni, sa fejn il-Kummissjoni spjegat, fid-dettall, li l-kwantità totali ta’ kwoti previsti mir-Repubblika tal-Estonja kienet manifestament għolja ħafna.

    46

    Dan l-Istat Membru tal-aħħar issostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex fondati. Il-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-kompetenza tagħha billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 249 KE. Hija sempliċement ikkonstatat li, meta direttiva ma tistipulax il-forma u l-mezzi li jridu jintużaw, meta tiġi trasposta, sabiex tilħaq ir-riżultat mixtieq, il-libertà tal-Istati Membri rigward l-għażla ta’ dawn hija, fil-prinċipju, sħiħa. Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87 għandhomx natura regolatorja jew le, ma għandha l-ebda effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-anqas ma jista’ jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali llimitat, billi invokat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni jikkonċernaw il-punti 49 sa 56 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif prevista mill-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87.

    48

    Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Istati Membri biss huma kompetenti, minn naħa, sabiex ifasslu l-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet finali li jiffissaw b’mod partikolari, l-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati. Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, huma għandhom ċertu marġni ta’ manuvra. Il-Kummissjoni hija awtorizzata, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, minn naħa, sabiex tivverifika jekk il-pjanijiet nazzjonali għal allokazzjoni humiex konformi mal-kriterji stabbiliti minnha u, min-naħa l-oħra, sabiex tiċħad pjanijiet abbażi ta’ inkompatibbiltà mal-kriterji tagħha. Is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni huwa limitat għal stħarriġ ta’ legalità.

    49

    F’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrelevat fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta b’mod ċar “li huwa biss l-Istat Membru li għandu l-kompetenza, minn naħa, li jfassal il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni li bih jipproponi li jilħaq l-għanijiet definiti f[’din] id-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, [u ]li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jieħu deċiżjonijiet finali li jistabbilixxu l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka għal kull perijodu ta’ ħames snin, u d-distribuzzjoni ta’ din il-kwantità bejn l-operaturi ekonomiċi”. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta b’mod inekwivoku li r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat għal stħarriġ tal-konformità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ Stat Membru mal-kriterji msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha. Hija għandha d-dritt li tivverifika din il-konformità jew li tiċħad il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni fuq il-bażi ta’ inkompatibbiltà ma’ dawn il-kriterji jew dawn id-dispożizzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni motivata. F’każ li l-Kummissjoni tiċħad il-pjan tiegħu, Stat Membru jista’ jieħu biss deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva jekk it-tibdiliet proposti minnu jkunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

    50

    Bil-kontra ta’ dak li ssosnti l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li bbażat ruħha, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE sabiex tevalwa l-kwistjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif prevista fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87. Il-prinċipju li direttiva torbot lill-Istati Membri destinatarji kollha għal dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq, filwaqt li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenzi rigward il-forma u l-mezzi sabiex jintlaħaq l-imsemmi riżultat, japplika fil-prinċipju, għal kull direttiva.

    51

    Huwa minnu li jistgħu jeżistu differenzi kbar rigward it-tipi ta’ obbligi li d-direttivi jimponu fuq l-Istati Membri u rigward ir-riżultati li dawn għandhom jilħqu. Huwa wkoll paċifiku li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jikkonċernaw biss ir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u l-Kummissjoni jistgħu ma jeħtiġux miżuri ta’ traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-32/05, Ġabra p. I-11323, punti 35 u 36). Madankollu, dan il-fatt ma għandux effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża preżenti. Ma jistax jiġi miċħud li l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87 jirregolaw ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-proċedura tal-adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni, jiġifieri l-kwistjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejniethom. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri jgawdux minn marġni ta’ manuvra jew le sabiex jistabbilixxu l-pjan tagħhom u, jekk ikun il-każ, liema hija l-portata tiegħu.

    52

    F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li d-Direttiva 2003/87 ma tistipulax metodu speċifiku għat-tfassil ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni u għad-determinazzjoni tal-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati. Anzi bil-kontra, il-punt 1 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva jipprovdi espliċitament, kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-politika tal-enerġija nazzjonali u tal-programm nazzjonali fil-qasam tal-bidla fil-klima.

    53

    Għaldaqstant, bħalma l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra sabiex jagħżlu l-miżuri li huma jqisu l-iktar adattati sabiex jilħqu, fil-kuntest speċifiku tas-suq nazzjonali tal-enerġija, ir-riżultat mixtieq mill-imsemmija direttiva.

    54

    Għal dak li jirrigwarda l-fatt li, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet huma evalwati mill-Kummissjoni matul stħarriġ ex ante, tali setgħa ta’ stħarriġ ċertament hija differenti, b’ħafna modi, mill-istħarriġ ex post previst fl-Artikolu 226 KE. Dan il-fatt ma jistax madankollu jimplika li l-istħarriġ ex ante għandu jmur lil hinn minn stħarriġ ta’ legalità.

    55

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-kritiki magħmula mill-Kummissjoni kontra l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Qorti Ġenerali dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif previst mid-Direttiva 2003/87 għandhom jiġu esklużi.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

    – L-argumenti tal-partijiet

    56

    Il-Kummissjoni ssostni li, billi ddeterminat il-portata u l-ambitu tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha, taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li essenzjalment jirriżulta fi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    57

    Il-konklużjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 billi ssostitwixxiet l-analiżi tagħha ma’ dik imwettqa mir-Repubblika tal-Estonja hija żbaljata. Il-Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmi prinċipju u, barra minn hekk, wettqet żball ta’ liġi billi evalwat il-kwistjoni tal-għażla tad-data dwar l-emissjonijiet li għandhom iservu bħala punt ta’ tluq għall-finijiet ta’ previżjonijiet għall-perijodu 2008-2012.

    58

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi d-data ta’ emissjonijiet ta’ CO2 ta’ qabel is-sena 2005 introdotta mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħha u l-previżjonijiet tal-prodott gross domestiku (PGD) użati minn dan l-Istat Membru minflok dawk ippubblikati għall-Istati Membri kollha matul is-sena 2005. Madankollu, jekk jiġi aċċettat li kull Stat Membru juża d-data tiegħu stess, żviluppata skont il-kriterji tiegħu jista’ jinħoloq trattament mhux ugwali bejn l-Istati Membri.

    59

    L-objettiv u l-għan tad-Direttiva 2003/87, kif ukol l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni, huma li “jiġi żgurat li l-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tal-Istati Membri kollha jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli”. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet mal-kriterji msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva għandhom jiġu eżaminati fuq il-bażi ta’ metodu ta’ evalwazzjoni mfassal mill-Kummissjoni u data miksuba permezz ta’ dan il-metodu. Dan l-eżami jinvolvi l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ data dwar emissjonijiet ta’ CO2 tal-istess sena għall-Istati Membri kollha u l-previżjonijiet ta’ żieda fil-PGD matul il-perijodu 2005-2010 disponibbli fl-istess mument għal dan l-Istati kollha.

    60

    L-iżvolġiment tal-proċedura ta’ stħarriġ, prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, juri li din tirrigwarda eżerċizzju ta’ stħarriġ simultanju fi żmien limitat, intiż sabiex tkun permessa implementazzjoni tal-iskema komuni ta’ skambju ta’ kwoti fl-Istati Membri kollha qabel l-1 ta’ Jannar 2008. Il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet huma eżaminati fi ħdan il-Kumitat għal bidla fil-klima b’mod paralell mal-eżami tagħhom mill-Kummissjoni, u dan jikkonferma l-ħtieġa li din tuża approċċ omoġeneu għall-pjanijiet kollha.

    61

    L-argument żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, jmur kontra dak applikat fid-digriet tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2008, BOT Elektrownia Bełchatów et vs Il-Kummissjoni (T-208/07). F’dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali aċċettat il-limitu ta’ żmien tat-tibdiliet li l-Istati Membri jridu jagħmlu għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom billi ddeċidiet li mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mill-istruttura ġenerali u l-objettivi tal-iskema li hija tistabbilixxi, jirriżulta li Stat Membur dejjem għandu dritt jissuġġerixxi tibdiliet għal pjan tiegħu wara li jinnotifikah lill-Kummissjoni, u dan sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li dan l-Istat irid jieħu skont l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva.

    62

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li din l-ewwel parti tat-tieni aggarvju tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħal li kieku kien prinċipju assolut. Il-possibbiltà li jista’ jkun hemm trattament mhux ugwali ma tistax tiġġustifika bidla fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif previst fid-Direttiva 2003/87. L-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri tista’ tiġi żgurata b’mod xieraq jekk il-Kummissjoni teżamina kull pjan bl-istess grad ta’ diliġenza.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    63

    L-ewwel parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-punti 56 sa 93 tas-sentenza appellata. Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-setgħa ta’ stħarriġ li għandha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, ma tippermettilhiex li tissostitwixxi d-data tagħha mad-data inkluża mill-Istat Membru fil-pjan tiegħu. Hija ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament “ma [j]istax [i]biddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri pprovdut mi[nn din i]d-Direttiva, li tgħid li dawn tal-aħħar huma kompetenti sabiex ifasslu pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni u sabiex jieħdu deċiżjoni finali fuq il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati”.

    64

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 23).

    65

    Il-ħtieġa li dan il-prinċipju jiġi osservat ma tistax, madankollu, tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst minn dispożizzjoni tal-Unjoni. Kif ġie kkonfermat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jagħti biss lill-Kummissjoni setgħa ta’ stħarriġ ta’ legalità tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, li tippermettilha tiċħad pjanijiet li ma humiex konformi mal-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha.

    66

    Għal dak li jirrigwarda l-grad ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punti 68, 69, 75, 79 u 80 tas-sentenza appellata, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jużaw id-data u l-metodi ta’ evalwazzjoni tal-għażla tagħhom, sakemm dawn ma jwasslux għal riżultati li ma humiex konformi għal dawn il-kriterji jew għal dawn id-dispożizzjonijiet. Billi eżerċitat is-setgħa ta’ stħarriġ tagħha taħt l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni għandha tosserva l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri. Għaldaqstant, hija ma tistax tiċħad pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li d-data inkluża fih ma hijiex konformi mad-data li hija ppreferiet.

    67

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina d-data inkluża mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħha. Fil-każ fejn il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-imsemmija data, hija kellha l-obbligu li titlob kjarifika mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u anki turi n-nuqqas ta’ konformità ta’ din id-data mal-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87.

    68

    L-argumenti mqajma mill-Kummissjoni dwar in-natura simultanja tal-istħarriġ ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ma humiex tali li jimminaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, dawn l-argumenti huma bbażati fuq kunċett żbaljat tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha, taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, id-differenzi possibbli fir-rigward tad-data u tal-metodi ta’ evalwazzjoni użati mill-Istati Membri huma manifestazzjoni tal-marġni ta’ manuvra tagħhom, li l-Kummissjoni għandha tosserva fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ konformità tagħha.

    69

    F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tista’ tiżgura ugwaljanza fit-trattament għall-Istati Membri b’mod xieraq billi teżamina l-pjan ippreżentat minn kull wieħed minnhom bl-istess grad ta’ diliġenza. Għandu wkoll jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tagħżel punt komuni ta’ paragun bejn il-pjanijiet imfassla minn kull wieħed minn dawn l-Istati. Kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 63 tas-sentenza appellata, għal dan il-għan, din tista fost oħrajn tfassal “mudell ekonomiku u ekoloġiku tagħha stess” ibbażat fuq id-data li hija tagħżel u tużah bħala punt ta’ paragun sabiex tivverifika jekk il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet humiex kompatibbli mal-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha.

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-għan tad-Direttiva 2003/87

    – L-argumenti tal-partijiet

    71

    Il-Kummissjoni tqis li, billi interpretat l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti Ġenerali kisret l-għan li din id-direttiva trid tilħaq. Hija tikkontesta li eċċediet il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha taħt l-imsemmi artikolu, billi eżaminat il-PNA Estonjan fuq il-bażi tal-metodu tagħha stess kif ukoll billi indikat kwantità speċifika ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, li kwalunkwe eċċess tagħha kien meqjus bħala inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti minn din id-direttiva u, konsegwentement, billi ċaħdet il-PNA Estonjan sa fejn il-kwantità totali ta’ kwoti proposta fih kienet teċċedi dan il-limitu.

    72

    Is-setgħat ta’ stħarriġ li għandha l-Kummissjoni taħt din id-dispożizzjoni għandhom jinqraw u jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/87. Issa, l-imsemmija direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, skema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effikaċja ekonomika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-għan finali ta’ din l-iskema huwa l-ħarsien tal-ambjent u li l-imsemmija skema tinkoraġġixxi u tiffovorixxi t-tfittix tal-inqas spejjeż sabiex jinkiseb tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet. Minn din is-sentenza jirriżulta li dan l-għan jista’ jintlaħaq biss meta t-talba għal kwoti teċċedi l-offerta fis-suq ta’ kwoti Komunitarji. Barra minn hekk, skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2003/87, l-implementazzjoni ta’ din l-istess skema għandha tikkontribwixxi sabiex tinżamm l-integrità tas-suq intern u jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta.

    73

    Bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-istħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 ma jistax ikun stħarriġ “ristrett ħafna”, ridott għal sempliċi verifika ta’ data użata mill-Istati Membri fil-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tagħhom. Dan l-istħarriġ għandu jibbaża fuq approċċ omoġeneu, li jinvolvi l-użu mill-Kummissjoni ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-istess sena għall-Istati Membri kollha u ta’ previżjonijiet ta’ żieda fil-PGD matul il-perijodu 2005-2010 disponibbli fl-istess waqt għal dawn l-Istati kollha.

    74

    Skont il-Kummissjoni, l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 ma jistgħux jintlaħqu jekk hija ma jkollhiex is-setgħa li tiffissa livell massimu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati. Il-pożizzjoni tagħha hija wkoll iġġustifikata permezz ta’ raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju.

    75

    Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva sabiex jiffissaw il-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati. Huwa possibbli li jiġi pprovat ex post li r-rikonoxximent mingħajr kundizzjonijiet tad-data ta’ emissjonijiet ta’ CO2 indikati fil-PNA Estonjan, dwar is-snin ta’ qabel l-2005, kif ukoll il-kwantità totali proposta ta’ kwoti li jridu jiġu allokati waslu għal riżultat li ma jmurx biss kontra l-kriterji Nru 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87 iżda wkoll kontra l-għan ta’ din id-direttiva li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2.

    76

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx distinzjoni korretta tal-iffissar, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ limitu għall-kwantità totali ta’ kwoti u l-iffissar tal-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati mill-Istat Membru.

    77

    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li din it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni ma wriet bl-ebda mod li huwa impossibbli li tikkonforma mal-għan tad-Direttiva 2003/87 fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

    – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    78

    It-tieni parti tat-tieni aggravju tirrigwarda l-punti 59 sa 66 tas-sentenza appellata. Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali qieset li, billi fid-deċiżjoni kontenzjuża ffissat kwantità speċifika ta’ kwoti, li kwalunkwe eċċess tagħha kien meqjus inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2003/87 u billi ċaħdet il-PNA Estonjan sa fejn il-kwantità totali ta’ kwoti proposta fih kienet taqbeż dan il-limitu, il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa tagħha taħt l-Artikolu 9(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva. L-imsemmija parti tal-aggravju tirrigwarda wkoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni kienet eċċediet dawn il-limiti billi użat, waqt l-evalwazzjoni tal-PNA Estonjan, id-data u l-metodu tagħha stess. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva bi ksur tal-għanijiet mixtieqa li jintlaħqu minnha.

    79

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-għan prinċipali ddikjarat tad-Direttiva 2003/87 huwa li jitnaqqsu, b’mod sostanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex ikunu jistgħu jiġu osservati l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri fid-dawl tal-Protokoll ta’ Kyoto. Dan il-għan għandu jinkiseb filwaqt li jiġu osservati sensiela ta’ għanijiet sekondarji u bl-użu ta’ ċerti għodda. L-għodda prinċipali f’dan ir-rigward hija l-iskema Komunitarja ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/87. L-imsemmi Artikolu 1 isostni, għalhekk, li din l-iskema tiffavorixxi t-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effikaċja ekonomika. L-għanijiet sekondarji l-oħra li din l-iskema għandha tissodisfa huma, b’mod partikolari, hekk kif huwa espost fil-premessi 5 u 7 ta’ din id-direttiva, iż-żamma tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjieg kif ukoll dak tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

    80

    F’dan il-każ, anki jekk jiġi preżunt li l-approċċ irrakkomandat mill-Kummissjoni huwa tali li jtejjeb il-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni u jippermetti għaldaqstant li jintlaħaq b’mod iktar effettiv l-għan li jitnaqqsu, b’mod sustanzjali, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din iċ-ċirkustanza ma tistax tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst fl-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2003/87.

    81

    Fil-fatt, fil-qasam ta’ kompetenza kondiviża, bħal dak tal-ħarsien tal-ambjent, huwa l-obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddetermina l-miżuri li huwa jqis neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 KE.

    82

    Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti biss lill-Kummissjoni setgħa ta’ stħarriġ ta’ konformità tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet mal-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha, u mhux setgħa ta’ sostituzzjoni jew ta’ armonizzazzjoni li tinkludi s-setgħa li tiffissa kwantità massima ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, tirriżulta kemm mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, jekk jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tista’ tiffissa tali kwantità massima dan imur lil hinn mil-limiti ta’ interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-direttiva u jwassal sabiex din l-istituzzjoni tingħata setgħat li ma għandhom l-ebda bażi legali.

    83

    Kif jirriżulta diġà mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeċidiet ġustament, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta b’mod inekwivoku li r-rwol tal-Kummissjoni huwa limitat għal stħarriġ tal-konformità tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ Stat Membru mal-kriterji msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha. Hija ġustament qieset li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tivverifika din il-konformità u li tiċħad il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni fuq il-bażi ta’ inkompatibbiltà ma’ dawn il-kriterji u dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li dan l-Istat Membru jista biss, f’tali każ, jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva jekk it-tibdiliet li huwa jipproponi jkunu ġew aċċettati minn din l-istituzzjoni.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, li huwa l-uniku wieħed li għandu kompetenza sabiex jemenda d-Direttiva 2003/87, qies neċessarju li jemenda l-Artikolu 9 tagħha permezz tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63). Din id-direttiva li temenda tipprevedi l-implementazzjoni ta’ skema iktar armonizzata sabiex tuża bl-aħjar mod l-iskambju ta’ kwoti, jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq intern u jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ rabta bejn id-diversi skemi ta’ skambju.

    85

    Għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jiġi pprovat ex post li r-rikonoxximent mingħajr kundizzjonijiet tad-data ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u tal-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, indikati fil-PNA Estonjan, wassal għal riżultat li jmur kontra l-kriterji Nru 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-Kummissjoni tista’ tiċħad pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni li ma huwiex konformi mal-kriterji elenkati f’dan l-anness jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha u għaldaqstant ma qisitx li din kellha tirrikonoxxi mingħajr kundizzjonijiet id-data inkluża fil-PNA Estonjan.

    86

    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, din għandha tingħata s-setgħa li tiffissa l-livell massimu tal-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, huwa ċertament veru li tali approċċ inaqqas ir-riskju li jiġu adottati deċiżjonijiet suċċessivi li jiċħdu l-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet fuq il-bażi ta’ inkompatibbiltà mal-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tagħha. F’dan il-kuntest, huwa importanti madankollu li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mill-kompetenzi tagħha jekk hija tiddikjara, fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tiċħad pjan, mingħajr ma tiddetermina b’mod vinkolanti l-kwantità massima ta’ tali kwoti, li hija ma hijiex ser tiċħad it-tibdiliet magħmula f’dan il-pjan sakemm dawn ikunu konformi mal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula f’din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Tali approċċ huwa konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u jissodisfa wkoll l-għanijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju.

    87

    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax issostni li permezz tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti Ġenerali kisret l-għanijiet li jridu jintlaħqu minnha. It-tieni parti tat-tieni aggravju għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda bħala infondata.

    88

    Peress li l-kritiki magħmula mill-Kummissjoni kontra l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif previst mid-Direttiva 2003/87 ġew miċħuda u ż-żewġ partijiet tat-tieni aggravju ma setgħux jiġu milqugħa, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba

    L-argumenti tal-partijiet

    89

    Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi evalwat ir-raba’ motiv tar-rikors ibbażat fuq ksur ta’ dan il-prinċipju.

    90

    Sabiex tevalwa l-kwistjoni dwar jekk il-PNA Estonjan kienx kompatibbli mal-kriterju Nru 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri jekk riżerva ta’ kwoti stabbilita skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780 kinitx inkluża jew le fil-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha b’mod validu fuq id-data użata għall-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet kollha tal-Istati Membri. Il-motivazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kontenzjuża hija, f’dan ir-rigward, suffiċjenti, rilevanti u xierqa. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq id-data tagħha stess bi preġudizzju għal dik tar-Repubblika tal-Estonja.

    91

    Minħabba l-ambigwità tal-PNA Estonjan fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ċerti partijiet tar-riżervi fil-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra l-kwantità totali proposta f’dan il-pjan bħala inkompatibbli mat-tliet kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Il-Qorti Ġenerali nnifisha rrikonoxxiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, din l-ambigwità.

    92

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. L-argumenti tal-Kummissjoni jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Meta eżaminat ir-raba’ motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx intitolata tuża d-data tagħha stess sabiex tevalwa t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżervi ta’ kwoti, iżda sempliċement ivverifikat jekk din kinitx eżaminat, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    93

    Dan l-aggravju, li jirrigwarda l-punti 99 sa 112 tas-sentenza appellata, jikkonċerna l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li billi ma eżaminatx b’mod xieraq il-PNA Estonjan, u b’mod partikolari, l-Annessi 1 u 3 tiegħu, sabiex tevalwa jekk riżerva ta’ kwoti stabbilita skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780 kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    94

    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx, f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar jekk hija setgħetx tibbaża ruħha fuq data tagħha stess sabiex tevalwa jekk tali riżerva kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni jew le. Hekk kif ir-Repubblika tal-Estonja ġustament tirrileva, l-imsemmija qorti sempliċement ivverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx eżaminat id-data ppreżentata minn dan l-Istat Membru fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tiegħu fl-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    95

    L-ewwel nett, fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedimenti amministrattivi jinsab, fost oħrajn, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

    96

    Għal dak li jikkonċerna ċ-ċifri ppreżentati mir-Repubblika tal-Estonja fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali sussegwentement sostniet, fil-punti 103 sa 108 tas-sentenza appellata, li dawn kienu jidhru koerenti u li jinftiehmu. Fl-aħħar nett, fil-punti 109 sa 111 tal-imsemmija sentenza, hija evalwat jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, il-Kummissjoni kinitx eżaminat, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kwoti inklużi fir-riżervi inkwistjoni ma kinux ġew inklużi fil-kwantità totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati, ma deheritx li setgħet tiġi rrikonċijlata mad-dokumenti fil-proċess. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li kien messha spjegat fuq liema bażi hija waslet għall-konklużjoni li l-PNA Estonjan ma kienx konformi mal-kriterju Nru 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet kif il-kalkoli inklużi f’dan il-pjan kienu vvizzjati bi żbalji.

    97

    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet hija stess li l-PNA Estonjan kien ambigwu, huwa minnu li fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-pjan kien jidher ambigwu fir-rigward tal-assenza ta’ inklużjoni ta’ parti mir-riżervi fil-kwantità totali ta’ kwoti, sa fejn ir-raġunijiet għaliex ir-Repubblika tal-Estonja kienet ikkunsidrat li din il-parti mir-riżervi kellha titnaqqas mill-kwantità totali ta’ kwoti ma kinux jirriżultaw mill-annessi ta’ dan il-pjan.

    98

    Madankollu, dan is-sempliċi element ma jistax jimplika li l-PNA Estonjan seta’ jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, il-preżenza ta’ element ambigwu f’pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni, ma tistax fiha nnifisha twassal għaċ-ċaħda ta’ dan il-pjan.

    99

    Kemm skont l-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u dak ta’ amministrazzjoni tajba, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina jekk dan l-element ambigwu jmurx kontra jew huwiex konformi mal-kriterji elenkati fl-imsemmi anness. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-informazzjoni kollha inkluża fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni li hija teżamina u, jekk ikun il-każ, titlob kjarifiki mingħand awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    100

    Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu għalhekk jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-analiżi tan-natura inseparabbli tal-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża

    L-argumenti tal-partijiet

    101

    Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni kontenzjuża u li, konsegwentement, annullat din id-deċiżjoni kollha kemm hi.

    102

    Is-sentenza appellata hija bbażata fuq fehim ħażin tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni, kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza, iċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza appellata, u tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li r-rekwiżit ta’ separabbiltà ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Madankollu, dan ma jkunx il-każ rigward kwalunkwe emenda tal-kontenut tal-att. Fil-fatt, jekk tinbidel is-sustanza ta’ att, dan jimplika t-trasformazzjoni tiegħu f’att li l-awtur tiegħu ma kellux l-intenzjoni li jadotta jew li ma kienx jadotta.

    103

    L-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża jikkonċernaw il-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati (kriterji Nru 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87). Hemm ċertament rabta bejn dawn l-artikoli iżda huma separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni. L-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2(3) ta’ din l-istess deċiżjoni jirrelataw ma’ allokazzjoni eċċessiva ta’ tali kwoti lil ċerti impriżi (kriterju Nru 5 tal-istess anness) filwaqt li l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2(4) tagħha huma relatati ma’ assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-parteċipanti l-ġodda (kriterju Nru 6 ta’ dan l-anness).

    104

    Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat, minn naħa, fuq il-konstatazzjoni li l-eżistenza ta’ paralelliżmu bejn il-paragrafi tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni taqbel magħha, u min-naħa l-oħra, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-Artikolu 2 tagħha. Il-portata ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 1 u mhux bil-kontra.

    105

    L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jinkludi lista ta’ elementi tal-PNA Estonjan li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala kuntrarji għall-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. L-Artikolu 2 tagħha jinkludi serje ta’ suġġerimenti sabiex kull inkompatibbiltà kkonstatata mal-Artikolu 1 tiġi rrimedjata. L-inkompatibbiltajiet deskritti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dawn iż-żewġ artikoli huma differenti u indipendenti minn dawk ikkonstatati fil-paragrafi 3 u 4 tagħhom. Dawn il-paragrafi, jew għall-inqas dawn iż-żewġ gruppi ta’ paragrafi huma, għaldaqstant, separabbli.

    106

    Mill-istruttura u mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta b’mod ċar li kull paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha għandu rabta inseparabbli mal-paragrafu korrispondenti tal-Artikolu 1 tagħha u mhux mad-dispożizzjoni l-oħra tal-Artikolu 2 innifsu. Din l-istess konstatazzjoni tista’ tiġi stabbilita għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1.

    107

    Għalkemm il-Kummissjoni impenjat ruħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet matul l-eżami ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ieħor li jinkorpora s-suġġerimenti kollha li jidhru fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn is-suġġerimenti ma jiffurmawx għalhekk unità inseparabbli. Jekk jiġi deċiż li inkompatibbiltà, waħda jew diversi, deskritti fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ma kellhomx jitqiesu bħala tali, is-suġġerimenti li jikkorrispondu għall-Artikolu 2 ikunu superfluwi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu tal-aħħar jibqa’ japplika.

    108

    F’tali ċirkustanzi, l-annullament tal-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma setax, skont il-Kummissjoni, ibiddel is-sustanza tal-imsemmija deċiżjoni. Dawn id-diversi dispożizzjonijiet jistgħu, barra minn hekk, jitqiesu wkoll bħala diversi deċiżjonijiet magħquda f’att leġiżlattiv wieħed.

    109

    Ir-Repubblika tal-Estonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju. Teżisti rabta inseparabbli bejn, minn naħa, il-kriterji Nru 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87, li jirrelataw mal-kwantità li tista’ tiġi ddeterminata skont il-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, il-kriterji Nru 5 u 6 tal-imsemmi anness. Din il-kwantità totali u l-mod li bih il-PNA Estonjan huwa emendat skont dawn il-kriterji tal-aħħar huma marbuta flimkien. It-tnaqqis sostanzjali, mill-Kummissjoni, tal-imsemmija kwantità, skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu impatt kemm fuq it-trattament favorevoli mogħti lil ċerti impriżi għall-miżuri adottati fi stadju bikri (kriterju Nru 5 tal-Anness III ta’ din id-direttiva) kif ukoll fuq l-imsemmija kwoti għall-parteċipanti l-ġodda (kriterju Nru 6 ta’ dan l-anness).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    110

    Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-punti 31 sa 34 u 114 tas-sentenza appellata li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża humiex separabbli jew le mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni u jekk, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullatx, b’mod ġust, din id-deċiżjoni kollha kemm hi.

    111

    Hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 28 tas-sentenza appellata, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, punti 45, u tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlement u Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 12; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-378/00, Ġabra p. I-937, punt 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll ripetutament li r-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 257; Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

    112

    F’dan il-każ, il-verifika tan-natura separabbli tal-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni tippresupponi l-eżami tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 29).

    113

    Huwa importanti li jitfakkar li d-dispożizzjonijet tad-deċiżjoni kontenzjuża huma r-riżultat ta’ evalwazzjoni negattiva, mwettqa mill-Kummissjoni, dwar il-PNA Estonjan, kif emendat mir-Repubblika tal-Estonja. L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni telenka diversi inkompatibbiltajiet ta’ dan il-pjan ma’ kriterju wieħed jew diversi msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. L-Artikolu 2 tagħha jinkludi l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-pjan li għandu jiġi adottat wara din id-deċiżjoni ta’ ċaħda sakemm l-Istat Membru kkonċernat jadotta t-tibdiliet elenkati fil-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi artikolu. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan jirregola l-iffissar ta’ riżerva ta’ kwoti u l-Artikolu 3(2) u (3) jinkludi kjarifiki dwar l-impelmentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni.

    114

    Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, ir-relazzjoni bejn minn naħa, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li jirreferu għal diversi aspetti tal-PNA Estonjan u għal diversi kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, dawn id-dispożizzjonijiet jifformaw unità inseparabbli.

    115

    Minn naħa, ma jistax jiġi miċħud li l-iffissar tal-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jridu jiġu allokati (kriterji Nru 1 sa 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87), imsemmija mill-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa l-element prinċipali tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjonijiet u huwa marbut mill-qrib mal-elementi l-oħra ta’ tali pjanijiet.

    116

    Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata rispettivament, l-eventwali annullament ta’ parti biss tal-paragrafi tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża “jirriżulta fit-tnaqqis tan-numru ta’ inkompatibbiltajiet mad-Direttiva [2003/87], li ġew ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata”. Għal dak li jirrigwarda l-annullament ta’ ċerti paragrafi tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, dan “iwassal sabiex il-Kummissjoni żżomm fis-seħħ l-impenn tagħha li ma toġġezzjonax għall-pjan nazzjonijali, filwaqt li jnaqqas in-numru ta’ tibdiliet li għalihom kien suġġett inizjalment dan l-impenn”.

    117

    Madankollu, xejn fl-imsemmija deċiżjoni ma jippermetti li jiġi preżunt li l-PNA Estonjan seta’ jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-Direttiva 2003/87 mingħajr ma jsiru t-tibdiliet kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

    118

    Fil-fatt, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, annullament ta’ parti biss tal-paragrafi tal-Artikolu 2 “jissostitwixxi d-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-adozzjoni tal-[PNA Estonjan] hija suġġetta għal erba’ tibdiliet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrimedjati erba’ inkompatibbiltajiet mal-kriterji tal-Anness III [tad-Direttiva 2003/87], b’deċiżjoni differenti li skontha, dan il-pjan jista’ jiġi adottat sakemm ikun hemm numru anqas ta’ tibdiliet.”

    119

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi ġustament ikkonstatat li l-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li annullament ta’ wieħed mill-paragrafi tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll dak tal-paragrafu korrispondenti tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jkollu l-effett li jbiddel is-sustanza tagħha.

    120

    Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(2) u (3) tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża huma annullati, l-Artikolu 3(2) u (3) ma għandux iktar għan.

    121

    Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu invalidati mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni li jekk is-sustanza ta’ att tal-Unjoni jinbidel dan ifisser biss it-trasformazzjoni tiegħu f’att li l-awtur tiegħu ma kellux l-intenzjoni li jadotta jew li ma kienx jadotta. Għal dak ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk annullament parzjali jbiddilx is-sustanza tal-att tal-Unjoni jikkostitwixxix kriterju oġġettiv u mhux kriterju suġġettiv marbut mar-rieda politika tal-awtorità li adotta dan l-att inkwistjoni (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-239/01, Ġabra p. I-10333, punt 37, kif ukoll Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

    122

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Aritkolu 1(1) u (2), l-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kontenzjuża ma humiex separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-deċiżjoni u billi annullat, konsegwentement, din id-deċiżjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju ma huwiex fondat.

    123

    Peress li l-ebda wieħed minn dawn l-aggravji invokati mill-Kummissjoni ma ġew milqugħa, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    124

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja.

    125

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Latvja, li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Latvja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

    Top