Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0323

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2009.
    Ovidio Rodríguez Mayor et vs Succession vacante de Rafael de las Heras Dávila u Sagrario de las Heras Dávila.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Tribunal Superior de Justicia de Madrid.
    Kawża C-323/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11621

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:770

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    10 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

    “Proċeduri għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-ħaddiema — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba l-mewt ta’ min iħaddem”

    Fil-Kawża C-323/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

    Ovidio Rodríguez Mayor et

    vs

    Herencia yacente de Rafael de las Heras Dávila et,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u T. Von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u K. Veres, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao u T. de la Mare, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 sa 4 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327)

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Rodríguez Mayor flimkien ma’ sitt persuni oħra u Herencia yacente de Rafael de las Heras Dávila (wirt battal ta’ Rafael de las Heras Dávila) flimkien mal-werrieta ta’ dan u l-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ garanzija tal-paga) fir-rigward tat-talba tal-ewwel sabiex jiksbu danni għal tkeċċija kollettiva illegali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt Komunitarju

    3

    Fit-Tasqima I tad-Direttiva 98/59, intitolata “It-tifsiriet u l-iskop”, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    a)

    ’redundancies [tkeċċijiet] kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

    i)

    jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

    mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

    mill-inqas 10% tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

    mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed;

    ii)

    jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

    b)

    ’rappreżentanti tal-ħaddiema’ jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta’ l-Istati Membri.

    Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini [terminazzjoni] ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir [ssir] fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.”

    4

    L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolat “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni” jipprovdi:

    “1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

    2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

    […]

    3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

    a)

    ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

    b)

    f'kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

    i)

    tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

    ii)

    tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

    iii)

    tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

    iv)

    tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

    v)

    tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

    vi)

    tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar-redundancy ta’ xort’ oħra minn dawk ikkawżati mil-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

    Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).

    […]”

    5

    Fit-Taqsima III tad-Direttiva 98/59, intitolata “Il-proċedura għal redundancies [tkeċċijiet] kollettivi”, l-Artikolu 3 ta’ din jaqra kif ġej:

    “1.   Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li f’każ ta’ redundancies kollettivi ippjanat ikkawżat mit-terminu ta’ l-attivitajiet ta’ l-istabbiliment bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, min iħaddem għandu jkun obbligat jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub biss jekk hi titlob hekk.

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.

    2.   Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1.

    Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibħagtu xi kummenti li jista’ jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti.”

    6

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li huwa wkoll parti mit-Taqsima III, jipprovdi:

    “1.   Il-redundancies [It-tkeċċijiet] kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti ma għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    […]

    4.   L-Istati Membri m’għandhomx bżonn japplikaw dan l-Artikolu għar-redundancies kollettivi kkawżati mit-tmiem ta’ l-attivitajiet ta’ l-istabbiliment meta dawn huwa r-riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.”

    7

    Skont l-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, din “ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”

    8

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi għall-infurzar ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew għall-ħaddiema”.

    Id-dritt nazzjonali

    9

    L-Artikolu 49(1)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema (Estatuto de los Trabajadores) approvat permezz tad-Digriet Irjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995, (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”) jipprovdi li fil-każijiet segwenti jkun hemm it-terminazzjoni tal-kuntratt:

    “Mewt, irtirar fil-każijiet stabbiliti fis-sistema tal-benefiċċji soċjali jew inkapaċità ta’ min iħaddem, ħlief għal dak li hemm stabbilit fl-Artikolu 44, jew it-terminazzjoni tal-personalità legali tal-kontraent.

    Fil-każ ta’ mewt, irtirar jew inkapaċità ta’ min iħaddem, il-ħaddiem għandu dritt għall-ħlas ta’ somma korrispondenti għal paga ta’ xahar.

    Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-personalità ġuridika tal-kontraent, il-formalitajiet previsti fl-Artikolu 51 ta’ dan [l-Istatut] għandhom jiġu osservati”.

    10

    L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dak li jistabbilixxi [dan l-Istatut], tkeċċija kollettiva tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni, sakemm, matul perijodu ta’ 90 jum, din it-terminazzjoni tirrigwarda tal-inqas:

    a)

    10 ħaddiema, fl-impriżi li jħaddmu inqas minn 100 impjegat.

    b)

    10% tan-numru ta’ ħaddiema tal-impriżi li jħaddmu bejn 100 u 300 impjegat.

    c)

    30 ħaddiem, fl-impriżi li jħaddmu bejn 300 impjegat jew iktar.

    Ir-raġunijiet ta’ terminazzjoni msemmija f’dan l-artikolu jitqiesu li jseħħu meta l-adozzjoni tal-miżuri proposti tikkontribwixxi biex tingħeleb sitwazzjoni ekonomika negattiva tal-impriża, jekk ir-raġunijiet ikunu ta’ natura ekonomika, jew, jekk [ikunu raġunijiet] tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni, biex tiżgura l-kontinwità futura tal-impriża u tal-postijiet tax-xogħol fiha permezz ta’ organizzazzjoni aħjar tar-riżorsi.

    It-tkeċċija kollettiva tfisser ukoll it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol li jirrigwardaw il-ħaddiema kollha tal-impriża, sakemm in-numru tal-impjegati kkonċernati jkun iktar minn ħamsa, meta t-tkeċċija kollettiva ssegwi l-waqfien totali tal-attività tal-impriża, ibbażata fuq ir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq.

    Biex jiġi kkalkolat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għandha titqies kull terminazzjoni li ġrat fil-perijodu inkwistjoni fuq inizjattiva ta’ min iħaddem abbażi ta’ raġunijiet oħrajn, li ma humiex relatati mal-ħaddiem, differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 49(1)(c), dejjem jekk in-numru tagħhom ikun tal-inqas ħamsa. Meta, matul perijodu ta’ 90 jum suċċessiv, bl-intenzjoni li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ [dan l-Istatut], l-impriża tittermina kuntratti ta’ xogħol skont l-Artikolu 52(c) f’numru li jkun iżgħar mil-limiti indikati u mingħajr ma jkun hemm raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw dik iċ-ċirkustanza, dawn it-terminazzjonijiet il-ġodda inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala li seħħew bi frodi tal-liġi u jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett.

    2.   Min iħaddem, li jkollu l-intenzjoni li jagħmel tkeċċija kollettiva, għandu jitlob l-awtorizzazzjoni għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol skont il-proċedura tar-‘regoli tax-xogħol’ stabbilita [f’dan l-Istatut] u tar-regolamenti relattivi ta’ implementazzjoni. Il-proċedura għandha tibda bit-talba lill-awtorità kompetenti u bil-ftuħ ta’ perijodu ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema

    […]

    8.   Il-ħaddiema li l-kuntratti tagħhom jiġu tterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom dritt għal kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ paga għal kull sena ta’ servizz, u jinqasmu pro rata għax-xhur ta’ perijodi ta’ żmien inqas minn sena, u li l-ammont totali ma jistax jaqbeż it-tnax-il xhar.

    9.   Il-ħaddiema jistgħu, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, jitolbu wkoll li tinbeda l-proċedura [tar-regoli tax-xogħol] jekk jista’ raġonevolment jiġi preżunt li l-fatt li min iħaddem ma jibdix din il-proċedura jista’ jwassal sabiex jikkawżalhom danni irreparabbli jew diffiċilment reparabbli. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tiddetermina l-azzjonijiet tagħhom u r-rapporti neċessarji sabiex tinbeda l-proċedura, fit-termini previsti minn dan l-artikolu.

    […]

    12.   L-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, bħala kawża ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol, għandha tiġi debitament kkonstatata mill-awtorità pubblika kompetenti, ikun xi jkun in-numru tal-ħaddiema kkonċernati, wara li tinbeda l-proċedura tar-[regoli tax-xogħol] skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu. Il-proċedura tinbeda fuq talba tal-impriża, bil-mezzi ta’ prova li hija tqis xierqa, [u] din it-talba hija kkomunikata fl-istess ħin lir-rappreżentanti legali tal-ħaddiema, fejn l-imsemmija rappreżentanti għandhom il-kwalità ta’ parti interessata fil-proċedura kollha. Wara li jittieħdu l-passi kollha u li jitlestew ir-rapporti meħtieġa, id-deċiżjoni tal-awtorità pubblika kompetenti tingħata f’terminu ta’ ħamest ijiem li jibdew jiddekorru mit-talba u l-effetti tagħha japplikaw mid-data tal-fatt li kkawża l-forza maġġuri.

    Jekk l-awtorità pubblika kompetenti tikkonstata każ ta’ forza maġġuri, hija tista’ tiddeċiedi li t-totalità jew parti mid-danni li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema affettwati mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol jiġu mħallsa mill-Fondo de Garantía Salarial, bla ħsara għad-dritt ta’ dan tal-aħħar li jitħallas lura minn min iħaddem.

    13.   Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 30/1992, tas-26 ta’ Settembru 1992, dwar is-sistema ġuridika tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u dwar il-proċedura amministrattiva tad-dritt komuni, tapplika għas-sitwazzjonijiet mhux irregolamentati minn dan l-[Istatut], b’mod partikolari fil-qasam tal-appell. Il-passi li għandhom jittieħdu u n-notifiki li għandhom isiru fil-konfront tal-ħaddiema għandhom isiru għand ir-rappreżentanti legali tagħhom.”

    11

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi ġġudikati infondati huma l-istess bħal dawk li jirriżultaw minn tkeċċija dixxiplinarja infondata skont l-Artikolu 55 tal-Istatut tal-Ħaddiema. Hija tindika li l-Artikolu 56(1) ta’ dan l-Istatut jipprovdi f’dan ir-rigward dan li ġej:

    “Meta t-tkeċċija tiġi ddikjarata inġusta, min iħaddem, f’terminu ta’ ħamest ijiem li jibda’ jiddekorri min-notifika tas-sentenza, ikun jista’ jagħżel bejn li jerġa’ jdaħħal il-ħaddiem fl-impriża, flimkien mal-ħlas tal-arretrati tal-paga hekk kif previsti fis-subparagrafu (b) tal-paragrafu (1) jew li jħallas is-somom segwenti, li għandhom jiġu stabbiliti fis-sentenza

    a)

    kumpens ekwivalenti għal 45 jum ta’ ħlas għal kull sena ta’ servizz, bil-perijodi li jkunu ta’ mhux iktar minn sena li jiġu kkalkolati pro rata fuq il-bażi ta’ kull xahar sa massimu ta’ 42 paga ta’ kull xahar.

    b)

    ammont daqs is-somma tal-pagi dovuti mid-data tat-tkeċċija san-notifika tas-sentenza li tiddikjara t-tkeċċija inġusta jew sakemm il-ħaddiem ma jkunx sab impjieg ġdid, fil-każ li l-impjieg ġdid jinsab qabel l-għoti tas-sentenza u min iħaddem jipprovdi l-prova tas-somom imħallsin, li għandhom jitnaqqsu mis-somma tal-arretrati tal-paga.”

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Is-seba’ rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu l-persunal impjegat fi ħdan l-impriża li R. De las Heras Dávila kien jamministra bħala persuna fiżika, minħabba li l-impriża ma kellhiex personalità ġuridika tagħha.

    13

    B’rikors tal-31 ta’ Mejju 2004, huma ppreżentaw rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 25 de Madrid għal tkeċċija inġusta kontra Herencia vacante de Rafael de las Heras Dávila et, fejn isostnu li huma kienu marru fuq il-post tax-xogħol tagħhom mit-30 ta’ April sal-5 ta’ Mejju 2004, imma li l-bini kien magħluq, u għalhekk ikkunsidraw li kienu tkeċċew b’mod taċitu.

    14

    Irriżulta, li min iħaddem kien miet fl-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma għamel testment u mingħajr ma stabbilixxa d-drittijiet tal-eredi tiegħu. L-eredi legali tiegħu rrinunzjaw għas-suċċessjoni b’atti notarili tal-15 ta’ Ġunju 2004 u tas-27 ta’ Marzu 2007. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impriża waqqfet l-attività tagħha.

    15

    Il-Juzgado de lo Social Nru 25 de Madrid ċaħad dan ir-rikors minħabba li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet saret wara l-mewt ta’ min iħaddem mingħajr ma kienet ġiet ittrasferita l-impriża u li għalhekk ma kienx hemm tkeċċija.

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu li d-deċiżjoni tat-terminazzjoni hija att formali, li fil-konfront tagħha għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, b’mod li l-eredi ta’ min iħaddimhom kellhom jinnotifikawhom b’tali deċiżjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tkeċċija inġusta u li għandhom jitħallsu danni li jikkorrispondu għal 45 jum ta’ paga għal kull sena ta’ servizz kif ukoll l-arretrati tal-paga li għandhom jibdew jiddekorru mid-data tat-tkeċċija sad-data tan-notifika tas-sentenza tal-qorti tar-rinviju jew sad-data ta’ meta jerġgħu jiddaħħlu fis-servizz. Sussidjarjament huma jitolbu li tiġi kkonstatata t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-mewt ta’ min iħaddem, skont l-Artikolu 49 tal-istess Statut, u li jingħatawlhom id-danni previsti f’din id-dispożizzjoni.

    17

    Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-ebda tkeċċija ma saret u li din hija terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol wara li miet min iħaddem.

    18

    Il-prosekutur, li ġie mistieden mill-qorti tar-rinviju jagħti opinjoni fil-kawża prinċipali, jikkunsidra li tista’ teżisti inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u l-Artikolu 49(1)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tqis li hemm nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dritt Spanjol fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba t-terminazzjoni tal-impriża minħabba n-natura tal-persuna ta’ min iħaddem. Fil-fatt, f’tali każ, il-ħaddiema impjegati minn persuna ġuridika huma f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dawk il-ħaddiema impjegati minn persuna fiżika, filwaqt li d-danni li jirriżultaw minn tkeċċija jew terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol huma l-istess.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kkunsidra li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 hija neċessarja sabiex jagħti d-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema jonqos milli jissodisfa l-obbligi imposti mid-Direttiva [98/59] billi jillimita d-definizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi għal tkeċċijiet minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzativi jew ta’ produzzjoni u billi ma jestendix d-definizzjoni għal tkeċċija għal raġuni mhux relatata mal-ħaddiema individwali kkonċernati?

    2)

    Ir-regola fl-Artikolu 49(1)(ġ) tal-Istatut tal-Ħaddiema li tistabbilixxi kumpens limitat għal paga ta’ xahar, għall-ħaddiema li tilfu x-xogħol tagħhom minħabba mewt, irtirar jew inkapaċità ta’ min iħaddem, li teskludihom mill-iskop tal-Artikolu 51 tal-Istatut u li tmur kontra l-Artikoli 1, 2, 3, 4 u 6 tad-Direttiva [98/59], minħabba f’hekk tmur ukoll kontra d-Direttiva [98/59]?

    3)

    Il-leġiżlazzjoni Spanjola dwar it-tkeċċijiet kollettivi, u b’mod partikolari l-Artikoli 49(1)(ġ) u 51 tal-Istatut tal-Ħaddiema, tikser l-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [proklamata f’Nizza, fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1)] u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema adottata waqt is-sessjoni tal-Kunsill Ewropew, tad-9 ta’ Diċembru 1989, fi Strasbourg [mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern ta’ ħdax-il Stat Membru]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21

    Skont il-Gvern Spanjol u dak Ungeriż kif ukoll skont il-Kummissjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, li, fil-mument tal-mewt tiegħu, R. de las Heras Dávila kien iħaddem seba’ impjegati, b’mod li, bħala regola, sitwazzjoni bħal din taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59.

    22

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1)(a)(ii) ta’ din id-direttiva, hemm bżonn, sabiex din tkun tapplika f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li n-numru ta’ tkeċċijiet ikun tal-anqas ta’ għoxrin fuq perijodu ta’ erba’ u għoxrin ġurnata.

    23

    Madankollu, id-Direttiva 98/59 tipprovdi, fl-Artikolu 5 tagħha, li hija ma taffettwax il-possibbiltà tal-Istati Membri li japplikaw jew li jadottaw il-liġjiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi l-iktar favorevoli għall-ħaddiema, jew li jippermettu jew jiffavorixxu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet konvenzjonali l-iktar favorevoli għalihom.

    24

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fid-dritt Spanjol jeżistu dispożizzjonijiet bħal dawn, sa fejn, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 51(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-kunċett ta’ tkeċċija kollettiva jkopri wkoll it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema kollha tal-impriża, sakemm in-numru tal-ħaddiema kkonċernati jkun iktar minn ħamsa, meta t-tkeċċija sseħħ minħabba t-twaqqif komplet tal-attività minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni.

    25

    Il-qorti tar-rinviju ssostni li, fil-kawża pendenti quddiemha, it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu impjegat minn R. de las Heras Dávila minħabba l-mewt ta’ dan għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti u għandha, hi wkoll, tiġi kkwalifikata bħala tkeċċija kollettiva. Din il-qorti tqis li jekk ma jsirx hekk ikun hemm differenza fit-trattament kuntrarjament għad-Direttiva 98/59 u għall-kunċett ta’ “redundancies [tkeċċijiet] kollettivi” fis-sens tagħha.

    26

    F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari, ċertament, hija dwar każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol fejn in-numru huwa inqas mil-limiti previsti fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59.

    27

    Madankollu, peress li l-leġiżlatur nazzjonali għażel li jinkludi fil-kunċett ta’ tkeċċijiet kollettivi, fis-sens ta’ din id-direttiva, każijiet li ma jaqgħux lanqas taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva filwaqt li jiġu esklużi mill-imsemmi kunċett każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, jeżisti interess Komunitarju ċert fejn sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, dan il-kunċett kif ukoll is-soluzzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma relatati, jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li huma invokati fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punti 16 u 17).

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari abbażi tal-premessa li ċerti tipi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol li jikkonċernaw numru ta’ ħaddiema inqas mil-limiti previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59 huma mqabbla, mil-liġi Spanjola, mat-tkeċċijiet kollettivi fis-sens ta’ dan l-artikolu, imma li tipi oħra ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol li jistgħu jikkonċernaw l-istess numru ta’ ħaddiema, b’mod partikolari t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu minħabba l-mewt ta’ min iħaddem, ma taqax, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, taħt il-kunċett ta’ tkeċċijiet kollettivi.

    Fuq l-ewwel domanda

    29

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 mal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli fil-kawża prinċipali, fejn il-kunċett ta’ tkeċċija kollettiva ma jinkludix kull terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali.

    30

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 234 KE, dwar il-kompatibbiltà ta’ liġijiet tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettulha li tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 34 u 35, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 36).

    31

    Huwa paċifiku li l-kawża prinċipali hija dwar il-legalità tat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu ta’ impriża minħabba l-mewt ta’ min iħaddem.

    32

    Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju fid-dawl tas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi ħaddiema li dak li jħaddimhom huwa persuna fiżika minħabba l-mewt ta’ din il-persuna li tħaddimhom ma tikkwalifikax bħala tkeċċija kollettiva.

    33

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-imsemmija direttiva li tali sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    34

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod estiż il-kliem “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema” użat fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-55/02, Ġabra p. I-9387, punt 49, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Agorastoudis et, C-187/05 sa C-190/05, Ġabra p. I-7775, punt 28). Madankollu, mit-test tagħha jirriżulta li l-kunċett ta’ “redundancies [tkeċċijiet] kollettivi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jippresupponi kemm l-eżistenza ta’ persuna li tħaddem kif ukoll ta’ xi att min-naħa tiegħu.

    35

    Skont id-definizzjoni mogħtija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, dan it-terminu jirreferi għal tkeċċijiet minn min iħaddem għal raġuni jew raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema sa fejn ikunu jeżistu ċerti kundizzjonijiet ta’ natura kwantitattiva u temporali.

    36

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva, sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ tkeċċijiet kollettivi bħal dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-punt (a) ta’ dan l-istess paragrafu, it-terminazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol li jsiru fuq inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni jew raġunijiet diversi mhux relatati mal-ħaddiema huma mqabbla mat-tkeċċijiet, sakemm ikun hemm tal-anqas ħames tkeċċijiet.

    37

    Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva, persuna li tħaddem li għandha intenzjoni tkeċċi b’mod kollettiv għandha tipproċedi, fi żmien tajjeb, sabiex tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-ħaddiema sabiex jintlaħaq ftehim. Il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu jipprovdi li min iħaddem għandu, fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet, jagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni utli kollha u jikkomunikalhom bil-miktub l-elementi elenkati fil-punt (b) ta’ dan l-aħħar paragrafu.

    38

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jipprovdi li min iħaddem għandu jinnotifika bil-miktub kull pjan ta’ tkeċċijiet kollettivi lill-awtorità pubblika kompetenti u għandu jibgħat kopja ta’ din in-notifika lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    39

    It-termini kollha li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-espressjonijiet “jikkontempla redundancies [tkeċċijiet]”, “għandu jibda konsultazzjonijiet”, “jagħtihom notifika bil-mitkub”, jinnotifika […] bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies [tkeċċijiet] u “jgħaddi […] kopja”, juru l-ħtieġa tal-eżistenza ta’ persuna li tħaddem kif ukoll ta’ ċerti azzjonijiet min-naħa tagħha.

    40

    Barra minn hekk, jirriżulta mill-formulazzjoni “redundancies [tkeċċijiet …] fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem”, użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, li l-kunċett ta’ tkeċċijiet kollettivi jfisser, bħala regola, li min iħaddem jagħmel dawn it-tkeċċijiet jew, fi kwalunkwe każ, għandu l-intenzjoni li jagħmel dawn it-tkeċċijiet, filwaqt li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni “fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem”, użata fit-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu, timplika manifestazzjoni diretta tar-rieda ta’ min iħaddem li tikkonsisti fil-fatt li jkun ħa inizjattiva.

    41

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li t-terminu ta’ tkeċċijiet kollettivi, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, jippresupponi l-eżistenza ta’ persuna li tħaddem li jkollha intenzjoni tagħmel dawn it-tkeċċijiet u li tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tagħmel, f’dan il-kuntest, l-atti msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li tagħmel, jekk ikun il-każ, dawn it-tkeċċijiet.

    42

    Madankollu, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mhux biss min-nuqqas ta’ intenzjoni li jsiru dawn it-tkeċċijiet kollettivi, imma wkoll min-nuqqas ta’ persuna li tħaddem li tista’ tkun id-destinatarja tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, li twettaq l-atti msemmija minn dawn tal-aħħar u li tagħmel, jekk ikun il-każ, dawn it-tkeċċijiet.

    43

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan prinċipali tad-Direttiva 98/59, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 2(2) tagħha, il-konsultazzjonijiet huma dwar il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew li jitnaqqsu t-tkeċċijiet kollettivi kif ukoll dwar il-possibbiltajiet li jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mkeċċija. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 2(3) u 3(1) ta’ din id-direttiva, min iħaddem għandu jinnotifika kull pjan ta’ tkeċċija kollettiva lill-awtorità pubblika u jittrażmettilhom l-elementi u l-informazzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    44

    Għaldaqstant, dan il-għan prinċipali tad-Direttiva 98/59, jiġifieri li t-tkeċċijiet ikunu ppreċeduti minn konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u li l-awtorità pubblika kompetenti tiġi informata, ma jistax jintlaħaq fil-każ ta’ kwalifikazzjoni bħala “redundancy [tkeċċija] kollettiva” tat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu ta’ impriża amministrata minn persuna fiżika minħabba li jitwaqqfu l-attivitajiet ta’ din l-impriża wara l-mewt tal-persuna li tħaddem, peress li tali konsultazzjoni ma tistax isseħħ u li għalhekk ma huwiex possibbli, la li jiġu evitati u lanqas li jitnaqqsu t-terminazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol u lanqas li jittaffew il-konsegwenzi.

    45

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 98/59 ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens finanzjarju ġenerali fil-livell Komunitarju f’każ ta’ telf tal-impjieg.

    46

    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li ċerti dispożizzjonijeet tad-Direttiva 98/59 diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    47

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 2(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 98/59, l-uniku destinatarju tal-obbligi fil-qasam tal-informazzjoni, tal-konsultazzjoni u tan-notifika huwa min iħaddem (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C-44/08, Ġabra p. I-8163, punt 57).

    48

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-obbligi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika li għandu min iħaddem joriġinaw qabel id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk, C-188/03, Ġabra p. I-885, punti 36 u 37, kif ukoll Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, iċċitata iktar ’il fuq, punt38).

    49

    Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-mewt ta’ min iħaddem u t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema li kien jimpjega jikkoinċidu. Għalhekk, kif isostni l-Gvern Spanjol, teżisti impossibbiltà materjali li jitwettqu dawn l-obbligi.

    50

    Barra minn hekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma teżisti la deċiżjoni għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol u lanqas l-intenzjoni preliminari li ssir tali terminazzjoni.

    51

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 98/59, kif bħal qabel id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru dwar it-tkeċċijiet kollettivi (ĠU L 48, p. 29) jiggarantixxu biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijjiet kollettivi (ara, fir-rigward tad-Direttiva 75/129, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-383/92, Ġabra p. I-2479, punt 25, u, fir-rigward tad-Direttiva 98/59, is-sentenza Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60) u li din ma tarmonizzax il-modalitajiet tat-terminazzjoni definittiva tal-attivitajiet tal-impriża, imma l-proċedura li għandha tiġi segwita meta jsiru tkeċċijiet kollettivi (ara, fir-rigward tad-Direttiva 75/129, is-sentenza Agorastoudis et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    52

    Fl-aħħar nett, għandu jingħad li l-interpretazzjoni li tgħid li l-kunċett ta’ “redundancies [tkeċċijiet] kollettivi” fis-sens tad-Direttiva 98/59 ma jinkludix it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi ħaddiema li min iħaddimhom huwa persuna fiżika minħabba fil-mewt ta’ din il-persuna li tħaddem ma hijiex kontradetta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn it-termini “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema” użati fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kienu ġew analizzati, imma mingħajr ma sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata mit-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-mewt tal-persuna fiżika li hija l-persuna li tħaddem u n-nuqqas ta’ suġġett legali destinatarju tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, kienet ġiet eżaminata b’mod speċifiku.

    53

    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi ħaddiema, li min iħaddimhom huwa persuna fiżika, minħabba l-mewt ta’ din il-persuna li tħaddimhom ma tikkwalifikax bħala tkeċċija kollettiva.

    Fuq it-tieni domanda

    54

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 98/59 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal danni differenti skont jekk il-ħaddiema jkunux tilfu l-impjieg tagħhom wara l-mewt ta’ min iħaddem jew minħabba tkeċċija kollettiva.

    55

    F’dan ir-rigward, minn naħa, jirriżulta mir-risposta tal-ewwel domanda li t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol marbuta mal-mewt ta’ min iħaddem li hija persuna fiżika, li ssir f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ tkeċċijiet kollettivi, fis-sens tad-Direttiva 98/59.

    56

    Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punti 45 u 51 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva tiżgura biss armonizzazzjoni parzjali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi u ma tfittix li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens finanzjarju ġenerali fil-livell Komunitarju fil-każ ta’ telf ta’ impjieg. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-estensjoni tal-kumpens għall-ħaddiema f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma taqax taħt l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59.

    57

    Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal kumpensi differenti skont jekk il-ħaddiema tilfux l-impjieg tagħhom wara l-mewt ta’ min iħaddem jew wara tkeċċija kollettiva.

    Fuq it-tielet domanda

    58

    Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali.

    59

    Madankollu, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet għall-ewwel żewġ domandi, sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, u lanqas, għaldaqstant, ma taqa’ taħt dak tad-dritt Komunitarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi ħaddiema, li min jħaddimhom huwa persuna fiżika, minħabba l-mewt ta’ din il-persuna li tħaddimhom ma tikkwalifikax bħala tkeċċija kollettiva.

     

    2)

    Id-Direttiva 98/59 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal kumpensi differenti skont jekk il-ħaddiema tilfux l-impjieg tagħhom wara l-mewt ta’ min iħaddem jew wara tkeċċija kollettiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol.

    Top