Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0077

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-19 ta' Marzu 2009.
Dachsberger & Söhne GmbH vs Zollamt Salzburg, Erstattungen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Graz - l-Awstrija.
Rifużjoni fuq l-esportazzjoni - Rifużjoni differenzjata - Mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni - Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni - Nuqqas ta’ prova tat-twettiq tal-formalitajiet għar-rilaxx għall-konsum fil-pajjiż ta’ destinazzjoni - Sanzjoni.
Kawża C-77/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Rifużjoni fuq l-esportazzjoni — Rifużjoni differenzjata — Mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni — Dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni — Nuqqas ta’ prova tat-twettiq tal-formalitajiet għar-rilaxx għall-konsum fil-pajjiż ta’ destinazzjoni — Sanzjoni”

Fil-Kawża C-77/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Graz (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

Dachsberger & Söhne GmbH

vs

Zollamt Salzburg, Erstattungen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr Konklużjonijiet,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dachsberger & Söhne GmbH, minn O. Wenzlaff, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Vollkommer u F. Erlbacher, bħala aġenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94 tat- (ĠU L 310, p. 57).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Dachsberger & Söhne GmbH, kumpannija rregolata taħt il-liġi Awstrijaka, kontra Zollamt Salzburg, Erstattunger (uffiċċju doganali ta’ Salzbourg, rifużjonijiet) dwar l-esportazzjoni tal-majjal barra mill-Komunità Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li peress illi l-kawża prinċipali tirrigwarda l-ħlas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-esportazzjoni tal-majjal barra mill-Komunità li kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni matul ix-xahar ta’ Jannar 1999, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-Regolament Nru 3665/87, kif emendat mir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 495/97, tat-18 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 77, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”).

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:

“1.   B’ġurnata ta’ esportazzjoni, tfisser id-data li fiha l-awtoritajiet doganali jaċċettaw id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li fiha huwa indikat li ser issir applikazzjoni għar-rifużjoni.

2.   Id-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tistabbilixxi:

a)

ir-rata tar-rifużjoni applikabbli jekk ir-rifużjoni ma tkunx ġiet stabbilita bil-quddiem;

b)

l-aġġustamenti li għandhom isiru, skont il-każ, għar-rati tar-rifużjoni jekk ir-rifużjoni kienet ġiet stabbilita bil-quddiem.

3.   Kull att ieħor li skont il-liġi għandu l-istess effetti legali tal-aċċettazjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għandu jitqies bħala ekwivalenti għal tali aċċettazzjoni.

4.   Il-ġurnata ta’ esportazzjoni hija determinati sabiex jiġu stabbiliti l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.

5.   Id-dokument użat fl-esportazzjoni għal kwalifika għar-rifużjonijiet għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, u b’mod partikolari:

a)

id-deskrizzjoni tal-prodotti skont in-nomenklatura użata għar-rifużjonijiet;

b)

il-massa netta tal-prodotti, jew, fejn applikabbli, il-kwantità espressa fl-unità’ ta’ kejl li tintuża meta jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet;

[…]

6.   Fil-mument ta’ din l-aċċettazzjoni jew ta’ dan l-att, il-prodotti jitpoġġew taħt il-kontroll tad-dwana sakemm dawn iħallu t-territorju doganali tal-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jirrigwarda l-irkupru tal-ammonti indebitament imħallsa tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u fuq is-sanzjonijiet. L-ewwel sat-tielet u s-seba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 huma miktuba kif ġej:

“1.   Meta huwa paċifiku li, fid-dawl tal-għoti ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni, esportatur ikun talab rifużjoni ogħla mir-rifużjoni applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni inkwistjoni hija r-rifużjoni applikabbli għall-prodott effettivament esportat, imnaqqsa minn ammont korrispondenti:

a)

għan-nofs tad-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli għall-esportazzjoni effettivament imwettqa;

b)

għad-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli jekk l-esportatur ikun intenzjonalment ipprovda informazzjoni falza.

Huwa kkunsidrat bħala rifużjoni li għaliha saret applikazzjoni, l-ammont ikkalkulat skont informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 25(2). Meta r-rifużjoni tvarja skont id-destinazzjoni, il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija kkalkulata skont informazzjoni relatata mal-kwantità, mal-piż u mad-destinazzjoni, skont l-Artikolu 47.

Is-sanzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu (a) mhijiex applikabbli:

a)

fil-każ ta’ forza maġġuri,

b)

f’każijiet eċċezzjoniali fejn l-esportatur jikkonstata li l-ammont tar-rifużjoni mitluba huwa għoli wisq u fuq l-inizjattiva tiegħu stess jinforma, mal-ewwel u bil-miktub, lill-awtoritajiet kompetenti għajr meta huma ma jkunu nnotifikaw lill-esportatur l-intenzjoni tagħhom li jeżaminaw l-applikazzjoni tiegħu jew li l-esportatur kellu konoxxenza ta’ din l-intenzjoni permezz ta’ mezz ieħor jew li l-awtoritajiet kompetenti jkunu diġà kkonstataw l-irregolarità tar-rifużjoni mitluba;

c)

f’każ ta’ żball manifest fuq ir-rifużjoni mitluba, rrikonoxxut mill-awtorità kompetenti;

d)

f’każ fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni hija konformi mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1222/94 u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu, u tkun ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-kwantitajiet medji użati f’perijodu partikolari;

e)

fil-każ ta’ aġġustament tal-piż, sa fejn id-differenza tal-piż tkun dovuta għal metodu ta’ użin differenti.

[…]

Is-sanzjonijiet mhumiex applikabbli biss meta r-rifużjoni mitluba hija ogħla mir-rifużjoni applikabbli skont l-Artikolu 2a(2), l-Artikolu 20(3), l-Artikolu 33(2) u/jew l-Artikolu 48.” [verżjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 3665/87, li jinsab taħt is-sezzjoni 2 tat-titolu 2 tiegħu, intitolat “Rifużjoni differenzjata” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li meta r-rata tar-rifużjoni tvarja skont id-destinazzjoni, il-ħlas tar-rifużjoni huwa soġġett għall-kundizzjonijiet addizzjonali ddefiniti fl-Artikoli 17 u 18 ta’ dan ir-regolament, li jinsabu taħt din l-istess sezzjoni.

7

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 3665/87, il-prodott għandu, bħala prinċipju, ikun ġie importat fil-kundizzjoni oriġinali tiegħu fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li fih ir-rifużjoni hija prevista, fit-tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċezzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Skont l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, il-prodott huwa kkunsidrat bħala importat meta l-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum fil-pajjiż terz ikunu ġew imwettqa.

8

L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jelenka d-dokumenti li huma aċċettati bħala prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum f’pajjiżi terzi.

9

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi deroga għall-Artikolu 16 tiegħu, li permezz tiegħu parti mir-rifużjoni titħallas malli titressaq il-prova li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità.

10

Skont l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, din il-parti hija ugwali għall-ammont tar-rifużjoni li l-esportatur jirċievi fil-każ fejn il-prodott tiegħu jilħaq destinazzjoni li għaliha r-rata tar-rifużjoni l-aktar baxxa kienet ġiet stabbilita, peress li n-nuqqas ta’ stabbilizzazzjoni ta’ rata hija kkunsidrata bħala r-rata l-aktar baxxa.

11

L-Artikolu 20(3) tal-istess regolament jipprovdi:

“Meta d-destinazzjoni mmarkata fil-kaxxa 7 tal-liċenzji maħruġa bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjonijiet ma tkunx ġiet osservata:

a)

jekk ir-rata ta’ rifużjoni li tikkorrispondi għad-destinazzjoni reali hija ugwali jew ogħla mir-rata ta’ rifużjoni għad-destinazzjoni indikata fil-kaxxa 7, ir-rata’ ta’ rifużjoni għad-destinazzjoni indikata fil-kaxxa 7 hija applikabbli;

b)

jekk ir-rata ta’ rifużjoni li tikkorrispondi mad-destinazzjoni reali hija inqas mir-rata ta’ rifużjoni għad-destinazzjoni indikata fil-kaxxa 7, ir-rifużjoni li għandha titħallas hija dik:

li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata li tikkorrispondi għad-destinazzjoni reali,

imnaqqsa, għajr fil-każ ta’ forza maġġuri, b’20% tad-differenza bejn ir-rifużjoni li tirriżulta mid-destinazzjoni mmarkata fil-kaxxa 7 u r-rifużjoni għad-destinazzjoni attwali.

Sabiex jiġi applikat l-ewwel subparagrafu, ir-rati ta’ rifużjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawk applikabbli fil-ġurnata tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja.

Meta d-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tieni subparagrafi u dawk tal-Artikolu 11 japplikaw għall-istess operazzjoni ta’ esportazzjoni, l-ammont li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu jitnaqqas bis-sanzjoni li tinsab fl-Artikolu 11.”

12

It-titolu 4 tar-Regolament Nru 3665/87, intitolat “Proċedura ta’ ħlas tar-rifużjoni” jinkludi Artikolu 47, miktub kif ġej:

“1.   Ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu biss fuq applikazzjoni speċifika tal-esportatur, mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-dikjarazzjoni ta l-esportazzjoni tkun ġiet aċċettata.

L-applikazzjonijiet għar-rifużjonijiet għandhom isiru:

a)

kemm bil-miktub; f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu formula speċifika;

b)

kemm billi jintużaw sistemi informatiċi, skont ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti u wara approvazzjoni mill-Kummissjoni.

[…]

2.   Id-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni jew tar-rilaxx tal-garanzija għandhom jiġu ppreżentati, ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, fit-tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

[…]” [verżjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13

Sa mill-1 ta’ April 1998, il-liġi Awstrijaka tipprovdi li l-informazzjoni li tikkorrispondi għal applikazzjoni ta’ ħlas prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87 tista’ tidher direttament fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

Il-fatt li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fit-18 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat esportazzjoni barra mill-Komunità, billi indikat lir-Russja bħala l-pajjiż ta’ destinazzjoni ta’ laħam tal-ħanżir domestiku, ippreżentat taħt il-forma ta’ karkassa jew ta’ nofs karkazza ffriżati, taħt il-pożizzjoni tariffarja 020321109000, billi talbet ukoll fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni l-ħlas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

15

Il-liċenzja ta’ esportazzjoni kienet tinkludi li r-rifużjoni tiġi stabbilita bil-quddiem, li tiġi ppreżentata fil-mument ta’ żdoganar tal-esportazzjoni ta’ dan il-laħam, indikat fl-14 ta’ Jannar 1999, bħala data ta’ validità tar-rifużjoni stabbilita bil-quddiem. Skont ir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2634/98, tat-, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-majjal (ĠU L 333, p. 24) kienu applikabbli f’din id-data, fir-rigward tal-pożizzjoni tariffarja inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, rati ta’ rifużjoni, li jvarjaw skont id-destinazzjoni, ta’ ECU 20 gal kull piż nett ta’ 100 kg, f’dak li jikkonċerna r-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Islovenja kif ukoll ir-Repubblika Slovakka, ta’ ECU 70 għal kull piż nett ta’ 100 kg, f’dak li jikkonċerna l-Federazzjoni tar-Russja, u ta’ ECU 40 għal kull piż nett ta’ 100 kg, f’dak li jikkonċerna d-destinazzjonijiet l-oħra.

16

Fit-18 ta’ Frar 1999, ċertifikat ta’ żdoganar stabbilit mill-awtoritajiet Russi u l-kopja ta’ nota li tintbagħat mal-kunsinna b’deskrizzjoni tal-oġġetti, ġew ippreżentati liz-Zollamt Salzburg, Erstattungen, l-entità kompetenti Awstrijaka. Din tat, permezz ta’ deċiżjoni tal-, ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mitluba.

17

Madankollu, wara li kkonstatat li ċ-ċertifikat ta’ żdoganar ippreżentat sabiex tingħata prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum fir-Russja ma kienx awtentiku, iz-Zollamt Salzburg, Erstattungen, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2002, talbet ir-rimbors tal-parti differenzjata tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija u, barra minn hekk, imponiet sanzjoni fuq ir-rikorrenti prinċipali skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87. Sa fejn ingħatat prova li l-prodott ikkonċernat kien telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, ir-rifużjoni kienet ingħatat in bona fide biss sal-limitu tal-ammont ta’ rifużjoni bażika.

18

Wara li r-rikors tagħħa quddiem l-istess awtorità kontra din id-deċiżjoni kien ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors ġudizzjarju fis-27 ta’ Frar 2006 li dwaru l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Graz ġiet mitluba tagħti deċiżjoni.

19

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat il-proporzjonalità tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssemmi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C-210/00, Ġabra p. I-6453), ikkonfermat il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87. Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li xi dubji għadhom jeżistu dwar il-kwistjoni tal-legalità tas-sanzjoni mogħtija u tqajjem il-kwistjoni dwar fuq liema data għandha tibbaża ruħha, f’każ ta’ rifużjoni differenzjata, sabiex tistabbilixxi r-rifużjoni mitluba skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

20

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Graz iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament [Nru 3665/87], li permezz tagħha ‘il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija kkalkulata skont informazzjoni dwar il-kwantità, il-piż u d-destinazzjoni, ipprovduta skont l-Artikolu 47’, għandha tiġi interpretata fis-sens li ‘informazzjoni dwar il-kwantità, il-piż u d-destinazzjoni, pprovduta skont l-Artikolu 47’ għandha tinftieħhem bħala l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 47(1), b’mod li l-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba biss fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1)?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-ipoteżi fejn l-applikazzjoni għal ħlas kellha ssir skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament [Nru 3665/87], sa mill-istadju tad-‘dokument użat matul l-esportazzjoni għal kwalifika għar-rifużjonijiet’ (f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni), il-kalkolu tar-rifużjoni mitluba għandu jsir, f’dak li jikkonċerna l-parti differenzjata, skont informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, b’mod li l-parti differenzjata tar-rifużjoni hija ukoll mitluba permezz tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni?

3)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kalkolu tar-rifużjoni mitluba għandu jsir, f’dak li jikkonċerna l-parti differenzjata, skont dokumenti li għandhom jiġu pprovduti skont l-Artikolu 47 tar-Regolament [Nru 3665/87], b’mod li l-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba biss fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-‘dokumenti relatati mal-ħlas’ skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolamnet [Nru 3665/87]?

4)

F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tielet domanda, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex tintalab il-parti differenzjata tar-rifużjoni, li jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament [Nru 3665/87] ukoll jekk dawn id-dokumenti huma vvizzjati, li jkollu ukoll bħala konsegwenza legali li s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 3665/887] tapplika ukoll għall-parti differenzjata tar-rifużjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

21

Permezz tal-ewwel u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk ir-referenza li saret fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, skont liema “il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija kkalkulata skont informazzjoni dwar il-kwantità, il-piż u d-destinazzjoni, ipprovduta skont l-Artikolu 47” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ rifużjoni differenzjata, il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jew tad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni previsti mill-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament.

22

L-ewwel nett, għandhom jiġu mfakkra r-regoli ta’ ħlas ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 3665/87.

23

L-ewwel nett, l-esportatur għandu jippreżenta d-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87, li permezz tiegħu juri l-intenzjoni tiegħu li jesporta prodotti agrikoli filwaqt li jikkwalifika għar-rifużjonijiet.

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3665/87 isservi mhux biss għall-kalkolu matematiku tal-ammont eżatt tar-rifużjoni, iżda qabel kollox, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza jew le tad-dritt għal din ir-rifużjoni u sabiex tibda s-sistema ta’ verifika tal-applikazzjoni għal rifużjoni li tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni, skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, C-385/03, Ġabra p. I-2997, punti 22, 29 u 36; tal-, Fleisch-Winter, C-309/04, Ġabra p. I-10349, punt 41, kif ukoll, b’analoġija, tas-, Elfering Export, C-27/05, Ġabra p. I-3681, punti 25 u 27).

25

It-tieni nett, l-esportatur għandu, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87, jippreżenta applikazzjoni għal ħlas li permezz tagħha jinforma b’mod espliċitu lill-awtoritajiet doganali li huwa qed jitlob il-ħlas tar-rifużjoni.

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-applikazzjoni hija komposta minn dokument tekniku u proċedurali li l-esportatur għandu jipproduċi sabiex jikseb il-ħlas tar-rifużjoni. Din l-applikazzjoni ma tikkostitwix, għalkemm hija kundizzjoni preliminari għall-ħlas tar-rifużjoni, il-bażi legali tad-dritt għal tali ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, punti 26 u 27, kif ukoll Fleisch-Winter, punt 40).

27

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ rifużjoni mhux differenzjata, l-ammont tar-rifużjoni mitluba skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 huwa kkalulat biss fuq il-bażi tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni jew kull dokument ieħor użat matul l-esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23). Informazzjoni żbaljata li tinsab f’dan id-dokument, u li tista’ twassal għal rifużjoni ogħla mir-rifużjoni applikabbli, twassal għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-, Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u d-dispożittiv).

28

Fir-rigawrd ta’ rifużjoni differenzjata, l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi l-ħas tar-rifużjoni bażika, ikkalkulata skont ir-rata l-aktar baxxa tar-rifużjoni applikabbli fil-jum tal-esportazzjoni, peress li l-esportatur jkun ressaq il-prova li l-prodott kien telaq mit-territorju doganali tal-Komunità. Il-ħlas tal-parti differenzjata tar-rifużjoni huwa, fir-rigward tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet addizzjonali ddefiniti fl-Artikoli 17 u 18 ta’ dan ir-regolament. L-esportatur għandu fil-fatt jagħti prova, fit-tnax-il xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, li l-prodott kien ġie importat fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalih ir-rifużjoni hija prevista billi jipprovdi l-provi tat-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum f’dan il-pajjiż.

29

Għaldaqstant għandu jjġi eżaminat jekk, fil-każ ta’ rifużjoni differenzjata, ir-referenza, li ssir fit-tieni frażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, għall-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament tfisser li l-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87, iżda fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ħlas jew tad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni previsti fl-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 3665/87.

30

Għandu jiġi rrilevat li d-distinzjoni funzjonali bejn l-Artikoli 3 u 47 tar-Regolament Nru 3665/87, hekk kif imfakkra fil-punti 23 sa 27 ta’ din is-sentenza, ma tiddependix min-natura differenzjata jew mhux differenzjata tar-rifużjoni.

31

Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87 li l-imsemmi dokument għandu, indipendentement mit-titolu tiegħu, “jinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha għall-kalkolu tal-ammont tar-rifużjoni”, li “b’mod partikolari” tikkonċerna, l-ewwel nett, l-identità tal-prodotti kkonċernati skont in-nomenklatura użata għar-rifużjonijiet, it-tieni nett, il-massa netta jew il-kwantità ta’ dawn il-prodotti u, it-tielet nett, sa fejn ikun neċessarju għall-kalkolu tar-rifużjoni, tal-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 tikkostitwixxi lista mhux eżawrjenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fleisch-Winter, punt 29, u Elfering Export, punt 25). Fil-fatt, it-terminu “b’mod partikolari” jfisser li l-leġiżlatur Komunitarju indika b’mod espliċitu xi ftit biss minn din l-informazzjoni. Il-kontenut tal-espressjoni “l-informazzjoni kollha” għandu għalhekk jinkludi l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni [ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 3665/87, is-sentenza Elfering Export, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26].

32

B’hekk, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87 jirreferi għall-informazzjoni kollha li sservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew le ta’ dritt għal kwalifika għar-rifużjonijiet, inkluża l-parti differenzjata tagħha. Fil-każ ta’ rifużjoni differenzjata, din l-informazzjoni tinkludi l-indikazzjoni tal-pajjiż terz jew tal-pajjiżi terzi li għalihom hija prevista r-rifużjoni.

33

L-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tiegħu, jipprovdi biss il-formalitajiet amministrattivi li l-esportatur għandu jwettaq sabiex jikseb il-ħlas tar-rifużjoni.

34

Ir-referenza, li ssir fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, għall-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament m’għandhiex la bħala għan jew bħala effett li tbiddel il-funzjoni limitata u purament proċedurali, skont dan ir-regolament, fuq l-applikazzjoni għal ħlas imsemmija fl-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regoalment u għad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni msemmija fl-Artikolu 47 (2) ta’ dan ir-regolament.

35

Din ir-referenza tippermetti biss li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-każ ta’ rifużjoni differenzjata, tal-eventwali varjazzjonijiet ta’ kwantità, ta’ piż u/jew ta’ destinazzjoni tal-prodotti, li seħħew matul operazzjoni ta’ esportazzjoni, wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni. Dawn il-varjazzjonijiet għandhom fil-fatt jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li tiġi applikata sanzjoni lill-esportatur u, skont il-każ, sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ din is-sanzjoni.

36

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi l-applikazzjoni ta’ sanzjoni lil operatur ekonomiku li, intenzjonalment jew le, jitlob rifużjoni fuq l-esportazzjoni ogħla minn dik li hija applikabbli fuq l-esportazzjoni effettivament imwettqa.

37

Meta r-rata ta’ rifużjoni tvarja skont id-destinazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw li l-prodotti kkonċernati jkunu tassew ġew importati fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalih ir-rifużjoni kienet prevista. Huma jistgħu jibbażaw irwieħhom, f’dan ir-rigward, fuq id-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni u, aktar preċiżament, fuq il-provi tat-twettiq tal-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum. B’hekk dawn id-dokumenti jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw l-ammont tar-rifużjoni applikabbli għall-esportazzjoni effettivament imwettqa.

38

Anki jekk, minħabba raġunijiet prattiċi, bħal ma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tal-ħlas jistgħu jiġu stabbiliti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rifużjoni differenzjata, inkluża l-parti differenzjata, hija “mitluba” skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament.

39

Din l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 hija barra minn hekk konformi mas-sistema ta’ verifika tal-applikazzjonijiet għal rifużjoni u tas-sanzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament.

40

Interpretazzjoni kuntrarja jkollha bħala effett li jkun possibbli li tiġi validament introdotta, permezz tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal ħlas jew tad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni, applikazzjoni għal rifużjoni għal prodotti diġà esportati u eventwalment diġà kkontrollati.

41

Tali possibbiltà tneħħi kull effett utli mhux biss lill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3665/87, iżda ukoll għall-proċedura ta’ verifika tal-applikazzjonijiet għal rifużjoni. Madankollu, il-kontroll fiżiku tal-prodotti li għalihom ikunu ntalbu rifużjonijiet jikkostitwixxi għodda importanti sabiex jiġu miġġielda l-irregolaritajiet u l-frodi fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Għalhekk, sabiex ikun assigurat li l-għan tal-verifiki jiġu ggarantit b’mod sħiħ, huwa imperattiv li l-kontrolli jseħħu wara li l-esportatur jippreżenta applikazzjoni għal rifużjoni vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28).

42

Minbarra dan, jekk ir-rifużjoni, bil-parti differenzjata inkluża, setgħet tiġi mitluba fit-tnax-il xahar wara l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, l-esportatur jista’, inkluż wara l-esportazzjoni, jadatta l-applikazzjoni għal rifużjoni tiegħu għall-konvenjenza tiegħu jew skont ir-riżultat ta’ eventwali kontroll, u b’hekk jevita kull sanzjoni. L-effett dissważiv tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 ikun għalhekk fil-parti l-kbira annullat.

43

Huwa veru li, skont is-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87, is-sanzjonijiet li dan il-paragrafu jipprovdi ma japplikawx meta r-rifużjoni mitluba hija ogħla mir-rifużjoni applikabbli skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tagħha, taħt (b), li meta d-destinazzjoni indikata fil-liċenzja ta’ esportazzjoni li tinkludi li r-rifużjoni tiġi stabbilita bil-quddiem ma kinitx ġiet rispettata u li r-rata ta’ rifużjoni korrispondenti għad-destinazzjoni reali hija inqas mir-rata ta’ rifużjoni għad-destinazzjoni indikata f’din il-liċenzja, ir-rifużjoni li għandha titħallas hija dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata li tikkorrispondi għad-destinazzjoni reali mnaqqsa, minbarra f’każ ta’ forza maġġuri, bi 20% tad-differenza bejn ir-rifużjoni li tirriżulta mid-destinazzjoni indikata f’din il-liċenjza u r-rifużjoni applikabbli għad-destinazzjoni reali.

44

Madankollu, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 3665/87 ma jipprovdix dispożizzjoni partikolari f’dak li jikkonċerna sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-esportatur ta prova li l-prodotti ġew esportati barra mit-territorju doganali tal-Komunità, iżda ma stabbilixxiex li dawk kienu ġew rilaxxati għall-konsum fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalihom rifużjoni hija prevista. F’tali sitwazzjoni, fil-fatt, fin-nuqqas ta’ provi li jikkonċernaw id-“destinazzjoni reali” tal-prodotti inkwistjoni, l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament mhuwiex applikabbli. Peress illi, f’dan il-każ, l-esportatur għandu jiġi kkunsidrat bħala li talab rifużjoni ogħla minn dik li hija applikabbli, l-implementazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 tapplika, ħlief jekk waħda mill-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni stabbiliti b’mod limitat fit-tielet u s-seba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu hija ssodisfatta.

45

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, l-ewwel u t-tielet domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 11(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ rifużjoni differenzjata, il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jew tad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni previst fl-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament, iżda mill-mument tal-preżentazzjoni tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament. L-inklużjoni f’dan id-dokument ta’ informazzjoni li tista’ twassal għal rifużjoni ogħla mir-rifużjoni applikabbli u li tirriżulta inkorretta twassal, konsegwentement, bla ħsara għall-każijiet previsti fit-tielet u s-seba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan l-Artikolu 11(1).

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tielet domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u r-raba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KEE) tal-Kummissjoni Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 495/97, tat-, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ rifużjoni differenzjata, il-parti differenzjata tar-rifużjoni hija mitluba mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jew tad-dokumenti relatati mal-ħlas tar-rifużjoni previst fl-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-regolament, iżda mill-mument tal-preżentazzjoni tad-dokument imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament. L-inklużjoni f’dan id-dokument ta’ informazzjoni li tista’ twassal għal rifużjoni ogħla mir-rifużjoni applikabbli u li tirriżulta inkorretta twassal, konsegwentement, bla ħsara għall-każijiet previsti fit-tielet u s-seba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan l-Artikolu 11(1).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top