EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0118

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Poiares Maduro - 9 ta' Lulju 2009.
Transportes Urbanos y Servicios Generales SAL vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ ekwivalenza - Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-Istat - Ksur tad-dritt tal-Unjoni - Ksur tal-Kostituzzjoni.
Kawża C-118/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:437

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fid-9 ta’ Lulju 2009 ( 1 )

Kawża C-118/08

Transportes Urbanos y Servicios Generales SAL

vs

Administración del Estado

“Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipju ta’ ekwivalenza — Azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-Istat — Ksur tad-dritt tal-Unjoni — Ksur tal-Kostituzzjoni”

1. 

Ir-riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju hija tradizzjonalment imtaffija bl-obbligu li l-liġijiet nazzjonali għandhom li jirrispettaw il-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Il-prinċipju ta’ effettività jirrikjedi li l-metodi proċedurali nazzjonali jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza, min-naħa tiegħu, jeżiġi li d-dritt nazzjonali jagħti lil kull azzjoni bbażata fuq id-dritt Komunitarju trattament proċedurali ta’ mill-inqas daqstant favorevoli daqs dak previst għal azzjoni simili bbażata fuq id-dritt intern. Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx l-obbligu ta’ trattament proċedurali ugwali, jeħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit jekk iż-żewġ azzjonijiet humiex paragunabbli. Din il-kawża turi li tali evalwazzjoni tista’ tqajjem xi diffikultà.

I — Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

2.

Id-domanda preliminari essenzjalment tirrigwarda l-punt dwar jekk il-fatt li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat tkun suġġetta għall-metodi proċedurali differenti, skont jekk din tkunx ibbażata fuq ksur leġiżlattiv ta’ dispożizzjoni kostituzzjonali jew ksur ta’ regola Komunitarja, huwiex konformi mal-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

3.

Id-domanda ġiet imressqa mill-Awla tal-kawżi amministrattivi tat-Tribunal Supremo fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Transportes Urbanos u l-Administracíon del Estado, peress li din tal-aħħar ċaħdet l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-Istat Spanjol minħabba l-ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju.

4.

Il-kawża toriġina minn liġi Spanjola tat-28 ta’ Diċembru 1992 kif emendata bil-liġi tat-30 ta’ Diċembru 1997 li kienet tillimita d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) relatata max-xiri ta’ oġġetti jew servizzi ffinanzjati permezz ta’ sussidji u kienet timponi fuqha biex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet perijodiċi, li fihom hija kellha tikkalkola l-ammonti ta’ VAT miġbura u sostnuta, filwaqt li tħallas il-bilanċ (reverse charges). Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-liġi Spanjola ( 2 ), il-persuna taxxabbli għandha d-dritt titlob ir-rettifika tar-reverse charges tagħha u, jekk ikun il-każ, li titlob ir-rimbors tal-ħlasijiet mhux dovuti bil-kundizzjoni li din tagħmel dan fi żmien erba’ snin.

5.

Peress li l-limitazzjoni fuq il-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT prevista fil-liġi Spanjola tat-28 ta’ Diċembru 1992 ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-Artikoli 17(2) u 19 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE ( 3 ), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet għamlet ir-reverse charges tagħha għas-snin finanzjarji 1999 u 2000 u li d-dritt tagħha għal rettifika u għal rimbors ta’ dak li ma kienx dovut kien preskritt fil-mument li ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, ressqet kawża intiża għal kumpens tad-dannu soffert, ivvalutat għal ammont ta’ EUR 1228366.39 li jikkorrispondi għall-ħlasijiet tal-VAT indebitament miġbura mill-Istat Spanjol kif ukoll għar-rimbors li hija setgħet titlob għall-istess snin finanzjarji.

6.

Fit-12 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill tal-Ministri ċaħad it-talba, fejn iddeċieda li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti tar-reverse charges tagħha fit-terminu preskritt ta’ erba’ snin kien kiser ir-rabta kawżali diretta bejn l-allegat ksur tad-dritt Komunitarju u d-dannu allegatament soffert. Fi kliem ieħor, huwa n-nuqqas ta’ kontestazzjoni msemmija li huwa l-kawża esklużiva tad-dannu. Biex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Ministri bbaża ruħu fuq żewġ sentenzi tat-Tribunal Supremo tad-29 ta’ Jannar 2004 u tal-24 ta’ Mejju 2005, li minnhom jirriżulta li l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju huma suġġetti għal regola ta’ eżawriment minn qabel tar-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji, kontra l-att amministrattiv ilmentat, li jkun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li allegatament tmur kontra d-dritt Komunitarju.

7.

Fis-6 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti appellat quddiem it-Tribunal Supremo kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri li ċaħdet it-talba għal kumpens għad-danni tagħha. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti a quo tistaqsi dwar il-konformità, mal-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, ta’ din il-kundizzjoni ta’ eżawriment minn qabel tar-rimedji li hija suġġetta għaliha l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, il-qorti tirrileva li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-antikostituzzjonalità ta’ liġi ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna leża tkun ikkontestat minn qabel l-att li minnu tkun qed tilmenta, li jkun ibbażat fuq dik il-liġi.

8.

Għaldaqstant hija rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Billi applika, fis-sentenzi tiegħu tad-29 ta’ Jannar 2004 u tal-24 ta’ Mejju 2005, soluzzjonijiet differenti għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà finanzjarja tal-Istat bħala leġiżlatur fir-rigward ta’ atti amministrattivi adottati abbażi ta’ liġi li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali u għal dawn l-azzjonijiet fir-rigward ta’ atti amministrattivi adottati abbażi ta’ regola li ġiet iddikjarata bħala li tmur kontra d-dritt Komunitarju, it-Tribunal Supremo kiser il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività?”

II — Evalwazzjoni ġuridika

9.

Qabel mal-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi ta’ risposta meħtieġa għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza kkontestata tat-Tribunal Supremo mal-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandha tingħata risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari.

A — L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

10.

Skont il-Gvern Spanjol, id-domanda preliminari rrinvijata mill-qorti a quo hija inammissibbli, u dan minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, tista’ tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ miżuri amministrattivi u leġiżlattivi nazzjonali biss u mhux ta’ ġurisprudenza ta’ qorti suprema bħalma huwa t-Tribunal Supremo, u dan peress li l-istess qorti tista’ tbiddel il-ġurisprudenza tagħha biex tagħmilha konformi mar-rekwiżiti Komunitarji u, għaldaqstant, din id-domanda preliminari ma tkunx meħtieġa sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali iżda tkun iktar qisha konsultazzjoni legali.

11.

Huwa ċar li l-argument tal-Gvern Spanjol dwar l-inammissibbiltà tar-rinviju preliminari ma jistax jirnexxi.

12.

Minn naħa, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti biex, f’kuntest ta’ rinviju preliminari, tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli Komunitarji, hija għandha, wara li jekk ikun hemm bżonn tirriformula d-domanda rrinvijata lilha, tipprovdi lill-qorti a quo bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għaliha biex tevalwa l-effetti tad-dispożizzjonijiet tal-istess dritt Komunitarju ( 4 ). F’dan il-każ, id-domanda tat-Tribunal Supremo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sabiex tippermettilu jevalwa jekk il-ġurisprudenza tiegħu tosservax id-dritt Komunitarju.

13.

Min-naħa l-oħra, jidher li ma hemm l-ebda limitu fir-rigward tan-natura tar-regoli nazzjonali li jistgħu b’hekk jiġu analizzati b’mod indirett fil-każ ta’ rinviju preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Kontra dak li jsostni l-Gvern Spanjol, dawn jistgħu sewwasew ikunu ta’ oriġini pretorjana. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi indirettament b’mod preliminari fuq il-konformità ta’ ġurisprudenzi nazzjonali mad-dritt Komunitarju ( 5 ). Fl-aħħar nett, inżid li fi kwalunkwe każ il-kwistjoni dwar il-ġurisprudenza tista’ dejjem tiġi rriformulata bħala li hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li fuqhom ibbażat ruħha l-qorti nazzjonali sabiex tifformula r-regoli ġurisprudenzjali tagħha. Fi kliem ieħor, id-domanda rrinvijata f’dan il-każ tista’ dejjem tinftiehem bħala li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo lir-regoli nazzjonali dwar l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat, hijiex kompatibbli mal-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

14.

Fl-aħħar nett, bħala regola ġenerali, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, meta d-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tiddeċiedi ( 6 ). Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li taqta’ u tiddeċiedi li d-domanda preliminari hija inammissibbli, partikolarment jekk ikun jidher b’mod manifest li l-istess domanda ma tirriflettix bżonn oġġettiv biex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali ( 7 ). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Għalkemm huwa minnu li t-Tribunal Supremo huwa liberu li jbiddel huwa stess il-ġurisprudenza tiegħu biex, jekk ikun il-każ, iġibha konformi mar-rekwiżiti Komunitarji, huwa ddeċieda li kien meħtieġ li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività sabiex ikun jista’ jevalwa l-ġurisprudenza tiegħu stess. F’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li hemm xi waħda mis-sitwazzjonijiet li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontesta l-“preżunzjoni tar-rilevanza” li jgawdu minnha d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jsiru mill-qorti nazzjonali ( 8 ).

15.

Din id-domanda preliminari hija għalhekk ammissibbli.

B — Il-prinċipju ta’ effettività

16.

Il-fatt li kawża biex jinżamm responsabbli l-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju tkun suġġetta għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji, amministrattivi u ġudizzjarji, kontra l-att amministrattiv li jwassal għad-dannu, liema att jittieħed abbażi tal-liġi li tmur kontra d-dritt Komunitarju, ma jidhirx, minnu nnifsu, li jikser il-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.

17.

Huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal kumpens, li jirriżulta mill-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jqum biss meta tliet kundizzjonijiet huma sodisfatti: ir-regola tad-dritt Komunitarju li nkisret għandha jkollha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-vittma ( 9 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma “neċessarji u suffiċjenti” biex jagħtu, favur l-individwi, dritt biex jinkiseb kumpens ( 10 ). Għaldaqstant, jista’ jiġi dedott a priori li Stat Membru ma jistax jissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-individwu jkun ikkontesta minn qabel il-legalità tal-att li wassal għad-dannu li fir-rigward tiegħu huwa jitlob kumpens, ħlief jekk mhux bi ksur tal-prinċipju ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja li fuqu huwa bbażat il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri bħala riżultat ta’ ksur tad-dritt Komunitarju ( 11 ).

18.

Madankollu, il-ġurisprudenza inkwistjoni tat-Tribunal Supremo hija bbażata fuq il-fatt li l-persuna leża setgħet tikseb kumpens għad-dannu kollu invokat kieku hija kkontestat fil-ħin il-validità tal-att li wassal għad-dannu.

19.

F’dan il-każ, minn prinċipju ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri ( 12 ) jirriżulta li biex jiġi ddeterminat id-dannu li għalih għandu jingħata kumpens, il-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża tatx prova ta’ diliġenza raġonevoli biex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu, jiġifieri, jekk hija użatx fil-ħin ir-rimedji legali kollha li hija kellha raġonevolment għad-dispożizzjoni tagħha biex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu ( 13 ).

20.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-ammissibbiltà tar-rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista’ tkun suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji legali interni disponibbli sabiex wieħed jikseb l-annullament tal-miżura nazzjonali li wasslet għad-dannu, sakemm dawn ir-rimedji legali nazzjonali jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat ( 14 ); u, min-naħa l-oħra, li l-azzjoni għal kumpens diretta kontra l-Komunità hija inammissibbli, meta hija tkun tirrigwarda l-istess illegalità u tkun intiża għall-istess finijiet finanzjarji bħar-rikors għal annullament tal-att tal-istituzzjoni li jikkaġuna d-dannu u li l-persuna leża tkun naqset milli teżerċita fil-ħin ( 15 ). L-istess japplika, f’dawn iż-żewġ każijiet, meta l-ammont tad-danni mitluba jikkorrispondi mal-ammont tas-somma li l-awtoritajiet nazzjonali jew Komunitarji jkunu ġabru bi ksur tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, tipprekludi rikors għad-danni minħabba li jkun hemm rimedju parallel, inkwantu l-kawża għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut, — jiġifieri, jekk wieħed jippreferi, ir-rikors għal annullament tal-miżura nazzjonali jew Komunitarja ta’ tassazzjoni —, quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew Komunitarji kienet tippermetti li jiġi kkumpensat id-dannu b’mod xieraq ( 16 ) u fejn ir-rikors għad-danni jaħbi fir-realtà azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut.

21.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-kundizzjonijiet biex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju m’għandhomx, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni partikolari, ikunu differenti minn dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Komunità f’ċirkustanzi paragunabbli. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jidderivaw mid-dritt Komunitarju m’għandhiex tvarja skont in-natura nazzjonali jew Komunitarja tal-awtorità li kkawżat id-danni”  ( 17 ).

22.

Jekk wieħed jirreferi għall-kawża prinċipali f’dan il-każ, importanti li wieħed jirrileva li d-dannu li tiegħu qed jintalab kumpens jikkonsisti biss fl-ammont ta’ VAT, miżjud bl-interessi legali, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tħallas bi ksur tad-dritt Komunitarju. F’ipoteżi bħal din, kien ikun biżżejjed għar-rikorrenti msemmija li, biex tħassar id-dannu subit, tipproċedi għar-rifużjoni tat-taxxi mħallsa indebitament billi tibbaża ruħha fuq l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet miksura tas-Sitt Direttiva tal-VAT ( 18 ). Fil-fatt, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li jingħata ħlas lura ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju huwa l-konsegwenza u l-aspett supplementari tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjoni ta’ effett dirett miksura ( 19 ). B’hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet, kif tagħtiha l-possibbiltà tagħmel il-liġi Spanjola, titlob, fit-terminu impost ta’ erba’ snin, il-korrezzjoni tar-reverse charges tagħha għas-snin 1999 u 2000 u r-rifużjoni tal-ħlasijiet mhux dovuti ta’ VAT li saru għal dawk is-snin, ħaġa li hija baqgħet ma għamlitx. Billi jikkundizzjona, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju għall-kontestazzjoni minn qabel tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu, li jkun ġie adottat abbażi tal-liġi li tmur kontra d-dritt Komunitarju, it-Tribunal Supremo jillimita ruħu, għaldaqstant li jissuġġetta l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għall-ftuħ tal-azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut li setgħet tagħmel ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

23.

Minn dan jirriżulta li l-issuġġettar tal-ammissibbiltà tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju għall-kundizzjoni li l-persuna leża tkun ikkontestat minn qabel l-att amministrattiv ibbażat fuq dik il-liġi, bħala regola ġenerali, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, peress li bil-kontestazzjoni fil-ħin tal-validità tal-att li jikkaġuna d-dannu, il-vittma setgħet tikseb kumpens għad-dannu kollu allegat.

24.

Sabiex ikun osservat il-prinċipju ta’ effettività, xorta jeħtieġ madankollu li r-rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju ma jkunx suġġett bil-liġi domestika għall-metodi proċedurali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika. Jeħtieġ ukoll, għaldaqstant, li meta l-azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut hija kundizzjoni minn qabel għall-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà, l-ewwel azzjoni ma tkunx suġġetta bil-liġi domestika għall-metodi proċedurali li jrendu l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna ( 20 ).

25.

Għaldaqstant, il-kwistjoni hija dwar jekk it-terminu ta’ erba’ snin b’effett mill-preżentata mill-persuna taxxabbli tar-reverse charges tagħha, li matulu trid issir it-talba għal korrezzjoni skont id-dritt Spanjol, irendix impossibbli jew prattikament diffiċli ħafna t-tressiq tal-azzjoni għar-rifużjoni tat-taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt Komunitarju.

26.

F’dan ir-rigward, id-dritt Komunitarju jaċċetta l-iffissar ta’ termini raġonevoli perentorji għat-tressiq tal-azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma jkunx dovut fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata ( 21 ). Tali termini raġonevoli ma jistgħux jitqiesu bħala li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività, anki jekk, skont id-definizzjoni tagħhom, l-iskadenza tagħhom twassal għar-rifjut tal-azzjoni mibdija ( 22 ). Fil-qasam tar-rifużjoni ta’ dak li ma jkunx dovut, ġie effettivament iddikjarat bħala raġonevoli terminu nazzjonali perentorju ta’ tliet snin b’effett mid-data tal-ħlas tat-taxxi inkwistjoni ( 23 ).

27.

Terminu ta’ erba’ snin bħalma huwa dak previst fil-liġi Spanjola kien jissodisfa b’hekk a fortiori l-prinċipju ta’ effettività, anki jekk kien diġà skada u ma kienx għadu jippermetti b’hekk li tintalab korrezzjoni tar-reverse charges magħmula għas-snin 1999 u 2000 fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fejn ikkonstatat l-inkompatibbiltà tal-liġi Spanjola mad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, l-azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut ma tiddependix mill-konstatazzjoni minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inkompatibbiltà tat-taxxa mad-dritt Komunitarju, u dan peress li l-prinċipju ta’ supremazija jobbliga lill-amministrazzjoni u lill-qorti nazzjonali jwarrbu, ex officio, mingħajr bżonn ta’ tali konstatazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-liġi fiskali li huma jqisu li tmur kontra d-dritt Komunitarju ( 24 ).

C — Il-prinċipju ta’ ekwivalenza

28.

F’dan l-istadju għandu jiġi stabbilit jekk il-metodi proċedurali differenti li għalihom id-dritt Spanjol jissuġġetta l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur, skont jekk din tkunx ibbażata fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju jew fuq il-ksur tal-Kostituzzjoni, jiksrux il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-eżawriment minn qabel tar-rimedju kontra l-att amministrattiv ikkontestat li jkun ittieħed skont il-liġi tapplika biss għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju u mhux għal dawk li jkunu bbażati fuq il-ksur leġiżlattiv tal-Kostituzzjoni. Għaldaqstant, il-metodi proċedurali ta’ dawk l-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju huma iktar stretti minn dawk tal-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tal-Kostituzzjoni.

29.

F’dan il-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza teħtieġ li l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni, ma jkunux inqas favorevoli meta l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tkun ibbażata fuq id-dritt Komunitarju milli fuq id-dritt domestiku ( 25 ) jew ukoll li l-metodu proċedurali kkontestat japplika bla ebda distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tal-liġi domestika, għalkemm dan ma jfissirx li Stat Membru huwa obbligat jestendi għall-azzjonijiet kollha għad-danni bbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju, ir-regoli l-iktar favorevoli tiegħu li jirregolaw id-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà taħt il-liġi domestika tiegħu ( 26 ).

30.

Sabiex japplika l-prinċipju ta’ ekwivalenza, jeħtieġ madankollu li ż-żewġ rikorsi jkunu simili ( 27 ). Biex jiġi deċiż dan, jeħtieġ li dawn jiġu pparagunati mill-aspett tal-għan, tal-kawża, u tal-elementi essenzjali tagħhom ( 28 ). Peress li dawn għandhom, b’mod ċar, l-istess għan (il-kumpens għad-dannu) u l-istess kawża (l-illegalità tal-komportament li kkaġuna d-dannu), għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat li tkun ibbażata fuq il-ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju hijiex differenti, fl-elementi essenzjali tagħha ( 29 ), mill-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tal-Kostituzzjoni mil-liġi, b’mod li t-trattament proċedurali differenti li d-dritt Spanjol japplikalhom ikun iġġustifikat.

31.

Biex tiġġustifika t-trattament proċedurali differenti bejn iż-żewġ azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà, il-qorti tar-rinviju tagħmel kunsiderazzjonijiet differenti li, essenzjalment, jammontaw għal li jgħidu li l-kontestazzjoni minn qabel tal-att amministrattiv li jikkaġuna d-dannu tkun, b’kuntrast mal-każ fejn l-istess att kien ibbażat fuq liġi li tmur kontra d-dritt Komunitarju, prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli meta l-istess att ikun ittieħed abbażi ta’ liġi antikostituzzjonali, b’mod li jekk din tiġi imposta bħala kundizzjoni minn qabel għall-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur minħabba l-ksur tal-Kostituzzjoni din trendi dan ir-rikors bla effett. Fi ftit kliem, l-individwu jkollu iktar diffikultà jikkontesta l-kostituzzjonalità ta’ liġi milli l-kompatibbiltà tal-istess liġi mad-dritt Komunitarju.

32.

Dan japplika l-ewwel nett minħabba d-differenza fl-effetti tas-sentenzi tat-Tribunal Constitucional li jiddikjaraw l-antikostituzzjonalità tal-liġi Spanjola u tas-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnhom tirriżulta l-inkompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-liġi tinvolvi n-nullità tal-liġi, jiġifieri t-tħassir tagħha ex tunc, mentri fil-każ inverż, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha tirriżulta l-inkompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju ma tinvolvix, minnha nnifisha, in-nullità tal-liġi msemmija. Dan huwa veru.

33.

Dan l-argument li jirrigwarda l-effett retroattiv tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ liġi antikostituzzjonali jikkuntrasta, madankollu, mal-loġika tal-argument imressaq mit-Tribunal Supremo biex jiġġustifika t-trattament iktar favorevoli mogħti lill-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minħabba l-liġijiet antikostituzzjonali meta mqabbel ma’ dak li jiġi applikat għall-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minħabba l-liġijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju. Dan itendi pjuttost favur l-effettività (jew l-ikbar effettività) tar-rimedji kontra l-att li jikkaġuna d-dannu meħud skont il-liġi antikostituzzjonali u jeżiġi, konsegwentement, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-eżawriment minn qabel tagħhom ukoll bħala kundizzjoni għall-azzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur leġiżlattiv tal-Kostituzzjoni.

34.

Barra minn hekk, dan l-argument huwa karenti fattwalment. Skont ġurisprudenza stabbilita sew ( 30 ), l-effetti ta’ deċiżjoni preliminari li jagħtu interpretazzjoni huma wkoll, fil-prinċipju, retroattivi, u dan fid-dawl tan-natura dikjaratorja tagħhom: l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt Komunitarju tikkjarifika u tispeċifika s-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola kif din kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li fih din daħlet fis-seħħ, b’mod li l-interpretazzjoni msemmija għandha effett retroattiv għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata u r-regola hekk interpretata għandha tiġi applikata anki għar-rapporti ġuridiċi li tnisslu u li ġew ikkostitwiti qabel ma ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, kif indikat il-qorti a quo u kif jippreċiża l-Gvern Spanjol fis-seduta, in-nullità tal-liġi Spanjola antikostituzzjonali ma twassalx, awtomatikament, għan-nullità tal-atti amministrattivi adottati abbażi tagħha; hija l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża li għandha tiddetermina l-portata tan-nullità tal-liġi antikostituzzjonali f’kull każ. Minn dan jirriżulta li l-individwu għandu, filwaqt li jipprevali ruħu mid-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-liġi antikostituzzjonali, jitlob l-annullament tal-atti amministrattivi adottati abbażi tagħha u li dan jista’, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, eventwalment jiltaqa’ mal-ostakolu tar-res judicata jekk huwa ma jagħmilx dan fit-termini preskritti. Fi kliem ieħor, meta jgħaddi t-terminu tal-preskrizzjoni, persuna taxxabbli ma tistax iktar tikkontesta d-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, anki jekk tipprevali ruħha minn dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-liġi fiskali. Bl-istess mod, jekk id-dritt nazzjonali ma jipprevedix huwa stess din il-possibbiltà, id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq l-amministrazzjoni li tirrevedi deċiżjoni li saħansitra tkun saret definittiva wara l-iskadenza tat-termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors, u dan bil-għan li jiġi ggarantit l-effett sħiħ tad-dritt Komunitarju fl-interpretazzjoni li tkun tagħtu sentenza preliminari sussegwenti, minkejja l-effett ex tunc tal-istess sentenza ( 31 ). Għaldaqstant ma hemmx xi differenza notevoli fl-effetti bejn id-dikjarazzjonijiet ta’ antikostituzzjonalità ta’ liġi nazzjonali mit-Tribunal Constitucional Spanjol u s-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdu interpretazzjoni.

35.

It-tieni differenza indikata mit-Tribunal Supremo, li abbażi tagħha l-kontestazzjoni minn qabel tal-att li jikkaġuna d-dannu tkun iktar faċli, meta dan ikun ġie adottat skont il-liġi li tmur kontra d-dritt Komunitarju milli meta dan kien ġie adottat abbażi ta’ liġi antikostituzzjonali, hija marbuta mal-preżunzjoni tal-kostituzzjonalità li tgawdi minnha l-liġi Spanjola. Fil-fatt, minn dan jirriżultaw żewġ konsegwenzi.

36.

L-ewwel waħda hija li l-individwu ma jistax iressaq azzjoni biex liġi tiġi ddikjarata antikostituzzjonali; huwa jista’ biss jitlob, u mhux jobbliga, lill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża sabiex din tirrinvija din il-kwistjoni quddiem it-Tribunal Constitucional. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju ta’ supremazija jobbliga lill-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, sabiex ma tapplikax liġi li tmur kontra d-dritt Komunitarju ( 32 ). Madankollu, il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà ta’ liġi ma’ regola Komunitarja tiddependi spiss fuq l-interpretazzjoni li trid tingħata lil din tal-aħħar, u r-rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja magħmul, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi ppreċiżata din l-interpretazzjoni huwa, huwa wkoll, indipendenti minn kull inizjattiva tal-partijiet u jiddependi kompletament fuq l-evalwazzjoni li ssir mill-qorti nazzjonali dwar ir-rilevanza u l-ħtieġa tar-rinviju msemmi ( 33 ). Ċertament, il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rikors għandhom, skont l-Artikolu 234 KE, jekk tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, jirrinvijaw il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iżda huwa magħruf li t-teorija tal-att ċar ( 34 ) teħles, f’ċerti każijiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-qorti suprema nazzjonali minn dan l-obbligu ta’ rinviju. Min-naħa l-oħra, il-libertà tal-qorti Spanjola li tirrinvija kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tal-liġi ma hijiex daqshekk kbira. Fil-fatt, mill-Artikoli 163 tal-Kostituzzjoni Spanjola u 35 tal-Liġi Qafas dwar it-Tribunal Constitucional ( 35 ), kif interpretati mit-Tribunal Constitucional stess ( 36 ), jirriżulta li l-individwi jistgħu, filwaqt li jikkontestaw il-kostituzzjonalità ta’ liġi quddiem il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali, jobbligaw lill-istess qorti teżamina l-kwistjoni minn qabel u jekk tqis, hija wkoll, li l-liġi hija antikostituzzjonali, tirreferi l-istess kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tal-liġi lit-Tribunal Constitucional. Għaldaqstant, il-possibbiltajiet ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali fil-kawża prinċipali, tal-kostituzzjonalità tal-liġi jew tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju ma humiex differenti wisq ( 37 ). Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li f’każ li l-individwu ma jiksibx mingħand il-qorti nazzjonali tal-kawża prinċipali r-rinviju tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità tal-liġi lit-Tribunal Constitucional, huwa jibqagħlu l-possibbiltà li jadixxi direttament lit-Tribunal Constitucional b’dik il-kwistjoni permezz ta’ recurso d’amparo, filwaqt li ovvjament huwa m’għandux tali mezz ta’ kontestazzjoni diretta tal-liġi fir-rigward tad-dritt Komunitarju, la quddiem il-qorti nazzjonali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

It-tieni konsegwenza li tirriżulta mill-preżunzjoni tal-kostituzzjonalità li tgawdi minnha l-liġi Spanjola hija li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tapplikaha. Minn din tirriżulta preżunzjoni tal-legalità tal-atti amministrattivi li jirriżultaw minnha. Fi kliem ieħor, kull rikors amministrattiv intiż sabiex jikkontesta att amministrattiv minħabba l-antikostituzzjonalità tal-liġi li huwa jimplementa, huwa ddestinat li jfalli. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ supremazija jobbliga mhux biss lill-qorti nazzjonali iżda wkoll lill-amministrazzjoni nazzjonali twarrab l-applikazzjoni ta’ liġi li tkun tmur kontra d-dritt Komunitarju ( 38 ) u, konsegwentement, sabiex tilqa’ rikors amministrattiv intiż kontra l-miżura amministrattiva li jirriżulta minnha.

38.

Madankollu, iż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex realment paragunabbli. Il-preżunzjoni tal-kostituzzjonalità tal-liġi nazzjonali tirriżulta mill-awtorità superjuri li jgawdi l-leġiżlatur fuq l-amministrazzjoni biex jinterpreta l-Kostituzzjoni. Hija biss il-qorti kostituzzjonali li tista’ taqleb din il-preżunzjoni f’sistema ċentralizzata ta’ stħarriġ kostituzzjonali. Din hija l-konsegwenza tas-separazzjoni interna tal-poteri fis-sistema kostituzzjonali ta’ dak l-Istat. Iżda meta l-amministrazzjoni jkollha ssolvi kunflitt bejn regoli nazzjonali u dawk Komunitarji, hija ma tibqax taġixxi esklużivament fil-kuntest tas-sistema kostituzzjonali interna tagħha. Għall-kuntrarju, hija ssib ruħha kkonfrontata b’żewġ volontajiet leġiżlattivi opposti, li jirriżultaw minn żewġ sistemi ġuridiċi differenti iżda integrati, u li jħaddnu preżunzjonijiet ta’ validità differenti. Din hija r-raġuni għaliex l-osservanza fir-rigward tal-liġi nazzjonali imposta fuq l-amministrazzjoni fil-kuntest tas-sistema kostituzzjonali interna ma tistax tiġi purament u sempliċiment trasposta għal kuntest tar-relazzjonijiet bejn din is-sistema ġuridika u s-sistema ġuridika Komunitarja. Minnu nnifsu, l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni nazzjonali sabiex ma tapplikax regoli nazzjonali kwalsiasi li jkunu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, ma joħroġx minn preżunzjoni ipotetika inverża tal-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, huwa proprju minħabba li l-atti Komunitarji jibbenefikaw, fis-sistema ġuridika Komunitarja, minn preżunzjoni ta’ validità ekwivalenti għal dik li jgawdu minnha l-liġijiet nazzjonali fis-sistema ġuridika interna li, meta tkun ikkonfrontata b’kunflitt bejn id-dritt Komunitarju u liġi nazzjonali, l-amministrazzjoni għandha jkollha kriterju biex issolvi dan il-kunflitt. U dan il-kriterju huwa mogħti lilha mill-prinċipju ta’ supremazija. Konsegwentement, meta l-amministrazzjoni twarrab l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tkun tmur kontra d-dritt Komunitarju, hija ma taqlibx il-preżunzjoni tal-validità tal-liġijiet nazzjonali u lanqas tikkontesta l-prinċipju kostituzzjonali intern tas-separazzjoni tal-poteri. Għall-kuntrarju, hija jkollha quddiemha preżunzjoni ekwivalenti ta’ validità tar-regola Komunitarja u hija ssolvi dan il-kunflitt abbażi tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju. Jibqa’ l-fatt li, anki jekk l-isfond ikun differenti u għalhekk iż-żewġ sitwazzjonijiet diffiċilment jistgħu jiġu pparagunati fuq livell ta’ prinċipji, minn dan jirriżulta li fil-prattika, l-individwu quddiem l-amministrazzjoni jibbenefika minn protezzjoni kontra l-liġi li tkun kontra d-dritt Komunitarju, liema protezzjoni huwa ma jkollux kontra l-liġi antikostituzzjonali.

39.

Madankollu, ma jistax jingħad biċ-ċert li l-possibbiltajiet iktar ristretti li għandhom l-individwi biex jikkontestaw il-kostituzzjonalità ta’ liġi minħabba l-preżunzjoni tal-kostituzzjonalità li l-liġi tgawdi minnha meta pparagunati ma’ dawk il-possibbiltajiet ta’ kontestazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ liġi mad-dritt Komunitarju, huma tali li jiġġustifikaw li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju, tkun suġġetta għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji kollha amministrattivi u ġudizzjarji kontra l-att amministrattiv li jikkaġuna d-dannu meħud abbazi tal-liġi, u dan b’kuntrast mal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tal-Kostituzzjoni.

40.

Kif ġie muri, fir-realtà, huwa biss quddiem l-amministrazzjoni li l-protezzjoni kontra l-liġi inkompatibbli mad-dritt Komunitarju hija inkontestabbilment iktar b’saħħitha mill-protezzjoni kontra l-liġi antikostituzzjonali. Ħlief bi ksur tal-prinċipju Komunitarju ta’ ekwivalenza, differenza simili ma hijiex madankollu tali li tiġġustifika li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju tkun suġġetta għall-eżawriment minn qabel tar-rimedji kollha mhux biss amministrattivi iżda wkoll ġudizzjarji kontra l-att amministrattiv adottat abbażi tal-liġi, filwaqt li tali kundizzjoni ma hijiex imposta fil-każ ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minħabba l-ksur tal-Kostituzzjoni mil-liġi.

III — Konklużjoni

41.

Għar-raġunijiet kollha esposti hawn fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo bil-mod li ġej:

“1)

Il-fatt li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju tkun suġġetta għall-kontestazzjoni minn qabel tal-validità tal-att amministrattiv adottat skont il-liġi ma jiksirx il-prinċipju ta’ effettività, peress li bil-kontestazzjoni fil-ħin tal-validità tal-att amministrattiv imsemmi, l-individwu seta’ jikseb kumpens għad-dannu kollu allegat.

2)

Il-fatt li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju tkun suġġetta għall-kontestazzjoni minn qabel tal-validità tal-att amministrattiv adottat skont il-liġi jikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur leġiżlattiv tal-Kostituzzjoni ma hijiex suġġetta għal tali kundizzjoni u peress li l-possibbiltajiet għal kontestazzjoni tal-att amministrattiv adottat skont il-liġi ma jvarjawx b’mod sinjifikattiv, skont jekk wieħed jikkontestax il-kostituzzjonalità tiegħu jew il-konformità tiegħu mad-dritt Komunitarju.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Liġi Fiskali Ġenerali Nru 58/2003, tas-17 ta’ Diċembru 2003.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva tal-VAT”. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-204/03, Ġabra p. I-8389).

( 4 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 24), u tad-9 ta’ Lulju 2002, Flightline (C-181/00, Ġabra p. I-6139, punt 20).

( 5 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239).

( 6 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38); tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C-300/01, Ġabra p. I-4899, punti 29 u 30); Flightline, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21), u tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (C-261/07, Ġabra p. I-2949, punt 32).

( 7 ) Ara pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 14).

( 8 ) Għal lista ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, ara fl-aħħar lok, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 67); ara iktar qabel pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22).

( 9 ) Bħala sentenza riċenti ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C-445/06, Ġabra p. I-2119, punti 19 u 20).

( 10 ) Ara s-sentenzi Köbler, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57), u tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 66).

( 11 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

( 12 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 33).

( 13 ) Ara s-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq (punti 84 u 85); tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 101); tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 124); u Danske Slagterier, iċċitata iktar ’il fuq punti 60 sa 62.

( 14 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il-Kummissjoni (175/84, Ġabra p. 753, punt 27); tad-29 ta’ Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (81/86, Ġabra p. 3677, punt 9), u tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il-Kummissjoni (20/88, Ġabra p. 1553, punt 15).

( 15 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Birke vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (543/79, Ġabra p. 2669, punt 28) u Bruckner vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (799/79, Ġabra p. 2697, punt 19); digriet tas-26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni (C-199/94 P u C-200/94 P, Ġabra p. I-3709, punti 26 sa 28); u s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 59).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark (C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 35).

( 17 ) Sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 41).

( 18 ) L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva msemmija ġie ddikjarat li għandu effett dirett (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punti 32 sa 36).

( 19 ) Ara pereżempju s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. 3595, punt 12), u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq.

( 20 ) Kif tfakkar konsistentement il-ġurispridenza. Ara pereżempju, f’dak li jikkonċerna r-rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 219); f’dak li jikkonċerna l-azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut, is-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85), u Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq (punt 203).

( 21 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum (C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 48); tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19); tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 22).

( 22 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et (C-188/95, Ġabra p. I-6783, punt 48), u tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 39 u 49).

( 24 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629), u tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839, punt 31). Anke jekk huwa magħruf li fil-preżent, ġewwa Spanja, għaddej dibattitu fuq il-portata u l-metodi konkreti għall-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu Komunitarju (ara s-sentenza tat-Tribunal kostituzzjonali Spanjol Nru 58/2004 tad-19 ta’ April 2004); noti R. Alonso Garcia, CMLR 2005, p. 535; P.J. Martín Rodríguez., Revista Espanola de Derecho Constitucional, 2004, p. 315.

( 25 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame (punt 67); Palmisani (punt 27), u Danske Slagterier (punt 31).

( 26 ) Ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ azzjoni għar-rifużjoni ta’ dak li ma kienx dovut, is-sentenza Edis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36). Wieħed jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża ż-żewġ formoli b’mod indifferenti, minkejja li huma jistgħu ma jkunux totalment ekwivalenti (ara pereżempju s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C-326/96, Ġabra p. I-7835, punti 37 u 41).

( 27 ) Jiġifieri “paragunabbli” (ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza van der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

( 28 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 57).

( 29 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza Palmisani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38.

( 30 ) Fl-aħħar lok, ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, Ġabra p. I-411, punti 35 u 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837).

( 32 ) Ara s-sentenza Simmenthal, iċċitata iktar ’il fuq.

( 33 ) Għal sentenza riċenti ara s-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punti 90 u 91; sentenza Kempter, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 34 ) Sanċita mill-Qorti tal-Ġustizzja: ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. 3415).

( 35 ) Liġi Qafas Nru 2/1979 tat-3 ta’ Ottubru 1979, BOE Nru 23180 tal-5 ta’ Ottubru 1979, p. 23180.

( 36 ) Ara s-Sentenza Nru 67/1988 tat-18 ta’ April 1988.

( 37 ) F’dan is-sens ara wkoll R. Alonso Garcia, “La responsabilidad patrimonial del Estado-legislador, en especial en los casos de infracción del Derecho Comunitario”, QDL Nru 19, 2009.

( 38 ) Ara s-sentenzi Costanzo, iċċtiata iktar ’il fuq (punt 31), u tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF (C-198/01, Ġabra p. I-8055, punt 49).

Top