Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0300

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-11 ta' Ġunju 2009.
    Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik vs AOK Rheinland/Hamburg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
    Direttiva 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u servizzi- Fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Awtoritajiet kuntrattwali - Sejħa għal offerti - Manifattura u provvista ta’ żraben ortopediċi mfasslin individwalment għall-bżonnijiet tal-pazjenti - Pariri ddettaljati mogħtija lill-pazjenti.
    Kawża C-300/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:358

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    11 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

    “Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi — Fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa — Korpi rregolati bid-dritt pubbliku — Awtoritajiet kontraenti — Sejħa għal offerti — Manifattura u provvista ta’ żraben ortopediċi mfasslin individwalment għall-bżonnijiet tal-pazjenti — Pariri ddettaljati mogħtija lill-pazjenti”

    Fil-Kawża C-300/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

    Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik,

    vs

    AOK Rheinland/Hamburg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik, minn H. Glahs u U. Karpenstein, Rechtsanwälte,

    għal AOK Rheinland/Hamburg, minn A. Neun, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms u D. Kukovec, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(c) u (d), (4), (5), u tal-ewwel u t-tieni alternattivi tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2

    Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik u AOK Rheinland/Hamburg sabiex jiġi magħruf, l-ewwel nett, jekk il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tal-mard Ġermaniżi jikkostitwixxux awtoritajiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2004/18, it-tieni nett, jekk il-provvista minn prodotturi speċjalizzati, wara ftehim konkluż mal-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa, ta’ żraben ortopediċi mmanifatturati u mfasslin individwalment għall-bżonnijiet tal-pazjenti, flimkien ma’ pariri ddettaljati mogħtija lilhom qabel u wara l-provvista tal-istess, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kuntratt ta’ provvisti jew bħala kuntratt ta’ servizzi u, it-tielet nett, fil-każ li l-imsemmija provvista ta’ żraben ortopediċi għandha titqies bħala provvista ta’ servizzi, jekk f’dan il-każ tkunx “konċessjoni tas-servizz” jew “qafas ta’ ftehim” skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:

    “[…]

    a)

    “Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u [awtorità kontraenti waħda jew aktar] li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni [provvista] tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    […]

    c)

    “Kuntratti għall-provvisti pubbliċi” [“Kuntratti pubbliċi għal provvisti”] huma kuntratti pubbliċi barra dawk riferuti għaliha [imsemmija] f’(b) li għandhom bħala objettiv tagħhom il-bejgħ, il-kera, flus li jdaħħlu mill-kera jew ħlas bin-nifs, bil jew mingħajr l-għażla li tixtri, tal-prodotti.

    […]

    d)

    “Kuntratti għal servizzi pubbliċi” [“Kuntratti pubbliċi għal servizzi”] huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni [provvista] tas-servizzi riferuti għalihom [imsemmija] fl-Anness II.

    Kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi [Kuntratt pubbliku għal xogħlijiet] li għandu bħala għan sew il-prodotti u s-servizzi mħaddna fit-tifsira ta’ l-Anness II se jiġu kkunsidrati li huma “kuntratt għas-servizz pubbliku” [“kuntratt pubbliku għal servizzi” jekk il-valur tas-servizzi in kwistjoni li jaqbeż dak tal-prodotti koperti bil-kuntratt.

    Kuntratt pubbliku li għandu bħala għan is-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness II u jinkludi attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness I li huma biss inċidentali għall-għan prinċipali tal-kuntratt se jkun kkunsidrat li huwa kuntratt għal servizzi pubbliċi [kuntratt pubbliku għal servizzi].

    4.   “Konċessjoni tas-servizz” huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas [għall-provvista tas-servizzi tikkonsisti jew fid-dritt, waħdu, li tisfrutta s-servizz jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas].

    5.   “Qafas ta’ ftehim” huwa ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mgħotija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.

    […]”

    4

    L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

    “Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ [kontraenti] tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku], assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika[bid-dritt pubbliku].

    ‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku]’ tfisser kull korp:

    a)

    stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

    b)

    li għandhom personalità legali; u

    c)

    ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku].

    Lista ta’ korpi li m’humiex eżawrjenti u kategoriji ta’ korpi rregolati bil-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku] li jissodisfaw il-kriterja riferuta fil-(a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu huma mniżżla fl-Anness III. L-Istati Membri se jinnotifikaw perjodikament lill-Kummissjoni b’kull tibdil fil-lista ta’ korpi u kategoriji ta’ korpi.”

    5

    Fl-Anness III ta’ din id-direttiva, fil-Kapitolu III intitolat “Ġermanja”, fil-paragrafu 1 “Kategoriji”, punt 1.1. “Awtoritajiet”, fir-raba’ inċiż, huma msemmija is-“Sozialversicherungen (Krankenkassen, Unfall- und Rentenversicherungsträger) [istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali: (fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, tal-assigurazzjoni f’każ ta’ inċidenti u tal-assigurazzjoni tal-pensjoni)]”.

    6

    L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

    7

    Fl-Anness II B, kategorija 25, tal-istess direttiva jissemmew is-“Saħħa u servizzi soċjali”.

    8

    Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18:

    “Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness II A u fl-Anness II B għandhom ikunu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55 fejn il-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness II A huwa akbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness II B. F’każi oħra, kuntratti għandhom jingħataw skond l-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4)”.

    9

    Skont l-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva:

    “Għall-għand li jiġi konkluż kwadri [Sabiex jiġu konklużi qafas] ta’ ftehim, awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura li sar riferiment għalihom f’din id-Direttiva […]”

    10

    L-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Emendi” jipprovdi:

    “Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 77(2), il-Kummissjoni tista’ temenda:

    […]

    d)

    il-listi tal-korpi u kategoriji ta’ korpi governati mill-liġi pubblika [bid-dritt pubbliku] [imsemmija] fl-Anness III, meta, fuq il-bażi ta’ notifiki mill-Istati Membri, dawn jinstabu neċessarji;

    […]”

    11

    Fl-aħħar nett l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223), jipprovdi:

    “Il-kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti għandhom jinftiehmu wkoll li huma kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12

    Il-preżentazzjoni fil-qosor li ġejja tar-regoli nazzjonali rilevanti hija meħuda mill-atti fil-proċess prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju.

    13

    Is-sistema tas-saħħa pubblika fil-Ġermanja u l-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma regolati mill-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch), fil-Kotba IV u V tiegħu (iktar ’il quddiem, l-“SGB IV” u l-“SGB V”). L-inkarigu mogħti mil-leġiżlatur lill-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 1(1) tal-SGB V:

    “Bħala komunità bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, is-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandha l-funzjoni li żżomm, tirreġenera u ttejjeb is-saħħa tal-persuni assigurati.”

    14

    Mill-Artikolu 4(1) tal-SGB V jirriżulta li l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma korpi rregolati bid-dritt pubbliku li għandhom personalità ġuridika kif ukoll dritt li jmexxu lilhom infushom. Ġew stabbiliti permezz tal-Artikoli 1 u 3 tal-SGB V. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni Ġermaniża (madwar 90%) hija assigurata b’mod obbligatorju, skont il-liġi, fi ħdan fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Il-persuni assigurati taħt l-iskema obbligatorja jistgħu jagħżlu fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa partikolari li miegħu jixtiequ jkunu assigurati, iżda ma jistgħux jagħżlu bejn fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa privati u pubbliċi.

    15

    Ir-regoli dwar il-finanzjament tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa jinsabu fl-Artikoli 20 sa 28 tal-SGB IV kif ukoll fl-Artikoli 3, 220 et seq tal-SGB V. Dan il-finanzjament huwa pprovdut permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-membri assigurati b’mod obbligatorju, permezz ta’ ħlasijiet diretti mill-Istat Federali u permezz ta’ ħlasijiet kumpensatorji mis-sistema ta’ kumpens finanzjarju bejn diversi fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tar-riskju strutturali bejniethom.

    16

    Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kontribuzzjonijiet tal-membri assigurati b’mod obbligatorju u l-parti tagħhom li titħallas minn min iħaddimhom, huma l-ikbar finanzjament tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet jiddependi biss fuq id-dħul tal-assigurat, jiġifieri l-kapaċità kontributorja tiegħu. Fatturi oħra, bħall-età tal-assigurat, l-istat tas-saħħa tiegħu jew in-numru ta’ persuni koassigurati, huma irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-prattika, is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurat titnaqqas minn min iħaddem mis-salarju tal-impjegat, u jitħallas lill-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa flimkien mas-sehem tal-kontribuzzjoni dovuta minn min iħaddem. Dawn huma obbligi tad-dritt pubbliku u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet huwa obbligatorju, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku.

    17

    Ir-rata tal-kontribuzzjonijiet mhijiex stabbilita mill-Istat, imma mill-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Dawn, kif stipulat fir-regoli rilevanti, għandhom jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet b’tali mod li jkopru, meta magħqudin ma’ riżorsi oħra, l-ispejjeż stipulati bil-liġi u jiggarantixxu li l-mezzi operattivi u r-riżervi pubbliċi jkunu disponibbli. L-iffissar tar-rata tal-kontribuzzjonijiet teħtieġ l-approvazzjoni tal-awtorità ta’ sorveljanza pubblika ta’ kull wieħed mill-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa sa ċertu punt stabbilit bil-liġi peress li għandu jiġi ffissat b’tali mod li d-dħul akkumulat ma jkunx iktar baxx jew iktar għoli mill-ispiża. Peress li, skont is-sistema tas-saħħa pubblika Ġermaniża, il-maġġoranza vasta tal-benefiċċji li jridu jiġu pprovduti huma stipulati bil-liġi, il-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni ma jistax jinfluwenza direttament l-ammont tal-ispiża tiegħu.

    18

    Sabiex ir-rati tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurati jinżammu fl-istess livell, l-Artikoli 266 sa 268 tal-SGB V jipprovdu għal ħlasijiet kumpensatorji annwali bejn il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa kollha li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tar-riskju strutturali. Skont l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward hemm, obbligu ta’ solidarjetà reċiproka bejn dawn il-fondi, b’kull wieħed minnhom ikollu d-dritt għal kumpens jew obbligu ta’ kumpens sa ċertu ammont.

    19

    Il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li skont l-Artikolu 4(1) tal-SGB V, għandhom dritt li jmexxu lilhom infushom, huma suġġetti għas-superviżjoni tal-Istat. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan il-kontroll mhuwiex limitat għal sempliċi kontroll legali a posteriori.

    20

    Ċerti miżuri meħuda mill-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza, bħat-tibdil fl-istatuti tagħhom, l-iffissar tar-rata tal-kontribuzzjonijiet, il-kostruzzjoni u l-akkwist ta’ art jew softwer, kif jirriżulta mill-Artikoli 195(1), 220(2) u 241 tal-SGB V. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza huma obbligati jivverifikaw, tallinqas kull ħames snin, l-amministrazzjoni kummerċjali, ta’ kontabbiltà u dik operattiva tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa suġġetti għall-kontroll tagħhom. Dan il-kontroll, li jkopri b’mod partikolari, il-profitabbiltà tal-fond inkwistjoni, jista’ jkun frekwenti iktar (Artikoli 69(2) u 88(1) tal-SGB IV kif ukoll 274(1) tal-SGB V). Fil-kuntest ta’ dawn il-kontrolli, l-Artikolu 88(2) tal-SGB IV jipprovdi li dawn il-fondi huma obbligati jagħtu lill-awtorità ta’ sorveljanza d-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 37 u 89(3) tal-SGB IV, jekk il-korpi ta’ tmexxija tagħhom infushom tal-fondi jirrifjutaw li jwettqu l-inkarigi mitluba minnhom, dawn isiru mill-awtorità ta’ superviżjoni nnifisha.

    21

    Finalment, il-baġit provviżorju ta’ kull fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti fi żmien speċifikat (Artikolu 70(5) tal-SGB IV) u din tal-aħħar tista’ tipproċedi billi tgħaqqad flimkien fondi li mhumiex vijabbli ma’ fondi oħra jew tagħlaqhom (Artikolu 146a, punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 153, Artikolu 156, punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 163, it-tieni sentenza tal-Artikolu 167, u Artikolu 170 tal-SGB V).

    22

    Peress li, fil-kuntest tas-sistema inkwistjoni l-assigurat, abbażi tal-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa, m’għandux dritt għal rifużjoni tal-ispejjeż, iżda dritt għal aċċess b’xejn għas-servizzi rispettivi (Artikolu 2(2) tal-SGB V), skont il-prinċipju ta’ servizzi in natura, il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma nkoraġġiti jikkonkludu mal-fornituri differenti skemi ta’ provvisti multisettorjali jew interdixxiplinarji. Dawn l-“iskemi integrati ta’ provvisti”, stipulati fl-Artikoli 140a sa 140e tal-SGB V, huma konklużi bejn il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-fornituri differenti eliġibbli sabiex jipprovdu kura lill-assigurati. Huma jiddefinixxu l-ħlasijiet dovuti għall-formulazzjonijiet differenti tal-iskema integrata ta’ provvisti, maħsuba sabiex iħallsu s-servizzi kollha li l-assigurati jistgħu jagħmlu użu minnhom fil-kuntest tal-iskema ta’ provvisti. Huwa l-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa li huwa parti kontraenti fl-iskema integrata ta’ provvisti u li għandu jħallas lill-fornitur. Il-parteċipazzjoni tal-assigurati fil-formulazzjonijiet differenti tal-iskema integrata mhijiex obbligatorja, imma ġaladarba assigurat ikun għażel formulazzjoni bħal din, huwa obbligat li jagħmel użu mis-servizzi tal-fornituri li magħhom il-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa rilevanti kkonkluda kuntratt bħal dan.

    23

    Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, issemmew ukoll żewġ sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht fir-rigward tal-missjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa fil-Ġermanja.

    24

    Fid-digriet tagħha tad-9 ta’ Ġunju (2 BvR 1248/03 u 2 BvR 1249/03), il-Bundesverfassungsgericht iddikjarat dan li ġej:

    “Id-dritt soċjali huwa wieħed mill-istrumenti l-iktar importanti tal-politika soċjali tal-Istat. Fis-sistema soċjali tal-Istat stabbilita mill-Kostituzzjoni (Grundgesetz), il-ħarsien fil-każ ta’ mard huwa wieħed mill-iktar inkarigi fundamentali tal-Istat. Il-leġiżlatur assuma dan l-inkarigu billi jiżgura l-ħarsien tal-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni bl-introduzzjoni tal-iskema tal-assigurazzjoni tas-saħħa statutorja, l-iskema tal-assigurazzjoni obbligatorja tad-dritt pubbliku u billi jirregola l-implementazzjoni ta’ dan il-ħarsien. L-inkarigu prinċipali tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa statutorji huwa l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni soċjali ddettaljata maħluqa sabiex dan l-inkarigu fundamentali tal-Istat jitwettaq.”

    25

    Fl-aħħar nett, fid-digriet tagħha tal-31 ta’ Jannar 2008 (1 BvR 2156/02), il-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet li l-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma korpi rregolati bid-dritt pubbliku integrati fl-istat u li jeżerċitaw, fil-fatt, b’mod indirett, missjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    26

    Permezz ta’ avviż ippubblikat fix-xahar ta’ Ġunju 2006 f’rivista speċjalizzata, AOK Rheinland/Hamburg, fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa, stieden lill-produtturi ta’ żraben ortopediċi sabiex jissottomettu offerti għall-manifattura u l-provvista ta’ żraben fil-kuntest tal-iskema integrata ta’ provvisti skont l-Artikoli 140a et seq tal-SGB V, għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru 2006. Is-servizzi li kellhom jiġu pprovduti kienu kklassifikati f’kategoriji differenti skont il-prezz, li għalihom l-offerent kellu jindika l-prezzijiet tiegħu.

    27

    In-numru ta’ żraben li kellhom jiġu pprovduti ma kienx stabbilit. Kien stipulat li l-pazjenti li jbatu mis-sindromu tas-“sieq dijabetika”, li għandhom karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa u riċetta medika, kellhom jikkuntattjaw direttament lill-produttur ta’ żraben ortopediċi. Ix-xogħol ta’ dan tal-aħħar kien li jimmanifattura u jiċċekkja żraben ortopediċi mfasslin individwalment għall-bżonnijiet tal-pazjenti, filwaqt li kellhom jingħataw pariri ddettaljati qabel u wara l-provvista taż-żraben. Apparti l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-pazjenti, il-ħlas kellu jsir mill-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

    28

    Hans & Christophorus Oymanns GbR, Orthopädie Schuhtechnik, kumpannija taż-żraben ortopediċi, tefgħet offerta u, jumejn wara, ippreżentat ilment dwar ksur tal-liġi Komunitarja u nazzjonali dwar l-għoti tal-kuntratti. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda mill-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa għar-raġuni li r-regoli tal-liġi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi ma kinux applikabbli f’dan il-każ. Peress li r-rikors tal-kumpannija taż-żraben ortopediċi kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fl-ewwel istanza, hija appellat quddiem l-Awla tal-Appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Oberlandesgericht Düsseldorf.

    29

    Din il-qorti tosserva, fl-ewwel lok, li fil-Ġermanja d-duttrina u l-ġurisprudenza huma diviżi fuq il-kwistjoni jekk il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, anki jekk imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala korpi rregolati bid-dritt pubbliku, u għalhekk, bħala awtoritajiet kontraenti, skont din id-direttiva. Għalhekk, hija turi d-diffikultà tagħha dwar il-kundizzjonijiet differenti stipulati f’dan ir-rigward fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tal-imsemmija direttiva.

    30

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-inċiżi (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti, inkwantu l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, stabbiliti bil-għan speċifiku sabiex jippreservaw, jirrestawraw u jtejbu l-istat ta’ saħħa tal-assigurati, jiġifieri bżonnijiet ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, dawn il-bżonnijiet mhumiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali peress li l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma joperawx b’mod kummerċjali u jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr skop ta’ lukru.

    31

    Id-diskussjoni għalhekk għandha tkun dwar il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-inċiż (c) tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

    32

    Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri, il-finanzjament, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-karatteristiċi tas-sistema nazzjonali inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-punti 13 sa 18 ta’ din is-sentenza.

    33

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-superviżjoni maniġerjali mill-awtoritajiet pubbliċi, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-aspetti rilevanti tas-sistema, kif jirriżultaw mill-punti 19 u 20 tas-sentenza preżenti.

    34

    Jekk jiġi konkluż li l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma awtoritajiet kontraenti, fit-tieni lok, issegwi d-domanda jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu (1)(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 jistipula l-valur tas-servizzi jew tal-prodotti inkwistjoni bħala kriterju għal tali evalwazzjoni. Abbażi ta’ dan il-kriterju, skont il-qorti tar-rinviju, huwa essenzjali li jkun magħruf liema post tokkupa l-manifattura taż-żraben inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kuntest tas-servizz kollu, li jinkludi x-xiri tal-materjali, il-manifattura, il-pariri u l-informazzjoni lill-klijenti.

    35

    Jekk il-manifattura individwalizzata taż-żraben inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala parti mill-provvista tal-prodotti, il-qorti tar-rinviju tqis li l-valur tal-provvista ta’ dawn iż-żraben ikun ogħla minn dak tas-servizzi. Jekk, min-naħa l-oħra, il-valur tal-provvista kien jikkonsisti biss mill-materja prima, il-valur tas-servizzi kien ikun ogħla minn dak tal-provvista. Hija tosserva li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44, li jassimila l-“kuntratti għall-forniment [provvista] ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti” ma’ prodotti ta’ bejgħ, jidher li huwa favur l-ewwel approċċ, irrispettivament minn jekk humiex oġġetti standardizzati jew oġġetti mfassla individwalment skont l-ordni, jiġifieri oġġetti mhux funġibbli. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-aspetti kwalitattivi għandhom ukoll rwol f’dan il-kuntest (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 46). Minn din il-perspettiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-pariri li jingħataw lill-pazjenti mhumiex limitati għall-għażla u l-użu tal-prodott.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din id-distinzjoni hija importanti għaliex il-klassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kuntratt ta’ provvisti twassal għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18.

    37

    Jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ provvisti, il-qorti tar-rinviju, fit-tielet lok, tistaqsi jekk dan il-kuntratt għandux ikun ikkunsidrat bħala kuntratt ta’ servizzi jew bħala konċessjoni ta’ servizzi. Fil-każ tal-aħħar, kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tagħha, id-Direttiva 2004/18 mhijiex applikabbli. Skont il-qorti li quddiemha tressqu l-proċeduri fl-ewwel istanza, din l-aħħar ipoteżi għandha tiġi eskluża a priori minħabba l-fatt li huwa l-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u mhux il-pazjent, li għandu jħallas lill-fornitur. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-kriterju dwar min għandu jerfa’ r-riskju finanzjarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa waħda, li l-fornitur huwa meħlus mir-riskju marbut mal-ġbir tad-dejn u l-insolvenza tad-debituri, minħabba l-fatt li huwa l-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u mhux il-pazjent li għandu jħallas lill-fornitur. Iżda, min-naħa l-oħra, il-fornitur għandu r-riskju li l-prodotti u s-servizzi tiegħu ma jkunux mitluba mill-pazjenti. Dan huwa l-element li jiddistingwi l-każ preżenti mis-sitwazzjoni ta’ qafas ta’ ftehim normali. Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt deċiżiv għall-klassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala konċessjoni ta’ servizzi, huwa l-fatt li l-fornitur m’għandux bżonn jipprovdi strutturi li jiswew il-flus minn qabel, bħall-bini ta’ stabbilimenti, l-ispiża tal-persunal jew tal-apparat, li sussegwentement ikollhom jiġu assorbiti mid-“dritt li jisfrutta, sabiex jitħallas tas-servizz tiegħu” (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria et Telefonadress, C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 30).

    38

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ servizzi, dan iwassal biss, minħabba n-natura tiegħu ta’ servizz tas-saħħa, skont l-Artikolu 21 u l-Anness II B, Kategorija 25, tad-Direttiva 2004/18, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 35(4) ta’ din id-direttiva, u f’din il-kawża m’hemmx allegazzjoni ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, tali klassifikazzjoni twassal għall-applikazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jużaw l-istess kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizzi”, li abbażi tagħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirbaħ parzjalment il-kawża.

    39

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    a)

    Il-kundizzjoni ta’ ‘finanzjament mill-Istat’ kif imsemmi fl-ewwel alternattiva tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva [2004/18] għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi sitwazzjoni fejn l-Istat jippreskrivi l-obbligu ta’ sħubija f’fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u d-dmir li jitħallsu kontribuzzjonijiet — li l-ammont tagħhom ikun jiddependi fuq l-introjtu — lill-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa rilevanti, li jistabbilixxi r-rata tal-kontribuzzjonijiet, imma fejn il-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma marbuta flimkien b’sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq is-solidarjetà deskritta f’aktar dettall fir-raġunijiet mogħtija, u li l-osservanza tal-obbligi ta’ kull fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiġi żgurata?

    b)

    Il-kundizzjoni msemmija fit-tieni alternattiva tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva [2004/18], jiġifieri li l-korp ikun ‘suġġett għas-supervizzjoni maniġerjali minn dawk il-korpi’ għandu jiġi interpretat fis-sens li s-superviżjoni tal-Istat, li tikkonċerna tranżazzjonijiet preżenti u futuri — li magħha eventwalment jiżdiedu possibbilitajiet oħra ta’ intervent mill-Istat deskritti fir-raġunijiet — huma biżżejjed biex jissodisfaw din il-kundizzjoni?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda — f’parti (a) jew (b) — tiġi mwieġba fl-affermattiv, l-inċiżi (c) u (d) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2004/18] għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-provvista ta’ oġġetti li huma manifatturati u mfassla individwalment, fit-termini tal-forma tagħhom, biex jaqdu l-bżonnijiet tal-klijent partikolari, u dwar l-użu ta’ liema l-klijent individwali għandu jiġi mogħti parir, għandhom jiġu kklassifikati bħala ‘kuntratti ta’ provvisti’ jew bħala ‘kuntratti ta’ servizzi’? Huwa biss il-valur tas-servizzi partikolari li għandu jiġi kkunsidrat?

    3)

    Jekk il-provvista msemmija fit-tieni domanda għandha tiġi jew tista’ tkun ikklassifikat bħala ‘provvista ta’ servizzi’, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva [2004/18] — għall-kuntrarju ta’ qafas ta’ ftehim skont it-tifsira tal-Artikolu 1(5) ta’ [din] id-direttiva — għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ‘konċessjoni tas-servizz’ tinkludi wkoll l-għoti ta’ kuntratt fejn:

    id-deċiżjoni dwar jekk u f’liema każijiet il-kuntrattur jiġi mogħti kuntratti speċifiċi tittieħed, mhux mill-awtorità kontraenti, imma minn terzi persuni,

    il-kuntrattur jiġi mħallas mill-awtorità kontraenti għax skont il-liġi dik l-awtorità biss hija responsabbli għal ħlas dovut u hija obbligata li tipprovdi s-servizz lil terzi persuni, u

    il-kuntattur, qabel ma jirċievi talba mingħand terzi persuni, m’għandux għalfejn jipprovdi, jew joffri xi servizz?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    40

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhomx ikunu kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2004/18.

    41

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandha tiġi eżaminata d-domanda preliminari impliċita li tirriżulta mir-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-problema li tissemma mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri jekk il-fatt li l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma espliċitament imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18 huwiex biżżejjed, sabiex huma jiġu kkunsidrati, minħabba din ir-raġuni biss, bħala korpi rregolati bid-dritt pubbliku, u għalhekk, bħala awtoritajiet kontraenti.

    42

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu f’dan ir-rigward li l-fatt li korp huwa elenkat fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18 huwa biżżejjed sabiex dan jiġi kklassifikat bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku. Tali inklużjoni fil-lista tikkostitwixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ din il-klassifikazzjoni, u kwalunkwe eżami ulterjuri dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-korp inkwistjoni jsir superfluwu.

    43

    Dan l-argument m’għandux jiġi aċċettat.

    44

    Fil-fatt, mill-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE jirriżulta li qorti nazzjonali tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità ta’ att tal-Istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, jekk tqis li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt hija meħtieġa sabiex hija tagħti s-sentenza tagħha.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja inkwistjoni, jiġifieri d-Direttiva 2004/18, tinkludi kemm regoli sostantivi, bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li jistipula l-kundizzjonijiet li korp għandu jissodisfa sabiex jiġi kkunsidrat bħala awtorità kontraenti fis-sens ta’ din id-direttiva, u regoli li jimplementaw dawn ir-regoli sostantivi, bħall-inklużjoni, fl-Anness III tal-istess direttiva, ta’ lista mhux eżawrijenti ta’ korpi pubbliċi meqjusa li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. F’tali kuntest, hija l-Qorti Komunitarja, meta ssirilha talba mmotivata f’dan is-sens minn qorti nazzjonali, li għandha tiżgura l-koerenza interna tal-att Komunitarju inkwistjoni, billi tivverfika jekk l-inklużjoni ta’ korp partikolari fuq din il-lista tfissirx applikazzjoni korretta tal-kriterji sostantivi ddefiniti fl-imsemmija dispożizzjoni. Dan l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa rekwiżit ta’ ċertezza legali li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    46

    Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tissolleva, anki jekk mhux espliċitament, kwistjoni dwar il-validità tal-inklużjoni tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18. Hija tirreferi għad-diverġenzi li jeżistu bejn il-ġurisprudenza u d-duttrina fil-Ġermanja dwar il-kwistjoni jekk din l-inklużjoni hijiex biżżejjed u esklużiva sabiex dawn il-fondi jiġu kklassifikati bħala korpi rregolati bid-dritt pubbliku u turi d-dubji tagħha f’dan ir-rigward. Għal dawn ir-raġunijiet, hija tagħmel l-ewwel domanda tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi stipulati fl-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

    47

    Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-inklużjoni tal-korp inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Anness III tad-Direttiva 2004/18, fid-dawl tal-kundizzjonijiet sostantivi stipulati fl-imsemmija dispożizzjoni.

    48

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-inċiżi (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, li għandhom jiġu sodisfatti sabiex korp jitqies bħala rregolat bid-dritt pubbliku, huma kumulattivi (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Ing. Aigner, C-393/06, Ġabra p. I-2339, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kundizzjonijiet stipulati fl-inċiżi (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 huma sodisfatti f’din il-kawża. Fil-fatt, il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni huma persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, ġew stabbiliti bil-liġi sabiex jissodisdfaw speċifikament bżonnijiet marbuta mas-saħħa pubblika, li huma bżonnijiet ta’ interess ġenerali, u dawn il-bżonnijiet mhumiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, inkwantu l-benefiċċji jingħataw mill-imsemmija fondi mingħajr skop ta’ lukru. Għaldaqstant jonqos li jiġi kkunsidrat jekk il-kundizzjonijiet alternattivi stipulati fit-tliet alternattivi msemmija fl-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) ta’ din id-direttiva, ġewx sodisfatti f’din il-kawża, u, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni dwar il-finanzjament, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat.

    50

    Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mis-sistema nazzjonali inkwistjoni kif ukoll mid-digrieti tal-Bundesverfassungsgericht iċċitati fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, il-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa inkarigu fundamentali tal-Istat u l-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma integrati fl-Istat u fil-fatt jeżerċitaw, b’mod indirett, missjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika.

    51

    Imbagħad għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tal-ewwel alternattiva tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 ma jispeċifikax il-metodi li permezz tagħhom għandu jsir il-finanzjament li għalih tagħmel referenza din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, b’mod partikolari, din ma tirrikjedix li l-attività tal-korpi inkwistjoni tkun ffinanzjata direttament mill-Istat jew minn entità oħra pubblika sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant metodu ta’ finanzjament indirett huwa biżżejjed f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et, C-337/06, Ġabra p. I-11173, punti 34 u 49).

    52

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrelevat li l-finanzjament tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa żgurat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, mill-kontribuzzjonijiet tal-assigurati, inklużi l-kontribuzzjonijiet mħallsa minn dawn tal-aħħar permezz ta’ min iħaddimhom, mill-pagamenti diretti tal-awtoritajiet federali u mill-pagamenti ta’ kumpens bejn dawn il-fondi, li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tar-riskju strutturali bejniethom. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-assigurati jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-finanzjament tal-imsemmija fondi.

    53

    Fit-tieni lok, jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kontribuzzjonijiet tal-membri huma mħallsa mingħajr korrispettiv speċifiku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza University of Cambridge, C- 380/98, Ġabra p. I-8035, punti 23 sa 25). Fil-fatt, ebda korrispettiv kuntrattwali ma huwa marbut ma’ dawn il-ħlasijiet, sa fejn la l-obbligu għall-ħlas tal-kontribuzzjoni u lanqas l-ammont tiegħu mhuma r-riżultat ta’ ftehim bejn il-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-membri tagħhom, b’dawn tal-aħħar ikunu obbligati skont il-liġi li jħallsu l-kontribuzzjoni minħabba l-fatt biss tas-sħubija tagħhom, li hija wkoll imposta bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Barra minn hekk, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa bbażat biss fuq il-kapaċità kontributorja ta’ kull membru, filwaqt li fatturi oħra bħall-età tal-assigurat, l-istat tas-saħħa tiegħu jew in-numru ta’ persuni koassigurati, huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

    54

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għall-kuntrarju tal-ħlas inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rata tal-kontribuzzjonijiet f’din il-kawża mhijiex stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi, iżda mill-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni stess. Madankollu, hija korrettament turi li l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ dawn il-fondi huwa limitat ferm f’dan ir-rigward, inkwantu l-missjoni tagħhom hija li jiżguraw l-benefiċċji stipulati bil-liġi tas-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, peress li l-benefiċċji u l-ispiża relatata magħhom huma imposti bil-liġi u peress li l-imsemmija fondi joperaw mingħajr skop ta’ lukru, ir-rata tal-kontribuzzjonijiet għandha tiġi stabbilita b’tali mod li d-dħul li jirriżulta minnha la jkun inqas u lanqas iktar mill-ispiża.

    55

    Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li l-iffissar tar-rata tal-kontribuzzjonijiet mill-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa jirrikjedi, fi kwalunkwe każ, l-awtorizzazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni ta’ kull wieħed minnhom. Barra minn hekk, l-imsemmija rata hija, skont il-qorti tar-rinviju, sa ċertu punt, imposta mil-liġi. Finalment, f’dak li jirrigwarda s-sorsi l-oħra ta’ dħul ta’ dawn il-fondi, il-pagamenti diretti tal-awtoritajiet federali, għalkemm iżgħar fl-ammont, huma mingħajr dubju finanzjament dirett mill-Istat.

    56

    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-metodi tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-prattika, il-parti tagħhom li titħallas mill-assigurat titnaqqas mis-salarju tiegħu minn min iħaddmu u titħallas lill-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa kompetenti flimkien mal-parti tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas minn dan tal-aħħar. Il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għalhekk isir mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ intervent mill-assigurat. Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet isir b’mod obbligatorju, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku.

    57

    B’hekk għandu jiġi konkluż, bħall-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, li finanzjament bħal dak fil-kawża prinċipali, ta’ skema pubblika ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, li ssib il-bidu tagħha f’att tal-Istat, huwa, fil-prattika, iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi u huwa żgurat permezz ta’ metodi ta’ ġbir li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt pubbliku, jissodisfa l-kundizzjoni li jiġi ffinanzjat, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    58

    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, u fid-dawl tan-natura alternattiva tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, m’hemmx lok li tiġi eżaminata jekk il-kundizzjoni dwar is-superviżjoni maniġerjali tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa mill-awtoritajiet pubbliċi hijiex sodisfatta f’din il-kawża.

    59

    B’hekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel alternattiva tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm finanzjament, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, meta l-attività tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma ffinanzjati prinċipalment minn kontribuzzjonijiet pagabbli mill-membri, li huma imposti, ikkalkolati u miġbura skont ir-regoli tad-dritt pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa għandhom jiġu kkunsidrati bħala korpi rregolati bid-dritt pubbliku, għalhekk, bħala awtoritajiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-direttiva.

    Fuq it-tieni domanda

    60

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment liema kriterju għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit jekk kuntratt pubbliku imħallat, li għandu bħala suġġett kemm il-provvista ta’ prodotti kif ukoll il-provvista ta’ servizzi, għandux jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi, u jekk il-kriterju li għandu jiġi applikat f’dan ir-rigward huwiex biss il-valur tad-diversi partijiet li jiffurmaw il-kuntratt imħallat inkwistjoni. Madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll, jekk, fil-każ ta’ provvista ta’ prodotti li ġew manifatturati u mfasslin individwalment skont il-bżonnijiet ta’ kull klijent, u dwar l-użu ta’ liema kull klijent għandu jingħata parir individwalment, il-manifattura tal-imsemmija prodotti għandiex tiġi kklassifikata fil-parti “provvisti” jew fil-parti “servizzi” ta’ dan il-kuntratt, sabiex jiġi kkalkulat il-valur ta’ kull parti tiegħu.

    61

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li meta kuntratt ikollu bħala suġġett kemm il-provvista ta’ prodotti kif ukoll il-provvista ta’ servizzi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 fih regola speċifika li tiffissa kriterju ta’ delimitazzjoni sabiex il-kuntratt inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi, jiġifieri l-valur rispettiv tal-prodotti u tas-servizzi inklużi f’dan il-kuntratt. Dan il-kriterju huwa kwantitattiv, jiġifieri jirreferi b’mod konkret għall-valur tal-korrispettiv dovut bħala ħlas tal-parti “prodotti” u tal-parti “servizzi” inklużi fil-kuntratt inkwistjoni.

    62

    Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ kuntratt pubbliku dwar il-provvista ta’ servizzi u l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 juża kriterju ieħor ta’ delimitazzjoni, dak dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni. Dan il-kriterju huwa applikat fis-sentenza Auroux et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 37 u 46), li kienet tikkonċerna, preċiżament, kuntratt għal xogħlijiet u servizzi.

    63

    La mill-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli u lanqas mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dan il-kriterju għandu wkoll jiġi kkunsidrat fil-każ ta’ kuntratt imħallat li jirrigwarda prodotti u servizzi.

    64

    Sussegwentement għandu jiġi osservat li, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2004/18, dan il-kunċett jirrigwarda tranżazzjonijiet bħal, per eżempju, ix-xiri jew il-kiri ta’ “prodotti”, mingħajr ma jkun iktar speċifiku f’dan ir-rigward u mingħajr ma jiddistingwi jekk il-prodott inkwistjoni ġiex immanifatturat b’mod standardizzat jew b’mod individwalizzat, jiġifieri skont il-preferenzi u l-bżonnijiet konkreti tal-klijent. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “prodott”, li għalih tirreferi b’mod ġenerali din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-proċess tal-manifattura, indipendetement mill-kwistjoni dwar jekk il-prodott ikkonċernat tqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi diġà lest jew wara li kien immanifatturat skont il-bżonnijiet tagħhom.

    65

    Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44, li jikklassifika il-“kuntratti ta’ bejgħ”, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, bħala l-“kuntratti għall-forniment [provvista] ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti.”

    66

    Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, meta kuntratt pubbliku mħallat ikollu bħala suġġett kemm prodotti kif ukoll servizzi, il-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt inkwistjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi huwa l-valur rispettiv tal-prodotti u tas-servizzi inklużi f’dan il-kuntratt. Meta l-prodotti pprovduti huma mmanifatturati u mfasslin individwalment skont il-bżonnijiet ta’ kull klijent, u dwar l-użu ta’ liema kull klijent għandu jingħata parir individwali, il-manifattura tal-imsemmija prodotti għandha tiġi kklassifikata fil-parti “servizzi” tal-imsemmi kuntratt għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ kull parti tiegħu.

    Fuq it-tielet domanda

    67

    It-tielet domanda għandha tinftiehem bħala li tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta l-provvista ta’ servizzi titqies bħala iktar importanti meta mqabbla mal-provvista ta’ prodotti fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fid-dawl tal-karatteristiċi msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għoti ta’ kuntratt bejn fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u manifattur taż-żraben ortopediċi għandux jitqies bħala “konċessjoni tas-servizz” skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, jew bħala “qafas ta’ ftehim” skont l-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva.

    68

    Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18, il-konċessjoni ta’ servizzi huwa kuntratt bl-istess karatteristiċi bħal kuntratt pubbliku għal servizzi, ħlief li l-kunsiderazzjoni għall-provvista tas-servizzi tikkonsisti biss jew fid-dritt, waħdu, li tisfrutta s-servizz jew f’dan id-dritt flimkien ma’ ħlas.

    69

    Min-naħa l-oħra, il-qafas ta’ ftehim huwa ddefinit fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18 bħala ftehim bejn awtorità kontraenti, waħda jew aktar, u operatur ekonomiku, wieħed jew aktar, li għandu l-għan li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw il-kuntratti li jiġu mogħtija f’ċertu perijodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn ikun xieraq, il-kwantità prevista.

    70

    Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li l-kunċetti kkunsidrati għandhom karatteristiċi sa ċertu punt simili b’tali mod li mhux faċli li ssir distinzjoni netta bejniethom minn qabel. Il-klassifikazzjoni legali ta’ kuntratt għalhekk tiddependi fuq aspetti konkreti li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni.

    71

    Fi kwalunkwe każ, mid-definizzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizzi msemmija hawn fuq jirriżulta li din hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni fejn dritt li tisfrutta servizz partikolari jiġi trasferit minn awtorità kontraenti lil konċessjonarju, u li dan tal-aħħar ikollu, fil-kuntest tal-kuntratt konkluż, ċerta libertà ekonomika sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jeżerċita dan id-dritt, peress li, b’mod parallel, il-konċessjonarju huwa espost ħafna għar-riskji marbuta ma’ din l-operazzjoni tas-servizz. Min-naħa l-oħra, qafas ta’ ftehim huwa kkaraterizzat minn sitwazzjoni li fiha l-attività tal-operatur ekonomiku li kkonkluda l-kuntratt hija limitata fis-sens li l-kuntratti kollha konklużi mill-imsemmi operatur matul perijodu stabbilit għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-ftehim.

    72

    Dan l-element ta’ distinzjoni huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li jkun hemm konċessjoni ta’ servizzi meta l-mod ta’ remunerazzjoni miftiehem jikkonsisti fid-dritt tal-fornitur li jisfrutta s-servizz tiegħu stess u timplika li dan jassumi r-riskju marbut mal-isfruttament tas-servizzi inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-382/05, Ġabra p. I-6657, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    F’din il-kawża, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt magħruf bħala “skema integrata ta’ provvisti”, stipulat fl-Artikoli 140a sa 140e tal-SGB V, konkluż bejn fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u operatur ekonomiku. Skont dan il-kuntratt, l-operatur ekonomiku jassumi l-obbligu li jaqdi lill-assigurati li jitolbu s-servizzi tiegħu. Fl-istess ħin, il-prezzijiet għall-formulazzjonijiet differenti kif ukoll it-tul tal-kuntratt huma ddefiniti fl-imsemmi kuntratt. Il-kwantitajiet tad-diversi servizzi mhumiex stabbiliti, iżda tali provvediment mhuwiex rikjest mill-kunċett ta’ konċessjoni ta’ servizzi. Il-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa biss iħallas ir-remunerazzjoni tal-fornitur. Għalhekk jidher li l-kundizzjonijiet li taħthom l-operatur ekonomiku jeżerċita l-attivitajiet tiegħu huma ddefiniti fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-imsemmi operatur m’għandu l-ebda libertà ekonomika li tikkaratterizza konċessjoni ta’ servizzi u lanqas mhuwa espost għal riskju sinjifikattiv marbut mas-servizzi li jipprovdi.

    74

    Ċertament jista’ jiġi osservat li l-operatur ekonomiku f’din il-kawża huwa espost għal ċertu riskju, inkwantu l-prodotti u s-servizzi tiegħu jistgħu ma jiġux mitluba mill-assigurati. Madankollu, dan ir-riskju huwa limitat. L-operatur ekonomiku fil-fatt m’għandux riskju marbut mal-ġbir tar-remunerazzjoni tiegħu u mal-insolvenza tal-parti l-oħra fil-kuntratt individwali, peress li legalment il-fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa biss huwa responsabbli għall-ħlas tiegħu. Barra minn hekk, minkejja li għandu jkollu biżżejjed tagħmir sabiex joffri s-servizzi tiegħu, m’għandux jidħol fi spejjeż kunsiderevoli qabel ma jikkonkludi kuntratt individwali ma’ assigurat. Fl-aħħar nett, in-numru ta’ assigurati li jbatu mis-sindromu tas-“sieq dijabetika”, li x’aktarx se jitolbu s-servizzi ta’ dan l-operatur ekonomiku, huwa magħruf minn qabel, b’tali mod li jista’ jkollu previżjoni raġonevoli tan-numru ta’ klijenti.

    75

    Konsegwentement, l-operatur ekonomiku f’din il-kawża ma jġorrx ir-riskju marbut mal-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni, fattur li jikkaratterizza s-sitwazzjoni ta’ konċessjonarju fil-kuntest ta’ konċessjoni ta’ servizzi.

    76

    Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, meta l-provvista ta’ servizzi titqies bħala iktar importanti meta mqabbla mal-provvista ta’ prodotti fil-kuntratt inkwistjoni, ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u operatur ekonomiku, li fih huma ddefiniti l-ħlasijiet tad-diversi tipi ta’ servizzi pprovduti minn dan l-operatur kif ukoll it-tul tal-applikazzjoni tal-ftehim, bl-imsemmi operatur jassumi l-obbligu li jimplementa l-ftehim fir-rigward tal-assigurati li jitolbu s-servizzi tiegħu u bl-imsemmi fond ikun, min-naħa tiegħu, l-uniku li jħallas is-servizzi ta’ dan l-istess operatur, għandu jiġi kkunsidrat bħala qafas ta’ ftehim skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18.

    Fuq l-ispejjeż

    77

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-ewwel alternattiva tal-inċiż (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm finanzjament, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, meta l-attività tal-fondi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa huma ffinanzjati prinċipalment minn kontribuzzjonijiet pagabbli mill-membri, li huma imposti, ikkalkolati u miġbura skont ir-regoli tad-dritt pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali fondi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa għandhom jiġu kkunsidrati bħala korpi rregolati bid-dritt pubbliku u, għalhekk, bħala awtoritajiet kontraenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-direttiva.

     

    2)

    Meta kuntratt pubbliku mħallat ikollu bħala suġġett kemm prodotti kif ukoll servizzi, il-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt inkwistjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ provvisti jew kuntratt ta’ servizzi huwa l-valur rispettiv tal-prodotti u tas-servizzi inklużi f’dan il-kuntratt. Meta l-prodotti huma mmanifatturati u mfasslin individwalment skont il-bżonnijiet ta’ kull klijent, u dwar l-użu ta’ liema kull klijent għandu jingħata parir individwali, il-manifattura tal-imsemmija prodotti għandha tiġi kklassifikata fil-parti “servizzi” tal-imsemmi kuntratt għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ kull parti tiegħu.

     

    3)

    Meta l-provvista ta’ servizzi titqies bħala iktar importanti meta mqabbla mal-provvista ta’ prodotti fil-kuntratt inkwistjoni, ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn fond pubbliku tal-assigurazzjoni tas-saħħa u operatur ekonomiku, li fih huma ddefiniti l-ħlasijiet tad-diversi tipi ta’ servizzi pprovduti minn dan l-operatur kif ukoll it-tul tal-applikazzjoni tal-ftehim, bl-imsemmi operatur jassumi l-obbligu li jimplementa l-ftehim fir-rigward tal-assigurati li jitolbu s-servizzi tiegħu u bl-imsemmi fond ikun l-uniku wieħed li jħallas is-servizzi ta’ dan l-istess operatur, għandu jiġi kkunsidrat bħala “qafas ta’ ftehim” skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top