This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0212
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 1 April 2008.#Government of the French Community and Walloon Government v Flemish Government.#Reference for a preliminary ruling: Cour d’arbitrage, now the Cour constitutionnelle - Belgium.#Care insurance scheme established by a federated entity of a Member State - Exclusion of persons residing in part of the national territory other than that falling within the competence of that entity - Articles 18 EC, 39 EC and 43 EC - Regulation (EEC) No 1408/71.#Case C-212/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-1 ta' April 2008.
Il-Gvern ta' Communauté française u Gouvernement wallon vs Gouvernement flamand.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d’arbitrage, Cour constitutionnelle - il-Belġju.
Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita minn entità federali ta’ Stat Membru - Esklużjoni tal-persuni residenti f’parti mit-territorju nazzjonali differenti mill-parti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità - Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE - Regolament (KEE) Nru 1408/71.
Kawża C-212/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-1 ta' April 2008.
Il-Gvern ta' Communauté française u Gouvernement wallon vs Gouvernement flamand.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d’arbitrage, Cour constitutionnelle - il-Belġju.
Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita minn entità federali ta’ Stat Membru - Esklużjoni tal-persuni residenti f’parti mit-territorju nazzjonali differenti mill-parti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità - Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE - Regolament (KEE) Nru 1408/71.
Kawża C-212/06.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:178
*A9* Cour constitutionnelle (anciennement Cour d'arbitrage), arrêt du 19/04/2006 (Rôles nºs 3194 et 3195 ; 51/2006)
- Cour d'arbitrage ; Arrêts 2006 p.575-624
*P1* Cour constitutionnelle, arrêt du 21/01/2009 (n° 11/2009)
- Administration publique 2009 (sommaire), liv. 1, p. 73
- Cour constitutionnelle ; Arrêts 2009, liv. 1, p. 207
- Rechtskundig weekblad 2008-09 (sommaire), liv. 30, p. 1278
- Rechtskundig weekblad 2008-09 (sommaire), liv. 42, p. 1761
- Tijdschrift voor bestuurswetenschappen en publiekrecht 2009, liv. 3, p. 161, note FEYEN, S.
https://www.const-court.be/public/f/2009/2009-011f.pdf
Moniteur belge 13 février 2009 (extrait), p. 12849
Juristenkrant 2009, liv. 183, p. 4, note STORME, H.
Nieuw juridisch Weekblad 2009, liv. 196, p. 123, note VERDEYEN, V.
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
1 ta’ April 2008 ( *1 )
“Skema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita minn entità federali ta’ Stat Membru — Esklużjoni tal-persuni residenti f’parti mit-territorju nazzjonali differenti mill-parti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità — Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE — Regolament (KEE) Nru 1408/71”
Fil-Kawża C-212/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour d’arbitrage, li saret il-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura
Gvern tal-Komunità Franċiża,
Gvern tal-Vallonja
vs
Gvern Fjamming,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano (Relatur), G. Arestis, Presidenti ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern tal-Komunità Franċiża, minn J. Sambon u P. Reyniers, avocats, |
— |
għall-Gvern tal-Vallonja, minn M. Uyttendaele, J.-M. Bricmont u J. Sautois, avocats, |
— |
għall-Gvern Fjamming, minn B. Staelens u H. Gilliams, advocaten, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J.-P. Keppenne, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 28, p. 1, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU L 38, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi entitajiet federali tar-Renju tal-Belġju. Din hija kawża bejn, minn naħa waħda, il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja u, min-naħa l-oħra, il-Gvern Fjamming dwar il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita mill-Komunità Fjamminga favur persuni b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà serja u fit-tul. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu li jipprovdi: “Dan ir-Regolament se japplika għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom [u għall-istudenti] li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla Stat jew rifuġjati li jabitaw fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom.” |
4 |
Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-regolament imsemmi huwa ddefinit fl-Artikolu 4 tiegħu fit-termini segwenti: “1. Dan ir-Regolament ikun japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:
[…] 2. Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu [mar-responsabbiltà] ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1. […] 2b. Dan ir-Regolament ma jkunx japplika għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru rigward il-benefiċċji speċjali non-kontributorji, li għalihom saret riferenza [fit-taqsima III ta’ l-Anness II], li l-validità tiegħu hija kkonfinata għall-parti mit-territorju tiegħu. […]” |
5 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Ugwaljanza ta’ trattament”, jipprovdi: “1. Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.” |
6 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema migranti fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Il-kliem tiegħu jgħid kif ġej: “1. Suġġetti għall-Artikolu 14ċ [u 14f], persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġiżlazzjoni tkun iddeterminata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 |
Permezz ta’ digriet tal-Parlament Fjamming, dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ Marzu 1999 (Moniteur belge tat-28 ta’ Mejju 1999, p. 19149, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999”), il-Komunità Fjamminga stabbilixxiet skema ta’ assigurazzjoni għall-kura bil-għan li ttejjeb l-istat ta’ saħħa u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuni b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà serja u fit-tul. Din l-iskema tagħti dritt, taħt ċerti kundizzjonijiet u sa ammont massimu, għall-ħlas lura minn fond ta’ assigurazzjoni ta’ xi spejjeż li saru minħabba stat ta’ dipendenza għal raġunijiet ta’ saħħa, bħal infieq relatat ma’ servizzi ta’ għajnuna fid-dar jew max-xiri ta’ apparat u ta’ prodotti meħtieġa mill-persuna assigurata. |
8 |
Id-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 ġie emendat kemm-il darba, b’mod partikolari biex jieħu in kunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet issollevati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li taw lok għal ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur fl-2002. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkontestat il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1408/71 tal-kundizzjoni ta’ residenza fir-reġjun fejn tiġi mitkelma l-lingwa Olandiża jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, li għaliha kienu suġġetti, fil-verżjoni oriġinali tad-Digriet imsemmi, l-affiljazzjoni fl-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni għall-kura u l-ħlas tal-benefiċċji previsti minnha. |
9 |
B’hekk, il-kriterju ta’ residenza ġie stabbilit mid-digriet tal-Parlament Fjamming li jemenda d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet van de Vlaamse Gemeenschap houdende wijziging van het decreet van 30 maart 1999 houdende de organisatie van de zorgverzekering), tat-30 ta’ April 2004, (Moniteur Belge tad-9 ta’ Ġunju 2004, p. 43593, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ April 2004”). Dan id-Digriet, li għandu effett retroattiv mill-1 ta’ Ottubru 2001, essenzjalment wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura għall-persuni li jaħdmu fit-territorju tar-reġjuni msemmija u li huma residenti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju. Barra minn hekk, dan id-Digriet eskluda mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni lill-persuni residenti f’dawn ir-reġjuni, iżda li huma suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor. Wara li dawn l-emendi ġew adottati, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-4 ta’ April 2006, li tieqaf mill-proċedura ta’ ksur in kwistjoni. |
10 |
L-Artikolu 4 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, kif emendat mid-Digriet tat-30 ta’ April 2004, jagħti s-segwenti definizzjonijiet tal-kategoriji ta’ persuni suġġetti għall-affiljazzjoni, obbligatorja jew volontarja, ma’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura: “(1.) Kull persuna li għandha r-residenza tagħha fir-reġjun lingwistiku Olandiż għandha tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet. […] (2.) Kull persuna li għandha r-residenza tagħha fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali għandha l-possibbiltà li tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet fuq bażi volontarja. (2a.) Kull persuna li ssir referenza għaliha fil-paragrafi (1) u (2) li għaliha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tapplika bħala dritt l-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li jifforma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea ma taqax taħt il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan id-Digriet. (2b.) Kull persuna li ma tirrisjedix fil-Belġju li fir-rigward tagħha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, tapplika bħala dritt l-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Belġju minħabba l-impjieg tagħha fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż għandha tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet li jikkonċernaw il-persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’analoġija. Kull persuna li ma tirrisjedix fil-Belġju li fir-rigward tagħha, abbażi tar-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli skond ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, l-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Belġju tapplika bħala dritt minħabba l-impjieg tagħha fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali tista’ tagħżel li tiġi affiljata ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-kura approvat minn dan id-Digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet li jikkonċernaw persuni li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw b’analoġija.” |
11 |
L-Artikolu 5 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, kif emendat l-aħħar mid-Digriet tal-Parlament Fjamming li jemenda d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 dwar l-organizzazzjoni ta’ l-assigurazzjoni għall-kura (Decreet van de Vlaamse Gemeenschap houdende wijziging van het decreet van 30 maart 1999 houdende de organisatie van de zorgverzekering), tal-25 ta’ Novembru 2005, (Moniteur belge tat-12 ta’ Jannar 2006, p. 2153), li wkoll għandu effett retroattiv mill-1 ta’ Ottubru 2001, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tar-riskji mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura fit-termini segwenti: “L-utent għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex ikun jista’ jitlob il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ assistenza u servizzi mhux mediċi mill-fond ta’ assigurazzjoni għall-kura: […]
[…]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Din il-kawża toriġina mit-tielet rikors għal annullament ippreżentat mill-Gvernijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, fejn l-ewwel żewġ rikorsi kienu ġew rispettivament miċħuda parzjalment u b’mod komplet mill-Cour d’arbitrage. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi preċedenti, il-Cour d’arbitrage enfasizzat, permezz tas-sentenza tagħha Nru 33/2001, tat-13 ta’ Marzu 2001, li l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet imsemmi kienet tifforma parti mill-“għajnuna lill-persuni”, liema qasam jidħol fil-kompetenzi tal-Komunitajiet, skond l-Artikolu 128(1) tal-Kostituzzjoni Belġjana, u b’hekk, ma kinitx tidħol fuq il-kompetenzi esklużivi ta’ l-Istat federali fil-qasam tas-sigurtà soċjali. |
13 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 4 tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999, fil-verżjoni tiegħu skond id-Digriet tat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat”). B’mod partikolari, fir-rikorsi tagħhom ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2004 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvernijiet rikorrenti b’mod partikolari invokaw il-ksur tar-Regolament Nru 1408/71 u ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, billi osservaw li l-esklużjoni minn din l-iskema tal-persuni li, għalkemm jaħdmu fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, li jirrisjedu fit-territorju nazzjonali, iżda barra mit-territorju ta’ dawn iż-żewġ reġjuni, tikkostitwixxi miżura restrittiva li tostakola l-moviment liberu tal-persuni. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’arbitrage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 |
Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk benefiċċji mħallsa taħt skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 jaqgħux taħt il-kamp ta’ ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71. |
16 |
Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u benefiċċji li jaqgħu f’dan il-kamp tistrieħ essenzjalment fuq l-elementi kostituttivi ta’ kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju jkun jew ma jkunx ikklassifikat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punt 11; ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-111/91, Ġabra p. I-817, punt 28, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi, C-332/05, Ġabra p. I-563, punt 16). |
17 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba sostniet li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali safejn, l-ewwel nett, jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita u fejn, it-tieni nett, dan huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hoeckx, punti 12 sa 14; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 29, u Celozzi, punt 17). |
18 |
Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża prinċipali mhuwiex ikkontestat li sistema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. |
19 |
Fil-fatt, min-naħa waħda, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet jirriżulta li tali skema tagħti dritt, b’mod oġġettiv u abbażi ta’ sitwazzjoni legalment definita, għall-ħlas lura minn fond ta’ assigurazzjoni għall-kura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi ta’ għajnuna u għal servizzi mhux mediċi minn kull persuna b’awtonomija mnaqqsa minħabba diżabbiltà fit-tul u serja. |
20 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li l-benefiċċji intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, essenzjalment għandhom bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, Ġabra p. I-843, punti 22 sa 24; tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch, C-215/99, Ġabra p. I-1901, punt 28, u tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C-286/03, Ġabra p. I-1771, punt 38). |
21 |
Barra min hekk, hekk kif osserva l-Gvern tal-Vallonja, l-assigurazzjoni għall-kura ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 abbażi ta’ l-Artikolu 4(2b) tiegħu, li jirrigwarda ċerti tipi ta’ benefiċċji ta’ natura mhux kontributorja kemm-il darba dawn ikunu rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal parti biss mit-territorju ta’ Stat Membru. |
22 |
Fil-fatt, kuntrarjament għall-ħtiġiet stabbiliti minn din id-deroga fl-imsemmi Artikolu 4(2a), l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura kontributorja, peress li hija ffinanzjata, għall-inqas parzjalment, minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni assigurati, u mhijiex imsemmija fl-Anness II, Taqsima III tar-Regolament Nru 1408/71. |
23 |
B’konsegwenza, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-benefiċċji mħallsa taħt skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita permezz tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1408/71. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
24 |
Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu evalwati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE jew ir-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema bħal dik ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità kif ukoll dawk li jeżerċitaw attività professjonali f’dan it-territorju u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li jiġu esklużi minnha l-persuni li wkoll għandhom impjieg f’din l-entità, iżda li jirrisjedu fit-territorju ta’ entità federali oħra ta’ l-istess Stat. |
Fuq l-ammissibbiltà
25 |
Il-Gvern Fjamming josserva, b’mod prinċipali, li dawn id-domandi ma huma la utli u lanqas neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, b’tali mod li għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
26 |
Fil-fatt, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gvernijiet rikorrenti opponew l-implementazzjoni ta’ din l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-kura billi kkontestaw il-kompetenza tal-Komunità Fjamminga dwar il-qasam, filwaqt li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li dawn jirrikonoxxu fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi twassal għar-riżultat kuntrarju, jiġifieri l-estensjoni tal-benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni għall-persuni li jirrisjedu fir-reġjun tal-lingwa Franċiża. |
27 |
Barra minn hekk, skond il-Gvern Fjamming, il-Cour d’arbitrage diġà rrispondiet hija stess għal dawn id-domandi fid-deċiżjoni tar-rinviju billi kkunsidrat li l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx kontra l-kompetenzi esklużivi ta’ l-awtorità federali fil-qasam ta’ l-unjoni ekonomika ġewwa l-Belġju, b’kunsiderazzjoni ta’ l-ammont u ta’ l-effetti limitati tal-benefiċċji in kwistjoni. Għall-istess raġunijiet, din l-iskema ma tistax tirrestrinġi l-moviment liberu tal-persuni skond it-Trattat. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandhom jintervjenu sabiex jikkunsidraw, fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu fil-pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 30). |
29 |
Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss u, b’mod partikolari meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, u tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22). |
30 |
Madankollu dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi li saru mill-Cour d’arbitrage huma utli għaliha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni ta’ residenza, li għaliha hija suġġetta l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura, tiksirx, kif isostnu l-Gvernijiet rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom fil-kawża prinċipali, ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-moviment liberu tal-persuni. |
31 |
Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
32 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Fjamming isostni li dawn id-domandi jirrigwardaw biss sitwazzjoni purament interna li ma tippreżenta l-ebda rabta mad-dritt Komunitarju, jiġifieri dik li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat lil persuni li fl-istess ħin jirrisjedu fil-Belġju u li jeżerċitaw hemmhekk attività professjonali. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti għall-implementazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna rispettivament il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, 20/87, Ġabra p. 4879, punti 12 u 13, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1992, Petit, C-153/91, Ġabra p. I-4973, punt 10, u tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et, C-95/99 sa C-98/99 u C-180/99, Ġabra p. I-7413, punt 70). |
34 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mill-post tar-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1994 Scholz, C-419/92, Ġabra p. I-505, punt 9; Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C-212/05, Ġabra p. I-6303, punt 17). |
35 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tieni u t-tielet domandi li saru mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-persuni kollha, kemm jekk dawn kinux eżerċitaw jew le waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn huwa mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li, minħabba l-fatt li huma jirrisjedu f’parti mit-territorju nazzjonali li jinsab barra minn dawn iż-żewġ reġjuni, ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. |
37 |
Minn naħa waħda, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali twassal b’mod partikolari għall-esklużjoni mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura taċ-ċittadini Belġjani li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tar-reġjun fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża jew f’dak tar-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li jirrisjedu fir-reġjuni ta’ lingwa Franċiża jew Ġermaniża u li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea. |
38 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt Komunitarju ma jistax jiġi applikat għal tali sitwazzjonijiet purament interni. |
39 |
Fid-dawl ta’ dan, ma jistax jiġi prekluż, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern tal-Komunità Franċiża, il-prinċipju taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 17 KE, li b’mod partikolari jinkludi, skond l-Artikolu 18 KE, id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni m’għandhiex bħala għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li m’għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet, C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 26, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 20). |
40 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju tista’ eventwalment tkun utli għall-qorti nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ikkwalifikati bħala purament interni, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jimponi li kull ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jieħu mid-dritt Komunitarju f’sitwazzjoni kkunsidrata minn din il-qorti bħala paragunabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri, C-250/03, Ġabra p. I-1267, punt 21, u s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29). |
41 |
Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ wkoll teskludi mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura lill-impjegati jew lil dawk li jaħdmu għal rashom li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, jiġifieri kemm iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri differenti mir-Renju tal-Belġju li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li jirrisjedu f’parti oħra mit-territorju nazzjonali, kif ukoll ir-residenti Belġjani li jinsabu fl-istess sitwazzjoni u li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. |
42 |
Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna din it-tieni kategorija ta’ ħaddiema, għandu jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni mill-qorti tar-rinviju jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali safejn din tapplika għal ċittadini ta’ Stati Membri differenti minn dawk tar-Renju tal-Belġju jew għal ċittadini Belġjani li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fil-Komunità Ewropea. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali, madankollu huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen, C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33). |
44 |
Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġjaw lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1988, Wolf et, 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 13; Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 114). F’dan il-kuntest iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari d-dritt, li huma jieħdu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat ta’ origini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu fih sabiex jeżerċitaw attività ekonomika hemmhekk (ara, b’mod partikolari, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosman, punt 95, u Terhoeve, punt 38). |
45 |
B’konsegwenza, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32; tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud, C-285/01, Ġabra p. I-8219, punt 95, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11). |
46 |
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, ġew b’mod partikolari kkwalifikati bħala ostakli dawk il-miżuri li għandhom bħala effett li jtellfu lill-ħaddiema, bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, il-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li tassiguralhom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa, C-45/92 u C-46/92, Ġabra p. I-6497, punt 21; tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Munster, C-165/91, Ġabra p. I-4661, punt 27, kif ukoll Hosse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
47 |
Madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tipproduċi tali effetti restrittivi, safejn din tissuġġetta l-affiljazzjoni ma’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura għal kundizzjoni ta’ residenza kemm f’parti limitata mit-territorju nazzjonali, jiġifieri r-reġjun ta’ fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża u r-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, kemm fi Stat Membru ieħor. |
48 |
Fil-fatt, ħaddiema migranti, li jeżerċitaw jew li jaħsbu biex jeżerċitaw attività bħala impjegati jew għal rashom f’wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, jistgħu jiġu dissważi milli jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom u li jitilqu l-Istat Membru ta’ l-oriġini tagħhom sabiex jirrisjedu fil-Belġju, minħabba l-fatt li l-installazzjoni tagħhom f’ċerti partijiet tat-territorju Belġjan twassal għat-telfien tal-possibbiltà li jibbenifikaw minn benefiċċji li, f’ċirkustanzi oħra, huma setgħu jitolbu. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-impjegati jew il-persuni li jaħdmu għal rashom ikkonċernati jinsabu fis-sitwazzjoni li fiha jissubixxu kemm it-telfa tal-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura, kif ukoll limitazzjoni fl-għażla tal-post fejn jitrasferixxu r-residenza tagħhom jista’, f’kull każ, jostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 39 KE u 43 KE. |
49 |
F’dan ir-rigward, ftit jimporta, kuntrarjament għal dak li essenzjalment isostni l-Gvern Fjamming, li d-divrenzjar in kwistjoni hija bbażata biss fuq il-post ta’ residenza fit-territorju nazzjonali u mhux fuq xi kundizzjoni ta’ nazzjonalità, b’ mod li taffettwa bl-istess mod lill-impjegati jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom kollha li jirrisjedu fil-Belġju. |
50 |
Fil-fatt, sabiex miżura tirrestrinġi l-moviment liberu, mhuwiex neċessarju li tkun fondata fuq in-nazzjonalità tal-perusuni kkonċernati u lanqas li jkollha bħala effett li tiffavorixxi lill-ħaddiema nazzjonali kollha jew li tiżfavorixxi biss lil ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra bl-esklużjoni tal-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 41, u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14). Huwa biżżejjed, kif inhu l-każ ta’ l-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-miżura vantaġġuża tkun ta’ benefiċċju għal ċerti kategoriji ta’ persuni li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru in kwistjoni (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 25, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 37). |
51 |
Barra minn hekk, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 sa 67 tal-konklużjonijiet tagħha, l-effetti restrittivi maħluqa mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala wisq inċerti jew indiretti sabiex din ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi ostakolu li jmur kontra l-Artikolu 39 KE u 43 KE. B’mod partikolari, bid-differenza tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493), li rrifera għaliha l-Gvern Fjamming matul is-seduta, il-possibbiltà ta’ tgawdija ta’ benefiċċji ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni ma tiddependix fuq avveniment futur u ipotetiku għall-impjegat jew għal persuna li taħdem għal rasha in kwistjoni, iżda fuq ċirkustanza marbuta, minnha nfisha, ma’ l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu, jiġifieri l-għażla tal-post ta’ trasferiment tar-residenza tiegħu. |
52 |
Bl-istess mod, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Fjamming li din il-leġiżlazzjoni jista’ jkollha biss, f’kull każ, effett marġinali fuq il-moviment liberu, b’kunsiderazzjoni tan-natura limitata ta’ l-ammont tal-benefiċċji in kwistjoni u tan-numru ta’ persuni kkonċernati, biżżejjed li jiġi osservat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Komunità u li kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-liberta huwa pprojbit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries France, C-49/89, Ġabra p. 4441, punt 8, u tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-169/98, Ġabra p. I-1049, punt 46). |
53 |
F’kull każ, ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fenomeni bħaż-żieda fl-età tal-popolazzjoni, li l-perspettiva li jista’ jkun hemm tgawdija jew le tal-benefiċċji ta’ dipendenza bħal dawk offerti mill-iskema ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tittieħed in kunsiderazzjoni mill-persuni kkonċernati fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu. |
54 |
Isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment, bħala prinċipju pprojbit mill-Artikoli 39 KE u 43 KE. |
55 |
Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jsegwu għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq dan l-għan, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 49, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-104/06, Ġabra p. I-671, punt 25). |
56 |
Madankollu, la l-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet tal-Gvern Fjamming ma fihom elementi ta’ natura li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni, għall-persuni li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hija mitkelma l-lingwa Olandiża jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, ta’ kundizzjoni ta’ residenza kemm f’wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, kif ukoll fi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura in kwistjoni fil-kawża prinċipali. |
57 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Fjamming jagħmel referenza biss għall-ħtiġiet inerenti għat-tqassim tas-setgħat fi ħdan l-istruttura federali Belġjana u, b’mod partikolari, għall-fatt li l-Komunità Fjamminga ma tista’ teżerċita l-ebda kompetenza dwar il-qasam ta’ l-assigurazzjoni għall-kura fir-rigward ta’ persuni residenti fit-territorju ta’ komunitajiet lingwistiċi oħra tar-Renju tal-Belġju. |
58 |
Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, hekk kif osservaw l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 sa 103 tal-konklużjonijiet tagħha kif ukoll il-Kummissjoni, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li awtorità ta’ Stat Membru ma tistax teċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet mis-sistema legali interna tagħha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni kostituzzjonali ta’ dan l-Istat, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-87/02, Ġabra p. I-5975, punt 38, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-102/06, Ġabra p. I-111, punt 9). |
59 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu kundizzjoni ta’ residenza bħal dik prevista mid-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat eventwali ksur tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 3(1) tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni li tista’ tiġi pprojbita mill-Artikolu 18 KE, peress illi l-Artikoli 39 KE u 43 KE jikkostitwixxu espressjoni speċifika f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment. |
60 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal dik li tirregola l-assigurazzjoni għall-kura stabbilita mill-Komunità Fjamminga, permezz tad-Digriet tat-30 ta’ Marzu 1999 kif emendat, li tillimita l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha għall-persuni li jew huma residenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-entità, jew li jeżerċitaw attività professjonali fuq dan l-istess territorju filwaqt li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lil ċittadini nazzjonali li għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea. |
Fuq ir-raba’ domanda
61 |
Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ l-inkompatibbilità tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt Komunitarju, li jkollha l-effett, skond il-qorti msemmija, li tistabbilixxi mill-ġdid l-iskema fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ April 2004. B’mod iktar preċiż, din tistaqsi dwar jekk l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE jipprekludux skema li tillimita l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura biss għall-persuni residenti fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż u fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali. |
62 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 47 sa 59 ta’ din is-sentenza b’risposta għat tieni u t-tielet domandi japplikaw, b’iktar raġuni, għal leġiżlazzjoni li tinkludi restrizzjoni supplementari meta mqabbla ma’ l-iskema applikabbli wara l-adozzjoni tad-Digriet tat-30 ta’ April 2004, peress li din il-leġiżlazzjoni kienet teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lill-persuni kollha li jeżerċitaw attività professjonali fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż jew fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell-Kapitali, iżda li għandhom ir-residenza tagħhom barra minn dawn iż-żewġ regjuni, b’hekk inklużi l-persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. |
63 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 43 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru li tillimita l-affiljazzjoni għal skema ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġ tal-benefiċċji previsti minnha biss għall-persuni li jirrisjedu fit-territorju ta’ din l-entità, safejn tali limitazzjoni tolqot lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju ta’ din l-entità, jew lil ċittadini nazzjonali li jkunu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.