EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0045

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-8 ta' Marzu 2007.
Campina GmbH & Co. vs Hauptzollamt Frankfurt (Oder).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht des Landes Brandenburg - il-Ġermanja.
Ħalib u prodotti tal-ħalib - Imposta supplementari - Dekorrenza minima tat-terminu għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali - Penali bi ħlas -Regolament (KEE) Nru 536/93, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1001/98 - It-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 3(2) - Regolament (KE) Nru 1392/2001 - Artikolu 5(3) - Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 - It-tieni frażi ta' l-Artikolu 2(2) - Prinċipju ta' applikazzjoni retroattiva tal-penali l-iktar ħafifa.
Kawża C-45/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:154

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta' Marzu 2007(*)

“Ħalib u prodotti tal-ħalib – Imposta supplementari – Dekorrenza minima tat-terminu għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali – Penali bi ħlas –Regolament (KEE) Nru 536/93, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1001/98 – It-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 3(2) – Regolament (KE) Nru 1392/2001 – Artikolu 5(3) – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – It-tieni frażi ta' l-Artikolu 2(2) – Prinċipju ta' applikazzjoni retroattiva tal-penali l-iktar ħafifa”

Fil-kawża C-45/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht tal-Land ta' Brandenburg (il-Ġermanja), permezz ta' Deċiżjoni tad-9 ta' Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta' Jannar 2006, fil-proċedura

Campina GmbH & Co., li qabel kien jisimha TUFFI Campina emzett GmbH

vs

Hauptzollamt Frankfurt (Oder),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn R. Schintgen, President ta' l-Awla, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Schieferer u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-proporzjonalità tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 563/93, tad-9 ta' Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ l-imposta supplementari fuq ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 57, p. 12) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1001/98, tat-13 ta' Mejju 1998 (ĠU L 142, p. 22, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 536/93").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Campina GmbH & Co, li qabel kien jisimha TUFFI Campina emzett GmbH, (iktar 'il quddiem "Campina") li hi s-suċċessur b'titolu universali tal-kumpannija ta' l-ipproċessar u x-xiri tal-ħalib Meierei-Zentrale GmbH (iktar 'il quddiem "MZ"), u l-Hauptzollamt Frankfurt (Oder), fir-rigward ta' dekorrenza minima tat-terminu għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni").

Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

3       L-ewwel subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 jiddisponi:

”Qabel il-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, ix-xerrej għandu jibgħat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru d-dikjarazzjoni annwali stabbilita fil-konfront ta' kull produttur jew, meta hekk meħtieġ minn deċiżjoni ta’ l-Istat Membru, il-kwantità totali, il-kwantità korretta skond l-Artikolu 2(2) u l-kontenut medju ta' xaħam fil-ħalib u/jew ta' ekwivalenti tal-ħalib li ġew ikkunsinnati lilu mill-produtturi, kif ukoll is-somma tal-kwantitajiet ta' riferenza individwali u l-kontenut rappreżentattiv medju ta' xaħam disponibbli għand dawn il-produtturi.”

4       It-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 563/93 fl-ewwel verżjoni tiegħu kien jgħid:

"Fil-każ ta' ksur tat-terminu, ix-xerrej ikun suġġett għal penali ugwali għall-ammont ta' l-imposta dovuta fuq overrun ta’ 0.1% tal-kwantitajiet ta' ħalib u ta’ l-ekwivalenti tal-ħalib li ġew ikkunsinnati lilu mill-produttri. Din il-penali ma tistax teċċedi l-ammont ta' ECU 20,000."

5       Din l-aħħar dispożizzjoni ġiet iddikjarata sproporzjonata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Lulju 2000, Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen (C-356/97, Ġabra. p. I-5461).

6       Sadanittant, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament Nru 1001/98. L-artikolu 1 tiegħu jistipula:

"It-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 563/93 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

'Fil-każ ta' ksur tat-terminu, ix-xerrej ikun suġġett għal penali kkalkulata kif ġej:

–       jekk il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subartikolu ssir qabel l-ewwel ta' Ġunju, il-penali tkun l-ammont ta' l-imposta dovuta fuq overrun korrispondenti għal 0.1% tal-kwantitajiet ta' ħalib u ta’ l-ekwivalenti tal-ħalib li ġew ikkunsinnati lilu mill-produttri. Din il-penali ma tistax tkun inqas minn ECU 500 jew teċċedi l-ammont ta' ECU 20,000,

[…].' "

7       L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta supplementari fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 187, p. 19), jgħid:

"[…]

3. […] [I]x-xerrejja li jonqsu li jikkonformaw mal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom ikunu meħtieġa jħallsu ammont ugwali għall-imposta dovuta għal overrun ta’ 0.01 % tal-kwantitajiet tal-ħalib u l-ekwivalenti tal-ħalib ikkunsinnati lilhom mill-produtturi għal kull jum kalendarju ta’ ttardjar. […] L-ammont ma jistax ikun inqas minn EUR 100 u mhux iktar minn EUR 100 000.

[…]"

8       It-tieni frażi ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(ĠU L 312, p. 1) jistipula:

"[…] Fil-każ ta' emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b'mod retroattiv."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Permezz ta' formula ffirmata fis-17 ta' Mejju 1999, li waslet għand il-Hauptzollamt Cottbus (iktar 'il quddiem il-"HZA") fl-istess ġurnata, MZ ppreżentat id-dikjarazzjoni relattiva għall-kwantitajiet ta' ħalib li kienu ġew ikkunsinnati lilha mill-produtturi matul is-sena ta' referenza 1998-1999.

10     Fuq in-naħa ta' wara ta' din il-formula hemm imsemmi li din id-dikjarazzjoni għandha tasal għand il-HZA sa l-14 ta' Mejju. Peress li rċieva d-dikjarazzjoni msemmija tlett ijiem tard, il-HZA, skond it-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93, iddeċieda li d-dekorrenza tat-terminu hemm stabbilit kien jistħoqqlu l-impożizzjoni ta' penali fl-ammont ugwali għall-imposta dovuta fuq overrun korrispondenti għal 0.1% tal-kwantitajiet ta' ħalib u ekwivalenti tal-ħalib li ġew ikkunsinnati lilu mill-produttri. Abbażi ta' l-informazzjonijiet ipprovduti minn MZ fir-rigward tal-kwantità ta' ħalib ikkunsinnat u fid-dawl tal-limitu ta' ECU 20,000, il-penali stabbilita kienet tammonta għal DEM 39,116.60.

11     MZ ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni kif ukoll talba għas-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tagħha. MZ qalet li l-membru tal-persunal, li lilu kienet inkarigat il-preparazzjoni kif ukoll li jibgħat il-korrispondenzi kien, fl-14 ta' Mejju 1999, kellu ħafna xogħol għaliex kellu jirrispetta wkoll skadenzi importanti oħra. Peress li l-14 ta' Mejju 1999 kien nhar ta' Ġimgħa, id-dikjarazzjoni kellha tasal għand il-HZA fil-ġurnata tax-xogħol segwenti, jiġifieri nhar it-Tnejn, 17 ta' Mejju 1999.

12     Għaldaqstant, skond MZ, anki jekk l-HZA ma rċevietx id-dikjarazzjoni fid-data prevista, id-dekorrenza huwa wieħed minimu, għaliex l-HZA ma setax jikkunsidraha qabel is-17 ta' Mejju 1999 u, bħala konsegwenza, id-dekorrenza ma kellu l-ebda effett. MZ b'hekk ikkonkludiet li l-penali imposta fuqha ma kinitx proporzjonata meta mqabbla mad-dekorrenza kkonstatata.

13     Wara li ċaħad is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, il-HZA ssospenda l-proċedura ta' lment sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen, iċċitata iktar 'il fuq.

14     Wara, il-HZA, permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Lulju 2001, ċaħad l-ilment ta’ MZ bħala wieħed mingħajr bażi. Abbażi tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93, il-HZA nnota minn naħa waħda li skond din id-dispożizzjoni, il-penali kienet, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula wara l-14 ta' Mejju 1999 u qabel l-1 ta' Ġunju ta' l-istess sena, 0.1% tal-kwantitajiet ta' ħalib u ta’ l-ekwivalenti tal-ħalib ikkunnsinnati mill-produtturi, madankollu mingħajr ma din il-penali ma setgħet tkun inqas minn ECU 500 jew teċċedi l-ammont ta' ECU 20,000 u, minn naħa l-oħra, li l-eventwali tort ta' MZ ma kienx kriterju rilevanti, skond it-termini ta' l-imsemmi Regolament.

15     Campina ppreżentat appell għall-annullament ta' din id-deċiżjoni.

16     Fir-rigward ta' l-argument tal-HZA bbażat fuq it-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-regolament Nru 536/93, Campina sostniet li dan ir-Regolament huwa invalidu u għaldaqstant nieqes minn kull effett ladarba ma pprevediex mekkaniżmu sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-estensjoni tad-dekorrenza u tat-tort ta' l-impriża kkonċernata meta tiġi imposta penali skond ir-regolament imsemmi. Dan huwa preċiżament dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkontestat lill-ewwel verżjoni ta din id-dispożizzjoni, fis-sentenza tagħha Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen, iċċitata iktar 'il fuq.

17     Il-Hauptzollamt Frankfurt (Oder) ċaħad dan l-appell billi qies li t-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 diġà jieħu in kunsiderazzjoni biżżejjed it-tul tad-dekorrenza bil-livelli ta' penali skond it-tul tad-dekorrenza. Dan innota li l-kliem ta’ dan ir-Regolament mhuwiex ibbażat fuq il-kriterji tat-tort jew tal-preġudizzju oġġettiv.

18     Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sistema ta’ sanzjonijiet pekunjarji stabbilita fit-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 mhuwiex proporzjonat, għaliex fil-każ ta' dekorrenza minima tat-terminu, dan ma jtejjibx is-sitwazzjoni tax-xerrej tal-ħalib meta mqabbla ma' l-ewwel verżjoni tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-regolament Nru 536/93, fil-verżjoni tal-bidu tiegħu, li ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen, iċċitata iktar 'il fuq.

19     Hija tippreċiża li għallinqas il-perjodu ta' bejn il-15 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju huwa wiesgħa wisq u jipproduċi effetti sproporzjonati safejn dan iwassal għall-impożizzjoni ta' sanzjoni penali b'rata sħiħa anki għal dekorrenza ta' skadenzi li ma jeċċedux ġurnata waħda tax-xogħol bħal ma ġara f'dan il-każ u li ma kellhom l-ebda effett apparenti fuq il-ħlas ta' imposti supplementari li x-xerrej ikollu jagħmel sa l-1 ta' Settembru bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 536/93. Hija żżid li, barra minn dan, il-produttur tal-ħalib in kwistjoni ma għandu l-ebda imposta supplementari xi jħallas.

20     Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tgħid li s-sanzjoni pekunjarja ma tieħux in kunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk is-sottomissjoni tardiva tad-dikjarazzjoni kellhiex impatt fuq il-proċedura amministrativa, b'mod partikolari fuq il-ħlas fl-1 ta' Settembru. F'dan ir-rigward, hija ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat li dekorrenza minima tat-terminu tal-15 ta' Mejju ma jipperikolax il-ħlas ta' l-imposta supplementari qabel l-1 ta' Settembru (ara s-sentenza Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

21     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht tal-Land ta' Brandenburg iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Is-sistema tal-penalitajiet stabbilita fit-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 […] tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità meta jkun hemm biss dekorrenza minima tat-terminu, li barra minn hekk ma jkollu l-ebda effett sensibbli?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

22     Il-Gvern Grieg iqis li r-rispett tat-terminu tal-15 ta' Mejju huwa, fil-kawża prinċipali, neċessarju għat-tħaddim tajjeb tas-sistema ta' l-imposti supplementari kif ukoll ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, għaliex il-kalkolu ta' din l-imposta jiġi pperikolat bid-dewmien tad-dikjarazzjoni bl-informazzjoni prevista fl-ewwel subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93.

23     Dan l-istess Gvern jippreċiża li s-sanzjonijiet pekunjarji stabbiliti fit-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 ivarjaw skond it-tul tad-dewmien u l-gravità tal-ksur, li jippermetti, minn naħa waħda, li x-xerrejja jkunu mħeġġa jirrispettaw it-terminu tal-15 ta' Mejju u, minn naħa l-oħra, li jiġi evitat li l-produtturi tal-ħalib li mhumiex suġġetti għall-impost supplementari ma jirrispettawx dan it-terminu. Fl-aħħar nett, l-intervall ta' ħmistax-il jum stabbilit fit-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93 ma jidhirx li hu miżura manifestament mhux xierqa għat-twettiq ta' l-għan infittex għal dan il-Gvern.

24     Skond il-Kummissjoni, għandu, konformement mal-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tas-sanzjoni pekunjarja li tissanzjona bl-eħfef mod il-ksur in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1392/2001.

25     Hija tinnota li minn naħa waħda, dan ir-Regolament iffissa l-perċentwali għal 0.01% għal kull ġurnata kalendarja ta' dewmien kontra l-0.1% stabbilit mir-Regolament Nru 536/93 u, minn naħa l-oħra, naqqas il-penali minima għal EUR 100. Skond din, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1392/2001 ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li s-sanzjoni pekunjarja bbażata fuq ir-Regolament Nru 536/93 kienet diġà ġiet imposta fuq il-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali, għaliex id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali li imponiet din is-sanzjoni kienet ġiet ikkontestata. Għaldaqstant, is-sanzjoni hekk ippronunzjata mhijiex sitwazzjoni ġuridika konkluża.

26     F'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93, il-Kummissjoni tfakkar fis-setgħa diskrezzjonali kbira tagħha dwar il-politika agrikola.

27     Bis-saħħa ta' din is-setgħa, il-Kummissjoni mhiex marbuta li tipprevedi livellament ta' kuljum ta' l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja, u bħala konsegwenza setgħet tadotta s-sistema in kwistjoni fil-kawża prinċipali li abbażi tagħha x-xerrejja li ma jkunux irrispettaw it-terminu tal-15 ta' Mejju, kienu jkunu mħeġġa jibgħatu d-dikjarazzjoni qabel il-bidu tal-perjodu segwenti, sabiex tiġi evitata sanzjoni ikbar. Bil-għażla li jinżamm perjodu ta' bejn wieħed u ieħor ħmistax-il jum għal kull fażi ta' dekorrenza tat-terminu ta' din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tqis li ma marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

28     Barra minn hekk, il-kundanna għal sanzjoni pekunjarja abbażi tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93, ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju u xieraq sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri li x-xerrejja jiġu mħeġġa jibgħatu d-dikjarazzjoni fi żmien xieraq.

29     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li kull dekorrenza tat-terminu mix-xerreja ġġib magħha tnaqqis fit-terminu li jgawdu minnu l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex jikkalkulaw l-ammont ta' l-imposta supplementari, u għaldaqstant jirrappreżenta riskju għat-tħaddim tajjeb ta' din is-sistema. Bħala konsegwenza, obbligu li jiġi ppruvat jekk id-dekorrenza tat-terminu kellhiex effett fuq il-proċedura amministrativa kien ipoġġi f'periklu l-effett dissważiv u l-effikaċja tas-sanzjonijiet pekunjarji.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Fil-kuntest tal-proċedura ta' kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, istitwita mill-Artikolu 234, huwa ta' kompetenza ta' din ta' l-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta' l-kawża li jkollha quddiemha. F'dan id-dawl, huwa obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li ġew sottomessi lilha (sentenza ta' l-4 ta' Mejju 2006, Haug, C-286/05, Ġabra., p. I-4121, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi Komunitarja li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar il-kawża li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tal-11 ta' Diċembru 1999, Immobiliare SIF, C-42/96, Ġabra., p. I-7089, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32     Għandu jingħad li l-prinċipju ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa jifforma parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, b'mod illi għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett u li l-qorti nazzjonali hija marbuta li tosserva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta' Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra. p. I-3565, punti 67 sa 69).

33     Dan il-prinċipju jinsab espress b'mod partikolari fit-tieni frażi ta' l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, liema dispożizzjoni tgħid li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom japplikaw b'mod retroattiv s-sanzjonijiet stipulati minn liġi settorjali, minħabba li dawn huma inqas ħarxa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-1 ta' Lulju 2004, Gerken, C‑295/02, Ġabra. p. I‑6369, punt 61).

34     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, hemm dekorrenza minima tat-terminu tal-15 ta' Mejju, peress li d-dikjarazzjoni waslet għand l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-ewwel ġurnata tax-xogħol li tiġi wara.

35     Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk, f'sitwazzjoni partikolari bħal dik fil-kawża prinċipali kkaratterizzata minn dekorrenza minima tat-terminu tal-15 ta' Mejju, ir-Regolament Nru 1392/2001 għandux jitqies li jistipula sistema ta' sanzjonijiet pekunjarja inqas ħarxa minn dik imposta mir-Regolament Nru 536/93.

36     Skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1392/2001, is-sanzjoni pekunjarja għall-ksur tat-terminu tal-15 ta' Mejju, bħal dak fil-kawża prinċipali, hi, minn naħa waħda, iffissata fl-ammont ta’ l-imposta dovuta għal overrun korrispondenti għal 0.01 % għal kull jum kalendarju ta’ ttardjar, tal-kwantità ta' riferenza "bejgħ dirett" li jiddisponi minnha x-xerrej u, minn naħa l-oħra, dan l-ammont ma jistax ikun inqas minn EUR 100 u mhux iktar minn EUR 100,000.

37     Minn naħa l-oħra, skond l-ewwel subinċiż tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 563/93, is-sanzjoni pekunjarja għall-ksur tat-terminu tal-15 ta' Mejju, bħal dak fil-kawża prinċipali, minn naħa waħda, jikkorrispondi għal 0.1% tal-kwantitajiet ta' ħalib u ekwivalenti tal-ħalib li ġew ikkunsinnati lix-xerrej mill-produttri u, minn naħa l-oħra, il-penali msemmija ma tistax tkun inqas minn ECU 500 u lanqas teċċedi l-ammont ta' ECU 20,000.

38     Għaldaqstant, għandu jingħad, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li fir-rigward ta' dekorrenza minima tat-terminu tal-15 ta' Mejju bħal f'dan il-każ, is-sistema tas-sanzjonijiet pekunjarji skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1392/2001 hi inqas ħarxa minn dik stabbilita fl-ewwel subinċiż tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93.

39     Fid-dawl ta' l-interpretazzjoni li saret iktar 'il fuq, m'hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar il-proporzjonalità tas-sistema tas-sanzjonijiet pekunjarji stabbiliti mit-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93.

40     Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula għandha tkun li:

–       il-prinċipju ta' applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa għandu jiġi rrispettat mill-qorti nazzjonali meta din ikollha tissanzjona aġir li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati mil-liġi Komunitarja;

–       fil-każ ta' dekorrenza minima tat-terminu mogħti, bħal dak fil-kawża prinċipali, is-sistema tas-sanzjonijiet pekunjarji skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1392/2001 hi inqas ħarxa minn dik stabbilita fl-ewwel subinċiż tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 536/93.

 Fuq l-ispejjeż

41     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta' applikazzjoni retroattiva tal-piena l-aktar ħafifa għandu jiġi rrispettat mill-qorti nazzjonali meta din ikollha tissanzjona aġir li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati mil-liġi Komunitarja;

Fil-każ ta' dekorrenza minima tat-terminu mogħti, bħal dak fil-kawża prinċipali, is-sistema tas-sanzjonijiet pekunjarji skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1392/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta supplementari fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, hija inqas ħarxa minn dik stabbilita fl-ewwel subinċiż tat-tieni subartikolu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 563/93, tad-9 ta' Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ l-imposta supplementari fuq ħalib u prodotti tal-ħalib kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1001/98, tat-13 ta' Mejju 1998.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top