Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0540

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni

COM/2026/540 final

Brussell, 6.5.2026

COM(2026) 540 final

2026/0105(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni

{SWD(2026) 770 final}


1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fl-10 ta’ Settembru 2025, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, poġġiet l-akkomodazzjoni u l-faqar fiċ-ċentru tal-attenzjoni, billi impenjat ruħha għal “pjan maħsub biex jgħin fil-qerda tal-faqar sal-2050” bi Strateġija Ewropea ambizzjuża Kontra l-Faqar u li tippreżenta l-ewwel Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli li qatt sar. Il-President enfasizzat li “ l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali stabbilixxa l-akkomodazzjoni bħala dritt fl-Ewropa ”, filwaqt li ddikjarat li kien wasal iż-żmien li dik il-wegħda ssir realtà. Hija kkaratterizzat il-kriżi tal-akkomodazzjoni bħala sfida soċjali u kwistjoni ta’ dinjità, filwaqt li appoġġat bidla radikali fil-mod kif nindirizzaw din il-kwistjoni.

Il-prinċipju 19 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi d-dritt għall-akkomodazzjoni u l-assistenza għall-persuni bla dar. Dan jitlob li jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew assistenza għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba għal dawk fil-bżonn; u jisħaq li l-persuni vulnerabbli għandhom id-dritt għal assistenza u protezzjoni xierqa kontra żgumbrament sfurzat. Il-prinċipju jenfasizza wkoll li għandhom jiġu pprovduti kenn u servizzi adegwati għall-persuni bla dar sabiex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tisħaq li, sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għall-assistenza soċjali u għall-akkomodazzjoni. L-għan huwa li tiġi żgurata eżistenza deċenti għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi, f’konformità mar-regoli stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

Il-Karta Soċjali Ewropea riveduta tirrikonoxxi d-dritt li kulħadd ikollu aċċess għal akkomodazzjoni ta’ standard adegwat u għandha l-għan li tipprevjeni u tnaqqas l-għajxien bla dar bil-ħsieb li tiġi eliminata gradwalment.

Meta wieħed iqis l-importanza ta’ dawn id-drittijiet u l-ħtieġa li dawn jiġu implimentati b’mod effettiv, id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar, iffirmata f’Ġunju 2021 mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-korpi konsultattivi, mis-sħab soċjali u mill-NGOs rilevanti, tesprimi l-impenn li ssir ħidma lejn it-tmiem tal-għajxien bla dar sal-2030, sabiex b’hekk (i) ħadd ma jorqod f’kundizzjonijiet ħżiena minħabba nuqqas ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza aċċessibbli, sikura u xierqa; (ii) ħadd ma jgħix f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew tranżizzjonali għal żmien itwal milli jkun meħtieġ biex imur jgħix b’suċċess f’akkomodazzjoni permanenti; (iii) ħadd ma jiġi rilaxxat minn istituzzjoni (eż. ħabs, sptar, faċilità ta’ kura) mingħajr offerta ta’ akkomodazzjoni xierqa; (iv) l-iżgumbramenti għandhom jiġu evitati kull meta jkun possibbli u ħadd ma għandu jiġi żgumbrat mingħajr assistenza biex isib soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni xierqa, meta meħtieġ; (v) ħadd ma jiġi diskriminat minħabba l-istatus tiegħu ta’ persuna bla dar.

L-għanijiet ġenerali ta’ din il-proposta huma li jiġu promossi l-isforzi ta’ politika biex jiġu implimentati b’mod effettiv l-orjentazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar l-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-assistenza għall-akkomodazzjoni.

Il-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, l-ewwel qafas fil-livell tal-UE li għandu l-għan li jindirizza l-kriżi tal-akkomodazzjoni, huwa mibni fuq erba’ pilastri fejn hija meħtieġa azzjoni, inkluż l-appoġġ lil dawk affettwati mill-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u lil dawk affettwati mill-għajxien bla dar. Dan jipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jingħata appoġġ lill-persuni vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja u biex jiġi evitat u indirizzat l-għajxien bla dar, permezz ta’ politiki ċċentrati fuq il-persuna, xprunati mill-akkomodazzjoni u integrati.

L-ewwel Strateġija tal-UE Kontra l-Faqar imħabbra fil-linji gwida politiċi 2024–2029 għandha l-għan li tgħin biex jinqered il-faqar sal-2050 u tiffoka fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri biex “jgħinu lin-nies jiksbu aċċess għall-protezzjoni u għas-servizzi essenzjali li jeħtieġu, flimkien mal-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-faqar”. Din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija adottata flimkien mal-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar u hija parti integrali mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprevjeni u tiġġieled kontra l-faqar. Barra minn hekk, parti mill-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar, il-Garanzija Ewropea Msaħħa għat-Tfal tindirizza l-lakuni fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, filwaqt li tiżgura li t-tfal fil-bżonn ikunu jistgħu jaċċessaw servizzi essenzjali - inkluża akkomodazzjoni adegwata - biex jappoġġaw l-iżvilupp tagħhom.

Bil-għan li jiġu evitati u miġġielda l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar, din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se sservi bħala għodda biex tappoġġa lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-ibliet fir-rieżami, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ politika strateġiċi komprensivi, iċċentrati fuq il-persuna, xprunati mill-akkomodazzjoni u integrati biex tiġi evitata u titnaqqas kemm l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni kif ukoll mill-=għajxien bla dar, kemm f’żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali. Iż-żoni rurali u remoti jiffaċċjaw sfidi speċifiċi rigward l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, inklużi l-valuri baxxi tal-proprjetà, li jistgħu jnaqqsu l-inċentivi għall-manutenzjoni u għall-investiment u jwasslu għal postijiet battala, degradazzjoni u abbandun tal-istokk ta’ akkomodazzjoni. Barra minn hekk, l-akkomodazzjoni rurali spiss tkun aktar antika u aktar ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’hekk iżżid il-ħtiġijiet ta’ rinnovazzjoni u l-kostijiet għar-residenti, u tikkontribwixxi għall-faqar enerġetiku. Filwaqt li dan l-aħħar, xi Stati Membri żviluppaw jew saħħew l-oqfsa ta’ politika strateġika tagħhom, jeżistu varjazzjonijiet sostanzjali fil-metodoloġiji, fl-istrutturi ta’ governanza u fir-riżultati, li jenfasizzaw il-ħtieġa għal gwida dwar azzjoni politika ppruvata u bbażata fuq l-evidenza. L-għan tal-politika huwa li tappoġġa lill-persuni vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja, jew f’riskju li jisfaw f’din is-sitwazzjoni, u li tipprevjeni u tindirizza l-għajxien bla dar.

L-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tirreferi għall-inkapaċità ta’ individwu jew ta’ unità domestika li taċċessa jew iżżomm akkomodazzjoni deċenti u stabbli li tissodisfa standards bażiċi ta’ kwalità, sigurtà legali 1 u affordabbiltà. L-għajxien bla dar huwa l-aktar forma viżibbli u estrema tagħha u jinkludi l-persuni li jkunu qed jorqdu f’kundizzjonijiet ħżiena u f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza u temporanja. Madankollu, l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni hija usa’, u tinkludi lil dawk li għandhom saqaf fuq rashom, iżda jgħixu f’kundizzjonijiet li ma humiex adegwati u/jew siguri. Akkomodazzjoni mhux sigura sseħħ meta l-individwi jiltaqgħu ma’ theddid ta’ żgumbrament arbitrarju jew sfurzat, abbuż domestiku, jew ikollhom ftehimiet ta’ kiri instabbli. Akkomodazzjoni inadegwata sseħħ meta l-individwi jokkupaw djar ta’ kwalità baxxa li ma jkollhomx faċilitajiet bażiċi, kemm jekk minħabba ħsara severa, ikunu ffullati żżejjed jew ma jkunux adattati għall-persuni bi bżonnijiet addizzjonali, bħall-anzjani jew il-persuni b’diżabilità jew għall-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul. Forma oħra ta’ esklużjoni mill-akkomodazzjoni tista’ tinkludi n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti, li tista’ twassal biex il-persuni ma jissoktawx bl-istudji tagħhom.

L-għajxien bla dar huwa l-aktar manifestazzjoni severa ta’ faqar u ta’ emarġinazzjoni soċjali, li jnaqqas b’mod sinifikanti istennija tal-għomor, is-saħħa, il-benesseri u l-parteċipazzjoni soċjali, demokratika u fis-suq tax-xogħol, u l-ħila għall-aċċess għas-servizzi ekonomiċi u soċjali essenzjali. Din hija sfida soċjali kumplessa u li qed tevolvi xprunata minn fatturi strutturali — bħall-faqar, il-qgħad, l-għajxien f’żoni emarġinati, id-disponibbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u l-forniment ta’ assistenza soċjali inadegwata. Ċirkostanzi personali, bħall-vizzji, saħħa mentali jew saħħa fiżika ħażina, it-tkissir tal-familja, jew il-vjolenza domestika, jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà jew jaġixxu bħala kawżi. Filwaqt li l-irqad f’kundizzjonijiet ħżiena huwa l-aktar forma viżibbli tal-għajxien bla dar(l-għajxien bla saqaf ), jeżistu wkoll forom inqas ovvji - b’mod partikolari l-għajxien bla akkomodazzjoni stabbli - fejn individwi jgħixu f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew temporanja 2 .

Id-differenzi fid-definizzjonijiet legali u statistiċi tal-għajxien bla dar, flimkien ma’ tipi differenti ta’ monitoraġġ u metodoloġiji fost l-Istati Membri joħolqu sfidi għall-produzzjoni ta’ data konsistenti, affidabbli u komparabbli dwar l-għajxien bla darfl-UE. Id-data nazzjonali disponibbli tindika xejra ’l fuq f’diversi Stati Membri, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tistma li madwar miljun persuna qed jgħixu bla dar fl-UE. Il-karatteristiċi soċjodemografiċi tal-individwi li jesperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni jew l-għajxien bla dar ivarjaw abbażi ta’ kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, l-OECD 3 turi li ċerti popolazzjonijiet huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-għajxien bla dar, inklużi ż-żgħażagħ, il-familji bit-tfal, il-migranti, l-adulti akbar fl-età u l-persuni b’diżabilità.

Skont il-modulu tal-Statistika tal-UE-SILC tal-2023 4 “Trażmissjoni interġenerazzjonali tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi u tad-diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni” 5 , madwar 5 % tal-adulti fl-UE jirrapportaw li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni f’xi stadju f’ħajjithom, inklużi rqad f’kundizzjonijiet ħżiena, għajxien f’postijiet ta’ kenn ta’ emerġenza, għajxien f’akkomodazzjoni mhux tradizzjonali jew għajxien temporanju mal-familja u mal-ħbieb minħabba nuqqas ta’ alternattivi. Is-sehem tal-unitajiet domestiċi kollha li qegħdin fil-periklu tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni huwa aktar mid-doppju tas-sehem ta’ dawk li ma humiex f’riskju (8,5 % meta mqabbel ma’ 3,9 %). L-unitajiet domestiċi bi tfal dipendenti (18,1 %) huma aktar probabbli li jesperjenzaw diffikultajiet biex jikru akkomodazzjoni minn dawk mingħajrhom (10,2 %). Il-kawżi primarji tad-diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni huma kwistjonijiet familjari u personali (30 %), kwistjonijiet finanzjarji (25,9 %), telf ta’ impjieg jew meta persuna ma jirnexxiliex issib impjieg (7,3 %), it-tmiem ta’ kuntratt ta’ kiri (5,2 %) u kwistjonijiet ta’ relazzjoni jew familja (14,1 %). Il-problemi tas-saħħa jikkontribwixxu għad-diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni f’1,1 % tal-każijiet. Id-diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni ngħelbu minn 26,5 % billi sabu impjieg, 20,4 % billi ċċaqilqu f’akkomodazzjoni soċjali jew privata ssussidjata, u 14,1 % permezz ta’ relazzjonijiet jew familja.

L-għajxien bla dar huwa wkoll sfida sistemika sinifikanti b’implikazzjonijiet fiskali u soċjali konsiderevoli għall-Istati Membri. Il-prattiki li jiffavorixxu azzjoni reattiva u ffokata fuq il-kriżijiet, bħall-kura tas-saħħa ta’ emerġenza, il-postijiet ta’ kenn temporanji, u s-sorveljanza tal-ġustizzja kriminali, jirriżultaw f’ċiklu ta’ servizzi li jiswew li ma jindirizzawx il-kawżi sottostanti tal-għajxien bla dar. Lil hinn mill-impatt immedjat fuq il-baġits tal-Istat, hemm kostijiet tas-soċjetà usa’, inklużi l-erożjoni tal-potenzjal uman u d-dgħufija tal-koeżjoni komunitarja, billi l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tfixkel l-involviment ekonomiku u tipperpetwa ċ-ċikli tal-inugwaljanzi interġenerazzjonali.

Għalhekk, hija meħtieġa bidla strateġika biex jiġu indirizzati l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar, minn ġestjoni ta’ emerġenza għall-politiki ċċentrati fuq il-persuna, xprunati mill-akkomodazzjoni u integrati. Il-politiki ċċentrati fuq il-persuna jiffokaw fuq l-issodisfar tal-isfidi distinti tal-individwi u tal-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja, li jiffaċċjaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar jew li qegħdin fil-periklu li jiffaċjawhom. L-approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni, bħall-Akkomodazzjoni l-Ewwel, jgħinu lin-nies f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja jibqgħu fl-akkomodazzjoni tagħhom u għandhom l-għan li jipprovdu akkomodazzjoni stabbli malajr kemm jista’ jkun, flimkien ma’ servizzi ta’ appoġġ integrati, lil dawk li jesperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u, b’mod aktar speċifiku, l-għajxien bla dar. L-evidenza turi li dawn huma l-aktar politiki effiċjenti u kosteffettivi biex jiġi indirizzat l-għajxien bla dar.

L-approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni jistgħu jixxekklu min-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Għalkemm iż-żieda fil-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli hija għan ta’ terminu medju u twil, it-titjib fit-terminu qasir jista’ jinkiseb permezz ta’ allokazzjoni aktar immirata ta’ akkomodazzjoni soċjali u pubblika u billi l-persuni li jisfaw bla dar jingħataw appoġġ biex jaċċessaw djar eżistenti u vakanti fis-suq tal-kiri b’assistenza fit-tiftix għad-djar, garanziji jew sussidji għall-kiri u appoġġ finanzjarju biex iħallsu d-depożiti tal-kiri, filwaqt li jiżguraw ukoll salvagwardji u inċentivi xierqa għas-sidien tad-djar/sidien il-kera. Iż-żieda fil-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli hija sfida li tirrikjedi l-involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati f’kull stadju tal-proċess, li jibda bit-tfassil ta’ miżuri speċifiċi tal-politika dwar l-akkomodazzjoni biex tixpruna l-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli b’mod li jinkoraġġixxi wkoll l-investiment privat. Il-provvista tal-akkomodazzjoni trid tkun integrata ma’ appoġġ soċjali, assistenza għall-akkomodazzjoni, servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, servizzi ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u servizzi essenzjali oħra biex jiġu indirizzati l-isfidi multidimensjonali assoċjati mal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u mal-għajxien bla dar.

Il-kwalità hija kruċjali għas-sostenibbiltà tal-akkomodazzjoni, u għad-dinjità u għall-benesseri tal-individwu. L-istandards minimi għal akkomodazzjoni deċenti jinkludu l-kundizzjonijiet ta’ sikurezza biex l-okkupanti jiġu protetti minn perikli bħat-tiġrif strutturali, in-nirien, il-faċilitajiet sanitarji inadegwata u t-theddid ambjentali, kif ukoll l-adattamenti tal-aċċessibbiltà, fejn rilevanti. Is-sikurezza tal-akkomodazzjoni teħtieġ servizzi essenzjali adegwati (eż., l-elettriku, it-tisħin u l-ilma ġieri) u l-protezzjoni mit-temp, minn kwistjonijiet strutturali, u perikli oħra. L-akkomodazzjoni ta’ kwalità tinvolvi wkoll rendiment tajjeb tal-bini fl-użu tal-enerġija, sabiex l-unitajiet domestiċi ma jitħallewx jesperjenzaw faqar enerġetiku, u spazju għall-għajxien suffiċjenti għal kull persuna biex jiġi evitat l-iffullar.

Bħalissa jeżistu oqfsa strateġiċi biex jiġi indirizzat l-għajxien bla dar fi 19-il Stat Membru, fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali. Dawn l-istrateġiji jagħtu prijorità u jiffokaw fuq il-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u appoġġ komprensiv għall-persuni li jgħixu bla dar. Il-prevenzjoni tal-għajxien bla dar u l-bidla minn akkomodazzjoni ta’ emerġenza u temporanja għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fit-tul, inkluż l-iżvilupp jew l-espansjoni tal-approċċi bħall--Akkomodazzjoni l-Ewwel, li huma fil-qalba tal-politika f’diversi pajjiżi.

Strateġiji effettivi biex jiġu indirizzati l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar iridu jagħtu prijorità lill-prevenzjoni, li r-riżorsi għaliha spiss ikunu inadegwati. Minkejja li l-approċċi preventivi huma aktar ekonomiċi mill-approċċi reattivi, dawn spiss ikunu ddominati minn reazzjonijiet rapidi ta’ emerġenza. Is-servizzi ta’ intervent bikri, inklużi l-medjazzjoni għall-arretrati tal-kera, il-konsulenza dwar il-kera jew id-dejn ipotekarju, l-appoġġ legali fir-rigward tad-drittijiet tal-kerrejja u ta’ sidien il-kera, is-sistemi ta’ twissija bikrija u l-għajnuna finanzjarja għal żmien qasir, jiġu pprovduti b’mod inkonsistenti u l-aċċess għalihom jista' jkun diffiċli. It-titjib ta’ dawn is-servizzi, l-appoġġ imfassal apposta għall-individwi li jitilqu mill-istituzzjonijiet u l-għajnuna finanzjarja adegwata biex jiżdied l-użu tal-benefiċċji huma kruċjali biex jiġi mfixkel iċ-ċiklu li jwassal għall-għajxien bla dar.

Il-miżuri preventivi jistgħu jindirizzaw ukoll l-iżgumbramenti arbitrarji jew sfurzati. Filwaqt li huwa diffiċli li tinkiseb data komprensiva, affidabbli u komparabbli dwar l-iżgumbramenti, pereżempju, dwar l-għadd ta’ avviżi, proċeduri jew ordnijiet ta’ żgumbrament, u jekk id-data tkoprix l-iżgumbramenti kollha jew biss dawk imwettqa minn aġenti tal-infurzar tal-liġi, l-OECD tistma li kull sena jinbdew mill-inqas 2,4 miljun proċedura ta’ żgumbrament formali fil-pajjiżi tal-OECD.

Għandhom jiġu żviluppati miżuri ta’ mitigazzjoni u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jitnaqqsu r-riskji ta’ żgumbrament u tal-għajxien bla dar. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea jirrikjedu li l-pajjiżi jiżguraw protezzjoni legali għal dawk li qed jiffaċċjaw żgumbrament. Dan jinkludi li ssir konsultazzjoni mal-partijiet affettwati biex isibu soluzzjonijiet alternattivi, jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ħlas biex jiġi żgurat li l-kirjiet u l-ipoteki jkunu jistgħu jitħallsu, jiġi propost perjodu raġonevoli ta’ avviż ta’ żgumbrament, jiġu pprojbiti żgumbramenti billejl jew fix-xitwa, fejn possibbli, jiġu pprovduti rimedji legali kontra żgumbramenti illegali u għajnuna, u jiġi offrut kumpens għal żgumbramenti illegali. Meta jseħħu l-iżgumbramenti, dawn iridu jħarsu d-dinjità u d-drittijiet tal-individwi u għandhom ikunu akkumpanjati minn akkomodazzjoni alternattiva.

Għalhekk, strateġija effettiva għall-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar għandha tintegra l-provvista li qed tespandi ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli għal soluzzjonijiet stabbli ta’ terminu medju u twil u għandha tinkludi l-prevenzjoni u l-akkomodazzjoni mill-ġdid billi tipproteġi lil dawk f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja minn żgumbrament, tintervjeni kmieni fuq l-arretrati tal-kera, inkluż permezz ta’ konsulenza finanzjarja u dwar id-dejn, kif ukoll tiżgura l-aċċess għal servizzi soċjali, tal-impjiegi, tas-saħħa u tal-kura adegwati.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-proposta tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju 19 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-akkomodazzjoni u l-assistenza għall-persuni bla dar. Dan il-prinċipju jirrikonoxxi li n-nies fil-bżonn għandu jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew assistenza ta’ kwalità għolja għall-akkomodazzjoni; li l-persuni vulnerabbli għandhom id-dritt għall-protezzjoni kontra l-iżgumbrament sfurzat u li l-persuni bla dar iridu jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni u servizzi adegwati.

Il-konklużjonijiet tal-Presidenza dwar il-Pjan Ewropew futur għall-Akkomodazzjoni Affordabbli tal-1 ta’ Diċembru 2025 jitolbu kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell tal-UE li tibni fuq il-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Għajxien Bla Dar u l-politiki xprunati mill-akkomodazzjoni, bħall-Prinċipju tal-Akkomodazzjoni l-Ewwel. Huma jistiednu wkoll lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistax tikkontribwixxi għal dan il-għan. F’Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, l-ewwel qafas fil-livell tal-UE li għandu l-għan li jindirizza l-kriżi tal-akkomodazzjoni. Il-pjan jinkludi erba’ pilastri: (i) iż-żieda fil-provvista tal-akkomodazzjoni; (ii) il-mobilizzazzjoni tal-investiment; (iii) l-għoti ta’ appoġġ immedjat u t-tmexxija tar-riformi; u (iv) is-salvagwardja ta’ dawk l-aktar affettwati mill-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. L-Azzjoni 10 tal-pjan, li tiffoka fuq l-indirizzar tal-għajxien bla dar u l-appoġġ lill-kerrejja u lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni biex tappoġġa lill-persuni vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja u tindirizza l-kundizzjoni tal-persuni mingħajr dar.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar nediet il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar (il-Pjattaforma) li tippromwovi (i) data komparabbli u affidabbli, u l-monitoraġġ; (ii) l-iskambju tal-għarfien; u (iii) it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, flimkien ma’ (iv) l-integrazzjoni tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni. Din il-proposta tibni fuq il-ħidma mwettqa sa issa u t-tagħlimiet meħuda permezz tal-Pjattaforma.

Il-Kummissjoni żiedet b’mod sinifikanti l-kontribut tagħha fil-politiki relatati mal-akkomodazzjoni, filwaqt li ħarset bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kompetenzi fl-akkomodazzjoni jinsabu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sitwazzjoni evolviet minn kwistjoni lokali tal-proprjetà immobbli fi kriżi tal-akkomodazzjoni sistemika. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE tal-2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva tidentifika l-aċċess għall-akkomodazzjoni bħala wieħed mis-servizzi abilitanti li jistgħu jgħinu lill-individwi mingħajr riżorsi suffiċjenti biex jintegraw fis-soċjetà u, fejn rilevanti, fis-suq tax-xogħol, u biex jaċċessaw servizzi abilitanti oħra u appoġġ għall-introjtu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal adottata fl-2021 għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali billi tirrakkomanda li l-Istati Membri jiggarantixxu li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess effettiv għal sett ta’ servizzi ewlenin, inkluża akkomodazzjoni adegwata. Hija tirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw l-iżvantaġġi speċifiċi esperjenzati minn tfal bla dar jew tfal li qed jiffaċċjaw deprivazzjoni severa ta’ akkomodazzjoni u jiżguraw li, flimkien mal-familji tagħhom, ikollhom aċċess għal “akkomodazzjoni adegwata” u għas-servizzi soċjali u ta’ konsulenza rilevanti.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għal kura fit-tul ta’ kwalità għolja u affordabbli tistieden lill-Istati Membri jespandu s-servizzi formali ta’ kura fit-tul, speċjalment kura fid-dar u bbażata fil-komunità. Akkomodazzjoni li hija adattata għall-ħtiġijiet ta’ kura li qed jevolvu tal-individwi hija prerekwiżit fundamentali għat-tixjiħ id-dar, u dan jippermetti l-għoti ta’ kura fid-dar.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali tal-2021 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill relatata tal-2023 dwar l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet qafas tal-ekonomija soċjali għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa. Ħafna mill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jaħdmu biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali ta’ persuni emarġinati u żvantaġġati, inkluż permezz tal-integrazzjoni fix-xogħol u billi jipprovdu akkomodazzjoni affordabbli u inklużiva u servizzi soċjali rilevanti oħra (bħal appoġġ legali u prattiku għall-kerrejja).

L-Istrateġija dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali tiddikjara li l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, servizzi pubbliċi ta’ kwalità, inklużi servizzi soċjali u ta’ kura, trasport, konnettività diġitali, infrastruttura soċjali u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni huma ċentrali għal jekk in-nies jistgħux jibqgħu fil-komunitajiet tagħhom, jirritornaw lejhom, jew jibnu futur fihom.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023 dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali tidentifika n-nies li jgħixu bla dar bħala grupp vulnerabbli li jeħtieġ appoġġ immirat. Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi wkoll li l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tkompli ssaħħaħ saħħa mentali ħażina u d-diżabilità.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027 jipprovdi qafas komprensiv biex jappoġġa kemm lill-migranti kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni. Imsejjes fuq il-prinċipju ta’ “Inklużjoni għal Kulħadd”, huwa jiddeskrivi l-miżuri biex tissaħħaħ l-azzjoni u jitlaqqgħu flimkien l-atturi fil-livelli kollha biex jiġu avvanzati l-integrazzjoni u l-inklużjoni, u b’hekk jitrawmu soċjetajiet koeżivi f’erba’ oqsma: l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Il-Viżjoni fit-Tul għaż-żoni rurali tal-UE (LTVRA) 6 tistabbilixxi qafas olistiku għal żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040. L-indirizzar tal-aċċess għal servizzi bażiċi huwa wieħed mill-objettivi tal-LTVRA, inkluża l-akkomodazzjoni rurali. Il-Pjan ta’ Azzjoni Rurali aġġornat, li għandu jiġi ppubblikat fl-2026, għandu l-għan li jinkludi azzjoni waħda dwar l-indirizzar tal-akkomodazzjoni rurali.

L-Istrateġija tal-UE kontra r-Razziżmu 2026–2030, adottata f’Jannar 2026, tirrikonoxxi li n-nies minn minoranzi razzjali u etniċi jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli fl-akkomodazzjoni. Il-komunitajiet razzjalizzati, inklużi r-Rom, jiffaċċjaw kundizzjonijiet mhux ugwali fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u riskji sproporzjonati ta’ iffullar żejjed, kundizzjonijiet ħżiena ta’ għajxien, għajxien bla dar u segregazzjoni.

L-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2026–2030 ġiet adottata f’Marzu 2026, u ħabbret, f’konformità mal-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli, li hi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni billi tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

L-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għall-2021–2030 adottata fl-2021 għandha l-għan li tgħin lill-Istati Membri jippermettu għajxien indipendenti u deistituzzjonalizzazzjoni billi tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu f’akkomodazzjoni aċċessibbli u appoġġata. Hija tippromwovi l-inklużjoni tal-komunità minflok f'istituzzjonijiet segregati, filwaqt li tnaqqas ir-riskji tal-għajxien bla dar għal dawk li jkunu fi tranżizzjoni mingħajr appoġġ xieraq.

L-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ għall-2026–2030 adottata f’Ottubru 2025 tenfasizza li d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali jirriżultaw f’rati għoljin ta’ faqar u ta’ għajxien bla dar fost l-individwi LGBTIQ+. It-tielet stħarriġ tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tal-LGBTIQ jikxef li 38 % tar-rispondenti tal-LGBTIQ+ qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja, meta mqabbla ma’ 22 % tal-popolazzjoni ġenerali, u 13 % jirrikorru għal soġġorni temporanji ma’ ħbieb jew qraba.

Id-Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika ta’ Ġunju 2000 timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika, anke permezz tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-akkomodazzjoni.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Unjoni tal-Ugwaljanza: il-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni”, li ġiet adottata f’Ottubru 2020, tisħaq l-isfidi persistenti għar-Rom fir-rigward tal-akkomodazzjoni, inkluża akkomodazzjoni inadegwata u segregata. Hija tfittex li tiżgura aċċess ugwali għal akkomodazzjoni adegwata u desegregata u servizzi essenzjali sal-2030 u tistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali għall-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom emarġinati - b’enfasi fuq l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw it-trattament ugwali tal-persuni Rom fl-aċċess għal, fost l-oħrajn, akkomodazzjoni adegwata u desegregata u servizzi essenzjali.

L-UE tipprovdi diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament li jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar. Fl-2024, il-Kummissjoni Ewropea nediet L-akkomodazzjoni soċjali u lil hinn — Sett ta' għodod operazzjonali dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali u fis-servizzi assoċjali (Social housing and beyond – Operational toolkit on the use of EU funds for investments in social housing and associated services). Dan is-sett ta’ għodod jappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika biex jimmassimizzaw l-użu tal-fondi tal-UE – il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) - għall-investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali u s-servizzi relatati. Permezz ta’ 20 studju tal-każ, huwa juri kif dawn il-fondi jtejbu l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, billi joffru soluzzjonijiet imfassla apposta għall-gruppi vulnerabbli.

Il-politika ta’ koeżjoni, primarjament permezz tal-FSE+ u l-FEŻR, tiffinanzja l-inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu l-inklużjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, bħas-servizzi soċjali għall-persuni bla dar, il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli, u l-konverżjoni ta’ bini mhux użat f’akkomodazzjoni affordabbli u soċjali. Il-FSE+ jista’ jiffinanzja l-forniment ta’ servizzi bħall-ħidma soċjali, il-kura tas-saħħa, u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li l-FEŻR jista’ jiffinanzja akkomodazzjoni soċjali ġdida, ir-rinnovazzjonijiet u l-infrastruttura għal ċentri ta’ servizzi ta’ “L-Akkomodazzjoni l-Ewwel”. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu (ir-Regolament (UE) 2025/1914) estenda l-għażliet ta’ finanzjament għal akkomodazzjoni affordabbli u soċjali u introduċa rati ogħla ta’ kofinanzjament tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti bħall-Investimenti Territorjali Integrati u l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità biex jikkombinaw il-finanzjament minn diversi objettivi ta’ politika.

L-Inizjattiva Urbana Ewropea tipprovdi finanzjament dirett lill-ibliet għal “ideat kuraġġużi u mhux ipprovati” biex jiġu indirizzati l-isfidi urbani, kif ukoll modi innovattivi għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, inkluż għall-persuni bla dar.

L-RRF intużat mill-Istati Membri biex jinvestu fl-infrastruttura soċjali, inkluża l-akkomodazzjoni. Xi Stati Membri indirizzaw l-għajxien bla dar fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) tagħhom, filwaqt li pproponew soluzzjonijiet xprunati mill-akkomodazzjoni. Oħrajn ippjanaw investimenti fl-akkomodazzjoni b’mod aktar wiesa’ (eż. rinnovazzjoni enerġetika tad-djar, proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli). Porzjon tal-fondi ttikkettati “infiq soċjali” fl-RRPs imur għall-akkomodazzjoni soċjali u għall-infrastruttura soċjali relatata. Il-pjanijiet nazzjonali spiss jinkludu taħriġ, kura tas-saħħa, servizzi għall-persuni vulnerabbli u miżuri relatati mal-akkomodazzjoni li jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-għajxien bla dar.

Il-Fond Soċjali għall-Klima jipprovdi appoġġ lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli billi jindirizza l-impatt soċjali li jinħoloq mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Fil-Pjanijiet Soċjali għall-Klima tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jinkludu miżuri u investimenti b’impatt dejjiemi biex jappoġġaw l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluża akkomodazzjoni soċjali.

It-Tieqa għall-Investiment Soċjali u l-Ħiliet tal-InvestEU tgħin biex tipprovdi aċċess għal akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, tgħin fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u taħdem biex ittaffi l-faqar. Hija tnaqqas b’suċċess ir-riskji tal-akkomodazzjoni soċjali affordabbli u tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni billi tidderieġi l-appoġġ konsultattiv u tappoġġa t-tnedija ta’ strumenti finanzjarji. Dan jinkludi garanziji għal proġetti mis-sħab tal-implimentazzjoni, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u banek promozzjonali nazzjonali.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) tnediet fl-2021 mill-Kummissjoni Ewropea bħala inizjattiva konnettiva fl-intersezzjoni tas-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużjoni soċjali. L-għan huwa li l-ambjent mibni jiġi ttrasformat u li ħajjet in-nies issir aktar sostenibbli, inklużiva, sabiħa u ċċentrata fuq in-nies. L-NEB taħdem billi tinvolvi lin-nies fil-livell lokali fil-viċinati tagħhom, filwaqt li tipprovdi għodod u gwida, toffri soluzzjonijiet imfassla apposta għal komunitajiet differenti, u tinkorpora l-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati fil-proċessi tat-tfassil u tal-implimentazzjoni. L-NEB tagħti prijorità lin-nies u lill-inklużjoni soċjali, kif ukoll lill-ekonomija sabiex tixpruna l-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

Il-Faċilità tal-NEB tiffinanzja l-proġetti li għandhom l-għan li jagħtu ħajja mill-ġdid lill-viċinati, jixprunaw l-inklużjoni soċjali u jippermettu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli permezz ta’ disinn innovattiv, ċirkolari u ċċentrat fuq il-bniedem – li jgħaqqad il-provvista tal-akkomodazzjoni ma’ għanijiet soċjali u ambjentali usa’. Il-komponent tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Faċilità tal-NEB jappoġġa diversi proġetti dwar l-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar, inklużi l-infrastruttura u s-servizzi soċjali.

L-Inizjattiva tal-Akkomodazzjoni Affordabbli, li hi parti mill-Istrateġija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE u inizjattiva ewlenija tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, għandha l-għan li toħloq jew iġġedded viċinati soċjali u affordabbli. Il-programm jindirizza l-faqar enerġetiku, jippromwovi l-inklużjoni, jiżgura l-affordabbiltà, u jnaqqas l-emissjonijiet permezz ta’ gwida mfassla apposta, inklużi l-pariri finanzjarji, il-konsulenza u l-bini tal-kapaċità. Dan jista’ jgħin biex jittejbu l-kwalità tal-akkomodazzjoni u l-aċċessibbiltà għall-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx.

L-appoġġ lin-nies u l-inklużjoni soċjali tagħhom, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-faqar u l-għajxien bla dar, huma fost l-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul tal-UE li jmiss għas-snin 2028–2034 (magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali jew QFP). Permezz tal-approċċ integrat ġdid tagħha, il-proposta tal-QFP se tippermetti lill-Istati Membri jiffinanzjaw akkomodazzjoni soċjali u affordabbli u l-ġlieda kontra l-għajxien bla dar, flimkien mar-riformi meħtieġa.

2.    BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Ir-rakkomandazzjoni proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali proċedurali flimkien mal-Artikolu 153(1)(j) tat-TFUE bħala l-bażi legali sostanzjali.

L-Artikolu 153(1)(j) jippermetti lill-Unjoni ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. L-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-kgħajxien bla dar huma rikonoxxuti bħala l-aktar forom severi ta’ esklużjoni soċjali fl-UE. Il-proposta se tikkontribwixxi għal dan l-objettiv billi tiġġieled kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar, filwaqt li tiżgura aċċess effettiv għal servizzi u miżuri essenzjali u abilitanti, u b’hekk tippermetti lill-individwi jgħixu b’dinjità.

L-Artikolu 153(1)(j) huwa limitat mill-Artikolu 153(2)(a), li jippermetti biss miżuri intiżi sabiex iħajjru l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li jeskludi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 153(4), id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 153, bħar-rakkomandazzjoni proposta: (i) ma għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom; u (ii) ma għandhomx jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ekwilibriju finanzjarju ta’ dawk is-sistemi.

   Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Filwaqt li r-responsabbiltà għall-politika dwar l-akkomodazzjoni hija primarjament tal-Istati Membri, l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar huma sfidi komuni fl-Unjoni, xprunati minn xejriet strutturali komuni li jibbenefikaw minn reazzjonijiet transsettorjali kkoordinati u mill-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. Huma marbuta mill-qrib mal-objettivi tal-Unjoni fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, is-saħħa, l-iżvilupp ekonomiku tal-ugwaljanza u l-koeżjoni territorjali.

Id-distakk dejjem jikber bejn il-kost tal-akkomodazzjoni u l-introjtu jxekkel il-mobbiltà edukattiva u l-forza tax-xogħol, filwaqt li jillimita l-aċċess għal żoni bi produttività għolja, u jipprovoka n-nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi ta’ servizzi essenzjali u bi ħlas baxx. Meta l-kost tal-akkomodazzjoni jisboq il-pagi, il-ħaddiema jkunu mġiegħla jnaqqsu l-infiq, iżidu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar, jew jirrilokaw, li kollha kemm huma jnaqqsu l-effiċjenza ekonomika u l-produttività ġenerali. L-aċċess mhux ugwali għal akkomodazzjoni adegwata japprofondixxi l-inugwaljanzi eżistenti tal-opportunità u jżid l-esklużjoni soċjali.

L-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni żżid il-valur billi tipprovdi gwida politika u l-aħjar prattiki, tiffaċilita l-apprendiment reċiproku, tippromwovi approċċi bbażati fuq l-evidenza, tappoġġa l-komparabbiltà tad-data, u ttejjeb l-aċċess għall-finanzi. Tali azzjoni ssostni l-impenn politiku tal-Unjoni li tiżgura opportunitajiet indaqs u ħajja ta' dinjità għal kulħadd u tappoġġa l-konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri.

It-tmiem tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU inklużi fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-SDG 11.1 dwar l-aċċess għal kulħadd għal akkomodazzjoni u servizzi bażiċi adegwati, sikuri u affordabbli. Dan jippromwovi wkoll l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar. Il-politiki u l-miżuri stabbiliti fir-rakkomandazzjoni proposta se jikkomplementaw u jappoġġaw ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, b’enfasi fuq il-protezzjoni ta’ dawk l-aktar affettwati mill-kriżi tal-akkomodazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tipprovdi lill-Istati Membri b’qafas ta’ referenza komprensiv maħsub biex jiggwidahom fl-ilħuq tal-objettivi msemmija hawn fuq.

Proporzjonalità

Il-miżuri proposti f’din ir-rakkomandazzjoni huma proporzjonali għall-objettivi segwiti. Ir-rakkomandazzjoni la timponi obbligi vinkolanti u lanqas tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hija tipprovdi gwida flessibbli, tidentifika prattiki effettivi u tinkoraġġixxi l-allinjament gradwali mal-prinċipji miftiehma. Għalhekk, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha u hija proporzjonata għall-isfidi indirizzati.

Il-proposta tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-politika dwar l-akkomodazzjoni għal dawk f’sitwazzjoni ta’ akkomodazzjoni prekarja, l-aċċess għall-kura u servizzi eżistenti oħra u xbieki ta’ sikurezza soċjali fl-Istati Membri u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tal-i individwi żvantaġġati. Ir-rakkomandazzjoni proposta tħares il-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Hija tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali differenti jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni u tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mir-rakkomandazzjoni skont il-kuntest speċifiku tagħhom. Il-proporzjonalità wkoll qdiet rwol ewlieni fil-gwida tal-għażla tal-istrument.

Għażla tal-istrument

L-istrument huwa proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tħares il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Huwa jibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt tal-Unjoni u huwa konformi mat-tip ta’ strumenti disponibbli għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali. Bħala strument legali, il-proposta tindika l-impenn tal-Istati Membri għall-miżuri stabbiliti fiha u tipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, filwaqt li tħares bis-sħiħ il-mandat tal-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma hijiex meħtieġa konsultazzjoni pubblika għal inizjattiva ta’ dan it-tip.

Ġiet ippubblikata sejħa għall-evidenza għal feedback bejn it-12 ta’ Marzu 2026 u d-9 ta’ April 2026. Il-feedback kixef, bħala tħassib trażversali, in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, u l-kontributuri ħeġġew investiment pubbliku sostnut, espansjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u kooperattiva, u użu aktar b’saħħtu tal-fondi tal-UE. Il-kontributuri jesprimu appoġġ qawwi għall-approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni bħala l-mudell ta’ għażla bbażat fuq l-evidenza, flimkien ma’ sejħiet għall-espansjoni nazzjonali sistemika tagħha. Ir-rispondenti jenfasizzaw il-ħtieġa għal approċċi integrati ċċentrati fuq il-persuna li jgħaqqdu l-akkomodazzjoni mas-servizzi tas-saħħa, soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni. Il-prevenzjoni, permezz ta’ sistemi ta’ twissija bikrija, salvagwardji kontra l-iżgumbrament, medjazzjoni tal-kera u appoġġ tad-dejn, hija identifikata bħala mhux iffinanzjata biżżejjed u sottożviluppata. Il-kontributuri jitolbu wkoll ġbir armonizzat tad-data bl-użu tal-klassifikazzjoni ETHOS, u monitoraġġ aktar b’saħħtu fil-livell tal-UE, inkluż permezz tas-Semestru Ewropew. Issir enfasi wkoll fuq l-impatt sproporzjonat fuq gruppi vulnerabbli - ir-Rom, il-persuni b’diżabilità, il-persuni LGBTIQ+, in-nisa u l-ommijiet waħedhom, it-tfal, iż-żgħażagħ li jitilqu mill-kura, il-migranti, u l-familji kbar.

Bejn il-25 ta’ Lulju u l-24 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar li kkontribwiet għat-tiswir tal-kontenut ta’ din il-proposta. Din il-proposta hija parti mill-pakkett tal-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar. Konsultazzjonijiet immirati ma’ persuni li qed jesperjenzaw il-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE Kontra l-Faqar saru f’Settembru u f’Ottubru 2025.

Din il-proposta tibni wkoll fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni bħala parti mill-iżvilupp tal-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli li saret bejn il-11 ta’ Lulju u s-17 ta’ Ottubru 2025. Din il-konsultazzjoni inkludiet mistoqsijiet imfassla biex jiġbru l-fehmiet tal-parteċipanti dwar l-iżgurar ta’ akkomodazzjoni affordabbli u aċċessibbli għal nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, li qegħdin fil-perifklu li jaffaċċjaw id-diskriminazzjoni, jew li jgħixu bla dar. Din il-konsultazzjoni kienet parti mid-Djalogu dwar l-Akkomodazzjoni Affordabbli mniedi mill-Kummissjoni biex tħejji l-pjan, u wasslet għal aktar minn 13 000 tweġiba.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar ġiet ikkonsultata dwar il-kontenut ta’ din il-proposta permezz ta’ konsultazzjoni bil-miktub f’Jannar 2026. Il-Pjattaforma tinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li huma responsabbli għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni tal-persuni mingħajr dar – il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-sħab soċjali u l-Ewropej rilevanti.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-evidenza li fuqha hija bbażata din l-inizjattiva hija bbażata fuq il-ħidma mwettqa fl-ambitu tal-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar mill-2021.

Fl-ambitu tal-fergħa ta’ ħidma dwar l-Apprendiment Reċiproku tal-Pjattaforma, ġew ikkummissjonati diversi studji 7 biex jinformaw u jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw strateġiji nazzjonali li jiġġieldu kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar. Dawn l-istudji jissuġġerixxu li l-indirizzar tal-għajxien bla dar jeħtieġ li jinbidel minn reazzjonijiet ta’ emerġenza għal soluzzjonijiet xprunati mill-akkomodazzjoni – li jipprovdu akkomodazzjoni immedjata u stabbli b’appoġġ imfassal apposta. Dan l-approċċ ikisser iċ-ċikli għoljin ta’ postijiet ta’ kenn temporanji u jenfasizza l-akkomodazzjoni affordabbli bħala miżura preventiva ewlenija.

Is-Sett ta’ Għodod tal-OECD għall-Ġlieda Kontra l-Għajxien bla dar 8 jipprovdi strateġiji għat-tnaqqis tal-għajxien bla dar permezz ta’ miżuri preventivi u reattivi, sabiex jinħolqu soluzzjonijiet effettivi u fit-tul, u jenfasizza politiki xprunati mid-data, appoġġ integrat, stabbiltà tal-akkomodazzjoni, approċċi mfassla apposta, u kollaborazzjoni transsettorjali. Il-Qafas ta’ Monitoraġġ tal-OECD 9 għandu l-għan li jtejjeb il-fehim u l-kejl tal-għajxien bla dar billi jistabbilixxi standards internazzjonali konsistenti għall-ġbir u għall-analiżi tad-data. Dan jenfasizza l-importanza tal-użu ta’ metriċi komprensivi u komparabbli li jirriflettu n-natura multidimensjonali tal-għajxien bla dar.

Il-proġett pilota Għadd tal-Persuni li jgħixu bla dar fl-Ewropa 10 żviluppa u ttestja metodoloġija komparabbli għall-għadd u t-tfassil tal-profili tal-għajxien bla dar fl-UE. Il-proġett juża approċċ armonizzat ibbażat fuq id-definizzjoni ta’ ETHOS Light 11 .

Għal analiżi estensiva tar-rabta bejn il-faqar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, ir-rapport min-Network Ewropew għall-Analiżi tal-Politika Soċjali 12 jipprovdi analiżi komparattiva tal-intersezzjoni tal-politiki dwar l-għajxien bla dar u l-ġlieda kontra l-faqar fl-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hija prevista l-ebda valutazzjoni tal-impatt, minħabba li l-istrument magħżul - rakkomandazzjoni tal-Kunsill - ma huwiex vinkolanti u l-għażla tal-implimentazzjoni se tkun f’idejn l-Istati Membri. Il-proposta għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija appoġġata mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-Istrateġija Kontra l-Faqar.

L-impatt tar-rakkomandazzjoni mhux se jiddependi biss fuq kif l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri. Iċ-ċirkostanzi nazzjonali, bħas-sitwazzjoni makroekonomika, it-tfassil tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-servizzi soċjali u l-funzjonament tas-sistemi tal-akkomodazzjoni, huma wkoll importanti u jagħmluha diffiċli biex l-impatt speċifiku tal-proposta jiġi iżolat minn fatturi oħra.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta se tikkontribwixxi għas-salvagwardja tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem (l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali, għall-assistenza soċjali u tal-akkomodazzjoni u għal eżistenza deċenti għal dawk li ma għandhomx biżżejjed riżorsi (l-Artikolu 34 tal-Karta).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-rakkomandazzjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja diretta għall-Unjoni. Hija tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu effettiv mir-riżorsi nazzjonali eżistenti u mill-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-FSE+, il-FEŻR, l-Erasmus+, l-InvestEU u l-RRF, f’konformità mar-regoli u l-istrumenti rispettivi tagħhom taħt il-QFP li jmiss.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni se jiġi mmonitorjat permezz tal-oqfsa eżistenti li ġejjin fil-livell tal-UE:

il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni tal-persuni mingħajr dar se tipprovdi kontribut mill-komunità usa’ ta’ esperti u mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nies li qed jgħixu bla dar;

il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali se jipprovdi l-gwida politika meħtieġa u l-kontribut mill-Istati Membri;

is-Semestru Ewropew se jinkludi analiżi u valutazzjoni tal-politiki soċjali u ekonomiċi relatati mal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar.

Il-progress se jiġi vvalutat abbażi tal-istatistika uffiċjali tal-Eurostat disponibbli u abbażi tad-data mtejba, komprensiva u komparabbli li r-Rakkomandazzjoni proposta għandha l-għan li tippromwovi. L-Istati Membri huma rrakkomandati li jirrapportaw lill-Kummissjoni kull 5 snin dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ nazzjonali tagħhom u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-paragrafu 1 jindika l-objettivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Il-paragrafu 2 fih definizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-fini tar-rakkomandazzjoni.

It-taqsima dwar ir-rakkomandazzjonijiet trażversali hija l-qalba tar-rakkomandazzjoni u tirrakkomanda lill-Istati Membri jirrevedu jew jadottaw oqfsa nazzjonali biex jiġġieldu kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni permezz ta’ politiki ċċentrati fuq il-persuna u xprunati mill-akkomodazzjoni. Hija tirrakkomanda wkoll li jiġu stabbiliti objettivi ċari u marbuta maż-żmien dwar l-iżgurar ta’ kenn ta’ emerġenza għal dawk li jorqdu f’kundizzjonijiet ħżiena, u li n-nies jiġu mċaqilqa malajr minn akkomodazzjoni temporanja għal akkomodazzjoni sigura fit-tul.

It-taqsima dwar l-identifikazzjoni tal-persuni li qegħdin fil-periklu tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tkopri l-ġbir tad-data, l-istabbiliment ta’ kriterji tal-eliġibbiltà fis-servizzi rilevanti, is-sistemi ta’ twissija bikrija biex jiġu identifikati l-unitajiet domestiċi f’riskju, u s-sensibilizzazzjoni mmirata għall-gruppi li l-għadd tagħhom huwa sottovalutat..

It-taqsima dwar il-prevenzjoni tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tkopri ż-żamma ta’ akkomodazzjoni adegwata, l-aċċess għall-informazzjoni, il-valutazzjoni adegwata tal-introjtu, il-protezzjoni kontra l-iżgumbrament, il-protezzjoni tat-tfal, lil dawk li jitilqu mill-kura, l-intervent bikri għat-tfal u għaż-żgħażagħ, l-anzjani u t-tranżizzjonijiet istituzzjonali.

It-taqsima dwar l-appoġġ għall-persuni li qed jgħixu bla dar tindirizza s-sistemi u s-servizzi ta’ appoġġ, il-preservazzjoni tal-unità tal-familja, il-koordinazzjoni bejn is-servizzi, l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni finanzjarja, l-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kapaċità ta’ kenn f’konformità mal-ħtiġijiet, mal-appoġġ xprunat mill-pari, u mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

It-taqsima dwar l-aċċess għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adegwati u siguri tirreferi għall-approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni, is-servizzi ta’ appoġġ iċċentrati fuq il-persuna, il-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, l-appoġġ finanzjarju u l-inċentivi għall-aċċess għall-akkomodazzjoni, l-għoti ta’ appoġġ liż-żgħażagħ (inklużi l-istudenti), u l-appoġġ għall-politiki bbażati fuq il-post u l-adattamenti tal-akkomodazzjoni.

It-taqsima dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-governanza tirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiżguraw reazzjonijiet ta’ politika effettivi. Hija tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas ta’ governanza tajjeb li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha, billi jagħmlu użu mill-finanzjament tal-UE u jappoġġaw il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar.



2026/0105 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 153(1), punt (j), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali. Skont l-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom bħala l-objettivi tagħhom, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, il-protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

(2)L-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi r-rikonoxximent u r-rispett għad-dritt għall-assistenza soċjali u tal-akkomodazzjoni sabiex tiżgura eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

(3)L-Artikolu 31 tal-Karta Soċjali Ewropea (riveduta) 13 jikkonferma l-impenn tal-partijiet kollha li jippromwovu l-aċċess għall-akkomodazzjoni ta’ standard adegwat, li jipprevjenu u jnaqqsu l-għajxien bla dar bil-ħsieb li din jiġi eliminat gradwalment u li jagħmlu l-prezz tal-akkomodazzjoni aċċessibbli għal dawk mingħajr riżorsi suffiċjenti.

(4)F’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 14 . Il-prinċipju 19 tiegħu jipprevedi d-dritt ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali, l-assistenza għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba u l-protezzjoni kontra l-iżgumbrament sfurzat għal dawk fil-bżonn. Dan jiddikjara wkoll li għandhom jiġu pprovduti kenn u servizzi adegwati għall-persuni bla dar biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom.

(5)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 15 tistieden lill-Istati Membri jiżguraw, fost affarijiet oħra, aċċess effettiv għat-tfal li jeħtieġu akkomodazzjoni adegwata, b’attenzjoni speċifika għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-għajxien bla dar fost it-tfal u l-familji. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2023/C41/01) dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva 16 titlob strateġiji komprensivi li jikkombinaw appoġġ adegwat għall-introjtu, swieq tax-xogħol inklużivi, u aċċess għal servizzi abilitanti u essenzjali, inkluża l-akkomodazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (C/2023/1344) dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas tal-ekonomija soċjali 17 tistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġaw ir-rwol tal-ekonomija soċjali fl-għoti ta’ servizzi soċjali u ta’ kura u akkomodazzjoni aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, filwaqt li jqisu wkoll il-gruppi żvantaġġati, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi soċjali disponibbli għall-pubbliku.

(6)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2021/C 93/01) dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 18 tistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw it-trattament ugwali tal-persuni Rom fl-aċċess għal, fost affarijiet oħra, akkomodazzjoni mhux segregata adegwata u servizzi essenzjali 19 . L-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026-2030 tenfasizza li d-diskriminazzjoni u nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali jikkontribwixxu għal-livelli għoljin ta’ faqar u tal-għajxien bla dar fost il-persuni LGBTIQ+. Fil-Komunikazzjoni “It-tisħiħ tal-istrateġija għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità sal-2030”, il-Kummissjoni titlob li jiġi żgurat l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

(7)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2022/C 476/01) dwar l-aċċess għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja 20 tistieden lill-Istati Membri jespandu s-servizzi ta’ kura fit-tul formali, speċjalment il-kura fid-dar u bbażata fil-komunità. L-akkomodazzjoni li hija adattata għall-ħtiġijiet tal-individwi għall-ħtiġijiet ta’ kura li qed jevolvu hija prerekwiżit fundamentali għat-tixjiħ id-dar, li tippermetti l-għoti ta’ kura fid-dar u tgħin biex jiġi evitat rikors bla bżonn għall-kura residenzjali.

(8)Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi 21 (“id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas”) tiddikjara fl-Artikolu 16(2) li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi legali fl-Unjoni, inklużi l-konsumaturi bla indirizz fiss ikollhom id-dritt li jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom. Tali dritt għandu japplika irrispettivament mill-post tar-residenza tal-konsumatur.

(9)Id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar 22 ġiet adottata fil-21 ta’ Ġunju 2021 mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri, mis-sħab soċjali u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Hija timpenja lill-firmatarji kollha tagħha biex jaħdmu biex itemmu l-għajxien bla dar fl-Unjoni Ewropea sal-2030 u jniedu Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar biex jippromwovu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-approċċi ċċentrati fuq il-persuna, integrati u xprunati mill-akkomodazzjoni.

(10)Id-“Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe” 23 , adottata fis-16 ta’ April 2024 fil-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tirrikonoxxi li l-għajxien bla dar għadu kwistjoni f’ħafna Stati Membri u tappella għal azzjoni kontinwa dwar akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli, effiċjenti, ekoloġika u affordabbli biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ kulħadd, jiġi eradikat l-għajxien bla dar u jiġi promoss approċċ ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel”. Id-Dikjarazzjoni tirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni tal-Persuni Mingħajr Dar.

(11)Fir-Riżoluzzjoni tiegħu adottata fl-24 ta’ Novembru 2020 24 , il-Parlament Ewropew enfasizza li l-akkomodazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u appella għal azzjoni aktar b’saħħitha mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jintemm l-għajxien bla dar fl-UE sal-2030. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu adottata fl-10 ta’ Marzu 2026 25 , il-Parlament Ewropew saħaq dwar il-ħtieġa għal approċċ u soluzzjonijiet Ewropej biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni deċenti u affordabbli u appella lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji xprunati mill-akkomodazzjoni biex jitnaqqas l-għajxien bla dar. Ir-Riżoluzzjoni tistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ politiku biex jiġi indirizzat l-għajxien bla dar u biex jiġi mmonitorjat il-progress f’dan ir-rigward.

(12)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/543 tat-22 ta’ Marzu 2017 26 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti u tal-kategorizzazzjonijiet tagħhom jistabbilixxi d-definizzjonijiet statistiċi fir-rigward tal-għajxien bla dar.

(13)Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-eradikazzjoni tal-għajxien bla dar fl-Unjoni Ewropea 27 , adottata fit-2 ta’ Diċembru 2021, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kien sodisfatt bit-tnedija tal-Pjattaforma u saħaq dwar l-erba’ fergħat ta’ azzjoni importanti għaliha, jiġifieri l-apprendiment reċiproku, il-promozzjoni tal-aċċess għall-finanzjament, il-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-politika, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-għajnuna biex jiżdiedu l-innovazzjonijiet promettenti.

(14)Fl-Opinjoni tiegħu għal qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-persuni bla dar ibbażati fuq il-prinċipju ta’ “L-Akkomodazzjoni l-Ewwel” 28 , adottata fit-13 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew talab għall-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE għall-għajxien bla dar, li tagħmilha possibbli li jiġu inklużi l-politiki nazzjonali għall-ġlieda kontra l-għajxien bla dar fis-Semestru Ewropew. Huwa ssuġġerixxa wkoll li din l-istrateġija għandha tiġi sostnuta minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-għajxien bla dar.

(15)Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026 29 jinnota li l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jieħdu azzjoni biex jappoġġaw l-aċċess għal akkomodazzjoni ta’ kwalità u affordabbli, akkomodazzjoni soċjali jew assistenza għall-akkomodazzjoni, jipprevjenu u jindirizzaw l-għajxien bla dar bħala l-aktar forma estrema ta’ faqar, jindirizzaw l-esklużjoni soċjali permezz ta’ approċċi strateġiċi integrati, iċċentrati fuq il-persuna u xprunati mill-akkomodazzjoni u jippromwovu r-rinnovazzjoni ta’ akkomodazzjoni residenzjali u soċjali.

(16)Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli 30 adottat fis-16 ta’ Diċembru 2025, jirrikonoxxi li xi gruppi soċjali huma affettwati b’mod sproporzjonat miż-żieda fil-kostijiet tal-akkomodazzjoni u mill-aċċess limitat għal djar soċjali u affordabbli, u li l-għajxien bla dar huwa sfida persistenti u kumplessa li għandha tiġi indirizzata permezz ta’ soluzzjonijiet xprunati mill-akkomodazzjoni, bħall-approċċ “L-Akkomodazzjoni l-Ewwel”, akkumpanjati minn approċċi integrati biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni.

(17)L-għajxien bla dar jibqa’ l-aktar manifestazzjoni estrema u viżibbli tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea. Hija taffettwa lill-individwi u lill-familji fl-Istati Membri kollha, u timmina l-prinċipji tad-dinjità, tal-ugwaljanza u tal-ġustizzja soċjali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Minkejja l-isforzi li saru sal-lum, l-għajxien bla dar qed jiżdied f’diversi Stati Membri u huwa stmat li jaffettwa lil aktar minn miljun persuna 31 .

(18)L-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tirreferi għall-inkapaċità ta’ individwu jew ta’ unità domestika li taċċessa jew li żżomm akkomodazzjoni deċenti u stabbli li tissodisfa l-istandards bażiċi tas-sikurezza, tas-sigurtà legali u tal-affordabbiltà. L-għajxien bla dar huwa l-aktar forma viżibbli u estrema tagħha u jinkludi lin-nies li jorqdu f’kundizzjonijiet ħżiena u f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza u temporanja għall-persuni bla dar. Madankollu, l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni hija usa’ u tinkludi lil dawk li għandhom saqaf fuq rashom, iżda li qed jgħixu f’kundizzjonijiet li ma humiex adegwati u/jew siguri. Akkomodazzjoni mhux sigura sseħħ meta l-individwi jiltaqgħu ma’ theddid ta’ żgumbrament, abbuż domestiku, jew ikollhom ftehimiet ta’ kiri instabbli. Akkomodazzjoni inadegwata sseħħ meta l-individwi jokkupaw abitazzjonijiet ta’ kwalità baxxa li ma jkollhomx faċilitajiet bażiċi (bħal toilets li jifflaxxjaw minn ġewwa jew faċilitajiet tal-ħasil). Dawn l-abitazzjonijiet jistgħu jkunu f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna, f’sitwazzjoni ta’ ffullar żejjed jew mhux adattati għall-persuni bi bżonnijiet addizzjonali (bħall-anzjani, il-persuni b’diżabilità u dawk bi bżonnijiet ta’ kura fit-tul).

(19)L-akkomodazzjoni hija fattur determinanti soċjali ewlieni tas-saħħa u tal-inklużjoni soċjali, u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni jew akkomodazzjoni ta’ kwalità baxxa jista’ jkun detrimentali għas-saħħa, għall-benesseri, għall-impjiegi u għall-opportunitajiet edukattivi tal-individwi u tal-komunitajiet.

(20)L-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar huma xprunati minn interazzjoni kumplessa ta’ fatturi strutturali, istituzzjonali u personali. Dawn jinkludu l-faqar, il-qgħad, in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, id-diskriminazzjoni, is-saħħa mentali u fiżika ħażina, l-abbuż mis-sustanzi, u l-vjolenza domestika.

(21)Fl-2024, kważi 6 % tal-persuni ta’ 16-il sena jew aktar fl-Unjoni li kienu qed ifittxu akkomodazzjoni fl-aħħar 5 snin irrapportaw li kienu ħassewhom diskriminati mill-inqas darba. Is-sehem ta’ dawk li ħassewhom diskriminati kien darbtejn ogħla għall-persuni li qegħdin fil-periklu tal-faqar jew ta’ esklużjoni soċjali (10 %) meta mqabbel ma’ dawk li ma kinux qegħdin fil-periklu ta’ dan (5 %). Madwar 17 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fl-2024 kienu qed jgħixu f’dar iffullata żżejjed.

(22)In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli huwa ostaklu kbir fil-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar. Bejn l-2013 u l-2024, il-prezzijiet tad-djar f’termini nominali żdiedu b’aktar minn 60 % fl-Unjoni, fejn żdiedu b’rata aktar mgħaġġla mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi, u ftit Stati Membri esperjenzaw żidiet medji sa aktar minn 220 % fil-prezzijiet nominali. Fl-istess ħin, il-kirjiet medji żdiedu b’madwar 20 %, filwaqt li, b’mod ġenerali, il-kuntratti ġodda tal-kiri huma ferm aktar għaljin minn dawk aktar antiki, speċjalment f’żoni urbani u turistiċi. Il-kostijiet tal-akkomodazzjoni, inklużi l-ilma, l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra, żdiedu fi 17-il Stat Membru, meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni, b’żieda sa aktar minn 80 % ’il fuq mill-medja tal-UE f’xi Stati Membri u naqsu f’10 Stati Membri oħra.

(23)L-investimenti fil-provvista tal-akkomodazzjoni naqsu b’mod notevoli matul l-aħħar 10 snin. Il-provvista ma żammitx il-pass mad-domanda dejjem tikber minħabba l-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni, tad-defiċits fl-innovazzjoni, tan-nuqqas tal-ħaddiema tas-sengħa u tal-burokrazija eċċessiva. B’mod partikolari, il-prezzijiet tal-kostruzzjoni fl-Unjoni żdiedu b’56 % bejn l-2010 u l-2024, u xi Stati Membri raw żidiet ta’ aktar minn 170 %. Il-permessi tal-bini residenzjali (l-għadd tal-abitazzjonijiet) naqsu bi 22 % bejn l-2021 u l-2024 u l-istokk tal-akkomodazzjoni eżistenti ma ntużax sal-potenzjal sħiħ tiegħu, u madwar 20 % tal-abitazzjonijiet fl-UE baqgħu vakanti jew mhux okkupati biżżejjed (inklużi r-residenzi staġunali jew sekondarji u unitajiet ta’ abitazzjoni mixtrija bħala investimenti u mhux użati bħala residenzi primarji).

(24)F’dan il-kuntest, iż-żieda fil-provvista tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. B’mod partikolari, huma meħtieġa investimenti ġodda biex jappoġġaw il-kostruzzjoni ta’ abitazzjonijiet ġodda, ir-rinnovazzjoni u, meta jkun possibbli, l-użu tal-abitazzjonijiet eżistenti li ma humiex okkupati u mhumiex okkupati biżżejjed (20 % tal-abitazzjonijiet) b’mod aktar effiċjenti, inkluż permezz ta’ inċentivazzjoni tal-proprjetajiet privati għall-kiri, adattament tal-istokk tal-bini eżistenti, pereżempju, tal-bini tal-uffiċini, għal skop differenti. Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali bħala parti mill-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli u r-Regolament ta’ Nofs it-Terminu għar-rieżami tal-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE 32 jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ qafas abilitanti għall-investimenti fl-’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli (sa Marzu 2026 ġew riallokati mill-inqas EUR 3,3 biljun mill-Istati Membri u mir-reġjuni għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fl-ambitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu). Il-flessibbiltajiet regolatorji ta’ nofs it-terminu u l-possibbiltà għal rata ogħla ta’ kofinanzjament tal-Unjoni għall-investimenti fl-akkomodazzjoni jibqgħu disponibbli biex jappoġġaw riprogrammazzjoni ulterjuri sal-2029-2030.

(25)F’konformità mal-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sostenibbli, affordabbli u ta’ kwalità għandu jitqies bħala parti minn ekosistema soċjali u territorjali usa’ li tappoġġa l-inklużjoni, il-ħajja komunitarja, il-mobbiltà tal-ħaddiema, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-kura fit-tul, l-għajxien indipendenti u l-koeżjoni soċjali. Il-politiki tal-akkomodazzjoni huma aktar effettivi u joħolqu valur soċjali miżjud meta jiġu kkombinati ma’ miżuri bbażati fuq il-post, infrastruttura u servizzi komunitarji u mfassla biex jippromwovu viċinati inklużivi u sostenibbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-abitanti.

(26)Sabiex jespandu l-provvista u l-affordabbiltà, l-Istati Membri jistgħu jieħdu vantaġġ minn mudelli differenti ta’ akkomodazzjoni, inklużi akkomodazzjoni soċjali u pubblika, akkomodazzjoni bla qligħ u akkomodazzjoni bi qligħ limitat, kooperattivi tal-akkomodazzjoni, aġenziji tal-kiri soċjali u mudelli oħra ta’ interess pubbliku jew mingħajr skop ta’ qligħ. Dawn il-mudelli, ħafna drabi mwasslin minn organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, jistgħu jikkontribwixxu għal affordabbiltà fit-tul, inaqqsu l-esponiment għall-ispekulazzjoni u jgħinu biex jimmobilizzaw l-abitazzjonijiet, l-art u l-investiment eżistenti. Kunċetti innovattivi ta’ koabitazzjoni, inklużi l-għajxien interġenerazzjonali, il-koakkomodazzjoni u l-arranġamenti ta’ spazju kondiviż, jistgħu jgħinu wkoll biex jindirizzaw l-iżolament soċjali, l-okkupazzjoni insuffiċjenti tal-bini u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni lokali. L-apprendiment reċiproku jista’ jgħin biex jiġu identifikati l-mudelli ta’ suċċess diġà implimentati fi Stati Membri oħra.

(27)Iż-żieda fil-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli teħtieġ oqfsa ta’ governanza u investiment stabbli, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, il-fornituri tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-impjegaturi, l-istituzzjonijiet finanzjarji u partijiet ikkonċernati oħra. Il-finanzjament imħallat, il-fondi rotanti, il-garanziji pubbliċi, il-lokazzjonijiet fit-tul fuq art pubblika u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament oħra ta’ interess pubbliku jistgħu jgħinu biex jimmobilizzaw il-kapital tal-pazjenti u jappoġġaw l-affordabbiltà fit-tul. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippromwovu u jappoġġaw ukoll proġetti ta’ akkomodazzjoni innovattivi u inklużivi minn isfel għal fuq, fejn ir-residenti futuri jippjanaw u jiffinanzjaw il-proġett ta’ akkomodazzjoni tagħhom b’mod kollettiv.

(28)L-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar jistgħu jaffettwaw b’mod sproporzjonat lil ċerti popolazzjonijiet, u l-iskala u l-kompożizzjoni ta’ dawk affettwati jvarjaw b’mod sinifikanti skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali/reġjonali. Ċerti persuni u gruppi jistgħu jiffaċċjaw żvantaġġi partikolari fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u riskju ogħla ta’ esklużjoni mill-akkomodazzjoni jew l-għajxien bla dar. Dawn jinkludu ż-żgħażagħ (bħal studenti li ma jaffordjawx jew ma jistgħux jaċċessaw akkomodazzjoni għall-istudenti; jew dawk li jitilqu minn kura istituzzjonali jew alternattiva), il-persuni qiegħda, il-familji vulnerabbli (inklużi l-ġenituri waħedhom) bit-tfal, il-vittmi u s-superstiti tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-persuni b’diżabilità jew bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul, l-anzjani f’sitwazzjoni ta’ akkomodazzjoni prekarja, il-persuni bi sfond Rom, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, il-persuni li jappartjenu għall-minoranzi razzjali jew etniċi u l-persuni LGBTIQ+.

(29)Il-prevenzjoni tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar, flimkien mal-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u sigura u għal servizzi ta’ appoġġ komprensivi u ċċentrati fuq il-persuna, huma l-aktar approċċ effettiv biex jintemm l-għajxien bla dar. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jistabbilixxu politiki effettivi ta’ prevenzjoni li jinkludu miżuri ta’ prevenzjoni universali, interventi upstream immirati lejn popolazzjoni b’riskju għoli, prevenzjoni tal-kriżijiet għal persuni u familji li qegħdin fil-periklu b’mod imminenti li jisfaw bla dar, u prevenzjoni ta’ interventi fi stadju ta’ emerġenza biex jiġi żgurat aċċess urġenti għal akkomodazzjoni temporanja.

(30)Għodod ta’ intervent bikri bħal medjazzjoni dwar l-arretrati tal-kera u tal-ipoteki, konsulenza dwar id-dejn, assistenza legali fir-rigward tad-drittijiet tal-kerrejja u ta’ sidien il-kera, sistemi ta’ twissija bikrija u appoġġ finanzjarju għal żmien qasir ma humiex disponibbli b’mod konsistenti fl-Istati Membri, u t-tisħiħ ta’ dawn il-mekkaniżmi huwa essenzjali biex tiġi evitata l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni b’mod effettiv.

(31)Il-prevenzjoni ta’ żgumbramenti furzati u arbitrarji u l-appoġġ matul ir-rilokazzjonijiet jeħtieġu qafas legali ġust għas-sigurtà ta’ min jikri u d-drittijiet tas-sidien tad-djar. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, is-servizzi soċjali u l-għażliet ta’ medjazzjoni, inklużi l-aġenziji tal-kiri soċjali, jistgħu jnaqqsu l-instabbiltà tal-akkomodazzjoni u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet.

(32)L-approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni, inkluż il-mudell L-Akkomodazzjoni l-Ewwel, li jikkombinaw aċċess rapidu għall-akkomodazzjoni permanenti mas-servizzi ta’ appoġġ personalizzati u integrati, urew eżiti pożittivi sostenibbli fil-prevenzjoni u fit-tnaqqis tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar u fil-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali u ekonomika.

(33)Ir-rekwiżiti amministrattivi għall-aċċess għall-assistenza, inkluż l-obbligu li tingħata prova ta’ residenza permanenti, jistgħu joħolqu ostakli għall-persuni li jgħixu bla dar jew li qed jesperjenzaw esklużjoni mill-akkomodazzjoni. It-tneħħija jew l-adattament ta’ tali rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jtejbu l-adozzjoni tal-appoġġ disponibbli u jgħinu biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.

(34)Iż-żieda fil-kostijiet tal-akkomodazzjoni u l-aċċess limitat għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli jxekklu l-mobbiltà tas-suq tax-xogħol, billi jista’ jkun li l-individwi ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu lejn żoni fejn hemm opportunitajiet ta’ impjieg disponibbli. Dan jista’ jaffettwa l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. L-indirizzar tal-affordabbiltà u tad-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni huwa kruċjali biex tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tas-swieq tax-xogħol.

(35)Id-differenzi fid-definizzjonijiet, fis-sistemi ta’ monitoraġġ u fil-metodoloġiji tal-ġbir tad-data użati fl-Istati Membri jillimitaw id-disponibbiltà ta’ data komparabbli dwar l-għaxjien bla dar fil-livell tal-Unjoni.

(36)Data u evidenza statistika affidabbli, komprensiva u miġbura b’mod regolari dwar l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar huma kruċjali għal tfassil tal-politika, monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi, li jgħinu biex jiġi vvalutat il-progress mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv.

(37)L-indirizzar tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar jeħtieġ koordinazzjoni transsettorjali u governanza f’diversi livelli li jinvolvu lill-Unjoni Ewropea, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, flimkien mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, il-fornituri tal-akkomodazzjoni, u l-persuni li esperjenzaw żmien bla dar.

(38)Is-sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet li joffru appoġġ għall-persuni bla dar u għall-persuni li qed jiffaċċjaw esklużjoni mill-akkomodazzjoni b’mod aktar wiesa’ jistgħu jsaħħu l-isforzi pubbliċi biex joffru servizzi li jrawmu l-inklużjoni soċjali u joħolqu soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni stabbli għal gruppi fil-mira speċifiċi. Billi jipprovdu servizzi addizzjonali bħall-integrazzjoni fix-xogħol, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata tranżizzjoni għal ħajja stabbli.

(39)Azzjoni effettiva għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni teħtieġ finanzjament adegwat u stabbli, kif ukoll l-użu u l-koordinazzjoni effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, f’konformità mal-kompetenzi u l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.

(40)Il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar hija l-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilita fil-livell tal-UE dwar l-għajxien bla dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. Din tipprovdi forum kollaborattiv għall-bini tal-għarfien, l-apprendiment reċiproku u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, u tikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u l-kapaċità ta’ implimentazzjoni aktar b’saħħitha. Dan huwa l-qafas ta’ governanza stabbilit fil-livell tal-UE dwar il-għajxien bla dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.

(41)Il-firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Għajxien bla dar impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn it-tmiem tal-Għajxien bla dar sal-2030, sabiex b’hekk:

(i)ħadd ma jorqod f’kundizzjonijiet ħżiena minħabba nuqqas ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza aċċessibbli, sikura u xierqa;

(ii)ħadd ma jgħix f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew tranżizzjonali għal żmien itwal milli jkun meħtieġ biex jimxi b’suċċess lejn soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni permanenti;

(iii)ħadd ma jiġi rilaxxat minn xi istituzzjoni (eż. ħabs, sptar, faċilità ta’ kura) bla offerta ta’ akkomodazzjoni xierqa;

(iv)l-iżgumbramenti għandhom jiġu evitati kull meta jkun possibbli u ħadd ma għandu jiġi żgumbrat bla assistenza biex isib soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni xierqa, meta meħtieġ;

(v)ħadd ma jiġi diskriminat minħabba l-istatus tiegħu ta’ għajxien bla dar.

(42)“ETHOS”, it-Tipoloġija Ewropea tal-Għajxien Bla Dar u l-Esklużjoni mill-Akkomodazzjoni, ġiet żviluppata bħala qafas biex jittejbu l-fehim u l-kejl tal-għajxien bla dar fl-Ewropa, u biex jiġi pprovdut “lingwaġġ” komuni għall-iskambji tranżnazzjonali dwar l-għajxien bla dar. Il-klassifikazzjoni tal-ETHOS tinkludi s-sitwazzjonijiet tal-għajxien kollha li jammontaw għal tipi tal-għajxien bla dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, jiġifieri:

l-għajxien bla saqaf (bla kenn ta’ kwalunkwe tip, li jorqdu f’kundizzjonijiet ħżiena);

l-għajxien bla akkomodazzjoni stabbli (b’post fejn jorqdu iżda temporanju f’istituzzjonijiet jew f’postijiet ta’ kenn);

il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni mhux sigura (mhedda b’esklużjoni severa minħabba kirjiet mhux siguri, żgumbrament, vjolenza domestika, persuni li jgħixu temporanjament mal-familja/ħbieb);

il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni inadegwata (fi strutturi temporanji jew mhux konvenzjonali, f’akkomodazzjoni mhux f’kundizzjoni tajba, f’iffullar estrem).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

SUĠĠETT

(1)Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u, b’mod partikolari:

(a)dwar l-appoġġ lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u fl-indirizzar tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni tal-persuni vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja, jew li qegħdin fil-periklu ta’ dan, u tal-persuni bla dar;

(b) dwar il-promozzjoni tat-tfassil, l-implimentazzjoni u t-titjib ta’ oqfsa strateġiċi nazzjonali, reġjonali u/jew lokali bbażati fuq politiki integrati, iċċentrati fuq il-persuna u xprunati mill-akkomodazzjoni.

DEFINIZZJONIJIET

(2)Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“esklużjoni mill-akkomodazzjoni” tfisser is-sitwazzjonijiet li fihom l-individwi jew l-unitajiet domestiċi ma jkollhomx aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u/jew sigura. Din tinkludi b’mod partikolari l-persuni bla dar (jiġifieri dawk bla saqaf u li jgħixu bla akkomodazzjoni stabbli) u dawk li jgħixu involontarjament f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja, bħal f’akkomodazzjoni mhux adegwata jew mhux sigura;

(b)“akkomodazzjoni ta’ emerġenza” tfisser l-akkomodazzjoni, bħall-postijiet ta’ kenn ta’ matul il-lejl, li l-fini primarja tagħha hija li tindirizza l-ħtieġa urġenti għall-postijiet ta’ kenn u l-aċċess għall-faċilitajiet bażiċi;

(c)“akkomodazzjoni temporanja” tfisser l-akkomodazzjoni għal żmien limitat li tiġi pprovduta waqt li tkun qed tintalab soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni permanenti;

(d)“approċċi xprunati mill-akkomodazzjoni” tfisser il-mudelli ta’ implimentazzjoni ta’ politika u ta’ servizzi li jagħtu prijorità lill-forniment ta’ aċċess rapidu għal akkomodazzjoni adegwata, affordabbli u permanenti, flimkien ma’, fejn meħtieġ, servizzi ta’ appoġġ integrati u ċċentrati fuq il-persuna għall-istabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-inklużjoni soċjali, bħal L-Akkomodazzjoni l-Ewwel.

RAKKOMANDAZZJONIJIET TRAŻVERSALI

(3)L-Istati Membri huma rrakkomandati li:

(a)jadottaw jew jirrevedu oqfsa strateġiċi dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni tal-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar abbażi ta’ politiki ċċentrati fuq il-persuna, xprunati mill-akkomodazzjoni u integrati f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, bil-għan li jissaħħu l-isforzi biex jintemm l-għajxien bla dar fl-Unjoni Ewropea. Dan għandu jsir bl-involviment u bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u b’rispett għad-distribuzzjoni tal-kompetenzi fl-Istati Membri;

(b)jiddefinixxu, fir-rigward tal-kuntesti nazzjonali, sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja, b’mod partikolari billi jitqiesu r-riskji ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali;

(c)jiżviluppaw miżuri mfassla apposta biex jiġġieldu kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar u jadottaw approċċ iċċentrat fuq il-persuna bbażat, fejn xieraq, fuq il-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, inkluż disinn parteċipattiv, ibbażat fuq il-post u inklużiv, bil-forniment ta’ servizzi integrati bħall-assistenza soċjali, il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, flimkien ma’ assistenza għall-akkomodazzjoni;

(d)jistabbilixxu objettivi rilevanti, marbuta biż-żmien, li jistgħu jintlaħqu u li jistgħu jitkejlu, inklużi dawn li ġejjin:

i/    kull persuna li tkun qed torqod f’kundizzjonijiet ħżiena (dawk “li jaqgħu fil-kategorija ta' għajxien bla dar primarju” 33 , li jkunu qed jorqdu fit-toroq mingħajr ma jfittxu kenn f’xi post ta’ għajxien) tirċievi offerta ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza;

ii/    il-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew temporanja (dawk “li jaqgħu fil-kategorija ta' għajxien bla dar sekondarju”) jirċievu appoġġ effettiv biex jaċċessaw soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fit-tul u siguri mill-aktar fis possibbli.

IDENTIFIKAZZJONI TA’ PERSUNI LI JESPERJENZAW JEW LI QEGĦDIN FIL-PERIKLU TAL-ESKLUŻJONI MILL-AKKOMODAZZJONI

(4)L-Istati Membri huma rrakkomandati li:

(a)isaħħu l-ġbir tad-data dwar il-gruppi diffiċli biex jintlaħqu, inklużi l-persuni bla dar u, bla piż amministrattiv eċċessiv, jiżviluppaw statistika regolari, komprensiva, komparabbli u diżaggregata dwar l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar fil-livelli nazzjonali u lokali;

(b)jallinjaw il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-persuni li qegħdin jesperjenzaw, jew qegħdin fil-periklu li jesperjenzaw, l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, fis-servizzi rilevanti kollha, bħas-servizzi soċjali, tal-impjiegi, tal-edukazzjoni, tal-ġustizzja u tal-protezzjoni tat-tfal, u jibnu kondiviżjoni ta’ informazzjoni rapida, effettiva u f’waqtha bejn dawn is-servizzi;

(c)abbażi tad-data miġbura u l-kriterji allinjati għall-identifikazzjoni tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, jistabbilixxu sistemi ta’ twissija bikrija biex jidentifikaw l-unitajiet domestiċi li qegħdin fil-periklu tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, filwaqt li jiżguraw appoġġ f’waqtu għas-sensibilizzazzjoni u l-prevenzjoni; jikkwantifikaw u jivvalutaw il-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni tal-persuni bla dar u ta' dawk f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja; jiżviluppaw strateġiji ta’ identifikazzjoni mfassla apposta għal dawk li l-għadd tagħhom spiss huwa sottovalutat jew li jkunu moħbija.

PREVENZJONI TAL-ESKLUŻJONI MILL-AKKOMODAZZJONI

(5)L-Istati Membri huma rrakkomandati li:

(a)jappoġġaw, fl-oqfsa strateġiċi tagħhom, lil dawk li qegħdin fil-periklu tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni biex iżommu akkomodazzjoni adegwata permezz ta’ miżuri mmirati, inklużi l-konsulenza dwar id-dejn u l-akkomodazzjoni, is-sistemi ta’ twissija bikrija, l-assistenza għall-kiri ta’ emerġenza, il-medjazzjoni u l-azzjonijiet l-oħra ta’ mitigazzjoni. Jiżguraw id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni adattata għal persuni b’diżabilità jew bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul, filwaqt li jevitaw piżijiet sproporzjonati fuq il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni;

(b)jiżguraw aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni dwar l-akkomodazzjoni disponibbli, il-miżuri soċjali u ta’ appoġġ għall-introjtu, u jwettqu sensibilizzazzjoni biex inaqqsu n-nuqqas ta’ użu tal-intitolamenti;

(c)jivvalutaw regolarment l-adegwatezza tal-appoġġ għall-introjtu, inklużi l-indennizzi relatati mal-akkomodazzjoni, l-introjtu minimu u l-benefiċċji tat-tfal, b’rabta mal-kostijiet tal-akkomodazzjoni, b’mekkaniżmi ta’ aġġustament li jirrispondu għax-xejriet tal-kostijiet. Din il-valutazzjoni għandha sservi wkoll bħala evidenza biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ nases tal-faqar, fejn l-appoġġ soċjali joħloq diżinċentivi għax-xogħol;

(d)isaħħu l-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra l-iżgumbramenti furzati u arbitrarji, b’mod partikolari għall-familji bit-tfal, b’attenzjoni speċjali għall-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed. L-Istati Membri għandhom jiżguraw proċeduri trasparenti u f’waqthom li jħarsu l-proporzjonalità, il-proċess dovut u r-rimedji effettivi, filwaqt li jħarsu d-drittijiet tas-sidien tal-kera;

(e)jiżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma tkun nieqsa minn akkomodazzjoni adegwata, jiggarantixxu akkomodazzjoni alternattiva f’waqtha u adattata, meta tkun meħtieġa, filwaqt li jippreservaw l-unità tal-familja fl-aħjar interess tat-tfal;

(f)jiżguraw li l-ebda minuri jew adult żagħżugħ ma jħalli l-kura istituzzjonali jew il-kura f’familja bla akkomodazzjoni u servizzi ta’ appoġġ adegwati. L-aċċess għal appoġġ jew inċentivi finanzjarji għandu jiġi ffaċilitat għal dawk li ma għandhomx garanti jew fondi għal depożiti, pereżempju, permezz ta’ organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li jiffaċilitaw l-aċċess għall-mikrofinanzjament;

(g)jistabbilixxu konsulenza preventiva bikrija fi stabbilimenti edukattivi, f’ambjenti istituzzjonali tax-xogħol jew taż-żgħażagħ biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ diffikultà, jiffaċilitaw riferimenti xierqa għas-servizzi kompetenti u jipprevjenu l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ;

(h)jagħmlu l-konsulenza u l-appoġġ soċjali disponibbli għal persuni akbar fl-età f’sitwazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarja biex jipprevjenu l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni;

(i)jiżguraw it-trattament ugwali tal-persuni li qegħdin fil-periklu tad-diskriminazzjoni fl-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u għas-servizzi essenzjali;

(j)jipprovdu appoġġ f’waqtu u personalizzat għall-persuni li jitilqu minn istituzzjonijiet, bħal ħabsijiet, sptarijiet u faċilitajiet ta’ kura biex jiżguraw akkomodazzjoni fit-tul.

APPOĠĠ LILL-PERSUNI LI JESPERJENZAW L-GĦAJXIEN BLA DAR

(6)Sabiex jitnaqqas it-tul ta’ żmien li l-persuni jesperjenzaw il-l-għajxien bla dar jew jiddependu fuq akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew temporanja, l-Istati Membri huma rrakkomandati li jipprovdu appoġġ iċċentrat fuq il-persuna, integrat u aċċessibbli permezz ta’:

(a)sistemi ta’ appoġġ aċċessibbli u inklużivi, inkluż, pereżempju, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali, il-pjanijiet ta’ appoġġ imfassla apposta u l-ġestjoni tal-każijiet għall-aktar każijiet kumplessi; sensibilizzazzjoni u timijiet multidixxiplinarji bbażati fil-komunità li jinvolvu professjonisti tas-saħħa u tal-kura u ħaddiema soċjali;

(b)standards li jiżguraw servizzi ta’ appoġġ konsistenti u ta’ kwalità għolja, inkluż appoġġ speċifiku għat-tfal;

(c)approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz b’riferimenti f’waqthom u simplifikati għall-aġenziji rilevanti tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali, u s-servizzi soċjali u tas-saħħa b’ostakli baxxi;

(d)sistemi ta’ appoġġ li jgħinu fil-prevenzjoni ta’ separazzjoni bla bżonn tal-familja, fl-aħjar interessi tat-tfal, u li jiżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma tibqa’ bla saqaf jew tibqa’ f’postijiet ta’ kenn ta’ emerġenza, akkomodazzjoni temporanja jew forom oħra tal-għajxien bla akkomodazzjoni stabbli;

(e)appoġġ attiv għall-impjiegi, inkluż billi tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni mas-servizzi tal-impjiegi, u jiġu żviluppati perkorsi personalizzati għall-impjiegi, għall-appoġġ soċjali u għaż-żamma tal-impjiegi u għall-appoġġ għall-impjegaturi;

(f)l-iżgurar li l-persuni li jkunu qed jesperjenzaw il-għajxien bla dar jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 34 biex jiftħu u jużaw kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fit-territorju tagħhom, irrispettivament minn jekk għandhomx indirizz fiss;

(g)l-espansjoni tal-aċċess għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni stabbli għall-persuni bla dar, b’mod partikolari l-familji bit-tfal, permezz ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tal-akkomodazzjoni, l-aġenziji tal-kiri soċjali u l-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni inklużivi, u permezz tal-mudelli kooperattivi u bbażati fil-komunità akkumpanjati minn servizzi ta’ appoġġ xierqa;

(h) l-iżgurar li l-akkomodazzjoni ta’ emerġenza u temporanja, inkluża l-akkomodazzjoni segregata skont il-ġeneru, tkun disponibbli, sikura, aċċessibbli u suffiċjenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet tan-nies kollha li jesperjenzaw l-għajxien bla dar, inkluż għall-vittmi tal-vjolenza domestika u sesswali, filwaqt li tappoġġa t-tranżizzjoni tagħhom għal akkomodazzjoni stabbli;

(i) ir-rikonoxximent u l-appoġġ tar-rwol tal-persuni li għexu għal żmien bla dar fit-titjib tal-fiduċja, tal-aċċess u tal-effettività tal-miżuri tas-servizzi ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-aċċess għall-inklużjoni soċjali u għall-akkomodazzjoni;

(j)il-miżuri maħsuba biex jipprevjenu u jindirizzaw l-istigmatizzazzjoni u l-prattiki diskriminatorji fl-aċċess għall-akkomodazzjoni, bħall-kriterji trasparenti għal-listi ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, it-taħriġ kontra l-preġudizzju għall-professjonisti tal-akkomodazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ għall-kerrejja li jiffaċċjaw diskriminazzjoni.

AĊĊESS GĦAL SOLUZZJONIJIET TA’ AKKOMODAZZJONI ADEGWATA U SIGURA

(7)L-Istati Membri huma rrakkomandati jixprunaw l-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, b’rispons għall-ħtiġijiet demografiċi, għan-nuqqasijiet lokali u għad-disparitajiet territorjali, b’mod partikolari billi:

(a)jippromwovu l-kundizzjonijiet ta’ kiri fit-tul għal sidien u kerrejja privati billi:

jiżguraw qafas legali li jiffaċilita l-użu mifrux ta’ kuntratti ta’ kiri fit-tul,

jippermettu, fejn xieraq, l-użu mmirat ta’ inċentivi fiskali u finanzjarji proporzjonati għas-sidien tal-kera biex joffru soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fit-tul, b’mod partikolari għall-familji u ż-żgħażagħ,

inaqqsu l-inċertezza legali u d-durata tal-proċeduri ta’ żgumbrament u

jibbilanċjaw l-istokk tal-bini għall-kiri fit-tul użat għall-finijiet ta’ kiri għal żmien qasir meta dan ikun debitament ġustifikat mill-kriżi tal-akkomodazzjoni;

(b)jinċentivaw l-investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati f’binjiet ġodda, jew fir-rinnovazzjoni jew fl-adattament għal skop differenti ta’ binjiet eżistenti biex jespandu l-istokk ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli;

(c)jippermettu u jappoġġaw il-mudelli ta’ akkomodazzjoni orjentati lejn l-affordabbiltà, inklużi l-akkomodazzjoni soċjali u pubblika, il-kooperattivi tal-akkomodazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi qligħ limitat, il-fondi fiduċjarji tal-art komunitarji, kif ukoll aġenziji oħra tal-kiri soċjali u approċċi oħrajn bi qligh limitat jew bla qligħ;

(d)jippromwovu u jżidu l-kunċetti innovattivi ta’ koabitazzjoni, bħall-ispazji tal-għajxien kondiviżi, l-akkomodazzjoni fi gruppi, il-koabitazzjoni u l-arranġamenti ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali, inkluż b’faċilitajiet kondiviżi u b’servizzi ta’ appoġġ, fejn rilevanti; u jiffaċilitaw l-mudelli ta’ akkomodazzjoni temporanji u tranżizzjonali għall-istudenti u ż-żgħażagħ, pereżempju, billi jqabblu l-istudenti mar-residenti f’abitazzjonijiet mhux użati biżżejjed;

(e)jissimplifikaw l-ippjanar nazzjonali, reġjonali u lokali u jippermettu proċeduri għall-kostruzzjoni aktar mgħaġġla tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jsegwu l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni spazjali, u jnaqqsu l-ostakli amministrattivi li jaffettwaw lill-fornituri tas-servizzi tal-kostruzzjoni li jappoġġaw il-kunsinna f’waqtha ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli ġdida, fejn meħtieġ, inkluż permezz tal-użu u tal-mobilizzazzjoni tal-art pubblika, filwaqt li jiżguraw li din tkun konnessa sew mas-servizzi u mal-attivitajiet soċjoekonomiċi essenzjali;

(f)isaħħu l-użu effiċjenti tal-istokk tal-akkomodazzjoni eżistenti, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-adattament għal skop differenti, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ bini eżistenti u billi jimmobilizzaw l-abitazzjonijiet u l-proprjetajiet pubbliċi vakanti, u jillimitaw kemm jista’ jkun it-twaqqigħ tal-bini bla bżonn;

(g)itejbu d-disponibbiltà tal-postijiet ta’ kenn u tal-akkomodazzjoni tranżizzjonali, u l-aċċess għalihom, sakemm ikun hemm disponibbli soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni permanenti;

(h)jiddedikaw sehem fiss ta’ żviluppi ġodda ta’ akkomodazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni lokali.

(8)Filwaqt li jikkomplementaw l-isforzi li jixprunaw l-provvista tal-akkomodazzjoni, l-Istati Membri huma rrakkomandati li jistabbilixxu oqfsa ta’ finanzjament u investiment adegwati, prevedibbli u sostenibbli fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri huma rrakkomandati wkoll li jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament u mill-għodod tal-UE disponibbli, inkluża l-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea li ġejja għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli mħabbra fil-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli 35 . Dawn il-miżuri jistgħu jgħinu biex jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi nazzjonali u tal-Unjoni u biex issir scale-up tas-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni fit-tul, inklużivi u affordabbli, inkluż billi:

(a)jiġu allinjati u kkoordinati r-riżorsi fil-politiki kollha dwar l-akkomodazzjoni, l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura fit-tul, ir-riġenerazzjoni urbana u r-rinnovazzjoni, sabiex jixprunaw l-koerenza u l-impatt tal-politika;

(b)jiġi żgurat li l-azzjoni appoġġata pubblikament tinkludi, fejn xieraq, kundizzjonijiet ċari dwar l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà, is-sostenibbiltà u l-allokazzjoni inklużiva tal-akkomodazzjoni u r-rabtiet mas-servizzi bbażati fil-komunità;

(c)jiġu implimentati mudelli ta’ finanzjament innovattivi, bħall-fondi rotanti, il-finanzjament imħallat u l-garanziji pubbliċi, sabiex tiġi appoġġata l-affordabbiltà fit-tul tal-provvista tal-akkomodazzjoni u jiġi mmobilizzat kemm il-kapital pubbliku kif ukoll dak privat għall-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali;

(d)jiġu skoraġġuti mġibiet spekulattivi fis-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi jitfasslu politiki ta’ tassazzjoni effettivi u tittejjeb it-trasparenza tas-suq;

(e)jiġu appoġġati l-iżvilupp tal-proġetti u l-assistenza teknika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u għall-fornituri tal-akkomodazzjoni limitati jew mingħajr skop ta’ qligħ;

(f)jiġu promossi sħubijiet pubbliċi-privati, inkluż mal-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, mal-impjegaturi, il-fornituri tal-akkomodazzjoni u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali biex jipprovdu akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, inklużi l-proġetti ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti, it-trainees u b’użu mħallat;

(g)jiżdiedu l-investimenti biex jiġu appoġġati l-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji u finanzjament imħallat fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni attwali, filwaqt li jintużaw il-flessibbiltajiet offruti fl-ambitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha, 36 sabiex jiġi riallokat il-finanzjament tal-UE lejn akkomodazzjoni affordabbli; u jiġu sfruttati r-regoli rieżaminati dwar l-għajnuna mill-Istat għas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali 37 , li fihom kategoriji maħsuba apposta għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.

(9)L-Istati Membri huma rrakkomandati li jappoġġaw lill-persuni li jesperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fl-aċċess u ż-żamma ta’ akkomodazzjoni stabbli permezz ta’:

(a)il-promozzjoni tal-aċċess għal akkomodazzjoni permanenti, f’konformità ma’ approċċ xprunat mill-akkomodazzjoni, finanzjament sostnut u koordinazzjoni transsettorjali tal-miżuri, inkluż aċċess għas-suq tax-xogħol u għal servizzi oħra;

(b)l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ appoġġ integrati adegwati u xierqa li mhux biss jindirizzaw it-tranżizzjoni lejn akkomodazzjoni adegwata u sigura, iżda wkoll iż-żamma tagħha. Dawn għandhom jinkludu appoġġ għat-tiftix tad-djar, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u appoġġ għall-aċċess u ż-żamma tal-impjiegi, assistenza finanzjarja u legali, taħriġ fil-ħiliet tal-ħajja u appoġġ ta’ segwitu sabiex jipprevjenu li l-individwi jerġgħu jesperjenzaw esklużjoni mill-akkomodazzjoni;

(c)iż-żieda tad-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adegwati għall-persuni li jesperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, b’mod partikolari l-ġenituri bit-tfal, u l-iżgurar li dawn jitqiesu u jingħataw prijorità fil-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali;

(d)l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju adegwat bħall-garanziji tal-kera, is-self b’imgħax baxx u l-benefiċċji tal-akkomodazzjoni, akkumpanjati minn gwida aċċessibbli dwar kif jinkiseb tali appoġġ u l-litteriżmu finanzjarju meħtieġ.

(10)L-Istati Membri huma rrakkomandati li jimplimentaw miżuri mmirati biex jappoġġaw liż-żgħażagħ b’introjtu baxx, inklużi l-istudenti, li jiffaċċjaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, li jistgħu jaġixxu bħala ostaklu għall-aċċess u t-tlestija ta’ programmi ta’ edukazzjoni għolja, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, traineeships jew apprendistat. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a)il-ħolqien u l-użu ta’ networks effettivi bejn is-servizzi tal-benesseri taż-żgħażagħ u s-servizzi ġenerali tal-benesseri soċjali biex jgħinu liż-żgħażagħ isibu soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adegwati li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-familja, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi tagħhom;

(b)iż-żieda fil-provvista tal-akkomodazzjoni affordabbli għall-istudenti qrib il-faċilitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għall-istudenti li qegħdin jagħmlu skambji ta’ mobbiltà tal-istudju jew internship barra mill-pajjiż;

(c)l-għoti ta’ gwida aċċessibbli u appoġġ prattiku sabiex jingħataw pariri u assistenza lill-individwi bid-drittijiet tal-kiri u l-proċeduri amministrattivi, inkluż permezz ta’ ċentri ta’ konsulenza f’istituzzjonijiet edukattivi;

(d)l-għoti ta’ inċentivi fiskali jew self b’imgħax baxx biex jgħinu lill-istudenti u liż-żgħażagħ b’mezzi finanzjarji limitati jiksbu akkomodazzjoni.

(11)L-Istati Membri huma rrakkomandati li jikkombinaw, fl-oqfsa strateġiċi nazzjonali tagħhom, politiki ċċentrati fuq il-persuna ma’ dawk ibbażati fuq il-post (bħall-ippjanar u r-riġenerazzjoni urbani, l-iżvilupp ekonomiku lokali u l-politiki tat-trasport) biex jevitaw id-diskrepanzi bejn l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-akkomodazzjoni affordabbli, b’mod partikolari f’oqsma fejn hemm postijiet tax-xogħol vakanti mhux mimlija.

(12)L-Istati Membri huma rrakkomandati li jieħdu miżuri biex jappoġġaw l-adattamenti tal-akkomodazzjoni għall-persuni b’diżabilità u/jew għall-anzjani bi bżonnijiet ta’ kura fit-tul, speċjalment dawk li qegħdin fil-periklu tal-faqar. Dan għandu jippermettilhom jgħixu fi djarhom għall-itwal żmien possibbli u jevitaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jitfasslu b’tali mod li jiġu evitati l-piżijiet sproporzjonati fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni.

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U GOVERNANZA    

(13)L-Istati Membri huma rrakkomandati li:

(a)jistabbilixxu mekkaniżmi mmirati ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, ibbażati fuq l-indikaturi tal-eżiti, biex jivvalutaw l-effettività tal-istrateġiji tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u l-għajxien bla dar u jipprevedu aġġustamenti tal-politika, fejn ikun hemm bżonn u mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv;

(b)jirrapportaw kull 5 snin lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ nazzjonali tagħhom u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)jiżguraw governanza effettiva f’diversi livelli u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-universitajiet, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-impjegaturi lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-ekonomija soċjali u l-fornituri tal-akkomodazzjoni;

(d)jissimplifikaw l-oqfsa legali u amministrattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi żgurat aċċess f’waqtu u ssimplifikat għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi relatati ta’ appoġġ soċjali, tas-saħħa, edukattivi, tal-impjiegi u bbażati fil-komunità;

(e)isaħħu l-kapaċità u l-kwalità tas-servizzi maħsuba biex jappoġġaw lill-persuni li jesperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, inkluż permezz ta’ taħriġ, allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u riżorsi adegwati għall-persunal li jipprovdi dawk is-servizzi;

(f)fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-politiki għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u tal-għajxien bla dar, jiżguraw l-involviment sinifikanti tal-persuni li esperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni u għexu bla dar, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment fil-livelli lokali, u tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, inklużi l-banek tal-ikel;

(g)jikkontribwixxu b’mod attiv għall-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar, bħala forum ewlieni għall-koordinazzjoni, għall-iskambju u għall-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, il-bini tal-evidenza, u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament, u f’sinerġija mill-qrib mal-flussi tax-xogħol tal-Alleanza Ewropea tal-Akkomodazzjoni;

(h)ikomplu jikkooperaw ma’ Stati Membri oħra, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi f’diversi livelli reġjonali biex jappoġġaw il-kondiviżjoni tal-għarfien, jippromwovu l-apprendiment reċiproku, jiżguraw il-kunsinna konsistenti ta’ servizzi, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tfassil u l-implimentazzjoni effettivi tal-politika fil-qasam tal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni;

(i)isaħħu l-kooperazzjoni mal-korpi konsultattivi tal-UE (il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew), sabiex itejbu l-apprendiment reċiproku, ir-rieżamijiet bejn il-pari u s-sinerġiji tal-politiki relatati mal-esklużjoni mill-akkomodazzjoni;

(j)jippromwovu l-involviment tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaqdu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni biex jiżguraw li l-politiki tal-UE jkunu jirriflettu r-realtajiet fil-prattika, inkluż permezz tal-involviment tal-persuni li esperjenzaw l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-istandards ta’ kwalità tal-akkomodazzjoni jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi sabiex dar titqies li hija abitabbli, sikura u legalment konformi. Dawn l-istandards, spiss infurzati permezz ta’ kodiċijiet tal-akkomodazzjoni lokali, jirrikjedu li d-djar jipprovdu stabbiltà strutturali, faċilitajiet sanitarji u sikurezza kontra n-nirien. Is-sigurtà legali tirreferi għad-dritt għaż-żamma tal-akkomodazzjoni tal-kerrejja.
(2)

   Dawn il-kategoriji huma parti mit-Tipoloġija Ewropea tal-Għajxien bla dar u l-Esklużjoni mill-Akkomodazzjoni (“ETHOS”). ETHOS ġiet żviluppata bħala qafas biex jittejbu l-fehim u l-kejl tal-għajxien bla dar fl-Ewropa u biex tiġi pprovduta “lingwa” komuni għall-iskambji tranżnazzjonali dwar l-għajxien bla dar. Il-klassifikazzjoni tal-ETHOS tinkludi s-sitwazzjonijiet kollha tal-għajxien li jammontaw għal forom tal-għajxien bla dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni.

(3)     OECD Affordable Housing Database | OECD
(4)    UE-SILC tfisser Statistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien. Dan huwa stħarriġ annwali armonizzat (mill-2003) imwettaq fl-Istati Membri tal-UE u f’xi pajjiżi mhux tal-UE biex tinġabar mikrodata komparattiva, multidimensjonali, lonġitudinali u trażversali rigward l-introjtu, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni.
(5)     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/SEPDF/cache/132338.pdf  
(6)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52021DC0345  
(7)    O’Sullivan, E., “Key Elements in Homelessness Strategies to End Homelessness by 2030”, School of Social Work and Social Policy, Trinity College Dublin, l-Irlanda. Mackie, P., “Preventive Measures against Homelessness and Housing Exclusion”, School of Geography and Planning, l-Università ta’ Cardiff, Wales, ir-Renju Unit. Pleace, N., “Social and healthcare services for homeless people”, Centre for Housing Policy, School for Business and Society, l-Università ta’ York, ir-Renju Unit.
(8)     OECD Toolkit to Combat Homelessness | OECD
(9)     OECD Monitoring Framework to Measure Homelessness | OECD
(10)     KU Leuven EU - Homelessness Counts
(11)    ETHOS Light huwa qafas Ewropew issimplifikat u armonizzat użat biex ikejjel l-għajxien bla dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, imfassal biex jidentifika diversi forom tal-għajxien bla dar.
(12)    Baptista, I., Perista, P. u Marlier, E. (2025). The fight against homelessness and its links with anti-poverty policies across the European Union. In-Network Ewropew għall-Analiżi tal-Politika Soċjali (ESPAN), il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, https://employment-social-affairs.ec.europa.eu/fight-against- homelessness-and-its-links-anti-poverty-policies-across-european-union_en#description .
(13)     https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list?module=treaty-detail&treatynum=163 .
(14)     Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .
(15)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal .
(16)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2023/C 41/01 tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva .
(17)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2023/1344 tas-27 ta’ Novembru 2023 dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali .
(18)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2021/C 93/01 tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom .
(19)    Ikkomplementata mill- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni COM/2020/620 final .
(20)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2022/C 476/01 tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja .
(21)     Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi .
(22)     Id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar (il-21 ta’ Ġunju 2021, Liżbona, il-Portugall).
(23)    Id-Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe dwar il-Futur tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (is-16 ta’ April 2024, La Hulpe, il-Belġju).
(24)     https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0314_MT.html?utm_source=chatgpt.com .
(25)     https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-10-2026-0064_MT.html
(26)     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/543 tat-22 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti u tal-kategorizzazzjonijiet tagħhom .
(27)     Opinjoni COR 2021/03911 tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni - L-eradikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea: il-perspettiva lokali u reġjonali
(28)     Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2023/01741 dwar “Lejn qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-persuni mingħajr dar ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ‘L-Akkomodazzjoni l-Ewwel’”  
(29)    Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026 – Kif adottat mill-Kunsill EPSCO fid-9 ta’ Marzu 2026 , l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2026.
(30)     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM/2025/1025 final: Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli
(31)     OECD Affordable Housing Database | OECD
(32)     Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.
(33)     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/543 tat-22 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-suġġetti u tal-kategorizzazzjonijiet tagħhom.
(34)     Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi .
(35)     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM/2025/1025 final: Il-Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli .
(36)     Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.  
(37)     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2630 tas-16 ta’ Diċembru 2025 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u li jħassar d-Deċiżjoni 2012/21/UE .
Top