Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0095

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius

COM/2026/95 final

Brussell, 3.3.2026

COM(2026) 95 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius

{SWD(2026) 68 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jiġi nnegozjat ma’ Mauritius Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, li jkun jissodisfa l-ħtiġijiet tal-flotta tal-Unjoni u li jkun f’konformità mal-Artikoli 28, 31 u 32 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) 1 u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS.

Is-sostituzzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPA, Fisheries Partnership Agreement) eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius bi Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA, Sustainable Fisheries Partnership Agreement) tkun tirrifletti aħjar il-bidliet li jirriżultaw mir-riforma tal-PKS tal-2013, b’mod partikolari l-enfasi akbar fuq is-sostenibbiltà.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-FPA attwali bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius 2 daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2014 għal durata ta’ 6 snin, u jiġġedded b’mod taċitu għal perjodi addizzjonali ta’ 3 snin. Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni 3 attwali ta’ 4 snin beda japplika fil-21 ta’ Diċembru 2022 u se jiskadi fil-21 ta’ Diċembru 2026. Jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd pprovduti lill-flotta tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti mħallsa mill-Unjoni u mis-sidien tal-bastimenti. B’dan qed jiġi rrakkomandat li jiġi nnegozjat Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma’ Mauritius.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja pubblika annwali tal-Unjoni dovuta lil Mauritius tammonta għal EUR 275 000 għall-aċċess, flimkien ma’ EUR 450 000 oħra allokati speċifikament għall-appoġġ settorjali għall-politika tas-sajd u għall-politiki relatati.

Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni attwali tal-FPA ma’ Mauritius jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għas-sajd għat-tonn u għall-ispeċijiet tal-ħut li jpassi ħafna għall-bastimenti tal-Unjoni minn erba’ Stati Membri (Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall).

L-SFPAs jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-objettivi tal-PKS fil-livell internazzjonali u jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jissejsu fuq l-istess prinċipji u standards li japplikaw skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-SFPAs irawmu l-kooperazzjoni xjentifika bejn l-UE u s-sħab tagħha, jippromwovu t-trasparenza u s-sostenibbiltà sabiex ir-riżorsi tas-sajd jiġu ġestiti aħjar u jsaħħu l-governanza billi jibnu l-kapaċità għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-flotot nazzjonali u barranin u billi jappoġġaw il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU, illegal, unreported and unregulated fishing) u biex jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd lokali. L-SFPAs jikkomplementaw strumenti oħra tal-Unjoni, inkluż l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument), fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali dwar il-ġestjoni tas-sajd, u jiddependu fuq opportunitajiet eżistenti bħat-taħriġ offrut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA, European Fisheries Control Agency). L-SFPAs isaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali tas-sajd: fil-każ ta’ Mauritius, b’mod partikolari fil-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC, Indian Ocean Tuna Commission) u fil-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA, Southern Indian Ocean Fisheries Agreement). L-Unjoni Ewropea diġà żviluppat network ta’ SFPAs bilaterali fl-Oċean Indjan, jiġifieri mas-Seychelles, u ma’ Madagascar.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma’ Mauritius huwa konformi mal-azzjoni esterna tal-Unjoni b’rabta mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP) u, b’mod partikolari mal-objettivi tal-Unjoni b’rabta mar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti jenħtieġ li tiġi żgurata min-negozjar mistenni ta’ klawżola soċjali skont il-Konvenzjoni C188 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO, International Labour Organisation) għall-ħaddiema mill-pajjiż sieħeb li jridu jiġu impjegati mill-bastimenti tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni hija pprovduta permezz tal-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE, Treaty on the Functioning of the European Union). Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE b’rabta mal-politika komuni dwar is-sajd.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli, il-politika tas-sajd hija qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-UE.

Proporzjonalità

Id-deċiżjoni hija proporzjonali mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza legali, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi l-Politika Komuni tas-Sajd.

Għażla tal-istrument

L-istrument huwa previst skont l-Artikolu 218(3) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2025 il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni attwali tal-FPA ma’ Mauritius, kif ukoll evalwazzjoni ex ante tat-tiġdid possibbli tal-Ftehim u tal-Protokoll attwali. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni huma mogħtija b’mod separat f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-setturi tas-sajd tal-Unjoni huma interessati ferm fis-sajd f’Mauritius u li n-negozjar ta’ Ftehim ġdid u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu huwa fl-interess taż-żewġ partijiet. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jenfasizza wkoll diskrepanza fl-aħħar Protokoll bejn l-għadd ta’ opportunitajiet tas-sajd offruti u l-użu tagħhom. Kwalunkwe Protokoll futur jenħtieġ li jnaqqas l-għadd ta’ opportunitajiet tas-sajd offruti, li jenħtieġ li jirriżulta fi tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja skont il-Protokoll. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-Protokoll jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tas-sajd fir-reġjun.

Għall-Unjoni, huwa importanti li jinżamm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali profonda ma’ Mauritius, li huwa attur strateġiku fir-reġjun minħabba ż-żona tas-sajd taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu u alleat importanti fil-qafas tal-IOTC. Għall-istrateġiji tal-qbid tal-flotta tal-Unjoni, dan ifisser li jinżamm l-aċċess għal żona tas-sajd importanti skont qafas legali internazzjonali pluriennali. Barra minn hekk, l-importanza ta’ Mauritius f’termini tal-ipproċessar tat-tonn maqbud fl-Oċean Indjan u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti tat-tonn lejn l-Unjoni tikkontribwixxi għar-rilevanza tal-Protokoll il-ġdid previst, kemm għal Mauritius kif ukoll għall-industrija tas-sajd tal-Unjoni. Għall-awtoritajiet ta’ Mauritius, ir-relazzjonijiet kontinwi mal-Unjoni jgħinu wkoll biex tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani, minħabba l-appoġġ iddedikat tal-Unjoni li jipprevedi opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali għal dan is-settur.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bħala parti mill-evalwazzjoni ġew ikkonsultati l-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u s-soċjetà ċivili ta’ Mauritius. Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-laqgħat tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Id-direttivi ta’ negozjar, proposti bħala anness tad-deċiżjoni, jinkludu klawżola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni l-ġdid ikun jinkludi l-pagament ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lil Mauritius. Jeħtieġ li l-allokazzjonijiet baġitarji relatati (l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament) jiġu inklużi kull sena fil-linja baġitarja għall-SFPAs (08 05 01) u jkunu kompatibbli mal-ipprogrammar finanzjarju tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 4 għall-2022-2027. L-ammonti annwali għall-impenji u għall-pagamenti huma stabbiliti fil-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-linja ta’ riżerva għall-protokolli li ma daħlux fis-seħħ fil-bidu tas-sena 5 .

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

In-negozjati huma mistennija li jinfetħu fil-bidu tat-tieni kwart tal-2026.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

Il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ u twettaq negozjati għall-iffirmar u għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma’ Mauritius;

Il-Kummissjoni tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE f’dan il-qasam;

Il-Kummissjoni twettaq in-negozjati b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

Il-Kunsill jindirizza d-direttivi ta’ negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi jenħtieġ li jinfetħu negozjati ma’ Mauritius bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja ma’ Mauritius, f’isem l-Unjoni, Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Politika Esterna tas-Sajd.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(2)     http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/146/oj
(3)     http://data.europa.eu/eli/prot/2022/2585/oj
(4)    L-Artikolu 20 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 28-46) eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:433I:FULL
(5)    Il-Kapitolu 40 (il-linja ta’ riżerva 30 02 02) skont il-ftehim interistituzzjonali dwar il-QFP (2013/C 373/01).
Top

Brussell, 3.3.2026

COM(2026) 95 final

ANNESS

ta’

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius








{SWD(2026) 68 final}


ANNESS

Direttivi tan-negozjati

L-objettiv tan-negozjati huwa l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA, Sustainable Fisheries Partnership Agreement) bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius u Protokoll għall-implimentazzjoni ta’ dak l-SFPA (Protokoll ta’ Implimentazzjoni) f’konformità mal-Artikoli 28, 31 u 32 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd 1 u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Jenħtieġ li l-SFPA u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu jiddefinixxu l-qafas ġenerali tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius kif ukoll il-modalitajiet tal-kooperazzjoni ma’ Mauritius fil-qasam tas-sajd.

Sabiex jiġi promoss is-sajd sostenibbli u responsabbli filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi għall-UE u għal Mauritius, jenħtieġ li l-objettivi tan-negozjati tal-Kummissjoni jkunu bbażati fuq l-elementi li ġejjin:

·L-istabbiliment ta’ qafas stabbli għall-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tas-sajd sostenibbli;

·L-iżgurar tal-aċċess għaż-żona tas-sajd ta’ Mauritius u l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-bastimenti tal-flotta tal-Unjoni biex jistadu f’dik iż-żona, u b’hekk jiġi estiż in-network ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli li l-operaturi tal-Unjoni jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Oċean Indjan;

·L-ikkunsidrar tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO, Regional Fisheries Management Organisations) sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd jimmiraw esklużivament lejn ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali, u filwaqt li titqies b’mod speċjali n-natura migratorja ħafna tal-istokkijiet ikkonċernati;

·It-tfittix biex jinkiseb sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd li jkun konformi mal-interessi tal-flotot tal-Unjoni, f’każ li jkun hemm flotot barranin oħra interessati f’dawn ir-riżorsi wkoll;

·It-tfittix tal-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha;

·L-iżgurar li l-aċċess għas-sajd jissejjes kemm fuq l-attività storika tal-flotta tal-Unjoni f’dan ir-reġjun kif ukoll fuq l-attività li din mistennija jkollha fih fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli u l-aktar reċenti u tal-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni;

·L-istabbiliment ta’ djalogu biex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, b’rabta mal-objettivi tal-iżvilupp ta’ Mauritius, b’mod partikolari rigward (i) il-governanza tas-sajd, (ii) l-azzjoni ta’ infurzar u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, (iii) il-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, (iv) l-għoti ta’ pariri xjentifiċi, (v) id-drittijiet tax-xogħol tas-sajjieda u (vi) it-trawwim ta’ investiment privat u ta’ attività ekonomika għall-benefiċċju tal-flotta tal-UE u tal-popolazzjoni lokali. Dawn l-isforzi se jikkomplementaw strumenti oħra tal-Unjoni (inkluż l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali);

·L-iżgurar li l-Protokoll se jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO, International Labour Organization). B’mod partikolari, il-klawżola soċjali jenħtieġ li tindika li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol tas-sajjieda abbord il-bastimenti tal-UE ma għandhomx ikunu f’kontradizzjoni mal-istrumenti applikabbli għas-sajjieda tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u tal-ILO, b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol (1998), kif emendata fl-2022, u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 188 dwar ix-Xogħol tas-Sajd;

·Il-promozzjoni ta’ involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li jirriżultaw mill-SFPA;

·L-inklużjoni ta’ klawżola dwar il-konsegwenzi f’każ li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem (inkluż id-drittijiet tax-xogħol) u l-prinċipji demokratiċi;

·L-inklużjoni ta’ klawżola dwar in-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti, u dwar it-trasparenza.

B’mod partikolari, il-Protokoll jenħtieġ li jistabbilixxi:

·l-opportunitajiet tas-sajd li jridu jingħataw lill-bastimenti tal-Unjoni;

·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet għall-pagament tiegħu; kif ukoll

·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
Top