IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.2.2026
COM(2026) 63 final
2026/0041(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-għan tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (minn hawn ’il quddiem: “il-Konvenzjoni tal-1980”), sa issa rratifikata minn 103 pajjiżi, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, huwa li jerġa’ jkun hemm l-istatus quo permezz tar-ritorn fil-pront ta’ minuri li jitneħħew jew jinżammu b’mod illeċitu permezz ta’ sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Partijiet Kontraenti tagħha.
Minħabba li l-prevenzjoni tal-ħtif ta’ minuri hija parti essenzjali mill-politika tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, l-Unjoni Ewropea hija attiva fil-livell internazzjonali biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1980 u tinkoraġġixxi Stati terzi biex jaderixxu magħha.
Cabo Verde ddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 fl-4 ta’ Ottubru 2022. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f’Cabo Verde fl-1 ta’ Jannar 2023.
L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.
Fl-Opinjoni 1/13, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tkopri l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.
Il-Qorti insistiet fuq il-ħtieġa għall-uniformità dwar il-kwistjoni fil-livell tal-UE, biex tiġi evitata ġeometrija varjabbli fost l-Istati Membri.
Minħabba li l-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri taqa’ fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni dwar jekk tiġix aċċettata l-adeżjoni ta’ Cabo Verde għandha tittieħed fil-livell tal-UE permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill. B’hekk, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jiddepożitaw id-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni dwar l-adeżjoni ta’ Cabo Verde fl-interess tal-Unjoni Ewropea.
L-aċċettazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tagħmel il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 applikabbli bejn Cabo Verde u l-Istati Membri tal-UE minbarra d-Danimarka.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
F’dak li jirrigwarda l-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri, il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 hija l-kontroparti internazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2019/1111 (magħruf bħala r-Regolament Brussell IIb), li huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri.
Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament huwa li jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ minuri minn Stat Membru għall-ieħor billi jistabbilixxi proċeduri biex jiġi żgurat ir-ritorn fil-pront tal-minuri lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Għal dan l-għan, ir-Regolament Brussell IIb jinkludi fil-Kapitolu III l-proċedura stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 u jikkumplementaha billi jiċċara xi aspetti tagħha, b’mod partikolari s-smigħ tal-minuri, il-perjodu ta’ żmien biex tittieħed deċiżjoni wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-ritorn, u r-raġunijiet li ma jsirx ir-ritorn tal-minuri.
Fil-livell internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni tal-1980 sabiex l-Istati Membri tagħha jibbażaw ruħhom fuq qafas legali komuni biex jittrattaw il-ħtif internazzjonali ta’ minuri.
Bejn Ġunju 2015 u Diċembru 2022 diġà ġew adottati 22 Deċiżjoni tal-Kunsill sabiex tiġi aċċettata l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ta’ 30 pajjiż terz (il-Marokk, Singapore, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, l-Armenja, ir-Repubblika tal-Korea, il-Każakistan, il-Perù, il-Georgia, l-Afrika t’Isfel, iċ-Ċilì, l-Iżlanda, il-Bahamas, il-Panama, l-Urugwaj, il-Kolombja, El Salvador u San Marino, ir-Repubblika Dominicana, il-Belarussja, l-Użbekistan, il-Honduras, l-Ekwador u l-Ukrajna, il-Ġamajka, il-Bolivja, il-Filippini u t-Tuneżija).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija marbuta b’mod ċar mal-objettiv ġenerali minqux fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal. Is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 hija mfassla biex tipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara ta’ ħtif mill-ġenituri u biex tiżgura li l-minuri jkunu jistgħu jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, pereżempju billi tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ aċċess. Tajjeb li tissemma’ wkoll ir-rabta mal-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni fis-soluzzjoni ta’ tilwim familjari transfruntier.
Id-Direttiva dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali tapplika wkoll għal-liġi tal-familja fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew komuni. Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 tinkoraġġixxi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ tilwim familjari. Waħda mill-Gwidi għall-Prattika Tajba skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, ippubblikata mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, hija ddedikata għall-użu tal-medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim familjari internazzjonali li jikkonċerna lill-minuri, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, minbarra fl-Ingliż u fil-Franċiż, din il-Gwida ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE, u anki fl-Għarbi biex jiġi sostnut id-djalogu ma’ Stati li għadhom ma rratifikawx/aderewx mal-Konvenzjoni u tingħata għajnuna biex jinstabu mezzi konkreti kif jiġu indirizzati l-problemi maħluqa mill-ħtif internazzjonali ta’ minuri.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
F’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, id-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni hija parti kostitwenti minn ftehim internazzjonali konkluż mal-Istat aderenti.
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut ta’ ftehim internazzjonali li għandu jiġi konkluż. Minħabba l-fatt li l-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 huma li jiskoraġġixxu l-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri, u għalhekk is-suġġett huwa l-liġi tal-familja, il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 81(3) TFUE. L-Artikolu 81(3) TFUE jipprevedi li l-miżuri li jikkonċernaw il-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transfruntiera għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.
Peress li l-Artikolu 81 TFUE huwa l-bażi legali sostantiva, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Konvenzjoni tal-1980 wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 218(6), il-punt (b), TFUE.
Skont l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, TFUE, il-Kunsill jaġixxi b’unanimità meta l-ftehim ikopri qasam li għalih tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, TFUE.
L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2019/1111 (ir-Regolament Brussell IIb) u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Mhux Applikabbli
•Proporzjonalità
Din il-proposta hija mfassla fuq il-mudell tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li diġà ġew adottati dwar l-istess suġġett u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ azzjoni koerenti tal-UE fil-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri billi tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 f’perjodu ta’ żmien stabbilit.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija ppreżentata f’konformità tal-Artikolu 218(6) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress minn din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ikkonsultati mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Materji ta’ Dritt Ċivili dwar ir-rieda tagħhom li jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, taw opinjoni favorevoli.
•Ġbir u użu ta’ għarfien espert
Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, id-Delegazzjoni tal-UE f’Cabo Verde u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u d-Dipartiment Ċentrali tal-Kooperazzjoni u l-Liġi Komparattiva maħtur bħala Awtorità Ċentrali skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980.
•Valutazzjoni tal-impatt
Rigward it-22 Deċiżjoni tal-Kunsill, li diġà ġew adottati bejn l-2015 u l-2022, li jikkonċernaw l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ diversi Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt speċifika.
Madankollu, il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ġie eżaminat permezz tat-tweġibiet mogħtija minn Cabo Verde għall-kwestjonarju tal-UE u t-tlestija tal-kwestjonarju għall-pajjiżi aderenti ġodda żviluppat mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
Matul id-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Materji ta’ Dritt Ċivili, irriżulta li l-esperjenzi ta’ xi Stati Membri (pereżempju l-Portugall) mas-sistema legali ta’ Cabo Verde huma pożittivi. Fil-fatt, id-dipendenza fuq ir-relazzjonijiet konvenzjonali mal-Istati Membri tal-UE hija meqjusa importanti ħafna mill-awtoritajiet f’Cabo Verde. Qafas legali komuni mal-Istati Membri kollha tal-UE, li huwa rrappreżentat mill-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, jgħin fit-trattament u r-riżoluzzjoni ta’ każijiet transfruntiera ta’ ħtif.
L-azzjonijiet ta’ taħriġ huma ppjanati f’kooperazzjoni mal-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż, Partijiet għall-Konvenzjoni (il-Portugall u l-Brażil). L-UNICEF se tkun involuta wkoll fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet ta’ The Hague dwar it-Tfal.
Dan l-aħħar Cabo Verde aderixxa wkoll mal-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u mal-Konvenzjoni tal-2007 dwar l-Appoġġ għat-Tfal u s-sistema legali tiegħu, ir-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ebda oġġezzjoni li jittrattaw l-adeżjonijiet ma’ dawn il-Konvenzjonijiet. Il-valutazzjoni wasslet għall-konklużjoni li ma għandha titqajjem ebda oġġezzjoni kontra l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u mal-Konvenzjoni tal-2007 dwar l-Appoġġ għat-Tfal.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli
•Drittijiet fundamentali
Il-ħtif mill-ġenituri jmur direttament kontra d-drittijiet tat-tfal, b’mod partikolari d-dritt li jkunu protetti u d-dritt li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri. Bl-istabbiliment ta’ qafas legali li jipprova jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri u jagħti lill-minuri l-opportunità li jinstemgħu, il-Konvenzjoni tal-1980 irrispettat id-drittijiet tat-tfal, li huma drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC, United Nations Convention on the Rights of the Child). Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi dan il-qafas legali bejn Cabo Verde u l-Istati Membri tal-UE.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ma għandha ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Mhux applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Mhux applikabbli
2026/0041 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)L-Unjoni stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni ta’ minuri kontra t-tneħħija jew iż-żamma b’mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.
(2)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 għandu l-għan li jipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara tat-tneħħija jew iż-żamma b’mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn fil-pront tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess u tad-drittijiet ta’ kustodja.
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1111 jikkomplementa u jirrinforza lill-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (“il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta’ obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati Kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn fil-pront ta’ minuri mneħħija jew miżmuma b’mod illeċitu.
(4)L-Istati Membri kollha huma parti għall-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980.
(5)L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi jaderixxu mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.
(6)Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri u stati terzi jista’ jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri.
(7)Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.
(8)Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista’ taderixxi mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980, u lanqas ma tista’ tiddepożita dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ Stat aderenti.
(9)Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 jaqgħu fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.
(10)Cabo Verde ddepożita l-istrument tiegħu ta’ adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 fl-4 ta’ Ottubru 2022. Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 daħlet fis-seħħ għal Cabo Verde fl-1 ta’ Jannar 2023.
(11)Valutazzjoni tas-sitwazzjoni f’Cabo Verde wasslet għall-konklużjoni li l-Istati Membri jinsabu f’pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni ta’ Cabo Verde skont it-termini tal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980.
(12)Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Cabo Verde fl-interess tal-Unjoni f’konformità mat-termini stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
(13)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2019/1111 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(14)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.
2. L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard minn … [tnax-il xahar wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni] jiddepożitaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, li għandha tiġi fformulata kif ġej: “[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara/tiddikjara li jaċċetta/taċċetta l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE)...
3.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Cabo Verde u għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
(1)QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri
Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Ġustizzja
Objettiv(i)
Objettiv(i) ġenerali
Din il-proposta għandha l-objettiv li tawtorizza lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, f’konformità mal-Opinjoni 1/13 tal-QĠUE biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fil-livell internazzjonali u dak Ewropew.
Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
L-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-UE biex jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Cabo Verde mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.
Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri tkun applikabbli bejn l-Istati Membri kollha (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) u Cabo Verde.
Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
M/A
Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:
☑
azzjoni ġdida
☐
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
☐
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
☐
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
M/A
Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell tal-UE (ex ante)
L-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru tal-UE tikkonforma ma’ inizjattivi preċedenti tal-istess tip b’segwitu għall-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din taqa’ fil-kompetenza esterna esklużiva tal-UE skont l-Artikolu 3(2) TFUE. L-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u b’hekk hija kompetenza esklużiva min-natura tagħha, li mhijiex soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Valur miżjud tal-UE li mistenni jiġi ġġenerat (ex post)
Ir-rispett għat-Trattati tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiġi żgurat.
Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Din hija t-23 proposta tal-istess tip.
Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.
Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.
Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha
☐
durata limitata
☐
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
☐
impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
☐
durata mhux limitata
Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
☐
Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
☐
mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
☐
mill-aġenziji eżekuttivi
☐
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
☐
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit:
☐
lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
☐
lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
☐
lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
☐
lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
☐
lill-korpi tad-dritt pubbliku;
☐
lill-korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
☐
lill-korpi rregolati mid-dritt privat ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
☐
lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u identifikati fl-att bażiku rilevanti
☐
lill-korpi stabbiliti fi Stat Membru, irregolati mid-dritt privat ta’ Stat Membru jew mid-dritt tal-Unjoni u eliġibbli biex jiġu fdati, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur, bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni jew ta’ garanziji baġitarji, sa fejn tali korpi jkunu kkontrollati minn korpi tad-dritt pubbliku jew minn korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, u jkunu pprovduti b’garanziji finanzjarji adegwati fil-forma ta’ responsabbiltà in solidum mill-korpi kontrollanti jew b’garanziji finanzjarji ekwivalenti, li jistgħu, għal kull azzjoni, ikunu limitati għall-ammont massimu tal-appoġġ tal-Unjoni.
Kummenti
[...]
MIŻURI TA’ ĠESTJONI
Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
M/A
Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
M/A
Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
M/A
Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
[...]