This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52026AB0010
Opinion of the European Central Bank of 13 March 2026 on a proposal for a regulation as regards the simplification of the implementation of harmonised rules on artificial intelligence (CON/2026/10)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-13 ta’ Marzu 2026 dwar proposta għal regolament fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (CON/2026/10)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-13 ta’ Marzu 2026 dwar proposta għal regolament fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (CON/2026/10)
CON/2026/10
ĠU C, C/2026/2285, 15.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2285/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2285 |
15.4.2026 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-13 ta’ Marzu 2026
dwar proposta għal regolament fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali
(CON/2026/10)
(C/2026/2285)
Introduzzjoni u bażi legali
Fid-19 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2024/1689 u (UE) 2018/1139 fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (Omnibus Diġitali dwar l-IA) (1) (minn hawn’ il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar ir-regolament propost. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost jinkludi dispożizzjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti tal-BĊE li jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 17.5, l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
|
1.1. |
Fl-2021, il-BĊE rċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal, u adotta opinjoni dwar il-proposta oriġinali għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (2). |
|
1.2. |
Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tar-regolament propost li jippromwovi l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-suq intern billi jissimplifika u jirrazzjonalizza l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (minn hawn’ il quddiem l-“Att dwar l-IA”). Il-BĊE jirrikonoxxi l-importanza li jiġi stabbilit qafas regolatorju aċċessibbli speċifiku għas-sistemi tal-IA filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni konsistenti u ta’ livell għoli tal-interessi pubbliċi fir-rigward tas-saħħa, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-importanza ta’ użu affidabbli u etikament sod tal-intelliġenza artifiċjali (IA), kif stipulat fl-Att dwar l-IA u fir-regolament propost (4). B’mod partikolari, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiddependu dejjem aktar kemm fuq sistemi tal-IA li għandhom riskju għoli kif ukoll fuq sistemi tal-IA bi skop ġenerali, huwa essenzjali qafas simplifikat biex tiġi żgurata l-konformità mal-Att dwar l-IA u mal-liġi bankarja tal-Unjoni. |
|
1.3. |
Minn perspettiva superviżorja prudenzjali, l-istabbiliment ta’ perkorsi ta’ innovazzjoni mfassla tajjeb jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jesperimentaw b’mod sikur b’soluzzjonijiet tal-IA f’ambjenti kkontrollati, filwaqt li jiżguraw l-identifikazzjoni bikrija ta’ riskji potenzjali. Tali perkorsi jappoġġaw kemm il-progress teknoloġiku fis-settur bankarju kif ukoll il-kapaċità tal-BĊE li jivvaluta l-impatti potenzjali fuq ir-reżiljenza operazzjonali, ir-riskju tal-mudell u l-governanza tad-data tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
|
1.4. |
Il-BĊE jifhem li r-regolament propost ma jimponix obbligi addizzjonali fuq il-BĊE fil-kapaċità tiegħu bħala superviżur prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u l-BĊE lanqas ma jeħtieġ li japplika l-Att dwar l-IA fis-superviżjoni tiegħu. Madankollu, minħabba s-superviżjoni tal-BĊE tar-riskju tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u l-fatt li ċerti rekwiżiti skont l-Att dwar l-IA jistgħu jkunu replika ta’, jew jiġu indirizzati permezz ta’, konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, il-koordinazzjoni mill-qrib u l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu regolati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (minn hawn’ il quddiem is-“CRD”) huma essenzjali biex jiġu żgurati superviżjoni konsistenti u l-applikazzjoni effettiva tal-Att dwar l-IA fir-rigward ta’ tali liġijiet li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
2. Kompetenzi istituzzjonali u setgħat superviżorji
|
2.1. |
Skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (6) (minn hawn’ il quddiem ir-“Regolament MSU”), il-Kunsill ikkonferixxa lill-BĊE kompiti speċifiċi li jikkonċernaw politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu, bil-ħsieb li jikkontribwixxi, inter alia, għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u kull Stat Membru (7). Il-mandat tal-BĊE huwa limitat għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-BĊE jifhem li l-valutazzjonijiet tal-konformità (8), l-identifikazzjonijiet tal-ksur (9) u l-infurzar tal-Att dwar l-IA (10) jikkostitwixxu kompiti tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mhumiex parti mill-mandat superviżorju prudenzjali tal-BĊE (11). |
|
2.2. |
Minkejja l-mandat ristrett tal-BĊE f’dan il-qasam, l-Att dwar l-IA jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq, li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu regolati li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), għandhom jirrapportaw, mingħajr dewmien, lill-BĊE kwalunkwe informazzjoni identifikata matul l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq li tista’ tkun ta’ interess potenzjali għall-kompiti superviżorji prudenzjali tal-BĊE (12). |
3. Skambju ta’ informazzjoni superviżorja
|
3.1. |
Istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma fornituri jew implimentaturi ta’ sistemi li għandhom riskju għoli jitqiesu li jikkonformaw ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-IA meta jikkonformaw ma’ obbligi simili skont il-liġi tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji (13). Il-BĊE jilqa’ dan il-prinċipju, li jipprevjeni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jiffaċċjaw rapportar doppju u fehmiet superviżorji konfliġġenti potenzjali. Madankollu, kif indikat fil-paragrafu 2.1, il-BĊE ma għandux mandat ta’ sorveljanza tas-suq skont l-Att dwar l-IA u, b’mod ġenerali, is-superviżuri bankarji ma għandhomx l-istess mandat u prijoritajiet superviżorji bħall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Att dwar l-IA. Dan ifisser li, b’mod ġenerali, superviżuri prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux se jirrieżaminaw jew ma jistgħux jirrieżaminaw ir-rekwiżiti u jieħdu azzjoni dwar ksur skont l-Att dwar l-IA. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-sorveljanza tal-applikazzjoni tal-Att dwar l-IA, superviżuri bankarji bħall-BĊE għandhom għalhekk ikunu jistgħu jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma rilevanti għal dawk l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. |
|
3.2. |
Il-qafas attwali primarjament jipprevedi lill-BĊE bħala riċevitur ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (14). Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Att dwar l-IA, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u tkun żgurata sorveljanza tas-suq u superviżjoni prudenzjali effettiva u koordinata, ir-regolament propost għandu jinkludi bażi legali espliċita li tippermetti lill-BĊE, fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien u soġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali, jikkondividi informazzjoni superviżorja prudenzjali rilevanti mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-sorveljanza tas-suq li jissorveljaw istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma rregolati skont is-CRD u li jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-BĊE. Jenħtieġ li jiġi introdott ukoll arranġament simili għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Mingħajr bażi legali ċara bħal din, mhuwiex ċar kif il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet superviżorji prudenzjali (15) tista’ possibbilment tiġi implimentata fil-prattika. Il-BĊE jara wkoll mertu fl-estensjoni għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni bankarja (u għalhekk mhux parti mill-MSU) tad-dmir li jirrapportaw lill-BĊE u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni bankarja kwalunkwe informazzjoni identifikata matul l-attivitajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-suq li tista’ tkun ta’ interess potenzjali għall-kompiti superviżorji prudenzjali tal-BĊE u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni bankarja (16). Bażi legali għal tali kondiviżjoni tal-informazzjoni tista’ tintuża, pereżempju, għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju jew il-governanza tas-sistemi tal-IA użati minn istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni, jew għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jkollha impatt fuq il-profil tar-riskju tagħhom. |
4. Kamp ta’ applikazzjoni u klassifikazzjoni tal-mudelli u każijiet ta’ użu
|
4.1. |
Huwa importanti għall-parteċipanti fis-suq, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-IA għall-valutazzjoni tal-kreditu, li jkunu jafu liema tekniki jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ sistema tal-IA (17) u liema ma jaqgħux, kif ukoll liema tekniki jitqiesu bħala “li għandhom riskju għoli” skont l-Att dwar l-IA. |
|
4.2. |
Kjarifika ulterjuri tkun xierqa, b’mod partikolari billi jiġu esklużi b’mod espliċitu l-mudelli lineari ġeneralizzati (eż. rigressjonijiet lineari jew loġistiċi) mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-Att dwar l-IA ta’ sistemi tal-IA li għandhom riskju għoli, meta jintużaw għall-valutazzjoni tal-kreditu (18), minħabba l-livell għoli ta’ spjegabbiltà u trasparenza tagħhom (19). Tali kjarifika tista’ tiġi riflessa fl-Att dwar l-IA (20), u fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ sistema ta’ intelliġenza artifiċjali stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1689 (21). |
|
4.3. |
F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li l-mudelli lineari ġeneralizzati, inkluża r-rigressjoni lineari u loġistika, huma intrinsikament interpretabbli u trasparenti (22). It-tħaddim tagħhom jista’ jiġi spjegat bis-sħiħ permezz ta’ sett limitat u stabbli ta’ parametri, li l-influwenza tagħhom fuq l-eżiti tista’ tiġi vvalutata bl-użu ta’ għodod statistiċi stabbiliti sew. Konsegwentement, tali mudelli ma jurux il-karatteristiċi tal-“black-box” li jirfdu r-rekwiżiti msaħħa ta’ governanza u mitigazzjoni tar-riskju tal-Att dwar l-IA, li huma primarjament imfassla biex jindirizzaw l-isfidi ppreżentati minn sistemi kumplessi, mhux lineari jew ta’ awto-tagħlim (23), li għalihom il-qafas legali attwali jista’ ma jkunx xieraq (24). Barra minn hekk, minn perspettiva ta’ proporzjonalità u ċertezza legali, l-inklużjoni ta’ mudelli lineari ġeneralizzati, meta jintużaw bħala tekniki statistiċi awtonomi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-Att dwar l-IA ta’ sistemi tal-IA li għandhom riskju għoli ma jikkontribwixxux materjalment għat-tnaqqis tar-riskji assoċjati ma’ dawn il-mudelli. Minflok, dan joħloq piżijiet ta’ konformità bla bżonn, b’mod partikolari f’setturi finanzjarji regolati bħas-settur bankarju fejn tali mudelli huma stabbiliti sew, użati b’mod wiesa’ u diġà soġġetti għal governanza prudenzjali estensiva u skrutinju superviżorju. It-trattament ta’ dawk l-algoritmi b’mod ugwali għal metodi ta’ mmudellar aktar kumplessi u ġodda użati għall-għoti ta’ punteġġ tal-kreditu jkun f’kuntrast mal-objettiv ta’ simplifikazzjoni ddikjarat tar-regolament propost. Il-BĊE jqis li tkun ġustifikata kjarifika ulterjuri biex il-mudelli lineari ġeneralizzati jiġu esklużi b’mod espliċitu mid-definizzjoni ta’ sistemi tal-IA li għandhom riskju għoli skont l-Att dwar l-IA, mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn tali mudelli jiffurmaw parti minn sistemi tal-IA aktar kumplessi li jirrikjedu valutazzjoni tar-riskju olistika. |
|
4.4. |
L-att dwar l-IA jiċċara li s-sistemi tal-IA previsti mil-liġi tal-Unjoni għal finijiet prudenzjali biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti kapitali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (magħrufa bħala “mudelli interni”) ma għandhomx jitqiesu li għandhom riskju għoli (25). Fl-istess ħin, is-sistemi tal-IA maħsuba biex jevalwaw l-affidabbiltà kreditizja ta’ persuni fiżiċi jew biex jistabbilixxu l-punteġġ tal-kreditu tagħhom għandhom jitqiesu li għandhom riskju għoli skont l-Att dwar l-IA (26). Madankollu, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) (minn hawn’ il quddiem is-“CRR”), il-mudelli interni għandhom ikollhom rwol essenzjali fil-proċess tal-approvazzjoni tal-kreditu u konsegwentement huma interkonnessi mill-qrib ma’ mudelli ta’ evalwazzjoni tal-kreditu (28). Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni li fiha s-superviżuri prudenzjali, li jivvalutaw il-mudell intern, u l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq, li jivvalutaw il-mudell tal-punteġġ tal-kreditu, jipprovdu gwida differenti u potenzjalment konfliġġenti fis-superviżjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, il-BĊE jtenni li huma meħtieġa koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u s-superviżuri prudenzjali biex titrawwem l-applikazzjoni konsistenti ta’ rekwiżiti li jikkoinċidu skont l-Att dwar l-IA u s-CRR, u biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jirrikonoxxi li, anke bi skambju xieraq ta’ informazzjoni, il-kawża ewlenija tal-kwistjoni ta’ rekwiżiti potenzjalment konfliġġenti ma tiġix solvuta kompletament. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżuri tagħhom jiffaċċjaw proċess kumpless sabiex jiżguraw li l-mudell intern tal-istituzzjoni ta’ kreditu jikkonforma mas-CRR u, b’mod parallel, mal-Att dwar l-IA, filwaqt li jitqies ukoll li s-superviżur prudenzjali u l-awtorità kompetenti tas-sorveljanza tas-suq x’aktarx jivvalutaw kull mudell f’mument differenti. |
|
4.5. |
Fl-aħħar nett, koordinazzjoni msaħħa bejn il-linji gwida tal-Kummissjoni u l-gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-IA u s-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja tgħin biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi bla bżonn u tappoġġa qafas superviżorju koerenti. |
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, qed tiġi prevista proposta ta’ abbozzar speċifika f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta’ Marzu 2026.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2025) 836 finali.
(2) Opinjoni CON/2021/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Diċembru 2021 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (ĠU C 115, 11.3.2022, p.5).
(3) Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).
(4) Ara l-premessa 1 tal-Att dwar l-IA u l-premessa 1 tar-regolament propost.
(5) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).
(6) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1024/oj).
(7) Ara l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament dwar l-MSU.
(8) Artikolu 5(6) u l-Artikoli 46 u 60 tal-Att dwar l-IA.
(9) Artikoli 73, 74, 75, 76 u 80, u l-Artikolu 83(1) tal-Att dwar l-IA.
(10) Artikolu 79(5) sa (9), Artikoli 81 u 82, Artikolu 83(2) u Artikoli 85 u 99 tal-Att dwar l-IA.
(11) Ara l-paragrafi 2.1.4 u 2.1.5 tal-Opinjoni CON/2021/40.
(12) Artikolu 74(7) tal-Att dwar l-IA.
(13) Artikolu 26(5) u (6) tal-Att dwar l-IA.
(14) Ara l-Artikolu 74(7) tal-Att dwar l-IA.
(15) Ara l-premessa 158 tal-Att dwar l-IA.
(16) 16 Ara l-Artikolu 74(7), it-tieni paragrafu tal-Att dwar l-IA.
(17) Artikolu 3, il-punt (1), tal-Att dwar l-IA.
(18) Ara l-Anness III tal-Att dwar l-IA.
(19) Dwar dan il-punt, ara wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2025 dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali fuq is-settur finanzjarju (2025/2056 (INI)), disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew fuq www.europarl.europa.eu.
(20) Pereżempju, fl-Anness III tal-Att dwar l-IA.
(21) Ara, pereżempju, il-paragrafu 42 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ sistema ta’ intelliġenza artifiċjali stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1689 (Att dwar l-IA) (C(2025) 5053 finali).
(22) Bank Nazzjonali tal-Belġju, Rapport dwar l-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju u s-Servizzi ta’ Pagament (“Financial Market Infrastructures and Payment Services Report”), 2019, pp. 64–65, disponibbli fuq is-sit web tal-NBB fuq www.nbb.be; F. Pérez-Cruz et al., It-Trattament ta’ spjegazzjonijiet: kif ir-regolaturi jistgħu jindirizzaw l-ispjegabbiltà tal-IA (“Managing explanations: how regulators can address AI explainability”), fid-Dokument Okkażjonali tal-Istitut għall-Istabbiltà Finanzjarja Nru 24, 2025, p. 15, disponibbli fuq is-sit web tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org.
(23) J. Tejero, L-iżvelar ta’ mudelli black-box: studju ta’ każ dwar ir-riskju tal-kreditu (“Unwrapping black-box models: a case study in credit risk”) fir-Revista de Estabilidad Financiera, 43, 2022, pp. 96 et seq. Disponibbli fuq is-sit web tal-Banco de España fuq www.bde.es.
(24) Il-BĊE jeskludi wkoll il-mudelli ta’ rigressjoni lineari ġeneralizzati mill-aspettattivi aktar stretti applikabbli għal mudelli aktar kumplessi użati għall-kalkoli tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. Ara l-Gwida tal-BĊE għall-Mudelli Interni, para. 31, fn. 35, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu.
(25) Premessa 58 tal-Att dwar l-IA.
(26) Ara l-Anness III tal-Att dwar l-IA.
(27) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).
(28) Ara l-Artikolu 144(1), punt (b) tas-CRR.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2285/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)