Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025SC0193

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT […] Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE fir-rigward taż-żieda ta’ sustanzi u l-iffissar ta’ valuri ta’ limitu fl-Annessi I, III u IIIa tagħha

SWD/2025/193 final

Brussell, 18.7.2025

SWD(2025) 193 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

[…]

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE fir-rigward taż-żieda ta’ sustanzi u l-iffissar ta’ valuri ta’ limitu fl-Annessi I, III u IIIa tagħha

{COM(2025) 418 final} - {SEC(2025) 217 final} - {SWD(2025) 191 final} - {SWD(2025) 192 final}


1.Ħtieġa li tittieħed azzjoni

1.1.Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

1 Il-kanċer għadu l-ewwel kawża ta’ mewt relatata max-xogħol fl-UE, segwit mill-mard kardjovaskulari. Kull sena, skont l-istimi, madwar 80 000 persuna fl-UE jitilfu ħajjithom minħabba esponiment għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol.

2 3 Sabiex ittejjeb il-prevenzjoni tal-mard okkupazzjonali fl-UE, il-Kummissjoni twettaq aġġornament kontinwu tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi riprotossiċi (“CMRD, Carcinogens, Mutagens and Reprotoxic Substances Directive”). Dan il-proċess ta’ reviżjoni jikkontribwixxi biex titnaqqas ulterjorment il-prevalenza tal-mard okkupazzjonali fl-UE billi tittejjeb il-prevenzjoni, objettiv ewlieni tal-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 (“il-qafas strateġiku tal-UE dwar l-OSH”).

Għal din is-sitt reviżjoni tas-CMRD, il-Kummissjoni, wara diskussjonijiet mal-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH, Advisory Committee on Safety and Health at Work), tat prijorità għal azzjoni possibbli lil dawn il-ħames sustanzi, gruppi ta’ sustanzi jew sustanzi ġġenerati minn proċess:

·L-iffissar ta’ valuri ta’ limitu għal: il-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt, l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (“PAHs, polycyclic aromatic hydrocarbons”), il-1,4-diossan, u l-isopren; u

·Inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMRD permezz tal-Anness I tagħha: id-dħaħen tal-iwweldjar.

Skont l-evidenza miġbura 4 , aktar minn 2,6 miljun ħaddiem fl-UE huma esposti għal waħda minn dawn il-ħames sustanzi. F’każ li ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, dan jirriżulta f’aktar minn 29 000 każ ta’ kanċer tal-pulmun u f’27 000 każ ta’ mard ieħor li mhux kanċer 5 matul l-40 sena li ġejjin.

Il-ħaddiema, in-negozji u l-Istati Membri huma affettwati b’mod partikolari mill-prevenzjoni insuffiċjenti tal-esponiment okkupazzjonali għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, għall-PAHs, għall-1,4-diossan u għad-dħaħen tal-iwweldjar. Min-naħa l-oħra, l-evidenza miġbura tindika li l-ħaddiema huma esposti għal livelli ta’ isopren li huma aktar baxxi mill-valur ta’ limitu bbażat fuq is-saħħa 6 derivat mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (“RAC, Risk Assessment Committee”) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“ECHA, European Chemicals Agency”) fl-opinjoni tiegħu 7 , li jissuġġerixxi li l-prevenzjoni kurrenti tal-esponiment okkupazzjonali għall-isopren hija biżżejjed.

1.2.X’mistennija tikseb l-inizjattiva?

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tikkonforma mal-obbligi legali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMRD relatati mal-iffissar ta’ valuri ta’ limitu, u li tipprevjeni l-imwiet u l-mard relatati max-xogħol, f’konformità mat-tieni objettiv ewlieni tal-qafas strateġiku tal-UE dwar l-OSH. Din l-inizjattiva għandha l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

·Li ttejjeb ulterjorment il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, għall-PAHs u għall-1,4-diossan fl-UE permezz tal-adozzjoni mill-impjegaturi ta’ miżuri tal-immaniġġjar tar-riskji xierqa;

·Li żżid iċ-ċarezza u l-effettività tas-CMRD billi tinżamm aġġornata mal-aħħar data xjentifika li tippermetti l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu;

·Li tiffaċilita l-implimentazzjoni, u tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi aħjar għall-operaturi ekonomiċi billi tadotta rekwiżiti minimi fil-livell tal-UE li japplikaw għan-negozji kollha, irrispettivament mill-post fejn ikunu jinsabu; u

·Sabiex ikun hemm aktar ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMRD fir-rigward tad-dħaħen tal-iwweldjar sabiex in-negozji jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju obbligatorja u, jekk il-ħaddiema x’aktarx ikunu esposti għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi riprotossiċi skont il-valutazzjoni tar-riskju, japplikaw ir-rekwiżiti kollha.

1.3.X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?

Billi taġixxi fil-livell tal-UE, din l-inizjattiva se:

·ittejjeb iċ-ċarezza u l-infurzar: l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu għal sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi addizzjonali se jipprovdi punti ta’ referenza komuni li jintużaw bħala għodda prattika mill-impjegaturi, mill-ħaddiema u mill-awtoritajiet tal-infurzar biex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti ġenerali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri mingħajr valuri ta’ limitu eżistenti. Iż-żieda tad-dħaħen tal-iwweldjar fl-Anness I tas-CMRD se tikkontribwixxi wkoll biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-possibbiltà li dawn id-dħaħen huma ta’ periklu għall-ħaddiema, u għalhekk in-nuqqas ta’ miżuri tal-immaniġġjar tar-riskji (RMMs, Risk Management Measures) xierqa.

·tiżgura livell minimu simili ta’ protezzjoni madwar l-UE kollha: il-valuri ta’ limitu nazzjonali għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, għall-PAHs u għall-1,4-diossan ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, fejn jeżistu. Pereżempju, il-valuri ta’ limitu nazzjonali għall-kobalt ivarjaw minn 10 sa 500 µg/m³ għal dawk l-Istati Membri li għandhom dawn il-valuri. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni fil-livell tal-UE, x’aktarx li jippersistu livelli differenti ħafna ta’ protezzjoni tal-ħaddiema.

·Kontribuzzjoni għal kundizzjonijiet ekwi: il-kostijiet tal-konformità ma’ livelli nazzjonali aktar baxxi huma ġeneralment ogħla u għalhekk jinvolvu vantaġġ kompetittiv għall-intrapriżi li joperaw fi swieq bl-ebda valur ta’ limitu nazzjonali jew b’valuri bħal dawn inqas stretti. L-iffissar ta’ valuri ta’ limitu tal-UE jgħin biex jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-industrija billi jnaqqas il-portata għal diverġenzi u jtejjeb iċ-ċertezza li hemm definizzjoni ewlenija jew valur ta’ limitu infurzabbli fl-Istati Membri kollha. Se jnaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja li tirriżulta minn regoli diverġenti ħafna bejn l-Istati Membri, u b’hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-konformità għan-negozji li joperaw fis-suq uniku kollu.

·Tnaqqas il-piżijiet relatati mad-derivazzjoni tal-valuri ta’ limitu: il-proċess tal-istabbiliment tal-valuri ta’ limitu huwa kumpless ħafna u jirrikjedi livell għoli ta’ għarfien espert xjentifiku, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt u diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati (skont il-prattiki nazzjonali). Vantaġġ importanti tal-iffissar tal-OELs fil-livell tal-UE huwa li jelimina l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi tagħhom stess, inkluża l-valutazzjoni xjentifika, b’iffrankar sostanzjali probabbli fuq il-kostijiet amministrattivi.

2.Għażliet ta’ politika

2.1.X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

2.1.1.Sustanzi prijoritizzati għall-iffissar ta’ valuri ta’ limitu

Għal kull sustanza soġġetta għall-iffissar ta’ valuri ta’ limitu (kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, PAHs u 1,4-diossan), li bħalissa ma għandha l-ebda valur ta’ limitu vinkolanti fil-livell tal-UE 8 , ġew identifikati diversi għażliet ta’ politika għall-valuri ta’ limitu. Dawn l-għażliet ta’ politika dejjem jinkludu l-valuri ta’ limitu derivati mill-RAC (esperti xjentifiċi), meta dawn ikunu jeżistu, u dawk rakkomandati mill-ACSH tripartitiku (partijiet ikkonċernati).

Barra minn hekk, jintgħażlu punti ta’ referenza rilevanti oħra bħala għażliet ta’ politika biex tiġi żgurata firxa wiesgħa ta’ livelli għall-valutazzjoni. Dawn l-għażliet ta’ politika addizzjonali kienu bbażati l-aktar fuq il-metodoloġija l-ġdida li tistabbilixxi valuri ta’ limitu bbażati fuq ir-riskju għal karċinoġeni mingħajr valur ta’ limitu 9 u l-valuri ta’ limitu nazzjonali eżistenti.

Fir-rigward tal-isopren, l-evidenza miġbura tindika li l-livelli kurrenti u futuri tal-esponiment tal-ħaddiema diġà huma aktar baxxi mill-valur ta’ limitu bbażat fuq is-saħħa derivat mill-RAC fl-opinjoni tiegħu. Minkejja l-appoġġ unanimu tar-rappreżentanti min-negozji, mill-ħaddiema u mill-Istati Membri fl-ACSH għall-iffissar ta’ valur ta’ limitu għall-isopren, azzjoni fil-livell tal-UE għat-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema ma tidhirx meħtieġa. Għalhekk, ma ġiet ikkunsidrata l-ebda għażla ta’ politika għal din is-sustanza speċifika.

2.1.2.Dħaħen tal-iwweldjar, sustanza ġġenerata minn proċess soġġetta għall-inklużjoni fl-Anness I tas-CMRD

L-evidenza miġbura 10 tindika li xi impjegaturi ma humiex konxji li l-proċessi tal-iwweldjar tagħhom jistgħu jirrilaxxaw dħaħen li fihom il-karċinoġeni, il-mutaġeni jew is-sustanzi riprotossiċi. Għalhekk, dawn l-impjegaturi jistgħu jinjoraw sa liema punt l-esponiment għad-dħaħen tal-iwweldjar huwa perikoluż għall-ħaddiema tagħhom. Minħabba dik ir-raġuni, l-għażla ta’ politika kkunsidrata għad-dħaħen tal-iwweldjar hija li jiġu inklużi fl-Anness I tas-CMRD sabiex tittejjeb iċ-ċarezza legali u titqajjem kuxjenza dwar il-possibbiltà li d-dħaħen tal-iwweldjar huma perikolużi.

2.1.3.Għażliet ippreferuti

Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, il-valuri ta’ limitu rrakkomandati mill-ACSH inżammu bħala għażliet ippreferuti għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tal-kobalt, għall-PAHs, għall-1,4-diossan u għad-dħaħen tal-iwweldjar, peress li jirrappreżentaw l-aħjar bilanċ f’termini ta’ effettività, effiċjenza u koerenza.

2.2.Min jappoġġa liema għażla?

Fil-qafas tal-konsultazzjoni formali f’żewġ stadji, is-sħab soċjali appoġġaw il-lista ta’ sustanzi li għandhom jiġu indirizzati fis-sitt reviżjoni tas-CMRD. Il-gvernijiet, l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-ACSH jappoġġaw l-għażliet ippreferuti għall-kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, għall-PAHs, għall-1,4-diossan u għad-dħaħen tal-iwweldjar, inklużi l-perjodi ta’ tranżizzjoni proposti biex jiġu mmitigati l-isfidi tekniċi jew ekonomiċi għall-impjegaturi fir-rigward tal-kobalt u l-komposti inorganiċi tiegħu, u l-PAHs.

3.Impatti tal-għażla ppreferuta

3.1.X’inhuma l-benefiċċji tal-għażliet ippreferuti?

Fir-rigward tal-ħaddiema, l-għażliet ippreferuti għall-4 sustanzi huma mistennija jipprevjenu madwar 1 700 każ ta’ kanċer tal-pulmun u 19 000 każ ta’ mard li mhux kanċer matul l-40 sena li ġejjin. Dawn il-każijiet ta’ mard evitati jirrappreżentaw iffrankar li jammonta għal EUR 1,16 biljun 11 .

L-għażliet ippreferuti jirriżultaw ukoll f’benefiċċji għan-negozji f’termini ta’ tnaqqis tal-assenteiżmu, telf fil-produttività u pagamenti tal-assigurazzjoni għal madwar EUR 7 miljun matul l-40 sena li ġejjin. Il-benefiċċji stmati għan-negozji ma jinkludux xi impatti pożittivi bħaċ-ċarezza legali mtejba. Barra minn hekk, l-għażliet preferuti jġibu wkoll benefiċċji għall-awtoritajiet pubbliċi f’termini ta’ ffrankar tal-kostijiet relatati mal-infiq fuq il-kura tas-saħħa li jammonta għal EUR 26,65 miljun u kostijiet evitati tal-iffissar ta’ valuri ta’ limitu abbażi tal-proċessi nazzjonali, li jirrappreżentaw sa EUR 3,75 miljun.

3.2.X’inhuma l-kostijiet tal-għażliet ippreferuti?

Il-kostijiet ta’ aġġustament totali għan-negozji mġarrba mill-għażliet ippreferuti fuq perjodu ta’ 40 sena jammontaw għal EUR 3,3 biljun. Fin-nuqqas ta’ evidenza, ma huwiex possibbli li l-kostijiet ta’ aġġustament jiġu bbilanċjati f’investimenti f’RMMs addizzjonali (l-ewwel sena u rikorrenti) u kostijiet ta’ waqfien. Madankollu, huwa mistenni li l-perjodu ta’ tranżizzjoni pprovdut mill-pakkett ta’ għażliet ippreferuti għall-kobalt u għall-komposti inorganiċi tiegħu u għall-PAHs se jirriżulta f’inqas każijiet ta’ waqfien meta mqabbel ma’ xenarju bl-istess valuri ta’ limitu mingħajr l-ebda perjodu ta’ tranżizzjoni, li għalih ġew stmati 209 każijiet ta’ waqfien. Għalhekk, il-kostijiet ta’ waqfien għandhom ikunu ħafna inqas mill-EUR 2,6 biljun mistennija mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, in-negozji se jkollhom bżonn ukoll jappoġġaw il-kostijiet ta’ monitoraġġ u dawk amministrattivi li jammontaw għal madwar EUR 535 miljun fuq perjodu ta’ 40 sena. B’mod ġenerali, il-kostijiet totali għan-negozji li jirriżultaw mill-għażliet ippreferuti jammontaw għal madwar EUR 3,8 biljun matul l-istess perjodu. Għall-biċċa l-kbira tan-negozji, dawn il-kostijiet jirrappreżentaw inqas (u spiss ħafna inqas) minn 1 % tal-fatturat tagħhom. Ta’ min jinnota li l-istimi relatati mal-għadd ta’ każijiet ta’ waqfien x’aktarx li jkunu sopravalutati.

B’mod ġenerali, il-pakkett ta’ għażliet ippreferuti jiswa lill-awtoritajiet pubbliċi madwar EUR 66 miljun fuq perjodu ta’ 40 sena, li minnhom aktar minn 95 % huma relatati mal-kostijiet ta’ aġġustament, ta’ monitoraġġ u amministrattivi relatati mal-protezzjoni tal-pumpiera mill-esponiment għall-PAHs. Il-5 % li jifdal huma relatati mal-kostijiet ta’ traspożizzjoni.

3.3.Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Is-sehem tal-kostijiet ta’ konformità meta mqabbel mal-fatturat jew mal-prodott operatorju gross huwa ogħla għall-SMEs milli għal kumpaniji kbar li joperaw fl-istess settur. Għalhekk, l-SMEs x’aktarx li jkunu aktar affettwati mill-pakkett ta’ għażliet ippreferuti meta mqabbla ma’ intrapriżi akbar.

Barra minn hekk, l-SMEs huma aktar probabbli li jesperjenzaw waqfien minn kumpaniji akbar. Għalhekk, il-miżuri tranżizzjonali pprovduti mill-pakkett ta’ għażliet ippreferuti se jkunu aktar ta’ benefiċċju għall-SMEs milli għall-kumpaniji l-kbar. L-SMEs se jkollhom aktar żmien biex jippjanaw l-investimenti tagħhom, li għandhom inaqqsu wkoll l-għadd ta’ każijiet ta’ waqfien meta mqabbel mal-istess pakkett ta’ għażliet mingħajr perjodi ta’ tranżizzjoni.

Għalhekk, l-impatt fuq l-SMEs, għalkemm akbar milli fuq kumpaniji akbar, għandu jibqa’ limitat. Il-miżuri tranżizzjonali jikkontribwixxu biex jevitaw l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet finanzjarji b’mod li jfixkel il-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs.

3.4. Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

B’mod ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi huma mistennija jonfqu EUR 66 miljun fuq perjodu ta’ 40 sena (madwar EUR 1,65 miljun fis-sena). Fil-livell tal-Istati Membri, dawn il-kostijiet x’aktarx li jkollhom impatti limitati fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-kostijiet se jiġu mmitigati mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-għażliet ippreferuti (madwar EUR 30 miljun), b’mod partikolari relatati mal-iffrankar tal-kostijiet tal-kura tas-saħħa.

3.5.Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Il-pakkett ta’ għażliet ippreferuti jaf ikollu xi impatti indiretti negattivi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika jew fuq it-tranżizzjoni diġitali minħabba każijiet ta’ waqfien f’setturi ewlenin, bħall-impjanti tal-kokk, metallurġija oħra mhux tal-ħadid, id-distillazzjoni tal-qatran tal-faħam u l-manifattura tal-elettrodi tal-grafit u tal-karbonju. Dawn is-setturi għandhom rwol ewlieni għall-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, il-manifattura ta’ infrastrutturi ekoloġiċi u l-manifattura ta’ semikondutturi. Madankollu, ir-riskju ta’ waqfien huwa mistenni li jiġi mmitigat mill-miżuri tranżizzjonali pprovduti fil-pakkett ta’ għażliet ippreferuti, b’mod partikolari l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-PAHs. Għalhekk, l-impatt indirett ġenerali fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali għandu jkun limitat.

4.Segwitu

4.1.Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-effettività tar-reviżjoni proposta tas-CMRD se titkejjel fil-qafas tal-evalwazzjoni tad-Direttivi tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kif previst fl-Artikolu 17a tad-Direttiva 89/391/KEE 12 .

(1)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, COM/2021/323 final

(2)

Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50-76

(3)

COM/2021/323 final, op. cit.

(4)

RPA (2024), Study on collecting the most recent information on substances to analyse health, socio-economic and environmental impacts in connection with possible amendments of Directive 2004/37/EC on the protection of workers from the risks related to exposure to carcinogens, mutagens or reprotoxic substances at work.

(5)

4 365 marda restrittiva tal-pulmun, 14 152 irritazzjoni tal-passaġġi tal-arja ta’ fuq, 38 każ ta’ tossiċità tal-iżvilupp, 3 157 każ ta’ infertilità fl-irġiel, 633 każ ta’ effetti fuq il-fwied, 497 każ ta’ effetti fuq il-kliewi u 4 381 każ ta’ effetti fil-kavità nażali

(6)

Livell ta’ esponiment li jitqies sikur (ibbażat fuq is-saħħa) għal sustanza kimika fl-arja ta’ post tax-xogħol.

(7)

RAC (2022), Opinion on scientific evaluation of occupational exposure limits for isoprene, disponibbli fuq: 11c4dd13-2117-8cd1-83d6-44fc9e591b8f (europa.eu)

(8)

Il-1,4-diossan għandu valur ta’ limitu ta’ 73 mg/m3 stabbilit fid-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi. Madankollu, dan il-valur ta’ limitu huwa indikattiv, mhux vinkolanti. Wara r-riklassifikazzjoni reċenti tal-UE tal-1,4-diossan bħala karċinoġenu, issa dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CMRD u jirrikjedi l-iffissar ta’ valur ta’ limitu vinkolanti.

(9)

DĠ EMPL (2023), Methodology establishing risk-based limit values for non-threshold carcinogens, for the purposes of Article 1 (18a) of Directive 2004/37/EC, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=27151&langId=en  

(10)

RPA (2024), op. cit.

(11)

L-applikazzjoni tal-valuri tad-WTP (rieda tal-ħlas) għal kull każ (= metodu 1).

(12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1-8 

Top