IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2025
COM(2025) 550 final
2025/0550(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-programm “AgoraEU” għall-perjodu 2028–2034, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818
{SEC(2025) 547 final} - {SWD(2025) 550 final} - {SWD(2025) 551 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-UE hija komunità ta’ valuri. Valuri minquxin fl-istorja u fl-identità tal-Ewropa, u ankrati fit-Trattat tal-UE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), dawn huma valuri komuni għall-Istati Membri kollha, u jinkludu d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u l-pluraliżmu, bid-diversità kulturali, il-libertà tal-espressjoni, inkluż il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u artistiċi, li huma minquxin ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
Il-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini, it-trasparenza u l-kontabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt ilkoll jikkontribwixxu għall-vitalità tad-demokrazija Ewropea. Il-midja taqdi rwol kruċjali fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u fid-dibattitu ħieles. Il-kontenut awdjoviżiv u l-forom l-oħra kollha ta’ espressjonijiet artistiċi, kulturali u kreattivi, inkluż il-wirt kulturali, huma essenzjali għad-diversità tal-Ewropa u biex ikollna soċjetajiet reżiljenti u li jifhmu lil xulxin. Lil hinn mill-valur intrinsiku u l-impatt soċjali tagħhom, dawn huma muturi b’saħħithom għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi, u s-setgħa tal-persważjoni, li jagħmluhom essenzjali għall-futur tal-Ewropa.
L-importanza ta’ intervent finanzjarju tal-UE f’dawn l-oqsma hija minħabba l-abbiltà tagħhom li jrawmu governanza inklużiva u parteċipattiva, jiffaċilitaw ċittadinanza infurmata u attiva, iħarsu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, jippromwovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u jiċċelebraw id-diversità kulturali u t-tipi kollha ta’ espressjonijiet artistiċi. Is-setturi kreattivi u tal-midja b’saħħithom tal-Ewropa, l-industrija awdjoviżiva tagħna u r-rikkezza tal-kulturi u l-patrimonju tagħna huma importanti għall-identità tagħna. Madankollu, dawn l-oqsma ta’ politika jsibu sfidi serji li jeħtieġu rispons ħolistiku tal-Unjoni.
Il-valuri tal-Unjoni qed ikollhom pressjonijiet interni u esterni, fosthom sfidi għall-istat tad-dritt, inugwaljanzi, diskriminazzjoni, ksur tad-drittijiet fundamentali, tnaqqis tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, u tnawwir tal-fiduċja fil-proċessi demokratiċi. Għad hemm bosta inugwaljanzi strutturali u għadhom jippersistu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, ħafna drabi espressi bir-razziżmu u b’forom oħra ta’ intolleranza. Fil-frattemp, ir-rwol tradizzjonali tal-għaqdiet indipendenti tas-soċjetà ċivili li jibbilanċjaw dawn ix-xejriet qed ikollu jitħabat ma’ tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju u politiku.
L-industriji tal-midja Ewropej huma xempju ta’ kwalità u kreattività, iżda llum qed ikollhom jikkompetu ma’ pjattaformi online dinjin għall-attenzjoni taċ-ċittadini u l-konsumaturi. Iċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut awdjoviżiv tal-UE għadha frammentata fuq linji nazzjonali, u atturi minn barra l-UE qed jiddominaw ħafna mill-abbonamenti tal-box office u tal-istreaming. Filwaqt li l-industrija tal-videogames firxet bażi soda fil-kultura diġitali kontemporanja (aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-UE tilgħab il-videogames regolarment), is-suq tal-videogames tal-Unjoni għadu ddominat ħafna minn kompetituri dinjin. Fl-aħħar nett, l-integrità tal-ispazju tal-informazzjoni tinsab f’riskju minħabba t-tixrid tad-diżinformazzjoni u t-tkabbir tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni barranija u l-interferenza minn atturi ostili, bħar-Russja. It-theddid kontra l-pluraliżmu tal-midja jkompli jaggrava b’fenomeni bħall-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja. Fl-istess waqt, il-midja tal-aħbarijiet qed iġġarrab tnaqqis fid-dħul mir-reklamar u fil-bejgħ, għax il-kompetituri diġitali qed jaħtfu sehem dejjem akbar tad-dħul u sawru d-drawwiet tal-konsum. Minħabba dawn il-fatturi kollha, il-vijabbiltà tal-midja tinsab taħt pressjoni.
Il-kultura u s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi fl-Unjoni huma frammentati wkoll fuq linji nazzjonali u lingwistiċi, frott id-diversità rikka tagħna. Dan jillimita l-kollaborazzjoni artistika tranżnazzjonali, l-ilħuq tal-udjenzi, l-iżvilupp ta’ prattiki innovattivi, kif ukoll ir-reżiljenza u l-potenzjal tas-setturi għall-kompetittività, u t-tisħiħ tal-benesseri tas-soċjetà. Il-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jsibuha diffiċli biex jaħdmu lil hinn mill-fruntieri tagħhom u biex ikollhom opportunitajiet u jaċċessaw swieq ġodda, u dan ikompli jżid l-iżbilanċi ġeografiċi u jnaqqas iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej. Il-mobbiltà u l-kooperazzjoni transfruntieri limitati qed ixekklu n-networking, l-ekonomiji ta’ skala, l-akkumulu tal-għarfien espert, u l-kokreazzjoni, li lkoll huma kruċjali għas-sostenn tal-karrieri u għal setturi kulturali u kreattivi b’saħħithom. Fil-frattemp, il-wirt kulturali għani tal-Ewropa qed jaffaċċja theddid minħabba taħlita ta’ restrizzjonijiet baġitarji, vulnerabbiltà għat-tniġġis, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, kif ukoll miżapproprjazzjoni jew qerda.
Fl-aħħar nett, is-setturi soċjetali, kreattivi, kulturali u tal-midja għandhom dipendenzi teknoloġiċi komuni u għalhekk jistgħu jibbenefikaw minn attivitajiet komuni. Dawn huma affettwati minn dgħufijiet finanzjarji, ostakli fl-aċċess għall-finanzi, diffikultajiet fl-użu u fl-adozzjoni tal-innovazzjoni applikata, nuqqas ta’ adattament għal settijiet ġodda ta’ ħiliet, u t-trasformazzjoni diġitali. Sadanittant, il-ġganti tat-teknoloġija minn barra l-UE qed jinfluwenzaw dejjem aktar ix-xenarju ċiviku, tal-midja u kulturali, u jsawru l-konsum tal-kontenut b’rakkomandazzjonijiet algoritmiċi, distribuzzjoni awtomatizzata u kontenut iġġenerat bl-IA.
Dawn huma sfidi ta’ natura tranżnazzjonali li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv mingħajr soluzzjonijiet, koordinazzjoni, tmexxija u appoġġ konġunti fil-livell tal-UE. L-azzjonijiet tal-UE jistgħu jgħinu biex jippermettu l-kooperazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet, u t-tagħlim reċiproku, kif ukoll biex jottimizzaw u jikkombinaw il-potenzjal ta’ dawn is-setturi biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp tas-soċjetà u d-diversità kulturali.
L-appoġġ tal-UE biex jingħelbu l-isfidi li qed jaffettwaw il-kultura, il-midja, u l-ugwaljanza, iċ-ċittadini, id-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni ngħata minn diversi programmi tal-finanzjament tul is-snin. Fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, l-appoġġ għall-kultura, is-setturi kulturali u kreattivi, u l-industriji awdjoviżivi ħadet ħsiebu Ewropa Kreattiva, bl-objettivi li tħares, tiżviluppa u tippromwovi d-diversità u l-patrimonju kulturali u lingwistiċi Ewropej, u li tikkontribwixxi għall-kompetittività ta’ dawn is-setturi, b’mod partikolari tas-settur awdjoviżiv. Fil-frattemp, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fit-Trattati, fil-Karta u fil-konvenzjoni internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem kienu primarjament is-suġġett tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV). Is-CERV appoġġa l-ħidma ta’ bosta għaqdiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż fl-għeruq tas-soċjetà, li huma impenjati favur il-ħarsien u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni. L-appoġġ tal-Unjoni għal xi oqsma, bħall-midja tal-aħbarijiet u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, kien frammentat bi programmi differenti. Il-fergħa transettorjali ta’ Ewropa Kreattiva kienet tinkludi azzjonijiet speċifiċi dwar il-pluraliżmu tal-midja, il-litteriżmu fil-midja, u l-kollaborazzjonijiet tal-midja, filwaqt li l-fergħa tal-azzjonijiet ta’ Multimedia għenet fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar temi tal-UE. Sal-lum, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni qed jiffinanzjaha Ewropa Diġitali
Il-proposta tal-QFP 2028-2034 għandha l-għan li tindirizza l-“kumplessitajiet, id-dgħjufijiet u r-riġiditajiet” li għandu l-baġit attwali tal-UE, u tipprovdi qafas aktar iffokat, aktar sempliċi, b’inqas programmi u b’impatt akbar. Għal din ir-raġuni, u biex jiżdiedu l-flessibbiltajiet u l-abbiltajiet tal-baġit li jirreaġixxi għar-realtajiet ġodda u l-problemi emerġenti, din il-proposta timmira li tissimplifika l-intervent tal-UE fl-oqsma tal-kultura, il-midja u l-ugwaljanza, iċ-ċittadini, id-drittijiet u l-valuri, filwaqt li tibni fuq ir-rabtiet u s-sinerġiji meta rilevanti, b’rispett lejn is-singularità u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn l-oqsma ta’ politika.
Fil-qasam tal-ugwaljanza, iċ-ċittadini, id-drittijiet u l-valuri, il-proposta se tikkontribwixxi għad-difiża tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, it-tnaqqis fid-diskriminazzjoni u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili. Il-programm il-ġdid se jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza fuq it-tfal u gruppi oħra f’riskju. Barra minn hekk, se jikkontribwixxi biex jissaħħu r-reżiljenza demokratika u l-parteċipazzjoni demokratika.
Il-midja hija mutur tal-valuri demokratiċi, tad-diversità kulturali u tat-tkabbir ekonomiku. Is-settur tal-midja jinkludi fost l-oħrajn ċertu kontenut bħal pereżempju l-films, is-sensiliet, il-videogames, l-aħbarijiet u l-informazzjoni, ir-realtà immersiva u l-multimidja, kif ukoll servizzi bħal pereżempju il-wirjiet teatrali, ix-xandir televiżiv u tar-radju, il-pubblikazzjoni stampata u online, il-videos u l-podcasts online. Biex ikunu soċjalment rilevanti, l-industriji awdjoviżivi u tal-midja jeħtieġ ikunu reżiljenti u kompetittivi. Il-proposta se tappoġġa spazju tal-midja u awdjoviżiv liberu, kompetittiv u varjat. Minn naħa, din se ttejjeb il-produzzjoni, iċ-ċirkolazzjoni, l-isfruttament tal-proprjetà intellettwali u l-konsum tax-xogħlijiet awdjoviżivi u forom oħra ta’ kontenut tal-midja, bħal-logħob. U min-naħa l-oħra, din se tikkontribwixxi biex jitħarsu l-vijabbiltà u l-pluraliżmu tas-suq tal-informazzjoni, b’mod partikolari billi tappoġġa l-indipendenza tal-midja u tal-kmamar tal-aħbarijiet, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali. Se tikkontribwixxi wkoll biex tindirizza d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin.
Il-kultura u s-setturi kulturali u kreattivi huma assi kbar għall-Ewropa, u fix-xena dinjija jipproġettaw l-immaġni ta’ kontinent dinamiku. Permezz tal-arti tal-ispettaklu, il-pubblikazzjoni tal-letteratura u tal-kotba, il-mużika u l-arti viżiva, il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja’ u d-disinn artistiċi, fost l-oħrajn, dawn joħolqu tifsiriet b’diversi mezzi u bosta formati. L-intervent tal-UE fil-qasam tal-kultura se jgħin biex jiżdiedu l-kreazzjoni kulturali, il-kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni kulturali u l-aċċessibbiltà transfruntieri għal diversità ta’ espressjonijiet kulturali Ewropej u għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali. Il-proposta se tgħin ukoll biex jiżdiedu ċ-ċirkolazzjoni ta’ diversità ta’ xogħlijiet kulturali u l-mobbiltà tal-professjonisti, u se tippromwovi l-inklużività u l-ġustizzja interġenerazzjonali permezz tal-kultura. Fl-aħħar nett, din se ssaħħaħ id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u esterni tas-setturi kulturali u kreattivi.
Finalment, l-UE jeħtieġ tippromwovi sinerġiji fost l-isferi tal-midja, tal-kultura u ċiviċi, billi tlaqqa’ flimkien entitajiet pubbliċi u privati u tippromwovi l-kooperazzjoni transsettorjali, u l-innovazzjoni, ħalli tegħleb sfidi komuni u tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni demokratika.
Abbażi ta’ dan, l-intervent tal-finanzjament tal-UE se jkun attrezzat bl-aħjar mod biex isaħħaħ u jwessa’ l-iskemi eżistenti li rnexxew, biex jindirizza aħjar l-isfidi tranżnazzjonali, u jxejjen il-lakuni li l-Istati Membri impossibbli jindirizzaw waħedhom. Se jipprovdi wkoll koerenza usa’ u allinjament aħjar bejn il-politika regolatorja u l-istrumenti tal-finanzjament, kif ukoll bejn il-politiki interni u esterni. Għalhekk, il-proposta se tikkontribwixxi biex jissaħħu s-soċjetajiet, il-midja u l-kultura tal-Ewropa, se trawwem il-valuri tal-Unjoni u l-parteċipazzjoni demokratika, u se tgħin biex jinħataf il-potenzjal kollu tal-Unjoni bħala għajn ta’ progress, żvilupp sostenibbli u tkabbir.
L-oqsma ta’ politika koperti minn din il-proposta legali huma ankrati sew fit-Trattati tal-UE, li jifirxu l-bażijiet legali għall-azzjoni tal-UE bi programmi tal-finanzjament tal-Unjoni; dawn jikkontribwixxu għall-objettivi fit-tul tal-Unjoni. Din il-proposta tipprevedi data tal-applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2028.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Id-drittijiet fundamentali, il-valuri tal-UE u d-demokrazija
Il-proposta hija konformi għalkollox mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mal-oqfsa politiċi u leġiżlattivi rilevanti kollha tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. Tikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija tal-Unjoni tal-Ugwaljanza. Ambizzjoni ewlenija tal-Unjoni Ewropea hi li tħaddem approċċ intersettorjali li jinvolvi lil bosta partijiet ikkonċernati biex tiżgura li kull persuna, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin taghħa tkun tista’ tgħix ħielsa mid-diskriminazzjoni u tipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà.
L-impenn tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza hu ankrat f’bosta komunikazzjonijiet u pjanijiet ta’ azzjoni ewlenin. L-Istrateġija tal-2020 tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ u l-Istrateġija tal-2021 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri jenfasizzaw l-impenn tal-UE li tindirizza d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tas-soċjetà. Malli jintemmu fl-2025, dawn iż-żewġ strateġiji se jiġġeddu. Dawn huma komplementati bl-Istrateġija li jmiss tal-UE kontra r-Razziżmu 2026-2030, il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni (2020-2030), l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (2021-2030), u l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija (2021-2030), u l-qasam ta’ ħidma dwar il-ġlieda kontra l-mibegħda anti-Musulmana. Anki l-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Interġenerazzjonali li jmiss hi rilevanti f’dan il-kuntest.
L-ewwel qafas komprensiv tal-UE dwar id-demokrazija ssawwar bil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 għad-Demokrazija Ewropea, il-pakkett ta’ miżuri tal-2021 li jsaħħu d-demokrazija u jħarsu l-integrità tal-elezzjonijiet, u l-Pakkett tal-2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija b’sinerġija mal-Pjan ta’ Azzjoni Esterna dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2027. Fost l-aktar leġiżlazzjoni riċenti f’dan il-kuntest hemm ir-Regolament dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku, u l-liġi tal-UE li tipproteġi lill-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti fil-qorti abbużivi (“il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”).
It-Tarka għad-Demokrazija Ewropea li jmiss hija maħsuba biex tkompli tipproteġi u ssaħħaħ id-demokrazija u r-reżiljenza demokratika. Għandha l-għan li tindirizza t-theddid dejjem akbar li jaffaċċjaw l-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċessi demokratiċi fl-UE u li ssaħħaħ il-fiduċja u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija. L-Istrateġija tas-Soċjetà Ċivili tal-UE li jmiss se jkollha l-għan li tkompli tipproteġi u tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili, billi tibgħat sinjal qawwi ta’ rikonoxximent tal-ħidma li twettaq is-soċjetà ċivili u l-kontribut li tagħti għall-politiki tal-UE.
Il-midja u l-qasam awdjoviżiv
Din il-proposta legali tibni wkoll fuq il-qafas tal-midja u awdjoviżiv tal-UE, fejn ir-regolamentazzjoni, il-finanzjament u l-politika jwieżnu lil xulxin b’mod effettiv, u b’hekk jiffaċilitaw id-dibattitu demokratiku, jagħnu l-kultura tagħna, u jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali b’atturi tal-midja kompetittivi tal-UE.
Din se tingħaqad ma’ bosta politiki tas-suq uniku tal-UE fis-setturi awdjoviżivi u tal-midja, u t-tfassil tagħha se jikkomplementa u jsaħħaħ l-istrumenti leġiżlattivi eżistenti. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD) stabbiliet qafas regolatorju komuni għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-UE, u tinkludi dispożizzjonijiet bħall-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u indipendenti, il-protezzjoni tal-minorenni, u r-regolamentazzjoni tar-reklamar awdjoviżiv. Flimkien mal-AVMSD, il-Programm propost se jsaħħaħ il-kapaċità tal-atturi awdjoviżivi Ewropej biex jiffinanzjaw, jipproduċu u jxerrdu xogħlijiet li jistgħu jkunu viżibbli biżżejjed fuq il-midja differenti disponibbli u li jkunu attraenti għall-udjenzi f’suq dejjem aktar miftuħ u kompetittiv fl-Ewropa u lil hinn minnha.
L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja (EMFA) adottat dan l-aħħar jipprovdi salvagwardji għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, fosthom protezzjonijiet mill-interferenza politika, aktar trasparenza fejn jidħlu s-sidien tal-midja, u obbligi dwar l-indipendenza tal-midja tas-servizz pubbliku. Dan il-Programm propost se jikkomplementa l-EMFA billi jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-kmamar tal-aħbarijiet u jsaħħaħ l-indipendenza editorjali.
Se jibni wkoll fuq il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 kontra d-diżinformazzjoni, u l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar id-Diżinformazzjoni li dan l-aħħar ġie integrat fil-qafas koregolatorju tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA), billi jsaħħaħ il-litteriżmu fil-midja u jżid it-tixrid tal-għarfien sitwazzjonali fl-Istati Membri dwar l-ispazju tal-informazzjoni online.
Il-kultura
Fir-rigward tal-kultura, il-wirt kulturali u s-setturi kulturali u kreattivi, l-inizjattiva se tingħaqad mal-Boxxla Kulturali għall-Ewropa li jmiss, bħala approċċ ta’ politika strateġika li għandu l-għan jinkorpora l-kultura u s-setturi kulturali u kreattivi (CCS) fl-għanijiet ta’ politika ġenerali tal-Unjoni u li jiggwida u jisfrutta d-diversi dimensjonijiet tagħhom.
L-inizjattiva tibni fuq diversi inizjattivi ta’ politika ewlenin, fosthom l-Aġenda Ewropea għall-Kultura, il-Pjanijiet ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura, l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, u l-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali, li lkoll jappellaw għal irwol aktar b’saħħtu għall-kultura u s-setturi kulturali u kreattivi (CCS) fl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u internazzjonali ulterjuri tal-Unjoni tagħna. Din hi allinjata ma’ bosta inizjattivi Ewropej, fosthom il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Hi allinjata wkoll mad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ Marzu 2017, fli fiha l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE pprevedew Unjoni “fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u soċjali u għat-tkabbir ekonomiku [...]; Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali.”
Minbarra hekk, din hi konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura, li tiddikjara li hu fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha li “nużaw il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala muturi tal-impjiegi, tal-ġustizzja soċjali, taċ-ċittadinanza attiva kif ukoll bħala mezz biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha”. Fl-aħħar nett, din taqbel ukoll mal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, li l-UE u l-Istati Membri huma lkoll Partijiet tagħha.
Fl-aħħar nett, l-inizjattiva għandha titqies fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE li jmiss dwar it-Turiżmu Sostenibbli, maħsuba fost l-oħrajn biex tappoġġa lill-viżitaturi ħalli jiskopru rotot kulturali u siti patrimonjali inqas magħrufin fl-Ewropa, u b’hekk jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku u jiġu promossi l-impjiegi lokali.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-inizjattiva hi allinjata mal-prijoritajiet ta’ politika ġenerali tal-Kummissjoni għall-2024-2029, jiġifieri mil-lat ta’ (1) Appoġġ għan-nies, tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna; 2) Ħarsien tad-demokrazija tagħna u tal-valuri tagħna; 3) Prosperità u kompetittività sostenibbli tal-Ewropa; u (4) Ewropa globali.
Konsistenza mal-politiki ta’ appoġġ għan-nies, it-tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna
Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2028-2034), se jitrawmu sinerġiji bejn l-inizjattivi tal-midja, tal-kultura, tal-ugwaljanza, tad-drittijiet u tal-valuri u l-intervent futur fl-oqsma tal-ħiliet, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà, l-ekwità interġenerazzjonali, iż-żgħażagħ u l-koeżjoni soċjali u territorjali. Dawn is-sinerġiji, bħal-litteriżmu fil-midja, il-ħiliet diġitali, l-involviment ċiviku u l-edukazzjoni ċivika, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-inklużjoni permezz tal-kreattività u l-arti se jiġu promossi bi qbil mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ u mar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE. L-inizjattiva tista’ tfittex ukoll sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ interventi futuri b’ġestjoni kondiviża li jkunu mmirati għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali fl-UE.
L-inizjattiva tikkomplementa xi inizjattivi li jippromwovu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fosthom bil-politiki tal-impjiegi u soċjali, kif ukoll bil-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għad-drittijiet u t-trawwim tad-diversità, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, bħala mezz li jappoġġa l-inklużjoni soċjali u swieq tax-xogħol ġusti, u biex tissokta l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Bħala atturi ewlenin fit-tiswir tad-diskors pubbliku u fit-trawwim tal-involviment demokratiku, il-kultura u l-midja huma pedamenti biex nibnu soċjetajiet inklużivi u reżiljenti. Fil-kuntest tal-Unjoni tal-Ħiliet, l-inizjattiva se tgħin attivament għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti fl-industriji kulturali u kreattivi (CCIs), filwaqt li tappoġġa l-adattabbiltà tagħhom fid-dawl tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u fid-dawl tal-bidliet fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, bit-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, il-Programm jiffavorixxi l-ħolqien tal-impjiegi f’dawn is-setturi. Fl-istess ħin, l-inizjattiva se ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza, tad-drittijiet u tal-valuri.
Fid-dawl tar-riskji dejjem akbar marbutin ma’ perikli naturali, emerġenzi tas-saħħa, inċidenti teknoloġiċi, theddid għas-sigurtà li kontinwament jevolvi, u tfixkil ieħor, din l-inizjattiva se ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, u tibni Unjoni aktar reżiljenti, sigura u preparata, skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza.
Konsistenza mal-politiki tal-ġustizzja
L-allinjament bejn il-politiki tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt jibni qafas sod li jiżgura l-kontabbiltà, jippromwovi l-koerenza legali bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, u jħares id-drittijiet fundamentali, u b’hekk isaħħaħ il-fiduċja u l-kooperazzjoni fl-Unjoni. Ir-relazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali u l-politiki tal-ġustizzja hi kruċjali biex nibnu soċjetajiet ġusti u ekwi. Id-drittijiet fundamentali – li jvarjaw mid-dritt għal proċess ġust, il-libertà mid-diskriminazzjoni, sal-protezzjoni tal-privatezza – jiddefinixxu l-istandards essenzjali li s-sistemi ġudizzjarji jridu jirrispettaw, u jsarrfu prinċipji astratti f’miżuri u prattiki legali konkreti. Pereżempju, il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni jsaħħu l-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi.
Għalhekk, is-sinerġija bejn id-drittijiet fundamentali u l-politiki tal-ġustizzja tiżgura li s-sistemi legali mhux biss jevitaw l-abbużi iżda anki jippromwovu attivament id-dinjità, l-ugwaljanza u l-libertà. Din is-sinerġija hi essenzjali biex tinbena l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet legali, titrawwem il-koeżjoni soċjali, u fl-aħħar mill-aħħar ikun żgurat li l-ġustizzja tkun aċċessibbli u sinifikattiva għal kulħadd. Għal dan il-għan, fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2028-2034), se jitrawmu sinerġiji bejn dan il-Programm u l-programm Ġustizzja tal-ġejjieni.
Konsistenza mal-politiki għas-Suq Uniku u l-kompetittività
Billi tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-midja, tal-qasam awdjoviżiv u tas-setturi kulturali u kreattivi, l-inizjattiva se tikkomplementa l-qafas ta’ politika tal-UE dwar il-politika industrijali u l-kompetittività ekonomika. B’mod partikolari, din tibni fuq ir-Rapport tal-2024 dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività, li jħaddem approċċ ibbażat fuq l-ekosistema li jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika ta’ setturi industrijali ewlenin, fosthom l-industriji kulturali u kreattivi. Din tirrifletti wkoll l-objettivi tal-Boxxla għall-Kompetittività li tistabbilixxi parametri referenzjarji ċari ħalli jittejbu l-produttività u r-reżiljenza fit-tul tal-UE u tiġi promossa l-innovazzjoni.
Barra minn hekk, l-inizjattiva hi relatata mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, li għandha l-għan li tisfrutta s-setgħa tal-SMEs tal-Ewropa biex imexxu t-tranżizzjonijiet doppji, abbażi ta’ tliet pilastri: il-bini tal-kapaċità u l-appoġġ; it-tnaqqis fil-piż regolatorju u t-titjib tal-aċċess għas-suq; u t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament. L-inizjattiva tikkontribwixxi wkoll għall-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfaddil u l-Investimenti tal-Unjoni, li għandha l-għan li ttejjeb l-opportunitajiet finanzjarji għan-negozji.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex niżviluppaw sistemi kulturali, kreattivi u tal-midja inklużivi u bbażati fuq id-drittijiet. L-inizjattiva se ssaħħaħ is-sinerġiji mal-Programm Qafas futur għar-riċerka u l-innovazzjoni u mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività futur. Dan tal-aħħar jinkludi appoġġ għal riċerka multidixxiplinari fuq varjetà ta’ suġġetti, fosthom id-demokrazija, il-valuri, l-ugwaljanza u d-diżinformazzjoni, iżda anki fuq suġġetti diġitali u industrijali relatati mill-qrib mas-setturi kulturali u kreattivi u mal-wirt kulturali. Is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet jeħtieġ jissaħħu ħalli tissaħħaħ l-ekosistema tar-riċerka Ewropea, biex is-setturi kulturali u kreattivi u s-soċjetà ċivili jgawdu bis-sħiħ mill-avvanzi li jinkisbu bl-oqsma Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-Programm se jikkontribwixxi għall-adozzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-Programm Qafas għar-Riċerka.
Barra minn hekk, il-proposta tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, bi qbil mal-objettivi tad-Deċennju Diġitali tal-2030. Din se tikkomplementah billi tappoġġa azzjonijiet li jippromwovu t-tħejjija diġitali, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-innovazzjoni applikata fis-setturi tas-soċjetà, tal-kultura u tal-midja, bħal pereżempju l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kontinent tal-IA u l-istrateġija Apply AI. Se takkumpanja wkoll ir-regolamentazzjoni eżistenti, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar l-IA billi żżid l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u tal-midja, issaħħaħ il-litteriżmu fil-midja, u tħeġġeġ il-kompetizzjoni ġusta u l-aċċess newtrali tal-pjattaformi għall-udjenzi. Il-kollaborazzjonijiet u d-disponibbiltà tal-kontenut awdjoviżiv lil hinn mill-fruntieri se jsaħħu wkoll l-interoperabbiltà tal-prodotti diġitali.
Konsistenza mal-politiki għal Ewropa globali
Il-Programm propost, ladarba jiġi adottat, se jikkomplementa l-azzjonijiet iffinanzjati bl-azzjonijiet esterni tal-Unjoni. Pereżempju, billi dan jippromwovi skambji kulturali u jappoġġa l-industriji kreattivi, il-midja u l-kontenut awdjoviżiv tal-Unjoni fil-livell dinji inkluż permezz ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali, se jiftaħ swieq ġodda, jattira talent globali u jsaħħaħ l-influwenza u l-attraenza tal-UE fix-xena dinjija. L-intervent futur se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm u l-appoġġ għal kollaborazzjonijiet internazzjonali, li jippermettu sinerġiji mal-politiki tal-UE dwar l-azzjoni esterna.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 19(2), 21(2), 24, 167(5), 168(5) u 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex l-objettivi ġenerali tal-Programm jintlaħqu b’mod komprensiv.
L-Artikolu 19(2) tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ inċentiv li jappoġġaw l-azzjoni tal-Istati Membri favur il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.
L-involviment demokratiku, il-parteċipazzjoni ċivika u t-trawwim tas-soċjetà ċivili huma kostitwenti essenzjali tal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Dawn huma fatturi u faċilitaturi kruċjali tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Unjoni.
L-Artikolu 21(2) tat-TFUE jipprevedi miżuri tal-Unjoni li jgħinu liċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. L-azzjonijiet biex iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vot tagħhom meta jkunu residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu koperti wkoll minn dan l-Artikolu, peress li fil-prattika dawn jiffaċilitaw ukoll l-eżerċizzju tad-dritt ta’ ċittadin li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament.
L-Artikolu 24 tat-TFUE jobbliga lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw dispożizzjonijiet għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tat-TUE. Dan sar bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Programm jeħtieġ jappoġġa l-finanzjament tal-appoġġ tekniku u organizzattiv għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament, u b’hekk jirfed l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini li jniedu u jappoġġaw inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Flimkien mal-bqija tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 tat-TFUE, dak id-dritt jiżgura l-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.
L-Artikolu 167(5) tat-TFUE jinkariga lill-Unjoni biex tadotta miżuri ta’ inċentiv biex tikkontribwixxi għall-mużajk tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u tressaq ’il quddiem il-wirt kulturali komuni. L-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jissupplimentaw l-azzjonijiet tagħhom f’oqsma bħal pereżempju t-tisħiħ tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej u l-konservazzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju kulturali b’sinifikat Ewropew.
L-Artikolu 168(5) tat-TFUE jipprovdi bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ inċentiv imfassla biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa tal-bniedem. Il-vjolenza, inkluż dik fuq it-tfal u n-nisa, hija periklu għas-saħħa fiżika u mentali. It-tfal huma ċittadini vulnerabbli u jeħtieġu aktar protezzjoni minn dawn il-perikli, li ħafna drabi jkunu jinkludu theddid transfruntier. Il-vjolenza fuq in-nisa tikkostitwixxi wkoll theddida serja għas-saħħa fiżika u mentali tal-vittmi, li jkollhom bżonn livell għoli ta’ protezzjoni.
L-Artikolu 173(3) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni tista’ tiddeċiedi fuq miżuri speċifiċi biex tappoġġa l-azzjoni li jieħdu l-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni, inkluż li jieħdu azzjoni biex jitħeġġeġ ambjent favorevoli għall-inizjattivi u għall-iżvilupp tal-impriżi.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-kultura, tal-midja u tal-valuri tal-Unjoni jeħtieġu kooperazzjoni tranżnazzjonali u sforzi kkoordinati li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dawn huma oqsma li l-kumplessità tal-isfidi tagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jindirizzawhom biżżejjed waħedhom. B’azzjoni kkoordinata fil-livell tal-UE, ikunu jistgħu jsiru risponsi aktar koerenti u b’impatt akbar biex jiġu indirizzati ċerti sfidi tranżnazzjonali u komuni li jnaqqsu r-ritmu tal-progress, u jkun jista’ jitħalla impatt sistemiku billi jinstabu u jissewwew ċerti lakuni strutturali li ma jingħatawx prijorità mill-Istati Membri. Il-baġit tal-UE għandu rwol ewlieni biex ikunu jistgħu jsiru dawn ir-risponsi kollettivi. Approċċ bħal dan jiżgura wkoll koerenza akbar bejn il-politiki interni u l-promozzjoni mill-Unjoni tal-valuri tagħha u l-istandards internazzjonali fil-livell dinji.
Minħabba l-iskala u l-effetti tal-programm propost, azzjoni fil-livell tal-Unjoni tikseb valur miżjud għax dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom. Ngħidu aħna, dan isaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza tal-UE u li nifhmu lil xulxin billi jiffaċilita attivitajiet transfruntieri li jrawmu l-involviment ċiviku, is-solidarjetà, u parteċipazzjoni usa’ fil-kultura u l-midja. Jiżgura wkoll standards konsistenti u għoljin fl-UE u applikazzjoni effettiva tad-drittijiet minquxa fil-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha, li hi tant essenzjali għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Barra minn hekk, azzjoni tal-UE ssaħħaħ is-Suq Uniku billi tippromwovi aċċess ġust u l-mobbiltà, filwaqt li tippermetti implimentazzjoni aktar effiċjenti b’oqfsa kkoordinati u bi proġetti konġunti fuq skala akbar. Billi tindirizza l-frammentazzjoni, tippromwovi l-kollaborazzjoni madwar l-Istati Membri u tiġbor flimkien ir-riżorsi fil-livell tal-UE, l-inizjattiva tiżgura li l-industriji kreattivi, il-kumpaniji awdjoviżivi u tal-midja u l-kreaturi jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mis-Suq Uniku. Din ittejjeb l-aċċess għal kontenut kulturali u kreattiv varjat, tappoġġa l-pluraliżmu tal-midja u żżid il-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea.
Il-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE f’dawn l-oqsma ta’ politika enfasizzawh il-biċċa l-kbira tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa li għamlet il-Kummissjoni b’rabta mal-programmi l-ġodda tal-UE (ara hawn taħt).
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu mitlub biex jintlaħqu l-objettivi dikjarati fil-livell tal-UE u dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop.
•Għażla tal-istrument
Il-Programm il-ġdid “AgoraEU” jibni primarjament fuq il-Programm Ewropa Kreattiva (2021-2027), il-Programm CERV dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (2021-2027) u l-linji prerogattivi eżistenti, li jlaqqgħu flimkien bosta appoġġ finanzjarju tal-UE ħalli jsostnu l-kultura, il-midja u l-valuri tal-Unjoni. L-istrument il-ġdid iqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi differenti, il-gruppi fil-mira differenti tagħhom, u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom, filwaqt li jiżgura sinerġiji u komplementarjetajiet.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-evalwazzjoni finali tal-programm Ewropa Kreattiva 2014-2020 u tal-evalwazzjoni finali interim tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, kif ukoll tal-evalwazzjoni interim tal-programm CERV u tal-evalwazzjonijiet finali tal-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini u tal-programmi Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadini, li saru tul il-perjodu 2023-2025.
Dawn l-evalwazzjonijiet ivvalutaw il-prestazzjoni tal-programmi, skont l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza, is-sostenibbiltà u l-valur miżjud tal-UE tagħhom.
Ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet juru li l-programmi eżistenti fil-biċċa l-kbira laħqu l-objettivi ta’ politika tagħhom u kisbu valur miżjud tal-UE, filwaqt li ħarġu fid-dieher oqsma li jeħtieġu titjib mil-lat ta’ tfassil.
L-evalwazzjoni ta’ Ewropa Kreattiva tenfasizza l-kontribut tal-Programm għall-objettiv ġenerali li jkunu appoġġati d-diversità kulturali u lingwistika u l-wirt kulturali billi jiżdied l-aċċess tan-nies għal varjetà ta’ kontenut li jiġi b’mod partikolari minn barra l-fruntieri nazzjonali, u għall-objettiv tal-kompetittività billi jgħin lill-operaturi awdjoviżivi u lil operaturi kreattivi u kulturali oħrajn itejbu l-ħiliet tagħhom u jespandu fil-livell Ewropew. Għandu pożizzjoni unika bħala l-uniku sors ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali, l-iskambju tal-prattiki tajba, iċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà f’dawn is-setturi.
L-evalwazzjoni interim tal-programm CERV ikkonfermat li l-programm jokkupa spazju li inkella jibqa’ fil-biċċa l-kbira vojt fix-xenarju tal-finanzjament tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali, bħala l-istrument tal-UE maħsub għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. L-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher ukoll ir-rwol ewlieni tal-programm fl-appoġġ għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet u l-valuri, inkluż dawk fl-għeruq tas-soċjetà, li ħafna drabi ma jkollhomx sorsi oħra ta’ finanzjament u forom ta’ appoġġ.
L-evalwazzjoni tal-linja tal-azzjonijiet ta’ Multimedia (2021-2023) tikkonferma li din kienet effettiva fit-tisħiħ tar-rappurtaġġi tal-aħbarijiet fuq materji tal-UE minn perspettiva Ewropea. L-azzjonijiet appoġġaw il-produzzjoni ta’ volum qawwi ta’ kontenut oriġinali, u laħqu firxa notevoli tal-udjenza.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Konsultazzjoni pubblika serviet ta’ tagħrif għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni transfruntiera, iż-żgħażagħ, il-kultura, il-midja, il-valuri u s-soċjetà ċivili skont il-QFP ta’ wara l-2027. Din saret bejn it-12 ta’ Frar u s-7 ta’ Mejju 2025. B’kollox, il-konsultazzjoni rċeviet 5,845 tweġiba valida.
It-tweġibiet urew affermazzjoni ċara tar-rwol kontinwu tal-UE fit-trawwim tal-kooperazzjoni transfruntiera u fl-appoġġ għall-kultura, il-midja, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Pereżempju, il-proporzjon tar-rispondenti li jqisuha “importanti ħafna” jew “importanti” li “jipproteġu d-demokrazija u l-istandards demokratiċi” kien ta’ 91%, li “jippromwovu r-rispett tad-drittijiet fundamentali (inkluż id-drittijiet tat-tfal u tan-nisa)” kien ta’ 88%, li “jippromwovu l-indipendenza tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja, u jiġġieldu d-diżinformazzjoni” kien ta’ 85%, u li “jippromwovu d-diversità kulturali u kreattiva” kien ta’ 78%.
It-tweġibiet tal-konsultazzjoni pubblika kkonfermaw ukoll li l-finanzjament tal-UE pprovda ċertu valur miżjud meta mqabbel mal-finanzjamenti fil-livell nazzjonali, lokali jew reġjonali fl-oqsma koperti. Pereżempju, 66% tar-rispondenti jidhrilhom li “il-protezzjoni tad-demokrazija u l-promozzjoni tal-istandards demokratiċi” huma qasam li l-finanzjament tal-UE jipprovdilu valur miżjud sinifikanti. Kważi żewġ terzi tar-rispondenti semmew l-appoġġ għas-setturi awdjoviżivi u tal-midja bħala objettiv ta’ politika “importanti”. Fl-aħħar nett, madwar 80% tar-rispondenti jaraw valur miżjud fil-finanzjament tal-UE allokat għall-“promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika” u għall-“promozzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u t-tifkira Ewropea”, u 74% fil-finanzjament tal-UE allokat għall-“iżgurar ta’ aċċess mifrux għall-kultura u l-wirt kulturali”.
Meta ntalbu jevalwaw l-ostakli li jxekklu l-baġit tal-UE milli jilħaq għalkollox l-objettivi tiegħu fl-oqsma ta’ politika, ir-rispondenti laqgħu b’mod ġenerali l-fokus tal-Kummissjoni fuq effiċjenza akbar fil-finanzjament, iżda mhux għad-detriment tal-“identità” u l-“fiduċja”, u li titħares iċ-ċarezza tematika u s-sjieda tal-partijiet ikkonċernati.
Ir-riżultati kwantitattivi juru li l-aktar ostakli msemmija ta’ spiss fost il-gruppi kollha kienu l-piż amministrattiv (semmewh 51% taċ-ċittadini u 56% tal-organizzazzjonijiet) u regoli kumplessi tal-konformità speċifiċi għall-fondi (49% taċ-ċittadini u 52% tal-organizzazzjonijiet). Dawn il-kwistjonijiet jixhdu tħassib mhux biss fuq il-kumplessità regolatorja iżda anki fuq il-frammentazzjoni bejn l-istrumenti u l-ineffiċjenzi fl-implimentazzjoni. Fost ostakli oħrajn hemm in-nuqqas ta’ flessibbiltà fir-riallokazzjoni tar-riżorsi skont ħtiġijiet emerġenti (45% taċ-ċittadini u 50% tal-organizzazzjonijiet), id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm u fl-iżborż tal-finanzjament, u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ċarezza biżżejjed fuq l-opportunitajiet tal-finanzjament. L-awtoritajiet pubbliċi u l-NGOs b’mod partikolari enfasizzaw id-dewmien bħala mod kif jiddgħajjef l-impatt u titnaqqas il-kredibbiltà lokali.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta ssejset fuq tagħrif minn rapporti u valutazzjonijiet esterni.
Il-proposta ssejset fuq tagħrif minn ħemel ta’ studji u rapporti, inkluż tal-Parlament Ewropew, tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li jindikaw l-isfidi serji dejjem akbar li jġarrbu d-drittijiet fundamentali u l-valuri fl-UE kif ukoll ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna
Fil-qasam awdjoviżiv u tal-midja, din straħet fuq il-konklużjonijiet tal-Prospettiva tal-Industrija Ewropea tal-Midja tal-2023, li pprovdiet għarfien siewi dwar l-isfidi strutturali tal-industriji tal-midja u awdjoviżivi (inkluż il-logħob). Il-kumpaniji tal-midja fl-UE qed ikollhom pressjoni dejjem akbar mill-kompetituri dinjin fejn jidħlu l-attenzjoni tal-utenti u d-dħul. L-infiq tal-konsumaturi u l-konsum tal-midja staġnaw mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn, u l-pjattaformi diġitali qed jakkumulaw aktar kontenut u jaħtfu aktar dħul mir-reklami mill-midja tradizzjonali. Is-setturi qed jitħabtu wkoll ma’ kostijiet għaljin biex jadottaw ċertu teknoloġija, ma’ investiment privat limitat u ma’ dipendenza qawwija fuq teknoloġiji minn barra l-UE. Minbarra dan, ir-rapport wera li fl-UE, iċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet awdjoviżivi hi limitata, u dan qed ixekkel il-potenzjal tal-industrija. Fil-frattemp, il-vijabbiltà tal-kmamar tal-aħbarijiet qed tkun f’riskju dejjem aktar, bi tnaqqis fid-dħul, tnaqqis fl-impjiegi, u fiduċja limitata tal-konsumatur.
Fil-qasam tas-setturi kulturali u kreattivi, il-proposta ssejset fuq tagħrif minn laqgħat tematiċi, sejbiet ta’ studji indipendenti, konklużjonijiet tal-Kunsill, riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-evalwazzjoni tal-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, u l-ewwel evalwazzjoni interim tal-azzjoni Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2020-2033, kif ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ esperti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar il-kultura. Dawn id-diversi sorsi jisħqu r-rilevanza persistenti tal-fergħa Kultura ta’ Ewropa Kreattiva filwaqt li jindikaw oqsma ta’ titjib, b’mod partikolari b’rabta mat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u ż-żieda fl-IA, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, kif ukoll il-kuntest internazzjonali.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta saritilha valutazzjoni tal-impatt. Is-servizzi tal-Kummissjoni esploraw bosta għażliet ta’ politika alternattivi biex jindirizzaw l-isfidi tas-setturi kkonċernati u ddeterminaw liema għażla taqdi aħjar l-oqsma ta’ politika u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni. L-għażliet alternattivi differenti kienu reċiprokament esklużivi. Għażla alternattiva minnhom kienet li l-programmi eżistenti ta’ Ewropa Kreattiva u CERV jissoktaw bħala programmi awtonomi, u jiddaħħal xi titjib inkrementali. It-tieni għażla alternattiva kienet li jitwaħħdu l-programmi maħsuba għall-protezzjoni tal-valuri, il-midja u l-kultura tal-Unjoni. It-tielet għażla alternattiva kienet integrazzjoni sħiħa bi strument uniku tal-politiki koperti minn CERV u Ewropa Kreattiva, ma’ dawk koperti minn Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (ESC).
Ġew ikkunsidrati wkoll alternattivi oħrajn iżda twarrbu minn kmieni. Waħda minnhom kienet il-waqfien tal-finanzjament tal-UE fl-oqsma koperti bħalissa minn CERV u minn Ewropa Kreattiva, iżda twarrbet minħabba l-importanza tal-problemi li qed jaffettwaw is-setturi kkonċernati, il-prominenza mogħtija lil dawn il-politiki fil-Linji Gwida Politiċi u l-valutazzjoni tar-rilevanza kontinwa u l-valur miżjud tal-intervent tal-finanzjament tal-UE, abbażi tal-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu rispettivi. L-għażla ta’ fużjonijiet alternattivi tal-programmi (eż. tal-fergħa Midja ta’ Ewropa Kreattiva biss mal-programm CERV) twarrbet mill-bidu, għax ma kinitx tallinja b’mod effettiv mal-prijoritajiet politiċi jew ma kinitx tindirizza kif xieraq l-isfidi tas-setturi kkonċernati.
L-impatti potenzjali ewlenin tat-tliet għażliet magħżula proviżorjament (kontinwità, integrazzjoni sħiħa, u fużjoni bbażata fuq l-objettivi) ġew analizzati f’diversi dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Meta rilevanti, l-analiżi kopriet ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji, l-impatti fuq il-kompetittività u l-SMEs u fuq id-diġitalizzazzjoni, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tliet għażliet ta’ politika ġew ivvalutati skont l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tagħhom, bl-applikazzjoni tal-Evalwazzjoni b’Diversi Kriterji Soċjali (SMCE).
L-evalwazzjoni tal-għażliet u l-impatti tagħhom enfasizzat li integrazzjoni bbażata fuq l-objettivi ta’ politika (fużjoni bbażata fuq l-objettivi) toffri potenzjal aħjar meta mqabbla mat-tnejn l-oħra. Din tippermetti koordinazzjoni msaħħa, flessibbiltà mmirata, u użu tal-baġit tal-UE b’impatt akbar – bla ma jintmessu l-fokus tal-politika jew l-aċċessibbiltà. Din tikseb l-aqwa bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u r-rilevanza tal-politika. Hi wkoll kongruwenti mas-sejħiet tal-partijiet ikkonċernati li qed jappellaw għal simplifikazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament, flessibbiltà fl-allokazzjoni tar-riżorsi, u l-applikazzjoni ta’ regoli komuni. F’konformità mal-Linji Gwida Politiċi, din tħaddem il-prinċipju ta’ “il-finanzjament isegwi l-politika”, u tlaqqa’ flimkien programmi li għandhom l-għan jipproteġu l-kultura, il-midja u l-valuri tal-Unjoni. Se tibni fuq is-suċċess tal-programmi attwali, l-aqwa prattiki tal-QFP attwali, kif ħareġ fl-evalwazzjonijiet, u tindirizza aħjar l-isfidi tranżnazzjonali u komuni, ixxejjen il-lakuni tal-finanzjament fil-livell tal-Istati Membri, u żżid il-koerenza bejn il-politiki interni u esterni, filwaqt li ssaħħaħ is-sinerġiji, l-effiċjenza u l-effettività, u tnaqqas id-duplikazzjonijiet. Se tagħti viżibbiltà xierqa lil kull wieħed mill-oqsma ta’ politika inklużi fil-programm amalgamat b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet orizzontali dettaljati fir-Regolament (UE, Euratom [202X/XXX, ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] applikabbli għall-programmi kollha tal-Unjoni. Se żżid ukoll l-azzjoni b’rabta mal-prijoritajiet u s-sinerġiji trażversali li jaffettwaw lis-setturi tas-soċjetà, tal-midja u kulturali u kreattivi (eż. il-ħiliet settorjali, l-aċċess għall-finanzi, l-adozzjoni tal-innovazzjoni, eċċ.).
Abbażi tal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, dan ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) għal skrutinju tal-kwalità. L-RSB ta opinjoni tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-impatt nhar it-13 ta’ Ġunju 2025. L-RSB għamel għadd ta’ kummenti u rakkomandazzjonijiet dwar l-ambitu, id-definizzjoni tal-problemi u l-użu tal-evalwazzjonijiet, il-loġika u l-objettivi tal-intervent, it-tqabbil tal-għażliet u l-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, il-governanza, il-koerenza, u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni futuri. Il-valutazzjoni tal-impatt mehmuża ma’ din il-proposta legali ġiet rieżaminata skont il-kummenti tal-Bord.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-inizjattiva se tissimplifika l-ġestjoni, il-governanza u l-implimentazzjoni mill-UE tal-programmi tal-UE biex ittejjeb l-effiċjenza għall-applikanti, għall-benefiċjarji u għall-istituzzjonijiet tal-UE. Il-proċeduri ta’ applikazzjoni u rapportar se jiġu ssimplifikati u armonizzati aktar bl-introduzzjoni ta’ regoli komuni jew allinjati, li jagħmluha eħfef għall-applikanti biex japplikaw għas-sejħiet li jindirizzaw objettivi ta’ politika komplementari.
Biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, l-użu ta’ forom simplifikati tal-finanzjament (inkluż finanzjament mhux marbut mal-kostijiet u somom f’daqqa) se jsir il-forma standard tal-kontribuzzjoni għar-rimborż tal-għotjiet. L-użu ta’ appoġġ finanzjarju lill-partijiet terzi, li wera effiċjenti biex jagħmel il-finanzjament tal-UE aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar, se jissokta wkoll u jista’ jiġi estiż meta xieraq. Barra minn hekk, anki ż-żieda fl-użu tal-għotjiet pluriennali se tħalli impatt pożittiv. L-ostakli li sabu l-organizzazzjonijiet fl-għeruq tas-soċjetà u l-applikanti għall-ewwel darba se jiġu indirizzati b’miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi tagħhom, b’komunikazzjoni msaħħa, u bil-promozzjoni tal-opportunitajiet tal-finanzjament. Il-ġbir flimkien tar-riżorsi, inkluż f’oqsma bħall-monitoraġġ u l-komunikazzjoni interna u esterna se jikseb ċerti ekonomiji ta’ skala u jtejjeb il-prevedibbiltà tal-finanzjament tal-UE b’mod aktar mifrux fost il-benefiċjarji, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini tal-UE.
•Drittijiet fundamentali
Filwaqt li jibni fuq il-programmi preċedenti Ewropa Kreattiva u CERV (Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri) u linji prerogattivi preeżistenti, l-istrument il-ġdid hu maħsub biex jippromwovi l-valuri tal-Unjoni, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza, id-demokrazija, kif ukoll il-kultura u l-midja.
Dan hu konformi mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jippromwovihom. L-objettivi tal-Programm il-ġdid huma marbutin mill-qrib mal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. B’mod partikolari, din il-proposta se tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-prinċipji minquxa fl-Artikoli 8 (il-protezzjoni tad-data personali), 11 (il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet għall-informazzjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu), 12 (il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni), 13 (il-libertà tal-arti u x-xjenza), 15 (il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol), 20 u 21 (l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni), 22 (id-diversità kulturali u lingwistika), 23 (l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel), 24 (id-drittijiet tat-tfal), 26 (id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà), 31 (kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa), 32 (il-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol), 33 (il-ħajja tal-familja u professjonali), 39 sa 46 (id-drittijiet taċ-ċittadini) tal-Karta.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din l-inizjattiva se tiġi mmonitorjata bil-qafas ta’ prestazzjoni għall-baġit 2028-2034 definit fir-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni], li jagħti dettalji wkoll fuq ir-regoli speċifiċi dwar l-evalwazzjonijiet. L-evalwazzjoni għandha ssir f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u tkun ibbażata fuq indikaturi rilevanti għall-objettivi tal-Programm.
Parti mill-Programm se tiġi implimentata minn Aġenzija Eżekuttiva bis-superviżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-Programm.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-objettivi ġenerali tal-Programm huma li jippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi, iżid il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari l-industriji tal-midja u awdjoviżivi, jissalvagwardja l-libertà artistika u tal-midja, u jħares u jippromwovi l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza attiva, id-drittijiet u l-valuri kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta, u b’hekk isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika u r-reżiljenza tas-soċjetà fl-Unjoni.
F’dan l-objettiv ġenerali, il-Programm għandu jkollu tliet fergħat separati:
L-ewwel, il-fergħa “Ewropa Kreattiva — Kultura”, li se timplimenta dan l-objettiv speċifiku:
(a)Tikkontribwixxi għall-kreazzjoni kulturali, il-kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-aċċessibbiltà transfruntieri, u għaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ diversità ta’ xogħlijiet kulturali, filwaqt li ssaħħaħ id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi.
It-tieni, il-fergħa MEDIA+, li se timplimenta dawn l-objettivi speċifiċi:
(a)Tikkontribwixxi għad-diversità kulturali u l-kompetittività tal-industriji awdjoviżivi u tal-videogames, b’mod partikolari billi ttejjeb il-kreazzjoni u d-distribuzzjoni transfruntieri tal-kontenut Ewropew u l-aċċess tiegħu miċ-ċittadini.
(b)Tikkontribwixxi għal ekosistema tal-informazzjoni ħielsa, vijabbli u diversa tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tappoġġa l-ġurnaliżmu u l-kmamar tal-aħbarijiet ħielsa u indipendenti, ittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli, u tindirizza d-diżinformazzjoni.
It-tielet, il-fergħa CERV+ (id-Demokrazija, iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza u l-Valuri), li se timplimenta dawn l-objettivi speċifiċi:
(a)Tikkontribwixxi għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni minquxa fit-Trattati, fosthom il-moviment liberu taċ-ċittadini, u tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili.
(b)Tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza fuq it-tfal u gruppi oħra f’riskju ta’ din il-vjolenza.
(c)Tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika u l-ħarsien tal-istat tad-dritt.
Biex jitħalla l-akbar impatt u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-fergħat kollha, il-Programm għandu jappoġġa attivitajiet trasversali u orizzontali li jikkontribwixxu għall-objettiv ġenerali, b’mod partikolari billi jibni sinerġiji bejn l-isferi kulturali, tal-midja u ċiviċi u jippromwovi l-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni transsettorjali.
Biex ikun effettiv, il-Programm għandu jqis in-natura speċifika tal-politiki differenti, il-gruppi differenti fil-mira tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom b’approċċi mmirati.
2025/0550 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-programm “AgoraEU” għall-perjodu 2028–2034, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 19(2), 21(2), 24, 167(5), 168(5) u 173(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)F’konformità mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (“valuri tal-Unjoni”). Il-valuri tal-Unjoni huma riflessi fid-drittijiet, fil-libertajiet u fil-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). L-Artikolu 3 tat-TUE jagħti wkoll mandat lill-Unjoni biex tippromwovi l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal. L-Artikolu 10 tat-TUE jiddikjara wkoll li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jissejjes fuq id-demokrazija rappreżentattiva, li ċ-ċittadini jkunu rrappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, u li ċ-ċittadini jkollhom id-dritt jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. L-Artikolu 20 jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jistabbilixxi drittijiet importanti li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom, fost l-oħrajn, igawdu.
(2)Il-kultura u l-midja u l-promozzjoni u r-rispett tal-valuri tal-Unjoni huma lkoll komponenti kruċjali ta’ Unjoni ħielsa, ġusta, diversa, inklużiva u koeżiva. Il-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini, b’rispett xieraq tal-valuri tal-Unjoni, jifirxu l-bażi tal-ħajja demokratika tal-Unjoni, u l-midja taqdi rwol kruċjali fit-tfassil tal-opinjoni pubblika u d-dibattitu liberu. Il-kontenut awdjoviżiv u l-forom l-oħra kollha ta’ espressjonijiet artistiċi, kulturali u kreattivi, inkluż il-wirt kulturali, huma essenzjali għad-diversità tal-Ewropa u biex ikollna soċjetajiet reżiljenti u ċittadini u komunitajiet Ewropej li jifhmu lil xulxin.
(3)Il-Programm “AgoraEU” (il-“Programm”) se jipprovdi kontribut sinifikanti biex jintlaħqu u jitwettqu dawn l-objettivi, id-drittijiet u l-valuri.
(4)Il-Programm jenħtieġ li jkun is-suċċessur tal-Programm Ewropa Kreattiva stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tal-Programm CERV dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan jenħtieġ li jissimplifika diversi azzjonijiet tal-finanzjament b’appoġġ għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u jiġġieled id-diżinformazzjoni b’appoġġ għall-għoti ta’ informazzjoni dwar materji tal-Unjoni. Il-midja ħielsa u pluralistika u s-soċjetà ċivili huma fost l-għassiesa ewlenin tas-sistemi demokratiċi tal-Unjoni, u dawn jaqdu rwol kruċjali għar-reżiljenza demokratika, u għalhekk għandhom jiġu appoġġati. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll is-setturi kulturali, kreattivi u tal-midja, jisfrutta s-setgħa tal-kultura u d-diversità kulturali, isaħħaħ l-ispazju tal-informazzjoni, u jappoġġa l-isforzi tal-Unjoni biex isaħħaħ soċjetà bbażata fuq id-drittijiet, inklużiva, ugwali u demokratika. Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju indikattiv għall-Programm “AgoraEU”. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, il-prezzijiet kurrenti qed jiġu kkalkulati bl-applikazzjoni ta’ deflatur fiss ta’ 2%.
(5)Biex ikun effettiv, il-Programm jenħtieġ li jqis in-natura u l-isfidi speċifiċi tal-politiki, l-oqsma u s-setturi differenti, il-gruppi differenti fil-mira tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom b’approċċi mmirati.
(6)F’ambjent ekonomiku, soċjali u ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, l-esperjenza riċenti wriet il-bżonn li l-qafas finanzjarju pluriennali u l-programmi tiegħu jkunu flessibbli aktar. Għal dak il-għan, u bi qbil mal-objettivi tal-Programm “AgoraEU”, il-finanzjament se jqis kif xieraq il-ħtiġijiet ta’ politika li qed jevolvu u l-prijoritajiet tal-Unjoni kif identifikati fid-dokumenti rilevanti ppubblikati mill-Kummissjoni, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill u fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew filwaqt li jiżgura prevedibbiltà biżżejjed għall-implimentazzjoni.
(7)Is-setturi kulturali u kreattivi, inkluż l-arti tal-ispettaklu (bħat-teatru u ż-żfin), il-pubblikazzjoni tal-letteratura u tal-kotba, il-mużika, l-arti viżiva, il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja’ u d-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), huma “ġid pubbliku” li joħolqu tifsira u jinkorporaw il-valuri tal-Unjoni. Huma wkoll assi kbir għall-Unjoni u għar-reġjuni tagħha, li jattiraw turiżmu sostenibbli u fix-xenarju dinji jipproġettaw l-immaġni ta’ kontinent dinamiku. Il-Programm jenħtieġ li minn naħa jkun iqis il-valur intrinsiku u artistiku tagħhom, u min-naħa l-oħra jqis il-kontributi soċjali u ekonomiċi estrinsiċi tagħhom, inkluż għall-koeżjoni soċjali u territorjali, il-benesseri u s-saħħa, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, il-kreattività u l-innovazzjoni.
(8)Iżda fl-Unjoni, is-setturi kulturali u kreattivi huma frammentati fuq linji nazzjonali u lingwistiċi. Qed isibu wkoll diversi sfidi, bħal attakki fuq il-libertà tal-espressjoni artistika, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, trasformazzjonijiet diġitali biż-żieda tal-intelliġenza artifiċjali, u l-ħtieġa ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Programm jenħtieġ li jgħin lil dawk is-setturi biex iwieġbu għal sfidi bħal dawn, jaħtfu l-potenzjal kollu tagħhom u jipproġettaw lilhom infushom b’mod riżolut għall-ġejjieni filwaqt li jiżguraw l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż minn atturi lokali u reġjonali, b’diversi mezzi u formati.
(9)Il-wirt kulturali tal-Ewropa huwa wirt komuni u imprezzabbli li qed jiffaċċja restrizzjonijiet baġitarji, diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, it-tibdil fil-klima, u kunflitti reġjonali. Dan il-legat hu importanti li jitħares u jiġi ppreservat, u li jissaħħaħ l-aċċess u titrawwem identità Ewropea kollettiva. Il-konservazzjoni diġitali tkompli tiżgura li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jitgħallmu mill-wirt kulturali tagħhom, jistmawh u jitnebbħu minnu.
(10)Il-Programm jenħtieġ li jagħti wkoll appoġġ finanzjarju lill-azzjonijiet taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li jiċċelebraw u jippreservaw ir-rikkezza tad-diversità kulturali u l-wirt kulturali tal-Ewropa, filwaqt li jgħaqqduha mal-livell lokali u jikkontribwixxu għal strateġiji tal-iżvilupp xprunati mill-kultura.
(11)Is-setturi tal-midja tal-Ewropa għandhom pożizzjoni unika fid-demokraziji, u fil-kultura u l-ekonomiji tagħna. Dawn jinkludu fost l-oħrajn ċertu kontenut bħal pereżempju l-films, is-sensiliet, il-videogames, l-aħbarijiet u l-informazzjoni, ir-realtà immersiva u l-multimidja, kif ukoll servizzi bħal pereżempju il-wirjiet teatrali, ix-xandir televiżiv u tar-radju, il-pubblikazzjoni stampata u online, ir-reklamar, il-videos u l-podcasts online. It-trasformazzjoni diġitali, b’mod partikolari ż-żieda fl-intelliġenza artifiċjali, ħaffet il-konverġenza tal-midja, biddlet l-imġiba tal-konsumaturi, fixklet il-mudelli tan-negozju u tad-dħul, u anki l-ġestjoni u l-isfruttament tal-proprjetà intellettwali. Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tgħin lill-midja tal-Unjoni tiffjorixxi, trawwem l-innovazzjoni u l-aċċess għall-finanzi, tippromwovi d-dakkir reċiproku bejn is-setturi tal-aħbarijiet, is-setturi awdjoviżivi u setturi oħra tal-midja, u tappoġġa l-kollaborazzjonijiet bejn tipi differenti ta’ entitajiet tal-midja fl-Unjoni.
(12)Is-settur awdjoviżiv tal-Unjoni qed isib sfidi minħabba ċirkolazzjoni transfruntiera limitata, tibdil fid-drawwiet tal-konsum u d-dominanza ta’ atturi minn barra l-Unjoni. Minħabba dawn l-isfidi, l-intervent tal-Unjoni jenħtieġ li jappoġġa l-kapaċità tal-industriji awdjoviżivi u tal-videogames Ewropej biex joħolqu, jiffinanzjaw, jipproduċu u jxerrdu xogħlijiet Ewropej fuq il-pjattaformi kollha li huma disponibbli u attraenti għall-udjenzi fl-Unjoni u lil hinn. Dan jenħtieġ li jrawwem adattamenti transmedjali tal-proprjetà intellettwali bejn formati differenti tal-midja, jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri b’kapaċitajiet tas-suq differenti, u jakkumpanja l-qafas regolatorju awdjoviżiv tal-Unjoni.
(13)Il-kmamar tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti fl-Unjoni qed ikollhom pressjoni akbar, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fil-pjattaformi online dinjin, it-tibdil fid-drawwiet tal-konsum, u t-tixrid dejjem akbar tad-diżinformazzjoni. Dawn l-isfidi jaffettwaw id-dħul u d-distribuzzjoni tal-aħbarijiet, jimminaw il-vijabbiltà u l-fiduċja tal-pubbliku fil-kmamar tal-aħbarijiet, u jillimitaw l-aċċess taċ-ċittadini għal kontenut ġurnalistiku Ewropew varjat u maħluq professjonalment. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa ekosistema tal-informazzjoni vijabbli, indipendenti u diversa, tipproteġi lill-ġurnalisti mhedda, tippromwovi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u ssaħħaħ l-integrità tal-ispazju tal-informazzjoni, billi tippromwovi miżuri u ssaħħaħ il-kooperazzjoni maħsuba kontra d-diżinformazzjoni u tappoġġa l-litteriżmu diġitali u fil-midja, inkluż fost iż-żgħażagħ.
(14)Id-demokraziji fl-Unjoni qed isibu sfidi dejjem akbar. It-tnaqqis fil-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u fil-proċessi demokratiċi qed ikompli jaggrava bid-diżinformazzjoni, bil-polarizzazzjoni soċjali u bil-mibegħda li jħallu impatt fuq il-proċessi elettorali u proċessi demokratiċi oħra. Biex id-demokrazija Ewropea ssir aktar reżiljenti, hemm bżonn jitħaddem approċċ ta’ soċjetà sħiħa.
(15)Il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali jgħinuna nsawru Unjoni aktar demokratika. In-nondiskriminazzjoni hi prinċipju ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 19 tat-TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta. Il-ħidma favur soċjetà ugwali u ħielsa mid-diskriminazzjoni tikkontribwixxi biex jinħataf il-potenzjal tan-nies fid-diversità tagħhom u għat-tkabbir kulturali, ekonomiku u soċjali. Tgħin ukoll biex jingħelbu l-kawżi sottostanti tal-vjolenza kontra l-gruppi vulnerabbli, li min-naħa tagħha hija attakk frontali fuq l-ugwaljanza. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jippromwovi azzjonijiet li jindirizzaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u intolleranza, jiġifieri d-diskriminazzjoni diretta u indiretta, b’attenzjoni għall-forom speċifiċi ta’ diskriminazzjoni strutturali u intersezzjonali, biex jiġu appoġġati l-oqfsa ta’ politika rilevanti tal-Unjoni. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ żenofobija u razziżmu, antisemitiżmu u mibegħda kontra l-Musulmani, l-omofobija, il-bifobija, it-transfobija, l-interfobija, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-intolleranza lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi inkluż ir-Rom, kif ukoll id-diskors ta’ mibegħda. Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll biex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-impenn li ħadet bħala Parti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 biex tippromwovi, tħares u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni b’diżabbiltà kollha.
(16)Id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, minquxa rispettivament fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 16 tat-TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta, huma infurzati b’Regolament u Direttiva apposta. Il-qafas legali tal-Unjoni jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jitħares b’mod effettiv. Dawn l-istrumenti legali jafdaw il-kompiti f’idejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-protezzjoni tad-data biex jippromovu għarfien pubbliku u fehim dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u id-drittijiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. Minħabba l-importanza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fi żminijiet ta’ żviluppi teknoloġiċi rapidi, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tixrid tal-għarfien, it-twettiq ta’ studji u attivitajiet rilevanti oħra f’dan il-qasam, inkluż permezz tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-protezzjoni tad-data.
(17)L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi dritt fundamentali u objettiv tal-Unjoni u l-Programm jenħtieġ li jappoġġaha. Minkejja ħafna kisbiet, għad fadal bosta sfidi sinifikanti li jeħtieġu tisħiħ tal-impenn tal-Unjoni. Dan jinkludi l-ħidma favur il-ħelsien mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-ogħla standards tas-saħħa, inkluż b’mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva, il-paga ugwali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-kura, impjiegi ugwali, l-opportunitajiet tal-karriera u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva, il-parteċipazzjoni politika u r-rappreżentanza ugwali, il-mekkaniżmi istituzzjonali li jikkontribwixxu għad-drittijiet tan-nisa, l-indirizzar attiv tal-istereotipi tal-ġeneru u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni intersezzjonali.
(18)Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u gruppi oħra f’riskju bħall-persuni LGBTIQ u l-persuni b’diżabbiltà, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali u qed jibqgħu jippersistu mal-Unjoni kollha, fil-kuntesti soċjali u ekonomiċi kollha. Il-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni li jappartjenu għal gruppi oħra f’riskju hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem u attakk frontali fuq l-ugwaljanza. Għalhekk, hu kruċjali għas-soċjetà li nipprevjenu u nindirizzaw din il-vjolenza, għax dan ikun kontribut biex nindirizzaw din id-diskriminazzjoni u l-impatti tal-vjolenza, inkluż fuq is-saħħa. Fl-istess ħin, billi huma marbutin intrinsikament, meta niżguraw soċjetà ħielsa mid-diskriminazzjoni, inkunu qed ngħinu wkoll biex nindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-vjolenza kontra l-gruppi vulnerabbli. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jkompli l-isforz dejjiem tal-Unjoni fil-prevenzjoni, ir-rispons u l-ġlieda kontra l-vjolenza fil-livelli kollha, u fil-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi diretti u indiretti kollha u tas-superstiti tal-vjolenza, filwaqt li jibni fuq il-ħames ġenerazzjonijiet konsekuttivi tal-programm u l-fergħa Daphne. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa adottata f’Istanbul nhar il-11 ta’ Mejju 2011, l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal, li tipproteġi lit-tfal minn kull forma ta’ vjolenza, kif ukoll jikkontribwixxi biex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-impenn li ħadet bħala Parti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li tipproteġi lill-persuni b’diżabbiltà minn kull forma ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż.
(19)F’konformità mal-acquis tal-Unjoni dwar it-trattament ugwali, l-Istati Membri stabbilew korpi indipendenti biex jippromwovu t-trattament ugwali (“korpi tal-ugwaljanza”) li jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u biex tkun żgurata applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali. Barra minn hekk, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa n-Network Ewropew tal-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet) magħmul mill-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1499 u fid-Direttiva (UE) 2024/1500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li Equinet hu l-unika entità li tiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet bejn il-korpi tal-ugwaljanza. Din għandha importanza ewlenija għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri.
(20)Iċ-ċittadini fl-Unjoni kollha, li ħafna minnhom regolarment jew imqar okkażjonalment jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor, jew jgħixu, jistudjaw, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jħossuhom kapaċi jgawdu u jeżerċitaw id-drittijiet taċ-ċittadinanza tagħhom u jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’aċċess ugwali, infurzabbiltà sħiħa u protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament minn fejn jinzertaw fl-Unjoni. Iċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu konxji aktar mid-drittijiet tagħhom mogħtija biċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fl-Unjoni, id-drittijiet tal-vot tagħhom meta jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, id-dritt tagħhom li jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament Ewropew b’waħda mil-lingwi uffiċjali, id-dritt tagħhom li jippreżentaw inizjattivi taċ-ċittadini u d-dritt tagħhom li jagħmlu lmenti lill-ombudsman Ewropew kontra amministrazzjoni istituzzjonali ħażina.
(21)L-inkoraġġiment taċ-ċittadini biex jaqdu rwol aktar attiv fid-demokrazija fil-livell tal-Unjoni se jsaħħaħ is-soċjetà ċivili Ewropea u jrawwem l-iżvilupp tal-identità Ewropea. Għalhekk, is-soċjetà ċivili jeħtieġ li tingħata l-appoġġ biex tippromwovi l-valuri komuni tal-Unjoni, tħarishom u xxerred għarfien dwarhom, u biex tikkontribwixxi għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni. Meta ċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, dawn ikunu qed jikkontribwixxu biex titwettaq id-demokrazija rappreżentattiva, bħala prinċipju li fuqu jinbena l-funzjonament tal-Unjoni u li jagħti espressjoni konkreta lill-valur tad-demokrazija minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE.
(22)Biex l-Unjoni titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha u biex titrawwem il-parteċipazzjoni demokratika, hemm bżonn bosta azzjonijiet u sforzi kkoordinati. Iċ-ċittadinanza Ewropea u l-identità Ewropea jenħtieġ li jiġu żviluppati u promossi billi ċ-ċittadini jitħeġġu jifhmu l-proċess tat-tfassil tal-politika, u billi jiġi promoss l-involviment ċiviku fl-azzjonijiet tal-Unjoni. L-attivitajiet ta’ kommemorazzjoni u r-riflessjoni kritika dwar il-memorja storika tal-Ewropa huma meħtieġa biex iċ-ċittadini jifhmu l-istorja komuni, u biex jinfirxu l-pedamenti għal ġejjieni u valuri komuni. Barra minn hekk, l-appoġġ lill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tranżnazzjonali fl-oqsma koperti mill-Programm se jikkontribwixxi biex jiżdied l-involviment taċ-ċittadini fis-soċjetà u fl-aħħar mill-aħħar biex jinvolvihom attivament fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Fl-istess waqt, l-appoġġ lill-attivitajiet li jippromovu l-fehim reċiproku, id-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali u r-rispett lejn ħaddieħor irawwem sens ta’ appartenenza għall-Unjoni u ta’ ċittadinanza komuni skont identità Ewropea, abbażi ta’ komprensjoni komuni tal-valuri Ewropej komuni tagħna, tal-kultura, tal-istorja u tal-wirt tagħna.
(23)L-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, u atturi oħra tal-ispazju ċiviku, bħall-korpi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, il-korpi tal-ugwaljanza u l-Istituzzjonijiet tal-Ombudspersons, jaqdu rwol vitali favur l-implimentazzjoni tal-politika, biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nies, l-istituzzjonijiet jinżammu responsabbli, u titwettaq bidla pożittiva. Il-Programm jenħtieġ li jgħin biex ikunu żgurati riżorsi biżżejjed u ambjent li jippermettilhom joperaw b’mod indipendenti, liberu, sikur u effettiv. Għal dan l-għan, il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jikkomplementa l-isforzi fil-livell nazzjonali billi jappoġġa, jipproteġi, jagħti s-setgħa u jibni l-kapaċità tagħhom, kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018, kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2023 u tas-7 ta’ Marzu 2025. Is-soċjetà ċivili għandha rwol importanti wkoll biex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi trawwem kultura mingħajr mażżri u ambjent favorevoli għall-informaturi.
(24)Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-Unjoni hi struttura legali bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u tagħraf li dawn ilkoll jaqsmu magħha, il-valuri komuni li hemm fl-Artikolu 2 tat-TUE, li fuqhom hi msejsa l-Unjoni. Dik il-premessa hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi u essenzjali tal-liġi tal-Unjoni, inkluż l-awtonomija li tgawdi fir-rigward tal-liġijiet tal-Istati Membri u tal-liġi internazzjonali. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tal-liġi tal-Unjoni li timplementahom. Minn din joħroġ li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri li hemm fl-Artikolu 2 tat-TUE hi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dak l-Istat Membru. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li fl-oqsma li l-Unjoni għandha kompetenza fihom, tista’ tieħu azzjoni biex tiżgura r-rispett għall-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE.
(25)Fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej qed isibu sfidi li jaffettwaw id-demokraziji, bħaż-żieda fl-estremiżmi u fl-intolleranza, id-diżinformazzjoni, u l-manipulazzjoni u l-interferenza minn atturi ostili barranin, hu kruċjali li l-valuri tal-Unjoni bħar-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u d-demokrazija, ikomplu jiġu kkultivati, protetti, promossi, infurzati, u kondiviżi b’mod attiv fost iċ-ċittadini u l-popli, biex dawk il-valuri jibqgħu fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni. Tnawwir fil-ħarsien tagħhom fi xi Stat Membru jista’ jkollu effetti detrimentali fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Għalhekk hu kruċjali li dan il-Programm jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u d-demokrazija.
(26)Fid-dawl tar-riskji dejjem akbar marbutin ma’ perikli naturali, diżastri tal-klima u ambjentali, emerġenzi tas-saħħa, inċidenti teknoloġiċi, theddid għas-sigurtà li kontinwament jevolvi, u tfixkil ieħor, jenħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jantiċipaw, iħejju ruħhom u jirrispondu għall-kriżijiet. Għalhekk, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-edukazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini fit-tħejjija għall-kriżijiet biex b’hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetà.
(27)Għaldaqstant, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll azzjonijiet maħsuba biex jissalvagwardjaw u jsaħħu d-demokrazija fl-Unjoni, iżidu l-fiduċja pubblika fid-demokrazija u fl-istituzzjonijiet demokratiċi, isaħħu t-tħejjija demokratika u r-reżiljenza, irawmu l-involviment, il-parteċipazzjoni u l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-istorja u l-valuri komuni, u b’hekk jappoġġaw l-eżerċizzju miċ-ċittadini tad-drittijiet tagħhom, inkluż id-drittijiet elettorali tagħhom, b’rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet. Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għat-trawwim tal-ħsieb kritiku, il-parteċipazzjoni ċivika u d-demokrazija permezz tal-edukazzjoni bħala sforz tul il-ħajja, ħalli ċ-ċittadini kollha jkollhom il-ħiliet biex jaqbdu l-informazzjoni, il-manipulazzjoni u l-interferenza u d-diżinformazzjoni minn barranin.
(28)Il-Programm jenħtieġ li jrawwem sinerġiji u komplementarjetà ma’ Ewropa Globali għax dan jikkontribwixxi għall-avvanz tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-Unjoni u għall-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni kulturali.
(29)Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-finanzjament tal-appoġġ tekniku u organizzattiv għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’hekk jirfed l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini li jniedu u jappoġġaw inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Flimkien mal-bqija tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 tat-TFUE, dak id-dritt jiżgura l-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni.
(30)Biex tkun żgurata l-konsistenza, il-garanzija baġitarja u l-istrumenti finanzjarji tal-Programm, inkluż meta kkombinati ma’ forom oħra ta’ appoġġ mhux ripagabbli f’operazzjonijiet ta’ taħlit, jenħtieġ li jiġu implimentati f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Instrument InvestEU tal-Fond Ewropew għall-Kompetittività (FEK) skont ftehimiet konklużi għal dak it-tip ta’ appoġġ mill-Istrument InvestEU tal-FEK.
(31)Meta l-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Programm ikun irid jingħata fil-forma ta’ garanzija baġitarja jew strument finanzjarju, inkluż meta kkombinat ma’ appoġġ mhux ripagabbli f’operazzjoni ta’ taħlit, dan l-appoġġ jeħtieġ jingħata esklużivament permezz tal-Instrument InvestEU tal-FEK f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Instrument InvestEU tal-FEK.
(32)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ taqsam l-impenji baġitarji f’pagamenti annwali. F’dak il-każ, l-Kummissjoni jenħtieġ li timpenja l-pagamenti annwali tul l-implimentazzjoni tal-Programm, filwaqt li tqis il-progress tal-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja, l-istima tal-ħtiġijiet tagħhom u l-baġit disponibbli.
(33)Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-Programm. Jistabbilixxi r-regoli dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-għotjiet, il-premjijiet, id-donazzjonijiet mhux finanzjarji, l-akkwist, l-implimentazzjoni indiretta, l-assistenza finanzjarja, l-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji.
(34)F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 883/2013 u (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kull parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(35)Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni] li jistabbilixxi r-regoli għat-traċċar tan-nefqa u l-qafas tal-prestazzjoni għall-baġit, inkluż regoli li jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-prinċipji “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri msemmija fl-Artikolu 33(2), il-punti (d) u (f), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 rispettivament, regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar il-prestazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, regoli għall-istabbiliment ta’ portal tal-finanzjament tal-Unjoni, regoli għall-evalwazzjoni tal-programmi, kif ukoll dispożizzjonijiet orizzontali oħra applikabbli għall-programmi kollha tal-Unjoni bħal dawk dwar l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà filwaqt li jitqiesu l-ambitu u n-natura tal-attivitajiet u l-prijoritajiet.
(36)Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll ir-rwol tad-Desks tal-Programm, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu; u jenħtieġ li dawn jipprovdu gwida u assistenza lill-applikanti dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u kollaborazzjonijiet transfruntieri, li jikkontribwixxu għall-kuntatt, il-viżibbiltà u t-tixrid tal-għarfien tal-Programm f’konformità mar-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni]. Id-Desks tal-Programm jenħtieġ li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti u mingħajr interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, u jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda responsabbiltà fir-rigward tal-ġestjoni tal-Programm.
(37)Skont l-Artikolu 85(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764, persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu huwa marbut il-pajjiż jew it-territorju ekstra-Ewropew rilevanti.
(38)Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fl-objettiv speċifiku “Awdjoviżiv” teħtieġ ċertu livell ta’ reċiproċità u allinjament regolatorju. Għal din ir-raġuni, meta jkunu qed jiġu konklużi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li jitqiesu s-sitwazzjoni tas-swieq awdjoviżivi tagħhom, il-prossimità tal-oqfsa legali tagħhom mal-acquis tal-Unjoni dwar il-midja awdjoviżiva, b’mod partikolari d-Direttiva 2010/13/UE, u l-aċċess għall-iskemi tal-appoġġ tagħhom. Dan hu importanti b’mod partikolari fejn jidħlu pajjiżi Ewropej oħrajn, li x-xogħlijiet awdjoviżivi tagħhom igawdu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE li tippromwovi x-xogħlijiet Ewropej, b’mod partikolari s-sistema tal-kwoti. Fil-każ speċifiku tal-pajjiżi aderenti, tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali, ir-rekwiżit li jallinjaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom mad-Direttiva 2010/13/UE kien diġà inkluż fir-Regolament (UE) 2021/818 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva. Din il-kundizzjoni kienet inċentiv effiċjenti biex iħaffu l-pass tagħhom fl-allinjament ġenerali mal-acquis tal-UE fid-dawl ta’ adeżjoni.
(39)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba n-natura tranżnazzjonali tal-isfidi, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(40)Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm mill-2028 sal-2034, jiġifieri s-suċċessur tal-Programmi stabbiliti mir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818 għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818 jenħtieġ li jitħassru,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm “AgoraEU” (il-“Programm”) u jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit tiegħu għall-perjodu 2028-2034, il-forom tal-finanzjament tal-Unjoni, u r-regoli għall-għoti ta’ dan il-finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “proċedura ta’ għoti” tfisser proċedura ta’ għoti, kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kif ukoll il-proċeduri biex jiġu fdati l-implimentazzjoni u l-għoti tal-appoġġ bl-istrumenti finanzjarji, biex tingħata l-garanzija baġitarja, jew biex jingħata appoġġ permezz tal-garanzija baġitarja.
Artikolu 3
Objettivi tal-programm
(1)L-objettivi ġenerali tal-Programm huma li jippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi, iżid il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari l-industriji tal-midja u awdjoviżivi, jissalvagwardja l-libertà artistika u tal-midja, u jħares u jippromwovi l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza attiva, id-drittijiet u l-valuri kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta, u b’hekk isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika u r-reżiljenza tas-soċjetà.
(2)Fl-ambitu tal-objettivi ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Programm għandu jkollu l-fergħat li ġejjin, li jimplimentaw l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(a)il-fergħa “Ewropa Kreattiva — Kultura” għandha:
I.tikkontribwixxi għall-kreazzjoni kulturali, il-kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-aċċessibbiltà transfruntieri, u għaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ diversità ta’ xogħlijiet kulturali, filwaqt li ssaħħaħ id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi (“Kultura”).
(b)il-fergħa MEDIA+ għandha:
I.tikkontribwixxi għad-diversità kulturali u l-kompetittività tal-industriji awdjoviżivi u tal-videogames, b’mod partikolari billi ttejjeb il-kreazzjoni u d-distribuzzjoni transfruntieri tal-kontenut Ewropew u l-aċċess tiegħu miċ-ċittadini (“Awdjoviżiv”).
II.tikkontribwixxi għal ekosistema tal-informazzjoni ħielsa, vijabbli u diversa tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tappoġġa l-ġurnaliżmu u l-kmamar tal-aħbarijiet ħielsa u indipendenti, ittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli, u tindirizza d-diżinformazzjoni (“Aħbarijiet”).
(c)il-fergħa CERV+ (Demokrazija, Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri) għandha:
I.tikkontribwixxi għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni minquxa fit-Trattati fosthom il-moviment liberu taċ-ċittadini, u tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili (“drittijiet, ugwaljanza, ċittadini u soċjetà ċivili”);
II.tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza fuq it-tfal u gruppi oħra f’riskju ta’ din il-vjolenza (“Daphne”);
III.tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika u għaż-żamma tal-istat tad-dritt (“parteċipazzjoni demokratika u stat tad-dritt”).
(3)Biex jimmassimizza l-impatt u jżid is-sinerġiji bejn il-fergħat imsemmija fil-paragrafu 2, il-Programm għandu jappoġġa attivitajiet trasversali u orizzontali li jikkontribwixxu għall-objettiv ġenerali msemmi fil-paragrafu 1, b’mod partikolari billi jibni sinerġiji bejn l-isferi kulturali, tal-midja u ċiviċi u jippromwovi l-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni transsettorjali.
Kapitolu II
Il-fergħa “Ewropa Kreattiva — Kultura”
Artikolu 4
Kultura
Fil-fergħa “Ewropa Kreattiva — Kultura”, l-objettiv speċifiku “Kultura”, li jkopri s-setturi kulturali u kreattivi, għandu jiffoka fuq:
(a)it-trawwim ta’ ħolqien, kooperazzjoni u skambji transfruntieri b’diversi formati, inkluż bil-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, residenzi artistiċi, kif ukoll sħubijiet bejn organizzazzjonijiet ta’ kull daqs;
(b)it-titjib tal-aċċess għall-kultura u l-wirt kulturali u l-parteċipazzjoni fihom għal kulħadd, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, u t-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u l-koeżjoni soċjali, b’mod partikolari l-ġustizzja interġenerazzjonali, l-ugwaljanza u d-diversità, permezz tal-involviment kulturali;
(c)l-appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni, id-distribuzzjoni, il-promozzjoni u l-viżibbiltà ta’ kontenut kulturali Ewropew varjat permezz ta’ diversi kanali fl-Unjoni u internazzjonalment, inkluż permezz ta’ pjattaformi Ewropej għal artisti emerġenti, appoġġ lill-entitajiet li għandhom l-għan li jħarrġu u jippromwovu lil artisti żgħażagħ, premjijiet li jippromwovu t-talent artistiku u l-eċċellenza, inizjattivi itineranti, festivals, u traduzzjoni;
(d)it-tisħiħ tal-kapaċità u l-ħiliet fis-setturi kulturali u kreattivi biex jixprunaw l-innovazzjoni u l-kompetittività u biex ikunu jifilħu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluż b’appoġġ għal networks ta’ organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi, attivitajiet ta’ taħriġ u tagħlim bejn il-pari;
(e)il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-politika kulturali b’kooperazzjoni u bi skambju ta’ prattiki tajbin fil-livell tal-Unjoni, u t-titjib tal-bażi tal-evidenza bi ġbir u analiżi aħjar tad-data, u azzjonijiet pilota;
(f)l-avvanz tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-Unjoni u l-kontribut għall-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni permezz ta’ kooperazzjoni kulturali;
(g)l-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Nru 445/2014/UE u Nru 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni.
L-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku “Kultura” għandha ssir b’rispett sħiħ lejn il-libertà artistika u d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, u tikkontribwixxi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u kreattivi.
Kapitolu III
Il-fergħa MEDIA+
Artikolu 5
Awdjoviżiv
Fil-fergħa MEDIA+, l-objettiv speċifiku “Awdjoviżiv” għandu jiffoka fuq:
(a)l-appoġġ għall-ħolqien ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, f’diversi formati u ġeneri, bil-potenzjal li jintlaħqu udjenzi differenti lil hinn mill-fruntieri;
(b)it-trawwim taċ-ċirkolazzjoni, id-distribuzzjoni, il-prominenza u l-viżibbiltà transfruntieri tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fuq il-mezzi kollha fl-Unjoni u internazzjonalment, inkluż bi strateġiji tad-distribuzzjoni kkoordinati, għodod tal-kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni;
(c)it-tiswir ta’ udjenzi għax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, inkluż b’network ta’ ċinemas Ewropej, festivals u kampanji ta’ għarfien, u jiġu mmirati b’mod partikolari ż-żgħażagħ Ewropej u l-komunitajiet mhux milħuqa biżżejjed;
(d)l-appoġġ għall-iżvilupp u l-ħolqien ta’ prototipi ta’ videogames u kontenut immersiv Ewropej, inkluż bi strateġiji ta’ ttestjar tas-suq, promozzjoni u skopribbiltà mmexxijin skont l-udjenzi, u distribuzzjoni mal-pjattaformi kollha;
(e)it-tisħiħ tal-iżvilupp tat-talent, l-appoġġ għall-aċċess għall-finanzi, skambji u networking bejn in-negozji, l-adozzjoni ta’ għodod u mudelli tan-negozju innovattivi, u strateġiji għall-użu transmedjali tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari b’rispons għal bidliet kreattivi, fis-suq u teknoloġiċi;
(f)it-trawwim ta’ djalogu ta’ politika, skambji tal-aqwa prattiki, ġbir u analiżi tad-data, inkluż il-ħlas tat-tariffa kontributorja għas-sħubija tal-Unjoni fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew;
(g)il-kontribut għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
L-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku “Awdjoviżiv” għandha ssir b’rispett sħiħ lejn il-libertà artistika u tiżgura l-kollaborazzjoni bejn entitajiet minn Stati Membri b’kapaċitajiet awdjoviżivi differenti.
Artikolu 6
Aħbarijiet
Fil-fergħa MEDIA+, l-objettiv speċifiku “Aħbarijiet” għandu jiffoka fuq:
(a)il-protezzjoni tal-kmamar tal-aħbarijiet u tal-ġurnalisti, speċjalment meta jġarrbu t-theddid; il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u azzjonijiet li jindirizzaw ir-riskji tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fis-suq intern; u l-promozzjoni ta’ standards ġurnalistiċi u editorjali;
(b)it-tisħiħ tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum ta’ kontenut ġurnalistiku professjonali, inkluż rappurtaġġi ta’ materji tal-Unjoni, ġurnaliżmu investigattiv, aħbarijiet lokali, u l-midja ta’ interess pubbliku;
(c)l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, prattiki innovattivi, mudelli ġodda tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tan-negozju, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-fondi u l-inkoraġġiment ta’ attivitajiet transfruntieri u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-professjonisti tal-midja tal-aħbarijiet;
(d)it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-promozzjoni ta’ miżuri maħsuba għall-monitoraġġ u s-salvagwardja tal-ispazju tal-informazzjoni online, inkluż l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin, u dan iservi ta’ kontribut għal aktar reżiljenza fl-Unjoni;
(e)il-promozzjoni ta’ attivitajiet tal-litteriżmu diġitali u fil-midja biex iċ-ċittadini, inkluż iż-żgħażagħ, ikunu jistgħu jużaw u jiżviluppaw moħħ kritiku tal-ekosistema tal-informazzjoni;
(f)it-tisħiħ tad-djalogu ta’ politika, il-ġbir u l-analiżi tad-data, u l-iżvilupp ta’ standards komuni, inkluż billi titwieżen il-ħidma tal-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Midja.
L-implimentazzjoni tal-objettiv speċifiku “Aħbarijiet” għandha ssir b’rispett sħiħ lejn l-indipendenza editorjali tal-midja u l-istandards professjonali.
Kapitolu IV
Il-fergħa “CERV+”
Artikolu 7
Drittijiet, ugwaljanza, ċittadini u soċjetà ċivili
Fil-fergħa “CERV+”, l-objettiv speċifiku “Drittijiet, Ugwaljanza, Ċittadini u Soċjetà Ċivili” għandu jiffoka fuq:
(a)il-promozzjoni tal-ugwaljanza, u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u l-forom kollha ta’ razziżmu u intolleranza;
(b)il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u l-protezzjoni u l-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tan-nisa;
(c)il-promozzjoni tal-aċċessibbiltà, u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, l-appoġġ għall-implimentazzjoni mill-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà;
(d)il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
(e)il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali kif ukoll id-drittijiet fl-ispazju diġitali;
(f)it-trawwim ta’ spazju ċiviku vibranti billi tinbena l-kapaċità u jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u atturi rilevanti oħra, li jkunu attivi fil-livelli kollha fil-protezzjoni, fil-promozzjoni u fit-tixrid tal-għarfien fost iċ-ċittadini dwar id-drittijiet minquxa fit-Trattat, fil-promozzjoni tar-reżiljenza demokratika tal-UE, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, u l-valuri tal-Unjoni b’mod aktar ġenerali, fosthom ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, u fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-osservanza tal-Karta.
Artikolu 8
Daphne
Fil-fergħa CERV+, l-objettiv speċifiku “Daphne” għandu jiffoka fuq:
(a)il-prevenzjoni, ir-rispons u l-ġlieda fil-livelli kollha kontra l-forom kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq in-nisa u l-bniet, il-vjolenza domestika, u l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-persuni LGBTIQ, il-persuni b’diżabbiltà u gruppi oħra f’riskju;
(b)il-protezzjoni u l-appoġġ lill-vittmi diretti u indiretti kollha u s-superstiti tal-vjolenza kif imsemmi fil-punt (a);
(c)l-appoġġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Unjoni.
Artikolu 9
Parteċipazzjoni demokratika u stat tad-dritt
Fil-fergħa “CERV+”, l-objettiv speċifiku “Parteċipazzjoni demokratika u stat tad-dritt” tal-Programm għandu jiffoka fuq:
(a)il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni u l-involviment taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika u ċivika tal-Unjoni, u l-appoġġ għal soċjetajiet miftuħa, reżiljenti, ibbażati fuq id-drittijiet u ugwali, u msejsin fuq l-istat tad-dritt;
(b)l-appoġġ għal proċessi elettorali u demokratiċi ħielsa, ġusti, reżiljenti, aċċessibbli u inklużivi;
(c)il-promozzjoni tal-għarfien ċiviku u fehim aħjar tal-Unjoni, u tal-istorja, il-memorja u d-diversità komuni tagħha biex jitrawmu l-fehim reċiproku u t-tolleranza.
Kapitolu V
Prijoritajiet u attivitajiet trasversali u orizzontali
Artikolu 10
Fl-ambitu tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3, il-Programm għandu jappoġġa l-prijoritajiet u l-attivitajiet trasversali u orizzontali li ġejjin:
(a)il-kooperazzjoni u l-innovazzjoni transsettorjali fl-oqsma kulturali, tal-midja u ċiviċi, u l-protezzjoni tal-integrità tad-diskors pubbliku, u b’hekk jissaħħu r-reżiljenza demokratika, it-tħejjija tas-soċjetà u l-involviment kulturali u ċiviku;
(b)użu responsabbli tal-għodod innovattivi u t-teknoloġiji tal-kontenut, b’mod partikolari l-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet u l-bini tal-kapaċitajiet b’approċċi transsettorjali;
(c)azzjonijiet għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma tal-kultura, tal-midja u ċiviċi, inkluż, meta applikabbli, b’kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati;
(d)f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni], il-promozzjoni tal-Programm, u l-opportunitajiet tal-finanzjament tiegħu, inkluż permezz tad-Desks tal-Programm, biex b’hekk jiżdiedu l-kuntatt, il-viżibbiltà u t-tixrid tal-għarfien dwar ir-riżultati tal-Programm;
Il-finanzjament ta’ prijoritajiet u attivitajiet trasversali u orizzontali għandu jiġi ddeterminat skont in-natura u l-ambitu tagħhom.
Kapitolu VI
Dispożizzjonijiet finanzjarji
Artikolu 11
Baġit
1.Il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2028-2034 hu stabbilit għal EUR 8 582 000 000 fi prezzijiet kurrenti.
2.L-impenji baġitarji għal attivitajiet mifruxa fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti akkont annwali.
3.L-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni ta’ wara l-2034 biex ikopru l-ispejjeż meħtieġa u biex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet li ma jkunux tlestew sa tmiem il-Programm.
4.Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ammonti tar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 12 jistgħu jintużaw ukoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, tal-monitoraġġ, tal-kontroll, tal-awditjar u tal-evalwazzjoni, sistemi u pjattaformi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, u kull assistenza teknika u amministrattiva oħra jew spejjeż relatati mal-persunal imġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.
Artikolu 12
Riżorsi addizzjonali
1.L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew partijiet terzi oħra, jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji addizzjonali għall-Programm. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punti (a), (d), jew (e) jew l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
2.Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Programm. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament jew indirettament f’konformità mal-Artikolu 62(1)(a) jew (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Dawn għandhom jiżdiedu mal-ammont imsemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għal ammonti addizzjonali magħmula disponibbli b’dan il-mod għall-Programm, l-ammonti mhux impenjati korrispondenti jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lura għal programm sors rispettiv wieħed jew aktar jew is-suċċessuri tagħhom.
Artikolu 13
Finanzjament alternattiv, ikkombinat u kumulattiv
1.Il-Programm għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni. Anki azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni tal-Unjoni minn programm ieħor tista’ tirċievi kontribuzzjoni taħt dan il-Programm. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti, jew inkella jista’ jiġi applikat sett uniku ta’ regoli għall-kontribuzzjonijiet kollha u jista’ jiġi konkluż impenn legali wieħed. Jekk il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Unjoni jkunu pprovduti abbażi tal-kost eliġibbli, l-appoġġ kumulattiv mill-baġit tal-Unjoni ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.
2.Il-proċeduri ta’ għoti skont il-Programm jistgħu jsiru b’mod konġunt b’ġestjoni diretta jew indiretta ma’ Stati Membri, istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jew partijiet terzi oħra, diment li tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Tali proċeduri għandhom ikunu soġġetti għal sett uniku ta’ regoli u jwasslu għall-konklużjoni ta’ impenn legali uniku. Għal dak l-għan, is-sħab għall-proċedura ta’ għoti konġunt jistgħu jagħmlu r-riżorsi disponibbli għall-Programm f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, jew is-sħab jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ għoti, fejn applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Fi proċeduri ta’ għoti konġunti, ir-rappreżentanti tas-sħab tal-proċedura ta’ għoti konġunta jistgħu jkunu wkoll membri tal-kumitat tal-evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 153(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Artikolu 14
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
1.Il-Programm jista’ jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin permezz ta’ assoċjazzjoni sħiħa jew parzjali, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti jew kwalunkwe deċiżjoni adottata fil-qafas ta’ dawk il-ftehimiet u applikabbli għal:
(a)il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll mikrostati Ewropej;
(b)il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali;
(c)il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;
(d)pajjiżi terzi oħra.
2.Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-Programmi għandhom:
(a)jiżguraw bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-Programmi;
(b)jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-Programm tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji, li jikkonsistu f’kontribuzzjoni operazzjonali u tariffa ta’ parteċipazzjoni, għal programm u l-kostijiet amministrattivi ġenerali tiegħu;
(c)ma għandhomx jagħtu lill-pajjiż terz xi setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Programm;
(d)għandhom jiggarantixxu d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tħares l-interessi finanzjarji tagħha;
(e)għandhom, fejn rilevanti, jiżguraw il-protezzjoni tas-sigurtà u l-interessi tal-ordni pubbliku tal-Unjoni.
Għall-finijiet tal-punt (d), il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, u jiggarantixxi li d-deċiżjonijiet ta’ infurzar li jimponu obbligu pekunarju abbażi tal-Artikolu 299 TFUE, kif ukoll is-sentenzi u l-ordnijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu infurzabbli.
3.Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni li jagħtu parteċipazzjoni fl-objettiv speċifiku “Awdjoviżiv” imsemmi fl-Artikolu 3 għandhom iqisu s-sitwazzjoni tas-suq awdjoviżiv fil-pajjiż ikkonċernat, inkluż il-prossimità tal-qafas legali tagħhom mal-acquis tal-Unjoni dwar il-midja awdjoviżiva u l-aċċess għall-iskemi ta’ appoġġ tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi Ewropej oħra. Il-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jeżiġu l-allinjament tal-liġi nazzjonali tagħhom mad-Direttiva 2010/13/UE biex tingħata parteċipazzjoni fl-objettiv speċifiku “Awdjoviżiv”.
Artikolu 15
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni
1.Il-Programm għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, taħt ġestjoni diretta jew taħt ġestjoni indiretta mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1)(c) ta’ dak ir-Regolament.
1.Il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jingħata fi kwalunkwe forma f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, b’mod partikolari għotjiet, premjijiet, akkwist, u donazzjonijiet mhux finanzjarji.
2.Meta l-appoġġ tal-Unjoni jingħata fil-forma ta’ garanzija baġitarja jew strument finanzjarju, inkluż meta kkombinat ma’ appoġġ mhux ripagabbli f’operazzjoni ta’ taħlit, dan għandu jingħata esklużivament permezz tal-Istrument InvestEU tal-FEK u jiġi implimentat f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Istrument InvestEU tal-FEK permezz tal-ftehimiet konklużi għal dak it-tip ta’ appoġġ mill-Istrument InvestEU tal-FEK.
3.L-appoġġ tal-Unjoni fil-forma ta’ garanzija baġitarja għandu jingħata fi ħdan l-ammont massimu tal-garanzija baġitarja stabbilit mir-Regolament FEK.
4.Meta l-Programm juża l-Istrument InvestEU tal-FEK, dan għandu jipprovdi l-proviżjonament għall-garanzija baġitarja u l-finanzjament għall-istrumenti finanzjarji, inkluż meta jiġu kkombinati ma’ appoġġ mhux ripagabbli fil-forma ta’ operazzjoni ta’ taħlit.
5.Meta l-finanzjament tal-Unjoni jingħata fil-forma ta’ għotja, il-finanzjament għandu jingħata bħala finanzjament mhux marbut mal-kostijiet jew, fejn meħtieġ, għażliet ta’ kostijiet issimplifikati, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-finanzjament jista’ jingħata fil-forma ta’ rimborż reali tal-kost eliġibbli, meta l-objettivi ta’ azzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu mod ieħor biss.
6.Għall-finijiet tal-Artikolu 153(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-kumitat tal-evalwazzjoni jista’ jkun magħmul parzjalment jew kompletament minn esperti esterni indipendenti.
7.L-entitajiet li japplikaw għal finanzjament mill-fergħa “Ewropa Kreattiva — Kultura” tal-Programm u li tul l-aħħar sentejn ikunu rċevew aktar minn 50% tad-dħul annwali tagħhom mingħand sorsi pubbliċi, għandhom jitqiesu li għandhom il-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet tal-Programm. M’għandhomx jintalbu jippreżentaw dokumentazzjoni ulterjuri biex juru dik il-kapaċità.
Artikolu 16
Eliġibbiltà
1.Għandhom jiġu stabbiliti kriterji tal-eliġibbiltà biex jgħinu fl-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u għandhom japplikaw għall-proċeduri ta’ għoti kollha skont il-Programm.
2.Fil-proċeduri ta’ għoti b’ġestjoni diretta u indiretta, entità ġuridika waħda jew bosta minn dawn li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli biex jipprovdu jew jirċievu appoġġ tal-Unjoni:
(a)entitajiet stabbiliti fi Stat Membru;
(b)entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz assoċjat;
(c)organizzazzjonijiet internazzjonali;
(d)entitajiet oħra stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati, sa fejn il-finanzjament ta’ tali entitajiet ikun essenzjali għall-implimentazzjoni tal-azzjoni u jikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.
3.Minbarra l-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-pajjiżi terzi assoċjati li jissemmew fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament jistgħu, fejn rilevanti, jipparteċipaw ukoll fi kwalunkwe mekkaniżmu tal-akkwist stabbilit fl-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u jibbenefikaw minnu. Ir-regoli applikabbli għall-Istati Membri għandhom jiġu applikati, mutatis mutandis, għall-pajjiżi terzi assoċjati parteċipanti.
4.Il-proċeduri tal-għoti li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi u tal-interessi strateġiċi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, għandhom ikunu ristretti f’konformità mal-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
5.Il-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 jista’ jkompli jispeċifika l-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament jew jistabbilixxi kriterji tal-eliġibbiltà addizzjonali għal azzjonijiet speċifiċi.
6.Għotja operattiva tista’ tingħata mingħajr sejħa għal proposti lin-Network Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (Equinet), biex ikopri n-nefqa assoċjata mal-programm ta’ ħidma permanenti tiegħu.
Artikolu 17
Programm ta’ ħidma
Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma msemmijin fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, meta applikabbli, l-attivitajiet u l-ammonti relatati tal-appoġġ tal-Unjoni li jridu jiġu implimentati bl-Istrument InvestEU tal-FEK.
Kapitolu VII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 18
Tħassir
Ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2028.
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1.Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, skont ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/818, li għandhom jibqgħu japplikaw għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
2.Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u (UE) 2021/81.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA3
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva3
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)3
1.3.Objettiv(i)3
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali3
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi3
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija3
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni3
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:4
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva4
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva4
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.4
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi4
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra5
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni5
1.6.Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha6
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)6
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI8
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar8
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll8
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta8
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom8
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)8
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet9
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA10
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i10
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet12
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali12
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat12
3.2.1.2.Approprjazzjonijiet minn dħul assenjat estern17
3.2.2.Output stmat iffinanzjat minn approprjazzjonijiet operazzjonali22
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi24
3.2.3.1. Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat24
3.2.3.2.Approprjazzjonijiet minn dħul assenjat estern24
3.2.3.3.Total tal-approprjazzjonijiet24
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani25
3.2.4.1.Iffinanzjati mill-baġit ivvutat25
3.2.4.2.Iffinanzjati minn dħul assenjat estern26
3.2.4.3.Rekwiżiti totali ta’ riżorsi umani26
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali28
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali28
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi28
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul29
4.Dimensjonijiet diġitali29
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali30
4.2.Data30
4.3.Soluzzjonijiet diġitali31
4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà31
4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali32
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm “AgoraEU”, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2021/692 u 2021/818 għall-perjodu 2028-2034
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Il-kultura, is-settur awdjoviżiv u l-midja, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-istat tad-dritt, is-soċjetà ċivili, il-parteċipazzjoni demokratika.
1.3.Objettiv(i)
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali
L-objettivi ġenerali tal-Programm huma li jippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiċi, iżid il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari l-industriji tal-midja u awdjoviżivi, jissalvagwardja l-libertà artistika u tal-midja, u jħares u jippromwovi l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza attiva, id-drittijiet u l-valuri kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta, u b’hekk isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika u r-reżiljenza tas-soċjetà fl-Unjoni.
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Il-Programm se jirfed dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
a)
jikkontribwixxi għall-kreazzjoni kulturali, il-kooperazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-aċċessibbiltà transfruntieri, u għaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ diversità ta’ xogħlijiet kulturali, filwaqt li jsaħħaħ id-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi (“kultura”);
b) jikkontribwixxi għad-diversità kulturali u l-kompetittività tal-industriji awdjoviżivi u tal-videogames, b’mod partikolari billi jtejjeb il-kreazzjoni u d-distribuzzjoni transfruntieri tal-kontenut Ewropew u l-aċċess tiegħu miċ-ċittadini (“Awdjoviżiv”);
c) jikkontribwixxi għal ekosistema tal-informazzjoni ħielsa, vijabbli u diversa tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jappoġġa l-ġurnaliżmu u l-kmamar tal-aħbarijiet ħielsa u indipendenti, itejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli, u jindirizza d-diżinformazzjoni (“aħbarijiet”);
d) jikkontribwixxi għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni minquxa fit-Trattati fosthom il-moviment liberu taċ-ċittadini, u jagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili (“drittijiet, ugwaljanza, ċittadini u soċjetà ċivili”);
e) jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza fuq it-tfal u gruppi oħra f’riskju ta’ din il-vjolenza (“Daphne”);
f) jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika u għaż-żamma tal-istat tad-dritt (“parteċipazzjoni demokratika u stat tad-dritt”).
Biex jitħalla l-akbar impatt u jissaħħu s-sinerġiji, il-Programm għandu jappoġġa attivitajiet trasversali u orizzontali li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali, b’mod partikolari billi jibni sinerġiji bejn l-isferi kulturali, tal-midja u ċiviċi u jippromwovi l-kollaborazzjoni u l-innovazzjoni transsettorjali.
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Il-Programm se jħalli impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni kulturali, il-parteċipazzjoni kulturali u l-aċċessibbiltà transfruntieri, u għaċ-ċirkolazzjoni ta’ diversità ta’ xogħlijiet kulturali. Dan se jsir bil-promozzjoni tal-kooperazzjoni, il-kreazzjoni, in-networking, u t-tagħqid tal-esperjenzi fis-setturi kulturali u kreattivi (CCS), b’appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni ta’ diversità ta’ kontenut kulturali u għal aċċess għal diversità kulturali u patrimonju, u b’appoġġ għall-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti tas-CCS lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-azzjonijiet se jipprovdu, fost l-oħrajn, setturi kulturali u kreattivi (CCS) attrezzati aħjar biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin, potenzjal kreattiv imsaħħaħ tas-CCS fir-rigward tal-libertà artistika, kontenut kulturali aktar varjat li jiċċirkola lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, aktar artisti u professjonisti tas-CCS li jwessgħu l-karrieri tagħhom, aċċess akbar u aktar inklużiv għal kontenut u wirt kulturali aktar varjat, aktar sħubijiet u skambji kulturali internazzjonali, aktar diġitalizzazzjoni, aċċess, preservazzjoni u użu mill-ġdid tal-wirt diġitali.
Il-Programm se jħalli impatt pożittiv fejn jidħol l-appoġġ għall-ħolqien, iċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess tal-kontenut awdjoviżiv u tal-midja tal-UE, u suq tal-informazzjoni divers. L-appoġġ għax-xogħlijiet awdjoviżivi se jgħin biex tissaħħaħ id-diversità u l-kompetittività kulturali Ewropej, pereżempji b’koproduzzjonijiet. Dan se javvanza wkoll il-ħolqien, iċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess għall-kontenut tal-videogames, u jrawwem użu transmedjali tal-proprjetà intellettwali. L-integrità tas-suq tal-informazzjoni tal-UE se titħares b’appoġġ għall-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja, il-vijabbiltà tal-midja u l-litteriżmu fil-midja, u billi jissaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni.
Il-Programm se jħalli impatt pożittiv fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll fuq spazju ċiviku b’saħħtu. L-azzjonijiet se jkollhom l-effett li jżidu l-viżibbiltà u l-għarfien dwar id-drittijiet fundamentali, u jnaqqsu d-diskriminazzjoni u l-fastidju. L-azzjonijiet se jkollhom ukoll l-effett li jipproteġu lin-nies mill-vjolenza, b’mod partikolari lin-nisa, lit-tfal u lill-gruppi f’riskju, u jwieżnu lill-vittmi biex jindirizzaw il-konsegwenzi tagħha. Iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet se jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod sinifikattiv fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali tas-soċjetajiet tagħhom. Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jesprimu fehmiethom liberament, jagħżlu l-mexxejja politiċi tagħhom, u jkollhom vuċi dwar il-futur tagħhom.
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
L-indikaturi tal-output u tar-riżultati għall-fini tal-monitoraġġ tal-progress u l-kisbiet ta’ dan il-Programm se jikkorrispondu għall-indikaturi komuni previsti fir-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni].
1.4.Il-proposta/L-inizjattiva hija relatata ma’:
¨ azzjoni ġdida
¨ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
☒ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
¨ fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-Programm se jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati sfidi speċifiċi u komuni u jitrawmu sinerġiji fl-isferi kulturali, tal-midja u ċiviċi filwaqt li jqis in-natura u l-isfidi speċifiċi tal-oqsma ta’ politika differenti, il-gruppi fil-mira differenti tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Billi tiġbor flimkien l-appoġġ f’dawn l-oqsma, l-Unjoni se tkun attrezzata aħjar biex tindirizza prijoritajiet ta’ politika rikorrenti daqskemm ġodda u emerġenti, fosthom il-ħarsien tad-demokraziji, id-drittijiet u l-ugwaljanza, it-trawwim ta’ spazju abilitanti għas-soċjetà ċivili, il-kontribut għad-diversità kulturali u lingwistika u għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, it-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi u ż-żieda fir-reżiljenza tagħhom, il-promozzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, u t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku tal-midja u tal-atturi kulturali.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell tal-UE (ex ante)
Il-finanzjament kopert mill-Programm jikkonċentra fuq attivitajiet fejn l-intervent tal-UE jista’ jagħti valur addizzjonali meta mqabbel ma’ azzjoni mill-Istati Membri waħedhom.
B’mod partikolari biex:
- Jiġu indirizzati sfidi tranżnazzjonali u komuni (eż. tnaqqis fl-ispazji ċiviċi, theddid għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, frammentazzjoni tas-setturi kulturali, kreattivi u tal-midja tul il-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi): dawn l-isfidi jagħmluha diffiċli għall-Istati Membri biex jindirizzawhom biżżejjed waħedhom. L-isforzi fil-livell tal-UE jiftħu l-bibien għal kooperazzjoni, tiswir tal-kapaċità, tagħlim reċiproku u akkomunament tar-riżorsi, u kondiviżjoni tal-għarfien espert u l-aqwa prattiki.
- Waħedhom, il-finanzjament u l-politiki fil-livell nazzjonali mhumiex biżżejjed biex iħarsu u jippromwovu l-valuri u l-istandards demokratiċi tal-UE, u biex jissalvagwardjaw l-ispazju ċiviku. Dan japplika wkoll għall-kompetittività u d-diversità ġenerali tas-setturi tal-midja, awdjoviżivi u setturi kulturali u kreattivi oħra.
- L-appoġġ tal-UE hu essenzjali biex jissokta l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u kulturali fl-Istati Membri kollha u jinżamm livell għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali.
- L-appoġġ tal-UE jimla vojt fil-finanzjament u fis-servizzi mhux koperti fil-livell tal-Istati Membri.
- L-azzjoni tal-UE hi kruċjali għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni fil-livell internazzjonali, filwaqt li timplimenta l-istandards internazzjonali b’mod koerenti mal-politiki interni.
Valur miżjud tal-UE mistenni li jiġi ġġenerat (ex post)
- L-azzjoni fil-livell tal-UE tiftaħ il-bibien għal kooperazzjoni tranżnazzjonali, akkomunament tar-riżorsi, u skambju tal-aqwa prattiki fl-Istati Membri, u dawn jipprovdu risponsi aktar koerenti u li jħallu impatt għall-isfidi komuni.
- L-appoġġ tal-UE se jikkomplementa l-miżuri nazzjonali billi jappoġġa oqsma li fil-livell nazzjonali mhumiex iffinanzjati biżżejjed jew ma jingħatawx prijorità biżżejjed.
- L-azzjoni tal-UE se ttejjeb il-mobbiltà tal-professjonisti u ċ-ċirkolazzjoni, filwaqt li ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern u d-diversità kulturali u lingwistika.
- L-azzjonijiet fil-livell tal-UE se jxerrdu għarfien dwar id-drittijiet u jrawmu sens ta’ ċittadinanza tal-UE u fehim reċiproku, b’aktar tixtrid tal-għarfien u apprezzament tad-diversità kulturali, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, appoġġ għar-reżiljenza demokratika u tas-soċjetà, u spazju tal-informazzjoni affidabbli, objettivi li l-interventi nazzjonali waħedhom ma jistgħux jilħqu għalkollox.
- L-appoġġ tal-UE se jgħin biex iċ-ċittadini Ewropej jiksbu aċċess transfruntier għall-midja, il-kontenut awdjoviżiv u kontenut kulturali u kreattiv ieħor.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terimu għall-perjodu 2021-2027 juru li ħafna mill-programmi eżistenti laħqu l-objettivi ta’ politika tagħhom u kisbu valur miżjud tal-UE, filwaqt li ħarġu fid-dieher oqsma li jeħtieġu titjib mil-lat ta’ tfassil. Pereżempju, l-evalwazzjoni interim tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) ikkonfermat li l-Programm jimraħ fi spazju mill-aktar vojt fil-finanzjament relatat mal-valuri u d-drittijiet fundamentali. Ewropa Kreattiva kkontribwiet b’appoġġ għad-diversità kulturali u lingwistika billi żiedet l-aċċess tan-nies għal kontenut Ewropew varjat, u b’għajnuna lill-operaturi awdjoviżivi u lil operaturi kreattivi u kulturali oħra jespandu fil-livell Ewropew u jsiru aktar kompetittivi. L-evalwazzjoni dwar l-azzjonijiet ta’ Multimedia kkonfermat ukoll il-valur miżjud tal-appoġġ għar-rappurtaġġi tal-aħbarijiet indipendenti dwar materji tal-UE.
L-evalwazzjonijiet jindikaw ukoll oqsma ta’ titjib f’termini ta’ tfassil. Fosthom hemm l-espansjoni tal-firxa tal-programmi, l-iffaċilitar tal-aċċess, is-simplifikazzjoni tal-ġestjoni, it-tisħiħ tal-monitoraġġ, it-tisħiħ tas-sinerġiji u l-evitar tad-duplikazzjonijiet ma’ programmi oħra, u aktar flessibbiltà biex jingħelbu sfidi ġodda.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
L-inizjattiva hi parti mill-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034.
L-inizjattiva hi allinjata mal-prijoritajiet ta’ politika ġenerali tal-Kummissjoni għall-2024-2029, jiġifieri mil-lat ta’ (1) Appoġġ għan-nies, tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna; 2) Ħarsien tad-demokrazija tagħna u tal-valuri tagħna; 3) Prosperità u kompetittività sostenibbli tal-Ewropa; u (4) Ewropa globali.
1) Sinerġiji mal-politiki ta’ appoġġ għan-nies, tisħiħ tas-soċjetajiet tagħna u l-mudell soċjali tagħna
Se jitrawmu sinerġiji bejn l-inizjattivi tal-midja, il-kultura, il-valuri u d-drittijiet u l-intervent futur fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-solidarjetà u ż-żgħażagħ. Dawn is-sinerġiji, bħal-litteriżmu fil-midja, il-ħiliet diġitali, l-involviment ċiviku u l-edukazzjoni ċivika, l-edukazzjoni fl-arti u l-kultura, u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-inklużjoni, se jiġu promossi bi qbil mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropea għaż-Żgħażagħ u mar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, kif ukoll b’inizjattivi ta’ politika futuri oħrajn. L-inizjattiva tikkomplementa xi inizjattivi tal-politiki tal-impjiegi u soċjali. Il-promozzjoni tal-aċċess ugwali għad-drittijiet u t-trawwim tad-diversità se jappoġġaw l-inklużjoni soċjali u swieq tax-xogħol ġusti. Is-setturi kulturali u kreattivi u l-industriji tal-midja se jikkontribwixxu b’mod attiv għal titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti, u fil-kuntest tal-Unjoni tal-Ħiliet, bl-istess mod, aktarx li se jiffavorixxu l-ħolqien tal-impjiegi f’dawn is-setturi. Is-setturi kulturali u kreattivi se jiffukaw ukoll fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u kreattivi.
2) Sinerġiji mal-politiki tal-ġustizzja
L-allinjament bejn il-politiki tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt jibni qafas sod li jiżgura l-akkontabbiltà, jippromwovi l-koerenza legali fost l-Istati Membri, u jħares id-drittijiet fundamentali, u b’hekk isaħħaħ il-fiduċja u l-kooperazzjoni fl-Unjoni. Ir-relazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali u l-politiki tal-ġustizzja hi kruċjali biex nibnu soċjetajiet ġusti u ekwi. Id-drittijiet fundamentali – li jvarjaw mid-dritt għal proċess ġust, il-libertà mid-diskriminazzjoni, sal-protezzjoni tal-privatezza – jiddefinixxu l-istandards essenzjali li s-sistemi ġudizzjarji jridu jirrispettaw, u jsarrfu prinċipji astratti f’miżuri u prattiki legali konkreti. Pereżempju, il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni jsaħħu l-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. Għalhekk, is-sinerġija bejn id-drittijiet fundamentali u l-politiki tal-ġustizzja tiżgura li s-sistemi legali mhux biss jevitaw l-abbużi iżda saħansitra jippromwovu attivament id-dinjità, l-ugwaljanza u l-libertà. Din is-sinerġija hi essenzjali biex tinbena l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet legali, titrawwem il-koeżjoni soċjali, u fl-aħħar mill-aħħar ikun żgurat li l-ġustizzja tkun aċċessibbli u sinifikattiva għal kulħadd. Għal dan l-għan, se jitrawmu sinerġiji bejn dan il-programm u l-programm Ġustizzja futur.
3) Sinerġiji mal-politiki għas-Suq Uniku u l-kompetittività
L-inizjattiva se tikkomplementa l-qafas ta’ politika tal-UE dwar is-Suq Uniku u l-kompetittività ekonomika. B’mod partikolari, din tibni fuq ir-Rapport tal-2024 dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività, li jħaddem approċċ ibbażat fuq l-ekosistema li jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika ta’ setturi industrijali ewlenin, fosthom l-industriji kulturali u kreattivi. Din tirrifletti wkoll l-objettivi tal-Boxxla għall-Kompetittività, li tistabbilixxi parametri referenzjarji ċari ħalli jittejbu l-produttività fit-tul tal-UE u tiġi promossa l-innovazzjoni.
L-inizjattiva se ssaħħaħ is-sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività futur u mal-programm futur għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jinkludi appoġġ għal riċerka multidixxiplinari fuq varjetà ta’ suġġetti, fosthom id-demokrazija, il-valuri, l-ugwaljanza u d-diżinformazzjoni, iżda anki fuq suġġetti diġitali u industrijali relatati mill-qrib mas-setturi kulturali u kreattivi (eż. ir-realtà estiża, l-ambjenti immersivi, il-midja l-ġdida). Barra minn hekk, il-proposta tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, bi qbil mal-objettivi tad-Deċennju Diġitali tal-2030.
4) Sinerġiji mal-politiki għal Ewropa globali
Il-programm futur se jikkomplementa l-azzjonijiet iffinanzjati bl-azzjonijiet esterni tal-Unjoni. Pereżempju, billi dan jippromwovi skambji kulturali u jappoġġa l-midja u l-kontenut awdjoviżiv tal-UE globalment inkluż permezz ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali, se jiftaħ swieq ġodda, jattira talent dinji, isaħħaħ l-influwenza u l-attraenza tal-UE fix-xena dinjija.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
-
1.6.Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha
☒ durata limitata
–☒ b’effett mill-01/01/2028 sal-31/12/2034
–☒ impatt finanzjarju mill-2028 sal-2034 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2028 sal-203x għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
☐ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
☒ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–☒ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–☒ mill-aġenziji eżekuttivi
☐ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
☒ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit:
–☐ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom
–☒ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (eż. il-UNESCO, l-OECD, il-QtA...)
–☒ lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Fond Ewropew tal-Investiment
–☐ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju
–☒ lill-korpi tad-dritt pubbliku (eż. korpi vvalutati skont il-Pilastru)
–☒ lill-korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati
–☒ lill-korpi rregolati mid-dritt privat ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati (korpi vvalutati skont il-Pilastru)
–☐ lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u identifikati fl-att bażiku rilevanti
–☐ lil korpi stabbiliti fi Stat Membru, irregolati mid-dritt privat ta’ Stat Membru jew mid-dritt tal-Unjoni u eliġibbli biex jiġu fdati, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur, bl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni jew ta’ garanziji baġitarji, sa fejn tali korpi jkunu kkontrollati minn korpi tad-dritt pubbliku jew minn korpi rregolati mid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku, u jkunu pprovduti b’garanziji finanzjarji adegwati fil-forma ta’ responsabbiltà in solidum mill-korpi kontrollanti jew b’garanziji finanzjarji ekwivalenti, li jistgħu, għal kull azzjoni, ikunu limitati għall-ammont massimu tal-appoġġ tal-Unjoni.
Kummenti
Il-Programm se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta (xi partijiet delegati lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura), kif ukoll b’ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjonijiet Internazzjonali (eż. il-UNESCO, l-OECD, il-KtE,...) u korpi oħra vvalutati skont il-Pilastru, li wera li rnexxa f’Oqfsa Finanzjarji Pluriennali (QFP) preċedenti.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
(41)Ir-regoli dwar ir-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dan il-programm se jsegwu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni].
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Il-maġġoranza tal-azzjonijiet tal-Programm se jiġu implimentati b’ġestjoni diretta, u parzjalment jiġu ddelegati lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA). Il-metodu attwali tal-implimentazzjoni wera li kien effettiv fil-programmi preċedenti, u r-rati tal-errur bħalissa huma inqas minn 2% għall-programm Ewropa Kreattiva, skont ir-riżultati preliminari tal-QFP attwali. Il-finanzjament se jiġi implimentat bil-metodi tal-implimentazzjoni offruti mir-Regolament Finanzjarju, prinċipalment għotjiet u akkwist, għax hekk jippermetti adattament aħjar tal-azzjonijiet skont il-ħtiġijiet tal-politika u jkun hemm aktar flessibbiltà għal riaġġustamenti tal-prijoritajiet b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet. L-għotjiet se jkunu fil-forma ta’ kostijiet reali, somom f’daqqa, rati fissi, kostijiet unitarji jew taħlita ta’ dawn. L-użu ta’ skali ta’ kostijiet unitarji u ta’ miżuri simplifikati oħra se jnaqqas il-marġni tal-errur fid-dikjarazzjonijiet tar-rimborż tal-kostijiet. Se jiġu applikati diversi miżuri li jippermettu aċċess aħjar, pereżempju għal organizzazzjonijiet iżgħar, u simplifikazzjoni tal-linji gwida u tal-proċeduri abbażi tar-Regolament Finanzjarju (ara hawn fuq).
Bil-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni se jkunu jistgħu wkoll jiġu stabbiliti kuntatti diretti mal-benefiċjarji / kuntratturi involuti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet li jaqdu l-politiki tal-Unjoni.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Il-Programm għandu l-istess riskji bħall-programmi l-oħra tal-Kummissjoni li huma maħsubin għal benefiċjarji li huma diversi fin-natura tagħhom. B’mod partikolari, uħud mill-benefiċjarji mhumiex rikorrenti, jew m’għandhomx strutturi amministrattivi estensivi. Ir-riskji huma prinċipalment relatati ma’ (1) l-iżgurar tal-kwalità tal-proġetti magħżula u l-implimentazzjoni teknika sussegwenti tagħhom; (2) ir-riskju ta’ użu ineffiċjenti jew mhux ekonomiku tal-fondi mogħtija, kemm fil-każ tal-għotjiet u anki fl-akkwist; (3) frodi.
Ħafna minn dawn ir-riskji mistennija jitnaqqsu bi: (1) tfassil bir-reqqa tas-sejħiet għall-proposti; (2) gwida għall-applikanti u l-benefiċjarji; (3) l-użu ta’ għażliet tal-kostijiet simplifikati tal-kostijiet unitarji, tar-rati fissi u tas-somom f’daqqa, li ġew applikati b’mod effettiv fil-QFP attwali u li huma previsti fir-Regolament Finanzjarju; (4) l-użu ta’ proċeduri u sistemi korporattivi għall-ġestjoni ta’ proposti u għotjiet (eż. għotjiet vademecum, e-Grants eċċ.) biex ikun żgurat allinjament sħiħ mal-aqwa prattika fl-istadji kollha taċ-ċikli tal-ħajja tal-għotjiet u tal-akkwist.
L-istrateġija tal-kontroll fiha elementi kostitwenti differenti: (1) programmazzjoni, evalwazzjoni u għażla ta’ proposti biex ikun żgurat li jiġu ffinanzjati biss l-aqwa proposti; (2) l-iffirmar u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ għotja, soġġetti għal verifika ex ante, kemm fil-livell finanzjarju kif ukoll fil-livell tal-politika; (3) awditjar ex post abbażi ta’ “strateġija ta’ detezzjoni” maħsuba biex jinstab massimu ta’ anomaliji ħalli jiġu rkuprati l-pagamenti mhux dovuti.
Partijiet mill-Programm se jkomplu jiġu implimentati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EACEA) li tuża l-istess proċeduri korporattivi applikati mal-Kummissjoni kollha.
L-EACEA tapplika pjan annwali tal-awditjar ex post li jkopri l-azzjonijiet kollha, u jikkonferma rata tal-errur inqas minn 2% għall-QFP attwali.
Bħalissa, l-EACEA hi ssorveljata mill-Kumitat tat-Tmexxija tagħha mad-DĠ EAC u d-DĠ CNECT bħala d-DĠ prinċipali għall-programm Ewropa Kreattiva kif ukoll id-DĠ JUST bħala d-DĠ prinċipali għall-programm CERV. Hu żgurat rapportar regolari permezz tad-dashboards kif ukoll laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni mad-DĠ prinċipali.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon bejn il-kostijiet tal-kontroll u l-valur tal-fondi relatati ġestiti) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-kost tal-kontrolli tal-programm jammonta għal madwar 6% tal-pagamenti magħmula mill-Kummissjoni. Dan mistenni jibqa’ stabbli jew jonqos kemxejn jekk jiġi estiż aktar l-użu tal-għażliet tal-kostijiet simplifikati. L-objettiv tas-sistema tal-ġestjoni u l-kontroll hu li żżomm il-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (waqt il-pagament u fl-għeluq) taħt il-limitu tal-materjalità ta’ 2%.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Is-servizzi responsabbli se jkompli japplikaw l-Istrateġija Kontra l-Frodi tagħhom – li hi konformi mal-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni (CAFS) – biex fost l-oħrajn jiżguraw li l-kontrolli interni tagħhom kontra l-frodi jkunu allinjati għalkollox mal-CAFS u li l-approċċ għall-ġestjoni tar-riskji ta’ frodi jkun immirat biex jidentifika oqsma b’riskju ta’ frodi u risponsi adegwati.
L-istrateġiji kontra l-frodi tal-EACEA u anki tal-Kummissjoni se jippermettu li jiġi indirizzat ir-riskju ta’ frodi, l-aktar bis-saħħa ta’ miżuri li jipprevjenu l-irregolaritajiet, li mbagħad jeskalaw f’każ ta’ detezzjoni ta’ frodi. Il-miżuri li ġejjin se jibqgħu jiġu implimentati, kemm fil-livell tad-DĠ prinċipali kif ukoll fl-EACEA: Monitoraġġ dokumentarju, missjonijiet tal-monitoraġġ konformi ma’ strateġija tal-monitoraġġ definita, rekwiżiti tar-rappurtar ċari fil-ftehimiet ta’ għotja mal-benefiċjarji, laqgħat ta’ tnedija mal-benefiċjarji ġodda, il-possibbiltà li waqfien tal-għotjiet malli ma jinkisbux ir-riżultati jew ma jkunx hemm konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet tal-finanzjament, bħal pereżempju dawk dwar il-komunikazzjoni.
Il-benefiċjarji tal-każijiet ta’ esklużjoni jitniżżlu fil-Bażi tad-Data dwar l-Identifikazzjoni Bikrija u l-Esklużjoni (EDES) u l-każijiet jiġu segwiti mill-OLAF u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’ nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati u minn kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
2
|
06 01 02 Nefqa ta’ appoġġ għal “AgoraEU”
|
Mhux diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
2
|
06 03 01 Ewropa Kreattiva — Kultura
|
Diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
2
|
06 03 02 MEDIA+
|
Diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
|
2
|
06 03 03 CERV+
|
Diff.
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt
3.2.1.1.Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
2
|
|
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
Linja baġitarja 06 03 01 Ewropa Kreattiva — Kultura
|
Impenji
|
(1a)
|
0,230
|
0,238
|
0,247
|
0,256
|
0,265
|
0,275
|
0,285
|
1,796
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Linja baġitarja 06 03 02 MEDIA+
|
Impenji
|
(1b)
|
0,409
|
0,424
|
0,439
|
0,455
|
0,472
|
0,489
|
0,506
|
3,194
|
|
|
Pagamenti
|
(2b)
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Linja baġitarja 06 03 03 CERV+
|
Impenji
|
(1c)
|
0,460
|
0,477
|
0,494
|
0,512
|
0,531
|
0,550
|
0,569
|
3,593
|
|
|
Pagamenti
|
(2c)
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Li minnhom: 06 03 03 01 Ugwaljanza, Drittijiet, Ċittadini u Valuri
|
Impenji
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
|
Pagamenti
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Li minnhom: 06 03 03 02 Parteċipazzjoni demokratika u stat tad-dritt
|
Impenji
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
|
Pagamenti
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Li minnhom: 06 03 03 03 Daphne
|
Impenji
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
|
Pagamenti
|
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
Linja baġitarja 06 01 02, nefqa ta’ appoġġ għal AgoraEU
|
|
(3)
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
|
Impenji
|
=1a+1b+3
|
1,099
|
1,139
|
1,180
|
1,223
|
1,268
|
1,313
|
1,360
|
8,582
|
|
|
Pagamenti
|
=2 a+2b+3
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
4
|
“Nefqa amministrattiva”
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
DĠ: <EAC/CNECT/JUST>
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Riżorsi umani
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
259,490
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
1,523
|
1,538
|
1,553
|
1,569
|
1585
|
1,602
|
1,619
|
10,988
|
|
TOTAL <…….>
|
Approprjazzjonijiet
|
38,593
|
38,608
|
38,623
|
38,639
|
38,655
|
38,672
|
38,689
|
270,478
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total tal-impenji = Total tal-pagamenti)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028-2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURI 1 sa 4
|
Impenji
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
|
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Pagamenti
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
pm
|
3.2.2.Output stmat iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet operazzjonali (din it-taqsima ma għandhiex timtela mill-aġenziji deċentralizzati)
(42)L-indikaturi tal-output u tar-riżultati għall-fini tal-monitoraġġ tal-progress u l-kisbiet ta’ dan il-programm se jikkorrispondu għall-indikaturi komuni previsti fir-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni].
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
|
|
|
Sena
2028
|
Sena
2029
|
Sena
2030
|
Sena
2031
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara t-Taqsima 1.6)
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1…
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt
3.2.3.1. Approprjazzjonijiet mill-baġit ivvutat
|
APPROPRJAZZJONIJIET IVVUTATI
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL 2028 - 2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
INTESTATURA 4
|
|
Riżorsi umani
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
37,070
|
259,4900 000
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
1,523
|
1,538
|
1,553
|
1,569
|
1,585
|
1,602
|
1,619
|
10,988
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 4
|
38,593
|
38,608
|
38,623
|
38,639
|
38,655
|
38,672
|
38,689
|
270,4780 000
|
|
Barra mill-INTESTATURA 4
|
|
Riżorsi umani
|
p.m..
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
|
Nefqa oħra ta’ natura amministrattiva
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 4
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.4.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/L-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt
3.2.4.1.Iffinanzjati mill-baġit ivvutat
L-istima għandha tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time (FTEs)
|
APPROPRJAZZJONIJIET IVVUTATI
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
Pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
182
|
182
|
182
|
182
|
182
|
182
|
182
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet tal-UE)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(Riċerka indiretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(Riċerka diretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
• Persunal estern (f’FTEs)
|
|
20 02 01 (AC, END mill-“pakkett globali”)
|
28
|
28
|
28
|
28
|
28
|
28
|
28
|
|
20 02 03 (AC, AL, END u JPD fid-Delegazzjonijiet tal-UE)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linja ta’ Appoġġ Ammin.
[XX.01.YY.YY]
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet tal-UE
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka indiretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka diretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Intestatura 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Barra mill-Intestatura 4
|
10
|
10
|
10
|
10
|
10
|
10
|
10
|
|
TOTAL
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
[XX.01.YY.YY]
|
- fid-Delegazzjonijiet tal-UE
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka indiretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
(AC, END - Riċerka diretta)
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Intestatura 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) - Barra mill-Intestatura 4
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
0
|
|
TOTAL
|
220
|
220
|
220
|
220
|
220
|
220
|
220
|
Il-persunal meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-proposta (f’FTEs):
|
|
Għandu jiġi kopert mill-persunal attwali disponibbli fis-servizzi tal-Kummissjoni
|
Persunal addizzjonali eċċezzjonali *
|
|
|
|
Għandu jiġi ffinanzjat skont l-Intestatura 4 jew skont ir-Riċerka
|
Għandu jiġi ffinanzjat mil-linja BA
|
Għandu jiġi ffinanzjat mit-tariffi
|
|
Pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal
|
139
|
43
|
M/A
|
|
|
Persunal estern (CA, SNEs, INT)
|
25
|
3
|
10
|
|
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu minn:
|
Uffiċjali u persunal temporanju
|
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.5.Ħarsa ġenerali lejn l-impatt stmat fuq l-investimenti relatati mat-teknoloġija diġitali
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet diġitali u tal-IT
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL QFP 2028 - 2034
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
INTESTATURA 4
|
|
Nefqa tal-IT (korporattiva)
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
12,628
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 4
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
1,804
|
12,628
|
|
Barra mill-INTESTATURA 4
|
|
Nefqa tal-IT marbuta mal-politika fil-qafas ta’ programmi operazzjonali
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
59,500
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 4
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
8,500
|
59,500
|
|
|
|
TOTAL
|
10,304
|
10,304
|
10,304
|
10,304
|
10,304
|
10,304
|
10,304
|
72,128
|
3.2.6.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
L-inizjattiva hija konsistenti mal-proposta għall-QFP 2028-2034.
3.2.7.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/L-inizjattiva:
–
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Total
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.
Impatt stmat fuq id-dħul
–
Il-proposta/L-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–
Il-proposta/L-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–
fuq ir-riżorsi proprji
–
fuq dħul ieħor
–
indika jekk id-dħul huwiex assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
|
Sena 2028
|
Sena 2029
|
Sena 2030
|
Sena 2031
|
Sena 2032
|
Sena 2033
|
Sena 2034
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).
4.Dimensjonijiet diġitali
4.1.Rekwiżiti ta’ rilevanza diġitali
|
Referenza għar-rekwiżit
|
Deskrizzjoni tar-rekwiżit
|
Atturi affettwati jew ikkonċernati mir-rekwiżit
|
Proċessi ta’ livell għoli
|
Kategoriji
|
|
Il-Kapitolu VI – l-Artikolu 11
|
[…] Assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm
|
Il-Kummissjoni Ewropea; Benefiċjarji
|
Implimentazzjoni tal-programm b’Ġestjoni Diretta tal-Għotjiet
|
Soluzzjonijiet diġitali
|
|
Il-Kapitolu V – l-Artikolu 10
|
[…] inkluż permezz tad-Desks tal-Programm, biex b’hekk jiżdiedu l-kuntatt, il-viżibbiltà u t-tixrid tar-riżultati tal-Programm.
|
Il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtoritajiet Nazzjonali, il-Benefiċjarji
|
Disseminazzjoni
|
Soluzzjonijiet diġitali
|
|
Il-Kapitolu II – l-Artikolu 4
|
[…] titjib tal-bażi tal-evidenza bi ġbir u analiżi aħjar tad-data […]
|
Il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Eżekuttivi, il-Benefiċjarji
|
Tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programmi; evalwazzjoni
|
Soluzzjonijiet diġitali, data
|
|
Il-Kapitolu III – l-Artikolu 5(f)
|
Trawwim ta’ […] il-ġbir u l-analiżi tad-data […]
|
Il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Eżekuttivi, il-Benefiċjarji
|
Tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programmi; evalwazzjoni
|
Soluzzjonijiet diġitali, data
|
|
Il-Kapitolu III – l-Artikolu 6(f)
|
Enfasi fuq […] il-ġbir u l-analiżi tad-data, u l-iżvilupp ta’ standards komuni […]
|
Il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Eżekuttivi, il-Benefiċjarji
|
Tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-programmi; evalwazzjoni
|
Soluzzjonijiet diġitali, data
|
4.2.Data
Deskrizzjoni ta’ livell għoli tad-data fl-ambitu u kwalunkwe standards/speċifikazzjonijiet relatati
|
Tip tad-data
|
Referenza/i għar-rekwiżit
|
Standard u/jew speċifikazzjoni (jekk applikabbli)
|
|
Pajjiżi, organizzazzjonijiet, baġit, parteċipanti u prijoritajiet għal kull proġett
|
Il-Kapitolu VI, l-Artikolu 11
Il-Kapitolu V, l-Artikolu 10
Il-Kapitolu II – l-Artikolu 4(e)
Il-Kapitolu III, l-Artikolu 5(f) u l-Artikolu 6(f)
Ir-Regulation (UE, Euratom) [202X-XXXX, ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni]
|
eGrants u bażijiet tad-data ta’ kwalunkwe korp tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-Programm
|
Allinjament mal-Istrateġija Ewropea għad-Data
Spjega kif ir-rekwiżit(i) huma allinjati mal-Istrateġija Ewropea għad-Data
|
Id-dispożizzjonijiet skont il-proposta jappoġġaw l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid, u l-kondiviżjoni sigura tad-data, f’konformità mal-Istrateġija Ewropea għad-Data. Meta tiġi pproċessata xi data personali (eż. tal-parteċipanti), dan l-ipproċessar jimxi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). L-arkitettura hija konsistenti wkoll mad-Direttiva dwar id-Data Miftuħa, peress li data aggregata rilevanti u mhux personali tista’ ssir disponibbli għall-użu mill-ġdid mir-riċerkaturi jew il-korpi pubbliċi.
|
Allinjament mal-prinċipju ta’ darba biss
Spjega kif il-prinċipju ta’ darba biss ġie kkunsidrat u kif ġiet esplorata l-possibbiltà li d-data eżistenti terġa’ tintuża
|
Id-dashboards stabbiliti huma sors ta’ traċċabbiltà u użu mill-ġdid tad-data disponibbli mill-implimentazzjoni tal-Programm. Id-data ġejja mill-formoli tal-applikazzjoni, mir-rapporti finali u possibbilment mingħand id-Desks tal-Programm.
|
Spjega kif id-data li għadha kif inħolqot hija traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli, u tissodisfa standards ta’ kwalità għolja
|
(43)Għal fergħat speċifiċi tal-Programm, se jkunu żgurati t-traċċabbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data disponibbli mill-implimentazzjoni tal-Programm. Id-data se tiġi rreġistrata permezz tad-dokumenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u se ssir aċċessibbli fuq il-Portal Uniku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) [XXX]* tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prestazzjoni] rigward it-trasparenza tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni u l-kisbiet tal-programmi.
|
Flussi tad-data
|
Tip tad-data
|
Referenza/i għar-rekwiżit(i)
|
Attur li jipprovdi d-data
|
Attur li jirċievi d-data
|
Skattatur tal-iskambju tad-data
|
Frekwenza (jekk applikabbli)
|
|
Pajjiżi, organizzazzjonijiet, baġit, parteċipanti u prijoritajiet għal kull proġett
|
Il-Kapitolu VI – l-Artikolu 11
Il-Kapitolu V – l-Artikolu 10
Il-Kapitolu II – l-Artikolu 4(e)
Il-Kapitolu III, l-Artikolu 5(f) u l-Artikolu 6(f)
Ir-Regulation (UE, Euratom) [202X-XXXX, ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni]
|
Benefiċjarji, id-Desks tal-Programm
|
Pubbliku ġenerali
Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
|
Ir-Regulation (UE, Euratom) [202X-XXXX, ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], l-Artikolu XX (monitoraġġ) u l-Artikolu XX (rapport tal-implimentazzjoni u evalwazzjonijiet retrospettivi).
Rapportar regolari tal-Programm
|
Ir-Regulation (UE, Euratom) [202X-XXXX, ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni], l-Artikolu XX (monitoraġġ) u l-Artikolu XX (rapport tar-implimentazzjoni u evalwazzjonijiet retrospettivi).
|
4.3.Soluzzjonijiet diġitali
|
Soluzzjoni diġitali
|
Referenza/i għar-rekwiżit(i)
|
Funzjonalitajiet obbligatorji ewlenin
|
Korp responsabbli
|
Kif tiġi koperta l-aċċessibbiltà?
|
Kif jitqies l-użu mill-ġdid?
|
Użu tat-teknoloġiji tal-IA (jekk applikabbli)
|
|
Soluzzjoni diġitali #1 – Pjattaforma għall-Ġestjoni Diretta tal-Għotjiet
|
Il-Kapitolu VI – l-Artikolu 11
|
Ġestjoni Diretta tal-Għotjiet
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Skont l-Istandard tal-Kummissjoni
|
//
|
Il-pjattaforma għandha tħaddem l-użu tal-intelliġenza artifiċjali meta rilevanti u tosserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni.
|
|
Soluzzjoni diġitali #2 – Pjattaforma/i tat-tixrid
|
Il-Kapitolu V – l-Artikolu 10
|
Tixrid tar-riżultati tal-Programm
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
Skont l-Istandard tal-Kummissjoni
|
//
|
Il-pjattaforma għandha tħaddem l-użu tal-intelliġenza artifiċjali meta rilevanti u tosserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni.
|
Soluzzjoni diġitali #1 – Pjattaforma għall-Ġestjoni Diretta tal-Għotjiet
|
Politika diġitali u/jew settorjali (meta dawn ikunu applikabbli)
|
Spjegazzjoni dwar kif tallinja
|
|
Att dwar l-IA
|
Meta tħaddem l-intelliġenza artifiċjali, il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura l-konformità mal-Att dwar l-IA.
|
|
Qafas taċ-Ċibersigurtà tal-UE
|
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data miġbura u maħżuna għall-fini ta’ dan ir-Regolament.
|
|
eIDAS
|
Mhux Applikabbli
|
|
Gateway Diġitali Unika u IMI
|
Mhux Applikabbli
|
|
Oħrajn
|
//
|
Soluzzjoni diġitali #2 – Pjattaforma/i tat-tixrid
|
Politika diġitali u/jew settorjali (meta dawn ikunu applikabbli)
|
Spjegazzjoni dwar kif tallinja
|
|
Att dwar l-IA
|
Meta tħaddem l-intelliġenza artifiċjali, il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura l-konformità mal-Att dwar l-IA.
|
|
Qafas taċ-Ċibersigurtà tal-UE
|
Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà, l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data miġbura u maħżuna għall-fini ta’ dan ir-Regolament.
|
|
eIDAS
|
Mhux Applikabbli
|
|
Gateway Diġitali Unika u IMI
|
Mhux Applikabbli
|
|
Oħrajn
|
//
|
4.4.Valutazzjoni tal-interoperabbiltà
Mhux applikabblii
4.5.Miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjoni diġitali
|
Deskrizzjoni tal-miżura
|
Referenza/i għar-rekwiżit(i)
|
Ir-rwol tal-Kummissjoni
(jekk applikabbli)
|
Atturi li għandhom jiġu involuti
(jekk applikabbli)
|
Kronoloġija mistennija
(jekk applikabbli)
|
|
|
|
|
|
|