Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0397

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali

COM/2025/397 final

Brussell, 17.7.2025

COM(2025) 397 final

2025/0214(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-konklużjoni tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali 1 (il-Ftehim).

Il-Ftehim jipprovdi l-bażi legali għall-iskambju awtomatiku reċiproku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Liechtenstein, f’konformità mal-Istandard Komuni ta’ Rapportar (CRS, Common Reporting Standard) żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development). L-istess standard huwa implimentat fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE 2 (id-DAC 2 – l-ewwel emenda tad-Direttiva 2011/16/UE 3 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – id-DAC, Directive on Administrative Cooperation).

Bidliet importanti fis-CRS ġew approvati fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 4 u se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 5  (id-DAC8) diġà implimentat dawn il-bidliet fl-Unjoni Ewropea u se tapplika wkoll mill-1 ta’ Jannar 2026.

Il-bidliet jestendu l-ambitu tas-CRS biex tiġi żgurata l-kopertura tal-prodotti ta’ ħlas elettroniku u l-muniti diġitali tal-bank ċentrali. Ikomplu jtejbu aktar il-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-eżiti tar-rapportar, bil-għan li jżidu l-kapaċità tal-użu tal-informazzjoni tas-CRS għall-awtoritajiet tat-taxxa u jillimitaw il-piżijiet fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji, meta jkun possibbli.

Sabiex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Liechtenstein jkun allinjat mas-CRS aġġornat u jkompli jsir f’konformità miegħu mill-1 ta’ Jannar 2026, kien meħtieġ li jiġu nnegozjati u miftiehma emendi korrispondenti tal-Ftehim.

F’Mejju 2018, beda japplika r-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, “GDPR”, General Data Protection Regulation) 6 .

Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jirrifletti dawn l-aġġornamenti, kien meħtieġ li jitneħħew ir-referenzi għad-Direttiva 95/46/KE mħassra u li dawn ir-referenzi jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament (UE) 2016/679. Fl-istess ħin, il-Ftehim jirrifletti l-fatt li l-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-ŻEE, implimenta l-GDPR permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-4 ta’ Ottubru 2018.

Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim li jikkonċerna l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein ġiet adottata fil-21 ta’ Mejju 2024 7 .

Saru diversi ċikli ta’ negozjati u ntlaħaq ftehim provviżorju f’April 2025. Sussegwentement, l-abbozz tat-test tal-Protokoll Emendatorju ġie inizjalat mill-Kapijiet Negozjaturi f’Ġunju 2025.

Il-Kunsill ġie infurmat b’mod konsistenti dwar il-progress fin-negozjati fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa u fil-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli. B’mod partikolari, it-test tal-abbozz tal-Protokoll Emendatorju ġie kondiviż u diskuss mal-Istati Membri qabel ma ġie inizjalat.

Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li t-test innegozjat huwa aċċettabbli għall-Unjoni.

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali sar fi xxxx.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-emenda tal-Ftehim ġiet innegozjata f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati komprensivi adottati mill-Kunsill fil-21 ta’ Mejju 2024.

Il-Protokoll Emendatorju nnegozjat jiżgura li l-ftehim eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein jibqa’ allinjat mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-istess qasam, b’mod partikolari d-DAC kif emendata bid-DAC8.

Id-DAC8 tinkludi, fost emendi oħrajn, l-aktar bidliet reċenti fis-CRS tal-OECD. Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib f’dan il-qasam bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein, huwa importanti li tissaħħaħ, fuq l-istess linji, il-kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom fil-qasam tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji. L-aġġornament f’waqtu tal-Ftehim jiżgura l-kontinwazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ din il-kooperazzjoni amministrattiva wara l-1 ta’ Jannar 2026.

L-emendi tal-Ftehim iqisu wkoll il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, minħabba li l-attivitajiet ta’ Diliġenza Dovuta fir-rigward tal-Klijenti li għandhom jitwettqu mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji, bil-għan li tinġabar l-informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji li għandha tiġi skambjata skont il-Ftehim, se jkunu sostanzjalment allinjati ma’ dawk li l-istess Istituzzjonijiet Finanzjarji jridu japplikaw bħala entitajiet marbutin b’obbligu skont il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Dan il-Protokoll Emendatorju jqis ukoll il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data personali f’każ li din id-data tingħadda lil pajjiżi mhux tal-UE u mhux taż-ŻEE.

Fir-rigward tal-partijiet li jikkonċernaw is-CRS, il-Ftehim innifsu jinkludi, fl-Artikolu 8, dispożizzjoni li tirrikjedi li l-Partijiet Kontraenti jikkonsultaw lil xulxin f’kull okkażjoni meta tiġi adottata bidla importanti fil-livell tal-OECD għal kwalunkwe wieħed mill-elementi tas-CRS. L-Artikolu jipprevedi wkoll li wara dawn il-konsultazzjonijiet, il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ protokoll bejn il-Partijiet Kontraenti. Peress li fis-26 ta’ Awwissu 2022 ġew approvati bidliet importanti fis-CRS fl-OECD, u f’konformità mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tirriżulta mill-Ftehim eżistenti, il-Protokoll Emendatorju jimplimenta l-bidliet kollha li huma meħtieġa biex jirriflettu l-bidliet korrispondenti fis-CRS. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-bidliet fl-Unjoni ġiet prevista permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Minħabba l-objettiv u l-komponenti ewlenin tal-Ftehim, il-bażi legali sostantiva ta’ din il-proposta lill-Kunsill hija l-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll Emendatorju wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Minħabba li l-Artikolu 115 tat-TFUE huwa l-bażi legali sostantiva, il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll Emendatorju hija l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tat-TFUE. Peress li l-Artikolu 115 tat-TFUE jirrikjedi unanimità għal att tal-Unjoni, il-bażi legali proċedurali għall-konklużjoni tal-Protokoll Emendatorju għandha tinkludi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE.

Kompetenza tal-Unjoni

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fejn ftehim jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. 8 Din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet minquxa fl-Artikolu 3(2) tat-TFUE.

L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li, minbarra l-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva elenkati fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE, l-Unjoni “għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.

Proporzjonalità

Il-Protokoll Emendatorju jħares il-prinċipju tal-proporzjonalità u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-aġġornament tal-Ftehim biex jiġu inkorporati l-bidliet fl-Istandard Komuni ta’ Rapportar li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2026. Dawn l-emendi se jippermettu lill-Istati Membri jkomplu bl-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji mal-Liechtenstein mingħajr interruzzjoni, u b’mod li jallinja mar-rekwiżiti l-ġodda tas-CRS, kif diġà inkorporati fid-DAC8.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill hija ppreżentata f’konformità mal-paragrafu 6 tal-Artikolu 218 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta. Minħabba s-suġġett tal-ftehim previst, jixraq li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal dak l-għan.

3.RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjoni tal-impatt

Skont l-għodda 7 tar-Regolamentazzjoni Aħjar 9 , ma hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt, fost l-oħrajn, meta l-Kummissjoni ftit li xejn ikollha għażla fil-kwistjoni.

Din il-kundizzjoni hija ssodisfata f’dan il-każ peress li l-emendi tal-Ftehimiet eżistenti fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji jallinjaw bis-sħiħ mal-bidliet fis-CRS li ġew miftiehma fil-livell tal-OECD u li diġà ġew inkorporati fid-dritt tal-UE permezz tad-DAC8. Fl-aħħar nett, il-bidliet dwar il-protezzjoni tad-data sempliċiment għandhom l-għan li jaġġornaw ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Liechtenstein dwar il-protezzjoni tad-data.

Drittijiet fundamentali

Il-Protokoll Emendatorju previst għall-Ftehim se jħares il-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emendi previsti jkopru l-punti li ġejjin:

1. Emendi biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-Liechtenstein skont il-Ftehim eżistenti jiġi allinjat mas-CRS aġġornat u jkompli jsir f’konformità miegħu mill-1 ta’ Jannar 2026

L-emendi previsti jespandu l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali. Fl-istess ħin u bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-emendi jintroduċu rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta.

L-emendi fihom ukoll dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn is-CRS u l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (CARF, Crypto-Asset Reporting Framework) separat żviluppat mill-OECD 10 . Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmluha possibbli li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, filwaqt li jinżamm ammont massimu ta’ flessibbiltà operazzjonali tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li huma wkoll soġġetti għall-obbligi skont il-CARF.

Fl-aħħar nett, l-emendi jirriflettu l-kategorija fakultattiva l-ġdida ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Mhux Rapportanti għal Entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ ġenwini li joperaw għall-benefiċċju tal-pubbliku (Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata), li hija pprovduta fil-Kummentarji tal-aġġornament tas-CRS. Il-Liechtenstein eżerċita din l-għażla u jinsab fil-proċess li jistabbilixxi l-mekkaniżmi legali u amministrattivi biex jiżgura li kwalunkwe Entità li titlob l-istatus ta’ Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata tiġi kkonfermata li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-Kummentarji msemmija hawn fuq. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri tal-UE ma eżerċitawx din l-għażla, f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226. Dawn ir-rekwiżiti emendati ta’ rapportar u ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni huma previsti fl-Artikoli 1–3 u fl-Anness I. Se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.

2. Aġġornament tar-referenza legali dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data

Ir-referenzi kollha għad-Direttiva 95/46/KE ġew sostitwiti b’referenzi għall-GDPR.

Fl-istess ħin, ir-referenza legali għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Liechtenstein ġiet aġġornata għall-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-4 ta’ Ottubru 2018, li jimplimenta l-GDPR.

Test tal-Protokoll Emendatorju, dikjarazzjonijiet konġunti u notifiki

It-test tal-Protokoll Emendatorju huwa ppreżentat lill-Kunsill flimkien ma’ din il-proposta. It-test tad-dikjarazzjonijiet konġunti huwa ppreżentat flimkien ma’ din il-proposta.

F’konformità mat-Trattati, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, biex tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Emendatorju, sabiex tesprimi l-approvazzjoni tal-Unjoni li tkun marbuta b’dak il-Protokoll Emendatorju.

2025/0214 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 11 ,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali 12 (“il-Ftehim”) tejjeb l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.

(2)Ġew approvati bidliet importanti fl-Istandard Komuni ta’ Rapportar (CRS, Common Reporting Standard) fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 13 u dawn ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE bl-emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 14 .

(3)Għalhekk, il-Ftehim jeħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Prinċipat tal-Liechtenstein jkun allinjat mas-CRS aġġornat mill-1 ta’ Jannar 2026 u jkompli jsir f’konformità miegħu.

(4)It-test tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (“il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim”), li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttiva ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill.

(5)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) XXXX 15 , il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim ġie ffirmat fi XXXX soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 16

(7)Jenħtieġ li l-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim u d-dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża miegħu jiġu approvati f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ u l-effett tal-Protokoll Emendatorju huma b’dan approvati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 379, 24.12.2004, p. 84–104
(2)    ĠU L 359 tas-16 ta’ Diċembru 2014, p. 1–29
(3)    ĠU L 64 tal-11 ta’ Marzu 2011, p. 1–12
(4)     https://www.oecd.org/en/publications/international-standards-for-automatic-exchange-of-information-in-tax-matters_896d79d1-en.html , paġni 62 sa 102.
(5)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 24.10.2023)
(6)    ĠU L 119 tal-4 ta’ Mejju 2016, p. 1–88
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1489 tal-21 ta’ Mejju 2024 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehimiet li jikkonċernaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament
(8)    L-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja, ECLI:EU:C:2017:114, il-paragrafu 118 u l-ġurisprudenza kkwotata fih
(9)

   https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/br_toolbox-nov_2021_en_0.pdf

(10)     https://www.oecd.org/en/publications/international-standards-for-automatic-exchange-of-information-in-tax-matters_896d79d1-en.html , paġni 8 sa 61.
(11)    L-Opinjoni ta’ X (għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali)
(12)    ĠU L 379, 24.12.2004, p. 84–104
(13)     https://www.oecd.org/en/publications/international-standards-for-automatic-exchange-of-information-in-tax-matters_896d79d1-en.html , paġni 62 sa 102.
(14)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L, 24.10.2023)
(15)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) xxxx dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (ĠU L XXXX)

(16)    Ir-Regolament (EU) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p.39–98)
Top

Brussell, 17.7.2025

COM(2025) 397 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali


PROTOKOLL EMENDATORJU

għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali

L-UNJONI EWROPEA,

u

L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Liechtenstein”,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, “Parti Kontraenti” u, flimkien, “Partijiet Kontraenti”,

BILLI l-Partijiet Kontraenti għandhom relazzjoni twila u mill-qrib fir-rigward tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali, li kienet tikkonsisti, inizjalment, fl-applikazzjoni ta’ miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE 1 , u li aktar tard ġiet żviluppata fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali 2 (“il-Ftehim”), kif emendat bil-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax 3 , abbażi tal-iskambju awtomatiku reċiproku tal-informazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development) (“l-Istandard Globali”),

BILLI, wara l-ewwel rieżami komprensiv tal-Istandard Globali tal-OECD, ġew approvati emendi tal-Istandard Globali mill-Kumitat tal-OECD dwar l-Affarijiet Fiskali f’Awwissu 2022 u dawn ġew adottati mill-Kunsill tal-OECD fit-8 ta’ Ġunju 2023 bir-Rakkomandazzjoni riveduta tiegħu dwar l-Istandards Internazzjonali għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni fi Kwistjonijiet Fiskali (“l-aġġornament tal-Istandard Globali”),

BILLI r-rieżami komprensiv tal-OECD identifika l-kumplessità dejjem akbar tal-istrumenti finanzjarji u l-ħolqien u l-użu ta’ tipi ġodda ta’ assi diġitali u rrikonoxxa l-ħtieġa li l-Istandard Globali jiġi adattat biex tiġi żgurata konformità fiskali komprensiva u effettiva,

BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali espanda l-ambitu tar-rapportar biex jinkludi prodotti finanzjarji diġitali ġodda, bħal Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali, li joffru alternattivi kredibbli għall-Kontijiet Finanzjarji tradizzjonali, li diġà huma soġġetti għar-rapportar skont l-Istandard Globali,

BILLI l-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi (“CARF”, Crypto-Asset Reporting Framework) il-ġdid tal-OECD, li ġie introdott b’mod parallel mal-aġġornament tal-Istandard Globali, iservi bħala mekkaniżmu komplementari fil-livell globali u huwa mfassal speċifikament biex jindirizza l-iżvilupp rapidu u t-tkabbir tas-suq tal-Kriptoassi,

BILLI kien meqjus li huwa essenzjali li tiġi żgurata interazzjoni effiċjenti bejn dawk iż-żewġ oqfsa, b’mod partikolari biex jiġu limitati każijiet ta’ rapportar doppju, billi: (i) il-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati u l-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali jiġu esklużi mill-ambitu tal-CARF, minħabba l-kopertura tagħhom skont l-Istandard Globali aġġornat; (ii) il-Kriptoassi fl-ambitu tal-Istandard Globali aġġornat jitqiesu bħala Assi Finanzjarji għall-fini tar-rapportar ta’ Kontijiet ta’ Kustodja, Interessi ta’ Ekwità jew Dejn f’Entitajiet tal-Investiment (ħlief f’każijiet ta’ forniment ta’ servizzi li jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ skambju għall-klijenti jew f’isimhom, li huma koperti skont il-CARF), investimenti indiretti fil-Kriptoassi permezz ta’ prodotti finanzjarji tradizzjonali oħra jew prodotti finanzjarji tradizzjonali maħruġa fil-forma ta’ kriptoassi; u (iii) tiġi prevista dispożizzjoni fakultattiva għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti biex iwaqqfu r-rapportar tar-rikavat gross għal assi li huma kklassifikati bħala Kriptoassi skont iż-żewġ oqfsa, meta tali informazzjoni tiġi rrapportata skont il-CARF, filwaqt li jkomplu jirrapportaw skont l-Istandard Globali l-informazzjoni l-oħra kollha, bħall-bilanċ tal-kont,

BILLI l-CARF ġie implimentat fl-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 4 , li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE 5 , u dawk id-dispożizzjonijiet se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026, u l-Liechtenstein huwa impenjata li jimplimenta l-CARF fil-leġiżlazzjoni domestika tiegħu u li japplika dawk id-dispożizzjonijiet mill-istess data,

BILLI bil-għan li jiġu limitati l-każijiet ta’ rapportar doppju, il-Partijiet Kontraenti jenħtieġ li japplikaw id-delineazzjoni bejn il-Ftehim, il-CARF u d-Direttiva (UE) 2023/2226 b’mod konsistenti mad-delineazzjoni bejn l-Istandard Globali aġġornat u l-CARF,

BILLI, bil-għan li jittejbu l-affidabbiltà u l-użu tal-informazzjoni skambjata, l-aġġornament tal-Istandard Globali jintroduċi rekwiżiti tar-rapportar aktar dettaljati u proċeduri msaħħa tad-diliġenza dovuta,

BILLI l-aġġornament tal-Istandard Globali jżid kategorija ġdida “Kont Eskluż” għall-Kontijiet ta’ Kontribuzzjoni Kapitali u limitu de minimis għar-rapportar ta’ Kontijiet Depożitarji li fihom Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati,

BILLI l-Kummentarji għall-aġġornament tal-Istandard Globali jinkludu kategorija fakultattiva ġdida “Istituzzjoni Finanzjarja Mhux Rapportanti” għal Entitajiet ta’ Investiment li huma organizzazzjonijiet ġenwini mingħajr skop ta’ qligħ (“Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata”) u jordnaw li, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar iċ-ċirkomvenzjoni potenzjali tar-rapportar, l-applikazzjoni ta’ dik l-għażla jenħtieġ li tkun soġġetta għal proċeduri ta’ verifika adegwati għal kull Entità mill-awtorità tat-taxxa tal-ġuriżdizzjoni li fiha dik l-Entità tkun soġġetta għar-rapportar bħala Entità ta’ Investiment,

BILLI l-Liechtenstein se jeżerċita l-għażla li jinkludi l-kategorija l-ġdida “Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata” u se jistabbilixxi l-mekkaniżmi legali u amministrattivi biex jiżgura li kwalunkwe Entità li titlob l-istatus ta’ “Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata” tiġi kkonfermata li tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti qabel ma tali Entità tiġi ttrattata bħala Istituzzjoni Finanzjarja Mhux Rapportanti fil-Liechtenstein, u billi l-Istati Membri, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2023/2226, mhux se jeżerċitaw dik l-għażla,

BILLI l-Kummentarji tal-Mudell ta’ Ftehim bejn l-Awtoritajiet Kompetenti tal-OECD u l-Istandard Komuni ta’ Rapportar, kif emendati bl-aġġornament tal-Istandard Globali, jenħtieġ li jintużaw bħala sorsi ta’ spjegazzjoni jew interpretazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni,

BILLI l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Liechtenstein huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”),

BILLI l-konklużjonijiet dwar suq intern estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent mhux tal-UE adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2024 japprezzaw il-kooperazzjoni kostruttiva, trasparenti u miftuħa mal-Liechtenstein, u jirrikonoxxu r-rati għoljin u affidabbli ta’ traspożizzjoni tal-Liechtenstein fiż-ŻEE, kif ukoll il-qafas legali stabbilit dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa,

BILLI l-Liechtenstein u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma sħab fit-tul u affidabbli fil-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa, u r-regoli globali minimi tat-taxxa. Il-Liechtenstein jipprevedi miżuri li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji,

BILLI d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 għandha l-għan li tipprevjeni l-użu ħażin tas-suq uniku għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u hija, meta jkun xieraq, allinjata mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF, Financial Action Task Force) fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”) u l-emendi sussegwenti ta’ dawk l-istandards,

BILLI l-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-ŻEE, implimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 permezz tal-Liġi dwar id-Diliġenza Dovuta Professjonali għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, tal-Kriminalità Organizzata u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-11 ta’ Diċembru 2008 7 u permezz tal-Ordinanza dwar id-Diliġenza Dovuta Professjonali għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, tal-Kriminalità Organizzata u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-17 ta’ Frar 2009 8 ,

Billi, mill-10 ta’ Lulju 2027, id-Direttiva (UE) 2015/849 se tiġi sostitwita bid-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 u bir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 ,

BILLI d-Direttiva (UE) 2024/1640 u r-Regolament (UE) 2024/1624 jistabbilixxu l-bażi għal qafas robust u armonizzat, li jiżgura approċċ koeżiv u komprensiv sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea,

BILLI d-Direttiva (UE) 2024/1640 u r-Regolament (UE) 2024/1624 se jiġu implimentati u applikati fil-Liechtenstein f’konformità mal-proċeduri tal-Ftehim taż-ŻEE,

BILLI r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data li japplikaw ukoll għall-iskambji ta’ informazzjoni koperti minn dan il-Protokoll Emendatorju,

BILLI l-Liechtenstein, abbażi tas-sħubija tiegħu fiż-ŻEE, implimenta r-Regolament (UE) 2016/679 permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-4 ta’ Ottubru 2018,

BILLI l-Istati Membri u l-Liechtenstein għandhom fis-seħħ: (i) salvagwardji xierqa biex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tasal skont il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u tintuża biss mill-persuni jew mill-awtoritajiet ikkonċernati għall-finijiet tal-valutazzjoni, tal-ġbir, tal-irkupru, tal-infurzar, tal-prosekuzzjoni, tas-sorveljanza jew tad-determinazzjoni ta’ appelli relatati mat-taxxi, kif ukoll għal kwalunkwe fini ieħor awtorizzat. u (ii) l-infrastruttura għal relazzjoni effettiva ta’ skambju (inklużi proċessi stabbiliti biex jiġu żgurati skambji ta’ informazzjoni f’waqthom, akkurati, siguri u kunfidenzjali, komunikazzjonijiet effettivi u affidabbli, u kapaċitajiet biex jissolvew minnufih mistoqsijiet u tħassib dwar skambji jew talbiet għal skambji u biex jiġu amministrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Ftehim),

Billi l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, l-Awtoritajiet Kompetenti li jibagħtu u l-Awtoritajiet Kompetenti riċeventi, bħala kontrolluri tad-data, jenħtieġ li jżommu l-informazzjoni pproċessata f’konformità mal-Ftehim għal mhux aktar milli meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet tiegħu u billi, minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u tal-Liechtenstein, il-perjodu massimu taż-żamma jenħtieġ li jiġi stabbilit b’referenza għall-istatut tal-preskrizzjonijiet ipprovdut mil-leġiżlazzjoni domestika dwar it-taxxa ta’ kull kontrollur tad-data,

BILLI l-ipproċessar ta’ informazzjoni skont il-Ftehim huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-Liechtenstein jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod korrett u inekwivoku lill-kontribwenti kkonċernati, jamministraw u jinfurzaw il-liġijiet tagħhom dwar it-taxxa f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jivvalutaw il-probabbiltà li ssir evażjoni tat-taxxa u jevitaw aktar investigazzjonijiet mhux meħtieġa,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim huwa emendat kif ġej:

(1)    il-kliem introduttorju bejn it-titolu u l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-UNJONI EWROPEA,

u

L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Liechtenstein’,

it-tnejn li huma, minn hawn ’il quddiem imsejħin, individwalment, ‘Parti Kontraenti’ u, flimkien, ‘Partijiet Kontraenti’,

JAFFERMAW MILL-ĠDID l-interess komuni li jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjoni privileġġata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein,

FTIEHMU LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:”;

(2)    fl-Artikolu 1(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“(m)    it-terminu ‘Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi’ ifisser il-qafas internazzjonali għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fir-rigward tal-Kriptoassi (li jinkludi l-Kummentarji) żviluppat mill-OECD mal-pajjiżi tal-G20 u approvat mill-OECD fis-26 ta’ Awwissu 2022.”;

(3)    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)    is-subparagrafi (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)    dawn li ġejjin:

(i)    l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(ii)    fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mal-Annessi I u II, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li hija Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(iii)    jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

(b)    in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”;

(ii)    jitħassar it-terminu “u fl-aħħar tas-subparagrafu (f);

(iii)    is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu (f):

“(fa)    fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”;

(b)    jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.    Minkejja l-paragrafu 2, is-subparagrafu (e), il-punt (ii), u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx għażlet mod ieħor skont it-Taqsima I(F) tal-Anness I fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi skambjat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi skambjat mill-Awtorità Kompetenti tal-Liechtenstein mal-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru mal-Awtorità Kompetenti tal-Liechtenstein skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”;

(4)    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)    fil-paragrafu 3, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, għal kontijiet li huma ttrattati bħala Kont Rapportabbli biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju ta’ [data tal-iffirmar], u, fir-rigward tal-Kontijiet Rapportabbli kollha, għall-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi skambjata skont il-bidliet magħmula fl-Artikolu 2(2) skont dak il-Protokoll Emendatorju, l-informazzjoni għandha tiġi skambjata fir-rigward tal-ewwel sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Protokoll Emendatorju u tas-snin kollha sussegwenti.

Minkejja l-paragrafi preċedenti, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, għandha tiġi skambjata informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità fejn irrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti f’konformità mat-Taqsima I, is-subparagrafi A(1)(b) u A(6a), tal-Anness I.”;

(b)    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-Awtoritajiet Kompetenti se jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni deskritta fl-Artikolu 2 fi skema ta’ standard komuni ta’ rapportar b’Extensible Markup Language bl-użu tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Komuni approvata mill-OECD jew kwalunkwe sistema xierqa oħra għat-trażmissjoni tad-data li tista’ tiġi miftiehma fil-futur.”;

(c)    jitħassar il-paragrafu 5.;

(5)    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Minbarra r-regoli ta’ kunfidenzjalità u salvagwardji oħra deskritti f’dan l-Artikolu, l-iskambji kollha ta’ data personali skont dan il-Ftehim, fir-rigward tal-Istati Membri u l-Liechtenstein, għandhom ikunu soġġetti għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

Għall-fini tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 5, l-Istati Membri u l-Liechtenstein għandhom jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1) sa (4) u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2016/679 sal-punt meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fl-Artikolu 23(1)(e) ta’ dak ir-Regolament.

Minkejja t-tieni subparagrafu, kull Stat Membru u l-Liechtenstein għandhom jiżguraw li kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom tinforma lil kull Persuna Rapportabbli individwali kkonċernata li l-informazzjoni relatata magħha msemmija fl-Artikolu 2 se tinġabar u tiġi ttrasferita f’konformità ma’ dan il-Ftehim, u għandhom jiżguraw li l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tipprovdi lil dak l-individwu kull informazzjoni li hu intitolat għaliha skont ir-Regolament (UE) 2016/679.

L-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/679 għandha tiġi pprovduta fi żmien biżżejjed biex l-individwu jeżerċita d-drittijiet għall-protezzjoni tad-data tiegħu u, fi kwalunkwe każ, qabel ma l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti kkonċernata tirrapporta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 lill-awtorità kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew il-Liechtenstein).

L-Istati Membri u l-Liechtenstein għandhom jiżguraw li kull Persuna Rapportabbli individwali tiġi nnotifikata bi ksur tas-sigurtà fir-rigward tad-data personali tagħha meta dak il-ksur x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tad-data personali jew tal-privatezza tagħha.

__________

*    Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1).”;

(b)    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Id-data personali pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim ma għandhiex tinżamm għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet ta’ dan il-Ftehim u, fi kwalunkwe każ, f’konformità mar-regoli domestiċi ta’ kull kontrollur tad-data dwar l-istatut tal-preskrizzjonijiet.

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u tal-Liechtenstein għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data skont dan il-Ftehim għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2016/679.”;

(c)    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.    Kwalunkwe informazzjoni miksuba minn ġuriżdizzjoni (li tkun Stat Membru jew il-Liechtenstein) skont dan il-Ftehim għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali u għandha tiġi protetta bl-istess mod li bih tiġi ttrattata u protetta l-informazzjoni miksuba skont il-liġi domestika ta’ dik il-ġuriżdizzjoni u, sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali, f’konformità mas-salvagwardji li jistgħu jiġu speċifikati mill-ġuriżdizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679.”;

(d)    il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.    L-ipproċessar ta’ data personali skont dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għas-superviżjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-Istati Membri u fil-Liechtenstein skont ir-Regolament (UE) 2016/679.”;

(6)    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Jekk il-konsultazzjoni tkun relatata ma’ nuqqas ta’ konformità sinifikanti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, u l-proċedura deskritta fil-paragrafu 1 ma tipprevedix soluzzjoni adegwata, l-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Liechtenstein tista’ tissospendi l-iskambju ta’ informazzjoni skont dan il-Ftehim lejn, rispettivament, il-Liechtenstein jew Stat Membru speċifiku, billi tavża bil-miktub lill-Awtorità Kompetenti kkonċernata l-oħra. Din is-sospensjoni jkollha effett immedjat. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, nuqqas ta’ konformità sinifikanti jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-salvagwardja tad-data ta’ dan il-Ftehim jew ir-Regolament (UE) 2016/679, nuqqas mill-Awtorità Kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Liechtenstein li tipprovdi informazzjoni f’waqtha jew adegwata kif meħtieġ skont dan il-Ftehim jew li tiddefinixxi l-istatus ta’ Entitajiet jew kontijiet bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi b’mod li jfixkel il-finijiet ta’ dan il-Ftehim.”;

(7)    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 9

Terminazzjoni

Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta’ terminazzjoni bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Din it-terminazzjoni ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-avviż ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ terminazzjoni, l-informazzjoni kollha riċevuta qabel skont dan il-Ftehim tibqa’ kunfidenzjali u soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/679.”;

(8)    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)    fit-Taqsima I, il-paragrafu A huwa emendat kif ġej:

(i)    il-kliem introduttorju u s-subparagrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Soġġett għall-paragrafi C sa F, kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tirrapporta lill-Awtorità Kompetenti tal-ġuriżdizzjoni tagħha (li tkun Stat Membru jew il-Liechtenstein) fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli ta’ tali Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti:

1.    l-informazzjoni li ġejja:

(a)    l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew il-Liechtenstein), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid (fil-każ ta’ individwu) ta’ kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta’ Kont tal-kont u jekk id-Detentur ta’ Kont ikunx ipprovda awtoċertifikazzjoni valida;

(b)    fil-każ ta’ kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta’ Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta b’mod konsistenti mat-Taqsimiet V, VI u VII, tiġi identifikata bħala li għandha Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li hija Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru, il-Liechtenstein jew ġuriżdizzjoni oħra), u n-NITs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, il-ġuriżdizzjoni(jiet) ta’ residenza (li tkun Stat Membru jew il-Liechtenstein), in-NIT(s) u d-data u l-post tat-twelid ta’ kull Persuna Rapportabbli, kif ukoll ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli tkun Persuna Kontrollanti tal-Entità u jekk tkunx ġiet ipprovduta awtoċertifikazzjoni valida għal kull Persuna Rapportabbli; u

(c)    jekk il-kont huwiex kont konġunt, inkluż l-għadd ta’ Detenturi ta’ Kontijiet konġunti;

2.    in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta’ numru tal-kont), it-tip ta’ kont u jekk il-kont huwiex Kont Preeżistenti jew Kont Ġdid;”;

(ii)    jitħassar it-terminu “u” fl-aħħar tas-subparagrafu 6;

(iii)    is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu 6:

“6a.    fil-każ ta’ kwalunkwe Interess ta’ Ekwità miżmum f’Entità ta’ Investiment li huwa arranġament legali, ir-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom il-Persuna Rapportabbli tkun detentur ta’ Interess ta’ Ekwità; u”;

(b)    fit-Taqsima I, il-paragrafu C huwa sostitwit b’dan li ġej:

“C.    Minkejja s-subparagrafu A(1), fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jkun Kont Preeżistenti, in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux meħtieġa li jiġu rrapportati jekk dawn in-NIT(s) jew id-data tat-twelid ma jkunux fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u ma jkunux meħtieġa li jinġabru b’mod ieħor minn din l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-liġi domestika jew kwalunkwe strument legali tal-Unjoni Ewropea (jekk applikabbli). Madankollu, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hija meħtieġa li tuża sforzi raġonevoli biex tikseb in-NIT(s) u d-data tat-twelid fir-rigward ta’ Kontijiet Preeżistenti sa tmiem it-tieni sena kalendarja wara s-sena li fiha l-Kontijiet Preeżistenti ġew identifikati bħala Kontijiet Rapportabbli u kull meta jkun meħtieġ li tiġi aġġornata l-informazzjoni relatata mal-Kont Preeżistenti skont il-Proċeduri tal-AML/KYC domestiċi.”;

(c)    fit-Taqsima I, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“F.    Minkejja s-subparagrafu A(5)(b) u sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tagħżilx mod ieħor fir-rigward ta’ kwalunkwe grupp ta’ kontijiet identifikat b’mod ċar, ir-rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ Assi Finanzjarju ma jkunx meħtieġ li jiġi rrapportat sa fejn tali rikavat gross mill-bejgħ jew mit-tifdija ta’ tali Assi Finanzjarju jiġi rrapportat mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-Qafas għar-Rapportar tal-Kriptoassi.”;

(d)    fit-Taqsima VI, is-subparagrafu A(2)(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    Id-Determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta’ Detentur ta’ Kont, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista’ tibbaża fuq informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri tal-AML/KYC, dment li dawn il-proċeduri jkunu konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF (Financial Action Task Force) tal-2012. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx legalment meħtieġa li tapplika l-Proċeduri tal-AML/KYC li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF tal-2012, din trid tapplika proċeduri sostanzjalment simili għall-fini tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti.”;

(e)    fit-Taqsima VII, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu A:

“Aa.    Nuqqas temporanju ta’ awtoċertifikazzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-awtoċertifikazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti fir-rigward ta’ Kont Ġdid fil-ħin biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta u tar-rapportar tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ rapportar li matulu jkun infetaħ il-kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jeħtiġilha tapplika l-proċeduri tad-diliġenza dovuta għall-Kontijiet Preeżistenti, sakemm tinkiseb u tiġi vvalidata din l-awtoċertifikazzjoni.”;

(f)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu A(5) sa (7) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.    It-terminu ‘Istituzzjoni Depożitorja’ jfisser kwalunkwe Entità li:

(a)    taċċetta depożiti fil-kors ordinarju ta’ negozju bankarju jew negozju simili; jew

(b)    ikollha Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għall-benefiċċju tal-klijenti.

6.    It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ifisser kwalunkwe Entità:

(a)    li primarjament twettaq bħala negozju, attività jew operazzjoni waħda jew aktar mill-attivitajiet jew operazzjonijiet li ġejjin għal klijent jew f’ismu:

(i)    negozjar fi strumenti tas-suq monetarju (ċekkijiet, kambjali, ċertifikati tad-depożitu, derivattivi, eċċ.); muniti barranin; strumenti tal-kambju, tar-rati tal-imgħax u tal-indiċi; titoli trasferibbli; jew negozju tal-futuri tal-komoditajiet;

(ii)    ġestjoni ta’ portafolli individwali u kollettivi; jew

(iii)    investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn; jew

(b)    li l-introjtu gross tagħha jkun attribwibbli primarjament għall-investiment, l-investiment mill-ġdid jew in-negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti, jekk l-Entità hija ġestita minn Entità oħra li tkun Istituzzjoni Depożitorja, Istituzzjoni ta’ Kustodja, Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, jew Entità ta’ Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(a).

Entità tiġi ttrattata bħala li primarjament twettaq bħala negozju waħda jew aktar mill-attivitajiet deskritti fis-subparagrafu A(6)(a), jew introjtu gross ta’ Entità jiġi primarjament attribwibbli għal investiment, investiment mill-ġdid, jew negozjar f’Assi Finanzjarji jew Kriptoassi Rilevanti għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(b), jekk l-introjtu gross tal-Entità attribwibbli għall-attivitajiet rilevanti jkun 50 % jew aktar tal-introjtu gross tal-Entità matul l-iqsar wieħed minn: (i) il-perjodu ta’ 3 snin li jintemm fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li fiha ssir id-determinazzjoni; jew (ii) il-perjodu li matulu l-Entità tkun ilha teżisti. Għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(a)(iii), it-terminu ‘investiment, amministrazzjoni, jew ġestjoni b’xi mod ieħor ta’ Assi Finanzjarji, flus, jew Kriptoassi Rilevanti f’isem persuni oħrajn’ ma jinkludix il-forniment ta’ servizzi li jwettqu Tranżazzjonijiet ta’ Skambju għall-klijenti jew f’isimhom. It-terminu ‘Entità ta’ Investiment’ ma jinkludix Entità li tkun NFE Attiva għaliex dik l-Entità tissodisfa kwalunkwe kriterju fis-subparagrafi D(9)(d) sa (g).

Dan il-paragrafu għandu jkun interpretat b’mod li jkun konsistenti ma’ lingwaġġ simili stipulat fid-definizzjoni ta’ ‘istituzzjoni finanzjarja’ fir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

7.    It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ jinkludi titolu (pereżempju, sehem minn stokk f’korporazzjoni; sħubija jew interess fuq sjieda benefiċjarja fi sħubija jew fiduċjarja b’parteċipazzjoni wiesgħa jew innegozjata pubblikament; kambjala, bond, titolu obbligazzjonarju, jew evidenza oħra ta’ dejn), interess fi sħubija, komodità, swap (pereżempju, swaps tar-rati tal-imgħax, swaps tal-valuti, swaps varjabbli għal varjabbli, limiti massimi tar-rati tal-imgħax, rati tal-imgħax minimi (interest rate floors), swaps tal-komoditajiet, swaps tal-ekwità, swaps tal-indiċi tal-ekwità, u ftehimiet simili), Kuntratt tal-Assigurazzjoni jew Kuntratt tal-Vitalizju, jew kwalunkwe imgħax (inkluż kuntratt jew opzjoni tal-futuri jew forward) f’titolu, Kriptoassi Rapportabbli, interess fi sħubija, komodità, swap, Kuntratt tal-Assigurazzjoni, jew Kuntratt tal-Vitalizju. It-terminu ‘Assi Finanzjarju’ ma jinkludix interess dirett mingħajr dejn fi proprjetà immobbli.”;

(g)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu wara s-subparagrafu A(8):

“9.    It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ifisser kwalunkwe prodott li huwa:

(a)    rappreżentazzjoni diġitali ta’ Munita ta’ Kors Legali waħda;

(b)    maħruġ mal-wasla ta’ fondi għall-fini li jsiru tranżazzjonijiet ta’ pagament;

(c)    irrappreżentat minn talba fuq l-emittent denominat fl-istess Munita ta’ Kors Legali;

(d)    aċċettat bħala pagament minn persuna fiżika jew ġuridika għajr l-emittent; u

(e)    bis-saħħa ta’ rekwiżiti regolatorji li għalihom huwa soġġett l-emittent, jista’ jinfeda fi kwalunkwe ħin u b’parità għall-istess Munita ta’ Kors Legali fuq talba tad-detentur tal-prodott.

It-terminu ‘Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat’ ma jinkludix prodott maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi minn klijent lil persuna oħra skont l-istruzzjonijiet tal-klijent. Prodott ma jkunx maħluq għall-fini uniku li jiffaċilita t-trasferiment ta’ fondi jekk, fil-kors ordinarju tan-negozju tal-Entità trasferenti, jew il-fondi marbuta ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-istruzzjonijiet biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment, jew, jekk ma tasal l-ebda struzzjoni, il-fondi marbutin ma’ dan il-prodott jinżammu għal aktar minn 60 jum wara li jiġu riċevuti l-fondi.

10.    It-terminu ‘Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali’ jfisser kwalunkwe Munita ta’ Kors Legali diġitali maħruġa minn Bank Ċentrali.

11.    It-terminu ‘Munita ta’ Kors Legali’ jfisser il-munita uffiċjali ta’ ġuriżdizzjoni, maħruġa minn ġuriżdizzjoni jew mill-Bank Ċentrali jew mill-awtorità monetarja maħtura minn ġuriżdizzjoni, kif irrappreżentata minn karti tal-flus jew muniti fiżiċi jew minn flus f’forom diġitali differenti, inklużi riżervi bankarji jew Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali. It-terminu jinkludi wkoll il-flus tal-banek kummerċjali u l-prodotti ta’ ħlas elettroniku (inklużi l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati).

12.    It-terminu ‘Kriptoassi’ jfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li tiddependi fuq reġistru distribwit magħmul sigur bil-kriptografija jew teknoloġija simili għall-validazzjoni u t-twettiq sigur tat-tranżazzjonijiet.

13.    It-terminu ‘Kriptoassi Rilevanti’ jfisser kwalunkwe Kriptoassi għajr Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali, Prodott ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikat jew kwalunkwe Kriptoassi li għalih il-Fornitur ta’ Servizzi tal-Kriptoassi tar-Rapportar ikun iddetermina b’mod adegwat li ma jistax jintuża għal finijiet ta’ pagament jew ta’ investiment.

14.    It-terminu ‘Tranżazzjoni ta’ Skambju’ jfisser kwalunkwe:

(a)    skambju bejn il-Kriptoassi Rilevanti u l-Muniti ta’ Kors Legali; u

(b)    skambju bejn forma waħda jew aktar ta’ Kriptoassi Rilevanti.”

(h)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu B(1)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)    Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali, għajr:

(i)    fir-rigward ta’ pagament li jkun derivat minn obbligu li jkun hemm f’konnessjoni ma’ attività finanzjarja kummerċjali tat-tip li tkun attiva fiha Kumpanija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, Istituzzjoni ta’ Kustodja, jew Istituzzjoni Depożitorja; jew

(ii)    fir-rigward tal-attività taż-żamma tal-Muniti Diġitali tal-Bank Ċentrali għad-Detenturi ta’ Kontijiet li ma humiex Istituzzjonijiet Finanzjarji, Entitajiet Governattivi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew Banek Ċentrali;”;

(i)    fit-Taqsima VIII, jitħassar it-terminu “jew” fl-aħħar tas-subparagrafu B(1)(d); 

(j)    fit-Taqsima VIII, il-punt fl-aħħar tas-subparagrafu B(1)(e) huwa sostitwit b’punt u virgola, u t-terminu “jew” jiżdied wara;

(k)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara s-subparagrafu B(1)(e):

“(f)    Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata.”

(l)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara s-subparagrafu B(9):

10.    It-terminu ‘Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata’ jfisser Entità residenti fil-Liechtenstein li tkun kisbet konferma mill-awtorità tat-taxxa tal-Liechtenstein li tali Entità tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)    hija stabbilita u topera fil-Liechtenstein esklużivament għal finijiet reliġjużi, ta’ karità, xjentifiċi, artistiċi, kulturali, atletiċi jew edukattivi; jew hija stabbilita u topera fil-Liechtenstein u hija organizzazzjoni professjonali, league tan-negozju, kamra tal-kummerċ, organizzazzjoni tax-xogħol, organizzazzjoni agrikola jew ortikulturali, league ċiviku jew organizzazzjoni mħaddma esklużivament għall-promozzjoni tal-benessri soċjali;

(b)    hija eżentata mit-taxxa fuq l-introjtu fil-Liechtenstein;

(c)    ma għandha l-ebda azzjonist jew membru li għandu interess proprjetarju jew benefiċjarju fl-introjtu jew fl-assi tagħha;

(d)    il-liġijiet applikabbli tal-Liechtenstein jew id-dokumenti tal-formazzjoni tal-Entità ma jippermettu li jitqassam l-ebda introjtu jew assi tal-Entità, jew jiġu applikati għall-benefiċċju ta’ persuna privata jew Entità mhux ta’ karità għajr skont l-aġir tal-attivitajiet ta’ karità tal-Entità, jew bħala pagament ta’ kumpens raġonevoli għal servizzi mogħtija, jew bħala pagament li jirrappreżenta l-valur tas-suq ġust ta’ proprjetà li tkun xtrat l-Entità; u

(e)    il-liġijiet applikabbli tal-Liechtenstein jew id-dokumenti tal-formazzjoni tal-Entità jirrikjedu li, mal-likwidazzjoni jew max-xoljiment tal-Entità, l-assi kollha tagħha jitqassmu lil Entità Governattiva jew lil Entità oħra li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’i) sa v), jew jiġu ttrasferiti bona vacantia lill-gvern tal-Liechtenstein jew lil kwalunkwe suddiviżjoni politika tiegħu.”;

(m)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    It-terminu ‘Kont Depożitarju’ jinkludi kwalunkwe kont kummerċjali, kurrenti, ta’ tfaddil, fiss, jew thrift, jew kont li huwa evidenzjat minn ċertifikat ta’ depożitu, ċertifikat ta’ thrift, ċertifikat ta’ investiment, ċertifikat ta’ dejn, jew strument ieħor simili miżmum minn Istituzzjoni Depożitorja. Kont Depożitarju jinkludi wkoll:

(a)    ammont miżmum minn kumpanija tal-assigurazzjoni skont kuntratt ta’ investiment garantit jew ftehim simili biex jitħallas jew jiġi akkreditat imgħax fuqu;

(b)    kont jew kont nozzjonali li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent; u

(c)    kont li għandu Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali waħda jew aktar għall-benefiċċju ta’ klijent.”;

(n)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(9)(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)    Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2015 jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju bis-saħħa biss tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju ta’ [data tal-iffirmar], mill-31 ta’ Diċembru 2025;”;

(o)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu C(10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.    It-terminu ‘Kont Ġdid’ ifisser Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti miftuħ fl-1 ta’ Jannar 2016 jew wara, jew, jekk il-kont jiġi ttrattat bħala Kont Finanzjarju biss bis-saħħa tal-emendi ta’ dan il-Ftehim magħmula mill-Protokoll Emendatorju ta’ [data tal-iffirmar], fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara sakemm ma jiġix ittrattat bħala Kont Preeżistenti skont id-definizzjoni estiża ta’ Kont Preeżistenti fis-subparagrafu C(9).”;

(p)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e)(iv):

“(v)    fondazzjoni jew żieda fil-kapital ta’ kumpanija dment li l-kont jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

   il-kont jintuża esklużivament għad-depożitu ta’ kapital li għandu jintuża għall-fini tal-fondazzjoni jew taż-żieda fil-kapital ta’ kumpanija, kif preskritt mil-liġi;

   kwalunkwe ammont miżmum fil-kont jiġi mblukkat sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tikseb konferma indipendenti rigward il-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

   il-kont jingħalaq jew jiġi ttrasformat f’kont f’isem il-kumpanija wara l-fondazzjoni jew iż-żieda fil-kapital;

   kwalunkwe ripagament li jirriżulta minn fondazzjoni jew minn żieda fil-kapital li ma tkunx irnexxiet, netti mill-fornitur tas-servizz u tariffi simili, isir biss lill-persuni li kkontribwew l-ammonti; u

   il-kont ma jkunx ilu li ġie stabbilit aktar minn 12-il xahar.”;

(q)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara s-subparagrafu C(17)(e):

“(ea)    Kont Depożitarju li jirrappreżenta l-Prodotti ta’ Ħlas Elettroniku Speċifikati kollha miżmuma għall-benefiċċju ta’ klijent, jekk il-medja rikorrenti ta’ 90 jum tal-bilanċ jew tal-valur aggregat tal-kont fi tmiem il-jum matul kwalunkwe perjodu ta’ 90 jum konsekuttiv ma tkunx qabżet USD 10 000 jew ammont ekwivalenti denominat fil-munita domestika ta’ kull Stat Membru jew tal-Liechtenstein fi kwalunkwe jum matul is-sena kalendarja jew perjodu ta’ rapportar xieraq ieħor.”;

(r)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    It-terminu ‘Persuna Rapportabbli’ tfisser Persuna ta’ ġuriżdizzjoni Rapportabbli għajr: (i) Entità li l-istokk tagħha jiġi nnegozjat b’mod regolari f’suq tat-titoli stabbilit jew aktar minn wieħed; (ii) kwalunkwe Entità li hija Entità Relatata ta’ Entità deskritta fil-klawżola (i); (iii) Entità Governattiva; (iv) Organizzazzjoni Internazzjonali; (v) Bank Ċentrali; jew (vi) Istituzzjoni Finanzjarja.”;

(s)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu D(5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)    kwalunkwe ġuriżdizzjoni oħra (i) li magħha l-Istat Membru rilevanti jew il-Liechtenstein, skont kif jirrikjedi l-kuntest, ikollu ftehim fis-seħħ li skontu dik il-ġuriżdizzjoni l-oħra tipprovdi l-informazzjoni speċifikata fit-Taqsima I, u (ii) li hija identifikata f’lista ppubblikata minn dak l-Istat Membru jew mil-Liechtenstein;”

(t)    fit-Taqsima VIII, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara s-subparagrafu E(6):

“7.    It-terminu ‘Servizz ta’ Verifika tal-Gvern’ ifisser proċess elettroniku magħmul disponibbli mingħajr ħlas minn Ġuriżdizzjoni Rapportabbli lil Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għall-finijiet tal-aċċertar tal-identità u tar-residenza tat-taxxa ta’ Detentur ta’ Kont jew ta’ Persuna Kontrollanti.”;

(u)    it-taqsima li ġejja tiżdied wara t-Taqsima X:

“Taqsima XI:

MIŻURI TRANŻIZZJONALI

Minkejja s-subparagrafu A(1)(b) u A(6a) tat-Taqsima I, fir-rigward ta’ kull Kont Rapportabbli li jinżamm minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta’ Diċembru 2025 u għall-perjodi ta’ rapportar li jintemmu sat-tieni sena kalendarja wara dik id-data, l-informazzjoni fir-rigward tar-rwol(i) li bis-saħħa tiegħu/tagħhom kull Persuna Rapportabbli hija Persuna Kontrollanti jew detentur ta’ Interess ta’ Ekwità tal-Entità hija meħtieġa li tiġi rrapportata biss jekk tali informazzjoni tkun disponibbli fid-data li tista’ tiġi mfittxija b’mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti.”;

(9)    fl-Anness II, il-paragrafi li ġejjin jiżdiedu wara l-paragrafu 6:

“7.    It-terminu ‘Munita Diġitali tal-Bank Ċentrali’ għandu jkun interpretat b’mod li jkun konsistenti mat-terminu sottostanti ‘Munita ta’ Kors Legali’, li jinkludi wkoll munita uffiċjali maħruġa minn awtorità monetarja għajr Bank Ċentrali.

8.    L-istatus ta’ Entità bħala “Entità Mingħajr Skop ta’ Qligħ Kwalifikata” tal-Liechtenstein ma jaffettwax l-istatus ta’ tali Entità fi Stat Membru jekk dik l-Entità titqies bħala Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti f’dak l-Istat Membru.”

(10)    fl-Anness III, jitħassar is-subparagrafu (ac).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan il-Protokoll Emendatorju jirrikjedi li jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija ta’ dawn il-proċeduri. Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Jannar wara li tasal l-aħħar notifika. L-emendi introdotti minn dan il-Protokoll Emendatorju għandu jkollhom effett minn dik id-data.

Artikolu 3

Lingwi

Dan il-Protokoll Emendatorju għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Iżvediż, u kull test ikun awtentiku ugwalment.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Protokoll Emendatorju.

Magħmul fi … fis-sena elfejn u ħamsa u għoxrin.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Prinċipat tal-Liechtenstein

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-PARTIJIET KONTRAENTI:

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR L-ARTIKOLU 5 TAL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Artikolu 5 tal-Ftehim huwa allinjat mal-aħħar standard tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali minqux fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD. Għalhekk, il-Partijiet Kontraenti jaqblu, rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Ftehim, li l-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fil-verżjoni attwali meta jiġi ffirmat il-Protokoll Emendatorju jenħtieġ li jkun sors ta’ interpretazzjoni.

Meta l-OECD tadotta verżjonijiet ġodda tal-kummentarju dwar l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq l-Introjtu u fuq il-Kapital fis-snin sussegwenti, kull Stat Membru jew il-Liechtenstein, meta jaġixxi bħala l-ġuriżdizzjoni rikjesta, jista’ japplika dawk il-verżjonijiet bħala sors ta’ interpretazzjoni, billi jissostitwixxi dawk preċedenti. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil-Liechtenstein u l-Liechtenstein għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea meta japplikaw is-sentenza preċedenti. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkoordina t-trażmissjoni tan-notifika mill-Istati Membri lil-Liechtenstein u l-Kummissjoni Ewropea għandha tittrażmetti n-notifika mil-Liechtenstein lill-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tan-notifika.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARTIJIET KONTRAENTI DWAR ID-DĦUL FIS-SEĦĦ U L-EFFETT TAL-PROTOKOLL EMENDATORJU

Il-Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li huma jistennew li r-rekwiżiti kostituzzjonali tal-Liechtenstein u r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar id-dħul fi ftehimiet internazzjonali se jiġu ssodisfati fil-ħin biex il-Protokoll Emendatorju jkun jista’ jidħol fis-seħħ u jkollu effett fl-ewwel jum ta’ Jannar 2026. Huma se jieħdu l-miżuri kollha fis-setgħa tagħhom sabiex jilħqu dak l-għan.

(1)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU UE L 157, 26.6.2003, p. 38).

(2)

     ĠU UE L 379, 24.12.2004, p. 84.

(3)

   ĠU EU L 339, 24.12.2015, p. 3.

(4)

   Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU UE L, 24.10.2023).

(5)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU UE L 64, 11.3.2011, p. 1).

(6)

     Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU UE L 141 5.6.2015, p. 73).

(7)

   Il-Gazzetta Legali tal-Liechtenstein 2009 Nru 47.

(8)

   Il-Gazzetta Legali tal-Liechtenstein 2009 Nru 98.

(9)

     Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU UE L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj

(10)

     Ir-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU UE L, 2024/1624, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1624/oj).

(11)

   Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU UE L 119, 4.5.2016, p. 1).

Top