Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0786

Abbozz ta' Dikjarazzjoni Konġunta "L-Ewropa għall-Kultura - Il-Kultura għall-Ewropa"

COM/2025/786 final

Brussell, 12.11.2025

COM(2025) 786 final

Abbozz ta' Dikjarazzjoni Konġunta

"L-Ewropa għall-Kultura - Il-Kultura għall-Ewropa"


Abbozz ta’ Dikjarazzjoni Konġunta

“L-Ewropa għall-Kultura - Il-Kultura għall-Ewropa”

Preambolu

Billi:

A. L-Ewropa hija kontinent ta’ arti, kultura u kreattività bla limitu u ta’ wirt kulturali u ta’ storja għonja. Id-diversità u l-vivaċità kulturali, tal-Ewropa, xprunati mill-eċċellenza tal-artisti u tal-professjonisti tagħha, huma fundamentali għall-valuri u għall-identità tal-UE, irawmu sens Ewropew ta’ appartenenza u identità Ewropea kondiviża, u demokrazija msaħħa.

B. Is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma setturi ekonomiċi dinamiċi. Dawn jirrappreżentaw riżorsa strateġika għall-kompetittività u għall-koeżjoni tal-Ewropa, jiġġeneraw tkabbir ekonomiku u effetti konsegwenzjali pożittivi fis-setturi u fit-territorji kollha, joħolqu impjiegi kwalifikati, u jikkontribwixxu għall-vantaġġ kreattiv u innovattiv tal-UE.

C. Il-kultura u l-wirt kulturali jirfdu l-valuri ewlenin li hija msejsa fuqhom l-UE – ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE) – u jinkorporaw il-motto “Magħquda fid-diversità”. L-objettiv ġenerali tal-UE fil-qasam tal-kultura huwa li tirrispetta u li tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika għanja tagħha; li tiżgura li l-wirt kulturali Ewropew jiġi ssalvagwardjat u msaħħaħ; u li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 3 tat-TUE, l-Artikolu 167 tat-TFUE).

D. Il-kultura u l-wirt kulturali joħolqu spazju fejn persuna tista’ timmaġina futuri mixtieqa u huma vitali għall-istil ta’ ħajja Ewropew. Dawn jipprovdu pjattaforma għad-djalogu pubbliku, jgħaqqdu l-komunitajiet, jarrikkixxu l-ħajjiet, joħolqu koeżjoni fis-soċjetajiet tagħna u huma vettur importanti għall-azzjoni esterna tal-UE. L-UE tista’ tisfrutta l-assi kulturali tagħha biex tibni r-reżiljenza, tippromwovi l-paċi u d-demokrazija, u tispira soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli.

E. Il-kultura hija riżorsa strateġika għall-UE biex taffaċċja r-realtajiet urġenti tal-lum, bħat-tensjonijiet ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi, it-tisħin globali u d-degradazzjoni ambjentali, l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, il-bidliet teknoloġiċi rapidi, il-bidliet demografiċi, u kriżi tas-saħħa mentali. Fl-istess ħin, is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jaffaċċjaw l-isfidi tagħhom stess, li jeħtieġu appoġġ immirat u azzjoni deċiżiva.

F. Din id-dikjarazzjoni tartikola viżjoni strateġika fit-tul biex il-kultura titqiegħed fil-qalba tal-identità tal-Ewropa, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-kultura għall-individwi, għall-komunitajiet u għall-UE, u ssaħħaħ id-drittijiet u l-prinċipji kulturali.

G. Filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol ta’ appoġġ tal-UE fil-qasam tal-kultura, din id-dikjarazzjoni tafferma impenji u responsabbiltajiet politiċi kondiviżi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea - fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-UE - abbażi tad-direzzjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Boxxla Kulturali għall-Ewropa tal-Kummissjoni tal-2025.



Dikjarazzjoni Konġunta dwar Ewropa għall-Kultura - Kultura għall-Ewropa

0. Għandna l-għan li nippromwovu u li nippożizzjonaw il-kultura kemm bħala riżorsa kif ukoll bħala benefiċjarju tal-unità, tad-demokrazija, tal-eċċellenza u tal-kompetittività Ewropej. U, għalhekk, nimpenjaw ruħna li:

·Insaħħu r-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala xprunatur kulturali globali u ċentru vibranti ta’ kreattività, fejn kulħadd jista’ joħloq u jinvolvi ruħu liberament mal-kultura; rwol li jappoġġa d-drittijiet kulturali, jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lill-professjonisti kreattivi.

·Niżguraw li l-kultura tibqa’ forza li tixpruna n-nisġa soċjoekonomika u territorjali tal-Ewropa filwaqt li nirrikonoxxu l-valur intrinsiku, soċjetali, ċiviku u ekonomiku tal-kultura, u l-potenzjal trasformattiv tagħha.

·Nippromwovu miżuri biex nagħtu s-setgħa, nirnexxu, ninnovaw u nikkompetu globalment.

·Nirrikonoxxu r-rwol tal-kultura bħala ġid pubbliku, li jikkontribwixxi għar-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli tal-UE.

F’allinjament ma’ dawn l-impenji u l-erba’ direzzjonijiet ewlenin tal-Boxxla Kulturali għall-Ewropa, niddikjaraw it-tħaddin tagħna tal-prinċipji li ġejjin għall-politiki kulturali fl-Ewropa.

1. Il-libertà tal-espressjoni artistika u l-libertà tal-ħolqien huma l-pedamenti tal-kultura, u għandhom rwol indispensabbli fit-trawwim ta’ soċjetajiet demokratiċi u fiż-żamma tal-valuri Ewropej.

Nimpenjaw ruħna li:

·Nissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni artistika u r-rispett tal-valuri tal-UE bħala pedament tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

·Nipproteġu lill-artisti u lill-professjonisti kulturali miċ-ċensura, mill-intimidazzjoni, u minn interferenza bla bżonn.

·Nipproteġu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kulturali.

2. Id-diversità kulturali u lingwistika huma valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-UE. Nimpenjaw ruħna li:

·Nappoġġaw, niċċelebraw u nippreservaw id-diversità kulturali u lingwistika għanja tal-Unjoni Ewropea u s-sovranità kulturali tagħha.

·Nippromwovu d-diversità sħiħa tal-kontenut kulturali maħluq fl-Ewropa, b’mod partikolari online u li nisfruttaw teknoloġiji ġodda biex niżguraw il-viżibbiltà u l-iskopribbiltà ta’ dan il-kontenut.

3. L-aċċess għall-kultura huwa pilastru fundamentali ta’ soċjetajiet demokratiċi u inklużivi. Nimpenjaw ruħna li:

·Intejbu l-aċċess inklużiv għall-kultura u għall-wirt kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fihom u t-tgawdija u l-benefiċċju tagħhom għal kulħadd, speċjalment il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

·Nagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet kulturali ta’ persuni b’diżabbiltà, gruppi emarġinati u żvantaġġati, u persuni li jgħixu f’żoni rurali, remoti jew mhux moqdijin tajjeb – inklużi żoni f’riskju ta’ depopolazzjoni jew li jkunu qed jaffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi.

·Insaħħu u ntejbu l-infrastruttura kulturali madwar l-Ewropa, filwaqt li nagħtu attenzjoni lill-indirizzar tad-disparitajiet soċjoekonomiċi u territorjali.

4. Kulħadd għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, ġusti, tajbin għas-saħħa u sikuri, inklużi l-artisti u l-professjonisti kulturali li huma fil-qalba tas-setturi u tal-industriji kulturali u kreattivi tagħna. Nimpenjaw ruħna li:

·Nippromwovu remunerazzjoni ġusta, protezzjoni soċjali adegwata, u aċċess għall-iżvilupp tal-ħiliet għall-artisti u għall-professjonisti kulturali kollha kif ukoll li nappoġġaw id-drittijiet ta’ negozjar kollettiv tagħhom u li nrawmu s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom, inkluża s-saħħa mentali tagħhom.

·Nippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kultura u l-wirt kulturali, u li nipproteġu d-drittijiet tal-artisti u tal-professjonisti kulturali b’diżabilità.

5. Iż-żgħażagħ huma kruċjali fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa u tax-xenarju kulturali divers tagħha. Nimpenjaw ruħna li:

·Nippromwovu r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi strutturi ta’ governanza kulturali biex namplifikaw il-vuċijiet tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom.

·Nappoġġaw l-artisti żgħażagħ u dawk emerġenti, filwaqt li nirrikonoxxu l-kontribut tagħhom għall-kultura u l-wirt kulturali tal-Ewropa.

6. Is-sinerġija bejn il-kultura, l-arti, u l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp u għall-prosperità ta’ soċjetajiet futuri. Nimpenjaw ruħna li:

·Inrawmu l-edukazzjoni fl-arti għal kulħadd fl-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, inkluż l-apprendiment tul il-ħajja.

·Nappoġġaw l-approċċ tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija, arti u matematika (STEAM, Science, Technology, Engineering, Arts, and Mathematics) u sinerġiji interdixxiplinari u transdixxiplinari bejn il-kultura, l-arti, ix-xjenza u t-teknoloġija.

7. L-involviment kulturali wera impatti pożittivi fuq is-saħħa u l-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet. Nimpenjaw ruħna li:

·Nippromwovu - permezz tal-politiki tagħna - l-effetti pożittivi tal-kultura u tal-parteċipazzjoni kulturali fuq is-saħħa u l-benesseri.

·Nikkondividu l-aħjar prattiki u approċċi innovattivi fis-setturi kollha.

8. L-użu, l-iżvilupp u l-governanza tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) għandhom irawmu l-kreattività tal-bniedem permezz ta’ approċċ ġust iċċentrat fuq il-bniedem u bbażat fuq id-drittijiet. Dan għandu: jirrispetta d-drittijiet kulturali, l-aċċessibbiltà, l-inklużività u d-diversità kulturali; jiżviluppa u jippromwovi l-iskopribbiltà ta’ kontenut Ewropew, nazzjonali u lokali; irawwem il-kompetittività; jiġġieled id-distakki diġitali; u jrawwem l-inklużjoni diġitali. Nimpenjaw ruħna li:

·Nippromwovu l-ħolqien mill-bniedem u s-sovranità diġitali, kulturali u lingwistika Ewropea, u nindirizzaw ir-riskji etiċi tal-preġudizzji u l-omoġenizzazzjoni kulturali. 

·Nipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, billi nindirizzaw l-impatti tal-IA fuq ir-remunerazzjoni tal-kreaturi, filwaqt li nħaddnu l-innovazzjoni.

·Nimmonitorjaw u nimmitigaw l-impatt tal-IA fuq l-impjiegi kif ukoll li nappoġġaw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi sabiex jadattaw għall-bidla teknoloġika u jakkwistaw ħiliet diġitali.

·Inrawmu l-użu tal-IA bħala għodda biex jiġu appoġġati l-professjonisti kulturali u kreattivi u biex is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti minn dawn it-teknoloġiji.

9. Il-wirt kulturali jgħaqqad il-passat tagħna mal-futur tagħna. Huwa simbolu ta’ għaqda fid-diversità u pedament tal-identità, tad-demokrazija u tar-reżiljenza tagħna. Nimpenjaw ruħna li:

·Nipproteġu, nissalvagwardjaw u nippromwovu l-wirt naturali u kulturali għani tal-Ewropa – kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli – filwaqt li nisfruttaw it-teknoloġiji diġitali biex inrawwmu l-preservazzjoni, l-aċċess u l-innovazzjoni tiegħu.

·Intejbu s-sensibilizzazzjoni, ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità, u l-użu u l-interoperabbiltà ta’ bażijiet tad-data u tat-teknoloġiji diġitali biex naffaċċjaw it-theddida tat-traffikar ta’ proprjetà kulturali u reati relatati oħra, filwaqt li nrawmu l-kooperazzjoni internazzjonali fost il-professjonisti rilevanti kollha, bħall-professjonisti tal-wirt, tal-infurzar tal-liġi jew doganali.

·Inrawmu l-iskambju interġenerazzjonali biex niżguraw it-trażmissjoni tal-wirt kulturali u tal-għarfien minn ġenerazzjonijiet akbar fl-età għal ġenerazzjonijiet iżgħar.

10. Il-kultura u l-wirt kulturali jrawmu l-iżvilupp reġjonali u territorjali, ir-reżiljenza, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza bejn ir-reġjuni tal-Ewropa. Jeħtieġ ukoll li jiġu protetti fi żminijiet ta’ kriżi, inkluż minn riskji bħall-effetti tat-tibdil fil-klima. Nimpenjaw ruħna li:

·Nisfruttaw il-potenzjal tal-kultura u tal-wirt kulturali, f’sinerġija ma’ oqsma oħrajn, biex tingħata spinta lill-attraenza tat-territorji kollha u biex nindirizzaw l-isfidi territorjali, inkluża l-ġlieda kontra t-tnaqqis demografiku, speċjalment f’żoni periferiċi, rurali, remoti u mhux moqdijin tajjeb, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

·Navvanzaw it-turiżmu kulturali sostenibbli, b’rispett għall-wirt kulturali, il-pajsaġġi u l-prattiki komunitarji, u li nikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali u lokali.

·Insaħħu l-kooperazzjoni fuq it-tħejjija għall-kriżijiet u nintegraw il-kultura u l-wirt kulturali fl-ippjanar ta’ tħejjija għall-kriżijiet u għas-sigurtà, fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-riskji, fir-rikostruzzjoni ta’ wara l-kriżi, u fil-proċessi ta’ rkupru u ta’ konsolidazzjoni tal-paċi.

11. Il-kultura, inkluż il-wirt kulturali, hija kruċjali fil-bidla lejn is-sostenibbiltà ambjentali peress li ssawwar valuri, imġiba u prattiki li jirfdu l-iżvilupp ambjentalment responsabbli. Nimpenjaw ruħna li:

·Nenfasizzaw l-importanza tal-kultura fir-rispons politiku għall-isfidi ekoloġiċi, billi nippromwovu s-salvagwardja tal-arkitettura, tad-disinn, tal-wirt u ġestjoni tal-pajsaġġi, li jfittex li jilħaq il-kwalità, l-innovazzjoni, l-inklużjoni u l-eċċellenza, kif ukoll billi nħeġġu l-adozzjoni ta’ għodod prattiċi ta’ ekoloġizzazzjoni u nippermettu lill-aġenti kulturali u tal-wirt imexxu u jibdlu n-narrattivi f’kokreazzjoni mal-komunitajiet.

12. L-insegwiment tal-ambizzjonijiet ta’ din id-dikjarazzjoni u l-ingranaġġ sħiħ tal-impatti trasversali tal-kultura ifisser il-promozzjoni tal-kultura fil-politiki interni u esterni tal-UE, l-investiment fis-setturi u fl-industriji kulturali u kreattivi, u l-monitoraġġ tal-progress. Nimpenjaw ruħna li:

·Nappoġġaw finanzjament kontinwu u ddedikat għas-setturi u għall-industriji kulturali u kreattivi, u nippromwovu modi innovattivi u alternattivi ta’ finanzjament fil-livelli kollha ta’ governanza.

·Nintegraw il-kultura fl-istrateġiji, fil-politiki u fl-azzjonijiet rilevanti u fl-għodod ta’ finanzjament korrispondenti.

·Inżommu djalogu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

·Nippromwovu din id-dikjarazzjoni fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ pajjiżi sħab – fi ħdan ir-rwoli u s-setgħat rispettivi tal-firmatarji – u nankraw is-sħubijiet tagħna mal-valuri ta’ reċiproċità u ta’ involviment fit-tul.

·Navvanzaw inizjattivi mmirati lejn it-titjib tad-disponibbiltà ta’ data soda u komparabbli dwar il-kultura biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ politiki kulturali bbażati fuq l-evidenza.

·Nirrieżaminaw il-progress fl-oqsma koperti f’din id-dikjarazzjoni.

***

Top