IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.9.2025
COM(2025) 523 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa biex jiġu adottati atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/1004 dwar qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni, u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni, u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd. Huwa jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati.
L-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tistabbilixxi l-lista dettaljata tar-rekwiżiti tad-data biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jifforma parti mill-programm pluriennali.
2.Bażi Legali
Skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2017/1004, id-delega lill-Kummissjoni tingħata għal perjodu ta’ tliet snin, li jibda mill-10 ta’ Lulju 2017. Id-delega tas-setgħa hija estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tliet snin, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.
F’konformità mal-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jiskadi l-perjodu ta’ żmien tas-setgħa. Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu.
3.Eżerċitar tad-delega
Il-Kummissjoni ma użatx is-setgħa delegata tagħha fl-aħħar tliet snin, 2022–2024, minħabba li d-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1167 tas-27 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data bijoloġika, ambjentali, teknika, u soċjoekonomika fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura mill-2022 għadha fis-seħħ u tista’ takkomoda rekwiżiti li qed jevolvu bis-saħħa tal-karattru mhux eżawrjenti tagħha.
Għalkemm il-programm pluriennali ma fihx data tat-tmiem li fiha dak il-programm se jieqaf japplika jew ma jibqax validu, jista’ jiġi rivedut fil-futur prevedibbli biex jakkomoda l-ħtiġijiet emerġenti għad-data, u biex il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi adattat għal profili tas-sajd u rekwiżiti tal-politika li qed jinbidlu, f’konformità mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar.
Għalhekk, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li testendi b’mod taċitu t-tul ta’ żmien tal-għoti tas-setgħa peress li jista’ jkollha bżonn tadotta atti delegati sussegwenti li jemendaw id-Deċiżjoni Delegata (UE) 2021/1167.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.