IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2024
COM(2024) 443 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni 1/2023 ta’ dak il-Kumitat Konġunt biex jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tal-emendi tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
L-Unjoni Ewropea hija firmatarja tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u hija rappreżentata fil-Kumitat Konġunt stabbilit b’dik il-Konvenzjoni. Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’deċiżjoni dwar id-dispożizzjinijiet tranżitorji rigward l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2025.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti tagħha.
Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas multilaterali ta’ regoli tal-oriġini għal network ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u tapplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet. Il-Konvenzjoni tipprevedi l-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni djagonali bejn il-25 Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni: l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo, il-Gżejjer Faeroe, ir-Repibblika tal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna (il-Partijiet Kontraenti). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ b’rabta mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012.
Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 rigward l-emenda tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji. Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni jadotta emendi tal-Konvenzjoni, jamministraha u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħha f’konformità mal-Artikolu 4. F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati b’vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti li għalihom tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni, preżenti jew rappreżentati fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt.
Il-Partijiet Kontraenti li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni għandhom id-drittijiet tal-vot. Kull Parti Kontraenti għandha vot wieħed.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
Fis-16-il laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2025 (l-att previst).
L-għan tal-att previst huwa li jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet tranżitorji għal perjodu ta’ sena. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji se jiżguraw l-applikazzjoni kontinwa ta’ akkumulazzjoni djagonali u l-għoti ta’ trattament preferenzjali skont il-Konvenzjoni.
L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-Artikolu 4(3)(a), li jiddikjara: “Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, permezz ta’ deċiżjonijiet, emendi għal din il-Konvenzjoni”. Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(3) tgħid: “Id-deċiżjonijiet previsti f’dan il-paragrafu għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-Partijiet Kontraenti skont il-leġislazzjoni tagħhom stess.”
Din l-emenda tad-Deċiżjoni 1/2023 tal-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Konvenzjoni hija applikabbli permezz ta’ referenza għaliha inkluża fil-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini tal-ftehimiet bilaterali rilevanti tal-Partijiet Kontraenti.
Bħalissa, il-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja (PEM) huma bbażati fuq network ta’ ftehimiet bejn il-Partijiet Kontraenti li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ regoli tal-oriġini identiċi. Dawn jinkludu r-regoli attwali tal-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokolli bilaterali li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jippreċedu l-Konvenzjoni (il-Protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni).
Fl-istess waqt, fuq bażi bilaterali mill-1 ta’ Settembru 2021, daħlu fis-seħħ sett ta’ regoli li japplikaw fuq bażi fakultattiva għall-Konvenzjoni sakemm tiġi konkluża u tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni (ir-regoli tranżizzjonali).
Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025. Il-konsegwenza legali hija li r-regoli attwali tal-Konvenzjoni u r-regoli tranżizzjonali mhux se jibqgħu applikabbli minn dik id-data.
Diversi Partijiet Kontraenti infurmaw lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt li mhux se jkunu jistgħu jaġġornaw il-protokolli tagħhom dwar ir-regoli tal-oriġini b’referenza għar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2025 minħabba t-tul tal-proċeduri interni tagħhom.
Dan l-eżitu jista’ jwassal biex xi Partijiet Kontraenti japplikaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni filwaqt li oħrajn jibqgħu japplikaw ir-regoli attwali tal-Konvenzjoni jew il-Protokolli li jippreċedu l-Konvenzjoni. Dan jista’ jfixkel il-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni djagonali attwali, u b’hekk jintlaqtu l-flussi kummerċjali fiż-żona PEM.
Meta t-tranżizzjoni lejn ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni ma tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha, din ma għandhiex twassal għal sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik attwalment possibbli skont il-qafas legali eżistenti.
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji jenħtieġ li jiddaħħlu għal perjodu ta’ sena. Dan se jiżgura l-applikazzjoni kontinwa tal-akkumulazzjoni djagonali u l-għoti ta’ trattament preferenzjali skont il-Konvenzjoni sakemm jiġi finalizzat il-proċess tal-allinjament tal-protokolli bilaterali kollha mar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji jenħtieġ li jkopru dan li ġej:
·Il-possibbiltà li jintalab trattament preferenzjali mal-preżentazzjoni tal-provi tal-oriġini maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2025 skont ir-regoli tal-oriġini applikabbli waqt il-ħruġ, ippreżentati fil-perjodu tal-validità tagħhom jew wara, kif permess.
·Kooperazzjoni amministrattiva biex jiġu verifikati l-provi tal-oriġini maħruġa skont is-settijiet tar-regoli differenti.
·Ir-regoli attwali tal-Konvenzjoni jibqgħu applikabbli għal sena b’mod parallel mar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
·Żgurar tat-traċċabbiltà tal-provi tal-oriġini maħruġa skont iż-żewġ settijiet tar-regoli applikabbli b’mod parallel billi tiġi introdotta dikjarazzjoni fil-provi tal-oriġini.
·L-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni djagonali mingħajr tfixkil bejn il-Partijiet Kontraenti matul it-tranżizzjoni mis-settijiet tar-regoli tal-oriġini differenti applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2025 għar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
·L-assigurar li r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni se japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026 bejn il-Partijiet Kontraenti kollha. Għal dan l-għan, perjodikament il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw dwar il-qagħda attwali tal-aġġornament tal-protokolli bilaterali tagħhom.
Biex jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali jitkomplew abbażi tal-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni attwali sakemm jiġi finalizzat il-proċess tal-allinjament tal-protokolli bilaterali PEM kollha mar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni, ir-regoli attwali tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jibqgħu applikabbli bejn il-Partijiet Kontraenti li għalihom qed jidħlu fis-seħħ ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
Ir-regoli attwali tal-Konvenzjoni japplikaw b’mod parallel mar-regoli riveduti u b’hekk l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jagħżlu bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini skont il-katini tal-provvista eżistenti.
Ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni flimkien mar-regoli attwali tal-Konvenzjoni se joħolqu żewġ żoni distinti ta’ akkumulazzjoni.
Ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jipprevedu l-permeabbiltà bejn iż-żewġ settijiet tar-regoli tal-oriġini billi jħallu l-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni prevista fl-Artikolu 7 dment li l-prodotti inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti fiż-żewġ settijiet ta’ regoli.
Il-Partijiet Kontraenti li japplikaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni qablu li prova tal-oriġini maħruġa skont ir-regoli attwali tal-Konvenzjoni jenħtieġ li titqies awtomatikament valida skont ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni. Peress li r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni huma b’mod ġenerali inqas stretti minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw ir-regoli attwali jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15, 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24.
Il-permeabbiltà jenħtieġ li tiġi limitata biss għal dawk il-prodotti li għalihom ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni huma inqas stretti mir-regoli attwali tal-Konvenzjoni.
Huma biss il-prodotti li jikkonformaw mar-regoli attwali tal-Konvenzjoni li jistgħu jitqiesu li joriġinaw mir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
Għalhekk, essenzjalment, l-emenda proposta timplika r-replikazzjoni tas-sistema eżistenti fiż-żona PEM abbażi tal-applikazzjoni b’mod parallel mar-regoli tranżizzjonali u r-regoli attwali tal-Konvenzjoni.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.
L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Konvenzjoni, jixraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni 1/2023 ta’ dak il-Kumitat Konġunt biex jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tal-emendi tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012.
(2)Skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(3), il-punt (a), tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Konvenzjoni (il-Kumitat Konġunt) jista’ jadotta emendi tal-Konvenzjoni permezz ta’ deċiżjonijiet.
(3)Il-Kumitat Konġunt, matul is-16-il laqgħa tiegħu, mistenni jadotta deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2025.
(4)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni qablu li d-dispożizzjonijiet tranżitorji huma meħtieġa biex jiġu ppreżervati l-flussi kummerċjali abbażi tal-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni attwali sakemm jiġi finalizzat il-proċess tal-allinjament tal-protokolli bilaterali kollha mar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
(5)Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni qablu li d-dispożizzjonijiet tranżitorji jkunu applikabbli għal perjodu ta’ sena, li jibda minn meta tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2025.
(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se tkun vinkolanti għall-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-16-il laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President