Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0370

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta

COM/2024/370 final

Brussell, 5.11.2024

COM(2024) 370 final

2024/0286(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 .

2.Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-diviżjoni 17 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) u d-diviżjoni 28 (Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir) fir-reġjun ta’ NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Limburg (BE22) fil-Belġju.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta

Stat Membru

Il-Belġju

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2 2)

Il-Provinċja ta’ Limburg (BE22)

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

19 ta’ Lulju 2024

Data tal-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni

19 ta’ Lulju 2024

Data meta t-traduzzjoni kienet disponibbli

27 ta’ Awwissu 2024

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

4 ta’ Settembru 2024

Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

25 ta’ Settembru 2024

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

5 ta’ Diċembru 2024

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

2

Settur(i) ta’ attività ekonomika

(Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE) 3

Diviżjoni 17 (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) u

Diviżjoni 28 (Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir)

Perjodu ta’ referenza (4 xhur):

Il-31 ta’ Diċembru 2023 – it-30 ta’ April 2024

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

681

Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

0

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

681

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

681

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

632

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

1 126 559

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

0 047 000

Baġit totali (EUR)

1 173 559

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

704 135

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data. Il-Kummissjoni kellha f’idha t-traduzzjoni tal-applikazzjoni fis-27 ta’ Awwissu 2024 u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju fl-4 ta’ Settembru 2024. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum tax-xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum tax-xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni kompluta li fihom il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tiskadi fil-5 ta’ Diċembru 2024.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 681 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-diviżjoni 17 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) u 28 (Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir). Is-sensji jinsabu fir-reġjun ta’ NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Limburg (BE22).

Intrapriżi u għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

Sappi Lanaken NV (karta)

567

Purmo Group Belgium NV (makkinarju)

114



Għadd totali ta’ intrapriżi: 2

Għadd totali ta’ sensji: 

681

Għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet: 

0

Għadd totali ta’ ħaddiema eliġibbli u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom:

681

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat matul perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess setturi ekonomiċi jew f’setturi ekonomiċi differenti definiti fil-livell tar-Reviżjoni 2 tan-NACE u li jinsabu fl-istess reġjun definit fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni huwa mill-31 ta’ Diċembru 2023 sat-30 ta’ April 2024.

8.Kien hemm 681 ħaddiem issensjat fir-reġjun NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Limburg (BE22), fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-diviżjoni 17 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) u 28 (Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir).

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 681.

Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

11.L-avvenimenti li wasslu għas-sensji fis-settur tal-karta huma d-domanda dejjem tonqos għall-prodotti tal-grafika li tirriżulta minn żieda fid-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità żejda li tirriżulta mill-industrija Ewropea tal-karta miksija mingħajr injam (WCP, woodfree coated paper) 5 .

12.Fl-2009, l-industrija tal-karta Ewropea indikat li għandha kapaċità ta’ 9,3 miljun tunnellata ta’ WCP. Fi 15-il sena, il-kapaċità tal-Industrija Ewropea tad-WCP naqset b’50 %, għal 4,6 miljun tunnellata fl-2023. Fl-2023, l-industrija ma għamlitx użu mill-kapaċità massima, iżda pproduċiet biss 2,7 miljun tunnellata 6 . Il-produzzjoni tad-WCP fil-grupp Sappi kienet qed issegwi l-istess xejra ta’ tnaqqis bħall-industrija Ewropea tad-WCP.

13.Is-sit ta’ Lanaken ta’ Sappi jinsab fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ siti oħra ta’ Sappi. Lanaken hija speċjalizzata fil-produzzjoni tad-WCP, u għalhekk il-bidla lejn il-produzzjoni ta’ prodotti oħra tal-karta li hemm domanda akbar għalihom teħtieġ investimenti kbar. Barra minn hekk, impjanti oħra ta’ Sappi jistgħu jieħdu f’idejhom il-produzzjoni ta’ Lanaken, iżda mhux bil-kontra. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Grupp Sappi ddeċieda li jwaqqaf il-produzzjoni f’Lanaken u jagħlaq l-impjant 7 , peress li ma seta’ jiġi identifikat l-ebda xerrej xieraq, minħabba l-kapaċità strutturali żejda fl-industrija.

14.L-avvenimenti li wasslu għaż-żieda fis-sensji fis-settur tal-makkinarju huma d-deċiżjoni ta’ Purmo li twaqqaf il-produzzjoni ta’ panel radiators ta’ 50 mm fl-impjant tagħha ta’ Zonhoven u tagħlaq il-linja ta’ produzzjoni rilevanti. Dan qed jirriżulta f’114-il sensja.

15.Ir-raġuni biex titwaqqaf il-produzzjoni hija t-tnaqqis qawwi fid-domanda għall-panel radiators fl-UE. Id-domanda għal sistemi alternattivi ta’ tisħin, bħal pompi tas-sħana u sistemi b’temperatura baxxa, qed tesperjenza tkabbir rapidu 8 prinċipalment minħabba l-impenn tal-Unjoni Ewropea għall-miri tal-emissjonijiet u l-intenzjoni ċara li l-bini u l-industrija fl-UE jiġu dekarbonizzati.

16.Is-sitwazzjoni mhux mistennija rigward id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-gass, li rriżultat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bdiet timmodifika d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi favur soluzzjonijiet alternattivi ta’ tisħin, parzjalment minħabba l-isforzi biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-provvisti tal-gass Russi, u l-leġiżlazzjoni tal-UE li tibbenefika lis-sistemi tat-tisħin b’temperatura baxxa għad-detriment tal-panel radiators. F’xenarju bħal dan, l-irkupru tad-domanda huwa improbabbli peress li s-suq tal-panel radiators se jkun dejjem aktar limitat għas-sostituzzjoni tal-unitajiet li qed jintużaw 9 .

17.Il-volum tal-produzzjoni tal-Grupp Purmo naqas b’mod kostanti matul il-perjodu 2018–2023, minn 820 000 unità fl-2018 għal 320 000 fl-2023 (–60 %). Meta jitqabblu l-kostijiet tal-produzzjoni tad-diversi impjanti tal-Grupp Purmo fl-Ewropa, is-sit f’Zonhoven jinsab fi żvantaġġ, peress li l-kostijiet tiegħu huma 17 % sa 35 % ogħla 10 .

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi

18.Il-ħaddiema ssensjati huma kkonċentrati f’Lanaken (83 %) u f’Zonhoven (27 %), u għalhekk il-provinċja ta’ Limburg fil-Flanders hija t-territorju affettwat mis-sensji.

19.Is-swieq tax-xogħol ta’ Lanaken u ta’ Zonhoven huma żvantaġġati meta mqabbla ma’ Limburg kollha kemm hi jew mal-Flanders. Il-proporzjon tal-popolazzjoni li taħdem mal-impjiegi disponibbli huwa ta’ 49 % f’Lanaken u ta’ 55 % f’Zonhoven, jiġifieri bejn 19 u 13 pp inqas minn dak f’Limburg (68 %) u bejn 24 u 18 pp inqas milli fil-Flanders (73 %) 11 . Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ persuni li qed ifittxu impjieg mal-postijiet vakanti f’Lanaken u ż-żona ta’ madwaru (Maasland) huwa ta’ 4,5 (madwar id-doppju tal-proporzjon fil-Flanders) 12 . It-territorji kkonċernati mis-sensji huma inqas prosperi mir-reġjun fejn jinsabu.

20.Barra minn hekk, avveniment ta’ ristrutturar li għaddej fin-Netherlands ukoll qiegħed iħalli impatt fuq is-suq tax-xogħol ta’ Maasland. Il-manifattur Netherlandiż tal-karozzi VDL irrapporta telf ta’ madwar 2 000 impjieg mill-1 ta’ Marzu 2024 fl-impjant ta’ produzzjoni tiegħu f’Born 13 , li 700 minnhom kienu ħaddiema transfruntiera li jgħixu f’Maasland.

21.Fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ impjieg, l-għadd ta’ impjiegi industrijali disponibbli f’Limburg naqas bi 15 % fl-2023, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel 14 . Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-postijiet vakanti ma kinux jinsabu f’Maasland jew f’Zonhoven, iżda f’Hasselt-Genk.

22.Fl-2023, ir-rata tal-qgħad fil-Flanders kienet ta’ 3,3 %. Madankollu, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 5,7 % għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ edukazzjoni u 7,1 % għall-ħaddiema bi sfond ta’ migrazzjoni 15 . Il-ħaddiema akbar fl-età jiffaċċjaw ukoll aktar ostakli għall-impjieg. Fl-2023, ir-rata ta’ impjieg medja reġjonali kienet ta’ 76,8 % 16 , filwaqt li kienet ta’ 60,8 % għall-persuni ta’ 55 sena u aktar.

23.Meta jitqies il-profil tal-ħaddiema ssensjati, li terz minnhom għandhom 55 sena jew aktar u 30 % għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni, flimkien max-xejra ’l isfel fil-postijiet vakanti u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, il-ħaddiema se jeħtieġu appoġġ addizzjonali mfassal apposta biex jgħinhom jirnexxu fit-tranżizzjoni għall-impjieg.

Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

24.Il-Belġju ddeskriva kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

25.L-intrapriżi li taw is-sensji kkonformaw mal-liġi Belġjana dwar is-sensji kollettivi, li tistabbilixxi proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-proċedura tagħmilha possibbli li tiġi esplorata kwalunkwe possibbiltà li jiġi evitat jew li jitnaqqas l-għadd ta’ sensji. Din tfittex ukoll li ttaffi l-konsegwenzi tat-telf ta’ impjiegi permezz ta’ miżuri soċjali komplementari, bħall-appoġġ għar-riallokazzjoni jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati.

26.Il-Belġju rrapporta li l-liġi nazzjonali dwar ix-xogħol 17 dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar tirrikjedi li l-intrapriżi li għaddejjin minn ristrutturar jistabbilixxu unità tal-impjiegi, li l-għan tagħha huwa li tipprovdi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kuntest ta’ sensji kollettivi bi 30 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament f’perjodu ta’ tliet xhur (60 siegħa aktar minn sitt xhur għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 45 sena).

27.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-ewwel sessjonijiet ta’ informazzjoni lill-ħaddiema bdew fis-26 ta’ Diċembru 2023 u l-unitajiet tal-impjiegi segwew immedjatament wara s-sensji. Fit-13 ta’ Marzu 2024, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fil-Flanders (VDAB 18 ) organizzaw fiera tal-impjiegi f’Lanaken għal dawk li kienu ħaddiema ta’ Sappi u Purmo, b’madwar 20 intrapriża li ħadu sehem. Flimkien mal-istedina, il-VDAB offra pariri dwar kif wieħed jipprepara għaż-żjara biex isir l-aħjar użu minnha u kif wieħed jista’ javviċina b’suċċess lill-kumpaniji fil-fiera.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

28.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

29.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

30.Il-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691. It-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi huma involuti fl-attivitajiet tal-VDAB fil-livelli kollha. Minbarra li huma parti mill-Bord tad-Diretturi tal-VDAB, is-sħab soċjali flimkien ma’ atturi oħra fil-livelli reġjonali (il-Flanders), provinċjali u lokali jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-VDAB fil-livell operazzjonali.

Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti

Benefiċjarji fil-mira

31.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 632. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji mistennija

Ġeneru:

Irġiel:

604

(95,6 %)

Nisa:

28

(4,4 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

55

(8,7 %)

Bejn it-30 u l-54 sena:

355

(56,2 %)

Iktar minn 54 sena:

222

(35,1 %)

Livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas 19  

184

(29,1 %)

Edukazzjoni sekondarja 20 tat-tieni livell jew postsekondarja 21

338

(53,5 %)

Edukazzjoni terzjarja 22

110

(17,4 %)

Miżuri proposti

32.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat personalizzat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti fil-miżuri li ġejjin:

Konsulent għall-Intervent Soċjali (SIA, Social Intervention Advisor): Konsulent għall-intervent soċjali huwa l-ewwel servizz ipprovdut lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Is-servizz jibda billi jipprovdi informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ħaddiema għall-impjieg. Is-SIA huma punt ta’ referenza għall-ħaddiema matul il-proċess kollu.

Gwida, konsulenza, u orjentazzjoni vokazzjonali: Abbażi tal-intervisti inizjali ta’ tfassil ta’ profili, il-konsulenti se jipprovdu lill-ħaddiema b’għajnuna u appoġġ motivazzjonali u ta’ ispirazzjoni u jinfurmaw dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol u l-perkorsi possibbli tal-karriera. Il-ħaddiema għandhom jiġu mħeġġa jtejbu l-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda u jipparteċipaw f’miżuri ta’ taħriġ immirati biex isibu impjieg ġdid. Il-Kunsilliera jappoġġjaw ukoll lill-ħaddiema fl-attivitajiet tagħhom ta’ tiftix ta’ impjieg, jgħinuhom fil-proċess tal-applikazzjoni għall-impjieg, iħejju għall-intervisti tal-impjieg, eċċ.

Hija ppjanata gwida msaħħa għall-karriera għall-ħaddiema b’distanza akbar mill-profili mitluba fil-postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli jew b’għarfien dgħajjef tan-Netherlandiż.

Appoġġ attiv għat-tfittix ta’ impjieg: Fost attivitajiet oħra ta’ appoġġ, dan jinkludi t-tiftix tal-impjiegi biex jinstabu postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li għadhom ma ġewx ippubblikati u li jistgħu jkunu adattati għall-ħaddiema eliġibbli. Barra minn hekk, se jiġu organizzati varjetà ta’ avvenimenti tat-tiftix ta’ impjieg, bħal fieri tax-xogħol.

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali: Il-ħaddiema se jkollhom aċċess għall-offerta ta’ taħriġ standard tal-VDAB. Barra minn hekk, bi qbil ma’ proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jaqdi l-ħtiġijiet identifikati.

Taħriġ fuq il-post tax-xogħol: Il-ħaddiema jirċievu taħriġ fuq il-post tax-xogħol fl-intrapriża li se timpjegahom wara t-taħriġ. Skont il-ħtiġijiet tal-ħaddiem, it-taħriġ jista’ jdum bejn 4 ġimgħat u 26 ġimgħa. It-taħriġ huwa segwit minn kuntratt ta’ impjieg, jew permanenti jew għal terminu fiss ta’ mill-inqas l-istess tul ta’ żmien bħat-taħriġ.

33.L-appoġġ standard tal-VDAB għall-ħaddiema ssensjati jinkludi għodod diġitali u taħriġ fil-ħiliet diġitali. Il-ħaddiema jitgħallmu wkoll kif jagħmlu l-aħjar użu minn diversi pjattaformi diġitali tal-VDAB, bħall-bażi tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti , jew kif japplikaw b’suċċess għall-impjiegi online permezz ta’ kkowċjar speċifiku. L-offerta ta’ taħriġ tal-VDAB tipprovdi wkoll għall-ħiliet meħtieġa f’ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dan jipprovdi għat-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.

34.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

35.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-unità ta’ riallokazzjoni ġiet stabbilita ftit wara s-sensji.

36.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Baġit stmat

37.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 1 173 559, li jinkludu nefqa ta’ EUR 1 126 559 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 47 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

38.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 704 135 (60 % tal-ispejjeż totali).

39.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju speċifika li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti mill-VDAB 23 .

Miżuri

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR) 24

Kostijiet totali stmati

(EUR) 25  

Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Konsulent għall-Intervent Soċjali
(
De sociaal interventie-adviseurs)

632

60

38 044

Gwida, konsulenza, u orjentazzjoni vokazzjonali
(
Actieve bemiddeling en begeleiding naar werk & Bemiddeling en begeleiding naar werk via tenderpartners) 

220

2 815

619 352

Appoġġ attiv għat-tiftix ta’ impjieg
(
Dedicated accountmanager voor contacten met werkgevers)

632

120

76 088

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali (Aanbod opleidingen in eigen beheer & Aanbod erkende opleidingen bij partners)

40

9 587

383 475

Taħriġ fuq il-post tax-xogħol
(
Opleiding in de onderneming – IBO) 

10

960

9 600

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 126 559

(100 %)

Allowances u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Inċentivi u allowances

0

0

0

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

0

(0,00 %)

Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

6 000

2. Ġestjoni

10 000

3. Informazzjoni u pubbliċità

0

4. Kontroll u rapportar

31 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

47 000

(4,00 %)

Kostijiet totali (a + b + c):

1 173 559

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)

704 135

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

40.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fis-26 ta’ Diċembru 2023. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-26 ta’ Diċembru 2023 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

41.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-20 ta’ Novembru 2023. In-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-20 ta’ Novembru 2023 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

42.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-VDAB. Il-pagamenti se jsiru mis-servizz finanzjarju tal-VDAB. Id-Dipartiment tal-Finanzi u l-Baġit – Unità tal-Awditjar tal-Awtorità tal-Awditjar Fjamminga għall-Fondi Strutturali Ewropej hija l-awtorità tal-awditjar għall-FEG.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

43.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,

L-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom skont dan,

kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

44.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (bil-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 26 emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 27 .

45.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 704 135, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

46.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 28 .

Atti relatati

47.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 704 135 għal-linja baġitarja rilevanti.

48.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 29 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/691.

2024/0286 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2024/002 BE/Limburg makkinarju u karta

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 30 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 31 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (bil-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 32 , emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 33 , u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3)Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-diviżjoni 17 (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) u d-diviżjoni 28 (Manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir) tar-Reviżjoni 2 tan-NACE fir-reġjun ta’ NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Limburg (BE22) fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 .

(4)Jenħtieġ li l-FEG, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 704 135 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 704 135 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 35*

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1-56.
(3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(4)    F’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.
(5)     https://www.euwid-paper.com/news/markets/fine-paper-demand-in-europe-is-currently-far-below-existing-capacities-090823/
(6)    Preżentazzjoni ta’ Sappi lill-Kunsill tax-Xogħlijiet (l-10 ta’ Ottubru 2023). 
(7)    Preżentazzjoni ta’ Sappi lill-Kunsill tax-Xogħlijiet (l-10 ta’ Ottubru 2023).
(8)     Skont l-EHPA , l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pompi tas-Sħana, fl-2017 inbiegħu aktar minn miljun pompa fl-UE. Tliet snin wara, fl-2020, il-bejgħ laħaq il-1,5 miljun unità, filwaqt li fl-2022 u fl-2023 il-bejgħ kien ta’ 2,76 u 2,64 miljun unità rispettivament.
(9)    Notifika ta’ Purmo lill-Kunsill tax-Xogħol (il-11 ta’ Mejju 2023).
(10)    Notifika ta’ Purmo lill-Kunsill tax-Xogħol (il-11 ta’ Mejju 2023).
(11)    Il-preżentazzjoni taċ-ċifri ewlenin ta’ Provinciale Ontwikkelingsmaatschappij Limburg (POM Limburg) f’Sappi/Lanaken/Maasland (12 ta’ Ottubru/2023); https://www.limburgradar.be/kerncijfers/
(12)     https://arvastat.vdab.be/arvastat_arbeidsmarkt.html
(13)     https://www.vdlcropteqrobotics.com/en/news/archief/vdl-nedcar-to-reduce-number-of-employees-by-2-000-by-1-march-2024
(14)     www.vdab.be/trendsdoc/beroepen/index.html
(15)     Statistiek Vlaanderen .
(16)     Statistiek Vlaanderen .
(17)    Id-Digriet Reġju tal-10 ta’ Novembru 2006 li jemenda d-Digriet Reġju tad-9 ta’ Marzu 2006.
(18)    Vlaamse Dienst voor Arbeidsbemiddeling en Beroepsopleiding (VDAB).
(19)    ISCED 0-2
(20)    ISCED 3
(21)    ISCED 4
(22)    ISCED 5-8
(23)        Vlaamse Dienst voor Arbeidsbemiddeling en Beroepsopleiding.
(24)    Biex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem ġew ittondjati. Madankollu, l-ittondjar ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħalma hemm fl-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.
(25)    It-totali ma jaqblux minħabba l-ittondjar.
(26)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(27)    ĠU L 2024/765, 29.2.2024, p. 4.
(28)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(29)    Ir-Regolament (UE, Euratom) ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024.
(30)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(31)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(32)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(33)    ĠU L 2024/765, 29.2.2024, p. 4.
(34)    COM(2024) 370
(35) *    Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top