IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.2.2024
COM(2024) 35 final
2024/0044(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mid-Danimarka – EGF/2023/004 DK Danish Crown
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2.Fis-6 ta’ Diċembru 2023, id-Danimarka ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2023/004 DK/Danish Crown għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara s-sensji minn Danish Crown u minn żewġ fornituri u produtturi downstream fid-Danimarka.
3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
Applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2023/004 DK/Danish Crown
|
|
Stat Membru
|
Id-Danimarka
|
|
Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2)
|
Nordjylland (DK05)
|
|
Data meta tressqet l-applikazzjoni
|
Is-6 ta’ Diċembru 2023
|
|
Data tal-konferma li l-applikazzjoni waslet
|
L-20 ta’ Diċembru 2023
|
|
Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
L-20 ta’ Diċembru 2023
|
|
Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
Il-15 ta’ Jannar 2024
|
|
Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
Il-25 ta’ Marzu 2024
|
|
Kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691
|
Intrapriża primarja
|
Danish Crown
|
|
Settur(i) ta’ attività ekonomika
(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2)
|
Diviżjoni 10 (Manifattura ta’ prodotti tal-ikel)
|
Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi downstream
|
2
|
|
Perjodu ta’ referenza (4 xhur):
|
Mid-19 ta’ Mejju 2023 sad-19 ta’ Settembru 2023
|
|
Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)
|
692
|
|
Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)
|
59
|
|
Għadd totali ta’ sensji (a + b)
|
751
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli
|
751
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
390
|
|
Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)
|
2 878 001
|
|
Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
259 020
|
|
Baġit totali (EUR)
|
3 137 021
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)
|
1 882 212
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.Fis-6 ta’ Diċembru 2023, id-Danimarka ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2023/004 DK/Danish Crown fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691. Fl-20 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni u talbet informazzjoni addizzjonali mid-Danimarka. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni mimlija li l-Kummissjoni għandha biex tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fil-25 ta’ Marzu 2024.
Eliġibbiltà tal-applikazzjoni
Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni tikkonċerna 692 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom twaqqfet minn Danish Crown (Danish Crown A/S) u minn żewġ fornituri u produtturi downstream. L-intrapriża primarja topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 10 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti tal-ikel). Is-sensji mogħtija mill-intrapriża primarja jinsabu fir-reġjun NUTS 2 ta’ Nordjylland (DK05).
|
Intrapriżi u għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza
|
|
Danish Crown (Danish Crown A/S u DAT-Schaub A/S)
|
651
|
|
TekniClean A/S
|
37
|
|
Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari tad-Danimarka
|
4
|
Għadd totali ta’ intrapriżi: 3
|
Għadd totali ta’ sensji:
|
692
|
Kriterji ta’ intervent
6.Id-Danimarka ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet.
7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni huwa bejn id-19 ta’ Mejju 2023 sad-19 ta’ Settembru 2023.
8.Il-waqfien tal-attività matul il-perjodu ta’ referenza seħħ kif ġej:
–651 ħaddiem issensjat minn Danish Crown, u
–41 ħaddiem issensjat minn żewġ fornituri u produtturi downstream ta’ Danish Crown.
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività
9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat kif ġej:
–651 mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu,
–41 mid-data meta ntemmet l-attività tal-impriża utenti.
Benefiċjarji eliġibbli
10.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eleġibbli jinkludu 59 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur. Dawn il-ħaddiema waqqfu l-attività tagħhom fi żmien 6 xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza fid-19 ta’ Mejju 2023 u/jew bejn tmiem il-perjodu ta’ referenza u l-jum qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta, skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-event li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
11.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 751.
Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività
12.Danish Crown huwa grupp ta’ kumpaniji tal-ikel Daniżi involuti fit-tbiċċir, l-ipproċessar u l-bejgħ prinċipalment tal-majjal u taċ-ċanga. Dak li wassal għal dawn is-sensji huwa l-għeluq tal-biċċerija ta’ Danish Crown f’Sæby fil-Muniċipalità ta’ Frederikshavn wara li naqsu l-ħnieżer disponibbli għall-iskarnar.
13.Is-settur Daniż tal-iskarnar jinsab fi kriżi strutturali. Mill-2005, l-għadd ta’ ħnieżer skarnati fid-Danimarka naqas b’4,4 miljuni (20 %). It-tnaqqis huwa dovut l-aktar għall-bidla mit-trobbija tal-ħnieżer għall-iskarnar, għat-trobbija tal-qżieqeż għall-esportazzjoni. L-esportazzjoni tal-qżieqeż hija aktar profittabbli għall-bdiewa Daniżi mit-tismin tal-ħnieżer minħabba l-prezzijiet baxxi tal-majjal.
14.L-għadd ta’ ħnieżer skarnati ilu jonqos b’mod parallel maż-żieda tal-qżieqeż esportati. Id-Danimarka esportat 13,8-il miljun qażquż fl-2022, li jfisser 380 % aktar mill-2005 (3,65 miljun qażquż). Il-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet marru lejn il-Ġermanja (41,3 %) u l-Polonja (45 %). Il-Ġermanja u l-Polonja ilhom diversi snin għaddejjin bid-deni Afrikan tal-Ħnieżer u għalhekk ma setgħux irabbu biżżejjed ħnieżer biex jissodisfaw id-domanda domestika tagħhom.
15.Id-domanda lokali ftit li xejn tixprunaha l-produzzjoni Daniża tal-majjal. Danish Crown tesporta 90 % tal-produzzjoni tagħha lis-suq Ewropew kif ukoll lis-swieq taċ-Ċina u tal-Istati Uniti.
Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi
16.Is-saħħa ekonomika tat-Tramuntana ta’ Jutland, li hija bbażata fuq il-manifattura, illum il-ġurnata qed tiżviluppa permezz tal-ICT intelliġenti u d-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik tal-enerġija, l-ekonomija marittima u s-sajd, kif ukoll it-turiżmu. Fit-Tramuntana ta’ Jutland, 67 % tal-impijiegi huma fis-settur privat u 33 % fis-settur pubbliku f’konformità mal-medja tal-pajjiż.
17.Mill-kriżi finanzjarja tal-2008, l-għadd ta’ impjiegi marbuta mal-industrija u l-produzzjoni fil-muniċipalità ta’ Frederikshavn naqas b’2,026 unità (36 %). Għalkemm dan it-tnaqqis huwa parti minn tendenza li dehret fid-Danimarka kollha, fejn fil-perjodu 2008-2023 intilfu 35,388 (11 %) impjieg marbuta mal-industrija u l-produzzjoni, it-tnaqqis fil-muniċipalità ta’ Frederikshavn kien tliet darbiet akbar. It-tnaqqis nett fl-impjiegi disponibbli fir-reġjun kien 664 (2 %) matul il-perjodu 2011-2021. Għalhekk, l-impjiegi mitlufa minħabba l-għeluq tal-biċċerija Danish Crown qed joħolqu tħassib kbir.
18.Ir-rata tal-impjieg fit-Tramuntana ta’ Jutland (76,5 %) hija 1,1 punt perċentwali inqas mill-medja nazzjonali. Għalkemm il-qgħad fit-Tramuntana ta’ Jutland huwa baxx (3,1 % f’Awwissu 2023), huwa kemxejn ogħla mill-medja nazzjonali (2,8 %). Barra minn hekk, l-għadd ta’ persuni qiegħda fir-reġjun żdied b’10 % fl-2023 meta mqabbel mal-2022. L-ebda muniċipalità ma rnexxielha teħlisha. It-tkabbir fil-qgħad għandu preġudizzju relatat mal-ġeneru: filwaqt li l-qgħad fost l-irġiel żdied b’20 %, l-għadd ta’ nisa qiegħda baqa’ l-istess.
19.L-iżbilanċi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol reġjonali jżidu d-diffikultajiet meta wieħed ikollu bżonn jimpjega l-ħaddiema. L-irġiel prinċipalment jaħdmu fis-settur privat b’maġġoranza sproporzjonata fl-agrikoltura, l-industrija u l-artiġjanat, filwaqt li hemm maġġoranza sproporzjonata ta’ nisa fl-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kultura u d-divertiment. Rendikont tal-ġeneru tal-ħaddiema ssenjati minn Danish Crown jixhed dan l-iżbilanċ (86 % irġiel u 14 % nisa).
20.Skont l-analiżi ta’ FremKom4, hemm nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati fit-Tramuntana ta’ Jutland, kemm fil-qasam tekniku (it-tranżizzjoni ekoloġika) kif ukoll fl-oqsma tal-kura, tas-saħħa u tal-pedagoġija (protezzjoni soċjali). Sal-2026, id-defiċit huwa stmat li se jiżdied u jilħaq l-1 906 ħaddiem kwalifikati fil-qasam tekniku u 946 ħaddiem kwalifikati fl-oqsma tal-kura, tas-saħħa u tal-pedagoġija. L-analiżi ta’ FremKom4 intużat biex jitfassal il-pakkett ta’ miżuri li għandhom jiġu offruti lill-ex ħaddiema ta’ Danish Crown.
Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)
21.Id-Danimarka ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar: Danish Crown kienet konformi mal-liġi Daniża dwar is-sensji kollettivi, li tistabbilixxi proċedura obbligatorja għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Bis-saħħa tal-proċedura tista’ tiġi esplorata kull possibbiltà biex jiġi evitat jew jitnaqqas l-għadd ta’ sensji. Eżatt wara d-deċiżjoni li jingħalaq is-sit ta’ Sæby, il-maniġment tal-intrapriża u r-rappreżentanti tal-impjegati bdew jinnegozjaw pjan soċjali, li jinkludi offerti għal rikollokament f’siti oħra ta’ Danish Crown, konsulenza individwali, intervisti għal impjieg u taħriġ, u allowances għar-rilokazzjoni għal dawk li ntbagħtu f’biċċerija oħra ta’ Danish Crown. F’Mejju 2023, saret fiera tal-karrieri interna li ffukat fuq madwar 400 impjieg intern f’Danish Crown, segwita bi żjara bil-kowċ lejn biċċeriji oħra ta’ Danish Crown fid-Danimarka.
22.Danish Crown tikkontribwixxi wkoll miljun krona Daniża (madwar EUR 134 050) għas-sehem tal-kofinanzjament nazzjonali tal-kost tal-miżuri.
23.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jiġu assistiti l-ħaddiema ssenjati, id-Danimarka rrapportat li l-appoġġ lill-ħaddiema beda ftit wara s-sensji, f’Ottubru 2023. Ġew organizzati fieri tal-impjiegi u fieri edukattivi. Il-ħaddiema ssensjati ġew offruti wkoll valutazzjonijiet tal-kompetenzi (realkompetencevurdering-RKV) u taħriġ għat-tiftix ta’ impjieg.
Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
24.Id-Danimarka kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhumiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.
25.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa l-appoġġ standard mogħti mill-uffiċċji pubbliċi tal-impjiegi ffinanzjati minn fondi oħra nazzjonali jew tal-UE.
Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
26.Id-Danimarka indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mat-trade union NNF, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691. Is-sett ta’ miżuri ġie miftiehem fil-laqgħa li saret fit-23 ta’ Ottubru 2023.
27.L-applikazzjoni tħejjiet f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-muniċipalità ta’ Frederikshavn, l-Aġenzija Daniża għas-Suq tax-Xogħol u r-Reklutaġġ, u l-Kunsill tas-Suq tax-Xogħol tat-Tramuntana tad-Danimarka. Il-muniċipalità ta’ Frederikshavn organizzat laqgħa mal-istituzzjonijiet edukattivi rilevanti li jistgħu jkunu involuti fit-taħriġ għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet biex l-offerta tiġi allinjata mal-ħtiġijiet u l-aspettattivi.
Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti
Benefiċjarji fil-mira
28.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa 390. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:
|
Kategorija
|
Għadd ta’ benefiċjarji mistennija
|
|
Ġeneru:
|
Irġiel:
|
335
|
(85,90 %)
|
|
|
Nisa:
|
55
|
(14,10 %)
|
|
|
Mhux binarji
|
0
|
(0,0 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
Taħt it-30 sena:
|
39
|
(10,00 %)
|
|
|
30-54 sena:
|
275
|
(70,51 %)
|
|
|
Iktar minn 54 sena:
|
76
|
(19,49 %)
|
|
Livell ta’ edukazzjoni
|
Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas
|
156
|
(40,00 %)
|
|
|
Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja
|
214
|
(54,87 %)
|
|
|
Edukazzjoni terzjarja
|
20
|
(5,13 %)
|
Miżuri proposti
29.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat personalizzat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:
–Motivazzjoni: L-ewwel miżura hija taħlita ta’ informazzjoni, motivazzjoni, u konsulenza, flimkien mat-tfassil ta’ profil tal-ħaddiema. L-għan ewlieni tal-proċess ta’ motivazzjoni huwa li jiżviluppa l-kunfidenza tal-parteċipanti fil-kapaċitajiet tagħhom stess, iġibhom konxji li t-titjib ta’ ħiliethom se jgħinhom jiksbu impjieg ġdid, jiddiskutu l-ostakli possibbli li jistgħu jxekklu t-titjib ta’ ħiliethom u flimkien isibu soluzzjonijiet biex jegħlbu dawn l-ostakli.
–Żamma: L-objettiv ta’ din il-miżura huwa li tinżamm il-motivazzjoni għall-parteċipazzjoni f’perkorsi edukattivi u titjib tal-ħiliet billi tappoġġa lill-ħaddiema ssensjati permezz ta’ mentoraġġ u pariri individwali, tgħinhom jegħlbu l-isfidi u jimminimizzaw l-ostakli.
–Taħriġ dwar il-kompetenzi ġenerali: L-att Daniż dwar l-Isforzi għall-Impjiegi Attivi jistipula li l-ħaddiema ssensjati għandhom jiġu offruti taħriġ fil-qari, fil-kitba u fl-aritmetika, kif taħriġ dwar id-dislessija, jekk ikun meħtieġ. Għalhekk, it-taħriġ joffri parti mill-pakkett tal-FEG, u jsaħħaħ it-taħriġ bażiku previst mil-liġi u jiffoka fuq l-edukazzjoni ġenerali għall-adulti li permezz tagħha jkun possibbli suġġett wieħed jew aktar fil-livell tal-iskola primarja, kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi bid-Daniż. It-taħriġ bid-Daniż huwa partikolarment rilevanti peress li 41 % tal-ħaddiema ssensjati ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni u mhumiex fluwenti bid-Daniż. Huwa wkoll previst taħriġ fil-ħiliet diġitali u taħriġ ad-hoc imfassal għall-ex ħaddiema ta’ Danish Crown. It-taħriġ adattat huwa taħlita ta’ taħriġ lingwistiku u appoġġ orjentat lejn l-impjiegi (inkluż it-tiftix ta’ impjieg) biex jgħin lill-parteċipanti jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tax-xogħol u jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.
–Taħriġ għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet. Il-profili tal-ħaddiema ssensjati ma jikkorrispondux mal-ħiliet imfittxija fis-suq tax-xogħol. Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema għandhom livelli baxxi ta’ kwalifiki formali (46 %) jew kwalifiki u ħiliet pjuttost mhux aġġornati (40 %). Ħafna mill-ħaddiema b’edukazzjoni primarja biss jappartjenu għall-grupp ta’ età bejn it-30 u d-39 sena, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema b’edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali (VET) bħala l-ogħla livell edukattiv jappartjenu għall-grupp ta’ età bejn il-50 u d-59 sena. L-offerta ta’ taħriġ tinkludi perkorsi iqsar għat-titjib tal-ħiliet (taħriġ AMU) u taħriġ vokazzjonali bbażat fuq valutazzjoni tal-kompetenza (RKV) li tiċċertifika kwalunkwe kompetenza miksuba fis-sistema edukattiva formali, fuq il-post tax-xogħol jew permezz ta’ taħriġ kontinwu. L-AMU jiffoka fuq it-taħriġ ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u tkopri l-biċċa l-kbira tas-snajja’, tal-industriji, u tas-servizzi. L-offerta tal-AMU tvarja minn korsijiet introduttorji għal korsijiet speċjalizzati ħafna. It-taħriġ jingħata f’sessjonijiet ta’ ħidma li jixbhu l-ambjent tax-xogħol tal-intrapriżi.
–Allowance għat-taħriġ/tfittix tax-xogħol. Il-ħaddiema se jirċievu allowance waqt li jkunu qed jitħarrġu jew ifittxu impjieg.
30.L-offerta ta’ taħriġ tfasslet b’kunsiderazzjoni ta’ diversi studji bħal Jobbarometer 2023 (analiżi tal-ħtiġijiet tax-xogħol lokali fil-Muniċipalitajiet ta’ Frederikshavn, Hjørring, Jammerbugt u Brønderslev), il-Bilanċ Biennali tas-Suq tax-Xogħol li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet possibbli ta’ impjiegi, u l-analiżi ta’ FremKom4 dwar il-ħiliet. Għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetenzi diġitali (inkluż il-lingwa u n-numri), il-kompetenzi diġitali u t-titjib tal-ħiliet għal impjiegi b’nuqqas ta’ ħiliet. Għalhekk, il-kontenut tal-offerta ta’ taħriġ jindirizza t-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.
31.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jinkludu miżuri tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli, stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.
32.Id-Danimarka pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, id-Danimarka kkonfermat li dawn il-miżuri mhumiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
Baġit stmat
33.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 3 137 021, li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 878 001 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 259 020 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.
34.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta’ EUR 1 882 212 (60 % tal-kostijiet totali).
35.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-Danimarka speċifikat li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti mill-Awtorità tan-Negozju tad-Danimarka, flimkien mal-muniċipalitajiet ta’ Frederikshavn, Aalborg, Hjørring u Brønderslev, u Danish Crown.
|
Miżuri
|
Għadd stmat ta’ parteċipanti
|
Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)
|
Kostijiet totali stmati
(EUR)
|
|
Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Motivazzjoni
|
75
|
3 200
|
240 000
|
|
Żamma
|
75
|
1 200
|
90 000
|
|
Taħriġ dwar il-kompetenzi ġenerali
|
85
|
10 667
|
906 667
|
|
Taħriġ għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet
|
170
|
3 733
|
634 667
|
|
Subtotal (a):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
1 871 334
|
|
|
|
(65,02 %)
|
|
Allowances u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Allowance għat-taħriġ/tiftix ta’ impjieg
|
390
|
2 581
|
1 006 667
|
|
Subtotal (b):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
1 006 667
|
|
|
|
(34,98 %)
|
|
Attivitajiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
|
1. Attivitajiet ta’ tħejjija
|
–
|
38 853
|
|
2. Ġestjoni
|
–
|
129 510
|
|
3. Informazzjoni u pubbliċità
|
–
|
51 804
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
38 853
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-kostijiet totali:
|
–
|
259 020
|
|
|
|
(8,26 %)
|
|
Kostijiet totali (a + b + c):
|
–
|
3 137 021
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)
|
–
|
1 882 212
|
36.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. Id-Danimarka kkonfermat li dawn il-miżuri huma kundizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew attivitajiet ta’ taħriġ.
Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
37.Id-Danimarka bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fis-16 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, in-nefqa relatata mal-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-16 ta’ Ottubru 2023 sa 24 xahar wara d-data meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
38.Id-Danimarka bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Ġunju 2023. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Ġunju 2023 sa 31 xahar wara d-data meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
39.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, li għandu wkoll l-Awtorità Daniża tal-Bini u l-Intrapriżi bħala Awtorità ta' Ġestjoni. L-Awtorità tal-Awditjar se tkun l-awtorità tal-awditjar tal-Awtorità Daniża tan-Negozju għall-Fond Reġjonali Ewropew u l-Fond Soċjali Ewropew Plus. Il-Muniċipalità ta’ Frederikshavn se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi se jikkonkludu ftehim ta’ impenn mal-Muniċipalità ta’ Frederikshavn.
Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat
40.Id-Danimarka tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:
–il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,
–ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,
–Danish Crown, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,
–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,
–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Proposta baġitarja
41.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
42.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 882 212, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
43.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
44.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 882 212 għal-linja baġitarja rilevanti.
45.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
2024/0044 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mid-Danimarka – EGF/2023/004 DK Danish Crown
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.
(2)Il-FEG ma jistax jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(3)Fis-6 ta’ Diċembru 2023, id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema minn Danish Crown u minn żewġ fornituri u produtturi downstream fid-Danimarka. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 882 212 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mid-Danimarka.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data meta tiġi adottata,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja tal-2024, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 882 212 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President