Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0014

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni

COM/2024/14 final

Brussell, 24.1.2024

COM(2024) 14 final

2024/0006(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2024) 35 final} - {SWD(2024) 9 final} - {SWD(2024) 10 final} - {SWD(2024) 11 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fit-trasformazzjoni tad-dinja tax-xogħol li tinsab għaddejja, immexxija mill-objettivi ta’ sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, l-involviment sinifikattiv tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom fil-livelli kollha jista’ jgħin biex tiġi antiċipata u ġestita l-bidla, jitnaqqas it-telf ta’ impjiegi, tinżamm l-impjegabbiltà u jiġu mitigati l-effetti fuq is-sistemi tal-protezzjoni soċjali u l-kostijiet ta’ aġġustament relatati. F’impriżi jew fi gruppi multinazzjonali, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-livell tranżnazzjonali jistgħu jagħtu kontribut importanti għal dan l-involviment. Għal dak il-għan, id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (“id-Direttiva” jew “id-Direttiva 2009/38/KE”) tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-twaqqif u t-tħaddim ta’ korpi ta’ rappreżentanza tal-impjegati f’ċerti impriżi multinazzjonali, l-hekk imsejħa Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (“EWCs”). L-EWCs u l-proċeduri tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali jikkomplementaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-livell nazzjonali.

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet tad-Direttiva, u b’hekk ittejjeb l-effettività tal-qafas għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-livell tranżnazzjonali. Dan ma jaffettwax ir-regoli u l-prattiki tal-UE u dawk nazzjonali dwar l-involviment tal-impjegati fil-livell nazzjonali.

L-evalwazzjoni tal-2018 tad-Direttiva 2 kkonfermat il-valur miżjud tagħha u t-titjib li ġabet fil-kwalità u fl-ambitu tal-informazzjoni lill-impjegati. Identifikat ukoll diversi sfidi, prinċipalment ir-rata baxxa ta’ ħolqien ta’ EWCs ġodda, il-konsultazzjoni tal-EWCs li xi drabi ma tkunx effettiva, l-ostakli għall-aċċess tal-EWCs għall-qrati u n-nuqqas ta’ rimedji effettivi u sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’xi Stati Membri.

Fir- riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu fuq inizjattiva proprja “b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet” 3 , il-Parlament Ewropew talab li jissaħħu ir-rwol u l-kapaċità tal-EWCs bħala korpi tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni f’impriżi fuq skala Komunitarja. Dan l-att emendatorju jsegwi l-impenn politiku espress fil- Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen biex twieġeb għar-riżoluzzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 225 tat-TFUE bi proposta leġiżlattiva, b’rispett sħiħ tal-proporzjonalità, is-sussidjarjetà u l-prinċipji għat-tfassil aħjar tal-liġijiet.

Fir-rigward tar-riżultati tal-evalwazzjoni u tal-ġbir tal-evidenza sussegwenti, din il-proposta għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin li ġejjin:

Minħabba eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva ma tapplikax għal madwar 350 impriża fuq skala Komunitarja 4 li fihom jeżistu ftehimiet dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali 5 . Dan jagħmel il-qafas regolatorju kumpless u frammentat, u joħloq livelli differenti ta’ protezzjoni għall-impjegati f’impriżi fuq skala Komunitarja. Il-proposta għandha l-għan li telimina differenzi mhux ġustifikati b’rabta mad-drittijiet minimi tal-impjegati ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni fil-livell tranżnazzjonali.

Jista’ jkun hemm inċertezza dwar il-proċess għat-twaqqif ta’ EWCs u l-kopertura tal-ispejjeż tal-korpi speċjali għan-negozjar (“SNBs”) li jirrappreżentaw lill-impjegati. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proċess tat-twaqqif mhux neċessarjament jirriżulta f’EWCs ibbilanċjati bejn il-ġeneri. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura twaqqif aktar effiċjenti u effettiv ta’ EWCs ibbilanċjati aħjar bejn il-ġeneri.

F’xi każijiet, hemm nuqqas ta’ djalogu ġenwin, sinifikattiv u f’waqtu bejn il-maniġment u l-EWCs. Dan huwa partikolarment il-każ fejn il-maniġment jonqos milli jipprovdi tweġiba mmotivata għall-opinjonijiet tal-EWCs qabel ma jadotta deċiżjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali. Xi EWCs jiffaċċjaw ukoll inċertezza legali dwar il-kopertura tar-riżorsi tagħhom u dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-maniġment jista’ jesiġi trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni jew jirrifjuta li jiżvela ċerta informazzjoni lill-EWCs. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura proċess aktar effettiv għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-EWCs u r-riżorsi xierqa tagħhom.

Id-detenturi tad-drittijiet skont id-Direttiva mhux dejjem ikollhom rimedji effettivi u aċċess għall-ġustizzja biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali spiss ma jiġix ippenalizzat minn sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed. Il-proposta għandha l-għan li tippromwovi infurzar aktar effettiv tad-Direttiva biex tittejjeb il-konformità.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża huwa stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (l-Artikolu 27). It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-UE għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema (l-Artikolu 153), jippromwovi d-djalogu soċjali bejn il-maniġment u l-ħaddiema (l-Artikolu 151) u jirrikonoxxi r-rwol tas-sħab soċjali (l-Artikolu 152). Il-prinċipju 8 tal- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li “l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu informati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom”.

Il-qafas legali tal-UE li jirregola l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell nazzjonali żviluppa fuq diversi deċennji. Diversi direttivi tal-UE jistabbilixxu regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet dwar l-interazzjoni bejn l-oqfsa ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni f’livelli differenti, bil-għan li jiġu żgurati l-konsistenza, il-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-istrumenti legali eżistenti differenti. Dawn il-prinċipji huma ppreservati minn din il-proposta. B’mod partikolari:

Il-qafas għall-EWCs huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni stabbiliti fid-Direttivi 2002/14/KE 6 , 98/59/KE 7 , u 2001/23/KE 8 u r-rekwiżiti għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturar korporattiv skont id-Direttiva 2004/25/KE 9 , id-Direttiva (UE) 2017/1132 10 u d-Direttiva (UE) 2019/1023 11 .

L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati jridu jsiru fil-livell rilevanti ta’ maniġment u rappreżentazzjoni, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss. Sabiex jinkiseb dan, il-kompetenza tal-EWCs u r-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE huma limitati għal kwistjonijiet tranżnazzjonali. Dik id-delineazzjoni hija importanti biex jiġu pprevenuti kunflitti ta’ kompetenzi, li jvarjaw skont l-istrument: filwaqt li d-Direttivi 98/59/KE, 2001/23/KE u 2002/14/KE jobbligaw lill-maniġment biex jinforma u jikkonsulta lir-rappreżentanti nazzjonali tal-ħaddiema “bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim” dwar kwistjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali, il-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-EWCs skont id-Direttiva 2009/38/KE hija “mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-maniġment”.

Id-Direttivi 2001/86/KE 12 u 2003/72/KE 13 jipprevedu l-istabbiliment ta’ korpi rappreżentattivi għall-informazzjoni u l -konsultazzjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali fil-Kumpaniji Ewropej (“SE”) u fis-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej (“SCE”). L-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE għall-kumpaniji ta’ dawk it-tipi hija eskluża, biex jiġu evitati duplikazzjonijiet. Dak l-approċċ ma jiġix mibdul minn din l-inizjattiva.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tipprevedi miżuri biex jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-impjegati jkollhom aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali. B’hekk tista’ tippromwovi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE).

Il-proposta hija konsistenti wkoll mad-dritt ta’ negozjar kollettiv (l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE), peress li tħalli diskrezzjoni wiesgħa lis-sħab soċjali fil-livell tal-kumpaniji biex jinnegozjaw soluzzjonijiet xierqa għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali effettivi. Barra minn hekk, din tippreserva bis-sħiħ il-kapaċità li l-maniġment effettivament jieħu deċiżjonijiet, f’konformità mal-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE).

L-ambitu tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-EWCs skont id-Direttiva huwa limitat għal “kwistjonijiet tranżnazzjonali”. Kwistjonijiet tranżnazzjonali ma humiex iddefiniti b’referenza għal suġġetti jew kwistjonijiet speċifiċi, iżda pjuttost għall-kapaċità tagħhom li jaffettwaw lill-impjegati f’diversi Stati Membri. Għalhekk, l-EWCs għandhom il-potenzjal li jtejbu l-implimentazzjoni ta’ diversi politiki tal-UE f’kumpaniji multinazzjonali, billi jipprovdu forum għal djalogu bejn it-tmexxija ċentrali u r-rappreżentanti tal-impjegati. Għalhekk jistgħu jseħħu sinerġiji bejn din l-inizjattiva u kwalunkwe qasam ta’ politika tal-UE li jibbenefika mill-involviment effettiv tal-EWCs, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet doppji.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva ġiet adottata skont l-Artikolu 137 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Fit-Trattat kurrenti, il-bażi ġuridika xierqa għal reviżjoni tad-Direttiva hija l-Artikolu 153(1)(e) flimkien mal-Artikolu 153(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 153(1)(e) tat-TFUE jipprovdi l-bażi ġuridika għall-Unjoni biex tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri biex itejbu l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. F’dan il-qasam, l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw – f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja – direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni gradwali, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet u r-regoli tekniċi eżistenti f’kull wieħed mill-Istati Membri.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Inizjattiva tal-UE biss tista’ tistabbilixxi regoli komuni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tranżnazzjonali fi ħdan l-UE. L-isfidi li jnaqqsu l-effettività tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali huma marbuta mill-qrib mal-kopertura u l-kontenut tal-obbligi skont id-Direttiva, u joħolqu effetti fuq il-kumpaniji u l-ħaddiema tagħhom fl-UE kollha. Minħabba n-natura transfruntiera tal-impriżi u tal-gruppi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u n-natura tranżnazzjonali tal-kwistjonijiet soġġetti għal rekwiżiti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, l-Istati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-qafas kurrenti b’mod koerenti u effettiv. Għalhekk, l-isfidi identifikati jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

Din il-proposta temenda u tistabbilixxi rekwiżiti ta’ standards minimi, u b’hekk tiżgura li l-livell ta’ intervent jinżamm għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. L-Istati Membri li diġà għandhom dispożizzjonijiet aktar favorevoli fis-seħħ minn dawk imressqa fil-proposta mhux se jkollhom għalfejn ibiddluhom jew jagħmluhom anqas favorevoli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jmorru lil hinn mill-istandards minimi stipulati hawnhekk.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rrispettat filwaqt li jitqiesu d-daqs u n-natura tal-problemi identifikati. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva qabblet l-għażliet ta’ politika fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom meta mqabbla mal-linja bażi 14 . L-għażla ppreferuta toħloq bilanċ bejn minn naħa l-ħtieġa li jittieħdu miżuri robusti biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, li jissaħħaħ il-qafas għad-djalogu soċjali fil-kumpaniji, u min-naħa l-oħra li titħalla l-istess in-natura tal-istrument u li ma jinbidlux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li fil-passat urew li huma effettivi.

Għażla tal-istrument

Il-bażi ġuridika rilevanti tippermetti l-adozzjoni ta’ rekwiżiti minimi vinkolanti unikament fil-forma ta’ Direttivi. Tqiesu wkoll strumenti mhux vinkolanti, bħal komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida interpretattiva jew rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-infurzar mill-Istati Membri. Madankollu, dawn l-alternattivi ġew ivvalutati bħala anqas effettivi u effiċjenti minn reviżjoni mmirata tad-Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni tad-Direttiva fl-2018. L-evalwazzjoni kkonfermat il-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva u t-titjib li ġabet fil-kwalità u fl-ambitu tal-informazzjoni lill-impjegati. Id-Direttiva kienet meqjusa rilevanti mill-partijiet ikkonċernati kollha, u l-ħtieġa ta’ djalogu tranżnazzjonali ġiet rikonoxxuta mis-sħab soċjali. L-evalwazzjoni kkonkludiet li d-Direttiva ma timponix obbligi amministrattivi, finanzjarji u ġuridiċi li jikkostitwixxu piż mhux raġonevoli fuq il-kumpaniji.

Madankollu, l-evalwazzjoni sabet ukoll li l-konsultazzjoni tal-EWCs xi drabi ma tkunx effettiva, l-EWCs jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għall-qrati f’xi Stati Membri, u hemm nuqqas ta’ rimedji effettivi u sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’xi Stati Membri 15 . B’risposta għal dan, il-Kummissjoni aġixxiet permezz ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi; billi tkompli tagħti appoġġ finanzjarju għall-proġetti tas-sħab soċjali, billi tipproponi manwal għall-prattikanti tal-EWC, 16 u billi tinvolvi ruħha fi djalogu strutturat mal-Istati Membri dwar l-infurzar 17 . Dawn l-azzjonijiet ma solvewx l-isfidi identifikati.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel u t-tieni fażi tal-konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali Ewropej biex tfittex il-fehmiet tagħhom, l-ewwel nett, dwar il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE u d-direzzjoni possibbli tagħha biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-tħaddim tal-EWCs, u sussegwentement, dwar il-kontenut tal-proposta prevista. Erba’ organizzazzjonijiet tat-trade unions u tmien organizzazzjonijiet tal-impjegaturi wieġbu għall-konsultazzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni stadju. Fil-kuntest tal-konsultazzjoni tat-tieni stadju, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi esprimew li huma lesti li jipparteċipaw fin-negozjati favur ftehim skont l-Artikolu 155 tat-TFUE; l-organizzazzjonijiet tal-impjegati, bl-eċċezzjoni tal-Amministraturi Ewropej tas-CEC, ma għamlux dan.

B’mod ġenerali, it-trade unions jaraw il-ħtieġa għal reviżjoni legalment vinkolanti tad-Direttiva, filwaqt li l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jargumentaw l-aktar kontra reviżjoni, u jqisu d-Direttiva adattata għall-iskop tagħha u jwissu kontra piż regolatorju addizzjonali fuq il-kumpaniji. Speċifikament:

It-trade unions iqisu li l-eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi, joħolqu kumplessità ġuridika u għandhom jitneħħew. L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jargumentaw li jixraq li jinżammu l-eżenzjonijiet, filwaqt li jisħqu fuq l-awtonomija tal-partijiet u l-ħtieġa li jiġu ppreservati arranġamenti eżistenti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb.

Fir-rigward tal-proċess tat-twaqqif ta’ EWCs ġodda, it-trade unions jiddikjaraw li mhix xi ħaġa rari li t-tmexxija ċentrali ddewwem il-bidu tan-negozjati. It-trade unions jissottolinjaw ukoll il-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi u appoġġ xierqa mill-esperti tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions rikonoxxuti fil-proċess. L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi sostnew li t-twaqqif tal-EWCs jaħdem b’mod sodisfaċenti.

Il-partijiet ikkonċernati miż-żewġ naħat tar-relazzjonijiet industrijali jirrikonoxxu l-kwistjoni tal-kompożizzjoni mhux ibbilanċjata bejn il-ġeneri tal-EWCs, b’mod partikolari f’industriji ddominati mill-irġiel bħall-manifattura u l-kostruzzjoni, fejn ġew stabbiliti l-biċċa l-kbira tal-EWCs. Madankollu, huma jqajmu tħassib dwar il-fattibbiltà prattika tal-implimentazzjoni ta’ kwota vinkolanti biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri.

Fir-rigward tal-funzjonament prattiku tal-qafas tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, it-trade unions iqisu li d-Direttiva ma tiżgurax ċarezza legali suffiċjenti dwar ir-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni essenzjali, bħall-ambitu ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali u l-ħtieġa li jiġi żgurat segwitu xieraq għall-opinjonijiet tal-EWC. Għaldaqstant, huma jappoġġaw miżuri vinkolanti biex jiċċaraw u jespandu dawk ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, huma jiddikjaraw li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità spiss jiġi applikat b’mod eċċessiv mill-maniġment, u jsostnu li l-EWCs ma humiex assigurati riżorsi biżżejjed (li jkopru pereżempju pariri esperti, taħriġ jew kostijiet legali). B’kuntrast ma’ dan, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi jqisu li l-kunċett kurrenti ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali huwa adattat għall-iskop tiegħu u ma jikkawżax tilwim fil-prattika lil hinn minn dak li jista’ jkun raġonevolment mistenni f’ambjent korporattiv. Huma jiddikjaraw li ħafna ftehimiet tal-EWC diġà jipprevedu perjodi ta’ żmien speċifiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u rispons formali mill-maniġment għall-opinjonijiet tal-EWC. L-impjegaturi jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu evitati kostijiet addizzjonali, u jitolbu li jittaffew il-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq l-impriżi billi jiġu promossi l-laqgħat elettroniċi tal-EWC.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet u r-rimedji, it-trade unions iqisu li l-EWCs ma għandhomx biżżejjed aċċess għall-ġustizzja f’xi Stati Membri u li d-Direttiva tonqos milli tiżgura infurzar effettiv. Huma jitolbu dispożizzjonijiet aktar stretti inklużi limiti speċifiċi għal sanzjonijiet pekunarji sa 4 % tal-fatturat globali kif ukoll inġunzjonijiet biex jissospendu d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni. B’kuntrast ma’ dan, l-impjegaturi jsostnu li r-regoli eżistenti huma biżżejjed, u jargumentaw li l-għadd limitat ta’ kawżi tal-qorti ma huwiex dovut għal nuqqas ta’ aċċess għall-ġustizzja iżda minħabba li l-biċċa l-kbira tal-EWCs jaħdmu b’mod sodisfaċenti. Huma jwissu kontra sanzjonijiet sproporzjonati u r-riskju li jiġi ttardjat it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji.

B’mod parallel mal-konsultazzjoni formali bbażata fuq it-Trattat tas-sħab soċjali, saru attivitajiet estensivi ta’ konsultazzjoni fil-kuntest tal-istudju ta’ appoġġ, 18 li ġabru għarfien minn grupp varjat ta’ partijiet ikkonċernati inklużi anke dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti tal-EWC, maniġment tal-impriżi fuq skala Komunitarja u esperti legali u akkademiċi. Dawn l-attivitajiet kienu jikkonsistu minn:

·stħarriġ online mmirat tar-rappreżentanti tal-maniġment u tal-impjegati f’kumpaniji b’EWCs;

·intervisti semistrutturati mal-partijiet ikkonċernati;

·sessjonijiet ta’ ħidma għall-ġbir tal-evidenza mar-rappreżentanti tal-maniġment u tal-impjegati.

Dawn l-attivitajiet fil-biċċa l-kbira kkonfermaw il-kontribut riċevut matul il-konsultazzjoni mas-sħab soċjali u taw aktar informazzjoni ddettaljata li kkontribwiet għad-definizzjoni tal-problema u għall-valutazzjoni tal-għażliet ta’ politika.

Ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar din l-inizjattiva. Minħabba n-natura speċifika u teknika tal-kwistjonijiet u l-għażliet rilevanti, l-inizjattiva ma tippermettix il-ġbir tal-fehmiet tal-pubbliku ġenerali. L-inizjattiva hija rilevanti biss b’mod dirett għall-partijiet ikkonċernati fil-mira tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni deskritti hawn fuq, filwaqt li l-impatti indiretti fuq partijiet ikkonċernati oħrajn jew fuq il-pubbliku ġenerali huma dgħajfa wisq biex jiġu koperti minn konsultazzjoni pubblika ġenerali b’mod sinifikattiv.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Bosta studji min esperti esterni kkontribwew għall-valutazzjoni tal-impatt: l- istudju li jappoġġa l-evalwazzjoni tad-Direttiva , l-istudju l-ġdid li jiġbor l-evidenza li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt, ir-rieżamijiet komparattivi legali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, u l- istudji tal-każijiet li jesploraw sfidi u soluzzjonijiet rigward l-EWCs.Għal aktar informazzjoni dwar il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert, ara l-Anness 1 tal-valutazzjoni tal-impatt. Fil-valutazzjoni tal-impatt issir referenza għal sorsi xjentifiċi addizzjonali.

Ir- riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2021 dwar id-Demokrazija fuq il-Post tax-Xogħol u r- riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja tal-2023 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet tqiesu wkoll, flimkien mal- Valutazzjoni rilevanti tal-Valur Miżjud Ewropew tas-servizz ta’ riċerka tal-Parlament.

Barra minn hekk, ġabriet ta’ data ad hoc mill- Eurostat u mill-ETUI (mill- Bażi tad-data tal-EWCs tal-ETUI u mill- istħarriġ tal-ETUI tal-2018 tar-rappreżentanti tal-EWC u tal-SEWC) appoġġaw il-valutazzjoni tal-impatt.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 19 , li ġie diskuss mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fid-29 ta’ Novembru 2023. L-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’kummenti, 20 li ġew indirizzati minn:

il-kjarifika tal-objettivi tal-inizjattiva u tal-għażliet ta’ politika, b’mod partikolari l-interazzjoni tagħhom ma’ regoli nazzjonali u tal-UE oħrajn dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati;

it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-proporzjonalità u l-valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji, inklużi l-impatti fuq il-kompetittività;

l-iżvilupp ta’ meded ta’ kostijiet aggregati possibbli bbażati fuq xenarji ipotetiċi rigward ir-rata tal-ħolqien ta’ EWCs f’impriżi eżentati bħalissa, il-ħtieġa li jerġgħu jiġu nnegozjati ftehimiet eżistenti biex jitqiesu r-rekwiżiti minimi riveduti, u ż-żidiet marġinali possibbli fil-kostijiet operatorji tal-EWCs minħabba l-inizjattiva;

ir-rikonoxximent bil-quddiem tal-limitazzjonijiet u tal-inċertezzi tad-data li għandhom impatt fuq ir-robustezza tal-analiżi.

Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni tal-impatt proporzjonata u mmirata, l-analiżi ffokat fuq miżuri ta’ politika sostantivi li mistennija jkollhom impatt sinifikanti fuq il-partijiet ikkonċernati. Il-kjarifiki u l-aġġustamenti żgħar għad-Direttiva 2009/38/KE ġew identifikati bħala miżuri ta’ akkumpanjament u ma ġewx ivvalutati individwalment. Huwa ġeneralment preżunt li l-miżuri ta’ akkumpanjament isaħħu l-effetti tal-għażliet meta weħedhom biss ma jkollhomx impatti sinifikanti.

Abbażi tal-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatti, l-għażla politika ppreferuta hija mistennija li jkollha l-benefiċċji ewlenin li ġejjin:

Is-678 impriża ta’ bħalissa bi ftehimiet attivi tal-EWC u l-madwar 11,3-il miljun impjegati tal-UE tagħhom, kif ukoll partijiet għal ftehimiet futuri tal-EWC, għandhom jibbenefikaw minn ċarezza akbar tar-rekwiżiti legali, li hija mistennija li tnaqqas ir-riskju ta’ tilwim u kostijiet assoċjati.

Bit-tneħħija tal-eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-madwar 5,4 miljun impjegati tal-UE/taż-ŻEE (u r-rappreżentanti tagħhom) jew il-maniġment tal-impriżi eżentati bħalissa bi “ftehimiet volontarji” (323) jiksbu d-dritt li jitolbu l-istabbiliment ta’ EWC biex jibbenefikaw minn applikazzjoni ugwali tad-drittijiet minimi u l-obbligi infurzabbli skont id-dritt tal-UE. Flimkien mal-maniġment, dawn jistgħu alternattivament jagħżlu li jippreservaw ftehimiet volontarji li jiffunzjonaw tajjeb. Fil-kuntest tat-talbiet biex jiġi stabbilit EWC ġdid, ir-rappreżentanti tal-impjegati jiksbu intitolament ċar għall-kopertura tal-kostijiet legali raġonevoli tagħhom u aktar ċertezza legali dwar l-obbligu tal-maniġment li jibda n-negozjati fi żmien 6 xhur. Il-forza tax-xogħol tal-impriżi fuq skala Komunitarja tibbenefika wkoll minn titjib fil-bilanċ bejn il-ġeneri fl-EWCs, li huwa mistenni li jikkontribwixxi għal deċiżjonijiet korporattivi aktar ekwi u jkollu impatti pożittivi fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-impriżi.

Matul il-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, l-EWCs li għadhom ma humiex intitolati, permezz ta’ dispożizzjoni korrispondenti fil-ftehim tagħhom mal-maniġment, għal tweġiba mmotivata f’waqtha mill-maniġment għall-opinjoni tagħhom, jiksbu dan id-dritt. Dan se jgħinhom jinvolvu ruħhom fi djalogu ġenwin mat-tmexxija ċentrali dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali. Dan id-djalogu huwa ffaċilitat ukoll minn kjarifiki tal-kunċett essenzjali ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali, li jiddefinixxi l-ambitu tal-attivitajiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-EWCs, u mill-kundizzjonijiet aktar ċari għall-applikazzjoni tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità. Għall-EWCs, għall-SNBs u għar-rappreżentanti tal-impjegati li bħalissa ma għandhomx rimedji effettivi biex jinfurzaw id-drittijiet kollha tagħhom skont id-Direttiva, l-inizjattiva ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja.

L-effettività u l-kwalità akbar tad-djalogu soċjali tranżnazzjonali fl-impriżi fuq skala Komunitarja jistgħu jippermettu teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiku informat aħjar mill-kumpaniji u jsaħħu l-fiduċja reċiproka bejn il-maniġment u l-forza tax-xogħol li tista’ twassal għal effetti pożittivi potenzjali fuq il-kompetittività. Madankollu, dawn l-effetti huma inċerti u ma jistgħux – fin-nuqqas ta’ evidenza robusta – jiġu stmati b’mod affidabbli, minħabba l-interazzjoni bejn l-involviment tal-impjegati fil-livell nazzjonali u tranżnazzjonali u n-natura mhux vinkolanti tal-opinjonijiet tal-EWCs.

L-għażla ppreferuta tkun tinvolvi l-kostijiet li ġejjin:

Fl-impriżi eżentati bħalissa bi “ftehimiet volontarji”, it-tmexxija ċentrali tista’ tibda negozjati ta’ EWC ġdid jew ikollha tibdihom, jekk tintalab mill-impjegati f’konformità mad-Direttiva. Il-kostijiet medji ta’ darba tan-negozjar ta’ ftehim ġdid tal-EWC huma stmati għal madwar EUR 148 000 għal kull negozjar. B’mod ġenerali, matul in-negozjati jew in-negozjati mill-ġdid li jinvolvu SNB, l-impriżi se jkunu legalment obbligati li jkopru – flimkien ma’ kostijiet oħrajn imġarrba fil-fażi tal-istabbiliment – kostijiet legali raġonevoli wkoll. Fejn meħtieġ biex il-ftehimiet eżistenti tal-EWC jiġu allinjati mar-rekwiżiti riveduti (eżempju biex tiġi indirizzata l-kopertura tal-ispejjeż tal-EWCs għall-pariri legali jew ta’ esperti u t-taħriġ), it-tmexxija ċentrali jkollha tidħol f’negozjati mill-ġdid 21 . Madankollu, f’għadd sostanzjali ta’ każijiet, l-adattamenti meħtieġa tal-ftehimiet tal-EWC jistgħu jkunu mistennija li jsiru bħala parti minn negozjati mill-ġdid regolari, li jseħħu bħala medja kull 5 snin, li ma jinvolvu l-ebda kost addizzjonali jew kostijiet addizzjonali limitati ħafna biss meta mqabbla mal-linja bażi. L-impriżi jistgħu jiffaċċjaw ukoll żieda marġinali fil-kostijiet annwali rikorrenti tat-tmexxija ta’ EWC (li huma madwar EUR 300 000 bħala medja fis-sena għal kull EWC taħt il-linja bażi), pereżempju fir-rigward tal-obbligu li tiġi pprovduta tweġiba mmotivata lill-EWC, il-kjarifiki previsti dwar il-kopertura tal-kostijiet legali 22 . Fl-aħħar, f’każijiet ta’ ksur tal-obbligi, l-impriżi jiffaċċjaw riskju ta’ penali finanzjarji ogħla. Madankollu, l-okkorrenza ta’ tilwim legali u l-applikazzjoni ta’ penali huma mistennija li jibqgħu baxxi u l-penali jkunu soġġetti għall-prinċipju tal-proporzjonalità.

Meta jitqabblu l-kostijiet unitarji kwantifikabbli mal-fatturat tal-impriżi rilevanti u meta jitqiesu x-xejriet imbassra, il-kostijiet ekonomiċi tal-għażla ppreferuta huma mistennija li jkunu u jibqgħu negliġibbli 23 .

Peress li l-impriżi b’EWCs huma primarjament ikkonċentrati fis-setturi tal-metall, tas-servizzi, tas-sustanzi kimiċi, tal-bini, tal-ikel, tal-agrikoltura u tat-turiżmu, l-impatti soċjali u ekonomiċi identifikati fl-oqsma kollha ta’ politika se jimmaterjalizzaw ukoll primarjament f’dawk is-setturi. Barra minn hekk, minħabba d-distribuzzjoni ġeografika tal-kwartieri ġenerali ta’ dawk l-impriżi 24 , il-biċċa l-kbira tal-EWCs ġew stabbiliti skont il-liġijiet nazzjonali ta’ seba’ Stati Membri, jiġifieri l-Ġermanja, Franza, l-Iżvezja, in-Netherlands, l-Irlanda u l-Italja. Madankollu, l-impatti tal-għażliet ta’ politika għandhom jaffettwaw lill-impjegati fl-Istati Membri kollha fejn topera l-impriża, minħabba li huma rrappreżentati mill-EWCs.

L-inizjattiva mhu se jkollha l-ebda impatt rilevanti jew prevedibbli fuq il-konsumaturi, l-SMEs, 25 jew l-ambjent 26 .

L-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tal-għażliet ta’ politika marbuta mal-istess objettiv ta’ politika tqabblu, filwaqt li tqiesu l-impatti tagħhom, biex tiġi identifikata l-għażla ppreferuta filwaqt li tqiesu l-kompromessi meħtieġa bejn approċċi differenti.

Miżuri alternattivi meqjusa fil-valutazzjoni tal-impatt, li ġew ivvalutati bħala ġeneralment anqas effettivi, effiċjenti, koerenti u proporzjonati u għalhekk ma ġewx miżmuma bħala parti mill-għażla ppreferuta, huma deskritti fit-taqsima 5 u fl-Anness 11 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-evalwazzjoni tal-2018 kkonfermat li r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2009/38/KE ma jimponu l-ebda obbligu li jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għall-kumpaniji. Billi tistabbilixxi qafas proċedurali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, id-Direttiva tippermetti lis-sħab soċjali l-awtonomija li jaqblu dwar soluzzjonijiet xierqa fid-dawl tal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Pereżempju, il-partijiet għall-ftehimiet tal-EWC jistgħu jagħmlu użu mit-teknoloġiji tal-ICT għal skopijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u jagħżlu, pereżempju, li jużaw software tal-laqgħat online, għodod ta’ traduzzjoni awtomatika jew għodod ta’ traskrizzjoni awtomatika ta’ taħdit għal test biex jiffrankaw kostijiet u jiksbu effiċjenzi. Huma liberi wkoll li jaqblu dwar reġimi lingwistiċi ssimplifikati għal-laqgħat tal-EWC biex inaqqsu l-kostijiet tal-interpretazzjoni simultanja. Fil-fatt, id-Direttiva ma timponi l-ebda baġit speċifiku biex ikopri l-ispejjeż tal-EWCs, inkluż għall-parir espert jew għat-taħriġ, iżda tinkludi obbligu ġenerali fuq il-kumpanija biex tiżgura l-mezzi meħtieġa biex l-EWC japplika d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva.

Skont din il-linja bażi, l-ambitu għat-tnaqqis tal-piż b’din l-inizjattiva huwa limitat. Kif imsemmi hawn fuq, l-inizjattiva se toħloq biss kostijiet negliġibbli għall-impriżi fuq skala Komunitarja, bi proporzjon mal-fatturat tagħhom, u tiġġenera benefiċċji ekonomiċi potenzjali – mhux kwantifikabbli – marbuta ma’ kwalità aħjar tad-djalogu soċjali. Madankollu, il-ħtieġa li jiġu llimitati l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi għall-impriżi tqieset, f’konformità mat-tħassib li tqajjem mill-organizzazzjonijiet tan-negozju fil-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, matul it-tfassil u l-valutazzjoni tal-miżuri, u fformat parti mir-raġuni għall-eliminazzjoni ta’ għażliet bħal obbligu li tiġi ffinanzjata kwalunkwe spiża legali mġarrba mill-EWC, mingħajr limitu.

Il-proposta ma toħloq l-ebda kost ta’ konformità għall-SMEs, peress li l-miżuri ta’ politika previsti ma japplikawx għall-SMEs u ma huwa mbassar l-ebda effett indirett fuq l-SMEs.

Drittijiet fundamentali

Billi ttejjeb l-effettività tal-qafas għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, il-proposta ssaħħaħ id-dritt fundamentali tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża (l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE). F’konformità mad-dritt ta’ negozjar kollettiv (l-Artikolu 28 tal-Karta), il-proposta żżomm il-prinċipju tal-awtonomija tal-partijiet, li jgħid li huma r-rappreżentanti tal-impjegati u l-maniġment tal-impriża li jiddeterminaw in-natura, il-kompożizzjoni, il-funzjoni, il-mod ta’ operat, il-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji tal-EWCs sabiex ikunu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom stess. L-introduzzjoni ta’ objettivi għal kompożizzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri tal-EWCs se tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23 tal-Karta). Il-proposta ssaħħaħ ukoll id-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47 tal-Karta) kontra l-ksur tad-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE. Indirettament, jistgħu jinkisbu effetti pożittivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, f’konformità mad-dritt tal-ħaddiema għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tagħhom (l-Artikolu 31 tal-Karta). L-inizjattiva hija konsistenti wkoll mal-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta), peress li tippreserva l-kapaċità li l-maniġment effettivament jieħu deċiżjonijiet u tevita piż żejjed fuq l-impriżi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu l-emendi għad-Direttiva 2009/38/KE fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva emendatorja proposta. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti riveduti tiġi ddifferita b’sentejn biex il-partijiet fil-ftehimiet tal-EWC jingħataw biżżejjed żmien biex jinnegozjaw l-adattamenti, fejn meħtieġ.

Il-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-inizjattiva se jiġi mmonitorjat minn serje ta’ indikaturi ewlenin relatati mal-objettivi tal-politika. Dawn l-indikaturi u s-sorsi tad-data relatati huma speċifikati fl-Anness 13 tal-valutazzjoni tal-impatt.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Bħala parti mill-proċess ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-mezzi li bihom l-EWCs, l-SNBs u r-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu jressqu proċedimenti ġudizzjarji, u fejn applikabbli, amministrattivi fir-rigward ta’ kull wieħed mid-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE. Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli ġenerali relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttivi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed dwar il-miżuri li jittrasponu l-proposta 27 . Sabiex jiġi ssodisfat dak l-obbligu ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva emendatorja proposta fit-territorju kollu tagħha, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddikjaraw, għal kull dispożizzjoni tad-direttiva, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Emendi għall-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali (l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2009/38/KE)

Sabiex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali, hija stabbilita preżunzjoni ta’ tranżnazzjonalità li tkopri mhux biss każijiet fejn il-miżuri meqjusa mill-maniġment jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema f’aktar minn Stat Membru wieħed, iżda anke każijiet fejn dawn il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema fi Stat Membru wieħed biss u l-konsegwenzi ta’ dawk il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema f’tal-anqas Stat Membru wieħed ieħor, kif stabbilit bħalissa fil-Premessa 16 tad-Direttiva. Il-kjarifika mmirata għandha l-għan li tindirizza l-inċertezza eżistenti u tnaqqas ir-riskju ta’ tilwim, filwaqt li żżomm id-distinzjoni minn kwistjonijiet nazzjonali sabiex tipprevjeni kunflitti mal-proċeduri nazzjonali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni.

Emendi għad-definizzjonijiet ta’ “informazzjoni” u “konsultazzjoni” (l-Artikolu 2(1)(f) u (g) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/38/KE; il-punt 1(a), it-tielet subparagrafu tal-Anness I)

Id-definizzjonijiet eżistenti ta’ “informazzjoni” u “konsultazzjoni” mhux biss jispeċifikaw it-tifsira ta’ dawk it-termini għall-finijiet tad-Direttiva 2009/38/KE, iżda jinkludu wkoll rekwiżiti normattivi. F’konformità mar-regoli tal-abbozzar leġiżlattiv u għal raġunijiet ta’ koerenza u ċarezza legali, dawk ir-rekwiżiti minflok se jiġu stabbiliti fl-Artikolu 9. Il-bidliet sostantivi jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni: L-Artikolu 9 se jispeċifika li l-konsultazzjoni għandha tippermetti lir-rappreżentanti tal-impjegati jesprimu opinjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u li din l-opinjoni trid tirċievi tweġiba motivata bil-miktub milt-tmexxija ċentrali qabel ma din tal-aħħar tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar il-miżura proposta. Ir-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE huma adattati kif xieraq.

Emendi dwar l-istabbiliment, il-kompożizzjoni u r-riżorsi tal-SNBs (l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2009/38/KE, u l-punti 5 u 6, l-aħħar subparagrafu, tal-Anness I)

Fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2009/38/KE, jiddaħħal rekwiżit biex jiġu eletti jew jinħatru l-membri tal-SNB b’mod li jfittex li jikseb rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri. Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(6), huwa ċċarat li l-ispejjeż relatati man-negozjati, li għandhom jitħallsu mit-tmexxija ċentrali, jinkludu l-kostijiet raġonevoli tal-assistenza legali, tar-rappreżentanza legali u tal-proċedimenti legali tal-SNB. Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6), it-tieni subparagrafu titħassar minħabba li mhuwiex meħtieġ li tissemma l-għażla tal-Istati Membri li jillimitaw il-finanzjament biex ikopri espert wieħed, minħabba li l-ewwel sentenza tal-istess subparagrafu diġà tiddikjara d-dritt tagħhom li jistabbilixxu regoli baġitarji dwar l-operat tal-SNB, f’konformità mal-prinċipju li l-ispejjeż relatati mat-twettiq xieraq tal-funzjonijiet tal-SNB iridu jitħallsu mit-tmexxija ċentrali. Fl-aħħar, l-Artikolu 7(1), it-tieni inċiż huwa ċċarat billi ssir referenza għan-nuqqas li tissejjaħ l-ewwel laqgħa tal-SNB minflok ir-rifjut tat-tmexxija ċentrali li tibda bin-negozjati.

Emendi dwar il-kontenut tal-ftehimiet tal-EWC, li għandhom jiġu nnegozjati mill-partijiet (l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/38/KE)

Il-partijiet għall-ftehimiet tal-EWC se jkunu meħtieġa jispeċifikaw ir-riżorsi finanzjarji u materjali li għandhom jiġu allokati lill-EWCs tal-anqas fir-rigward tal-użu ta’ esperti, kostijiet legali u taħriġ. Barra minn hekk, għandhom jispeċifikaw ukoll il-format tal-laqgħat tal-EWC, li jistgħu jinkludu formati virtwali jekk il-partijiet jaqblu li jsir hekk. Sabiex tittejjeb l-effettività tal-EWCs eżistenti, ir-rekwiżiti l-ġodda fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji u materjali u l-format tal-laqgħat tal-EWC japplikaw ukoll fir-rigward tal-ftehimiet tal-EWC li kienu jeżistu minn qabel, li għalhekk jistgħu jeħtieġu li jiġu adattati. Dan huwa previst f’subparagrafu ġdid fl-Artikolu 6(2). Matul il-perjodu tranżizzjonali, il-partijiet għall-ftehimiet eżistenti tal-EWC għandhom jivverifikaw jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti riveduti ta’ din id-Direttiva u, jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jinnegozjawhom mill-ġdid biex jevitaw ir-riskju ta’ tilwim legali ladarba r-rekwiżiti riveduti jsiru applikabbli. Jekk dan in-negozjar mill-ġdid ma jirnexxix, japplikaw ir-rekwiżiti sussidjarji annessi mad-Direttiva.

Emendi dwar il-kompożizzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri tal-EWCs (l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/38/KE)

Meta jiġu nnegozjati ftehimiet ġodda tal-EWC jew jiġu nnegozjati mill-ġdid il-ftehimiet eżistenti, il-partijiet se jkunu meħtieġa minn paragrafu ġdid tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/38/KE biex jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa għall-kisba, kemm jista’ jkun, ta’ kompożizzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri tal-EWC, u fejn applikabbli, tal-kumitat ristrett. Dan l-objettiv huwa ddefinit mill-mira ta’ 40 % tas-siġġijiet fl-EWC – jew f’xi kumitat ristrett – li għandhom jiġu allokati lill-membri ta’ kwalunkwe ġeneru. L-istess objettiv huwa rifless fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE għall-EWCs li għadhom kif ġew stabbiliti abbażi ta’ rekwiżiti sussidjarji. Fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar azzjoni pożittiva 28 , il-mira ta’ 40 % tapplika soġġetta għall-fatt li hija legalment u fattwalment fattibbli u hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati.

Emendi dwar l-għadd ta’ laqgħat plenarji tal-EWCs ibbażati fuq rekwiżiti sussidjarji (il-punt 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE)

Ir-rekwiżiti sussidjarji riveduti se jirrikjedu żewġ laqgħat plenarji – minflok waħda – bejn l-EWCs u t-tmexxija ċentrali kull sena.

Emendi dwar laqgħat straordinarji tal-EWCs ibbażati fuq rekwiżiti sussidjarji (il-punt 3, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE)

Il-formulazzjoni tar-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE hija adattata biex tiċċara, l-ewwel nett, li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-EWCs ibbażati fuq dawk ir-rekwiżiti għandhom fil-prinċipju jsiru fil-laqgħat plenarji, jekk possibbli, u f’laqgħat straordinarji biss jekk l-urġenza tkun tirrikjedi hekk. It-tieni, huwa ċċarat li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-ħin, u t-tielet, li l-membri tal-EWC għandhom id-dritt li jipparteċipaw f’laqgħat straordinarji mal-kumitat ristrett jekk jirrappreżentaw impjegati li jkunu potenzjalment ikkonċernati direttament mis-suġġett ta’ dawn il-laqgħat.

Emendi dwar ir-riżorsi disponibbli għall-EWCs abbażi tar-rekwiżiti sussidjarji (il-punti 5 u 6 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE)

Fil-punt 5 tal-Anness l, huwa ċċarat li l-esperti li jassistu lill-EWCs jew lill-kumitati ristretti bbażati fuq rekwiżiti sussidjarji jistgħu jinkludu rappreżentanti tat-trade unions, u li dawn l-esperti għandhom jitħallew, fuq talba tal-EWC jew tal-kumitat ristrett, ikunu preżenti fil-laqgħat f’kapaċità konsultattiva. Fil-punt 6 tal-Anness 1, huwa ċċarat li l-ispejjeż operatorji tal-EWCs li għandhom jitħallsu mit-tmexxija ċentrali jinkludu kostijiet legali raġonevoli, li għandhom jiġu nnotifikati lit-tmexxija ċentrali minn qabel. Barra minn hekk, fl-aħħar subparagrafu tal-punt 6 tal-Anness l, it-tieni sentenza titħassar għar-raġunijiet spjegati hawn fuq fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2009/38/KE.

Emendi dwar it-trattament jew in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/38/KE)

Id-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni b’mod kunfidenzjali u dwar in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ ċerta informazzjoni huma stabbiliti f’Artikoli separati biex tiġi żgurata struttura aktar ċara. Barra minn hekk, meta jipprovdu informazzjoni b’mod kunfidenzjali, it-tmexxija ċentrali jeħtiġilha tinforma lill-membri tal-SNB, lill-membri tal-EWC jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fl-istess ħin, dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kondiviża. L-obbligu li ma tiġix żvelata informazzjoni kunfidenzjali jieqaf meta, bi qbil mal-maniġment, il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-maniġment tiskadi. Barra minn hekk, il-possibbiltà tat-tmexxija ċentrali li ma tibgħatx l-informazzjoni se tkun limitata għal każijiet fejn it-trażmissjoni tagħha tkun ta’ ħsara serja għall-funzjonament tal-impriża. F’sitwazzjoni bħal din, it-tmexxija ċentrali teħtieġ tinforma lill-membri tal-EWC, lill-membri tal-SNB jew lir-rappreżentanti tal-impjegati bir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni.

Emendi dwar ir-rwol u l-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/38/KE)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/38/KE huwa adattat biex jiċċara li mhux biss il-membri tal-EWC iżda wkoll ir-rappreżentanti tal-impjegati, inklużi l-embmri tal-SNB u l-membri tal-EWC, għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Fl-Artikolu 10(2), huwa ċċarat li l-membri tal-EWC għandu jkollhom il-mezzi xierqa u meħtieġa biex jinformaw lir-rappreżentanti rilevanti tal-impjegati dwar il-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali qabel u wara l-laqgħat mat-tmexxija ċentrali. Fl-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, huwa ċċarat li r-rekwiżit li d-detenturi tad-drittijiet jingħataw protezzjoni ekwivalenti skont id-Direttiva 2009/38/KE japplika wkoll fir-rigward tal-protezzjoni kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni jew ta’ tkeċċija. Fl-aħħar, huwa ċċarat fl-Artikolu 10(4) li t-tmexxija ċentrali jeħtieġlu jġarrab il-kostijiet u l-ispejjeż relatati mat-taħriġ meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dmirijiet rappreżentattivi tal-membri tal-EWC u tal-SNB, li t-tmexxija ċentrali għandha tiġi informata dwarhom minn qabel.

Emendi dwar penali u aċċess għall-ġustizzja (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/38/KE)

L-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati – bħalissa msemmija fil-premessa 36 tad-Direttiva 2009/38/KE b’referenza għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – se jiġi stabbilit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/38/KE. Sabiex jikkonformaw ma’ dak l-obbligu, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa, meta jiddeterminaw is-sanzjonijiet, iqisu l-gravità, id-durata, il-konsegwenzi u n-natura intenzjonali jew negliġenti tar-reat, u fil-każ ta’ sanzjonijiet pekunarji, barra minn hekk anke d-daqs u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża jew tal-grupp li jkun ġie ssanzjonat (pereżempju, il-fatturat annwali tiegħu), u kriterji rilevanti oħrajn. Fl-istess paragrafu tiddaħħal dispożizzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu tal-anqas sanzjonijiet pekunarji fir-rigward ta’ ksur tal-proċeduri tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(2) u (3). Dan ma jwaqqafhomx milli jżommu jew jintroduċu forom oħrajn ta’ sanzjonijiet flimkien magħhom. Fl-Artikolu 11(3), fl-ewwel subparagrafu se tiddaħħal referenza għall-membri tal-EWC u tal-SNB, peress li dik id-dispożizzjoni hija rilevanti għalihom kif ukoll għar-rappreżentanti tal-impjegati. Fl-istess paragrafu, jiġi ċċarat aktar li t-tul tal-proċedura ta’ appell applikabbli meta t-tmexxija ċentrali tkun teħtieġ kunfidenzjalità jew li żżomm informazzjoni għandu jkun kompatibbli mal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni skont id-Direttiva 2009/38/KE. Barra minn hekk, fl-Artikolu 11 tiżdied dispożizzjoni ġdida biex jiġi żgurat li proċeduri obbligatorji possibbli ta’ soluzzjoni barra mill-qorti skont il-liġi nazzjonali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE.

Tneħħija ta’ eżenzjonijiet u arranġamenti għall-adattament ta’ ftehimiet eżistenti għar-rekwiżiti riveduti (l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/38/KE)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/38/KE huwa mħassar u l-eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE jitneħħew. Konsegwentement, l-impjegati u r-rappreżentanti tal-impjegati ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jew gruppi bi ftehimiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali li jkunu saru qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/45/KE (“ftehimiet volontarji”) se jkunu intitolati jew li jżommu l-ftehimiet eżistenti tagħhom jew li jitolbu, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/38/KE, l-istabbiliment ta’ EWC jew ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni bil-għan li jiġu ssostitwiti ftehimiet preċedenti. L-impriżi bi ftehimiet iffirmati jew riveduti bejn il-5 ta’ Ġunju 2009 u l-5 ta’ Ġunju 2011 se jsiru soġġetti għall-obbligi riveduti li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/38/KE.

Dispożizzjoni ġdida fl-Artikolu 14a tipprevedi l-adattament ta’ ftehimiet eżistenti konklużi skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 94/45/KE jew l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2009/38/KE għar-rekwiżiti riveduti tad-Direttiva 2009/38/KE. Il-partijiet għal dawn il-ftehimiet jingħataw l-opportunità li jinnegozjaw l-adattamenti meħtieġa matul il-perjodu ta’ sentejn bejn l-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttiva 2009/38/KE u d-data minn meta għandhom japplikaw ir-rekwiżiti riveduti skont il-liġi nazzjonali. Dawn l-arranġamenti tranżizzjonali ma japplikawx fir-rigward ta’ “ftehimiet volontarji” konklużi u li joperaw barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-konsegwenzi għall-impriżi b’dawn il-ftehimiet huma deskritti hawn fuq, fir-rigward tat-tneħħija tal-eżenzjonijiet.

Traspożizzjoni u dħul fis-seħħ (l-Artikolu 2 tal-proposta)

L-Istati Membri għandhom jittrasponu l-emendi għad-Direttiva 2009/38/KE fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-proposta. L-applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni għandha tiġi ddifferita b’sentejn wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni.

Wara li jqisu d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Artikolu 11 tal-2009/38/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jressqu proċedimenti ġudizzjarji taħt il-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, u fejn applikabbli, proċedimenti amministrattivi, fir-rigward tad-drittijiet kollha skont id-Direttiva 2009/38/KE.

2024/0006 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (e) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 29 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 30 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa kollha, jiġu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien xieraq u skont il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u mil-liġi u l-prattiki nazzjonali. Il-prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid id-dritt tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tagħhom li jiġu informati u kkonsultati dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom.

(2)Fir-rigward ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali, id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 tfittex li tagħti effett prattiku lil dawn il-prinċipji bażiċi billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati f’impriżi fuq skala Komunitarja u fi gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja.

(3)Filwaqt li evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE ppubblikata fl-2018 32 ikkonfermat il-valur miżjud u r-rilevanza ta’ dik id-Direttiva fil-prinċipju, identifikat ukoll nuqqasijiet rigward, pereżempju, l-effettività tal-proċess ta’ konsultazzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja, is-sanzjonijiet u l-interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti.

(4)Fl-2023, il-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja b’rakkomandazzjonijiet dwar reviżjoni tad-Direttiva 2009/38/KE 33 u l-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ fażijiet mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-ħtieġa għal miżuri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ dik id-direttiva, u l-kontenut tagħhom. Il-Kummissjoni ġabret ukoll evidenza permezz ta’ studju li jinvolvi stħarriġ online mmirat, intervisti mal-partijiet ikkonċernati, sessjonijiet ta’ ħidma, analiżi tal-ġurisprudenza nazzjonali u tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

(5)L-evidenza turi li l-inċertezza legali dwar il-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali wasslet għal differenzi fl-interpretazzjoni u fit-tilwim. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jitnaqqas ir-riskju ta’ tilwim bħal dan, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat dak il-kunċett. Għal dan il-għan, jixraq li jiġi ċċarat li din id-Direttiva jenħtieġ li ma tkoprix biss każijiet fejn il-miżuri meqjusa mill-maniġment jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-impjegati f’aktar minn Stat Membru wieħed, iżda anke każijiet fejn dawn il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema fi Stat Membru wieħed biss, iżda l-konsegwenzi ta’ dawk il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema f’tal-anqas Stat Membru wieħed ieħor. Dan huwa meħtieġ biex jiġu koperti każijiet fejn l-impriżi jipprevedu miżuri, bħal sensji u tkeċċijiet, li espliċitament jimmiraw stabbilimenti fi Stat Membru wieħed biss iżda madankollu jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkollhom konsegwenzi li jaffettwaw lill-impjegati fi Stat Membru ieħor, pereżempju minħabba bidliet fil-katina tal-provvista transfruntiera jew fl-attivitajiet tal-produzzjoni, fejn dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal bidliet sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kuntrattwali.

(6)Id-definizzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni fid-Direttiva 2009/38/KE jinkludu rekwiżiti normattivi. Għall-finijiet ta’ koerenza u ċarezza legali, jixraq li dawk id-dispożizzjonijiet normattivi minflok jiġu stabbiliti fl-artikoli li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi.

(7)Il-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar jista’ jkollhom bżonn parir jew rappreżentanza legali biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva 2009/38/KE. Madankollu, ma huwiex ċar biżżejjed li huma intitolati għall-kopertura tat-tariffi legali assoċjati. Bil-għan li tiġi żgurata din il-kopertura, jenħtieġ li jiġi ċċarat li t-tmexxija ċentrali għandha ġġarrab il-kostijiet imġarrba mill-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, li dawn tal-aħħar jenħtieġ li jkunu meħtieġa jinnotifikaw minn qabel. Huwa xieraq li dak l-obbligu jiġi llimitat għal kostijiet legali raġonevoli biex jiġi żgurat li l-maniġment ma jkunx responsabbli għal kostijiet manifestament sproporzjonati, kostijiet mingħajr rabta ġustifikabbli mal-għoti ta’ pariri jew rappreżentanza legali rilevanti, jew kostijiet maħluqa minn talbiet manifestament infondati, frivoli jew vessatorji. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/38/KE tagħti lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jistabbilixxu regoli baġitarji dwar il-funzjonament tal-korp speċjali għan-negozjar u tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ibbażati fuq rekwiżiti sussidjarji, filwaqt li jitqies il-prinċipju li l-ispejjeż relatati mat-twettiq xieraq tal-funzjonijiet tal-bord speċjali għan-negozjar iridu jitħallsu mit-tmexxija ċentrali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-għadd ta’ esperti li għandhom jiġu ffinanzjati mit-tmexxija ċentrali huma żejda u jenħtieġ li jitħassru.

(8)Id-Direttiva 2009/38/KE tirrikjedi li l-partijiet għal ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jiddeterminaw il-post tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Jixraq li jiġi speċifikat li huma għandhom jiddeterminaw ukoll il-format ta’ dawn il-laqgħat, b’mod partikolari biex jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar il-libertà tagħhom li jaqblu li xi wħud mil-laqgħat jew il-laqgħat kollha jsiru f’ambjent virtwali, bl-użu ta’ għodod tal-laqgħat online, li jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-laqgħat f’konformità mal-miri tal-Unjoni, nazzjonali u tal-kumpaniji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, filwaqt li jiżguraw informazzjoni u konsultazzjoni sinifikattivi b’kostijiet ambjentali u finanzjarji aktar baxxi.

(9)Jista’ jkun hemm inċertezza u tilwim fir-rigward tal-kopertura ta’ ċerti spejjeż u l-aċċess għal ċerti riżorsi anke matul l-operat tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet. F’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija tal-partijiet, jixraq li jkun meħtieġ li ċerti tipi ta’ riżorsi finanzjarji u materjali jiġu ddeterminati speċifikament fil-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jiġifieri l-użu possibbli ta’ esperti – bħal esperti tekniċi tas-suġġett jew esperti legali – u l-kopertura tat-tariffi tal-esperti, u l-kopertura tal-kostijiet legali, inklużi l-kostijiet tar-rappreżentanza legali u tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji. Il-ftehimiet jenħtieġ li jindirizzaw ukoll l-għoti ta’ taħriġ rilevanti lill-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u l-kopertura tal-ispejjeż relatati, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit minimu fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2009/38/KE.

(10)Ir-rekwiżit fid-Direttiva 2009/38/KE li titqies, fejn possibbli, il-ħtieġa għal rappreżentanza bbilanċjata tal-impjegati fir-rigward tal-ġeneru tagħhom meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet wera li ma huwiex biżżejjed biex jippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri. In-nisa għadhom sottorappreżentati fil-biċċa l-kbira tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti objettivi aktar effettivi u speċifiċi rigward ir-rappreżentanza tal-ġeneru, li għandhom jiġu implimentati mir-rappreżentanti tal-maniġment u tal-impjegati meta jinnegozjaw jew jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehimiet tagħhom. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, f’ċerti każijiet jista’ jkun meħtieġ li tingħata prijorità lis-sess sottorappreżentat fil-kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew tal-kumitat ristrett tiegħu. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 34 , azzjoni pożittiva bħal din hija possibbli, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa, sakemm il-miżuri meħuda biex jintlaħaq l-objettiv tal-bilanċ bejn il-ġeneri ma jagħtux prijorità awtomatikament u mingħajr kundizzjoni lil persuni ta’ ċertu ġeneru iżda jippermettu li jitqiesu kriterji oħrajn, bħal merti u kwalifiki u l-proċedura għall-elezzjoni stabbilita mil-liġijiet rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-partijiet għall-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa biex jirrispettaw il-limitazzjonijiet ġuridiċi u fattwali għall-azzjoni pożittiva. Għal kunsiderazzjonijiet simili, jixraq, barra minn hekk, li jiġu meħtieġa passi biex isir sforz għal kompożizzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri tal-korp speċjali għan-negozjar, biex dak l-objettiv jibda jiġi promoss diġà matul il-fażi tan-negozjar.

(11)L-evidenza turi li l-bidu tan-negozjati xi drabi jiddewwem aktar mill-perjodu ta’ 6 xhur stabbilit fid-Direttiva 2009/38/KE. F’xi każijiet, il-maniġment la jieħu passi u lanqas jirrifjuta b’mod espliċitu li jibda negozjati wara talba biex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat li r-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fid-Direttiva 2009/38/KE japplikaw meta l-ewwel laqgħa tal-korp speċjali għan-negozjar ma titlaqqax fi żmien 6 xhur wara talba biex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, irrispettivament minn jekk it-tmexxija ċentrali tirrifjutax b’mod espliċitu li tibda n-negozjati.

(12)Meta tiġi kondiviża informazzjoni ma’ membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, il-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar, jew ir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal- informazzjoni u l-konsultazzjoni, il-maniġment għandu l-possibbiltà li jipprovdi li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża b’mod kunfidenzjali u li ma għandhiex tiġi divulgata ulterjorment. Meta tiġi kondiviża informazzjoni b’mod kunfidenzjali, it-tmexxija ċentrali għandha tkun meħtieġa li fl-istess ħin tipprovdi ġustifikazzjoni raġonevoli. L-istabbiliment ta’ arranġamenti adegwati biex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kunfidenzjali tista’ tnissel fiduċja u l-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni, filwaqt li tipproteġi n-negozji u l-interessi tal-ħaddiema, inkluż billi jiġu evitati riskji li qegħdin jikbru ta’ spjunaġġ industrijali.

(13)Il-possibbiltà li t-tmexxija ċentrali ma tibgħatx informazzjoni lill-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar jew tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet fejn din it-trażmissjoni tkun ta’ ħsara serja għall-funzjonament tal-impriżi kkonċernati. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ rimedju effettiv, jenħtieġ li t-tmexxija ċentrali tkun meħtieġa wkoll li tispeċifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni.

(14)Bil-għan li tiżdied iċ-ċarezza legali, jixraq li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni b’mod kunfidenzjali u dwar in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni f’żewġ Artikoli separati. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni eżistenti li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli partikolari għall-impriżi li jsegwu l-għan ta’ gwida ideoloġika jenħtieġ li tiġi ttrasferita għall-Artikolu dwar ir-relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn, minħabba li tikkonċerna l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE b’mod aktar wiesa’.

(15)Konsultazzjoni tranżnazzjonali effettiva tirrikjedi djalogu ġenwin bejn it-tmexxija ċentrali u l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew ir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Dan jimplika li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni jeħtieġ li jitwettqu b’mod li jippermetti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema jesprimu l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u li l-opinjonijiet maħruġa mill-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jew mir-rappreżentanti tal-impjegati jridu jirċievu tweġiba mmotivata mit-tmexxija ċentrali qabel ma din tal-aħħar tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar il-miżura proposta inkwistjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit rekwiżit espliċitu għal dak l-għan fid-Direttiva 2009/38/KE biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

(16)Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/38/KE dwar ir-rwol u l-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati jenħtieġ li jiġu emendati biex tiżdied iċ-ċarezza u l-preċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar u tal-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni jew ta’ tkeċċija. Sabiex jiġi evitat tilwim, jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li t-tmexxija ċentrali għandha tkopri l-kostijiet tat-taħriġ tal-membri tal-korp speċjali għan-negozjar u tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u kostijiet assoċjati oħrajn, li huma neċessarji għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, fejn il-korp ta’ tmexxija ikun ġie informat minn qabel b’dawk il-kostijiet.

(17)F’ċerti Stati Membri, id-detenturi tad-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex iressqu azzjonijiet legali biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw rimedji effettivi u aċċess għall-ġustizzja u s-superviżjoni mill-Kummissjoni tal-konformità tagħhom ma’ dak l-obbligu. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif u taħt liema ċirkostanzi d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jressqu proċeduri ġudizzjarji, u fejn applikabbli, amministrattivi, fir-rigward tad-drittijiet kollha tagħhom skont din id-Direttiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċeduri rilevanti għandhom jippermettu infurzar f’waqtu u effettiv, u li proċeduri ta’ soluzzjoni barra mill-qorti possibbli la jistgħu jirriżultaw f’deċiżjoni li tkun vinkolanti fuq il-partijiet ikkonċernati, u lanqas ma jippreġudikaw id-dritt tad-detenturi tad-drittijiet li jressqu proċedimenti ġudizzjarji.

(18)L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 tad-Direttiva 2009/38/KE wriet li s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali spiss ma jkunux dissważivi biżżejjed. Għalhekk, jixraq li jiġi stabbilit l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati. Jenħtieġ li jiġu previsti sanzjonijiet pekunarji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2009/38/KE. Jistgħu jiġu previsti wkoll forom oħrajn ta’ sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet pekunarji jenħtieġ li jiġu ddeterminati billi jitqiesu d-daqs u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża jew grupp fuq skala Komunitarja – pereżempju, abbażi tal-fatturat annwali tiegħu – u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor bħall-gravità, id-durata, il-konsegwenzi u n-natura intenzjonata jew negliġenti tar-reat –, sabiex ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati.

(19)L-impriżi bi ftehim dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-impjegati konkluż qabel it-23 ta’ Settembru 1996, jiġifieri qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE 35 , huma eżentati mill-applikazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/38/KE. Il-korpi tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati stabbiliti skont dawn il-ftehimiet ikunu ġew konklużi u qed ikomplu jiffunzjonaw barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2009/38/KE ma tipprovdix lill-impjegati fl-impriżi eżentati bil-possibbiltà li jitolbu stabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet skont dik id-Direttiva. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, trattament ugwali u effettività, l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi fuq skala Komunitarja jew fil-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja kollha jenħtieġ li fil-prinċipju jkollhom id-dritt li jitolbu l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Kważi 30 snin wara li qafas leġiżlattiv li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-impjegati ġie stabbilit għall-ewwel darba fil-livell tal-Unjoni, dawk ir-raġunijiet jipprevalu fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ kontinwità għal ftehimiet li kienu jeżistu minn qabel li inizjalment kienu mmotivaw l-eżenzjoni. Għalhekk jenħtieġ li dik l-eżenzjoni titħassar.

(20)Barra minn hekk, għall-istess kunsiderazzjonijiet, l-istess rekwiżiti minimi jenħtieġ li japplikaw għall-impriżi fuq skala Komunitarja kollha mal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet li joperaw skont id-Direttiva 2009/38/KE u dawk li fihom ġie ffirmat jew rivedut ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet bejn il-5 ta’ Ġunju 2009 u l-5 ta’ Ġunju 2011. Għalhekk, l-eżenzjoni tal-impriżi tal-aħħar mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE jenħtieġ li titħassar ukoll.

(21)Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet li joperaw abbażi tar-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE għandhom id-dritt li jiltaqgħu mat-tmexxija ċentrali darba fis-sena, biex jiġu informati u kkonsultati dwar il-progress tan-negozju tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja rilevanti u l-prospettivi tagħhom. Sabiex tissaħħaħ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali ta’ dawk il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jixraq li jiżdied l-għadd ta’ dawn il-laqgħat plenarji annwali fir-rekwiżiti sussidjarji għal tnejn.

(22)Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru ċerti bidliet tekniċi għar-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE, biex tiġi żgurata l-konsistenza mat-termini ta’ promulgazzjoni.

(23)Għalhekk, jixraq li d-Direttiva 2009/38/KE tiġi emendata biex l-impriżi eliġibbli kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġu ċċarati xi wħud mill-kunċetti ewlenin tagħha, jittejjeb il-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, u jiġu żgurati rimedju u infurzar effettivi.

(24)F’xi każijiet, il-ftehimiet eżistenti tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew il-ftehimiet dwar il-proċeduri tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, konklużi skont id-Direttiva 94/45/KE jew id-Direttiva 2009/38/KE qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri adottati mill-Istati Membri għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, jistgħu ma jkunux konformi mar-rekwiżiti riveduti. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali li jippermettu lill-partijiet għal dawn il-ftehimiet jinnegozjaw adattamenti qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

(25)L-objettiv ġenerali ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-effettività tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati tal-impriżi fuq skala Komunitarja u tal-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja. Dak l-objettiv ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, iżda minħabba n-natura u l-iskala tranżnazzjonali inerenti ta’ dawn ir-rekwiżiti, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(26)Skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet, il-persuni b’diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tax-xogħol u ta’ trade union fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Peress li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni, id-Direttiva 2009/38/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għandhom jiġu interpretati f’konformità ma’ dak il-prinċipju, pereżempju b’rabta mal-aċċessibbiltà u l-akkomodazzjoni raġonevoli għall-membri tal-korpi għan-negozjar speċjali, membri ta’ Kunsilli tax-Xogħol Ewropej u rappreżentanti tal-impjegati li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, kif ukoll li l-kosti relatati jinġarru mit-tmexxija ċentrali.

(27)F’konformità mal-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 , l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 71(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 u l-Artikolu 36(2) u l-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 , l-Istati membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi josservaw l-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. L-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti skont din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi promossa permezz tal-integrazzjoni, kif xieraq, tal-kriterji ta’ sostenibbiltà soċjali fil-kriterji għall-għoti mfassla mill-entitajiet kontraenti għall-identifikazzjoni tal-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi. Madankollu, din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu addizzjonali fir-rigward ta’ dawk id-Direttivi.

(28)Sabiex ir-rappreżentanti tal-impjegati u t-tmexxija ċentrali fl-impriżi fuq skala Komunitarja jew il-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jingħataw biżżejjed żmien biex iqisu r-rekwiżiti minimi riveduti u jħejju għall-applikazzjoni tagħhom, jixraq li tiġi ddifferita b’sentejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2009/38/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.    Kwistjonijiet għandhom jitqiesu li huma tranżnazzjonali meta jkunu raġonevolment mistennija li jikkonċernaw lill-impriża fuq skala Komunitarja jew lill-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja b’mod sħiħ, jew tal-anqas żewġ impriżi jew stabbilimenti tal-impriża jew tal-grupp li jkunu jinsabu f’żewġ Stati Membri differenti. 

Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew issodisfati meta:

(a) il-miżuri meqjusa mill-maniġment tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema f’impriżi jew fi stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed;

(b) il-miżuri meqjusa mill-maniġment tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw lill-ħaddiema f’impriża jew fi stabbiliment fi Stat Membru wieħed, u l-ħaddiema f’impriża jew fi stabbiliment fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jiġu affettwati mill-konsegwenzi ta’ dawk il-miżuri.”;

(2)fl-Artikolu 2(1), il-punti (f) u (g) huma ssostitwiti b’dan li ġej:

‘(f) “informazzjoni” tfisser it-trażmissjoni ta’ data mill-impjegatur lir-rappreżentanti tal-impjegati sabiex tippermettilhom jiffamiljarizzaw irwieħhom mas-suġġett u jeżaminawh;

(g) “konsultazzjoni” tfisser l-istabbiliment ta’ djalogu u l-iskambju ta’ fehmiet bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u t-tmexxija ċentrali jew kwalunkwe livell aktar xieraq ta’ tmexxija;”;

(3)L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b) Il-membri tal-korp speċjali għan-negozjar għandhom jiġu eletti jew maħtura fi proporzjon mal-għadd ta’ impjegati mħaddma f’kull Stat Membru mill-impriża fuq skala Komunitarja jew mill-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, b’mod li jipprova jikseb rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri, billi jiġi allokat, għal kull Stat Membru siġġu wieħed għal kull porzjon ta’ impjegati mħaddma f’dak l-Istat Membru, ekwivalenti għal 10 %, jew frazzjoni tagħha, tal-għadd ta’ impjegati mħaddma fl-Istati Membri kollha meħuda flimkien;”;

(b)il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

fl-ewwel subparagrafu, jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

“Dawn l-ispejjeż għandhom jinkludu kostijiet raġonevoli tal-esperti, inkluż għall-assistenza legali, sa fejn ikun meħtieġ għal dak il-għan, kif ukoll kostijiet raġonevoli tar-rappreżentanza legali u l-parteċipazzjoni fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji. L-ispejjeż għandhom jiġu nnotifikati lit-tmexxija ċentrali qabel ma jiġġarrbu.”;

fit-tieni subparagrafu, titħassar it-tieni sentenza;

(4)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

il-punti (c) u (d) jiġu ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(c) il-funzjonijiet u l-proċeduri għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-arranġamenti għall-irbit tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-korpi nazzjonali li jirrappreżentaw l-impjegati, f’konformità mal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 9;

(d) il-format, il-post, il-frekwenza u d-durata tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet;”;

il-punt (f) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

‘(f) ir-riżorsi finanzjarji u materjali li għandhom jiġu allokati lill-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, inkluż tal-anqas fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:

l-użu possibbli ta’ esperti, inklużi esperti legali, biex jassistu lill-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu;

rappreżentanza legali u parteċipazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jew tal-membri tiegħu f’ismu, fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji;

l-għoti ta’ taħriġ rilevanti lill-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit minimu fl-Artikolu 10(4), l-ewwel subparagrafu;”;

Ir-rekwiżit li jiġu ddeterminati l-elementi elenkati fl-ewwel subparagrafu, kif emendat minn [UP: daħħal ir-referenza għal din id-Direttiva emendatorja*], għandu japplika wkoll fir-rigward tal-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet konklużi qabel [UP: daħħal id-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva emendatorja.].

_________________

* [UP: daħħal ir-referenza tal-ĠU għal din id-Direttiva emendatorja.]”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    It-tmexxija ċentrali u l-korp speċjali għan-negozjar, meta jinnegozjaw jew jinnegozjaw mill-ġdid ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, għandhom jaqblu u jistabbilixxu l-arranġamenti meħtieġa biex jintlaħqu, kemm jista’ jkun, u mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-objettiv tal-bilanċ bejn il-ġeneri li bih in-nisa weħedhom u l-irġiel weħedhom jikkostitwixxu b’mod ugwali tal-anqas 40 % tal-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, u fejn applikabbli, tal-anqas 40 % tal-membri tal-kumitat ristrett.”;

(5)fl-Artikolu 7(1), it-tieni inċiż huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“— fejn l-ewwel laqgħa tal-korp speċjali għan-negozjar ma titlaqqax fi żmien 6 xhur wara talba skont l-Artikolu 5(1),”;

(6)L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8 L-għoti ta’ informazzjoni b’mod kunfidenzjali

1.    L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar, tal-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jew tar-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, u kwalunkwe espert li jassistihom, ma jkunux awtorizzati jiżvelaw informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom b’mod espliċitu u kunfidenzjali mit-tmexxija ċentrali. Barra minn hekk, it-tmexxija ċentrali tista’ tistabbilixxi arranġamenti adegwati għat-trażmissjoni u l-ħżin ta’ informazzjoni li jgħinu sabiex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni pprovduta b’mod kunfidenzjali.

2.    Meta t-tmexxija ċentrali tipprovdi informazzjoni b’mod kunfidenzjali f’konformità mal-paragrafu 1, għandha tinforma lill-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar jew tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ informazzjoni b’mod kunfidenzjali.

3.    L-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkompli japplika, kull fejn ikunu l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, anke wara l-iskadenza tat-termini tal-kariga tagħhom, sakemm, bi qbil mat-tmexxija ċentrali, il-ġustifikazzjoni pprovduta mit-tmexxija ċentrali titqies li skadiet.”;

(7)jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

Artikolu 8a In-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni għal raġunijiet speċifiċi

1.    L-Istati Membri għandhom jipprevedu, f’każijiet speċifiċi u skont il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li t-tmexxija ċentrali li tinsab fit-territorju tagħhom ma tkunx obbligata tittrażmetti informazzjoni lill-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar jew lill-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, u lil kwalunkwe espert li jassistihom, meta, skont kriterji oġġettivi, in-natura ta’ tali informazzjoni tkun tagħmel ħsara serja lill-funzjonament tal-impriżi kkonċernati.

Stat Membru jista’ jagħmel dik id-dispensa soġġett għall-awtorizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel.

2.    Meta t-tmexxija ċentrali ma tibgħatx informazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tinforma lill-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar jew tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni bir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni.”;

(8)L-Artikoli 9 u 10 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

Artikolu 9 Operat tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni għall-ħaddiema

1.    It-tmexxija ċentrali u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jaħdmu fi spirtu ta’ kooperazzjoni b’kont meħud tad-drittijiet u l-obbligi reċiproki tagħhom.

L-istess għandu japplika għall-kooperazzjoni bejn it-tmexxija ċentrali u r-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni għall-ħaddiema.

2.    L-informazzjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali għandha tingħata f’dak iż-żmien, b’tali mod u b’tali kontenut li jkunu xierqa biex ir-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu jwettqu valutazzjoni fil-fond tal-impatt possibbli tagħhom u, fejn xieraq, iħejju għal konsultazzjonijiet mal-organu kompetenti tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja.

3.    Il-konsultazzjoni għandha ssir f’tali ħin, b’tali mod u b’tali kontenut li tippermetti lir-rappreżentanti tal-impjegati jesprimu opinjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni u abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-maniġment, u fi żmien raġonevoli filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni. Ir-rappreżentanti tal-impjegati għandhom ikunu intitolati għal tweġiba mmotivata bil-miktub mit-tmexxija ċentrali jew kwalunkwe livell ta’ tmexxija aktar xierqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-miżuri inkwistjoni, sakemm ir-rappreżentanti tal-impjegati esprimew l-opinjoni tagħhom fi żmien raġonevoli f’konformità mal-ewwel sentenza.

Article 10 
Rwol u protezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati

1.    Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ korpi jew organizzazzjonijiet oħrajn f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-impjegati, inklużi l-membri tal-korp speċjali għan-negozjar u l-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet ħerġin minn din id-Direttiva, biex jirrappreżentaw kollettivament l-interessi tal-impjegati fl-impriża fuq skala Komunitarja jew fil-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja.

2.    Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 8a, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollhom id-dritt u l-mezzi meħtieġa biex jinformaw lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-istabbilimenti jew tal-impriżi ta’ grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, jew, fin-nuqqas tar-rappreżentanti, lill-forza tax-xogħol bħala korp wieħed, bil-kontenut u bir-riżultat tal-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b’mod partikolari qabel u wara l-laqgħat mat-tmexxija ċentrali.

3.    Il-membri tal-korpi speċjali għan-negozjar, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u r-rappreżentanti tal-impjegati, huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, igawdu minn protezzjoni u garanziji simili ekwivalenti għal dawk previsti għar-rappreżentanti tal-impjegati bil-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż tal-impjieg tagħhom.

Dan għandu japplika b’mod partikolari għall-attendenza fil-laqgħat tal-korpi speċjali għan-negozjar jew tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew f’kull laqgħa oħra fil-qafas tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 6(3), għall-ħlas tal-pagi tal-membri li jkunu parti mill-istaff tal-impriża fuq skala Komunitarja jew ta’ grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja għall-perjodu ta’ assenza meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet tagħhom, kif ukoll għall-protezzjoni kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni jew ta’ tkeċċija.

4.    Safejn ikun hemm bżonn għall-eżerċizzju tad-dmirijiet rappreżentattivi tagħhom f’ambjent internazzjonali, il-membri tal-korp speċjali għan-negozjar u tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jingħataw taħriġ mingħajr ma jitilfu l-paga.

Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 6(2), il-punt (f), il-kostijiet ta’ dan it-taħriġ u spejjeż relatati għandhom jitħallsu mit-tmexxija ċentrali, dment li t-tmexxija ċentrali tkun ġiet informata minn qabel.”;

(9)L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.    L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw li:

(a) ikunu disponibbli proċeduri adegwati li jippermettu li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva jiġu infurzati fil-ħin u b’mod effettiv;

(b) penali li huma effettivi, dissważivi u proporzjonati huma applikabbli f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-obbligi skont l-Artikolu 9(2) u (3), l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet pekunarji, li għandhom jiġu ddeterminati filwaqt li jitqiesu l-kriterji elenkati fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu previsti tipi oħrajn ta’ sanzjonijiet barra minn hekk.

Għall-finijiet tal-punt (b), tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu, meta jiddeterminaw il-penali, il-gravità, id-durata, il-konsegwenzi u n-natura intenzjonata jew negliġenti tar-reat, u fir-rigward ta’ sanzjonijiet pekunarji, anke d-daqs u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża jew tal-grupp li jkun ġie ssanzjonat, u kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.    L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri ta’ appell amministrattivi jew ġudizzjarji li l-membri tal-korp speċjali għan-negozjar, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ir-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu jibdew meta t-tmexxija ċentrali tipprovdi informazzjoni b’mod kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 8 jew ma tibgħatx informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8a.”;

is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Id-durata ta’ dawn il-proċeduri għandu jkun kompatibbli mal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni skont din id-Direttiva.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.    Meta l-Istati Membri jagħmlu l-aċċess għal proċedimenti legali kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni minn qabel ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, dik il-proċedura la għandha tirriżulta f’deċiżjoni li tkun vinkolanti għall-partijiet ikkonċernati, u lanqas ma għandha tippreġudika b’xi mod ieħor id-dritt tagħhom li jressqu proċedimenti legali.”;

(10)fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.    Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet partikolari għat-tmexxija ċentrali tal-impriżi fit-territorju tiegħu li jsegwu direttament u essenzjalment l-għan tal-gwida ideoloġika rigward l-informazzjoni u l-espressjoni tal-opinjonijiet, bil-kondizzjoni li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva dawn id-dispożizzjonijiet partikolari jkunu diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.”;

(11)L-Artikolu 14 huwa mħassar;

(12)jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 14a 
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.    Meta, wara t-traspożizzjoni ta’ [UP: daħħal ir-referenza għal din id-Direttiva emendatorja], ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ftehim dwar proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni konkluż qabel [UP: daħħal id-data minn meta għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu ta’ din id-Direttiva emendatorja] f’konformità mal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 94/45/KE jew mal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Direttiva mhuwiex konformi mal-ebda rekwiżit applikabbli għal dak il-ftehim bħala konsegwenza tal-emendi previsti f’[UP: daħħal ir-referenza għal din id-Direttiva emendatorja], it-tmexxija ċentrali għandha tibda bin-negozjati biex tadatta dak il-ftehim fuq talba bil-miktub minn tal-anqas 100 impjegat jew ir-rappreżentanti tagħhom f’tal-anqas żewġ impriżi jew stabbilimenti f’tal-anqas żewġ Stati Membri differenti. It-tmexxija ċentrali tista’ wkoll tibda b’dawn in-negozjati fuq inizjattiva tagħha stess.

2.    Meta l-ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew il-ftehim dwar proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni jkun fih arranġamenti proċedurali għall-adattament jew għan-negozjar mill-ġdid tiegħu, l-adattament jista’ jiġi nnegozjat skont dawk l-arranġamenti. Inkella, l-adattament għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 flimkien mal-Artikolu 13, it-tieni u t-tielet paragrafi.

3.    Meta proċedura ta’ adattament ma twassalx għal ftehim fi żmien sentejn mid-data tat-talba rispettiva mill-impjegati jew mir-rappreżentanti tagħhom, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fl-Anness I.”;

(13)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [UP: daħħal id-data ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [UP: daħħal id-data ta’ sentejn mid-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Fir-rigward tal-emendi previsti fl-Artikolu 1, il-punt 8, ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa [UP: daħħal id-data fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1] tal-mezzi li bihom il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, il-korpi speċjali għan-negozjar, u r-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 11(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2009/38/KE, kif emendata, iressqu proċedimenti ġudizzjarji, u fejn applikabbli, proċedimenti amministrattivi, fir-rigward tad-drittijiet kollha skont din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).
(2)     COM(2018) 292 final . B’risposta għas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni aġixxiet permezz ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi, inkluż appoġġ finanzjarju għall-proġetti tas-sħab soċjali, billi pproponiet manwal għall-prattikanti tal-EWC, u billi involviet ruħha fi djalogu strutturat mal-Istati Membri dwar l-infurzar.
(3)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2023 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (2019/2183(INL)).
(4)    It-terminu “impriża fuq skala Komunitarja” jibqa’ jintuża għall-finijiet ta’ din il-proposta, minħabba li huwa terminu ddefinit fid-Direttiva 2009/38/KE u ma huwa meħtieġ l-ebda tibdil sostantiv f’dik id-definizzjoni.
(5)    Skont il-premessa 41 tad-Direttiva 2009/38/KE, l-eżenzjonijiet kienu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni li l-ftehimiet fis-seħħ għandhom jitħallew ikomplu jevitaw in-negozjar mill-ġdid obbligatorju tagħhom meta dan ma jkunx meħtieġ.
(6)    Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16). 
(9)    Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).
(10)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22).
(13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25).
(14)    SWD(2024)xxx, it-taqsima 7.4.
(15)    SWD(2018)187, p. 15.
(16)    Il-ħidma fuq il-manwal ġiet sospiża f’April 2019, wara rifjut tal-organizzazzjonijiet tat-trade unions fil-livell tal-UE li jipparteċipaw fi grupp ta’ esperti, li jikkontribwixxu għalih.
(17)    Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri b’enfasi fuq l-infurzar u s-sanzjonijiet fl-2019, filwaqt li fl-2022 tnediet proċedura ta’ ksur dwar is-sistema ta’ infurzar Irlandiża u għadha għaddejja.
(18)    L-Istudju tal-ICF(2023) li jesplora kwistjonijiet u soluzzjonijiet possibbli fir-rigward tat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
(19)    SWD(2024)xxx. Ara l-iskeda tas-sommarju [Link li għandu jiġi pprovdut]
(20)    [Link għall-opinjoni tal-RSB]
(21)    Il-kostijiet medji tan-negozjati mill-ġdid ma setgħux jiġu kkwantifikati b’mod affidabbli. L-evidenza tissuġġerixxi li proċess ta’ negozjar mill-ġdid huwa iqsar mill-proċess għat-twaqqif ta’ EWC ġdid, filwaqt li jista’ jirrikjedi wkoll laqgħat multipli f’każijiet kumplessi. Abbażi tal-evidenza disponibbli, kien possibbli li jiġu mmonetizzati ċerti kostijiet marbuta mal-laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-maniġment u tal-EWC għan-negozjar mill-ġdid ta’ ftehimiet eżistenti (madwar EUR 18 400 għal kull laqgħa).
(22)    Għal aktar spjegazzjonijiet dwar il-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-kostijiet operazzjonali marbuta mal-EWCs, ara p. 30 et seq. u l-Anness 12 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva (SWD…).
(23)    Ara l-Anness 5 tal-valutazzjoni tal-impatt.
(24)    L-EWCs jirrappreżentaw l-impjegati Ewropej ta’ kumpanija multinazzjonali, kemm jekk bi kwartieri ġenerali fl-UE kif ukoll jekk barra minnha. Jekk il-kwartieri ġenerali tal-kumpaniji jkunu jinsabu barra mill-UE, l-EWCs iridu jiġu stabbiliti taħt ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru tal-UE/taż-ŻEE. L-akbar ammont ta’ EWCs jinsabu f’kumpaniji multinazzjonali li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom f’dawn il-pajjiżi: US (170), DE (124), FR (102), UK (92), SE (69), NL (58), CH (48), IT (38), FI (37), BE (36), JP (31).
(25)    Minħabba l-limiti stabbiliti fid-definizzjoni ta’ “impriżi fuq skala Komunitarja” fit-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva, ir-rekwiżiti skont id-Direttiva ma japplikawx għall-SMEs. Għal spjegazzjonijiet għaliex ukoll ma hemm l-ebda impatt indirett prevedibbli fuq l-SMEs ara l-Anness 12, it-taqsima 1 tal-valutazzjoni tal-impatt.
(26)    Filwaqt li l-emenda prevista tar-rekwiżiti sussidjarji biex isiru żewġ laqgħat plenarji annwali minflok waħda tista’ żżid l-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mal-ivvjaġġar għal-laqgħat fiżiċi, l-impatt ambjentali potenzjali ta’ din il-miżura huwa mistenni li jkun insinifikanti, minħabba l-għadd żgħir ta’ EWCs soġġetti għal rekwiżiti sussidjarji. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li fil-ftehimiet tal-EWCs jiġi speċifikat il-format tal-laqgħat jista’ jwassal lis-sħab soċjali biex iqisu l-laqgħat online b’mod aktar sistematiku, li jista’ jwassal għal ċertu ffrankar tal-emissjonijiet. Diġà hija disponibbli possibbiltà li jsiru laqgħat mill-bogħod skont ir-regoli eżistenti jekk il-partijiet jaqblu li jagħmlu dan. Għal spjegazzjoni ddettaljata tar-raġunijiet, ara l-Anness 12, it-taqsima 1 tal-valutazzjoni tal-impatt.
(27)    Ara s-Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju, C-543/17 , ECLI:EU:C:2019:573, il-punt 59
(28)    Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck et, C-158/97 , ECLI:EU:C:2000:163.
(29)    ĠU C , , p. .
(30)    ĠU C , , p. .
(31)    Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/38/oj ).
(32)     COM(2018) 292 final .
(33)    Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2023 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (2019/2183(INL)).
(34)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck et, C-158/97, ECLI:EU:C:2000:163.
(35)    Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/45/oj ).
(36)    Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
(37)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(38)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
Top

Brussell, 24.1.2024

COM(2024) 14 final

ANNESS

tad-

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni

{SEC(2024) 35 final} - {SWD(2024) 9 final} - {SWD(2024) 10 final} - {SWD(2024) 11 final}


ANNESS

L-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE huwa emendat kif ġej:

(1)il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.    Sabiex jinkiseb l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1(1) u fil-każijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 14a, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni u l-kompetenza ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandu jiġi rregolat mir-regoli li ġejjin:”;

(b)fil-punt (a), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-konsultazzjoni għandha ssir b’tali mod li r-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu jiltaqgħu mat-tmexxija ċentrali jew ma’ kwalunkwe livell aktar xieraq ta’ tmexxija. Ir-rappreżentanti tal-impjegati għandhom ikunu intitolati għal tweġiba motivata bil-miktub għal kwalunkwe opinjoni li jistgħu jesprimu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-miżuri inkwistjoni, dment li l-opinjoni tagħhom tkun ġiet espressa fi żmien raġonevoli;”;

(c)il-punt (dd) li ġej jiddaħħal wara l-punt (d):

“(dd)    kemm jista’ jkun, in-nisa weħedhom u l-irġiel weħedhom għandhom jikkostitwixxu b’mod ugwali tal-inqas 40 % tal-membri tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew u tal-membri tal-kumitat ristrett;”;

(2)il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.    Il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandu jkollu d-dritt li jiltaqa’ mat-tmexxija ċentrali darbtejn fis-sena, sabiex jiġi infurmat u kkonsultat, fuq il-bażi ta’ rapport imfassal mit-tmexxija ċentrali, dwar il-progress tal-attività tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp tal-impriżi fuq skala Komunitarja u l-prospettivi tagħhom. Il-korpi lokali ta’ tmexxija għandhom jiġu infurmati skont dan.”;

(3)fil-punt 3, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘‘3    Meta jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali jew deċiżjonijiet li x’aktarx jaffettwaw l-interessi tal-impjegati b’mod konsiderevoli, u l-urġenza ma tippermettix li ssir informazzjoni jew konsultazzjoni fil-laqgħa skedata li jmiss tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, b’mod partikolari fil-każ tal-allokazzjonijiet mill-ġdid, tal-għeluq ta’ stabbilimenti jew ta’ impriżi jew sensji kollettivi, il-kumitat ristrett jew, meta ma jeżisti l-ebda kumitat bħal dan, il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew, għandu jkollu d-dritt li jiġi infurmat fil-ħin. Għandu jkollu d-dritt li jiltaqa’, meta jitlob dan, mat-tmexxija ċentrali, jew ma’ kull livell aktar xieraq ta’ tmexxija fi ħdan l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja bil-poteri li jittieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex jiġi infurmat u kkonsultat.

Dawk il-membri tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew li kienu ġew eletti jew maħtura mill-istabbilimenti u/jew l-impriżi li huma direttament ikkonċernati jew potenzjalment direttament ikkonċernati miċ-ċirkostanzi jew mid-deċiżjonijiet inkwistjoni għandu jkollhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw meta laqgħa tiġi organizzata mal-kumitat ristrett.”;

(4)fil-punt 5, jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

“Tali esperti jistgħu jinkludu rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tat-trade unions rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni. Dawn l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-laqgħat tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew u fil-laqgħat mat-tmexxija ċentrali f’kapaċità konsultattiva, meta l-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jitlob dan. It-tmexxija ċentrali għandha tiġi infurmata minn qabel.”;

(5)il-punt 6 huwa emendat kif ġej:

(a)is-subparagrafu li ġej jiddaħħal bejn it-tielet u r-raba’ subparagrafi:

“L-ispejjeż operatorji tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew għandhom jinkludu spejjeż raġonevoli ta’ assistenza, ta’ rappreżentanza u ta’ proċedimenti legali. L-ispejjeż operatorji għandhom jiġu nnotifikati lit-tmexxija ċentrali qabel ma jiġġarrbu.”;

(b)ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’konformità ma’ dawn il-prinċipji, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli baġitarji li jirrigwardaw il-funzjonament tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.”

Top