Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0366

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu

    COM/2024/366 final

    Brussell, 31.5.2024

    COM(2024) 366 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu


    1.Introduzzjoni

    L-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment (jew il-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment/CBI, komunement magħrufa wkoll bħala “passaporti tad-deheb”) immexxija minn pajjiżi terzi b’aċċess mingħajr viża għall-UE jippreżentaw għadd ta’ riskji potenzjali għas-sigurtà għall-UE u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, dawn l-iskemi jistgħu jintużaw biex tiġi evitata l-proċedura regolari tal-UE dwar il-viża għal soġġorn qasir u l-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u tas-sigurtà individwali li tinvolvi, inkluża l-evażjoni possibbli tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 1 . Dan huwa partikolarment problematiku peress li l-passaporti maħruġa lill-benefiċjarji ta’ skemi bħal dawn ma jistgħux jiġu differenzjati minn passaporti ordinarji oħra.  

    Il-Kummissjoni kienet qed tinvolvi ruħha mal-pajjiżi kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ viża li joperaw skemi ta’ ċittadinanza b’investiment bil-ħsieb li tipprevjeni u timmitiga r-riskji possibbli għas-sigurtà għall-UE 2 . Vanuatu kien l-ewwel – u sa issa, l-uniku – pajjiż li għalih ġie attivat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża, abbażi tar-raġuni ta’ sospensjoni tal-ordni pubbliku u s-sigurtà tar-Regolament (UE) 2018/1806 (ir- “Regolament dwar il-Viża”)  3 .

    Vanuatu huwa elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ilha applikabbli mit-28 ta’ Mejju 2015, meta ġie ffirmat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) 4 u beda japplika.

    Vanuatu ilu jopera l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża jiksbu faċilment iċ-ċittadinanza u l-passaport ta’ Vanuatu sa mill-25 ta’ Mejju 2015, u b’hekk ikunu jistgħu jiksbu aċċess mingħajr viża għall-UE, filwaqt li jevitaw il-proċedura tal-viża ta’ Schengen. Il-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-iskemi taċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu fl-2017, peress li dawn qajmu tħassib serju, fosthom minħabba n-nuqqasijiet fl-iskrinjar tas-sigurtà tal-applikazzjonijiet.

    Abbażi tal-valutazzjoni tad-data u l-informazzjoni rilevanti miġbura, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskemi għall-investituri ta’ Vanuatu ppreżentaw nuqqasijiet serji u fallimenti ta’ sigurtà li kellhom il-potenzjal li joħolqu riskju għas-sigurtà interna tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u attivaw il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Viża.

    Is-sospensjoni ġiet artikolata fi tliet fażijiet, kif spjegat hawn taħt. Dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddeskrivi fid-dettall il-fażijiet differenti tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni u d-djalogu li l-Kummissjoni kellha ma’ Vanuatu. Ir-rapport huwa sottomess f’konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament dwar il-Viża.

    2.Fażi 1 – attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni (l-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament dwar il-Viża)

    Bejn l-2017 u l-2021, il-Kummissjoni kellha għadd ta’ laqgħat u skambji bil-miktub mal-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex tiġbor informazzjoni dwar l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu 5 . F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju u wissiet lill-gvern ta’ Vanuatu dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiġi introdott ir-rekwiżit tal-viża. Dan it-tħassib kien relatat b’mod partikolari ma’:

    ·l-għadd kbir ta’ passaporti maħruġa liċ-ċittadini li altrimenti jkollhom japplikaw għal viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE (aktar minn 10 000 bejn l-2015 u l-2021), b’rata ta’ rifjut baxxa ħafna;

    ·in-nuqqas ta’ kwalunkwe rekwiżit għall-applikanti li jkunu għexu qabel jew saħansitra żaru Vanuatu, peress li l-proċess ta’ applikazzjoni huwa ġestit minn aġenziji speċjalizzati li jinsabu ’l barra minn Vanuatu (eż., f’Dubai, fit-Tajlandja, fil-Malażja, eċċ.,) fejn l-applikant ma għandux għalfejn ikollu kuntatt dirett mal-awtoritajiet ta’ Vanuatu;

    ·in-nuqqas ta’ rekwiżit għal intervista fiżika, li jnaqqas l-opportunitajiet għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivvalutaw kif xieraq lill-applikant jew biex jikkorroboraw l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, inklużi l-veraċità u l-kredibbiltà tagħha;

    ·il-fatt li l-iskemi kienu komunement reklamati bħala mod kif tiġi evitata l-proċedura tal-viża ta’ Schengen u jinkiseb faċilment l-aċċess mingħajr viża għall-UE;

    ·il-fatt li l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati fi skadenzi qosra ħafna, u ma ppermettewx skrinjar xieraq tas-sigurtà u skambju ta’ informazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini jew ir-residenza prinċipali preċedenti tal-applikanti qabel l-għoti taċ-ċittadinanza. Minħabba dan, Vanuatu kien ta ċ-ċittadinanza lil persuni soġġetti għal investigazzjoni kriminali, inklużi persuni elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol 6 ;

    ·il-leġiżlazzjoni laxka dwar it-tibdiliet fl-isem, peress li l-applikanti għaċ-ċittadinanza b’investiment li kisbu ċ-ċittadinanza jistgħu japplikaw ukoll għal tibdil fl-identità.

    Barra minn hekk, Vanuatu huwa kklassifikat ukoll bħala pajjiż li potenzjalment joħloq riskju għoli għall-integrità tal-Istandard Komuni ta’ Rappurtar mill-OECD, u dan iqajjem suspett ta’ evażjoni tat-taxxa u attivitajiet ta’ ħasil tal-flus possibbli  7

    Peress li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu fl-iskambji msemmija hawn fuq ma kinux biżżejjed biex itaffu dak it-tħassib, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-riskju akbar għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna marbut maċ-ċittadini ta’ Vanuatu li kisbu ċ-ċittadinanza skont l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, jista’ jittaffa biss permezz ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża.

    Għal dan l-għan, fit-12 ta’ Jannar 2022 il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill 8 li tissospendi parzjalment il-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża ma’ Vanuatu. Id-Deċiżjoni ġiet adottata mill-Kunsill 9 fit-3 ta’ Marzu 2022.

    B’mod parallel, fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat regolament ta’ implimentazzjoni 10 li għandu l-effett li jattiva l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Viża, għall-ewwel perjodu ta’ 9 xhur(mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023).

    Wara l-attivazzjoni tas-sospensjoni, u f’konformità mal-Artikolu 8(6), l-aħħar subparagrafu tar-Regolament dwar il-Viża, il-Kummissjoni daħlet fi djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu, bil-ħsieb li tidentifika soluzzjonijiet xierqa li jistgħu jirrimedjaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża.

    Fil-laqgħa introduttiva tad-djalogu, nhar it-12 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni esprimiet ir-rieda tagħha li ssib soluzzjoni u, għal dan l-għan, ipproponiet li jsiru laqgħat tekniċi ta’ kull xahar. Il-partijiet qablu li l-awtoritajiet ta’ Vanuatu jaħtru punt ta’ kuntatt u jikkomunikawh lill-Kummissjoni, sabiex jipproċedu bil-laqgħat tekniċi sussegwenti. Vanuatu informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Vanuatu li jistabbilixxi Task Force biex tirrieżamina l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment. Ġie miftiehem li l-awtoritajiet ta’ Vanuatu jibagħtu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress imħejji mit-Task Force.

    Madankollu, Vanuatu sussegwentement ma involviex ruħu b’mod sinifikanti. L-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu baqgħu joperaw, u matul din l-ewwel fażi, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu fir-rigward ta’ azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli li għandhom l-għan li jirrimedjaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja.

    3.Fażi 2 – estensjoni tas-sospensjoni (l-Artikolu 8(6)(b) tar-Regolament dwar il-Viża)

    Peress li ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni baqgħu jippersistu, il-Kummissjoni adottat Regolament delegat li jestendi s-sospensjoni għal perjodu ta’ 18-il xahar, sat-3 ta’ Awwissu 2024 11 . Fl-istess ħin, il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar is-sospensjoni sħiħa 12 tal-Ftehim.

    Matul din it-tieni fażi ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu ma’ Vanuatu, b’erba’ laqgħat li saru bejn Frar tal-2023 u April tal-2024, u b’bosta skambji ta’ informazzjoni bil-miktub.

    L-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat saret fil-15 ta’ Frar 2023, fejn il-punt ta’ kuntatt maħtur minn Vanuatu għad-djalogu msaħħaħ, il-Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, informa lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ politika u leġiżlattivi stabbiliti minn Vanuatu biex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni: standards ta’ proċeduri ġodda għall-ġestjoni tal-iskemi, inkluża l-ħatra ta’ Kap tal-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza ġdid; it-tnaqqis u l-iskrutinju aħjar tal-aġenti privati li jimmaniġġjaw l-applikazzjonijiet taċ-ċittadinanza li jwasslu għat-terminazzjoni diretta tal-liċenzja professjonali tagħhom f’każ ta’ prattika ħażina; u l-abbozzar tal-emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza li jintroduċu proċess ta’ skrinjar rigoruż ġdid. F’din l-okkażjoni l-Kummissjoni talbet li tingħata spjegazzjonijiet dettaljati ta’ dawn il-miżuri u kif se jindirizzaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni.

    Fl-4 ta’ April 2023, Vanuatu ppreżenta lill-Kummissjoni l-Att Emendatorju dwar iċ-Ċittadinanza, adottat fil-21 ta’ Marzu 2023. In-novità ewlenija introdotta b’din il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija s-sostituzzjoni tal-istituzzjonijiet u l-proċeduri għall-iskrinjar u l-kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-applikazzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kumitat għall-Iskrinjar Intern preċedenti maħtur mill-Prim Ministru ġie sostitwit minn tliet istituzzjonijiet: il-Korp tal-Pulizija ta’ Vanuatu, l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u s-Servizzi tal-Immigrazzjoni ta’ Vanuatu. Dawk l-istituzzjonijiet iwettqu l-kontrolli, inkluż fuq il-bażijiet tad-data tal-Interpol, u jirrapportaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza. Dan il-proċess ġdid jinkludi l-projbizzjoni awtomatika tal-applikanti li isimhom jikkorrispondi għal hit fil-bażi tad-data tal-Interpol, l-esklużjoni ta’ applikazzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini f’pajjiżi mqiegħda fil-lista ta’ sanzjonijiet tan-NU, u l-estensjoni tal-proċess ta’ skrutinju għal perjodu ta’ 14-il jum sa massimu ta’ 30 jum. Madankollu, Vanuatu ma ressaq l-ebda dokument ta’ akkumpanjament biex jispjega l-bidliet leġiżlattivi u kif dawn se jindirizzaw iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni.

    Fit-13 ta’ Lulju 2023, saret it-tieni laqgħa ta’ din il-fażi, li matulha l-Kummissjoni esprimiet lir-rappreżentanti ta’ Vanuatu l-ħtieġa li jirċievu spjegazzjoni dettaljata tal-Att Emendatorju dwar iċ-Ċittadinanza msemmi hawn fuq. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-bidliet leġiżlattivi, speċjalment fir-rigward tal-metodoloġija użata għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet li ma indirizzatx biżżejjed il-kwistjonijiet identifikati bħala riskji għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, bħan-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti dwar ir-rekords kriminali u l-oriġini tal-fondi.

    Fil-5 ta’ Diċembru 2023, saret it-tielet laqgħa. Vanuatu kien irrappreżentat minn Punt ta’ Kuntatt li għadu kif inħatar, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza ta’ Vanuatu. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ddispjaċiha li ż-żmien twil ta’ reazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Vanuatu għat-talbiet tal-Kummissjoni għall-informazzjoni kien qed inaqqas ir-ritmu tad-djalogu, u fakkret fl-iskadenza legali li qed toqrob stabbilita permezz tal-proċedura ta’ sospensjoni tat-3 ta’ Awwissu 2024. Għalhekk, Vanuatu ġie mistieden juża l-ġimgħat ta’ wara biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa u l-ispjegazzjoni dwar il-bidliet politiċi u leġiżlattivi, biex il-Kummissjoni tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha.

    Wara l-laqgħa, intbagħtet lista ta’ mistoqsijiet ta’ segwitu lil Vanuatu fil-15 ta’ Diċembru 2023 bi skadenza ta’ xahar, li għaliha Vanuatu wieġeb biss fit-22 ta’ Marzu 2024, bi tweġibiet li naqsu milli jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni b’mod konvinċenti.

    Il-Kummissjoni infurmat ukoll lil Vanuatu dwar il-proposta li għadha kif ġiet adottata dwar ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni 13 , li tintroduċi l-operat tal-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment bħala raġuni awtonoma ġdida ta’ sospensjoni, u dwar il-proċess leġiżlattiv li għaddej.

    Ir-raba’ u l-aħħar laqgħa ta’ din il-fażi saret fil-5 ta’ April 2024 bejn il-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza ta’ Vanuatu. Il-Kummissjoni stiednet lil Vanuatu biex jiċċara u jelabora dwar it-tweġibiet imressqa fit-22 ta’ Marzu 2024 rigward il-proċedura ta’ skrinjar u skrutinju, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet involuti fl-iskemi, u l-impatt tas-sospensjoni fuq l-applikazzjonijiet taċ-ċittadinanza fl-2022 u fl-2023. It-tħassib eżistenti ma ġiex indirizzat b’mod adegwat u diversi inkonsistenzi fattwali u statistiċi fid-data pprovduta qabel lill-Kummissjoni baqgħu mingħajr tweġiba (ara l-punt ii taħt “Fażi 3” hawn taħt). F’dak il-punt, il-Kummissjoni ġiet infurmata mir-rappreżentanti ta’ Vanuatu li l-possibbiltajiet għall-skambji fil-livell tekniku kienu ġew eżawriti u li Vanuatu kien se jikkunsidra li jilħaq lill-Kummissjoni fil-livell politiku.

    4.Fażi 3 – Valutazzjoni finali tal-Kummissjoni u proposta biex tintemm l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża (l-Artikolu 8(7) tar-Regolament dwar il-Viża) 

    Kif stabbilit fl-Artikolu 8(7) tar-Regolament dwar il-Viża, qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tal-att delegat, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-valutazzjoni finali tagħha, li jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mil-lista ta’ pajjiżi mingħajr il-ħtieġa ta’ viża għal-lista ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża.

    Dan ir-rapport huwa ppreżentat f’konformità ma’ dan ir-rekwiżit, bil-valutazzjoni finali tal-Kummissjoni ppreżentata fid-dettall hawn taħt.

    I.Dipendenza ekonomika fuq l-iskemi

    Qabel is-sospensjoni, l-ekonomija ta’ Vanuatu kienet tiddependi ħafna fuq id-dħul iġġenerat mill-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment (jiġifieri 33 % tad-dħul totali fl-2020 u fl-2021, 14 jew 12,3 % tal-PDG fl-2020 u 10,2 % fl-2021). L-introduzzjoni tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, fl-2022, wasslet għal tnaqqis ta’ 27 % fid-dħul miġbur taħt l-iskemi( 15 ) li wassal biex l-iskemi jammontaw għal madwar nofs dak li kienu jammontaw għalih fl-2021 f’termini ta’ PDG, jiġifieri, 5,3 % fl-2022 u 5,5 % fl-2023.

    II.Statistika: applikazzjonijiet riċevuti, passaporti maħruġa, u rata ta’ rifjut

    L-istatistika turi għadd kbir ta’ applikanti aċċettati, bil-maġġoranza l-kbira minn nazzjonalitajiet li altrimenti jkunu jeħtieġu viża biex jidħlu fl-UE. It-Tabella 1 hawn taħt turi l-istatistika li waslet mingħand l-awtoritajiet ta’ Vanuatu dwar il-perjodu mill-2015 sal-2021.

    Statistika mill-2015 sal-2021

    Total ta’ applikazzjonijiet riċevuti

    14 504 bejn l-2015 u l-2021

    Għadd totali ta’ ċittadinanzi mogħtija

    13 489 bejn l-2015 u l-2021

    Total ta’ passaporti maħruġa

    10 524 bejn l-2015 u l-2021

    Rifjuti/ċittadinanza revokata

    1 015 (Rata ~ 9,6 %) bejn l-2015 u l-2021

    Applikanti aċċettati – nazzjonalitajiet ewlenin

    Iċ-Ċina (6 628), in-Niġerja (430), il-Libja (292), l-Iraq (276),

    Is-Sirja (276), ir-Russja (247), il-Libanu (222), l-Iran (154),

    Ir-Repubblika tal-Korea (88), il-Jemen (74), is-Sudan (29)

    Tabella 1: L-istatistika ta’ Vanuatu ppreżentata f’Jannar tal-2022 relatata mal-perjodu bejn l-2015 u l-2021

    Madankollu, hemm bosta inkonsistenzi fid-data ppreżentata minn Vanuatu lill-Kummissjoni matul is-snin.

    L-istatistika dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet aċċettati turi diskrepanzi. Id-data riċevuta mingħand Vanuatu fl-2020 indikat madwar 4 000 bħala l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet aċċettati għall-perjodu bejn l-2015 u Awwissu tal-2020, filwaqt li l-istatistika mill-2022 msemmija hawn fuq tindika total ta’ madwar 13 500 ċittadinanza mogħtija. Bl-istess mod, l-għadd ta’ applikazzjonijiet miċħuda u revokati pprovduti fl-2022 (1 015) huwa differenti mill-istatistika preċedenti (sottomessa fl-2020), li indikat li l-għadd ta’ applikazzjonijiet miċħuda għall-perjodu bejn l-2015 u Awwissu tal-2020 kien wieħed biss, filwaqt li 15-il ċittadinanza mogħtija ġew sussegwentement revokati.

    Fir-rigward tal-istatistika li tikkonċerna s-snin mill-2021 sal-2023, Vanuatu pprovda settijiet differenti ta’ data fi tliet okkażjonijiet differenti. Fit-12 ta’ Lulju 2023, Vanuatu indika l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet li waslu fl-2022 bħala 682 u l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet li waslu fl-ewwel 6 xhur tal-2023 bħala 676. Fit-23 ta’ Ottubru 2023, Vanuatu pprovda data li dehret li turi li l-għadd ta’ applikanti aċċettati naqas drastikament fl-aħħar 3 snin meta mqabbel mas-snin preċedenti: (144 fl-2021, 127 fl-2022, 130 fl-2023). Madankollu, fit-23 ta’ Marzu 2024, wara d-diversi talbiet tal-Kummissjoni biex jipprovdi statistika ċara u konsistenti, Vanuatu bagħat sett differenti ieħor ta’ data, li jindika 1 072 applikazzjoni totali li waslu fl-2021, 875 fl-2022, u 1 113 fl-2023, b’ 4, 5 u 22 rifjut rispettivament.

    Dawn l-inkonsistenzi, minbarra li jagħmlu d-data pprovduta diffiċli biex tiġi vvalutata u mqabbla, jindikaw ukoll nuqqas ġenerali ta’ affidabbiltà fil-proċess ta’ kontroll intern tal-iskemi mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Vanuatu.

    III.Emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza

    F’Marzu tal-2023, Vanuatu introduċa emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza tiegħu 16 , bl-għan li jittaffew ir-riskji identifikati mill-Kummissjoni. Il-bidliet ewlenin introdotti huma dawn li ġejjin:

    -L-iskrinjar tal-applikazzjonijiet u l-kontrolli tad-diliġenza dovuta issa qed jitwettqu minn tliet istituzzjonijiet: i) Il-Korp tal-Pulizija ta’ Vanuatu, ii) l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) u iii) s-Servizzi tal-Immigrazzjoni li jirreferu għas-Segretarju Ġenerali u jissostitwixxu l-Kumitat għall-Iskrinjar Intern maħtur mill-Prim Ministru 17 ;

    -L-applikazzjonijiet mill-applikanti elenkati fil-bażi tad-data tal-Interpol huma rrifjutati;

    -It-tul tal-proċedura ta’ skrinjar mit-tliet istituzzjonijiet ma għandux jieħu aktar minn 14-il jum u, fi kwalunkwe każ, jekk ikun meħtieġ aktar żmien, ma għandux jieħu aktar minn 30 jum;

    -L-applikazzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini minn lista ta’ “pajjiżi ristretti” jew pajjiżi inklużi fil-listi ta’ sanzjonijiet (mhux speċifikati) tan-NU huma injorati;

    -L-iskadenza għal deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata ċ-ċittadinanza mill-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza hija stabbilita għal 3 xhur.

    L-impatt li kellhom dawn il-bidliet bil-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni huwa indirizzat fit-taqsimiet ta’ hawn taħt.

    IV.Nazzjonalitajiet sensittivi u pprojbiti

    Kif muri fit-Tabella 1, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti aċċettati jinkludu l-aktar il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.

    Fl-2023, Vanuatu introduċa bidla leġiżlattiva bil-għan li din tirrestrinġi l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ xi pajjiżi li japplikaw għaċ-ċittadinanza tiegħu. B’mod partikolari, l-Att emendat dwar iċ-Ċittadinanza jistabbilixxi li l-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza ma għandhiex taċċetta applikazzjoni jekk dak l-applikant huwa resident jew ċittadin ta’ pajjiż li ġie elenkat mill-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza bħala pajjiż ristrett jew elenkat taħt lista mhux speċifikata ta’ pajjiżi sanzjonati min-Nazzjonijiet Uniti (bħall-Jemen, is-Sirja, is-Sudan, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran) 18 , sakemm l-applikanti ma jurux li ma kinux residenti fil-pajjiż ristrett għall-aħħar 5 snin u jipprovdu evidenza ta’ residenza permanenti barra mill-pajjiż. Peress li r-Russja u l-Belarussja mhumiex parti minn dawn il-listi, Vanuatu kompla jaċċetta applikanti Russi u Belarussi anke wara l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. 

    V.Tariffi

    Skont l-aħħar informazzjoni pprovduta, bħalissa hemm erba’ opzjonijiet ta’ investiment disponibbli f’Vanuatu 19 . L-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu huma fost l-irħas fid-dinja għal investituri individwali u l-familji (it-tariffa għal applikant wieħed tammonta għal USD 130 000). It-tariffa għal kull persuna tonqos sew skont in-numru ta’ applikanti taħt l-istess applikazzjoni (USD 180 000 għal koppja miżżewġa b’żewġt itfal).  20  

    Matul id-djalogu, Vanuatu ma wera l-ebda intenzjoni konkreta li jżid it-tariffi tal-investiment bħala mod possibbli biex jitnaqqas l-għadd ta’ ċittadinanzi mogħtija.

    VI.Rekwiżiti ta’ residenza

    Ir-residenza jew il-preżenza fiżika f’Vanuatu mhijiex meħtieġa qabel ma tingħata ċ-ċittadinanza, jew anke matul il-proċess tal-applikazzjoni. F’Marzu 2024, Vanuatu informa lill-Kummissjoni dwar diskussjonijiet interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa biex “jindirizza” l-kwistjoni tar-rekwiżiti ta’ residenza. Madankollu, ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni ulterjuri dwar il-kontenut u l-iskeda ta’ żmien tal-emendi leġiżlattivi possibbli.

    VII.Proċess tal-applikazzjoni

    Il-programm huwa amministrat mill-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza. L-Uffiċċju la jinteraġixxi mal-applikanti u lanqas mal-pajjiż ta’ oriġini. L-investituri interessati jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom permezz ta’ aġenti maħtura, li huma unikament responsabbli għall-interazzjoni kollha mal-applikanti. L-aġenti jridu jkunu ċittadini ta’ Vanuatu (iċ-ċittadinanza ma għandhiex tinkiseb permezz tal-iskemi għall-investituri) u jkollhom l-indirizz irreġistrat ewlieni tagħhom f’Port Vila, Vanuatu. Huma meħtieġa li ma jbigħux inqas jew aktar mill-prezz stabbilit bil-liġi, u ma jiġux remunerati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-iskemi. Vanuatu pprovda lill-Kummissjoni lista ta’ 71 aġent maħtur. F’April tal-2024, is-sit web uffiċjali tal-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza ta’ Vanuatu inkluda lista ta’ 60 aġent maħtur 21 .

    L-aġenti huma responsabbli wkoll għall-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-iskemi. Ħafna minnhom, fuq is-siti web tagħhom, kienu qed jippromwovu l-iskemi ta’ Vanuatu bħala li jippermettu d-dħul mingħajr viża fl-UE, bħala li jipprovdu proċess ta’ applikazzjoni aktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ skemi oħra, u semmew b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-isem jinbidel wara li tinkiseb iċ-ċittadinanza. L-aġenti jipparteċipaw parzjalment fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. Huma jwettqu l-ewwel stadju tal-kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-applikazzjonijiet qabel ma jissottomettuhom lill-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza, li mbagħad jittrażmettihom lit-tliet istituzzjonijiet għall-approvazzjoni u l-kontrolli tad-diliġenza dovuta. 

    VIII.Proċeduri ta’ skrinjar/skrutinju

    Wara li jirċievi l-applikazzjonijiet mill-aġenti, l-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza jivverifika d-dokumenti ta’ kull applikant ma’ lista ta’ kontroll qabel ma jiġu sottomessi lill-korp deċiżjonali (il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza).

    Kif imsemmi hawn fuq, fl-2023 Vanuatu adotta għadd ta’ bidliet leġiżlattivi, għalkemm naqas milli jipprovdi prova sodisfaċenti li dawn il-bidliet qed jiġu implimentati u huma biżżejjed biex itaffu r-riskji għas-sigurtà tal-iskemi għall-investituri tiegħu. Kif imsemmi hawn fuq, l-emendi jintroduċu proċess ta’ skrinjar ġdid, b’Kumitat għall-Iskrinjar li jikkonsisti minn tliet istituzzjonijiet: i) Il-Korp tal-Pulizija ta’ Vanuatu, ii) l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) u iii) s-Servizzi tal-Immigrazzjoni, li fost l-oħrajn jivverifikaw id-dettalji tal-applikanti mal-Interpol u ma’ bażijiet tad-data internazzjonali oħra. Il-proċess ta’ skrutinju huwa estiż ukoll għal perjodu minn 14-il jum sa massimu ta’ 30 jum.

    Filwaqt li minn naħa waħda din il-proċedura l-ġdida tidher li timmitiga r-riskju li tingħata ċ-ċittadinanza lil persuni li huma elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, min-naħa l-oħra ma tinkludix elementi oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat b’mod xieraq in-nuqqas ta’ riskji għas-sigurtà tal-applikanti. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda mezz adegwat għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivverifikaw il-veraċità tad-dokumenti maħruġa mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikant, inklużi dokumenti tal-identità u rekords kriminali, peress li dawn l-awtoritajiet ma jiskambjaw l-ebda informazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikanti.

    Matul id-djalogu, Vanuatu indika biss ir-referenzi għall-bidliet leġiżlattivi, mingħajr ma pprovda spjegazzjoni u informazzjoni suffiċjenti ta’ akkumpanjament dwar l-affidabbiltà u r-robustezza ta’ dan il-proċess ta’ skrinjar. Għalhekk, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tivvaluta jekk ir-riskji għas-sigurtà mmarkati fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni ġewx mitigati b’dawn il-bidliet.

    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi terzi oħra li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment, Vanuatu ma jidhirx li jiddependi fuq kumpaniji internazzjonali tad-diliġenza dovuta għall-iskrinjar tal-identità, tar-reputazzjoni u tas-sigurtà. Dan, flimkien mal-fatt li l-awtoritajiet ta’ Vanuatu ma għandhom l-ebda kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti, jagħmilha improbabbli ħafna li Vanuatu jkun jista’ jivvaluta bir-reqqa l-awtentiċità u l-veraċità tad-dokumenti u l-informazzjoni tal-applikanti.

    IX.Bidla fl-isem

    Qabel l-2021, il-persuni li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu permezz ta’ programm taċ-ċittadinanza b’investiment sussegwentement setgħu japplikaw ukoll għal bidla fl-identità f’Vanuatu. Matul id-djalogu, Vanuatu informa lill-Kummissjoni li fl-2021 il-leġiżlazzjoni rilevanti, l-Att 28 dwar ir-Reġistrazzjoni Ċivili tal-2021 skont l-Artikolu 24 (1A) ġie emendat dment li l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja ma setax ikollhom bidla fl-isem irreġistrat f’Vanuatu. Madankollu, Vanuatu informa wkoll lill-Kummissjoni li ma għandu l-ebda rekord tal-bidliet fl-ismijiet li ġew irreġistrati sal-2019, u għalhekk ma seta’ jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza permezz ta’ investiment u sussegwentement biddlu isimhom, jew dwar kwalunkwe kontroll ta’ segwitu fuq dawk il-persuni.

    X.Kummissjoni ta’ Inkjesta – rieżami tal-passaporti mogħtija skont il-proċess ta’ skrinjar preċedenti

    Fi Frar tal-2023, Vanuatu stabbilixxa Kummissjoni dwar l-Inkjesta inkarigata li tinvestiga kwalunkwe allegat nuqqas imwettaq matul l-operat tal-iskemi minn meta kienu stabbiliti. F’April tal-2024, Vanuatu informa li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inkjesta kienet għadha għaddejja u li ma setgħetx tipprovdi data ċara għall-preżentazzjoni tas-sejbiet tagħha.

    Barra minn hekk, Vanuatu ma implimenta l-ebda mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ex post strutturali biex jindirizza l-lakuni tas-sigurtà potenzjali ta’ aktar minn 10 000 passaport maħruġ qabel il-bidla fil-leġiżlazzjoni u allegatament proċedura ta’ skrinjar aktar robusta. Filwaqt li Vanuatu informa lill-Kummissjoni li, abbażi tal-ġurisprudenza, huwa possibbli li tiġi revokata ċ-ċittadinanza meta din tkun inkisbet bi frodi jew kontra l-liġi, ma pprovdiex informazzjoni dwar każijiet attwali ta’ revoka taċ-ċittadinanza miksuba permezz tal-iskemi għall-investituri. Xorta jibqa’ l-fatt li l-volum eżistenti ta’ passaporti maħruġa taħt l-iskema taċ-ċittadinanza sa mill-2015, taħt l-istess kundizzjonijiet li għamlu possibbli l-ħruġ tal-passaporti lil individwi li ma kellhomx jingħataw iċ-ċittadinanza minħabba l-elenkar tagħhom fl-Interpol u l-applikazzjonijiet iffalsifikati jkomplu jikkostitwixxu riskju jew theddida potenzjali għas-sigurtà tal-Istati Membri.

    5.Konklużjoni

    Fid-dawl tal-valutazzjoni aġġornata ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Vanuatu ma pprovdiex rimedji sodisfaċenti għaċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża. B’mod partikolari, il-kwalità tat-tweġibiet għat-talbiet tal-Kummissjoni u d-diversi inkonsistenzi fid-data pprovduta, kif ukoll in-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet suffiċjenti rigward il-leġiżlazzjoni l-ġdida u l-implimentazzjoni tagħha, wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-operat minn Vanuatu tal-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ikompli joħloq riskji sostanzjali għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna tal-Istati Membri jekk id-detenturi tal-passaporti ta’ Vanuatu jkunu jistgħu jerġgħu jibdew l-ivvjaġġar mingħajr il-ħtieġa ta’ viża lejn l-UE.

    Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament dwar il-Viża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi emenda għal dak ir-Regolament, li tittrasferixxi lil Vanuatu mil-lista ta’ pajjiżi eżentati mill-ħtieġa ta’ viża għal-lista ta’ pajjiżi li jeħtieġu viża 22 . Sabiex jingħata ż-żmien meħtieġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jeżaminaw il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni estendiet ukoll il-perjodu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża b’6 xhur 23 , sat-3 ta’ Frar 2025.

    (1)

         Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta’ Jannar 2019 dwar l-Iskemi ta’ Ċittadinanza u ta’ Residenza b’Investiment fl-Unjoni Ewropea (COM(2019) 12 final), p. 23.

    (2)

         Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Is-Sitt Rapport skont il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, COM(2023) 730 final.

    (3)

       Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

    (4)

       Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal soġġorn qasir (ĠU L173, 3.7.2015, p. 48).

    (5)

         Kif spjegat fid-dettall fil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, COM(2022) 6 final.

    (6)

         B’mod partikolari, f’Lulju tal-2019, il-Kummissjoni saret taf li l-applikanti kienu ngħataw iċ-ċittadinanza taħt l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu minkejja li kienu elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol u li xi applikanti kienu ppreżentaw dokumenti ffalsifikati (b’mod partikolari rekords kriminali nodfa ffalsifikati) li l-awtoritajiet rilevanti ta’ Vanuatu naqsu milli jidentifikaw.

       

    (7)

        https://www.oecd.org/tax/automatic-exchange/crs-implementation-and-assistance/residence-citizenship-by-investment/  

    (8)

         Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (COM/2022/6 final).

    (9)

         Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105).

    (10)

         Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18). 

    (11)

         Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/222 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 1).

    (12)

         Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2198 tat-8 ta’ Novembru 2022 dwar is-sospensjoni intera tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (ĠU L 292, 11.11.2022, p. 47).

    (13)

         Il-Proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, COM/2023/642 final.

    (14)

        Vanuatu: L-Artikolu IV tal-Istqarrija għall-Istampa ta’ Konsultazzjoni, 2023; Rapport tal-Persunal; u Dikjarazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv għal Vanuatu (imf.org) , il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-Rapport tal-Pajjiż Nru 23/115, Marzu tal-2023

    (15)

        Ibid.

    (16)

         L-Emenda Nru 1 tal-2023 għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza(KAP 112), ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika ta’ Vanuatu fil-21 ta’ Marzu 2023.

    (17)

       Il-Kumitat għall-Iskrinjar Intern kien jikkonsisti mis-Segretarju Ġenerali bħala l-President, l-Uffiċjal għall-Konformità tal-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza; id-Direttur tas-Servizzi tal-Immigrazzjoni, l-Uffiċjal Prinċipali tal-Passaporti, uffiċjal legali wieħed mill-Uffiċċju għal-Liġi tal-Istat innominati mill-Avukat Ġenerali u Uffiċjal tal-Pulizija nnominat mill-Kummissarju tal-Pulizija.

    (18)

         Skont l-istatistika pprovduta mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu għall-perjodu bejn l-2016 u l-2021, iċ-ċittadini mill-ħames pajjiżi ristretti applikaw u kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu. Is-Sirja (276), l-Iran (154), ir-Repubblika tal-Korea (88), il-Jemen (74) is-Sudan (29).

    (19)

         Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Iżvilupp (DSP, Development Support Program), il-Programm Kontributorju ta’ Vanuatu (VCP, Vanuatu Contribution Program), il-Pjan ta’ Immigrazzjoni b’Investiment Kapitali (CIIP, Capital Investment Immigration Plan), il-Programm ta’ Opzjoni fuq il-Proprjetà Immobbli (REO, Real Estate Option).

    (20)

          https://vancitizenship.gov.vu/index.php/citizenship/fees-and-charges  

    (21)

        https://vancitizenship.gov.vu/index.php/about-us/designated-agents

    (22)

         Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward ta’ Vanuatu, COM (2024) 365.

    (23)

         Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE).../... li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tal-estensjoni tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu, C (2024) 3650.

    Top