This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023XE0911
Resolution of the European Economic and Social Committee on ‘Ukraine: One year after the Russian invasion — the European civil society perspective’
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ukrajna: Sena wara l-invażjoni Russa — il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea”
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ukrajna: Sena wara l-invażjoni Russa — il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea”
EESC 2023/00911
ĠU C 146, 27.4.2023, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ukrajna: Sena wara l-invażjoni Russa — il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea”
(2023/C 146/01)
Relaturi: |
Stefano MALLIA Oliver RÖPKE Séamus BOLAND |
Bażi legali |
Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura |
Adozzjoni fil-plenarja |
23.2.2023 |
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
160/1/4 |
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW (KESE),
Dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE
1. |
jirrimarka li l-Ukreni qed ikomplu jitilfu ħajjithom biex jiddefendu d-demokrazija u d-determinazzjoni tal-pajjiż li jsir Stat Membru tal-UE għandha tiġi rikonoxxuta b’mod tanġibbli u sinifikanti; |
2. |
jissottolinja li t-tkabbir huwa proċess ta’ benefiċċju reċiproku peress li jikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-UE, isaħħaħ il-pożizzjoni ġeopolitika tagħha, jippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha (1) u jġib benefiċċji għal kulħadd permezz ta’ suq uniku akbar, filwaqt li fl-istess ħin il-proċess ta’ tkabbir se jappoġġja lill-Ukrajna biex issaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; |
3. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun maqgħuda fir-rigward tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna u jissuġġerixxi li jiġi segwit l-eżempju ta’ pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Lvant li ssieħbu mal-UE bejn l-2004 u l-2013. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma dwar l-integrazzjoni tal-euro taħt l-awspiċi tal-ministeri rispettivi, fejn l-uffiċjali jingħataw taħriġ dwar l-armonizzazzjoni mal-istandards, in-normi, il-proċeduri u l-acquis tal-UE b’mod ġenerali; |
4. |
jinnota li filwaqt li l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE jrid jiġi rispettat, huwa ċar li l-proċess ta’ adeżjoni mal-Ukrajna (bl-istess mod tal-pajjiżi kandidati kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant) irid jitwettaq bl-aktar mod prattiku u abbażi tal-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE. |
Dwar tribunal internazzjonali speċjali dwar delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa
5. |
jappoġġja bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tappella biex jiġi stabbilit tribunal internazzjonali speċjali għad-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (2). Tribunal bħal dan għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u n-NU. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-UE biex tmexxi l-assistenza internazzjonali fl-investigazzjoni tad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju; |
6. |
jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Ir-Rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala sponsor statali tat-terroriżmu” (3) u jilqa’, b’mod partikolari, il-klawżola li titlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw qafas legali tal-UE għad-deżinjazzjoni ta’ stati li jisponsorizzaw it-terroriżmu u stati li jużaw mezzi ta’ terroriżmu. L-implimentazzjoni ta’ qafas legali bħal dan tal-UE għandha tirriżulta f’miżuri ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali restrittivi sinifikanti kontra dawn il-pajjiżi; |
7. |
jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta li l-Grupp Wagner jiġi inkluż fil-lista ta’ terroristi tal-UE; |
Dwar il-prevenzjoni tal-“għeja tal-Ukrajna”
8. |
jenfasizza li jekk l-Ukrajna titlef il-gwerra kontra r-Russja, dan ikun katastrofiku għad-demokrazija madwar id-dinja. L-UE trid tagħmel dak kollu li huwa possibbli biex tipprevjeni “l-għeja tal-Ukrajna”. L-UE stess hija proġett ta’ paċi u għandha l-obbligu morali li tappoġġja lill-Ukrajna għat-tul ta’ żmien meħtieġ u b’dak kollu li hemm bżonn, inklużi l-għajnuna umanitarja u l-infrastruttura; |
Dwar ir-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Ukrajna
9. |
jirrimarka li l-UE diġà teħtieġ minn issa tfassal pjani u għodod meħtieġa għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Il-Pjattaforma b’Diversi Aġenziji għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi hija sinjal qawwi li l-komunità internazzjonali tappoġġja u ser tkompli tappoġġja lill-Ukrajna, iżda minbarra l-enfasi tagħha fuq l-assistenza fuq terminu qasir, jeħtieġ li tagħti l-istess attenzjoni lir-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna; |
10. |
jissottolinja li l-pjani ta’ rikostruzzjoni u rkupru għas-soċjetà u t-territorju tal-Ukrajna għandhom jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-infurzar tal-liġi tax-xogħol, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u d-dritt għal ambjent tax-xogħol sikur u san, kif ukoll opportunitajiet ta’ taħriġ għal kulħadd; |
11. |
jissottolinja li l-kompitu tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna ser ikun enormi u li minn issa jridu jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex l-Ukreni jkunu jistgħu jerġgħu lura għal ħajja normali malajr kemm jista’ jkun ladarba tintemm il-gwerra u jkunu jistgħu jibnu ekonomija kompetittiva li tħaddan it-tranżizzjoni ekoloġika, dik diġitali u dik ġusta u tiġġenera prosperità għall-Ukreni kollha. Barra minn hekk, dawn il-proċessi għandhom jinkludu appoġġ biex jinħolqu l-impjiegi li l-Ukrajna tilfet minħabba l-invażjoni tar-Russja; |
12. |
jappella sabiex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani ta’ rikostruzzjoni u rkupru. Involviment bħal dan ser jiggarantixxi t-trasparenza u l-ġustizzja u jiżgura li r-riżorsi jintużaw fejn huma l-aktar meħtieġa; |
13. |
ifakkar li l-għajnuna lin-negozji Ukreni, fid-diversità kollha tagħhom, biex jissopravivu fi żminijiet ta’ gwerra u biex jiġu appoġġjati fil-bini tal-bażi għal ekonomija b’saħħitha matul ir-rikostruzzjoni, hija fl-interess reċiproku tal-UE u tal-Ukrajna. Lil hinn mill-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-Programm tas-Suq Uniku, hemm bżonn li l-Ukrajna tingħata aktar aċċess għal programmi ewlenin oħra tal-UE. Huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ kontinwi u mtejba għan-negozji fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien, il-loġistika u l-aċċess għal finanzjament dirett u indirett; |
14. |
jappella sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid id-djalogu soċjali fl-Ukrajna taħt il-liġi marzjali minkejja l-isfidi li jista’ jippreżenta. Id-djalogu soċjali huwa fil-qalba tal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna u ser isir wieħed mill-istrumenti ewlenin fil-konsultazzjonijiet bejn il-gvern, l-impjegaturi u l-ħaddiema dwar kwistjonijiet relatati mal-bini mill-ġdid ekonomiku u soċjali tal-pajjiż; |
15. |
jilqa’ l-ftehimiet tripartitiċi pożittivi dwar ir-riformi tal-liġi tax-xogħol fl-Ukrajna u t-titjib mistenni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-ftehim kollettiv, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti esperti mill-Ukrajna, l-ILO u l-UE fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-garanziji soċjali u tax-xogħol; |
Dwar l-appoġġ lis-soċjetà ċivili u l-kuntatti interpersonali
16. |
ifaħħar is-solidarjetà murija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE u fl-Ukrajna, li taw l-ewwel għajnuna u offrew appoġġ lil dawk li ħarbu mill-gwerra; |
17. |
jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE li jagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili tal-Ukrajna billi jipprovdi finanzjament u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħha fin-networks tas-soċjetà ċivili tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi pprovdut u kkoordinat appoġġ finanzjarju u amministrattiv lill-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna u lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni oħra, inklużi networks umbrella bbażati fi Brussell u organizzazzjonijiet tad-dijaspora Ukreni; |
18. |
jappella sabiex fl-2024 jiġi estiż il-baġit taħt il-programm Erasmus+ għall-Ukrajna biex 1000 benefiċjarju addizzjonali mill-Ukrajna jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programm, u b’hekk jinbnew u jissaħħu l-pontijiet bejn l-UE u s-soċjetà ċivili Ukrena. Opportunitajiet ta’ traineeships u skambji bħal dawn fi ħdan il-KESE u istituzzjonijiet oħra tal-UE jissensibilizzaw liż-żgħażagħ Ukreni dwar il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-integrazzjoni tal-UE. |
Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2023 dwar l-istabbiliment ta’ tribunal għad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (2022/3018(RSP)).
(3) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu (2022/2896(RSP)).