Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0773

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika rigward il-fluss liberu ta’ data

COM/2023/773 final

Brussell, 1.12.2023

COM(2023) 773 final

2023/0451(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika rigward il-fluss liberu ta’ data


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Bid-Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill approva direttivi ta’ negozjati għall-Kummissjoni biex tinnegozja l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika 1 .

Fl-24 ta’ Ottubru 2022, l-UE u l-Ġappun nedew in-negozjati dwar il-flussi transfruntiera tad-data. In-negozjati ġew konklużi fil-prinċipju fit-28 ta’ Ottubru 2023.

L-UE u l-Ġappun huma fost l-akbar ekonomiji diġitali fid-dinja. L-UE tfittex li taċċellera u tisfrutta l-benefiċċji ta’ aktar diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà globali. Il-governanza tad-data u l-flussi transfruntiera tad-data huma kruċjali għal dan l-iżvilupp.

Id-data hija vitali ta’ ħafna negozji u komponent kritiku tal-mudelli tan-negozju u l-ktajjen tal-provvista f’ħafna setturi ekonomiċi. Dan il-ftehim iġib iċ-ċertezza legali tant meħtieġa li l-flussi tad-data bejn l-UE u l-Ġappun mhux se jiġu mxekkla minn miżuri ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati, u jiżgura l-benefiċċju mill-fluss liberu tad-data b’fiduċja f’konformità sħiħa mar-regoli rispettivi tagħna dwar il-protezzjoni tad-data u l-ekonomija diġitali.

L-eżitu tan-negozjati jikkonferma l-impenn kontinwu tal-UE u tal-Ġappun għas-sistema kummerċjali internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u d-determinazzjoni konġunta li jsawru r-regoli globali dwar il-fluss tad-data li jirrispettaw il-valuri kondiviżi u l-approċċi regolatorji rispettivi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Billi taqbel dwar regoli li jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data filwaqt li tippreserva l-awtonomija regolatorja fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Frar 2021 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni 2 .

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Ir-regoli nnegozjati dwar il-flussi transfruntiera tad-data mal-Ġappun jikkomplementaw l-arranġament ta’ adegwatezza reċiproka eżistenti bejn l-UE u l-Ġappun għad-data personali 3 , u huma konformi mal-proposta konsolidata għal dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali 4 il-proposta ssegwi l-istrateġija tal-Kummissjoni stabbilita fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Data, il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 5 u fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali ffirmata b’mod konġunt mill-UE u l-Ġappun 6 .

Fir-rieżami tal-Politika Kummerċjali, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tkompli tindirizza l-ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data filwaqt li tippreserva l-awtonomija regolatorja tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza”. L-istrateġija tal-UE dwar id-Data 7 tiddikjara: “L-UE se tibqa’ tindirizza dawn l-ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data waqt id-diskussjonijiet bilaterali u fil-fora internazzjonali – inkluż mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – filwaqt li se tippromwovi u tipproteġi r-regoli u l-istandards Ewropej tal-ipproċessar tad-data, bi qbil sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE”. Il-flussi tad-data huma identifikati wkoll bħala element importanti tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 8 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika sostantiva hija pprovduta mill-Artikolu 207 tat-TFUE.

Il-Protokoll għall-Emenda se jiġi ffirmat mill-Unjoni wara deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) tat-TFUE u se jiġi konkluż mill-Unjoni wara deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6) tat-TFUE, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-Protokoll għall-Emenda kif ippreżentat lill-Kunsill ma jkopri l-ebda kwistjoni li taqa’ barra mill-kompetenza esklużiva tal-UE.

Proporzjonalità

Il-ftehimiet kummerċjali huma l-mezzi xierqa biex jirregolaw l-aċċess għas-suq u l-oqsma relatati ta’ relazzjonijiet ekonomiċi komprensivi ma’ pajjiż terz barra mill-UE. Ma teżisti l-ebda alternattiva biex tali impenji u sforzi ta’ liberalizzazzjoni jsiru legalment vinkolanti.

Din l-inizjattiva ssegwi direttament l-objettiv tal-Unjoni fl-azzjoni esterna u tikkontribwixxi għall-prijorità politika tal-“UE bħala attur globali aktar b’saħħtu”. Hija f’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Istrateġija Globali tal-UE biex tikkoopera ma’ atturi oħra u biex tagħti spinta lis-sħubijiet esterni tagħha b’mod responsabbli, sabiex jinkisbu l-prijoritajiet esterni tal-UE. Dan jikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista' jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f'din il-proposta.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux rilevanti

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux rilevanti

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, billi tressaq il-proposta konsolidata għal dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali, il-Kummissjoni tfittex li tippreserva l-awtonomija regolatorja tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Mhux rilevanti

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Mhux applikabbli

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tikkonsisti minn 7 artikolu.

L-Artikolu 1 jikkonċerna l-emenda tal-werrej.

L-Artikolu 2 jikkonċerna prinċipalment iż-żieda tad-definizzjoni ta’ “persuna koperta” li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

L-Artikolu 3 jikkonċerna r-regoli għat-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi bbażati fuq lista magħluqa ta’ miżuri pprojbiti li jirrestrinġu l-fluss transfruntier ta’ informazzjoni u eċċezzjonijiet rilevanti.

L-Artikolu 4 jikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali. F’konformità mal-prattika tal-UE u mal-proposta konsolidata għal dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali, hija tirrikonoxxi d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-livell xieraq ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali.

L-Artikolu 5 jipprevedi t-tħassir tad-dispożizzjoni dwar id-data finanzjarja.

L-Artikolu 6 jikkonċerna d-dħul fis-seħħ.

L-Artikolu 7 jikkonċerna l-lingwi awtentiċi li bihom huwa mfassal il-Protokoll.

2023/0451 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika rigward il-fluss liberu ta’ data

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fi [data tal-opinjoni],

Billi:

(1)Fit-12 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (‘il-Ftehim’).

(2)Fit-28 ta’ Ottubru 2023, ġew konklużi n-negozjati tad-dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data li għandhom jiġu inklużi fil-Ftehim.

(3)Għalhekk, il-Protokoll li jemenda l-Ftehim jeħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika rigward il-fluss liberu ta’ data (“il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-persuna(i) indikata min-negozjatur tal-Ftehim biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, soġġett għan-negozjar tal-Protokoll.

Artikolu 3


Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 330, 27.12.2018, p. 3).
(2)    Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Asserttiva, COM(2021) 66 finali.
(3)     Il-Kummissjoni Ewropea tadotta deċiżjoni ta’ adegwatezza dwar il-Ġappun, u b’hekk toħloq l-akbar erja ta’ flussi ta’ data sikuri fid-dinja (europa.eu) ; EUR-Lex - 32019D0419 - EN - EUR-Lex (europa.eu)
(4)    https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/627665
(5)    Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku JOIN (2021) 24 final
(6)     Dikjarazzjoni konġunta dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta' data personali | EEAS (europa.eu)
(7)    IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għad-data, COM(2020) 66 final
(8)    Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku JOIN (2021) 24 final
Top

Brussell, 1.12.2023

COM(2023) 773 final

ANNESS

għal

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika rigward il-fluss liberu ta’ data


ANNESS

PROTOKOLL

LI JEMENDA L-FTEHIM
BEJN L-UNJONI EWROPEA

U L-ĠAPPUN

GĦAL SĦUBIJA EKONOMIKA

L-UNJONI EWROPEA u l-ĠAPPUN, (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”),

WARA li reġa’ vvaluta l-ħtieġa għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-fluss liberu tad-data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, iffirmat f’Tokyo fis-17 ta’ Lulju 2018 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), f’konformità mal-Artikolu 8.81 tal-Ftehim,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Il-werrej tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi jitħassru l-kliem “Artikoli 8.70 sa 8.81” u jinbidlu bil-kliem “Artikoli 8.70 sa 8.72”.

ARTIKOLU 2

L-Artikolu 8.71 tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi titħassar il-kelma “u” tas-subparagrafu (a), billi jitħassar il-perjodu tas-subparagrafu (b) (ii) u jiġi sostitwit b’punt u virgola, u billi jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin immedjatament wara s-subparagrafu (b) (ii):

(c)    persuna koperta tfisser:

(i)    intrapriża koperti;

(ii)    intraprenditur ta’ Parti; u

(iii)    fornitur ta’ servizz ta’ Parti; u

(d)    data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.”


ARTIKOLU 3

L-Artikolu 8.81 tal-Ftehim għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“ARTIKOLU 8.81

Trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi

1.    Il-partijiet huma impenjati li jiżguraw it-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni b’mezzi elettroniċi meta din l-attività tkun għat-twettiq tan-negozju ta’ persuna koperta.

2.    Għal dak l-għan, Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 billi:

(a)    teħtieġ l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network fit-territorju tal-Parti għall-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluż bir-rekwiżit tal-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network li huma ċċertifikati jew approvati fit-territorju tal-Parti;

(b)    teħtieġ il-lokalizzazzjoni tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti għall-ħżin jew l-ipproċessar;

(c)    il-projbizzjoni tal-ħżin jew tal-ipproċessar tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(d)    tagħmel it-trasferiment transfruntier tal-informazzjoni dipendenti fuq l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew ta’ elementi tan-network fit-territorju tal-Parti jew fuq rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni fit-territorju tal-Parti;

(e)    il-projbizzjoni tat-trasferiment tal-informazzjoni fit-territorju tal-Parti; jew


(f)    ir-rekwiżit tal-approvazzjoni tal-Parti qabel it-trasferiment tal-informazzjoni lejn it-territorju tal-Parti l-oħra.1

3.    Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri inkonsistenti mal-paragrafi 1 u 2 sabiex tikseb objettiv leġittimu ta’ politika pubblika2, sakemm il-miżura:

(a)    ma jiġix applikat b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli bejn pajjiżi fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili, jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ; u

(b)    ma jimponix restrizzjonijiet fuq it-trasferimenti tal-informazzjoni li huma ikbar minn dak li hemm bżonn biex jintlaħaq l-objettiv.3

4.    Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jżomm Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inkluż fir-rigward ta’ trasferimenti transfruntieri tal-informazzjoni, dment li l-liġi tal-Parti tipprevedi strumenti li jippermettu trasferimenti skont kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali4 għall-protezzjoni tad-data trasferita.

5.    Dan l-Artikolu ma japplikax għat-trasferiment transfruntier ta’ informazzjoni miżmuma jew ipproċessata minn Parti jew f’isimha.


6.    Parti tista’ fi kwalunkwe ħin tipproponi lill-Parti l-oħra biex tirrieżamina l-miżuri elenkati fil-paragrafu 2.

_________________

1Għal ċertezza akbar, is-subparagrafu 2 (f) ma jipprevjenix lil Parti milli:

(a)jissoġġettaw l-użu ta’ strument speċifiku ta’ trasferiment jew trasferiment transfruntier partikolari ta’ informazzjoni għal approvazzjoni għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, f’konformità mal-paragrafu 4;

(b)jirrikjedu ċ-ċertifikazzjoni jew il-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti, servizzi u proċessi tal-ICT, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali, qabel il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu, biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti konsistenti ma’ dan il-Ftehim jew għal finijiet ta’ ċibersigurtà, f’konformità mal-paragrafi 3 u 4, u l-Artikoli 1.5, 8.3 u 8.65; jew

(c)jeħtieġu li l-utenti mill-ġdid ta’ informazzjoni protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw minn liġijiet u regolamenti domestiċi konsistenti ma’ dan il-Ftehim, jirrispettaw tali drittijiet jew obbligi meta jittrasferixxu l-informazzjoni bejn il-fruntieri, inkluż fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess mill-qrati u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 8.3.

2Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, “objettiv leġittimu ta’ politika pubblika” għandha tiġi interpretata b’mod oġġettiv u għandha tippermetti li jintlaħqu objettivi bħall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, il-morali pubblika, jew il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, jew iż-żamma tal-ordni pubbliku jew objettivi simili oħra ta’ interess pubbliku, filwaqt li titqies in-natura li qed tevolvi tat-teknoloġiji diġitali.

3Għal aktar ċertezza, din id-dispożizzjoni ma taffettwax l-interpretazzjoni ta’ eċċezzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim u l-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Artikolu u d-dritt ta’ Parti li tinvoka kwalunkwe waħda minnhom.

4Għal aktar ċertezza, f’konformità man-natura orizzontali tal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, “kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali” jirreferu għal kundizzjonijiet ifformulati f’termini oġġettivi li japplikaw orizzontalment għal għadd mhux identifikat ta’ operaturi ekonomiċi u b’hekk ikopru firxa ta’ sitwazzjonijiet u każijiet.”


ARTIKOLU 4

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 8.81 tal-Ftehim:

“ARTIKOLU 8.82

Protezzjoni tad-Data Personali

1.    Il-partijiet jirrikonoxxu li l-individwi għandhom dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tagħhom kif previst fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti u li standards għoljin f’dan ir-rigward jikkontribwixxu għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp tal-kummerċ. Kull Parti tirrikonoxxi d-dritt tal-Parti l-oħra li tiddetermina l-livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, li għandu jiġi previst mill-miżuri rispettivi tagħhom.

2.    Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tadotta miżuri li jipproteġu lill-individwi, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet bħan-nazzjonalità jew ir-residenza, minn ksur tal-protezzjoni tad-data personali li jseħħ fil-ġurisdizzjoni tagħha.

3.    Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm qafas legali li jipprevedi l-protezzjoni ta’ data personali relatata mal-kummerċ elettroniku. Fl-iżvilupp tal-qafas legali tagħha għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, kull Parti għandha tqis il-prinċipji u l-linji gwida tal-korpi internazzjonali rilevanti. Il-partijiet jirrikonoxxu wkoll li standards għoljin ta’ privatezza u protezzjoni tad-data fir-rigward tal-aċċess tal-gvern għal data miżmuma privatament, bħal dawk deskritti fil-Prinċipji tal-OECD għall-Aċċess tal-Gvern għal Data Personali miżmuma minn Entitajiet tas-Settur Privat, jikkontribwixxu għall-fiduċja fl-ekonomija diġitali.


4.    Kull Parti għandha tippubblika informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza li tipprovdi lill-utenti tal-kummerċ elettroniku, inkluż:

(a)    kif l-individwi jistgħu jfittxu rimedji għal ksur tal-protezzjoni tad-data personali jew tal-privatezza li jirriżulta mill-kummerċ diġitali; u

(b)    gwida u informazzjoni oħra dwar il-konformità tan-negozji mar-rekwiżiti legali applikabbli li jipproteġu d-data personali u l-privatezza.

ARTIKOLU 5

L-Artikolu 8.63 tal-Ftehim għandu jitħassar.

ARTIKOLU 6

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 23.2 tal-Ftehim.


ARTIKOLU 7

1.    Dan il-Protokoll, f'konformità mal-Artikolu 23.8 tal-Ftehim, hu mfassal f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Svediża, u kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

2.    Fil-każ ta' kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni, għandu jipprevali t-test tal-lingwa li biha ġie nnegozjat ta' dan il-Protokoll.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL fi XXX, fil-XX jum ta’ [XAHAR], fis-sena XXXX.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Ġappun

Top