Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0509

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mill-UE lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

COM/2023/509 final

Brussell, 6.9.2023

COM(2023) 509 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mill-UE lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

1 2 It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-infurzar tal-liġi, inkluż dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, huwa essenzjali biex jiġu indirizzati t-theddid mit-terroriżmu u r-reati tranżnazzjonali serji. L-aħħar rapport tal-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (Serious Organised Crime Threat Assessment, SOCTA) ippubblikat mill-Europol juri d-dimensjoni internazzjonali tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-kriminalità l-aktar serji. Barra minn hekk, l-aħħar Rapport tiegħu dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (terrorism situation and trend report, TE-SAT) jenfasizza mhux biss ir-rabtiet diretti bejn l-ivvjaġġar tranżnazzjonali u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet terroristiċi u l-kriminalità serja, iżda wkoll l-importanza li jiġu identifikati, investigati u mħarrka b’mod effettiv reati kriminali serji oħra għall-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ reati terroristiċi.

Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (Passenger name record, PNR) hija informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri, u miġbura minn u miżmuma fis-sistemi ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi tal-ajru għall-finijiet kummerċjali tagħhom stess. Il-kontenut tad-data tal-PNR ivarja skont l-informazzjoni mogħtija matul il-proċess tal-prenotazzjoni u taċ-check-in u jista’ jinkludi, pereżempju, id-dati tal-ivvjaġġar u l-itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar tal-passiġġier jew tal-grupp ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw flimkien, id-dettalji ta’ kuntatt bħall-indirizz u n-numru tat-telefown, l-informazzjoni dwar il-ħlas, in-numru tas-sit u l-informazzjoni dwar il-bagalji.

Il-ġbir u l-analiżi tad-data tal-PNR jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet b’elementi importanti li jippermettulhom jiskopru xejriet ta’ vvjaġġar suspettużi u jidentifikaw l-assoċjati tal-kriminali u tat-terroristi, b’mod partikolari dawk li qabel ma kinux magħrufa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għaldaqstant, l-ipproċessar tad-data tal-PNR sar għodda tal-infurzar tal-liġi użat b’mod wiesa’, fl-UE u lil hinn minnha, biex jinkixfu t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja, bħal reati relatati mad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u biex jiġi evitat it-twettiq ta’ tali kriminalità. Wera wkoll li jikkostitwixxi sors importanti ta’ informazzjoni biex jappoġġa l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet fejn ikunu twettqu tali attivitajiet illegali 3 .

Filwaqt li kruċjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, it-trasferiment tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi kif ukoll l-ipproċessar mill-awtoritajiet tagħhom jikkostitwixxi interferenza fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fir-rigward tad-data personali tagħhom. Għal din ir-raġuni, dan jirrikjedi bażi legali skont id-dritt tal-UE u jrid ikun neċessarju, proporzjonat u soġġett għal limitazzjonijiet stretti u għal salvagwardji effettivi, kif iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 7, 8, 21, 47 u 52 tagħha. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet importanti jrid jinstab bilanċ ġust bejn l-għan leġittimu li tinżamm is-sigurtà pubblika u d-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-protezzjoni tad-data personali u l-ħajja privata.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni l-ewwel tistabbilixxi l-linji ġenerali tal-politika esterna tal-UE dwar il-PNR f’Komunikazzjoni tal-2003 4 dwar l-approċċ tal-UE lejn it-trasferimenti tad-data tal-PNR mill-UE lil pajjiżi terzi, li ġew riveduti f’Komunikazzjoni adottata fl-2010 5 . Bħalissa hemm tliet ftehimiet internazzjonali fis-seħħ bejn l-UE u pajjiżi terzi, jiġifieri l-Awstralja 6 , l-Istati Uniti (2012) 7 u r-Renju Unit (2020) 8 li jkopru t-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR mill-UE. Wara l-Opinjoni tal-Qorti tal-2017 dwar il-Ftehim previst bejn l-UE u l-Kanada 9 , bħalissa għaddejjin negozjati dwar il-PNR b’mod partikolari mal-Kanada 10 .

Sadanittant, fl-2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (“id-Direttiva dwar il-PNR”) 11 . Din id-Direttiva tirregola t-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR fl-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi salvagwardji importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. F’Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-817/19, ikkonfermat il-validità u l-konformità ta’ din id-Direttiva mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mat-Trattati tal-Unjoni 12 .

Fil-livell internazzjonali, għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi terzi bdew jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jiġbru d-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru. Din ix-xejra hija xprunata aktar minn Riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (fl-2017 u fl-2019), li jirrikjedu li l-Istati kollha jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru u jużaw id-data tal-PNR 13 , li abbażi tagħha ġew adottati Standards u Prattiki Rakkomandati dwar il-PNR (SARPs) mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fl-2020, permezz tal-Emenda 28 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li saret applikabbli fi Frar 2021 14 . 

Il-pożizzjoni tal-Unjoni, kif stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/121, tilqa’ l-SARPs tal-ICAO tal-PNR bħala li jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data u b’hekk jippermettu li jsir progress sinifikanti fil-livell internazzjonali. Fl-istess ħin, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill qieset, billi talbet lill-Istati Membri jirreġistraw differenza, li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (inkluża l-ġurisprudenza rilevanti), huma aktar eżiġenti minn ċerti Standards tal-ICAO, u li t-trasferimenti mill-UE lil pajjiżi terzi jirrikjedu bażi legali li tistabbilixxi regoli u salvagwardji ċari u preċiżi fir-rigward tal-użu tad-data tal-PNR mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz 15 .

F’dan il-kuntest, filwaqt li din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna speċifikament in-negozjati mal-Iżvizzera, hija tikkostitwixxi parti minn sforz usa’ tal-Kummissjoni biex issegwi approċċ konsistenti u effettiv rigward it-trasferiment tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, kif imħabbar fl-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà 2020-2025 16 , filwaqt li tibni fuq is-SARPs tal-ICAO tal-PNR, u f’konformità mal-liġi u l-ġurisprudenza tal-Unjoni. Approċċ bħal dan intalab ukoll mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2021 17 . B’dan, il-Kummissjoni tfittex ukoll li twieġeb għal sejħiet minn trasportaturi tal-ajru biex tiżgura aktar ċarezza legali u prevedibbiltà dwar it-trasferimenti tal-PNR lil pajjiżi terzi 18 .

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tqis li t-turija ta’ konformità mal-Istandards tal-PNR tal-ICAO hija element importanti li għandu jitqies meta wieħed jidħol fi djalogu dwar il-PNR ma’ kwalunkwe pajjiż terz. Dan id-djalogu sussegwenti dwar il-PNR imbagħad ikollu l-għan li jistabbilixxi bażi legali li tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR mill-UE lill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ dak il-pajjiż u li tiżgura li l-użu tad-data tal-PNR li tkun waslet mill-UE jkun soġġett għal salvagwardji xierqa kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

OBJETTIVI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

L-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom responsabbiltà kondiviża li jiżguraw is-sigurtà interna f’żona komuni mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti.

L-ipproċessar tad-data tal-PNR wera l-potenzjal li jtejjeb is-sigurtà taż-żona Schengen, billi jtejjeb il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ kriminalità serja u terroriżmu fil-fruntieri esterni u billi jipprovdi approċċ ibbażat fuq ir-riskju mmexxi mid-data għall-użu tal-Istati Membri fiż-żona Schengen bħala miżura ta’ kumpens għan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni 19 .

Fl-2016, permezz tad-Direttiva dwar il-PNR, ġiet stabbilita sistema mifruxa mal-UE kollha fost l-Istati Membri bħala għodda importanti biex tgħin fit-titjib tas-sigurtà interna tal-UE. L-Iżvizzera mhijiex marbuta b’din id-Direttiva, peress li mhijiex żvilupp fl-acquis ta’ Schengen.

Abbażi ta’ skambji preliminari fil-livell tekniku, l-Iżvizzera għarrfet il-pjanijiet tagħha li tibda topera sistema tal-PNR ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tkun daħlet fis-seħħ. Sa dak iż-żmien, l-Iżvizzera, jkollha l-kapaċità li tiġbor u tipproċessa data tal-PNR dwar titjiriet li jinżlu jew jitilqu mill-ajruporti tagħha.

Skont id-dritt tal-Unjoni, it-trasferiment ta’ kwalunkwe data personali mill-Unjoni lil pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk dak il-pajjiż jiżgura livell ta’ protezzjoni tad-data personali li jkun essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit għal dik id-data personali fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi nnotat li, filwaqt li tittrasponi r-regoli tagħha fl-ordni domestika tagħha stess dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, l-Iżvizzera mhix marbuta bid-Direttiva (UE) 2016/680 20 peress li mhix Stat Membru tal-UE.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, jiġifieri fin-nuqqas ta’ salvagwardji xierqa fir-rigward tal-ipproċessar speċifiku tad-data tal-PNR, li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ bażi legali valida kif meħtieġ mid-dritt tal-UE, l-Iżvizzera ma tistax tirċievi u tipproċessa legalment data tal-PNR dwar titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera. Għalhekk, hija meħtieġa soluzzjoni biex jitnaqqas dan id-distakk fis-sigurtà eżistenti fiż-żona Schengen, u biex ikun jista’ jsir it-trasferiment tad-data tal-PNR mill-Unjoni lill-Iżvizzera b’rikonoxximent tal-ħtieġa li tintuża d-data tal-PNR bħala għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja.

B’kont meħud ta’ dan, l-għan tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-PNR huwa li l-Iżvizzera tkun tista’ tirċievi legalment data tal-PNR mill-Unjoni u li jippermetti lill-awtorità kompetenti maħtura biex tagħmel użu minn tali data b’mod li jiżgura, fl-istess ħin, is-sigurtà tal-individwi li jiċċaqalqu f’żona komuni mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna lil dawk l-individwi.

F’dawn l-aħħar snin, l-Iżvizzera esprimiet l-interess tagħha li tirċievi data tal-PNR dwar titjiriet mill-Unjoni u li tibda negozjati bl-għan li tikkonkludi Ftehim dwar il-PNR mal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Iżvizzera qasmet informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-proċess tal-adozzjoni tal-liġi domestika tagħha dwar il-PNR, b’mod partikolari dwar l-aderenza ppjanata tagħha mal-Istandards tal-ICAO dwar il-PNR.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis bħala prijorità il-ftuħ ta’ negozjati mal-Iżvizzera b’mod parallel man-Norveġja u l-Iżlanda, għal ftehim bilaterali li jippermetti lill-awtorità kompetenti Żvizzera maħtura biex tirċievi u tipproċessa d-data tal-PNR mill-Unjoni, soġġett għal salvagwardji xierqa. Barra minn hekk, tali ftehim ikun mezz biex titrawwem il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi permezz tat-tisħiħ tal-possibiltajiet għall-iskambju tad-data tal-PNR bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvizzera u tal-Istati Membri tal-UE għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità serja.

L-ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Id-direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni biex jinfetħu negozjati mal-Iżvizzera dwar Ftehim dwar il-PNR iqisu l-qafas legali applikabbli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (jiġifieri r-Regolament (UE) 2016/679 21 u d-Direttiva (UE) 2016/680 22 ) u dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tal-PNR (jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/681), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza rilevanti, b’mod partikolari l-Opinjoni 1/15 tas-26 ta’ Lulju 2017 23 u s-Sentenza fil-Kawża C-817/2019 tal-21 ta’ Ġunju 2022 24 , kif ukoll il-qafas legali tat-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mill-UE lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera għat-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

(2) Jenħtieġ li l-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji u filwaqt li jqis b’mod xieraq, il-prinċipju tal-proporzjonalità f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

(3) Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim iżidu mal-Istandards internazzjonali applikabbli dwar il-PNR, kif jinsabu fil-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, jiġifieri fl-Anness 9 tagħha (Faċilitazzjoni), il-Kapitolu 9 (Sistema ta’ Skambju ta’ Data dwar il-Passiġġieri), it-Taqsima D (Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)) 25 .

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni Ewropea hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, għal Ftehim bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. 

Artikolu 2

Id-direttivi tan-negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) | Il-Europol (europa.eu)
(2)     EU Terrorism Situation & Trend Report (TE-SAT) | Il-Europol (europa.eu)
(3)    Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja; COM(2020) 305 final (24.07.2020).
(4)    COM(2003) 826 final (16.12.2003).
(5)    COM(2010) 492 final (21.09.2010).
(6)    ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4–16.
(7)    ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5–14.
(8)    ĠU L 149, 30.4.2021, p. 710 – 735.
(9)    L-Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592.
(10)    Ġew adottati wkoll id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment u l-użu tad-data tal-PNR bejn l-UE u l-Messiku (2015), il-Kanada (2017) u l-Ġappun (2020), rispettivament.
(11)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149), minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Direttiva dwar il-PNR” jew id-“Direttiva (UE) 2016/681”.
(12)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Ġunju 2022 “Ligue des droits humains ASBL vs Conseil des ministres”, C-817/19, EU:C:2022:491. Is-sentenza kienet tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari mill-Cour Constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tal-Belġju. .
(13)    UNSCR 2396 (2017): “Il-Kunsill tas-Sigurtà: [..] 12. Jiddeċiedi li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għall-istandards u l-prattiki rakkomandati tal-ICAO, id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom u tiġi kondiviża magħhom, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u l-ivvjaġġar relatat, [..]”. Ara wkoll l-UNSCR 2482 (2019).
(14)     L-Anness 9, il-Kapitolu 9, it-Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ Chicago”).
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/121 tat-28 ta’ Jannar 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea b’risposta għall-Ittra lill-Istati mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 28 fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ĠU L 37, 3.2.2021, p. 6-9).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM(2020)605 final (24.7.2020): [..] bħala azzjoni ta’ nofs it-terminu, il-Kummissjoni se tniedi rieżami tal-approċċ attwali dwar it-trasferiment ta’ data tal-PNR lejn pajjiżi terzi.”,.
(17)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2021 dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-Awstralja u l-Istati Uniti, għall-fini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, Dokument tal-Kunsill 9605/21 tat-8 ta’ Ġunju 2021: “Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi approċċ konsistenti u effettiv rigward it-trasferiment tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi għall-fini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, filwaqt li tibni fuq is-SARPs tal-ICAO, u f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.”
(18)    Kif innotat mit-trasportaturi tal-ajru, inkluż bi tweġiba għall-konsultazzjoni dwar il-Pjan Direzzjonali, huma qed isibu ruħhom dejjem aktar f’sitwazzjoni ta’ “kunflitt tal-liġijiet” bejn żewġ oqfsa regolatorji differenti, disponibbli fuq <https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12531-Vjaggar-bl-ajru-qsim-ta-data-dwar-l-ismijiet-tal-passiggieri-fl-UE-u-lil-hinn-valutazzjoni-_mt>.
(19)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ”, COM(2021)277 final, (02.06.2021), paġna 13.

(20)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89–131.
(21)    Ara n-nota 20 f’qiegħ il-paġna.
(22)    Ara n-nota 21 f’qiegħ il-paġna.
(23)    Ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(24)    Ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna.
(25)     L-Anness 9, il-Kapitolu 9, it-Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali .
Top

Brussell, 6.9.2023

COM(2023) 509 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mill-UE lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja


ANNESS

Direttivi għan-negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mill-UE lill-Konfederazzjoni Żvizzera għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

Jenħtieġ li n-negozjati jkollhom l-għan li jiksbu l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(1)Il-Ftehim jirrifletti l-ħtieġa u l-importanza tal-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu billi jippermetti t-trasferiment legali tad-data tal-PNR mill-Unjoni lill-Iżvizzera.

(2)Sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tad-dritt tal-UE, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Ftehim jipprovdi bażi legali, kundizzjonijiet u salvagwardji għat-trasferiment lill-Iżvizzera u l-ipproċessar tad-data tal-PNR minnha, u jiżgura li jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali.

(3)Il-Ftehim jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Iżvizzera billi jistabbilixxi arranġamenti għal skambji f’waqthom, effettivi u effiċjenti tad-data tal-PNR u tar-riżultati tal-ipproċessar tad-data tal-PNR.

Jenħtieġ li n-negozjati jkollhom l-għan li jiksbu dan li ġej dwar is-sustanza:

(4)Il-Ftehim jidentifika l-awtorità maħtura kompetenti Żvizzera responsabbli biex skont il-Ftehim tirċievi u tkompli tipproċessa d-data tal-PNR mingħand it-trasportaturi tal-ajru.

(5)Il-Ftehim jispeċifika b’mod eżawrjenti u ċar l-elementi tad-data tal-PNR li għandhom jiġu ttrasferiti, f’konformità mal-istandards internazzjonali kif ukoll mal-Anness I tad-Direttiva 2016/681. It-trasferimenti tad-data jinżammu għall-minimu meħtieġ u huma proporzjonati għall-iskop speċifikat fil-Ftehim.

(6)Il-Ftehim jiżgura li d-data tal-PNR hija ttrasferita esklussivament fuq il-bażi ta’ sistema li toħloq domanda. Il-frekwenza u t-twaqqit ta’ tali trasferimenti ma joħolqux piż mhux raġonevoli fuq it-trasportaturi tal-ajru u huma limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ, pereżempju permezz tal-użu effiċjenti ta’ soluzzjonijiet tekniċi komuni fejn xieraq.

(7)Il-Ftehim jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jkunux meħtieġa jiġbru u jittrasferixxu kwalunkwe data addizzjonali meta mqabbla ma’ dik li diġà jiġbru bħala parti min-negozju tagħhom.

(8)Il-Ftehim jinkludi regoli dwar is-sigurtà tad-data, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li għadd limitat biss ta’ individwi b’awtorizzazzjoni speċjali mill-awtorità maħtura kompetenti Żvizzera jkollhom aċċess dirett għad-data tal-PNR, u dwar notifiki ta’ ksur tas-sigurtà tad-data lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej responsabbli għall-protezzjoni tad-data.

(9)Il-Ftehim jistabbilixxi l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-data tal-PNR b’mod eżawrjenti, b’mod partikolari billi jistabbilixxi li d-data tal-PNR tiġi ttrasferita u pproċessata biss għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, abbażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti rilevanti tad-dritt tal-UE.

(10)Il-Ftehim jipprevedi li data sensittiva fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, inkluża data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trade-union jew li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, ma jiġux pproċessati skont il-Ftehim.

(11)Il-Ftehim jistabbilixxi l-modalitajiet speċifiċi għall-ipproċessar tad-data tal-PNR riċevuta skont il-Ftehim mill-awtorità maħtura kompetenti Żvizzera. Jinkludi salvagwardji għall-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR biex jiġi żgurat li jkun ibbażat fuq kriterji stabbiliti minn qabel li huma nondiskriminatorji, speċifiċi, oġġettivi u affidabbli u li tali pproċessar awtomatizzat ma jintużax bħala bażi unika għal kwalunkwe deċiżjoni b’effetti legali negattivi jew li taffettwa serjament individwu. Jiżgura wkoll li l-bażijiet tad-data li jitqabblu mad-data tal-PNR huma biss dawk rilevanti għall-finijiet koperti mill-Ftehim u huma affidabbli u aġġornati.

(12)Il-Ftehim jipprevedi li d-data tal-PNR riċevuta skont il-Ftehim hija soġġetta għal perjodi ta’ żamma li huma ristretti u mhux itwal minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-objettiv imfittex, jiġifieri, għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kriminalità serja u reati terroristiċi. Dawn il-perjodi ta’ żamma jiżguraw li, f’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-data tal-PNR tista’ tinżamm skont il-Ftehim biss jekk tiġi stabbilita konnessjoni oġġettiva bejn id-data tal-PNR li għandha tinżamm u l-objettiv imfittex. Il-Ftehim jirrikjedi li d-data tal-PNR titħassar hekk kif jiskadu l-perjodi taż-żamma rilevanti jew issir anonima b’tali mod li l-individwu kkonċernat ma jibqax identifikabbli. Il-Ftehim jieħu kont debitu tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-Iżvizzera u l-Unjoni.

(13)Il-Ftehim jiżgura li l-iżvelar tad-data tal-PNR mill-awtorità maħtura kompetenti Żvizzera lil awtoritajiet kompetenti oħra tal-Iżvizzera li jinsabu fuq lista jew lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati oħra, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni jew Pajjiżi oħra Assoċjati ma’ Schengen, jista’ jseħħ biss fuq bażi ta’ każ b’każ u taħt ċerti kundizzjonijiet u salvagwardji. B’mod partikolari, tali żvelar jista’ jseħħ biss jekk l-awtorità riċeventi teżerċita l-funzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu jew il-kriminalità serja u tiżgura l-istess protezzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-Ftehim. It-trasferimenti ulterjuri lil awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi oħra huma limitati għal dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE għandha Ftehim PNR ekwivalenti jew li għalihom l-Unjoni adottat deċiżjoni ta’ adegwatezza skont il-liġi tagħha dwar il-protezzjoni tad-data li tkopri l-awtoritajiet rilevanti li lilhom huwa maħsub li tiġi ttrasferita d-data tal-PNR.

(14)Il-Ftehim jiżgura sistema ta’ sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data personali b’setgħat effettivi ta’ investigazzjoni, ta’ intervent u ta’ infurzar sabiex tiġi eżerċitata sorveljanza fuq l-awtoritajiet kompetenti maħtura u awtoritajiet kompetenti oħra li jipproċessaw id-data tal-PNR skont il-Ftehim. Dik l-awtorità pubblika indipendenti għandha setgħat sabiex tisma’ lmenti minn individwi, b’mod partikolari dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR li tikkonċernahom.

(15)Il-Ftehim jiżgura d-drittijiet ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza għal kwalunkwe persuna li fir-rigward tagħha tiġi pproċessata d-data tal-PNR skont il-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(16)Il-Ftehim fih dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata informazzjoni adegwata u trasparenti lill-passiġġieri tal-ajru fir-rigward tat-trasferiment u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-PNR relatata magħhom, kif ukoll id-dritt ta’ notifika individwali f’każ ta’ żvelar ta’ tali data tal-PNR, u, fejn xieraq, ir-rettifika u t-tħassir, sakemm tali notifika ma tipperikolax kwalunkwe investigazzjoni li tkun għaddejja mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti bl-użu tad-data tal-PNR.

(17)Il-Ftehim irawwem il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja permezz tal-iskambju tad-data tal-PNR, jew tar-riżultati tal-ipproċessar tad-data tal-PNR, bejn l-awtorità kompetenti Żvizzera maħtura u l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll bejn l-awtorità kompetenti Żvizzera maħtura, minn naħa waħda, u l-Europol jew l-Eurojust fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, min-naħa l-oħra.

(18)Il-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet għal rieżami konġunt regolari dwar l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Huwa għal perjodu ta’ żmien stabbilit u jinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-Ftehim jiġġedded għal perjodi simili sakemm Parti ma tinnotifikax id-deċiżjoni tagħha li titterminah. Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu.

(19)Il-Ftehim huwa awtentiku b’mod ugwali bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż u se jinkludi klawsola lingwistika f’dan is-sens.

Top