Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0234

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    COM/2023/234 final

    Brussell, 3.5.2023

    COM(2023) 234 final

    2023/0135(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-korruzzjoni tagħmel ħsara kbira lis-soċjetà, lid-demokraziji tagħna, lill-ekonomija u lill-individwi. Hija timmina l-istituzzjonijiet li fuqhom niddependu, u b’hekk iddgħajjef il-kredibbiltà tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jwasslu politiki pubbliċi u servizzi pubbliċi ta’ kwalità. Hija taġixxi bħala faċilitatur għall-kriminalità organizzata u għall-interferenza barranija ostili. Il-prevenzjoni u l-ġlieda b’suċċess kontra l-korruzzjoni huma essenzjali kemm biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri tal-UE u l-effettività tal-politiki tal-UE, kif ukoll biex jinżammu l-istat tad-dritt u l-fiduċja f’dawk li jiggvernaw u fl-istituzzjonijiet pubbliċi.

    Il-korruzzjoni hija impediment għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, billi tiddevja r-riżorsi minn eżiti produttivi, timmina l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u tkabbar l-inugwaljanzi soċjali. Hija xxekkel il-funzjonament effettiv u bla xkiel tas-suq uniku, toħloq inċertezzi fit-twettiq tan-negozju, u żżomm lura l-investiment. Min-natura tagħha, il-korruzzjoni hija diffiċli biex tiġi kkwantifikata, iżda anke stimi konservattivi jissuġġerixxu li hija tiswa lill-ekonomija tal-UE mill-anqas EUR 120 biljun fis-sena 1 . L-effetti negattivi tal-korruzzjoni jinħassu mad-dinja kollha, u jfixklu l-isforzi biex tinkiseb il-governanza tajba u l-prosperità, u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Id-data tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2022 tissuġġerixxi li 68 % tal-persuni fl-UE u 62 % tal-kumpaniji bbażati fl-UE jqisu li l-korruzzjoni hija mifruxa f’pajjiżhom 2 . Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 ipoġġi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea billi jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi indirizzata kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali. Il-Parlament Ewropew talab ukoll ripetutament għal aktar azzjoni tal-UE biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni 3 . Il-Kunsill għamel talbiet simili, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kooperazzjoni biex tiġi miġġielda l-kriminalità internazzjonali organizzata u serja 4 .

    Il-qafas legali eżistenti tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li jiġi aġġornat biex iqis l-evoluzzjoni tat-theddid ta’ korruzzjoni u l-obbligi legali fuq l-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-oqfsa legali kriminali nazzjonali. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA 5 tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tas-settur privat. Il-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-UE jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-UE 6 tindirizza ċerti atti ta’ korruzzjoni li jinvolvu lil dawk l-uffiċjali b’mod ġenerali. Madankollu, dawn l-istrumenti ma humiex komprensivi biżżejjed, u r-regoli eżistenti fl-Istati Membri jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar biex jiġi żgurat rispons aktar koerenti u effettiv fl-Unjoni. Tfaċċaw ukoll lakuni fl-infurzar fil-livell nazzjonali u ostakli fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti. L-awtoritajiet fl-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi marbuta mat-tul eċċessiv tal-prosekuzzjoni, l-istatuti qosra tal-preskrizzjoni, ir-regoli dwar l-immunità u l-privileġġi, id-disponibbiltà limitata ta’ riżorsi, taħriġ u setgħat investigattivi biex insemmu biss ftit.

    L-UE hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) 7 , li hija l-aktar strument legali internazzjonali komprensiv f’dan il-qasam, li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din il-proposta leġiżlattiva se taġġorna l-qafas leġiżlattiv tal-UE, anki billi tinkorpora standards internazzjonali vinkolanti fuq l-UE, bħal dawk fl-UNCAC. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-forom kollha ta’ korruzzjoni jiġu kriminalizzati fl-Istati Membri kollha, li l-persuni ġuridiċi jistgħu wkoll jinżammu responsabbli għal tali reati, u li r-reati jġarrbu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi miżuri rilevanti għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni f’konformità mal-istandards internazzjonali u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, kif meħtieġ mill-UNCAC.

    Biex tinqered il-korruzzjoni, huma meħtieġa mekkaniżmi kemm preventivi kif ukoll ripressivi. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri preventivi, leġiżlattivi u kooperattivi bħala parti mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni. In-nuqqasijiet fl-integrità, il-kunflitti ta’ interess mhux żvelati jew il-ksur serju tar-regoli etiċi jistgħu jwasslu għal attivitajiet korrotti jekk ma jiġux indirizzati. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni timmitiga l-ħtieġa ta’ repressjoni kriminali u għandha benefiċċji aktar wiesgħa fil-promozzjoni tal-fiduċja pubblika u fil-ġestjoni tal-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta għal Direttiva tikkomplementa l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (2020-2025) 8 . F’April 2021, il-Kummissjoni adottat ukoll l-Istrateġija tal-UE 2021-2025 biex tindirizza l-Kriminalità Organizzata 9 b’miżuri dedikati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala faċilitatur tal-kriminalità organizzata. Bħala segwitu, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni kurrenti kemm tad-dimensjoni leġiżlattiva kif ukoll ta’ dik operazzjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-kuntest ta’ studju estern, li ġie ffinalizzat fi tmiem l-2022 10 .

    L-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin (2021-2025) 11 , adottata f’April 2021, hija marbuta mill-qrib mal-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata. Hija tissottolinja li l-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar tal-bnedmin qed jisfruttaw dejjem aktar in-negozji legali fl-operazzjonijiet tagħhom u huma involuti f’reati serji oħra, bħall-korruzzjoni, biex jappoġġaw l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Il-korruzzjoni tista’ xxekkel ulterjorment l-identifikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, pereżempju jekk l-awtoritajiet responsabbli għall-identifikazzjoni tal-vittmi jkunu involuti fil-korruzzjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Sett ta’ għodod dwar l-istat tad-dritt

    Mill-2020, il-Kummissjoni qed timmonitorja l-iżviluppi kontra l-korruzzjoni fil-livell nazzjonali bħala wieħed mill-pilastri ċentrali taċ-ċiklu annwali tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt. Mill-2022, ir-rapporti jinkludu wkoll rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż, bl-objettiv li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex imexxu ’l quddiem ir-riformi li jkunu għaddejjin jew li jkunu ppjanati, biex jinkoraġġixxu żviluppi pożittivi, u biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ fejn jista’ jkun meħtieġ titjib jew segwitu għal bidliet jew riformi reċenti. Il-miżuri kontra l-korruzzjoni huma wkoll parti mill-ħidma mal-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Is-Semestru Ewropew ivvaluta l-isfidi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħall-akkwist pubbliku, l-integrità fl-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju u s-setturi tal-kura tas-saħħa. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-ambitu tas-Semestru ggwidaw riformi u investimenti konkreti biex tittejjeb il-kapaċità li tiġi miġġielda l-korruzzjoni f’diversi Stati Membri. Dawn huma riflessi fi stadji importanti konkreti fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    Skont ir-Regolament dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092), il-Kummissjoni tista’ tipproponi li l-Kunsill tal-UE jimponi miżuri baġitarji fuq l-Istati Membri tal-UE meta l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt – inkluża l-korruzzjoni – jista’ jaffettwa, jew jirriskja serjament li jaffettwa, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

    Il-korruzzjoni hija wkoll għodda għall-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi, il-mira ewlenija ta’ azzjoni li issa qed tiġi żviluppata fil-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija inkluż ukoll fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023.

    Konfiska u rkupru tal-assi

    Id-Direttiva 2014/42 12 stabbiliet regoli dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali biex il-kriminali jiġu mċaħħda b’mod effettiv mill-assi illegali tagħhom. Hija inkludiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha reati koperti mill-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali 13 kif ukoll mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat 14 . F’Mejju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva ġdida dwar l-Irkupru u l-Konfiska tal-Assi 15 , li tibni fuq il-leġiżlazzjoni preċedenti 16 . Il-proposta tipprevedi qafas ġdid u msaħħaħ għall-irkupru tal-assi biex jiġi żgurat li l-kriminalità ma trendix qligħ. Dan jagħti lill-awtoritajiet għodod aħjar biex iċaħħdu lill-gruppi tal-kriminalità organizzata mill-mezzi finanzjarji biex iwettqu aktar attivitajiet kriminali, inkluża l-korruzzjoni.

    Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

    Il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus huma marbuta b’mod intrinsiku. Bħal fil-każ ta’ reati oħra li jiġġeneraw ir-rikavat, ir-reati ta’ korruzzjoni jitwettqu bl-objettiv li jinkiseb gwadann privat. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija l-pedament tal-aġenda aktar wiesgħa biex tiġi miġġielda l-kriminalità serja, inkluża l-korruzzjoni, billi ċċaħħad lill-kriminali mill-qligħ illeċitu tagħhom u billi tipproċedi kontra dawk li jassistu fil-ħasil ta’ tali qligħ.

    Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (UE) 2018/1673 17 tistabbilixxi regoli bażiċi dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u tistabbilixxi li l-korruzzjoni trid tkun reat predikat għall-ħasil tal-flus. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ ir-regoli tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) 18 , b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) li jidentifikaw, janalizzaw u jxerrdu l-intelligence finanzjarja relatata mal-ħasil tar-rikavat mill-kriminalità. Dan huwa prerekwiżit ewlieni għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva tar-reati ta’ korruzzjoni.

    It-traffikar ta’ beni kulturali huwa negozju li jħalli qligħ għall-kriminalità organizzata. Lil hinn mit-traffikar, il-kriminali jistgħu jabbużaw anke minn beni kulturali miksubin legalment, għall-ħasil tal-flus u l-evażjoni tas-sanzjonijiet. Fit-13 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Beni Kulturali 19  li jipprovdi qafas komprensiv għall-UE u għall-Istati Membri biex javvanzaw il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-traffikar ta’ beni kulturali u reati relatati, inkluża l-korruzzjoni.

    Protezzjoni tal-informaturi

    Id-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (“id-Direttiva dwar l-Iżvelar ta’ Informazzjoni Protetta”) 20 ġiet adottata fl-2019 bil-għan li tiġi pprovduta protezzjoni robusta tal-informaturi bħala mezz biex jissaħħaħ l-infurzar tad-dritt tal-UE f’oqsma ta’ politika ewlenin. Id-Direttiva tapplika wkoll għar-rapportar ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur 21 . Din id-Direttiva għandha ssir applikabbli għar-rapportar tar-reati kif imsemmija f’din il-proposta, kif ukoll għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali reati. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw ukoll li l-persuni li jipprovdu evidenza jew li jikkooperaw b’xi mod ieħor ma’ investigazzjonijiet kriminali jingħataw il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali.

    Skemi taċ-ċittadinanza u tar-residenza b’investiment

    L-iskemi taċ-ċittadinanza u tar-residenza b’investiment (skemi tal-“viżi tad-deheb” u tal-“passaporti tad-deheb”) jistgħu jgħinu biex jinħbew jew jiġu ffaċilitati reati finanzjarji u ekonomiċi, inkluża l-korruzzjoni 22 . Hemm ukoll tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u kontroll ta’ dawn l-iskemi, marbut ukoll mar-rwol tal-intermedjarji f’dawn l-iskemi. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid Kontra l-Ħasil tal-Flus 23 tfittex li tistabbilixxi superviżjoni fuq l-attivitajiet tal-intermedjarji fl-iskemi tar-residenza b’investiment. Il-Kummissjoni tqis li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, li bihom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, u b’hekk iċ-ċittadinanza tal-UE, tingħata sistematikament għal pagamenti jew investimenti ddeterminati minn qabel, u mingħajr rabta ġenwina mal-Istat Membru li jagħti ċ-ċittadinanza, imorru kontra d-dritt tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri ma għandhomx joperaw skemi bħal dawn 24 . Il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra l-Istati Membri li jżommu tali skemi direttament abbażi tal-prerogattivi tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, bil-għan li titterminahom.

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2022 talbet lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri u s-salvagwardji kollha meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskji differenti inerenti fl-iskemi tar-residenza b’investiment, inklużi dawk marbuta mal-korruzzjoni 25 .

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 26 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema armonizzata, b’regoli minimi komuni, għall-ġlieda kontra l-frodi u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-Direttiva tipprovdi definizzjonijiet komuni ta’ għadd ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jinkludu l-frodi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni attiva u passiva, u l-miżapproprjazzjoni.

    L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi responsabbiltà kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri effettivi u dissważivi. Huwa jistabbilixxi wkoll obbligu li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni bejn l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

    Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ miżuri ekwivalenti biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tagħhom stess, jeħtieġ li d-Direttiva (UE) 2017/1371 tiġi allinjata mal-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva, f’termini ta’ sanzjonijiet, ċirkustanzi aggravanti u mitiganti u perjodi ta’ preskrizzjoni.

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371, f’konformità mal-Artikolu 18 tagħha, il-Kummissjoni se tivvaluta sa liema punt ir-reati previsti f’dik id-Direttiva jeħtieġ ukoll li jiġu aġġornati fid-dawl tad-Direttiva kurrenti.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażijiet ġuridiċi għal din il-proposta huma l-Artikoli 83(1), 83(2) u 82(1)(d) tat-TFUE.

    L-Artikolu 83(1) tat-TFUE jidentifika l-korruzzjoni bħala wieħed mir-reati b’dimensjoni transfruntiera partikolari. Dan jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jistabbilixxu r-regoli minimi meħtieġa dwar id-definizzjoni ta’ korruzzjoni permezz ta’ direttivi adottati f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    Ma hemm ebda definizzjoni unika ta’ korruzzjoni peress li l-korruzzjoni teżisti f’forom differenti li jinvolvu parteċipanti differenti. Fil-fatt, il-korruzzjoni hija fenomenu endemiku li jieħu diversi għamliet u forom fl-aspetti kollha tas-soċjetà, pereżempju t-tixħim, l-approprjazzjoni indebita, it-traffiku ta’ influwenza, it-traffiku ta’ informazzjoni, l-abbuż tal-uffiċċju u l-arrikkiment illeċitu 27 .

    Matul in-negozjati tal-UNCAC, l-Istati Partijiet tan-Nazzjonijiet Uniti kkunsidraw bir-reqqa jekk jiżviluppawx definizzjoni legali ta’ korruzzjoni. Ġie konkluż li kwalunkwe tentattiv ta’ definizzjoni komprensiva inevitabbilment jonqos milli jindirizza xi forom ta’ korruzzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-komunità internazzjonali laħqet kunsens dwar ċerti manifestazzjonijiet ta’ korruzzjoni filwaqt li ħalliet lil kull Stat liberu li jmur lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti fl-UNCAC 28 .

    L-Artikolu 83(2) tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika li fuqha ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2017/1371, li hija emendata bid-Direttiva proposta. Huwa jistabbilixxi l-kompetenza tal-UE li tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet fl-oqsma ta’ politika tal-UE li kienu soġġetti għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, jekk dan ikun essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ tali oqsma ta’ politika.

    L-Artikolu 82(1)(d) jipprovdi l-bażi ġuridika għal miżuri li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet, bħall-adozzjoni ta’ regoli komuni dwar il-ġuriżdizzjoni f’materji kriminali.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-korruzzjoni hija fenomenu tranżnazzjonali li jaffettwa s-soċjetajiet u l-ekonomiji kollha. Miżuri adottati biss fil-livell nazzjonali jew anki fil-livell tal-Unjoni, mingħajr ma jitqiesu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, ikollhom effett mhux sodisfaċenti. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tagħti l-konsiderazzjoni dovuta lill-ħidma tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO), tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC). Mill-2016 sal-2021, il-Eurojust irreġistrat 505 każijiet ta’ korruzzjoni transfruntiera, bl-għadd jiżdied b’mod kostanti matul dan il-perjodu ta’ 5 snin 29 , li jikkonferma li l-korruzzjoni hija fenomenu transfruntier li qed jikber gradwalment fl-UE. Studju reċenti ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea sab li “in-nuqqas ta’ qafas Ewropew koerenti li jinkludi dispożizzjonijiet għar-reati kollha relatati mal-korruzzjoni identifikati mill-istandards internazzjonali jikkostitwixxi sors għal sfidi leġiżlattivi u operazzjonali fl-indirizzar tal-każijiet ta’ korruzzjoni transfruntiera” 30 .

    Minħabba d-dimensjoni tranżnazzjonali tal-korruzzjoni, u b’kont meħud tal-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-UE, l-azzjoni fil-livell tal-UE hija mistennija li tkun aktar effettiva u effiċjenti u ġġib valur miżjud tanġibbli meta mqabbla ma’ azzjoni meħuda mill-Istati Membri individwalment. L-intervent tal-UE joħloq valur miżjud billi jkompli jqarreb il-liġi kriminali tal-Istati Membri, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi komuni bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-koordinazzjoni u standards komuni. Kif muri mill-analiżi fir-Rapporti annwali dwar l-Istat tad-Dritt, il-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti u l-infurzar limitat tagħha, flimkien mal-ħtieġa ta’ kooperazzjoni u kapaċità għall-prosekuzzjoni ta’ każijiet transfruntiera, jissuġġerixxu l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni u definizzjoni aktar b’saħħithom ta’ standards komuni madwar l-UE. Barra minn hekk, tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri ta’ prevenzjoni u tal-għodod ta’ investigazzjoni madwar l-UE. Barra minn hekk, minħabba n-natura dejjem aktar transfruntiera tal-każijiet ta’ korruzzjoni, hija meħtieġa kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri biex jiġu żgurati prevenzjoni u repressjoni adegwati. Definizzjonijiet kondiviżi tar-reati kriminali jiffaċilitaw tali kollaborazzjoni. Fl-aħħar nett, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tirrikjedi l-isforzi kkombinati ta’ ħafna atturi. Għalhekk, l-inkwadrar tal-kwistjoni tal-korruzzjoni fil-kuntest aktar wiesa’ tal-UE, meta mqabbel mal-kuntesti nazzjonali individwali tal-Istati Membri, jippermetti involviment aktar wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

    Jekk ma tittieħed ebda azzjoni fil-livell tal-UE, l-iskala tal-problema tal-korruzzjoni x’aktarx li tiżdied b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin. Dan ikollu implikazzjonijiet transfruntieri ċari u effett dirett fuq is-suq uniku, l-interess finanzjarju tal-UE, u s-sigurtà interna b’mod aktar ġenerali. Il-korruzzjoni fi Stat Membru individwali hija ta’ interess dirett għal Stati Membri oħra minħabba l-effetti transfruntieri tagħha. L-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jibqgħu jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jittrattaw il-każijiet aktar kumplessi ta’ korruzzjoni, li jagħtu lill-awturi ta’ reati opportunitajiet biex possibbilment ifittxu ġuriżdizzjonijiet tal-UE li ma jaqbdux, jew jaqbdu b’mod anqas effettiv u komprensiv, ċerti attivitajiet korrotti fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tagħhom kontra l-korruzzjoni. Il-korruzzjoni kontinwa fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta f’kost aktar wiesa’ għas-soċjetà permezz ta’ attività kriminali kontinwa u tista’ tiffaċilita wkoll l-operat kontinwu ta’ gruppi tal-kriminalità organizzata.

    Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, id-Direttiva l-ġdida proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-prevenzjoni u l-ġlieda b’mod effiċjenti kontra l-korruzzjoni u għall-implimentazzjoni tal-obbligi u l-istandards internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni, f’konformità mal-UNCAC.

    L-UNCAC tirrikjedi li l-partijiet għall-Konvenzjoni jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra biex jistabbilixxu t-tixħim, il-miżapproprjazzjoni u l-ħasil tal-flus bħala reati kriminali u jikkunsidraw li jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra biex jistabbilixxu ċerti atti oħra bħala reati kriminali (abbuż tal-uffiċċju, traffiku ta’ influwenza u, soġġett għall-kostituzzjoni tagħhom u l-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tagħhom, l-arrikkiment illeċitu). F’konformità mal-impenji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Politika adottata fis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021 kontra l-Korruzzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha, sa fejn ikun possibbli, tmur lil hinn mill-minimu u tadotta miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    Il-proposta tiddefinixxi l-ambitu tar-reati ta’ korruzzjoni bil-ħsieb li tkopri l-imġiba rilevanti kollha filwaqt li tillimitaha għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat. Il-proposta ssaħħaħ l-obbligi internazzjonali eżistenti fejn meħtieġ, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera u biex jiġi evitat li l-kriminali jisfruttaw id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għall-vantaġġ tagħhom.

    L-impatt tal-miżuri proposti fuq l-Istati Membri f’termini ta’ riżorsi meħtieġa u l-ħtieġa li jiġi adattat il-qafas nazzjonali huwa megħlub mill-benefiċċji pprovduti miż-żieda fil-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw il-korruzzjoni permezz tal-liġi kriminali, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti f’każijiet ta’ korruzzjoni transfruntiera. L-approssimizzazzjoni tal-miżuri relatati mal-prevenzjoni u l-użu ta’ għodod investigattivi hija prevista biss sal-punt meħtieġ biex il-qafas tal-liġi kriminali propost jiffunzjona b’mod effettiv.

    Għażla tal-istrument

    F’konformità mal-Artikolu 83 u l-Artikolu 82(1) tat-TFUE, l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam tal-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera, inkluża l-korruzzjoni jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi, li tkopri t-tixħim fis-settur pubbliku, u d-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA, li tkopri t-tixħim fis-settur privat, ma kinux soġġetti għal evalwazzjoni ex post.

    Il-Kummissjoni sa issa adottat żewġ rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371. Fis-6 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport minn dawn 31 , li jissottolinja li l-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva ttrasponew id-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha, iżda t-traspożizzjoni tad-Direttiva għad trid tittejjeb fir-rigward ta’ xi dispożizzjonijiet oħra. Ir-rapport jinnota li xi aspetti tad-definizzjoni ta’ “uffiċjal pubbliku” ma ġewx trasposti fil-leġiżlazzjoni ta’ madwar nofs l-Istati Membri. Skont ir-rapport, aspett addizzjonali “ksur tad-dmirijiet” huwa meħtieġ fid-definizzjoni ta’ korruzzjoni kemm attiva kif ukoll passiva f’diversi Stati Membri. Dan l-aspett addizzjonali jnaqqas b’mod sinifikanti l-ambitu tad-definizzjonijiet ta’ korruzzjoni tad-Direttiva.

    Dwar il-“korruzzjoni passiva”, il-Kummissjoni sabet li, f’għadd żgħir ta’ Stati Membri, l-aspett li jikkonċerna n-nuqqas tal-uffiċjali pubbliċi “milli jaġixxu skont dmirijiethom” ma huwiex kopert mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dwar il-“korruzzjoni attiva”, ir-rapport isemmi li xi wħud mill-aspetti tad-definizzjoni prevista mid-Direttiva huma neqsin jew ma ġewx trasposti b’mod korrett f’xi Stati Membri. Fir-rigward tal-miżapproprjazzjoni, il-Kummissjoni sabet li xi Stati Membri pprovdew traspożizzjoni aktar dejqa tad-dispożizzjoni rilevanti jew ma ttrasponewhiex kompletament. Ir-rapport isemmi wkoll li, fir-rigward tal-pieni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma ġewx trasposti b’mod korrett fi kwart tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-perjodi ta’ preskrizzjoni, il-Kummissjoni sabet li, fi ftit Stati Membri, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza huwa iqsar minn dak previst mid-Direttiva 32 .

    F’Settembru 2022, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 33 . Ir-rapport iffoka fuq tliet kwistjonijiet speċifiċi: i) l-adegwatezza tal-limitu previst mid-Direttiva fir-rigward ta’ frodi relatata mal-VAT (EUR 10 miljun ta’ dannu totali); ii) l-effettività tad-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni; u iii) jekk id-Direttiva tindirizzax b’mod effettiv każijiet ta’ frodi ta’ akkwist. F’konformità mal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva (UE) 2017/1371, ir-rapport kien ibbażat primarjament fuq l-informazzjoni li l-Istati Membri pprovdew lill-Kummissjoni, inkluża statistika annwali dwar ir-reati kriminali msemmija fid-Direttiva.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet eżistenti tagħhom fil-livell nazzjonali rigward il-kriminalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi talbet informazzjoni aġġornata permezz ta’ żewġ kwestjonarji, kif deskritt fit-taqsima ta’ hawn taħt.

    L-ideat għal abbozz ta’ Direttiva, u t-tweġibiet għall-kwestjonarji, ġew diskussi f’żewġ workshops ta’ kondiviżjoni tal-esperjenzi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn il-workshops saru fl-14 ta’ Diċembru 2022 u fl-14 ta’ Marzu 2023 ma’ esperti mill-Istati Membri, inklużi rappreżentanti tal-Ministeri tal-Intern, il-Ministeri tal-Ġustizzja, l-Aġenziji Kontra l-Korruzzjoni, il-pulizija u l-prosekuzzjoni. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-Aġenziji u lill-korpi tal-Unjoni responsabbli biex jappoġġaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, inklużi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-prevenzjoni u s-soppressjoni tal-korruzzjoni.

    Il-Kummissjoni kkonsultat u rċeviet input minn organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-UNODC, l-OECD, u l-GRECO. Is-soċjetà akkademika u ċivili wkoll ipprovdiet input, inkluża Transparency International u l-Koalizzjoni tal-UNCAC. Laqgħa plenarja tal-Korrispondenti Lokali tar-Riċerka dwar il-Korruzzjoni 34 ddiskutiet diversi suġġetti b’rabta mal-proposta fit-13 ta’ Marzu 2023.

    Din il-proposta ġiet diskussa wkoll fil-laqgħat tan-Network ta’ punti ta’ kuntatt dwar l-Istat tad-Dritt fis-27 ta’ Jannar 2023, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iskemi taċ-Ċittadinanza u tar-Residenza b’Investiment fl-1 ta’ Marzu 2023, il-Pjattaforma tal-UIF tal-UE fil-15 ta’ Marzu 2023 u l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Politika Kriminali tal-UE fis-27 ta’ Marzu 2023.

    B’mod ġenerali, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni u tas-sanzjonijiet biex il-korruzzjoni madwar l-UE tiġi miġġielda b’mod komprensiv u effettiv. Il-partijiet ikkonċernati indikaw li kien hemm każijiet frekwenti fejn id-definizzjonijiet differenti xekklu l-kooperazzjoni transfruntiera effettiva fil-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni. L-approssimazzjoni tad-definizzjonijiet rispettivi tar-reati ta’ korruzzjoni għandha ttejjeb l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-allinjament tal-livell tas-sanzjonijiet imposti għar-reati ta’ korruzzjoni jagħmel ukoll l-infurzar u d-deterrenza aktar effettivi madwar l-UE. Għadd ta’ Stati Membri sostnew li traspożizzjoni mekkanika tar-reat ta’ arrikkiment illeċitu kif definit fl-UNCAC tmur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Parti kbira mill-partijiet ikkonċernati ssuġġerew li l-proposta għandha tkopri wkoll il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, tinkludi sanzjonijiet addizzjonali, bħall-ineliġibbiltà li wieħed imexxi jew jokkupa kariga pubblika jew jixħet offerti għal fondi pubbliċi, u tirrifletti l-importanza ta’ korpi speċjalizzati kontra l-korruzzjoni, b’indipendenza, taħriġ u riżorsi suffiċjenti.

    Sejħa għall-evidenza ġiet ippubblikata għall-feedback mill-20 ta’ Jannar 2023 sas-17 ta’ Frar 2023, b’total ta’ 361 kontribuzzjoni riċevuti 35 . It-tweġibiet ikkonfermaw l-importanza vitali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-korruzzjoni fl-UE f’ħafna livelli, inkluż fl-istituzzjonijiet tal-UE. Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tat-tweġibiet talbu miżuri addizzjonali, xi wħud issottolinjaw ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-qafas internazzjonali kurrenti u li jiġu kkunsidrati bir-reqqa inizjattivi legali jew mhux vinkolanti ġodda. Diversi kontribuzzjonijiet enfasizzaw li hemm rabta mill-qrib bejn il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Dwar it-tisħiħ tal-qafas kurrenti, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti qablu li l-lakuni leġiżlattivi jeħtieġ li jiġu indirizzati u l-kriminalizzazzjoni għandha tkopri l-imġiba kriminali lil hinn mill-qafas leġiżlattiv internazzjonali kurrenti b’sanzjonijiet korrispondenti. Skont xi rispondenti, biex il-kumplessità tal-każijiet ta’ korruzzjoni tiġi indirizzata b’mod effiċjenti, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom kapaċitajiet adegwati f’termini ta’ riżorsi, taħriġ, tekniki ta’ investigazzjoni speċjali u tagħmir speċjalizzat. Diversi rispondenti talbu li tinħoloq għodda ta’ monitoraġġ u verifika bil-għajnuna tas-soċjetà ċivili.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    F’konformità mal-impenn li sar fl-Istrateġija tal-UE għall-Kriminalità Organizzata 2021-2025, il-Kummissjoni Ewropea kkuntrattat studju biex tirrieżamina l-korp tad-dritt tal-UE fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. L-istudju “Strengthening the fight against corruption: assessing the EU legislative and policy framework”, li twettaq minn konsorzju ta’ EY u l-Korporazzjoni RAND, ġie ppubblikat fit-3 ta’ Jannar 2023 36 . Dan analizza l-lakuni fil-qafas leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni, u pprovda rakkomandazzjonijiet għal miżuri possibbli tal-UE biex jiġu indirizzati dawn il-lakuni, billi vvaluta u qabbel l-impatti ta’ tali miżuri.

    L-istudju kkonkluda li allinjament leġiżlattiv aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri tal-UE, akkumpanjat b’miżuri ta’ appoġġ mhux vinkolanti, ikollu l-akbar impatt fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. B’mod speċifiku, l-istudju talab li jiġu stabbiliti regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni u l-pieni relatati, flimkien ma’ regoli komuni biex jittejbu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri kollha (eż. it-tisħiħ tar-rapportar, l-armonizzazzjoni tal-approċċi għall-immunità u l-istatuti ta’ preskrizzjoni, kif ukoll għall-faċilitaturi tal-korruzzjoni). Dawn il-konklużjonijiet ġew ikkunsidrati f’din il-proposta għal Direttiva. Barra minn hekk, l-istudju sejjaħ ukoll għal miżuri mmirati biex jiżguraw il-prevenzjoni effettiva tal-korruzzjoni, inkluż il-ġbir komprensiv ta’ data dwar il-korruzzjoni, u l-istabbiliment ta’ awtoritajiet dedikati kontra l-korruzzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

    Il-Kummissjoni qieset ukoll data oħra, bħall-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2022 dwar il-korruzzjoni. Il-Kummissjoni bbażat ukoll fuq dokumenti rilevanti tal-UNODC, tal-OECD, tal-GRECO, u tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew.

    Kif issemma hawn fuq, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri biex tidentifika liema data tal-ġustizzja kriminali dwar ir-reati ta’ tixħim hija disponibbli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiġbru data dwar każijiet ta’ tixħim, filwaqt li mhux l-Istati Membri kollha li wieġbu jidhru li jiġbru data dwar il-kundanni ta’ persuni ġuridiċi, l-għadd ta’ każijiet pendenti u l-każijiet solvuti b’mod differenti minn kundanni jew ħelsien mill-ħtija. Dan jindika li ġbir tad-data aktar armonizzat dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni jista’ jgħin biex jiġu identifikati u analizzati x-xejriet madwar l-UE.

    Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar il-korpi speċjalizzati tagħhom li jaħdmu fuq il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, inklużi l-korpi li għandhom ċerti setgħat repressivi (bħall-impożizzjoni ta’ multi). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw korp wieħed jew aktar li għandhom xi rwol fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni. F’ħafna Stati Membri, hemm diversi korpi bħal dawn bis-setgħat proprji tagħhom, iżda xi Stati Membri għandhom korp wieħed b’setgħat aktar komprensivi. Tmien Stati Membri ma rrapportawx dwar l-eżistenza ta’ korp preventiv speċjalizzat iżda pjuttost dwar korpi li, minbarra l-kompiti l-oħra tagħhom, jittrattaw ukoll il-prevenzjoni.

    Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar is-setgħat tal-korpi speċjalizzati tagħhom li jaħdmu fuq il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Dan l-immappjar jikxef varjazzjoni wiesgħa fil-kompiti u s-setgħat ta’ dawn il-korpi, li jvarjaw minn setgħat relatati mas-sorveljanza tad-dikjarazzjonijiet tal-assi/tal-interessi jew tar-rigali għall-infurzar tar-regolamentazzjoni dwar il-lobbjar u tar-regoli dwar ir-“revolving doors”. Xi korpi għandhom ukoll setgħat ta’ infurzar bħall-ħruġ ta’ multi.

    L-Istati Membri ġew mistoqsija wkoll dwar il-korpi tagħhom speċjalizzati fir-repressjoni tal-korruzzjoni. Filwaqt li l-Istati Membri kollha jippermettu lill-pulizija u lill-korpi ta’ prosekuzzjoni regolari jinvestigaw u jipproċedu kontra xi forom ta’ korruzzjoni, kważi l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ ukoll xi forma ta’ pulizija speċjalizzata biex jinvestigaw każijiet speċifiċi ta’ korruzzjoni, pereżempju meta jkunu aktar serji, kumplessi jew relatati ma’ ċerta kategorija ta’ suspettati. Fir-rigward tal-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom prosekuturi speċjalizzati biex jittrattaw tali każijiet ta’ korruzzjoni.

    Kwestjonarju ieħor, li l-input għalih inġabar bejn id-9 ta’ Jannar u t-8 ta’ Frar 2023, iffoka fuq l-informazzjoni dwar ir-reati ta’ korruzzjoni, biex jinforma u jiggwida lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-proposta. L-Istati Membri ġew mistiedna jikkondividu d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali tagħhom li jkopru dawn ir-reati, kif definit fl-UNCAC, it-tul massimu ta’ priġunerija marbut ma’ tali reati, u l-perjodi ta’ preskrizzjoni fis-seħħ. Ir-reati ta’ korruzzjoni li għalihom intalbet informazzjoni kienu t-tixħim fis-settur pubbliku u privat, il-miżapproprjazzjoni minn uffiċjal pubbliku jew fis-settur privat, it-traffiku ta’ influwenza, l-abbuż tal-uffiċċju, l-arrikkiment illeċitu u t-tfixkil tal-ġustizzja. L-Istati Membri kollha ħlief il-Bulgarija u d-Danimarka wieġbu għall-kwestjonarju. Ir-riżultati ta’ dan il-kwestjonarju huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

    Illustrazzjoni 1: Kriminalizzazzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri

    REATI

    GĦADD TA’ STATI MEMBRI FEJN IR-REAT HUWA KOPERT FIL-LIĠI NAZZJONALI

    GĦADD TA’ STATI MEMBRI FEJN IR-REAT MA HUWIEX KOPERT FIL-LIĠI NAZZJONALI

    Tixħim fis-settur pubbliku

    25

    0

    Tixħim fis-settur privat

    25

    0

    Approprjazzjoni indebita, miżapproprjazzjoni u devjazzjoni oħra ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku

    25

    0

    Approprjazzjoni indebita fis-settur privat

    25

    0

    Traffiku ta’ influwenza

    23

    2

    Abbuż tal-uffiċċju

    25

    0

    Arrikkiment illeċitu

    8

    17

    Tfixkil tal-ġustizzja

    25

    0

    L-analiżi ta’ dak li rrapportaw l-Istati Membri turi li l-Istati Membri għandhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom reati dwar it-tixħim fis-setturi pubbliċi u privati, l-approprjazzjoni indebita, il-miżapproprjazzjoni, it-tfixkil tal-ġustizzja 37 u l-abbuż tal-uffiċċju. Madankollu, id-definizzjonijiet għandhom ħafna varjazzjonijiet, b’mod partikolari meta wieħed iħares lejn l-approprjazzjoni indebita jew l-abbuż tal-uffiċċju. Ċertament ma jistax jiġi konkluż li l-Istati Membri jkopru l-ambitu sħiħ tar-reati ta’ korruzzjoni kif definiti fl-UNCAC 38 . Ħafna Stati Membri jirrapportaw li huma kkriminalizzaw it-traffiku ta’ influwenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, iżda xi definizzjonijiet ivarjaw b’mod sinifikanti mid-dispożizzjoni rilevanti tal-UNCAC u xi drabi r-reat huwa kopert biss parzjalment. L-arrikkiment illeċitu għadu kopert b’mod skars, bi tmien Stati Membri jirrapportaw xi forma ta’ kopertura fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li għadd ta’ oħrajn jirrapportaw li dawn l-aspetti kienu koperti fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-ħasil tal-flus jew il-konfiska tal-assi. Id-differenzi fid-definizzjoni tar-reati u n-nuqqas ta’ kriminalizzazzjoni ta’ xi mġiba korrotta jikkawżaw problemi f’każijiet transfruntieri u jwasslu għal kritika minn ċerti korpi ta’ monitoraġġ dwar kif l-Istati Membri jimplimentaw l-istrumenti internazzjonali.

    Illustrazzjoni 2: Sanzjonijiet ta’ priġunerija għar-reati ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri

    Tul ta’ priġunerija fl-Istati Membri

    UE - medda fi snin (abbażi tal-kontribuzzjonijiet riċevuti)

    UE - medja fi snin (abbażi tal-kontribuzzjonijiet riċevuti)

    Medjan

    fi snin

    Tixħim fis-settur pubbliku

    0,25 - 15

    6,94 - 9,59

    6 - 10

    Tixħim fis-settur privat

    0,25 - 12

    5,74 - 6,43

    5 - 6

    Approprjazzjoni indebita, miżapproprjazzjoni u devjazzjoni oħra ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku

    0,25 - 15

    6,15 - 8,34

    -6 - 10

    Approprjazzjoni indebita fis-settur privat

    0,25 - 20

    5,57 - 8,08

    5 - 8

    Traffiku ta’ influwenza

    0,25 - 10

    4,87 - 5,53

    5

    Abbuż tal-uffiċċju

    1 - 20

    -5,92 - 6,56

    4 - 5

    Arrikkiment illeċitu

    0,5 - 15

    5,38 - 7,19

    3,5 - 6

    Tfixkil tal-ġustizzja

    1 - ħajja

    5,58 - 8,67

    4,5 - 6

    Fl-istabbiliment tal-livell minimu tal-piena massima għar-reati f’din il-proposta, il-Kummissjoni qieset in-natura tar-reati, il-livelli tal-pieni stabbiliti fl-Istati Membri (ara l-Illustrazzjoni 2), u l-livelli stabbiliti minn strumenti oħra tal-UE fil-qasam tal-liġi kriminali sostantiva. Il-pieni proposti f’din id-Direttiva ma jmorrux lil hinn mil-livell medju tal-pieni massimi għal dawn ir-reati fl-Istati Membri. Pereżempju, il-piena medja għat-tixħim fis-settur pubbliku tvarja minn madwar 7 sa 9,5 snin, filwaqt li għat-tixħim fis-settur privat tvarja minn madwar 5,5 sa 6 snin. Fl-istess ħin, hemm ukoll differenzi sinifikanti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Pereżempju, il-pieni massimi għar-reat ta’ miżapproprjazzjoni jvarjaw minn 3 xhur fi Spanja għal 15-il sena fil-Greċja 39 . L-istabbiliment ta’ livell minimu tal-piena massima fil-livell tal-UE għalhekk se jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja u jżid id-deterrenza. 

    Illustrazzjoni 3: Statut ta’ preskrizzjoni għar-reati ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri

    Perjodi ta’ preskrizzjoni fl-Istati Membri

    UE - medda fi snin

    (abbażi tal-kontribuzzjonijiet riċevuti)

    UE - medja fi snin

    (abbażi tal-kontribuzzjonijiet riċevuti)

    Medjan

    fi snin

    Tixħim fis-settur pubbliku

    3 - 25

    10,76 -14,28

    10 - 12

    Tixħim fis-settur privat

    3 - 25

    10,26 -11,70

    10

    Approprjazzjoni indebita, miżapproprjazzjoni u devjazzjoni oħra ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku

    3 - 25

    10,50 - 13,20

    10 - 12

    Approprjazzjoni indebita fis-settur privat

    3 - 25

    9,42 - 12,19

    10

    Traffiku ta’ influwenza

    2 - 25

    9,00 - 10,82

    8 - 10

    Abbuż tal-uffiċċju

    5 - 25

    10,48 - 11,63

    9 - 10

    Arrikkiment illeċitu

    5 - 20

    10,13 - 11,38

    10-11

    Tfixkil tal-ġustizzja

    3 - 25

    9,25 - 12,70

    10

    It-tweġibiet tal-Istati Membri dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għar-reati ta’ korruzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali infurmaw lill-Kummissjoni fil-proposta kurrenti tagħha. Għat-tixħim fis-settur pubbliku, il-medja tvarja bejn 11 u 14-il sena; filwaqt li għat-tixħim fis-settur privat, il-medja tvarja bejn 10 u 11,5-il sena. Fl-istess ħin, hemm ukoll differenzi konsiderevoli fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri: għat-tixħim fis-settur pubbliku u fis-settur privat, il-perjodi minimi u massimi ta’ preskrizzjoni jvarjaw minn 3 snin fi Stati Membri bħaċ-Ċekja jew il-Litwanja għal 25 sena fil-Polonja.

    Ir-rapporti annwali dwar l-Istat tad-Dritt innotaw li n-nuqqasijiet operazzjonali jistgħu jostakolaw serjament l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni u jimminaw l-effettività tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Eżempji jinkludu dispożizzjonijiet eċċessivament ikkumplikati jew mhux ċari dwar it-tneħħija tal-immunitajiet, u termini preskrittivi qosra, li jistgħu jipprevjenu l-finalizzazzjoni ta’ każijiet kumplessi, b’mod partikolari jekk ikunu kkombinati ma’ fatturi oħra li jikkontribwixxu għal proċedimenti twal. Dawn l-ostakli jistgħu jkunu partikolarment ta’ ħsara għal każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u kumplessi u jistgħu joħolqu riskju ta’ impunità, u jċaħħdu l-isforzi kontra l-korruzzjoni mill-effetti dissważivi tagħhom.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba li din il-proposta għal Direttiva tinkorpora prinċipalment obbligi u standards internazzjonali, u ftit tħalli marġni għal korsijiet ta’ azzjoni alternattivi, din il-proposta hija ppreżentata b’mod eċċezzjonali mingħajr valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha. Barra minn hekk, l-inizjattiva ma hijiex probabbli li jkollha impatti u kostijiet ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti, jew dawk li jinvolvu nfiq sinifikanti. Fl-istess ħin, hija għandha tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi.

    Madankollu, din il-proposta tibni fuq l-evidenza miġbura permezz tal-istudji u l-valutazzjonijiet esterni deskritti fit-taqsima preċedenti u d-diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

    Ġew ikkunsidrati approċċi differenti bl-użu tal-evidenza disponibbli:

    1.Azzjoni mhux leġiżlattiva fil-livell tal-UE jew nazzjonali, inklużi linji gwida, skambju tal-aħjar prattiki, taħriġ u l-iżvilupp ta’ tabelli ta’ korrispondenza għar-reati relatati mal-korruzzjoni;

    2.Proposta li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-UNCAC;

    3.Proposta li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-UNCAC filwaqt li fl-istess ħin tmur lil hinn mill-obbligi internazzjonali f’ċerti aspetti, billi timponi livelli minimi għal-limitu massimu tas-sanzjonijiet, biex tiffaċilita l-prosekuzzjonijiet u żżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-etika u l-integrità fost l-uffiċjali pubbliċi;

    4.Proposta li tiddefinixxi d-diversi kundizzjonijiet u elementi tar-reati kollha possibbli ta’ korruzzjoni u r-rekwiżiti għal miżuri ta’ prevenzjoni bħar-regoli dwar il-lobbjar u l-kunflitti ta’ interess.

    Abbażi tal-evidenza miġbura u l-valutazzjonijiet preċedenti deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni għażlet approċċ (l-għażla 3 hawn fuq) li jipproponi armonizzazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UNCAC, filwaqt li tieħu approċċ aktar ambizzjuż u tmur lil hinn mill-obbligi internazzjonali f’dawk l-oqsma fejn l-azzjoni għandha benefiċċji dimostrabbli f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera filwaqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet u l-ġuriżprudenza nazzjonali u tiżgura l-konsistenza mad-dritt tal-UE.

    Il-proposta leġiżlattiva hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni, u r-rispons għall-korruzzjoni, b’mod partikolari bl-approssimizzazzjoni tad-definizzjonijiet tar-reati kriminali u l-allinjament tas-sanzjonijiet kriminali. It-teħid ta’ miżuri biex tiġi evitata l-korruzzjoni, filwaqt li jiġu pproċessati l-awturi ta’ reati u jitnaqqas il-fenomenu kriminali tal-korruzzjoni huwa mistenni li jnaqqas il-kostijiet ekonomiċi u soċjali u jħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija. L-iżgurar ta’ pieni deterrenti għall-awturi ta’ reati huwa probabbli li jżid il-livell ġenerali tas-sigurtà u jfixkel l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata. Iż-żieda fl-armonizzazzjoni f’dan il-qasam fil-prinċipju tippermetti lill-UE tallinja aktar mal-istandards internazzjonali dwar il-korruzzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv f’każ ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Għall-ewwel darba fil-livell tal-UE, il-proposta tiġbor flimkien il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f’dak privat f’att legali wieħed. Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi obbligi u standards internazzjonali fil-leġiżlazzjoni tal-UE u taġġorna l-qafas legali sabiex ikun jista’ jirrispondi b’mod xieraq għall-fenomenu transfruntier tal-korruzzjoni. Dan se jgħin lill-Istati Membri meta jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti.

    Drittijiet fundamentali

    L-Unjoni ġiet stabbilita fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-TUE. Il-korruzzjoni timmina l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-valuri tal-UE, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Billi tindirizza l-korruzzjoni, din il-proposta tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni.

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma objettivi komplementari, mhux kunfliġġenti. L-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriminalizzazzjoni għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ tal-obbligi tad-drittijiet fundamentali. Kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri li tkun soġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-għan leġittimu li jintlaħqu b’mod ġenwin l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, tkun prevista mil-liġi u tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.

    F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu varjetà ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-drittijiet li huma partikolarment rilevanti fir-rigward tal-miżuri proposti jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif ukoll il-prinċipju li persuna ma tistax tiġi pproċessata jew ikkastigata darbtejn għall-istess reat (“ne bis in idem”).

    Il-miżuri kollha adottati mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha dwar il-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni kif previst f’din id-Direttiva, u d-determinazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali tagħha, iridu jkunu soġġetti għall-prinċipju tal-legalità u tal-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, għall-preżunzjoni tal-innoċenza u għad-drittijiet tad-difiża, u għandhom jeskludu kwalunkwe forma jew arbitrarjetà.

    Din il-proposta tirrispetta l-prinċipju li r-reati kriminali u l-pieni jridu jkunu stabbiliti fil-liġi u jkunu proporzjonati. Id-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali u l-prinċipju tal-proporzjonalità huma rrispettati billi l-ambitu tar-reati huwa limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tkun tista’ ssir prosekuzzjoni effettiva tal-atti li joħolqu theddida partikolari għall-istabbiltà u s-sigurtà tas-soċjetajiet. Il-proposta tqis ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità billi tipprevedi obbligi relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti u mitiganti.

    Id-Direttiva tintroduċi regoli minimi dwar il-livell ta’ sanzjonijiet f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità (ara b’mod partikolari l-Artikoli 11(1) u 13(1) tad-Direttiva), b’kont meħud tan-natura tar-reat. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet amministrattivi imposti għandhom jiġu kkunsidrati meta l-persuna tingħata sentenza għal reat kriminali stabbilit fid-Direttiva (il-premessa 13). Id-Direttiva tissottolinja wkoll li, biex jiġu żgurati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi u trasparenti tar-reati ta’ korruzzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għas-sospensjoni jew ir-riassenjazzjoni temporanja ta’ uffiċjal pubbliku akkużat b’reat kif imsemmi f’din id-Direttiva. F’każijiet bħal dawn, huma għandhom iżommu f’moħħhom il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u l-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt għal rimedju effettiv (il-premessa 19).

    L-użu ta’ għodod investigattivi, li d-Direttiva tfittex li tiżgura, għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47) u l-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża (l-Artikolu 48). L-użu ta’ tali għodod, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandu jkun immirat u jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u n-natura u l-gravità tar-reati li jkunu qed jiġu investigati u għandu jirrispetta d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, meta japplikaw id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali.

    Id-data miġbura mill-Istati Membri għall-finijiet ta’ din id-Direttiva hija statistika u ma tinkludi l-ebda data personali; għalhekk, l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (“protezzjoni tad-data personali”) ma huwiex affettwat mill-obbligu tal-Istati Membri li jiġbru u jippubblikaw id-data.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja immedjata għall-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-implimentazzjoni tad-Direttiva se tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda biex jiddaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. Sentejn wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

    Erba’ snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-valur miżjud ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż l-impatt fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tiddeċiedi dwar azzjonijiet xierqa ta’ segwitu.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni

    Ma huwa meħtieġ l-ebda dokument ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Artikolu 1: Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-għan u l-kampa ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta’ Direttiva, b’mod partikolari li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-korruzzjoni, kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda aħjar kontra l-korruzzjoni.

    Artikolu 2: Definizzjonijiet – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi definizzjonijiet għal “proprjetà” (fir-rigward tar-reati ta’ korruzzjoni fl-Artikoli 7-13) f’konformità mal-korp tad-dritt tal-UE 40 u “persuni ġuridiċi” (fir-rigward tal-obbligu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi fl-Artikolu 16). Il-kunċett ta’ “uffiċjal pubbliku” huwa bbażat fuq id-definizzjonijiet previsti fil-Konvenzjoni tal-1997 u fid-Direttiva (UE) 2017/1371 filwaqt li jagħmel espliċitu li huwa jkopri wkoll persuni li jaħdmu f’pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u l-qrati nazzjonali u internazzjonali. Din id-Direttiva tuża definizzjoni waħda ta’ “uffiċjal pubbliku” li hija applikabbli għar-reati kollha ta’ korruzzjoni stabbiliti fiha. Il-kunċett ta’ “uffiċjal ta’ livell għoli” huwa definit fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti (l-Artikoli 18 u 28), il-miżuri preventivi (l-Artikolu 23) u l-ġbir tad-data (l-Artikolu 25).

    Artikolu 3: Prevenzjoni tal-korruzzjoni – Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tenfasizza l-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi indirizzata minn perspettiva preventiva. Hija għandha l-għan li tesplora attivitajiet biex titqajjem kuxjenza dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni u riċerka, li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Sabiex tiġi stabbilita b’mod xieraq tali sistema preventiva, huwa meħtieġ proċess adegwat ta’ valutazzjoni tar-riskju, sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-lakuni u s-setturi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni li takkumpanja din il-proposta, il-Kummissjoni, bil-għajnuna tan-network tal-UE kontra l-korruzzjoni, u f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se timmappja oqsma komuni ta’ riskju għoli sal-2024. Ir-riżultati se jinfurmaw il-valutazzjoni tar-riskji nazzjonali tal-Istati Membri, meħtieġa minn din il-proposta.

    Artikolu 4: Korpi speċjalizzati – Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu jew ikollhom fis-seħħ korpi fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali tagħhom li jkunu speċjalizzati fil-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni. Dawn il-korpi jeħtieġ li jkunu indipendenti, ikollhom biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi u jkollhom is-setgħat meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Huma jeħtieġ li jkunu magħrufa mill-pubbliku u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bi trasparenza, integrità u responsabbiltà.

    Artikolu 5: Riżorsi – Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew l-aġġudikazzjoni tar-reati skont id-Direttiva jkollhom kontinwament riżorsi umani, finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi xierqa meħtieġa għat-twettiq effettiv tad-dmirijiet tagħhom.

    Artikolu 6: Taħriġ – Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċjalizzat kontra l-korruzzjoni għall-awtoritajiet kompetenti u l-persunal tagħhom u biex jiżguraw li jkun hemm riżorsi adegwati għal dan. Hija fiha wkoll obbligi dwar it-taħriġ rilevanti għall-uffiċjali pubbliċi.

    Artikoli 7 u 8: Tixħim – Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu t-tixħim fis-setturi pubbliċi u privati u jipprevedu li tali mġiba għandha tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment. Id-definizzjoni tar-reati kriminali tkopri kemm it-tixħim attiv kif ukoll dak passiv.

    Artikolu 9: Miżapproprjazzjoni – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-miżapproprjazzjoni fis-settur pubbliku u privat u tipprevedi li tali mġiba għandha tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment.

    Artikolu 10: Traffiku ta’ influwenza – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi t-traffiku ta’ influwenza u tipprevedi li tali mġiba għandha tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment. Id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li t-traffiku ta’ influwenza huwa punibbli irrispettivament minn jekk l-influwenza tiġix eżerċitata jew jekk l-eżerċizzju allegat tagħha jwassalx għal riżultati.

    Artikolu 11: Abbuż tal-uffiċċju – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-abbuż tal-uffiċċju fis-settur pubbliku u privat u tistipula li l-imġiba jew in-nuqqas ta’ azzjoni għandu jkun punibbli bħala reat kriminali, meta jitwettaq intenzjonalment.

    Artikolu 12: Tfixkil tal-ġustizzja – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi t-tfixkil tal-ġustizzja u tistipula li tali mġiba għandha tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment u fil-kuntest ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ reat kif definit f’din id-Direttiva.

    Artikolu 13: Arrikkiment minn reati ta’ korruzzjoni – Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali 41 tistabbilixxi regoli bażiċi dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u tistabbilixxi li l-korruzzjoni għandha titqies bħala reat predikat għall-ħasil tal-flus. Madankollu, dik id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jikkriminalizzaw l-akkwiżizzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà derivata mill-korruzzjoni jekk persuna kienet involuta fir-reat li minnu tkun ġiet derivata il-proprjetà (dan huwa dak li jissejjaħ “awtoriċiklaġġ”). Din il-proposta għal Direttiva tintroduċi tali rekwiżit immirat, u b’hekk toħloq ir-reat ta’ “arrikkiment mill-korruzzjoni”. Għal dan ir-reat, il-prosekuzzjoni tkun trid tipprova biss rabta bejn il-proprjetà u l-involviment fil-korruzzjoni, l-istess bħalma jkollhom jagħtu prova tal-korruzzjoni bħala reat predikat għall-iskop ta’ ħasil ta’ flus.

    Artikolu 14: Inċitament, għajnuna u assistenza, u tentattiv – Din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kriminali msemmija hawn fuq, li tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw forom ta’ għajnuna u assistenza, inċitament u tentattiv ta’ ħafna mir-reati msemmija.

    L-għajnuna u l-assistenza f’reat ta’ korruzzjoni jistgħu jinkludu varjetà kbira ta’ attivitajiet li jvarjaw mill-iffaċilitar jew l-għoti ta’ konsulenza għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ għat-twettiq ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata deterrenza effettiva, huwa meħtieġ li jiġi kriminalizzat l-inċitament, billi jsir punibbli l-att ta’ solleċitazzjoni ta’ persuni oħra biex iwettqu r-reati stabbiliti fid-Direttiva proposta. Peress li d-definizzjoni ta’ xi reati ta’ korruzzjoni, bħat-tixħim, tinkludi atti li jistgħu jikkwalifikaw bħala preparatorji u li ma jeħtiġux li l-awtur tar-reat jikseb vantaġġ reali, din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jikkriminalizzaw it-tentattiv tagħhom.

    Artikolu 15: Pieni u miżuri għal persuni fiżiċi – Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għar-reati kollha u tirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-livell minimu tas-sanzjoni massima. Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA diġà tistabbilixxi limitu minimu għal piena massima ta’ sena sa 3 snin għat-tixħim fis-settur privat. Il-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni titlob għat-tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi, tal-anqas f’każijiet serji, pieni li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li jistgħu jwasslu għall-estradizzjoni.

    Din il-proposta tistabbilixxi l-piena massima minima bejn 4 u 6 snin, skont il-gravità tar-reat, li hija żieda meta mqabbla mal-pieni msemmija hawn fuq fil-livell tal-UE għat-tixħim. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni analizzat il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri bi tħejjija għal din il-leġiżlazzjoni.

    Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA diġà tistabbilixxi l-possibbiltà li persuna misjuba ħatja ta’ korruzzjoni tista’ tiġi temporanjament ipprojbita milli twettaq l-attività kummerċjali tagħha. Din id-Direttiva tistabbilixxi għadd ta’ sanzjonijiet addizzjonali li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jimponu fuq persuni misjuba ħatja ta’ reat ta’ korruzzjoni.

    Artikolu 16: Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi – Din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kriminali kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, filwaqt li teskludi li tali responsabbiltà hija alternattiva għal dik tal-persuni fiżiċi. Id-dispożizzjoni hija konformi mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

    Din id-dispożizzjoni ssegwi formula standard li tista’ tinstab fi strumenti legali oħra tal-UE, li tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna b’pożizzjonijiet ewlenin, fi ħdan il-persuna ġuridika, jew minn persuni oħra taħt il-kontroll jew is-superviżjoni tagħhom. Ma huwiex meħtieġ li din ir-responsabbiltà tkun esklużivament kriminali.

    Artikolu 17: Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi – Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għas-sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi. Hija tistabbilixxi lista ta’ sanzjonijiet u miżuri, li ma humiex neċessarjament ta’ natura kriminali, bħall-esklużjoni temporanja jew permanenti mill-akkwist pubbliku.

    Artikolu 18: Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti Din id-dispożizzjoni l-ewwel tipprovdi lista ta’ ċirkustanzi li jridu jitqiesu bħala ċirkustanzi aggravanti biex il-ġudikatura tkun tista’ tqis id-dannu aktar wiesa’ għas-soċjetà mwettaq pereżempju minn gruppi organizzati jew persuni li għandhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà pubblika. Hija tipprovdi wkoll lista ta’ ċirkustanzi li jridu jitqiesu bħala ċirkustanzi mitiganti, li jkopru pereżempju każijiet li fihom l-awturi tar-reat jipprovdu informazzjoni jew jikkollaboraw mal-awtoritajiet.

    Artikolu 19: Immunità jew privileġġi mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni – Din hija dispożizzjoni applikabbli għar-reati kollha msemmija hawn fuq, li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-immunità jew il-privileġġi mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni li jingħataw skont il-liġi nazzjonali għar-reati msemmija f’din id-Direttiva jkunu jistgħu jitneħħew permezz ta’ proċess effettiv u trasparenti stabbilit minn qabel bil-liġi u li jiġi konkluż f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

    Artikolu 20: Ġuriżdizzjoni – Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għar-reati kriminali kollha stabbiliti f’din id-Direttiva u tirrikjedi l-eżistenza ta’ raġunijiet ta’ ġuriżdizzjoni għall-awtoritajiet ġudizzjarji biex jibdew investigazzjonijiet, isegwu prosekuzzjonijiet u jressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva.

    Artikolu 21: Perjodi ta’ preskrizzjoni għar-reati kriminali – Dan l-Artikolu jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinvestigaw, jipproċessaw u jaġġudikaw ir-reati kriminali koperti minn din il-proposta, kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet rilevanti, għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti. Din il-proposta tistabbilixxi t-tul minimu tal-perjodi ta’ preskrizzjoni bejn tmienja u ħmistax-il sena, skont il-gravità tar-reat.

    Artikolu 22: Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw reati jew li jassistu fl-investigazzjoni – Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tistabbilixxi regoli u proċeduri għall-protezzjoni ta’ individwi li jirrapportaw informazzjoni li jkunu kisbu f’kuntest relatat max-xogħol dwar ksur tad-dritt tal-UE f’oqsma ta’ politika ewlenin. L-informaturi jistgħu jipprovdu informazzjoni siewja lill-awtoritajiet kompetenti, li tippermettilhom jipprevjenu, jidentifikaw u jipproċedu kontra l-korruzzjoni b’mod effettiv. Meta l-informaturi jirrapportaw reati kriminali msemmija f’din id-direttiva, din id-dispożizzjoni teħtieġ l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw li l-persuni li jassistu l-investigazzjonijiet jingħataw il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali.

    Artikolu 23: Għodod investigattivi Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-għodod investigattivi li huma previsti fil-liġi nazzjonali għall-kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta’ kriminalità serja jkunu jistgħu jintużaw ukoll f’każijiet ta’ ħasil tal-flus.

    Artikolu 24: Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din tinkludi l-għoti ta’ assistenza teknika u operazzjonali mill-Europol, il-Eurojust, l-OLAF, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Kummissjoni.

    Artikolu 25: Appoġġ mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-modi li bihom il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni li qiegħda takkumpanja, il-Kummissjoni se tistabbilixxi network tal-UE kontra l-korruzzjoni, li se jirrazzjonalizza u jappoġġa n-networks eżistenti u jimmassimizza l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji nazzjonali, is-soċjetà ċivili u esperti indipendenti.

    Artikolu 26: Ġbir tad-data u l-istatistika – Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru data statistika biex jimmonitorjaw l-effettività tas-sistemi tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Id-dispożizzjoni telenka, b’mod mhux eżawrjenti, id-data statistika li għandha tinġabar mill-Istati Membri u tobbligahom jippubblikaw din id-data kull sena.

    Artikolu 27: Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet kurrenti fil-qasam tal-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’din id-Direttiva.

    Artikolu 28: Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1371 – Din id-dispożizzjoni temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali. B’riżultat ta’ dan, l-istandards stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, notevolment f’termini tas-sanzjonijiet fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, iċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti u l-perjodi ta’ preskrizzjoni, huma allinjati ma’ dawk stabbiliti minn din id-Direttiva.

    Artikolu 29: Traspożizzjoni – Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva 24 xahar wara li tkun għaddiet l-iskadenza għat-traspożizzjoni, li hija 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 30: Evalwazzjoni u rapportar – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li, minn 12-il xahar wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jirrapportaw kull sentejn dwar kif jimplimentaw l-Artikoli 3 sa 6 u li l-Kummissjoni se tadotta wkoll rapport ta’ evalwazzjoni.



    2023/0135 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d), u l-Artikolu 83(1) u (2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-korruzzjoni għadha problema sinifikanti fil-livell tal-Unjoni, li thedded l-istabbiltà u s-sigurtà tas-soċjetajiet, inkluż billi tippermetti l-kriminalità organizzata u kriminalità serja oħra. Il-korruzzjoni timmina l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-valuri universali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, b’mod partikolari l-istat tad-dritt, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija tipperikola l-iżvilupp, il-prosperità u s-sostenibbiltà u l-inklużività tal-ekonomiji tagħna. Sabiex tiġi evitata u miġġielda b’mod effettiv il-korruzzjoni, huwa meħtieġ approċċ komprensiv u multidixxiplinari. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tindirizza l-korruzzjoni permezz tal-liġi kriminali, u b’hekk tippermetti kooperazzjoni transfruntiera aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti.

    (2)Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA 42 tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tas-settur privat. Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 43 tindirizza ċerti atti ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri b’mod ġenerali. Dawn l-istrumenti, madankollu, ma humiex komprensivi biżżejjed, u l-kriminalizzazzjoni kurrenti tal-korruzzjoni tvarja bejn l-Istati Membri u dan ixekkel rispons koerenti u effettiv madwar l-Unjoni. Tfaċċaw ukoll lakuni fl-infurzar u ostakli fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti. Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u tespandi d-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-istrumenti. Peress li l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u natura sostanzjali, jenħtieġ li ż-żewġ strumenti, fl-interess taċ-ċarezza, jiġu sostitwiti fl-intier tagħhom fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

    (3)Jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi aġġornat u msaħħaħ biex jiffaċilita ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni madwar l-Unjoni. Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkriminalizza r-reati ta’ korruzzjoni meta jitwettqu intenzjonalment. L-intenzjoni u l-għarfien jistgħu jiġu dedotti minn ċirkustanzi oġġettivi u fattwali. Billi din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar stretti tal-liġi kriminali għar-reati ta’ korruzzjoni.

    (4)Il-korruzzjoni hija fenomenu tranżnazzjonali li jaffettwa s-soċjetajiet u l-ekonomiji kollha. Il-miżuri adottati fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, jenħtieġ li jirrikonoxxu din id-dimensjoni internazzjonali. L-azzjoni tal-Unjoni jenħtieġ għalhekk tqis il-ħidma tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO), tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC).

    (5)Biex tinqered il-korruzzjoni, huma meħtieġa mekkaniżmi kemm preventivi kif ukoll ripressivi. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri preventivi, leġiżlattivi u kooperattivi bħala parti mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li l-korruzzjoni hija qabelxejn reat u atti speċifiċi ta’ korruzzjoni huma definiti fil-liġi nazzjonali u internazzjonali, in-nuqqasijiet fl-integrità, il-kunflitti ta’ interess mhux żvelati jew il-ksur serju tar-regoli etiċi jistgħu jsiru attivitajiet korrotti jekk ma jiġux indirizzati. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni timmitiga l-ħtieġa ta’ repressjoni kriminali u għandha benefiċċji aktar wiesgħa fil-promozzjoni tal-fiduċja pubblika u fil-ġestjoni tal-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi. Approċċi effettivi kontra l-korruzzjoni spiss jibnu fuq miżuri biex jissaħħu t-trasparenza, l-etika u l-integrità, kif ukoll permezz ta’ regolamentazzjoni f’oqsma bħalma huma l-kunflitt ta’ interess, il-lobbjar u r-revolving doors. Il-korpi pubbliċi jenħtieġ li jfittxu l-ogħla standards ta’ integrità, trasparenza u indipendenza bħala parti importanti mill-indirizzar tal-korruzzjoni b’mod aktar wiesa’.

    (6)L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ korpi jew unitajiet speċjalizzati fir-repressjoni u speċjalizzati fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jafdaw korp b’taħlita ta’ funzjonijiet preventivi u ta’ infurzar tal-liġi. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-korpi joperaw b’mod effettiv, jenħtieġ li dawn jissodisfaw għadd ta’ kundizzjonijiet, inkluż li jkollhom l-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat li huma meħtieġa biex jiżguraw l-amministrazzjoni xierqa tal-kompiti tagħhom.

    (7)L-UE hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li hija l-aktar strument legali internazzjonali komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li jikkombina miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din tirrikjedi li l-partijiet għall-Konvenzjoni jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra biex jistabbilixxu reati kriminali għat-tixħim, il-miżapproprjazzjoni u l-ħasil tal-flus u jikkunsidraw li jieħdu miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra biex jikkriminalizzaw atti oħra (bħall-abbuż tal-uffiċċju, it-traffiku ta’ influwenza u l-arrikkiment illeċitu). F’konformità mal-impenji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Politika adottata fis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021 kontra l-Korruzzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea, sa fejn ikun possibbli, tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UNCAC u tistabbilixxi miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din id-Direttiva tibbaża fuq l-osservazzjonijiet u l-aħjar prattiki li joħorġu mill-Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-UNCAC.

    (8)B’kont meħud tal-evoluzzjoni tat-theddid ta’ korruzzjoni u l-obbligi legali fuq l-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ oqfsa legali nazzjonali, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ korruzzjoni tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha sabiex tkopri l-imġiba korrotta b’mod aktar komprensiv.

    (9)Biex tiġi evitata l-impunità għar-reati ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, il-kamp ta' applikazzjoni jeħtieġ li jiġi definit sewwa. L-ewwel nett, il-kunċett ta’ uffiċjal pubbliku jenħtieġ li jkopri wkoll persuni li jaħdmu f’organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u l-qrati internazzjonali. Jenħtieġ li dan, fost affarijiet oħra, jinkludi persuni li jaġixxu bħala membri ta’ korpi kolleġġjali responsabbli biex jiddeċiedu dwar il-ħtija ta’ persuna akkużata fil-qafas ta’ proċess, kif ukoll persuni li bis-saħħa ta’ ftehim ta’ arbitraġġ jintalbu jieħdu deċiżjoni legalment vinkolanti f’tilwim ippreżentat mill-partijiet għall-ftehim ta’ arbitraġġ. It-tieni, bosta entitajiet jew persuni llum il-ġurnata jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi mingħajr ma jkollhom kariga formali. Għalhekk, il-kunċett ta’ uffiċjal pubbliku huwa definit biex ikopri l-uffiċjali rilevanti kollha, kemm jekk maħtura, eletti jew impjegati abbażi ta’ kuntratt, li jkollhom kariga amministrattiva jew ġudizzjarja formali, kif ukoll il-persuni kollha li jipprovdu servizz, li jkunu ngħataw awtorità pubblika jew li jkunu soġġetti għall-kontroll jew għas-superviżjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tat-twettiq ta’ tali servizz, anki jekk ma jkollhomx kariga formali. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni jenħtieġ li tkopri persuni li jaħdmu f’intrapriżi tal-Istat u kkontrollati mill-Istat, kif ukoll f’fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u kumpaniji privati li jwettqu funzjonijiet ta’ servizz pubbliku u l-persuni ġuridiċi stabbiliti jew miżmuma minnhom. Kwalunkwe persuna li jkollha kariga leġiżlattiva jenħtieġ li tiġi ttrattata bħala uffiċjal pubbliku għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    (10)Huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-qafas legali biex jiġi miġġieled it-tixħim u biex l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni jingħataw l-għodod neċessarji. Fit-tixħim tal-uffiċjali pubbliċi, hemm żewġ naħat li għandha ssir distinzjoni bejniethom. Ikun hemm tixħim attiv meta persuna twiegħed, toffri jew tagħti vantaġġ ta’ kwalunkwe tip biex tinfluwenza uffiċjal pubbliku. Ikun hemm tixħim passiv meta l-uffiċjal pubbliku jitlob jew jirċievi tali vantaġġ sabiex jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi b’ċertu mod. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll regoli minimi dwar it-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni fis-settur privat, fejn il-vittmi immedjati jinkludu kumpaniji li jiġu affettwati b’mod inġust u fejn il-kompetizzjoni ħielsa titnaqqas b’kull tixħima offruta jew li tiġi aċċettata.

    (11)Sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali pubbliċi ma jużawx fondi intenzjonalment għal finijiet oħra għajr dawk li kienu maħsuba għalihom, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reat ta’ miżapproprjazzjoni minn uffiċjali pubbliċi ta’ proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun fdata lilhom. Sabiex jittieħed approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll il-miżapproprjazzjoni fis-settur privat. Sabiex il-miżapproprjazzjoni tkun kriminali, jenħtieġ li din twassal għal vantaġġ għall-uffiċjal pubbliku jew għal parti terza.

    (12)It-traffiku ta’ influwenza, li jirriżulta mill-imġiba korrotta ta’ dawk il-persuni li jkunu qrib il-poter, jew li jallegaw li jkunu qribu, u jippruvaw jiskambjaw wegħdiet ta’ influwenza fuq il-proċessi deċiżjonali għal vantaġġi indebiti, jenħtieġ li jiġi definit ukoll bħala reat kriminali. L-elementi kostitwenti tar-reat kriminali jenħtieġ li jkunu li l-instigatur jipprovdi, jew iwiegħed li jipprovdi lill-bejjiegħ ta’ influwenza b’vantaġġ indebitu għall-eżerċitar ta’ influwenza illegali fuq eżitu jew proċess li jkun soġġett għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Meta titwettaq intenzjonalment, din l-imġiba jenħtieġ li titqies bħala reat kriminali irrispettivament minn jekk l-influwenza tkunx ġiet eżerċitata u jekk l-influwenza allegata twassalx jew le għall-eżitu maħsub. Jenħtieġ li dan ir-reat ma jkoprix l-eżerċizzju leġittimu ta’ forom rikonoxxuti ta’ rappreżentanza tal-interessi li jistgħu jfittxu li jinfluwenzaw b’mod leġittimu t-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi iżda ma jinvolvux skambju indebitu ta’ vantaġġi. Tali forom ta’ rappreżentanza tal-interessi, bħall-promozzjoni pereżempju, spiss jitwettqu f’ambjent regolat preċiżament biex jiġi evitat li n-nuqqas ta’ trasparenza jista’ jippermettilhom li jsiru gateways għall-korruzzjoni. Li jkun hemm fis-seħħ regoli addizzjonali li jiffunzjonaw tajjeb dwar id-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, dwar ir-“revolving doors” jew dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, jista’ jgħin ukoll biex jiġu evitati ż-żoni griżi u tiġi evitata l-influwenza indebita.

    (13)Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi ddefinit ir-reat ta’ abbuż tal-uffiċċju fis-settur pubbliku bħala nuqqas ta’ twettiq ta’ att minn uffiċjal pubbliku, bi ksur tal-liġijiet, biex jinkiseb vantaġġ indebitu. Sabiex il-korruzzjoni tiġi miġġielda b’mod komprensiv, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll l-abbuż tal-uffiċċju fis-settur privat.

    (14)It-tfixkil tal-ġustizzja huwa reat kriminali mwettaq b’appoġġ għall-korruzzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit reat kriminali għat-tfixkil tal-ġustizzja, li jinvolvi l-eżerċizzju ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni, jew l-inċitament ta’ xhieda jew evidenza falza. Jenħtieġ li jiġu koperti wkoll l-azzjonijiet ta’ interferenza fl-għoti ta’ xhieda jew fil-produzzjoni ta’ evidenza, jew fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali minn uffiċjali ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi. F’konformità mal-UNCAC, din id-Direttiva tapplika biss għat-tfixkil tal-ġustizzja fir-rigward ta’ proċedimenti relatati ma’ reat ta’ korruzzjoni.

    (15)Il-korruzzjoni talimenta ruħha mill-motivazzjoni għal vantaġġi ekonomiċi u vantaġġi oħra indebiti. Sabiex jitnaqqas l-inċentiv għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet kriminali li jwettqu atti kriminali ġodda u biex l-individwi jiġu skoraġġuti milli jaqblu li jsiru sidien foloz ta’ proprjetà, ir-reati ta’ arrikkiment permezz tal-korruzzjoni jenħtieġ li jiġu kriminalizzati. Dan, min-naħa tiegħu, jenħtieġ li jikkomplika l-ħabi ta’ proprjetà akkwistata b’mod illeċitu u jnaqqas it-tixrid tal-korruzzjoni kif ukoll il-ħsara li ssir lis-soċjetà. It-trasparenza tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw arrikkiment illeċitu possibbli. Pereżempju, f’ġuriżdizzjonijiet fejn l-uffiċjali pubbliċi huma meħtieġa jiddikjaraw l-assi tagħhom f’intervalli regolari, inkluż meta jibdew u jlestu d-dmirijiet, l-awtoritajiet jistgħu jivvalutaw jekk l-assi ddikjarati jikkorrispondux mad-dħul iddikjarat.

    (16)Ir-reat kriminali ta’ arrikkiment jibni fuq ir-regoli dwar ir-reat kriminali tal-ħasil tal-flus stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 . Dan huwa maħsub biex jindirizza dawk il-każijiet fejn il-ġudikatura tqis li r-reat jew ir-reati ta’ korruzzjoni ma jkunux jistgħu jiġu ppruvati. Bħar-reat predikat fil-ħasil tal-flus, l-oneru tal-prova huwa ta’ natura differenti. Dan ifisser li fi proċedimenti kriminali li jirrigwardaw ir-reat kriminali ta’ arrikkiment, meta jiġi kkunsidrat jekk il-proprjetà tkunx derivata minn xi tip ta’ involviment kriminali f’reat ta’ korruzzjoni u jekk il-persuna kellhiex għarfien ta’ dan, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, bħall-fatt li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat għad-dħul legali tal-persuna akkużata u li l-attività kriminali u l-akkwiżizzjoni tal-proprjetà jkunu seħħew fl-istess perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li jiġi stabbilit l-għarfien tal-elementi fattwali kollha jew taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-involviment kriminali, inkluża l-identità tal-awtur tar-reat. Meta persuna tinstab ħatja ta’ reat kriminali kif definit f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirkupraw il-proprjetà miksuba b’mod illeċitu abbażi tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea 45 .

    (17)Sabiex jiskoraġġixxu l-korruzzjoni fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu tipi u livelli minimi ta’ sanzjonijiet meta jitwettqu r-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva. Il-livelli massimi ta’ priġunerija u ta’ pieni oħra jenħtieġ li jkunu għoljin biżżejjed biex jiskoraġġixxu lill-awturi possibbli ta’ reati u biex jirriflettu l-ħsara tal-korruzzjoni u l-prijorità li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jagħtu biex jiġġieldu tali reati. Fl-istess ħin, dawn il-livelli jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-gravità ta’ kull reat ta’ korruzzjoni u jkunu koerenti mal-livelli ta’ sanzjonijiet kriminali stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sanzjonijiet jiġu infurzati sal-punt meħtieġ sabiex jiskoraġġixxu t-twettiq ta’ dawk ir-reati. Fejn Stati Membri jikkunsidraw l-eventwalità ta’ sentenzi sospiżi jew kundizzjonali, rilaxx bikri, parole jew maħfra tal-persuni misjuba ħatja ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jqisu l-gravità tar-reati kriminali kkonċernati fost fatturi oħra.

    (18)Din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni xierqa u effettiva ta’ miżuri dixxiplinarji jew pieni għajr dawk ta’ natura kriminali, bħal sanzjonijiet amministrattivi. Is-sanzjonijiet li ma jistgħux jiġu ugwaljati ma’ sanzjonijiet kriminali, li jiġu imposti fuq l-istess persuna għall-istess imġiba, jistgħu jiġu kkunsidrati meta tingħata sentenza lil dik il-persuna għal reat kriminali definit minn din id-Direttiva. Għal sanzjonijiet ta’ natura kriminali, il-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ proċess jew kastig darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali (ne bis in idem) jenħtieġ li jiġi rrispettat b’mod sħiħ.

    (19)L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu, barra minn hekk jew bħala alternattiva għall-priġunerija, sanzjonijiet jew miżuri, li ma jkunux neċessarjament ta’ natura kriminali, bħall-iskwalifika temporanja jew permanenti minn kariga pubblika jew l-esklużjoni mill-akkwist pubbliku. Tali miżuri għandhom effett dissważiv ġenerali u jistgħu jnaqqsu r-reċidiviżmu tal-awturi ta’ reati kkundannati. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jistabbilixxu proċeduri għas-sospensjoni jew għar-riassenjazzjoni temporanja ta’ uffiċjal pubbliku akkużat b’reat kriminali kif imsemmi f’din id-Direttiva, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal rimedju effettiv.

    (20)Jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi ma jkunux jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà billi jużaw intermedjarji, inklużi persuni ġuridiċi relatati, biex joffru, iwiegħdu jew ixaħħmu lil uffiċjal pubbliku f’isimhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-multi għall-persuni ġuridiċi jiġu kkalkulati billi jitqies il-fatturat dinji tal-entitajiet legali kollha relatati mal-awtur tar-reat, inklużi l-entitajiet prinċipali, l-entitajiet sussidjarji, it-trusts marbuta, jew entitajiet legali simili jew komparabbli.

    (21)Fejn ir-reat jitwettaq minn organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI 46 jew fejn l-awtur tar-reat ikun abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex jippermetti l-korruzzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu ċirkustanzi aggravanti f’konformità mar-regoli applikabbli stabbiliti mis-sistemi legali tagħhom. Filwaqt li huma soġġetti għad-diskrezzjoni ġudizzjarja, jenħtieġ li dawn iċ-ċirkustanzi aggravanti jippermettu lill-ġudikatura tqis id-dannu aktar wiesa’ għas-soċjetà kkawżat, pereżempju mill-korruzzjoni mwettqa minn gruppi organizzati, partiti politiċi, jew persuni li jkollhom pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà pubblika. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jipprevedu l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi aggravanti f’din id-Direttiva meta dawk iċ-ċirkustanzi jkunu punibbli bħala reati kriminali separati b’sanzjonijiet aktar severi.

    (22)Il-korruzzjoni għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz għandha impatt partikolarment detrimentali fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-ħajja politika tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu ċirkustanza aggravanti biex ikopru tali sitwazzjonijiet. Tali ċirkustanza aggravanti jenħtieġ li tkopri reati ta’ korruzzjoni, bħat-tixħim jew it-traffiku ta’ influwenza, li jitwettqu bil-ħsieb li jinħoloq vantaġġ għal pajjiż terz, bħall-bidla fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi sabiex tittieħed deċiżjoni li tkun favorevoli għall-pajjiż terz.

    (23)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġu stabbiliti ċirkustanzi mitiganti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tar-reati koperti minn din id-Direttiva. Soġġett għad-diskrezzjoni ġudizzjarja, dawn iċ-ċirkustanzi jenħtieġ li jkopru dawk il-każijiet li fihom l-awturi tar-reati jipprovdu informazzjoni jew jikkollaboraw b’mod ieħor mal-awtoritajiet. Bl-istess mod, fejn persuni ġuridiċi jkunu implimentaw programmi ta’ kontroll intern, etika u konformità effettivi, jenħtieġ li jkun possibbli li dawn l-azzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanza mitiganti. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll sanzjonijiet aktar baxxi meta, mal-iskoperta ta’ reat, persuna ġuridika tiżvela malajr l-informazzjoni u tieħu miżuri ta’ rimedju. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li tiddetermina l-ammont reali tas-sanzjoni, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali.

    (24)Il-Membri tal-Parlament u uffiċjali pubbliċi oħra jista’ jkollhom immunità jew protezzjoni legali minn investigazzjoni jew prosekuzzjoni, li tgħin biex tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom billi jiġu protetti minn ilmenti bla bażi, b’mod partikolari fir-rigward tal-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħa matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, tali immunitajiet jistgħu jfixklu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ reati ta’ korruzzjoni, inkluż billi jaffettwaw l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ persuni oħra li ma jgawdux minn immunità u li setgħu pparteċipaw fir-reat. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-immunità mingħajr proċeduri xierqa biex titneħħa l-immunità f’każijiet fejn ikun hemm raġunijiet biex wieħed jissuspetta l-parteċipazzjoni f’atti kriminali, timmina l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm bilanċ xieraq bejn, minn naħa waħda, kwalunkwe immunità jew privileġġ ġuriżdizzjonali mogħti lill-uffiċjali pubbliċi għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu investigati, ipproċessati u ġġudikati b’mod effettiv ir-reati ta’ korruzzjoni.

    (25)Sabiex tiżdied il-fiduċja fis-servizzi tal-prosekuzzjoni filwaqt li titnaqqas il-perċezzjoni ta’ korruzzjoni fl-Istati Membri, jenħtieġ li s-setgħat diskrezzjonali skont il-liġi domestika biex persuni ma jiġux ipproċessati għar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva għal raġunijiet ta’ opportunità jiġu eżerċitati f’konformità ma’ regoli u kriterji u garanzija ċari, b’konsultazzjoni interna xierqa, kif ukoll l-għan li jiġi skoraġġit it-twettiq ta’ reati ta’ korruzzjoni u l-effettività tal-proċess ġudizzjarju.

    (26)Minħabba l-mobbiltà tal-awturi ta’ reati u r-rikavat li jirriżulta mill-attivitajiet kriminali, kif ukoll l-investigazzjonijiet transfruntiera kumplessi meħtieġa biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinvestigaw u jipproċedu kontra dan ir-reat f’firxa wiesgħa biżżejjed ta’ każijiet, inkluż meta r-reat jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tagħhom. Bħala parti minn dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita wkoll f’sitwazzjonijiet fejn reat jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni użata fit-territorju tagħhom, kemm jekk dik it-teknoloġija tkun ibbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.

    (27)Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed żmien biex iwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kumplessi, din id-Direttiva tipprevedi perjodu minimu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u d-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ reati ta’ korruzzjoni għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara t-twettiq ta’ tali reati, mingħajr ma taffettwa lil dawk l-Istati Membri li ma jistabbilux perjodi ta’ preskrizzjoni għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar.

    (28)Ir-reati ta’ korruzzjoni huma kategorija diffiċli ta’ reati biex jiġu identifikati u investigati, peress li jseħħu l-aktar bħala parti minn konfoffa bejn żewġ partijiet jew aktar disposti u ma għandhomx vittma immedjata u ovvja li tista’ tilmenta. Għalhekk, proporzjon sinifikanti ta’ reati ta’ korruzzjoni jibqa’ ma jiġix identifikat, u l-partijiet kriminali jistgħu jibbenefikaw mir-rikavat tal-korruzzjoni tagħhom. Aktar ma jdum biex jiġi identifikat reat ta’ korruzzjoni, aktar ikun diffiċli biex tinkixef l-evidenza. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-infurzar tal-liġi u l-prosekuturi jkollhom għodod investigattivi xierqa biex jiġbru evidenza rilevanti ta’ reati ta’ korruzzjoni li spiss jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jallokaw taħriġ suffiċjenti, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), anke dwar l-użu ta’ għodod investigattivi biex jitwettqu b’suċċess il-proċedimenti u l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tar-rikavat mill-korruzzjoni fil-kuntest tal-iffriżar u l-konfiska. Barra minn hekk, din id-Direttiva tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni u evidenza billi tistabbilixxi ċirkustanzi mitiganti għall-awturi ta’ reati li jgħinu lill-awtoritajiet.

    (29)Persuni li jirrapportaw informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar każijiet ta’ korruzzjoni tal-passat, każijiet ta’ korruzzjoni li għaddejjin bħalissa jew każijiet ta’ korruzzjoni ppjanati, li jkunu kisbu fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol, jirriskjaw li jsofru ritaljazzjoni f’dak il-kuntest. Tali rapporti ta’ informaturi jistgħu jsaħħu l-infurzar billi jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jipprevjenu, jidentifikaw u jipprosekwixxu l-korruzzjoni b’mod effettiv. Minħabba l-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jiġu protetti minn tali atti, u li tissaħħaħ it-trasparenza, il-governanza tajba u r-responsabbiltà, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti effettivi biex l-informaturi jużaw kanali kunfidenzjali, ikunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u jkunu protetti mir-ritaljazzjoni. Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 tapplika għar-rapporti ta’ ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 325 tat-Trattat u kif speċifikat aktar fil-miżuri rilevanti tal-Unjoni u għalhekk tapplika għar-rapportar tar-reati kriminali kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 . Fir-rigward tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tkun applikabbli għar-rapportar ta’ tali reati u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali reati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti. Lil hinn mill-obbligi li joħorġu mid-Direttiva (UE) 2019/1937, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni li jipprovdu evidenza jew li jikkooperaw b’xi mod ieħor ma’ investigazzjonijiet kriminali jingħataw il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali.

    (30)L-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokraziji tagħna, u għandhom rwol ewlieni fir-rispett tal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE. Huma jaġixxu bħala gwardjani essenzjali, billi jiġbdu l-attenzjoni għat-theddid għall-istat tad-dritt, jikkontribwixxu biex dawk fis-setgħa jinżammu responsabbli, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’attivitajiet kontra l-korruzzjoni.

    (31)Il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media huma faċilitaturi ewlenin għall-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà demokratika, l-ugwaljanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-media indipendenti u pluralistika, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv, għandha rwol importanti fl-iskrutinju tal-affarijiet pubbliċi, l-identifikazzjoni ta’ korruzzjoni possibbli u ksur tal-integrità, is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-integrità. L-Istati Membri għandhom obbligu li jiggarantixxu ambjent favorevoli għall-ġurnalisti, jipproteġu s-sikurezza tagħhom u jippromwovu b’mod proattiv il-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti 49 , kif ukoll il-proposta għal Direttiva 50 u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 51 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) jinkludu salvagwardji u standards importanti biex jiżguraw li l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom bla xkiel.

    (32)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru u jippubblikaw data dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li tista’ tiġi analizzata u użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-Direttiva, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe għodda tal-Istat tad-Dritt, bħar-rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt.

    (33)Biex il-korruzzjoni tiġi miġġielda b’mod effettiv, huwa kruċjali li jkun hemm skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni tiġi skambjata b’mod effettiv u f’waqtu f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Din id-Direttiva, li għandha l-għan li tistabbilixxi definizzjonijiet komuni tar-reati ta’ korruzzjoni, jenħtieġ li sservi bħala punt ta’ riferiment għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont id-Direttivi (UE) XX/2023 52 , (UE) 2019/1153 53 , (UE) 2016/681 54 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti (UE) 2018/1240 55 , (UE) 2018/1862 56 u (UE) 603/2013 57 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI 58 .

    (34)Il-korruzzjoni hija kwistjoni trażversali, filwaqt li l-vulnerabbiltajiet, kif ukoll l-aktar mod adegwat biex jiġu indirizzati, ivarjaw minn settur għal ieħor. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu regolarment valutazzjoni biex jidentifikaw is-setturi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni u jiżviluppaw pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin fis-setturi identifikati, inkluż billi jorganizzaw, tal-anqas darba fis-sena, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi identifikati. L-Istati Membri li għandhom fis-seħħ strateġiji nazzjonali wiesgħa kontra l-korruzzjoni, jistgħu jagħżlu wkoll li jindirizzaw il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom fihom, sakemm ir-riskji jiġu vvalutati u l-miżuri jiġu rieżaminati b’mod regolari. Pereżempju, l-iskemi tar-residenza b’investiment huma fost is-setturi li jġorru riskji għoljin għall-korruzzjoni 59 u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet tas-setturi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni u t-taħriġ li għandu jitwettaq mill-Istati Membri kif previst f’din id-Direttiva.

    (35)Biex jiġi pprovdut livell ekwivalenti ta’ protezzjoni bejn l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dawk nazzjonali, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2017/1371 60 jiġu allinjati ma’ dawk ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan, ir-regoli applikabbli għar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward tas-sanzjonijiet, iċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti u l-perjodi ta’ preskrizzjoni jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Direttiva.

    (36)L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkun ekwivalenti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji nazzjonali.

    (37)Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha tiġi soġġetta għal pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (38)L-effett dissważiv intenzjonat tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-liġi kriminali jeħtieġ kawtela partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u b’mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u tal-pieni, kif ukoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

    (39)[F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    U/JEW

    (40)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.]

    (41)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA għandha tkompli torbot u tkun applikabbli għad-Danimarka.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-korruzzjoni, kif ukoll miżuri biex tiġi evitata u miġġielda aħjar il-korruzzjoni.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.“prevenzjoni tal-korruzzjoni” tirreferi għall-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-kawżi u l-kundizzjonijiet għall-korruzzjoni, permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ miżuri xierqa, kif ukoll id-deterrenza kontra atti relatati mal-korruzzjoni.

    2.“proprjetà” tfisser fondi jew assi ta’ kwalunkwe tip, kemm jekk korporali jew inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti jew strumenti legali fi kwalunkwe forma, inkluża dik elettronika jew diġitali, li jixhdu t-titolu għal tali assi, jew interess fihom.

    3.“uffiċjal pubbliku” tfisser:

    (a)uffiċjal tal-Unjoni jew uffiċjal nazzjonali ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz,

    (b)kwalunkwe persuna oħra assenjata u li teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, għal organizzazzjoni internazzjonali jew għal qorti internazzjonali.

    4.“uffiċjal tal-Unjoni” tfisser persuna li tkun:

    (a)membru ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni u l-persunal ta’ tali korpi għandu jiġi assimilat mal-uffiċjali tal-Unjoni.

    (b)uffiċjal jew impjegat ieħor ingaġġat b’kuntratt mill-Unjoni skont it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ir-“Regolamenti tal-Persunal”);

    (c)issekondata lill-Unjoni minn Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat, li twettaq funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imwettqa minn uffiċjali jew aġenti oħra tal-Unjoni.

    5.“uffiċjal nazzjonali” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha kariga eżekuttiva, amministrattiva jew ġudizzjarja fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, kemm jekk maħtura jew eletta, kemm jekk permanenti jew temporanja, kemm jekk bi ħlas jew bla ħlas, irrispettivament mill-anzjanità ta’ dik il-persuna. Kwalunkwe persuna li jkollha kariga leġiżlattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali titqies bħala uffiċjal nazzjonali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    6.“ksur tad-dmir” tkopri bħala minimu kwalunkwe mġiba żleali li tikkostitwixxi ksur ta’ dmir statutorju, jew, skont il-każ, ksur ta’ regolamenti jew istruzzjonijiet professjonali, li japplikaw fin-negozju ta’ persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità fis-settur privat.

    7.“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali applikabbli, minbarra Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

    8.“uffiċjali ta’ livell għoli” huma Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern ċentrali u reġjonali, membri tal-gvern ċentrali u reġjonali, kif ukoll persuni maħtura politiċi oħra li jkollhom kariga pubblika ta’ livell għoli bħal Viċi Ministri, Segretarji tal-Istat, kapijiet u membri tal-uffiċċju privat ta’ Ministru, u uffiċjali politiċi għolja, kif ukoll membri tal-kmamar parlamentari, membri tal-ogħla Qrati, bħall-Qrati Kostituzzjonali u Supremi, u membri tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar.

    Artikolu 3

    Prevenzjoni tal-korruzzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, bħal kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni u programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-ħsara tal-korruzzjoni u jnaqqsu t-twettiq ġenerali ta’ reati ta’ korruzzjoni kif ukoll ir-riskju ta’ korruzzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-amministrazzjoni pubblika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi bil-għan li tiġi evitata l-korruzzjoni.

    3.L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ għodod ta’ prevenzjoni ewlenin bħal aċċess miftuħ għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku, regoli effettivi għad-divulgazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fis-settur pubbliku, regoli effettivi għad-divulgazzjoni u l-verifika tal-assi tal-uffiċjali pubbliċi u regoli effettivi li jirregolaw l-interazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku.

    4.L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri komprensivi u aġġornati biex jipprevjenu l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, adattati għar-riskji speċifiċi ta’ qasam ta’ attività. Tali miżuri għandhom tal-anqas jinkludu azzjonijiet biex tissaħħaħ l-integrità u biex jiġu evitati l-opportunitajiet għall-korruzzjoni fost:

    (a)l-uffiċjali ta’ livell għoli;

    (b)il-membri tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, inklużi miżuri relatati mal-ħatra u l-kondotta tagħhom, u billi jiġu żgurati remunerazzjoni adegwata u skali ta’ pagi ekwi.

    5.L-Istati Membri għandhom iwettqu regolarment valutazzjoni biex jidentifikaw is-setturi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni.

    Wara dik il-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom:

    (a)jorganizzaw, tal-anqas darba fis-sena, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi identifikati, inkluż dwar l-etika; u

    (b)jiżviluppaw pjanijiet biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin fis-setturi identifikati.

    6.Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità f’attivitajiet kontra l-korruzzjoni.

    Artikolu 4
    Korpi speċjalizzati

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ korp wieħed jew diversi korpi, jew unitajiet ta’ organizzazzjoni speċjalizzati fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ korp wieħed jew diversi korpi, jew unitajiet organizzazzjonali speċjalizzati fir-repressjoni tal-korruzzjoni.

    3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-korp jew il-korpi, jew l-unità jew l-unitajiet ta’ organizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2:

    (a)ikunu funzjonalment indipendenti mill-gvern u jkollhom għadd suffiċjenti ta’ persunal ikkwalifikat u r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi, kif ukoll is-setgħat u l-għodod meħtieġa biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni xierqa tal-kompiti tagħhom;

    (b)ikunu magħrufa mill-pubbliku;

    (c)jipprovdu aċċess pubbliku għall-informazzjoni rilevanti dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet;

    (d)joperaw u jieħdu deċiżjonijiet f’konformità ma’ proċeduri trasparenti stabbiliti bil-liġi, bl-effett li jiżguraw l-integrità u r-responsabbiltà.

    Artikolu 5
    Riżorsi

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew l-aġġudikazzjoni tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva jkunu kontinwament ipprovduti b’għadd adegwat ta’ persunal kwalifikat u r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Taħriġ

    1.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura riżorsi adegwati u l-għoti ta’ taħriġ għall-uffiċjali nazzjonali tiegħu biex ikunu jistgħu jidentifikaw forom differenti ta’ korruzzjoni u riskji ta’ korruzzjoni li jistgħu jseħħu fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom u biex jirreaġixxu b’mod f’waqtu u xieraq għal kwalunkwe attività suspettuża.

    2.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura riżorsi adegwati u l-għoti ta’ taħriġ speċjalizzat kontra l-korruzzjoni f’intervalli regolari għall-membri tiegħu tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura u l-persunal tal-awtoritajiet inkarigati minn investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti ta’ reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 7
    Tixħim fis-settur pubbliku

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal pubbliku għal dak l-uffiċjal jew għal parti terza sabiex l-uffiċjal pubbliku jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi f’konformità mad-dmir tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal (tixħim attiv);

    (b)it-talba jew ir-riċevuta minn uffiċjal pubbliku, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ ta’ kwalunkwe tip jew il-wegħda ta’ tali vantaġġ għal dak l-uffiċjal jew għal parti terza, sabiex l-uffiċjal pubbliku jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi f’konformità mad-dmir tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal (tixħim passiv).

    Artikolu 8
    Tixħim fis-settur privat

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment u matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji, ta’ negozju jew kummerċjali:

    (a)il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip lil persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità tas-settur privat, għal dik il-persuna jew għal parti terza, sabiex dik il-persuna taġixxi jew toqgħod lura milli taġixxi, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dik il-persuna (tixħim attiv);

    (b)it-talba jew ir-riċevuta minn persuna, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip jew il-wegħda ta’ tali vantaġġ, għal dik il-persuna jew għal parti terza, waqt li fi kwalunkwe kapaċità tkun qiegħda tmexxi jew taħdem għal entità tas-settur privat, biex taġixxi jew toqgħod lura milli taġixxi, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dik il-persuna (tixħim passiv).

    Artikolu 9
    Miżapproprjazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)    l-impenn, l-iżborż, l-approprjazzjoni jew l-użu minn uffiċjal pubbliku ta’ proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun direttament jew indirettament fdata lilu bi ksur tal-għan li għalih kienet maħsuba;

    (b)    l-impenn, l-iżborż, l-approprjazzjoni jew l-użu, matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji, ta’ negozju jew kummerċjali, minn persuna li tmexxi jew taħdem, fi kwalunkwe kapaċità, f’entità tas-settur privat, ta’ kwalunkwe proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun direttament jew indirettament fdata lilha b’mod li jmur kontra l-għan li għalih kienet maħsuba.

    Artikolu 10
    Traffiku ta’ influwenza

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip lil persuna jew lil parti terza sabiex dik il-persuna teżerċita influwenza reali jew allegata bil-ħsieb li tikseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku;

    (b)it-talba jew ir-riċevuta, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip jew il-wegħda ta’ tali vantaġġ lil persuna jew lil parti terza sabiex dik il-persuna teżerċita influwenza reali jew allegata bil-ħsieb li tikseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku.

    2.Sabiex l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun punibbli bħala reat kriminali, għandu jkun irrilevanti jekk l-influwenza tiġix eżerċitata jew le jew jekk l-influwenza allegata twassalx għar-riżultati maħsuba jew le.

    Artikolu 11
    Abbuż tal-uffiċċju

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment:

    1.it-twettiq jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ att, bi ksur tal-liġijiet, minn uffiċjal pubbliku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bil-għan li jinkiseb vantaġġ indebitu għal dak l-uffiċjal jew għal parti terza;

    2.it-twettiq jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ att, bi ksur tad-dmirijiet, minn persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità tas-settur privat matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji, ta’ negozju jew kummerċjali bil-għan li jinkiseb vantaġġ indebitu għal dik il-persuna jew għal parti terza.

    Artikolu 12
    Tfixkil tal-ġustizzja

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali, meta titwettaq intenzjonalment:

    1.l-użu, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni jew il-wegħda, l-offerta jew l-għoti ta’ vantaġġ biex tiġi indotta xhieda falza jew għall-interferenza fl-għoti tax-xhieda jew fil-produzzjoni tal-evidenza fi proċediment li jikkonċerna kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 11, 13 u 14;

    2.l-użu, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni biex issir interferenza fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali minn persuna li jkollha kariga ġudizzjarja jew membru tal-infurzar tal-liġi dwar kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 11, 13 u 14.

    Artikolu 13
    Arrikkiment minn reati ta’ korruzzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-akkwiżizzjoni, il-pussess jew l-użu intenzjonat minn uffiċjal pubbliku ta’ proprjetà li dak l-uffiċjal ikun jaf li ġejja mit-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 12 u 14, ikun punibbli bħala reat kriminali, irrispettivament minn jekk dak l-uffiċjal kienx involut fit-twettiq ta’ dak ir-reat.

    Artikolu 14

    Inċitament, għajnuna u assistenza, u tentattiv

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 13 ikun punibbli bħala reat kriminali.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għajnuna u l-assistenza ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 13 ikunu punibbli bħala reat kriminali.

    3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tentattiv ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 9 u 11 sa 13 ikun punibbli bħala reat kriminali.

    Artikolu 15
    Pieni u miżuri għal persuni fiżiċi

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14 ikunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

    (a) ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 12 ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas 6 snin;

    (b) ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 sa 11 ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas 5 snin; u

    (c) ir-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 13 ikun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas 4 snin.

    3.Meta reat kriminali msemmi fl-Artikolu 9 jinvolvi dannu ta’ anqas minn EUR 10 000 jew vantaġġ ta’ anqas minn EUR 10 000, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet oħra minflok sanzjonijiet kriminali.

    4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu nstabu ħatja li wettqu wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14 ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri imposti minn awtorità kompetenti u li ma jkunux neċessarjament ta’ natura kriminali, inklużi:

    (a)multi;

    (b)it-tneħħija, is-sospensjoni u r-riassenjazzjoni minn kariga pubblika;

    (c)l-iskwalifika minn

    (i)l-okkupazzjoni ta’ kariga pubblika;

    (ii)l-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku;

    (iii)l-okkupazzjoni ta’ kariga f’persuna ġuridika li tkun kompletament jew parzjalment ta’ dak l-Istat Membru;

    (iv)l-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali li fil-kuntest tagħhom ikun twettaq ir-reat;

    (d)    iċ-ċaħda tad-dritt għall-kandidatura għall-elezzjonijiet, proporzjonata mal-gravità tar-reat imwettaq; u

    (e)    l-irtirar ta’ permessi jew awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li fil-kuntest tagħhom ikun twettaq ir-reat

    (f)l-esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet;

    Artikolu 16
    Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14 li jitwettaq għall-benefiċċju ta’ dawk il-persuni ġuridiċi minn kwalunkwe persuna fiżika, li taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ewlenija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

    (a)setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

    (b)l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

    (c)l-awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikun ippermetta t-twettiq, inkluż minn kwalunkwe persuna taħt l-awtorità tagħha, ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

    3.Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu awturi ta’ reati, istigaturi jew aċċessorji fir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14.

    Artikolu 17
    Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli għal reati kriminali skont l-Artikolu 16 tkun punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri għal persuni ġuridiċi responsabbli skont l-Artikolu 16 jinkludu:

    (a)multi kriminali jew mhux kriminali, li l-limitu massimu tagħhom jenħtieġ li ma jkunx anqas minn 5 fil-mija tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika, inklużi l-entitajiet relatati, fis-sena kontabilistika ta’ qabel id-deċiżjoni li timponi l-multa;

    (b)l-esklużjoni ta’ dik il-persuna ġuridika mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

    (c)l-esklużjoni temporanja jew permanenti mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

    (d)l-iskwalifika temporanja jew permanenti ta’ dik il-persuna ġuridika mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali;

    (e)l-irtirar ta’ permessi jew awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li fil-kuntest tagħhom ikun twettaq ir-reat;

    (f)il-possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi li jannullaw jew iħassru kuntratt magħhom, li fil-kuntest tiegħu jkun twettaq ir-reat;

    (g)it-tqegħid ta’ dik il-persuna ġuridika taħt superviżjoni ġudizzjarja;

    (h)l-istralċ ġudizzjarju ta’ dik il-persuna ġuridika; u

    (i)l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex isir ir-reat.

    Artikolu 18

    Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċirkustanzi li ġejjin jitqiesu bħala ċirkustanzi aggravanti, fir-rigward tar-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 14:

    (a)l-awtur tar-reat ikun uffiċjal ta’ livell għoli;

    (b)l-awtur tar-reat ikun instab ħati qabel ta’ reat imsemmi fl-Artikoli 7 sa 14;

    (c)l-awtur tar-reat ikun kiseb benefiċċju sostanzjali jew ir-reat ikun ikkawża dannu sostanzjali;

    (d)l-awtur tar-reat ikun wettaq ir-reat għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz;

    (e)l-awtur tar-reat jeżerċita funzjonijiet ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew aġġudikazzjoni;

    (f)ir-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI; u

    (g)l-awtur tar-reat ikun entità marbuta b’obbligu skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 61 , jew impjegat ta’ entità marbuta b’obbligu, jew ikollu s-setgħa, kemm jekk individwalment jew bħala parti minn organu tal-entità marbuta b’obbligu, li jirrappreżenta lil dik l-entità, jew l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet f’isem dik l-entità jew li jeżerċita kontroll fi ħdan l-entità marbuta b’obbligu, u jkun wettaq ir-reat fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu.

    2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċirkustanzi li ġejjin jitqiesu bħala ċirkustanzi mitiganti, fir-rigward tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14:

    (a)l-awtur tar-reat jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu, u b’hekk jgħinhom

    (i)jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja awturi oħra ta’ reati; jew

    (ii)isibu evidenza.

    (b)fejn l-awtur tar-reat ikun persuna ġuridika u jkun implimenta kontrolli interni effettivi, sensibilizzazzjoni dwar l-etika, u programmi ta’ konformità biex jipprevjeni l-korruzzjoni qabel jew wara t-twettiq tar-reat; u

    (c)fejn l-awtur tar-reat ikun persuna ġuridika u, ladarba jkun ġie skopert ir-reat, ikun żvela malajr u volontarjament ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti u jkun ħa miżuri ta’ rimedju.

    Artikolu 19

    Privileġġi jew immunità mill-investigazzjoni u mill-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-privileġġi jew l-immunitajiet mill-investigazzjoni u mill-prosekuzzjoni mogħtija lill-uffiċjali nazzjonali għar-reati msemmija f’din id-Direttiva jkunu jistgħu jitneħħew permezz ta’ proċess oġġettiv, imparzjali, effettiv u trasparenti stabbilit minn qabel bil-liġi, abbażi ta’ kriterji ċari, u li jiġi konkluż f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

    Artikolu 20
    Ġuriżdizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq ir-reati msemmija f’din id-Direttiva meta:

    (a)ir-reat jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tagħhom;

    (b)l-awtur tar-reat ikun nazzjonal ta’ jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu f’dak l-Istat Membru;

    (c)ir-reat jitwettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    62 2.Meta reat imsemmi f’din id-Direttiva jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiddeterminaw liema wieħed għandu jmexxi l-proċedimenti kriminali. Fejn ikun xieraq u f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Eurojust.

    3.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), kull Stat Membru għandu jiżgura li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tiegħu ma jkunx soġġett għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tkun tista’ tinbeda biss wara denunzja mill-Istat li fih ikun twettaq ir-reat kriminali jew wara rapport magħmul mill-vittma fl-Istat fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.

    Artikolu 21

    Perjodi ta’ preskrizzjoni għar-reati ta’ korruzzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14, li jippermetti biżżejjed żmien għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, l-ipproċessar u d-deċiżjoni dwar dawk ir-reati wara t-twettiq tagħhom.

    2.Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)ħmistax-il sena minn meta jkun twettaq ir-reat, għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 12;

    (b)għaxar snin minn meta jkun twettaq ir-reat, għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 sa 11;

    (c)tmien snin minn meta jkun twettaq ir-reat, għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 13 u 14.

    3.B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, dment li l-perjodu jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifikati u li r-regoli applikabbli dwar il-perjodi ta’ sospensjoni u ta’ preskrizzjoni ma jfixklux l-effettività tal-proċess ġudizzjarju u l-applikazzjoni dissważiva tal-pieni. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)għaxar snin għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 12;

    (b)tmien snin għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 sa 11;

    (c)ħames snin għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 13 u 14.

    4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija wara kundanna finali għal mill-anqas:

    (a)ħmistax-il sena mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 12;

    (b)għaxar snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 sa 11;

    (c)tmien snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 13 u 14.

    5.B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, dment li l-perjodu jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifikati u li r-regoli applikabbli dwar il-perjodi ta’ sospensjoni u ta’ preskrizzjoni ma jfixklux l-effettività tal-proċess ġudizzjarju u l-applikazzjoni dissważiva tal-pieni. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)għaxar snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 u 12;

    (b)tmien snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 8 sa 11;

    (c)ħames snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 13 u 14.

    Artikolu 22

    Protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw reati jew li jassistu fl-investigazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tkun applikabbli għar-rapportar tar-reati msemmija fl-Artikoli 7 sa 14 u l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali reati.

    2.Minbarra l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jirrapportaw reati msemmija f’din id-Direttiva u li jipprovdu evidenza jew li b’xi mod ieħor jikkooperaw mal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew l-aġġudikazzjoni ta’ tali reati jingħataw il-protezzjoni, l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali.

    Artikolu 23

    Għodod ta’ investigazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod ta’ investigazzjoni effettivi, bħal dawk użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew reati serji oħra, ikunu disponibbli għall-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva.

    Artikolu 24

    Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Kummissjoni għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw ma’ xulxin fil-ġlieda kontra r-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva. Għal dak il-għan, fejn ikun xieraq, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu assistenza teknika u operazzjonali f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 25

    Appoġġ mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom

    1.Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun xieraq, tappoġġa lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva.

    2.Il-Kummissjoni għandha tħejji ħarsa ġenerali lejn ir-riskji settorjali tal-korruzzjoni fl-Unjoni u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-esperti madwar l-Unjoni.

    3.Il-Kummissjoni, permezz tan-network tal-UE kontra l-korruzzjoni, għandha b’mod partikolari:

    (a)tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-prattikanti, l-esperti, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra tal-Istati Membri;

    (b)tikkomplementa l-attivitajiet, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 18(2)(b) billi tiżviluppa l-aħjar prattiki, materjali ta’ gwida u metodoloġiji.

    4.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżorsi finanzjarji fil-livell tal-Unjoni disponibbli għall-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    Artikolu 26

    Ġbir ta’ data u statistika

    1.L-Istati Membri għandhom jiġbru data statistika dwar ir-reati kriminali kif imsemmija fl-Artikoli 7 sa 14 ta’ din id-Direttiva.

    2.Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, tal-anqas, dan li ġej:

    (a)l-għadd ta’ każijiet irrapportati;

    (b)l-għadd ta’ każijiet investigati;

    (c)l-għadd ta’ atti tal-akkuża;

    (d)it-tul medju tal-investigazzjonijiet kriminali tal-każijiet;

    (e)it-tul medju tal-proċedimenti tal-qorti tal-kawżi fl-ewwel istanza, fit-tieni istanza u fil-kassazzjoni;

    (f)l-għadd ta’ kundanni;

    (g)l-għadd ta’ persuni fiżiċi misjuba ħatja u ssanzjonati, bi speċifikazzjoni tal-għadd ta’ uffiċjali pubbliċi u uffiċjali ta’ livell għoli;

    (h)l-għadd ta’ persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli u ssanzjonati;

    (i)l-għadd ta’ kawżi fil-qorti miċħuda għall-korruzzjoni, b’distinzjoni bejn probazzjonijiet fuq is-sustanza jew le u inklużi r-riżoluzzjonijiet mingħajr proċess fil-qorti;

    (j)it-tipi u l-livelli ta’ sanzjonijiet imposti għal kull wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 7 sa 14;

    (k)l-għadd ta’ kundanni maħfura, bi speċifikazzjoni tal-għadd ta’ maħfriet lil uffiċjali pubbliċi u lil uffiċjali ta’ livell għoli.

    3.    L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali u sal-1 ta’ Ġunju, jippubblikaw, f’format li jinqara minn magna u diżaggregat, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena preċedenti u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

    Artikolu 27

    Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

    1.Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru fil-liġi nazzjonali.

    Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    2.Il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

    Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għal dik il-Konvenzjoni għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 28
    Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali

    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 hija emendata kif ġej:

    (1)Fl-Artikolu 2(1), jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

    “(c) “uffiċjali ta’ livell għoli” huma dawk definiti fl-Artikolu 2(8) tad-Direttiva (UE) XXX dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

    (2)Fl-Artikolu 4(2), il-kliem “korruzzjoni passiva u attiva”, “korruzzjoni passiva” u “korruzzjoni attiva” huma sostitwiti rispettivament bi “tixħim passiv u attiv fis-settur pubbliku”, “tixħim passiv fis-settur pubbliku” u “tixħim attiv fis-settur pubbliku”.

    (3)L-Artikolu 7(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4(1) u (2) ikunu punibbli b’piena massima ta’ mill-anqas 6 snin priġunerija meta dawn jinvolvu dannu jew vantaġġ konsiderevoli.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 4(3) ikun punibbli b’piena massima ta’ mill-anqas 5 snin priġunerija meta dan jinvolvi dannu jew vantaġġ konsiderevoli.

    Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4 għandu jiġi preżunt li jkun konsiderevoli meta d-dannu jew il-vantaġġ jinvolvi aktar minn EUR 100 000.

    Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3(2)(d) u soġġett għall-Artikolu 2(2) għandu dejjem jiġi preżunt bħala konsiderevoli.”

    (4)L-Artikolu 7(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4. Fejn reat kriminali msemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(2) jew fl-Artikolu 4(1) u (3) jinvolvi ħsara ta’ inqas minn EUR 10 000 jew vantaġġ ta’ inqas    minn EUR 10 000, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet oħra li mhumiex sanzjonijiet kriminali.”

    (5)Fl-Artikolu 7, jiddaħħal il-paragrafu 6 li ġej:

    “7. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu nstabu ħatja li wettqu wieħed mir-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri kif imsemmija fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva (UE) XXX dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

    (6)L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 8

    Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) XXX dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandhom jitqiesu bħala ċirkustanzi aggravanti u mitiganti, fir-rigward tar-reati msemmija f’din id-Direttiva.”

    (7)L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Sanzjonijiet fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi

    1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli għal reati skont l-Artikolu 6 għandha tkun punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sanzjonijiet jew il-miżuri għal persuni ġuridiċi responsabbli skont l-Artikolu 6 għandhom jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva (UE) XXX dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

    (8)Fl-Artikolu 12, il-paragrafi (2), (3) u (4) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “2. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)ħmistax-il sena minn meta jkun twettaq ir-reat, għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4(1) u (2);

    (b)għaxar snin minn meta jkun twettaq ir-reat għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 4(3).

    3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, dment li l-perjodu jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifikati u li r-regoli applikabbli dwar il-perjodi ta’ sospensjoni u ta’ preskrizzjoni ma jfixklux l-effettività tal-proċess ġudizzjarju u l-applikazzjoni dissważiva tal-pieni. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)    għaxar snin għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4(1) u (2);

    (b)    tmien snin għar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 4(3).

    4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija wara kundanna finali għal mill-anqas:

    (a)ħmistax-il sena mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4(1) u (2);

    (b)għaxar snin mid-data tal-kundanna finali għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 4(3).

    5. B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, dment li l-perjodu jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifikati u li r-regoli applikabbli dwar il-perjodi ta’ sospensjoni u ta’ preskrizzjoni ma jfixklux l-effettività tal-proċess ġudizzjarju u l-applikazzjoni dissważiva tal-pieni. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:

    (a)għaxar snin mid-data tal-kundanna finali għal kwalunkwe wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4(1) u 4(2);

    (b)tmien snin mid-data tal-kundanna finali għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 4(3).”

    Artikolu 29
    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar wara l-adozzjoni]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir tali referenza.

    3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 30
    Evalwazzjoni u rapportar

    1.Sa [24 xahar wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

    2.Kull sentejn minn [12-il xahar wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport fi żmien 3 xhur li jinkludi sommarju dwar l-implimentazzjoni u l-azzjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6.

    3.Sa [48 xahar wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-valur miżjud ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ir-rapport għandu jkopri wkoll l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tiddeċiedi dwar azzjonijiet xierqa ta’ segwitu.

    Artikolu 31
    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 32
    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Dan l-estimu huwa bbażat fuq il-ħidma ta’ istituzzjonijiet u korpi speċjalizzati, bħall-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, Transparency International, il-Patt Globali tan-NU, il-Forum Ekonomiku Dinji, u Clean Business is Good Business, li jissuġġerixxu li t-telf ta’ ġid ekonomiku minħabba l-korruzzjoni jammonta għal 5 % tal-PDG fil-livell dinji. Estimu ieħor issuġġerixxa li l-kostijiet tal-korruzzjoni kienu bejn EUR 179 biljun u EUR 990 biljun fis-sena fl-UE (l-istudju The Cost of Non-Europe in the Area of Corruption minn RAND Europe, 2016).
    (2)    Ara: https://home-affairs.ec.europa.eu/news/citizens-and-businesses-have-spoken-corruption-remains-serious-problem-eu-countries-2022-07-13_mt .
    (3)    Pereżempju: Ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2016, Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM, 2015/2110(INI), u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2022 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem (2021/2066(INI)).  
    (4)    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata għall-EMPACT 2022-2025.
    (5)     Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192/54, 31.7.2003).
    (6)    Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 (2) (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2).
    (7)    In-Nazzjonijiet Uniti 2003, Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni, Treaty Series 2349 (Ottubru): 41, https://www.unodc.org/unodc/en/treaties/CAC/.
    (8)    Il-Komunikazzjoni tal-24 ta’ Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM/2020/605 final.
    (9)    Il-Komunikazzjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar l-istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata 2021-2025, COM(2021) 170 final.
    (10)    Il-Kummissjoni Ewropea, Gaglio, I., Guzzon, J., Bartz, K., et al., Strengthening the fight against corruption. Assessing the EU legislative and policy framework: final report for acceptance, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2023.
    (11)    Il-Komunikazzjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021- 2025, COM/2021/171 final.
    (12)    Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127/39, 29.4.2014).
    (13)    Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997).
    (14)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003).
    (15)    Brussell, il-25 ta’ Mejju 2022, COM/2022/245 final.
    (16)    Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127/39, 29.4.2014); Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332/103, 18.12.2027); Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68/49, 15.3.2005); u r-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 303/1, 28.11.2018).
    (17)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018).
    (18)    Il-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, https://finance.ec.europa.eu/publications/anti-money-laundering-and-countering-financing-terrorism-legislative-package_en.
    (19)    Il-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Beni Kulturali, COM(2022) 800 final.
    (20)    Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305 26.11.2019).
    (21)    L-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).
    (22)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Skemi ta’ Ċittadinanza u ta’ Residenza b’Investiment fl-Unjoni Ewropea, it-23 ta’ Jannar 2019, COM(2019) 12 final. Fil-21 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rreferiet Stat Membru lill-Qorti tal-Ġustizzja talli kiser id-dritt tal-UE bl-iskema tiegħu taċ-ċittadinanza b’investiment.
    (23)    Il-proposta għal Regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2021) 420 final.
    (24)    Fil-21 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rreferiet Stat Membru lill-Qorti tal-Ġustizzja talli kiser id-dritt tal-UE bl-iskema tiegħu taċ-ċittadinanza b’investiment.
    (25)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar passi immedjati fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fir-rigward ta’ skemi ta’ ċittadinanza b’investiment u skemi ta’ residenza b’investiment, 28 ta’ Marzu 2022, C(2022) 2028 final.
    (26)

       Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017).

    (27)    Cost of Non-Europe Report Stepping up the EU’s efforts to tackle corruption, EPRS | European Parliamentary Research Service, Meenakshi Fernandes u Lenka Jančová, 2023, p. 15.
    (28)    UNODC, Safeguarding against Corruption in Major Public Events Facilitator’s Guide, p. 30.
    (29)    Eurojust, Eurojust Casework on Corruption: 2016–2021 Insights, Mejju 2022.
    (30)    Il-Kummissjoni Ewropea, Gaglio, I., Guzzon, J., Bartz, K., et al., Strengthening the fight against corruption. Assessing the EU legislative and policy framework: final report for acceptance, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2023.
    (31)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, Brussell, 6.9.2021, COM(2021) 536 final.
    (32)    Sa issa, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra 17-il Stat Membru minħabba traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva.
    (33)    It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, Brussell, 16.9.2022, COM(2022) 466 final.
    (34)    Il-Korrispondenti Lokali tar-Riċerka dwar il-Korruzzjoni huma network ta’ esperti tas-soċjetà ċivili u akkademiċi minn kull Stat Membru fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni preżenti f’kull Stat Membru. In-network huwa ġestit u ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-kuntratt tagħha HOME/2017/ISFP/CORR/0050 - Konsulenza, assistenza teknika u appoġġ fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
    (35)    Is-sejħa għall-evidenza u l-kontribuzzjonijiet: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13674-Il-glieda-kontra-l-korruzzjoni-fl-UE-regoli-aggornati_mt
    (36)    Il-Kummissjoni Ewropea, Gaglio, I., Guzzon, J., Bartz, K., et al., Strengthening the fight against corruption. Assessing the EU legislative and policy framework: final report for acceptance, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2023.
    (37)    L-Istati Membri għandhom it-tendenza li jikkriminalizzaw dan bħala reat ġenerali, u mhux limitat għal proċedimenti ta’ korruzzjoni, kif inhuma l-każijiet fl-UNCAC.
    (38)    Hemm rapporti ta’ rieżami tal-implimentazzjoni tal-UNCAC disponibbli għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda dawn ma humiex reċenti ħafna.
    (39)    Għal dan ir-reat, il-piena massima medja hija bejn 5 u 7,5 snin.
    (40)    L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 85).
    (41)        Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018).
    (42)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192/54, 31.7.2003).
    (43)    Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 (2) (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2).
    (44)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).
    (45)    Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127/39, 29.4.2014, p. 39).
    (46)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).
    (47)    Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305 26.11.2019).
    (48)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 198 L, 28.7.2017, p. 29).
    (49)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea, C(2021)6650 final.
    (50)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”), COM/2022/177 final.
    (51)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”), C(2022) 2428 final.
    (52)    Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, COM/2021/782 final.
    (53)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.
    (54)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132), l-Anness II, il-punt 6.
    (55)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1), l-Anness, il-punt 7.
    (56)    Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56). Ir-referenza għall-korruzzjoni ssir indirettament fid-Deċiżjoni tal-Kunsill SIS II billi tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’referenza għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew, pereżempju fl-Artikolu 8.
    (57)    Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolidau dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).
    (58)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129). Ir-referenza għall-korruzzjoni ssir indirettament fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-VIS għall-infurzar tal-liġi billi tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’referenza għall-Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-premessa 6.
    (59)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Skemi ta’ Ċittadinanza u ta’ Residenza b’Investiment fl-Unjoni Ewropea, it-23 ta’ Jannar 2019, COM(2019) 12 final.
    (60)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, ĠU 198 L, 28.7.2017, p. 29.
    (61)    Id-Direttiva 2015/849/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73–117).
    (62)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).
    Top