IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2023
COM(2023) 230 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
{SWD(2023) 85 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023PC0230
Recommendation for a COUNCIL DECISION authorising the opening of negotiations for digital trade disciplines with the Republic of Korea and with Singapore
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
COM/2023/230 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2023
COM(2023) 230 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
{SWD(2023) 85 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tbiddel l-iskala, l-ambitu u l-veloċità tal-kummerċ internazzjonali. Dan jippermetti li n-negozji jilħqu u jbigħu oġġetti u servizzi lil għadd akbar ta’ klijenti madwar id-dinja u jtejjeb ħafna l-għażla tal-konsumatur. Dan jippermetti wkoll li n-negozji jużaw għodod diġitali ġodda u innovattivi biex jegħlbu l-ostakli għat-tkabbir. B’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet u jistgħu jsiru aktar integrati fil-ktajjen tal-valur globali.
Il-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi b’mezzi elettroniċi (“il-kummerċ diġitali” 1 ) qed jikber fl-importanza fuq skala globali. Il-kummerċ diġitali jinkludi kemm il-konsenja fiżika ta’ oġġetti u servizzi li x-xiri tagħhom huwa attivat b’mod diġitali (bħax-xiri ta’ ktieb permezz ta’ pjattaforma tal-internet) kif ukoll il-konsenja diġitali ta’ oġġetti u servizzi (bħal software, kotba elettroniċi jew flussi tad-data), li jinvolvu kemm tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju kif ukoll tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi. Ġie stmat li fl-2019 il-valur globali tal-kummerċ elettroniku laħaq it-EUR 22 triljun, żieda ta’ 4 % mill-2018, li kien jirrappreżenta madwar 30 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) globali 2 .
Ir-regoli kummerċjali internazzjonali eżistenti mhux dejjem iqisu n-natura speċifika tal-kummerċ diġitali, li joħloq inċertezza għan-negozji dwar ir-regoli li jkunu se jaffettwaw l-operazzjonijiet u l-investimenti tagħhom f’pajjiżi terzi u għall-klijenti dwar ir-regoli li jkunu se japplikaw għat-tranżazzjonijiet tagħhom. Hemm għadd dejjem jiżdied ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw l-ekonomija diġitali li jistgħu joħolqu ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali. Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali għan-negozji u jiġi ffaċilitat il-kummerċ diġitali, il-pajjiżi madwar id-dinja fittxew li jistabbilixxu regoli dwar il-kummerċ diġitali. Fl-2019, il-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bdew negozjati plurilaterali dwar il-kummerċ elettroniku 3 . F’dawn l-aħħar snin ġie żviluppat ukoll għadd dejjem akbar ta’ ftehimiet reġjonali u bilaterali dwar il-kummerċ diġitali 4 . Filwaqt li l-UE sa issa għadha ma involvietx ruħha f’negozjati settorjali bilaterali dwar ftehimiet kummerċjali diġitali, l-UE kkonkludiet Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles li jinkludu regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali mar-Renju Unit, maċ-Ċilì, u ma’ New Zealand 5 .
Fl-istrateġija tal-UE ta’ Settembru 2021 għall-kooperazzjoni fl-Indo Paċifiku, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħabbru l-intenzjoni li jifformalizzaw is-Sħubijiet Diġitali ma’ wħud mis-sħab ewlenin tal-UE fir-reġjun, inkluż b’mod partikolari ma’ Singapore u mar-Repubblika tal-Korea. L-UE nediet Sħubija Diġitali mar-Repubblika tal-Korea fit-28 ta’ Novembru 2022 u ma’ Singapore fl-1 ta’ Frar 2023. Dawn is-Sħubijiet għandhom aspett kummerċjali importanti u jinkludu l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali bħala riżultat ewlieni. Għalkemm mhux vinkolanti fin-natura tagħhom, il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali għandhom valur politiku sinifikanti, peress li jirriflettu fehim komuni dwar l-aktar kwistjonijiet rilevanti tal-kummerċ diġitali. L-UE ffirmat il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali mar-Repubblika tal-Korea fit-30 ta’ Novembru 2022 u ma’ Singapore fil-31 ta’ Jannar 2023. Il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali ffirmati wrew livell għoli ta’ konverġenza taż-żewġ pajjiżi mal-approċċ tal-UE għall-kummerċ diġitali.
Ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea u Singapore diġà ġew liberalizzati u msaħħa mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (Free Trade Agreements, FTAs) konklużi bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea fl-2011 u bejn l-UE u Singapore fl-2019 6 . Għalkemm dawn huma FTAs komprensivi li jipprevedu impenji sostanzjali għall-kummerċ f'oġġetti u servizzi bejn il-partijiet, ma jipprevedux regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali, peress li l-UE ma pproponietx tali regoli f’dan ir-rigward lis-sħab ta’ negozjar tagħha meta kienu qed isiru n-negozjati ta’ dawn l-FTAs. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-UE żviluppat aktar regoli dwar il-kummerċ diġitali li japplikaw għar-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma’ diversi sħab kummerċjali, inkluż mar-Renju Unit, iċ-Ċilì, u New Zealand.
L-UE u r-Repubblika tal-Korea, u l-UE u Singapore huma sħab ewlenin fir-reġjun Indo Paċifiku. Barra minn hekk, il-Ftehim Qafas tal-2010 bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea, li joħloq sħubija strateġika, jipprovdi bażi għal kooperazzjoni ekonomika u politika msaħħa 7 . L-UE u r-Repubblika tal-Korea, u l-UE u Singapore għandhom relazzjoni ekonomika profonda u dinamika. Abbażi tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore u l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment, Singapore sar l-akbar sieħeb kummerċjali u ta’ investiment tal-UE fix-Xlokk tal-Asja. Fl-2021, kellu l-ħdax l-akbar Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita fid-dinja u kien jikklassifika fis-sitt post f’termini ta’ adozzjoni tal-ICT u l-ħiliet diġitali fir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) tal-2020 8 . Fl-2020, il-kummerċ annwali bejn l-UE u Singapore fl-oġġetti u s-servizzi kien ivvalutat għal aktar minn EUR 90 biljun. Singapore huwa wieħed mill-aktar ekonomiji miftuħa u diġitalizzati fid-dinja. Il-Korea t’Isfel hija wkoll sieħeb ewlieni għall-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku. L-ekonomija tagħha wriet tkabbir rapidu sa mis-snin sittin, u saret l-għaxar l-akbar fid-dinja fl-2021 f’termini ta’ PDG. Hija kklassifikat l-ewwel fir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji tal-2020 f’termini tal-adozzjoni tal-ICT u fl-għaxar post f’termini ta’ ħiliet diġitali 9 . Fl-2020, il-kummerċ annwali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea fl-oġġetti u s-servizzi kien ivvalutat għal aktar minn EUR 120 biljun. In-negozjar tar-regoli dwar il-kummerċ diġitali ma’ Singapore u mar-Repubblika tal-Korea għandu potenzjal kbir biex joħloq opportunitajiet ġodda għan-negozji u l-konsumaturi tal-UE. Dan se jiffaċilita l-operat tan-negozji tal-UE f’dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u se jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi tal-UE fl-ambjent online.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-inizjattiva tibni fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jistipula li jenħtieġ li l-UE “tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali”.
Tibni wkoll fuq l-istrateġija tal-UE ta’ Settembru 2021 għall-kooperazzjoni fl-Indo Paċifiku li tirrikonoxxi li r-reġjun huwa fuq quddiem nett tal-ekonomija diġitali u tipproponi l-istabbiliment ta’ Sħubijiet Diġitali mar-Repubblika tal-Korea, Singapore u l-Ġappun 10 .
L-inizjattiva hija konsistenti mar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-Kummissjoni ta’ Frar 2021, li jħabbar l-intenzjoni li l-Kummissjoni żżid l-involviment bilaterali u tesplora oqfsa aktar b’saħħithom għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali relatati mal-kummerċ ma’ sħab tal-istess fehma u li tapprofondixxi d-djalogi regolatorji tagħha ma’ sħab tal-istess fehma 11 .
Hija konsistenti mal-FTAs li diġà saħħew u lliberalizzaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea, u bejn l-Unjoni Ewropea u Singapore, iżda li ma jipprevedux regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali.
Il-proposta hija konsistenti ma’ u tibni fuq is-Sħubijiet Diġitali u l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali mnedija mar-Repubblika tal-Korea, u ma’ Singapore, li juru livell għoli ta’ konverġenza bejn l-approċċi għall-kummerċ diġitali tal-UE u dawn il-pajjiżi. L-inizjattiva ma tirrestrinġix il-kooperazzjoni li tinsab għaddejja jew dik futura bejn l-UE u dawn il-pajjiżi fil-kuntest tas-Sħubijiet Diġitali.
L-inizjattiva tqis il-progress li sar s’issa fin-negozjati li jinsabu għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku fost il-membri tad-WTO.
Fin-negozjati tagħha dwar il-kummerċ ħieles l-UE tippreżenta dixxiplini regolatorji ambizzjużi b’mod sistematiku. Id-direttivi tan-negozjati proposti jsegwu l-istess approċċ li ssegwi l-UE fin-negozjati tagħha dwar l-FTA, inkluż l-aktar reċentement mar-Renju Unit fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, maċ-Ċilì fil-Ftehim Qafas Avvanzat bejn l-UE u ċ-Ċilì, u ma’ New Zealand għall-FTA bejn l-UE u New Zealand.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Id-dixxiplini proposti mid-direttivi tan-negozjati jibnu fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern fil-qasam tal-kummerċ diġitali u huma kompletament konformi magħha. Id-direttivi tan-negozjati proposti jikkonfermaw ukoll li kwalunkwe regola jew impenn maqbul mill-UE jenħtieġ li jkun konformi mal-qafas legali tal-UE u jenħtieġ li jippreserva l-ispazju ta’ politika meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Diġitali tal-UE.
Id-direttivi tan-negozjati proposti huma konsistenti mad-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali Ewropej kif iffirmata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Diċembru 2022, li l-UE għandha l-għan li tippromwovi fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali tagħha 12 .
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 218(3) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li taħtar in-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza d-direttivi lin-negozjatur u għandu jaħtar kumitat speċjali li permezz ta’ konsultazzjoni miegħu jridu jiġu konklużi n-negozjati.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 5(3) tat-TUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE. Il-politika kummerċjali komuni hija qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3 tat-TFUE.
•Proporzjonalità
Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika inkwistjoni.
•Għażla tal-istrument
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati hija konformi mal-Artikolu 218(3) tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-impenji tal-partijiet ikkonċernati dwar il-kummerċ diġitali fir-rigward tar-Repubblika tal-Korea u ta’ Singapore seħħew fil-kuntest tat-tħejjija u n-negozjar tas-Sħubijiet Diġitali u l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali.
Ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni pubblika ulterjuri dwar din l-inizjattiva, peress li l-prinċipji ewlenin li jirfdu n-negozjati proposti diġà jinsabu fil-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore u jirriproduċu dixxiplini li l-UE diġà inkludiet fl-FTAs eżistenti tagħha mar-Renju Unit, maċ-Ċilì u ma’ New Zealand u jsegwu wkoll in-negozjati dwar il-kummerċ elettroniku fid-WTO. Elementi sostantivi ulterjuri li jistgħu jinqalgħu matul in-negozjati mhumiex magħrufa minn qabel.
Il-Kummissjoni regolarment tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, fost l-oħrajn fil-kuntest tad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili 13 .
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ma saritx valutazzjoni tal-impatt peress li huwa partikolarment diffiċli li jitkejjel l-impatt ekonomiku tal-inizjattiva meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti, peress li r-regoli dwar il-kummerċ diġitali previsti se jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali li diġà ġew liberalizzati u msaħħa mill-FTAs eżistenti mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore. Tali FTAs diġà jinkludu dispożizzjonijiet komprensivi dwar l-aċċess għas-suq għall-kummerċ kemm fl-oġġetti kif ukoll fis-servizzi u għalhekk l-inizjattiva se jkollha impatt primarjament f’termini tal-għoti ta’ ċertezza legali addizzjonali lill-operaturi involuti fil-kummerċ diġitali fis-setturi liberalizzati. Barra minn hekk, ftit hemm għażla għall-UE peress li d-dixxiplini maħsuba għan-negozjati huma simili ħafna għal dawk diġà inklużi fl-FTAs konklużi bejn l-UE u r-Renju Unit, bejn l-UE u ċ-Ċilì u bejn l-UE u New Zealand, kif ukoll dawk segwiti mill-UE fin-negozjati plurilaterali dwar il-kummerċ diġitali fid-WTO. Kwalunkwe proposta sostantiva addizzjonali li l-partijiet l-oħra jistgħu jagħmlu ma tistax tiġi identifikata u vvalutata ex ante. L-inizjattiva hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jiddeskrivi l-kuntest li fih se jsiru n-negozjati, u jenfasizza l-importanza dejjem akbar tal-kummerċ diġitali u l-isforzi tal-pajjiżi madwar id-dinja biex jiżviluppaw regoli internazzjonali f’dan il-qasam. Id-dokument jippreżenta wkoll l-approċċi differenti għar-regoli dwar il-kummerċ diġitali adottati mill-Unjoni Ewropea, mir-Repubblika tal-Korea u minn Singapore.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni tad-data personali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Hu mistenni li n-negozjati jiġu konklużi fl-2024.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jirrakkomandaw li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina n-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea, u l-Unjoni Ewropea u Singapore, rispettivament, għandhom relazzjoni ekonomika profonda u dinamika. Ir-Repubblika tal-Korea u Singapore huma sħab strateġiċi mill-qrib tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun Indo-Paċifiku u sħab kummerċjali sinifikanti tal-Unjoni Ewropea fl-Asja. L-Unjoni Ewropea għandha Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mar-Repubblika tal-Korea li jmur lura sal-2011 u Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapore sa mill-2019. Dawn il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jipprevedu impenji sostanzjali għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi bejn il-partijiet, iżda ma jinkludux regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali.
(2)F’konformità mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Indo-Paċifiku ta’ Settembru 2021, l-Unjoni Ewropea fittxet kooperazzjoni aktar profonda mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore dwar il-kummerċ diġitali. L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea daħlu fi Sħubija Diġitali fit-28 ta’ Novembru 2022 u f’dak il-kuntest qablu dwar Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali mhux vinkolanti fit-30 ta’ Novembru 2022. L-Unjoni Ewropea u Singapore daħlu fi Sħubija Diġitali fl-1 ta’ Frar 2023, u qablu dwar il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali mhux vinkolanti fil-31 ta’ Jannar 2023.
(3)Il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali miftiehma mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore juru livell għoli ta’ konverġenza mal-approċċ tal-Unjoni Ewropea għall-kummerċ diġitali.
(4)L-Unjoni Ewropea laħqet ftehim rigward regoli dwar il-kummerċ diġitali f’diversi negozjati bilaterali ta’ ftehim dwar il-kummerċ ħieles ma’ pajjiżi terzi. L-Unjoni Ewropea qed tipparteċipa wkoll f’għadd ta’ negozjati li bħala parti minnhom qed jiġu żviluppati regoli dwar il-kummerċ diġitali, in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku fid-WTO. Għalhekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiftaħ negozjati dwar disċiplini kummerċjali diġitali vinkolanti li huma koerenti ma’ dawn il-ftehimiet u li jsegwu l-istess objettivi li l-Unjoni Ewropea biħsiebha tikseb fin-negozjati li għaddejjin,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore.
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati indirizzati lill-Kummissjoni għan-negozjar ta’ dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore huma stabbiliti fl-addendum tad-deċiżjoni.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2023
COM(2023) 230 final
ANNESS
tar-
Rakkomnadazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore
{SWD(2023) 85 final}
ADDENDUM
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ DIXXIPLINI KUMMERĊJALI DIĠITALI MAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA U MA’ SINGAPORE
1.NATURA U AMBITU TAD-DISPOŻIZZJONIJIET
(1)In-negozjati għandhom l-għan li jistabbilixxu dixxiplini dwar il-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi abilitati b’mezzi elettroniċi (“kummerċ diġitali”) bejn ir-Repubblika tal-Korea u l-UE, u bejn Singapore u l-UE. Jenħtieġ li tali dixxiplini jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea, u bejn l-Unjoni Ewropea u Singapore. Dawn ir-relazzjonijiet diġà ġew imsaħħa u liberalizzati mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles konklużi bejn l-UE u ż-żewġ pajjiżi. Jenħtieġ li d-dixxiplini jkunu konsistenti mar-regoli stabbiliti f’dawn il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u jibnu fuq il-livell għoli ta’ konverġenza dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ diġitali riflessi fil-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali ffirmati bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea f’Novembru 2022 u bejn l-UE u Singapore f’Jannar 2023. Dawn il-Prinċipji huma r-riżultati ewlenin tas-Sħubijiet Diġitali li l-UE kkonkludiet maż-żewġ pajjiżi.
(2)In-negozjati għandhom l-għan li jsaħħu l-kummerċ diġitali globali, jiffaċilitaw l-operazzjonijiet kummerċjali, fosthom l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, isaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi fl-ambjent online u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp.
(3)In-negozjati għandhom ukoll l-għan li jappoġġaw swieq diġitali miftuħa li huma kompetittivi, trasparenti, ġusti u ħielsa minn ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ u għall-investiment internazzjonali.
(4)Jenħtieġ li d-dixxiplini jibnu fuq ir-regoli u l-obbligi eżistenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Jenħtieġ li fejn possibbli u rilevanti dawn iqisu u jibnu fuq in-negozjati reċenti u li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ u l-investiment fil-livell bilaterali u multilaterali.
(5)Fin-negozjati, l-Unjoni se tippromwovi d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali kif ipproklamaw il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Diċembru 2022.
2.KONTENUT PROPOST TAR-REGOLI U L-IMPENJI
(1)Jenħtieġ li n-negozjati jiżviluppaw dixxiplini dwar aspetti tal-kummerċ diġitali. Dawn jenħtieġ li jkollhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet għall-kummerċ diġitali għall-benefiċċju tan-negozji u l-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea, u li jżidu l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fil-ktajjen tal-valur globali.
(2)Jenħtieġ li n-negozjatijitmexxew b’mod miftuħ. Għalhekk, dawn jistgħu jkopru kwalunkwe aspett tal-kummerċ diġitali li jintlaħaq qbil dwaru mill-partijiet fin-negozjati.
(3)Filwaqt li jirrikonoxxu n-natura trażversali tal-kummerċ diġitali, in-negozjati jistgħu jkopru kwistjonijiet bħal dawn li ġejjin:
(a)il-faċilitazzjoni tat-tranżazzjonijiet elettroniċi (pereż. firem elettroniċi, awtentikazzjoni elettronika);
(b)id-dazji doganali fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi u l-kontenut trażmess;
(c)il-fiduċja tal-konsumaturi (pereż. il-protezzjoni tal-konsumatur online, il-komunikazzjonijiet elettroniċi mhux mitluba);
(d)il-flussi transfruntiera ta’ data b’fiduċja, ir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data u l-protezzjoni tad-data personali;
(e)il-fiduċja tan-negozji (pereż. il-protezzjoni tal-kodiċi tas-sors tal-kompjuter, it-trasferiment furzat tat-teknoloġija);
(f)l-aċċess imtejjeb għall-kummerċ elettroniku (pereż. aċċess għall-internet, il-kontenut online u data tal-gvern jew ir-responsabbiltà tal-intermedjarji online u l-aċċess għall-istess intermedjarji);
(g)il-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ rilevanti għall-kummerċ elettroniku (pereż. il-kummerċ mingħajr karti, il-fatturat elettroniku), b’kunsiderazzjoni xierqa tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;
(h)l-aspetti relatati mal-kummerċ elettroniku ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi sigrieti kummerċjali;
(i)it-trasparenza; kif ukoll
(j)il-kooperazzjoni (pereż. bejn il-partijiet fin-negozjati, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur).
(4)Jenħtieġ li kull regola jew impenn maqbula mill-Unjoni Ewropea jkunu konformi mal-qafas legali tal-UE u jenħtieġ li jkunu jippreservaw l-awtonomija regolatorja meħtieġ għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki dwar id-data u l-politiki diġitali tal-UE.
(5)B’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex taqbel dwar dixxiplini jew impenji li jistgħu jaffettwaw il-qafas legali tagħha dwar iċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari fuq livell komuni għoli ta’ sigurtà ta’ netwerks u sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea.
(6)Fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni dejjem tiżdied fil-kummerċ u l-importanza tat-trasferimenti internazzjonali tal-flussi tad-data għall-kummerċ u l-investiment transfruntier, l-approċċ tal-Unjoni Ewropea f’dawn in-negozjati jrid ikun koerenti mal-approċċ segwit f’dan ir-rigward f’negozjati konklużi u, meta rilevanti u kif xieraq, f’negozjati reċenti u attwali għal ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bilaterali u multilaterali. B’mod partikolari, jenħtieġ li n-negozjati jirriżultaw f’regoli li jkopru l-flussi transfruntiera tad-data li jindirizzaw rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati, filwaqt li la jinnegozjaw u lanqas jaffettwaw ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali u jenħtieġ li, b’mod partikolari, ikunu konformi mal-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali u dik mhux personali.
(7)L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom iżommu l-possibbiltà li jippreżervaw u jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiddefinixxu u jimplimentaw politiki kulturali u awdjoviżivi bil-għan li jħarsu d-diversità kulturali tagħhom. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex taqbel dwar regoli jew impenji għal servizzi awdjoviżivi. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tieħu impenji dwar servizzi mogħtija jew attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva.
(8)Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex taqbel dwar dixxiplini jew impenji li jistgħu jaffettwaw il-qafas legali tagħha dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.
(9)Jenħtieġ li r-regoli u l-impenji ma jostakolawx lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri tagħha u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali milli jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-politika pubblika bħall-ħarsien u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-garanzija tal-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali. Jenħtieġ li l-kwalità għolja tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea tiġi ppreżervata f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, skont il-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, u jenħtieġ li jitqiesu d-dubji tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, inkluż skont il-GATS.