Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0042

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni u l-Anness III tagħha

    COM/2023/42 final

    Brussell, 27.1.2023

    COM(2023) 42 final

    2023/0016(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni u l-Anness III tagħha


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi fil-kummerċ internazzjonali b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet biex jiġi emendat l-Anness III billi jiżdiedu l-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, u t-terbufos.

    Barra minn hekk, din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam b’rabta mal-proposta għal emenda tal-Konvenzjoni ppreżentata mill-Iżvizzera, mill-Awstralja u mill-Mali.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam

    Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi fil-kummerċ internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tippromwovi responsabbiltà kondiviża u sforzi kooperattivi fost il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa minn ħsara possibbli u jingħata kontribut għall-użu ambjentalment korrett tagħhom. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004.

    L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Konvenzjoni 1 .

    2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

    Stabbilita skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet (COP) hija l-korp ta’ tmexxija tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam. Dan il-korp normalment jiltaqa’ kull sentejn biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Huwa jirrieżamina wkoll is-sustanzi kimiċi mressqa għall-kunsiderazzjoni tiegħu mill-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika (CRC).

    F’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet huma meħtieġa jippreżentaw notifiki ta’ azzjoni regolatorja finali biex l-użu ta’ sustanza kimika fil-livell nazzjonali jiġi pprojbit jew strettament ristrett. Wara li s-Segretarjat jirċievi żewġ notifiki bħal dawn dwar l-istess sustanza kimika minn żewġ Partijiet li jagħmlu parti minn żewġ reġjuni tal-PIC differenti, dawk in-notifiki jiġu ppreżentati lis-CRC. Is-CRC għandu jirrieżamina dawk in-notifiki skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness II tal-Konvenzjoni u jadotta rakkomandazzjoni dwar l-elenkar tas-sustanza kimika rispettiva biex tiġi kkunsidrata mis-COP.

    Barra minn hekk, kwalunkwe Parti li hija pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp jew pajjiż b’ekonomija fi tranżizzjoni u li tkun qed tesperjenza problemi kkawżati minn formulazzjoni pestiċida perikoluża ħafna (SHPF) taħt il-kundizzjonijiet tal-użu fit-territorju tagħha tista’ tipproponi li dik il-formulazzjoni pestiċida perikoluża ħafna tiġi elenkata fl-Anness III tal-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 6(1). Is-CRC għandu jirrieżamina dawk il-proposti skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness IV tal-Konvenzjoni u għandu jadotta rakkomandazzjoni dwar l-elenkar tal-SHPF rispettiva biex tiġi kkunsidrata mis-COP.

    Il-proċedura għall-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni hija regolata mill-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, u l-proċedura għall-adozzjoni u l-emenda tal-Annessi hija regolata mill-Artikolu 22. Skont l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni, kull parti għandha vot wieħed. Madankollu, organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali bħall-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti ugwali għall-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma partijiet għall-Konvenzjoni.

    2.3.L-atti previsti tal-Konferenza tal-Partijiet

    Fil-11-il laqgħa ordinarja, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġu elenkati l-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, u t-terbufos fl-Anness III tal-Konvenzjoni.

    L-elenkar fl-Anness III għandu l-effett li s-sustanzi kimiċi jiġu soġġetti għall-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel meta jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali. Dan se jirrikjedi li l-Partijiet jippreżentaw tweġibiet dwar l-importazzjoni lis-Segretarjat sabiex is-Segretarjat ikun jista’ jagħmel dawk it-tweġibiet dwar l-importazzjoni disponibbli għall-Partijiet kollha. Il-Partijiet esportaturi se jkunu meħtieġa jirrispettaw it-tweġibiet dwar l-importazzjoni waqt l-esportazzjoni ta’ dawk is-sustanzi kimiċi.

    L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 22(5)(c) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “Deċiżjoni biex temenda l-Anness III għandha fil-pront tkun ikkomunikata lill-Partijiet mid-Depożitarju. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha f’data li għandha tkun speċifikata fid-deċiżjoni”.

    Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra proposta ppreżentata mill-Iżvizzera, mill-Awstralja u mill-Mali biex jiġu emendati l-Artikoli 7, 10, 11 u 22 tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam u biex jiżdied Anness VIII ġdid. Skont id-diskussjonijiet fil-Konferenza tal-Partijiet, il-proposta jista’ jkollha bżonn tiġi mmodifikata. L-emendi proposti se jistabbilixxu mekkaniżmu biex tiġi regolata l-esportazzjoni ta’ dawk is-sustanzi kimiċi li huma rrakkomandati li jiġu elenkati fl-Anness III mis-CRC, iżda li l-Konferenza tal-Partijiet għadha ma laħqitx kunsens dwar l-elenkar tagħhom fl-Anness III.

    L-elenkar fl-Anness VIII flimkien mar-regoli korrispondenti dwar l-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi rispettivi se japplikaw għall-Partijiet kollha li jirratifikaw l-emenda sakemm dik is-sustanza kimika tiġi elenkata fl-Anness III. Id-deċiżjoni dwar l-elenkar fl-Anness VIII se ssir b’kunsens, bil-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni b’vot ta’ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa, jekk ikun sar kull sforz possibbli biex jintlaħaq kunsens.

    L-emenda prevista se ssir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 21(5) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi: “Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta’ emenda għandha tkun innotifikata lid-Depożitarju bil-miktub. Emenda adottata skont il-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet li jkunu aċċettawha fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni minn mill-inqas tliet kwarti tal-Partijiet. Wara dan, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti oħra fid-90 jum wara d-data li fiha dik il-Parti tiddepożita l-istrumenti tagħha ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-emenda”. Konsegwentement, ladarba l-emenda tiġi adottata u kkomunikata lill-Unjoni mid-depożitarju, l-Unjoni jkollha tieħu passi biex tapprova din l-emenda skont l-Artikolu 21(5) tal-Konvenzjoni u tinnotifikaha lid-depożitarju.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam għandha tkun li tappoġġa l-elenkar tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, u t-terbufos fl-Anness III f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar Kimika (CRC).

    F’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet kienu ppreżentaw notifiki ta’ azzjoni regolatorja finali biex l-użu tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, l-iprodjon u t-terbufos fil-livell nazzjonali jiġi pprojbit jew strettament ristrett.

    Barra minn hekk, il-Partijiet kienu ppreżentaw proposti biex jiġu elenkati l-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L) u formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/L jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, fl-Anness III tal-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 6(1).

    Is-CRC irrieżamina n-notifiki skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness II u l-proposti skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness IV tal-Konvenzjoni u kkonkluda li l-kriterji rilevanti kollha huma ssodisfati.

    L-elenkar fl-Anness III għandu l-effett li s-sustanzi kimiċi jiġu soġġetti għall-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel meta jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali. Dan se jirrikjedi li l-Partijiet jissottomettu tweġibiet dwar l-importazzjoni lis-Segretarjat sabiex is-Segretarjat ikun jista’ jagħmel dawk it-tweġibiet dwar l-importazzjoni disponibbli għall-Partijiet kollha. Il-Partijiet esportaturi se jkunu meħtieġa jirrispettaw it-tweġibiet dwar l-importazzjoni waqt l-esportazzjoni ta’ dawk is-sustanzi kimiċi.

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fir-rigward tal-proposta ppreżentata mill-Iżvizzera, l-Awstralja u l-Mali għandha tkun li tiffavorixxi emenda li tintroduċi mekkaniżmu ta’ votazzjoni għall-elenkar tas-sustanzi kimiċi fl-Anness III. Meta titqies l-esperjenza mid-diskussjonijiet ma’ Partijiet oħra, jidher li ftit huma l-Partijiet li kieku jappoġġaw emenda bħal din. Għalhekk, il-pożizzjoni alternattiva għandha tkun li fil-prinċipju l-proposta ppreżentata mill-Iżvizzera, mill-Awstralja u mill-Mali tiġi appoġġata, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ minn Partijiet oħra għal emenda tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-elenkar fl-Anness III li tintroduċi l-possibbiltà ta’ vot f’konformità mal-Artikolu 22(4) moqri flimkien mal-Artikolu 22(3), iżda mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3)(b) tal-Konvenzjoni,

    (b)ir-regoli u l-proċeduri addizzjonali introdotti mill-emenda huma koerenti mar-regoli u l-proċeduri eżistenti skont il-Konvenzjoni,

    (c)l-emendi jiżguraw li tingħata preferenza lill-elenkar fl-Anness III u li r-regoli addizzjonali ma jfixklux l-elenkar fl-Anness III, inkluż kwalunkwe elenkar fl-Anness III deċiż meta sustanza kimika tkun diġà elenkata fl-Anness VIII,

    (d)l-emendi jiżguraw li r-regoli fir-rigward tal-protezzjoni tal-pajjiżi importaturi li se japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness VIII ikunu aktar stretti minn dawk li japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness III,

    (e)l-emenda tiżgura li l-Partijiet kollha li jirratifikaw l-emenda jkunu marbutin bi kwalunkwe deċiżjoni li tiġi elenkata sustanza kimika fl-Anness VIII, inkluża kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed b’vot.

    Il-proposta tikkomplementa u hija koerenti mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 649/2012, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni. Hija kompletament konformi mal-objettiv tal-Konvenzjoni li jiġu promossi r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi fost il-Partijiet involuti fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa minn ħsara possibbli u jingħata kontribut għall-użu ambjentalment korrett tagħhom.

    Il-proposta hija koerenti mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 peress li ma tinterferixxi mal-ebda deċiżjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi kimiċi fl-Unjoni Ewropea.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni 2 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

    L-atti, li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta, jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti biex jiġi emendat l-Anness III se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam u se jkollhom jiġu implimentati fir-Regolament (UE) Nru 649/2012. L-att li jemenda l-Konvenzjoni kif propost minn tliet Partijiet jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 649/2012. Dan għaliex l-emenda għall-Konvenzjoni jkollha tiġi implimentata fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tirratifika l-emenda.

    L-atti previsti biex jiġi emendat l-Anness III ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    L-att previst li jew jiġu emendati r-regoli dwar l-adozzjoni ta’ emenda tal-Anness III (l-Artikolu 22(5)) jew li jiġu emendati l-Artikoli 7, 10, 11 u 22 u jiġi introdott Anness VIII ġdid (lista ta’ sustanzi kimiċi soġġetti għal kunsens espliċitu) la jemenda u lanqas jissupplimenta l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni, peress li jew ibiddel biss ir-regoli għall-emendar tal-Anness III jew iżid biss mal-Konvenzjoni possibbiltà addizzjonali li jiġu elenkati sustanzi kimiċi li se jsiru soġġetti għal kunsens espliċitu tal-parti importatriċi għall-esportazzjoni tagħhom, sakemm jiġu elenkati fl-Anness III.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-atti previsti għandhom objettivi u komponenti fil-qasam tal-“ambjent” u tal-“kummerċ”. Dawn l-elementi tal-atti previsti huma marbutin b’mod inseparabbli ma’ xulxin u l-ebda wieħed minnhom ma huwa inċidentali għall-ieħor.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 192(1) u 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikoli 192(1) u 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Billi l-att tal-Kumitat Konġunt tal-PEM se jemenda l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

    2023/0016 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni u l-Anness III tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (2006/730/KE) 3 u daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2004.

    (2)Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta deċiżjonijiet biex jiġu elenkati sustanzi kimiċi fl-Anness III.

    (3)Fil-11-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet hija mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar sustanzi kimiċi fl-Anness III għall-Konvenzjoni.

    (4)Biex jiġu promossi r-responsabbiltà kondiviża u l-isforzi kooperattivi fost il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti sustanzi kimiċi perikolużi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu mħarsa minn ħsara possibbli u jingħata kontribut għall-użu ambjentalment korrett tagħhom, huwa meħtieġ li jiġu elenkati aktar sustanzi kimiċi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji rilevanti kollha fl-Anness III tal-Konvenzjoni.

    (5)Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra proposta għall-emendar tal-Konvenzjoni ppreżentata mill-Iżvizzera, mill-Awstralja u mill-Mali. Dik il-proposta għandha l-għan li tindirizza d-diffikultà li jiġu elenkati sustanzi kimiċi ġodda fl-Anness III tal-Konvenzjoni li toriġina mill-ħtieġa li jinkiseb kunsens għal deċiżjoni li jiġi emendat l-Anness III f’konformità mal-Artikolu 22(5) tal-Konvenzjoni.

    (6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, peress li d-dispożizzjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni jew jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u kwalunkwe Konferenza tal-Partijiet sussegwenti fejn il-punt ikun fuq l-aġenda għandha tkun li l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Anness III tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-aċetoklor, il-karbosulfan, l-asbestos tal-krisotil, il-fentijon (ta’ formulazzjonijiet b’volum ultra baxx (ULV) ta’ 640 g jew aktar ta’ ingredjent attiv/L), l-iprodjon, formulazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli u konċentrat solubbli) li fihom id-diklorur tal-parakwat fil-livell ta’ 276 g/l jew aktar, korrispondenti għall-jon tal-parakwat fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, u t-terbufos.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u kwalunkwe Konferenza tal-Partijiet sussegwenti fejn il-punt ikun fuq l-aġenda għandha tkun li l-Unjoni għandha tippromwovi emenda li tintroduċi mekkaniżmu ta’ votazzjoni għall-elenkar tas-sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni alternattiva għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni tal-emendi ppreżentati mill-Iżvizzera, mill-Awstralja u mill-Mali (id-dokument XXX), dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin u li jsiru l-emendi meħtieġa għal dak il-għan:

    (a)ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ minn Partijiet oħra għal emenda tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-elenkar ta’ sustanzi kimiċi fl-Anness III li jintroduċi l-possibbiltà ta’ vot f’konformità mal-Artikolu 22(4) moqri flimkien mal-Artikolu 22(3), iżda mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3), il-punt(b) tal-Konvenzjoni,

    (b)ir-regoli u l-proċeduri addizzjonali introdotti mill-emendi huma koerenti mar-regoli u mal-proċeduri eżistenti skont il-Konvenzjoni,

    (c)l-emendi jiżguraw li tingħata preferenza lill-elenkar tas-sustanzi kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni u li r-regoli addizzjonali ma jfixklux l-elenkar ta’ sustanza kimika fl-Anness III, inkluż meta dik is-sustanza kimika tkun diġà ġiet elenkata fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni,

    (d)l-emendi jiżguraw li r-regoli li se japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni ma jkunux aktar dgħajfa fir-rigward tal-protezzjoni tal-Partijiet importaturi minn dawk li japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni,

    (e)l-emendi jiżguraw li l-Partijiet kollha li jirratifikaw l-emenda jkunu marbutin bi kwalunkwe deċiżjoni li tiġi elenkata sustanza kimika fl-Anness VIII tal-Konvenzjoni, inkluża kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed b’vot.

    Artikolu 3

    L-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2, fid-dawl tal-iżviluppi fil-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u kwalunkwe Konferenza tal-Partijiet sussegwenti fejn il-punt ikun fuq l-aġenda, jista’ jintlaħaq qbil dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).
    (2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
    (3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE tal-25 ta’ Settembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23).
    (4)    Ir-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).
    Top