Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0473

    P9_TA(2023)0473 — Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku tal-2018 fis-suq uniku diġitali — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku tal-2018 fis-suq uniku diġitali (2023/2019(INI))

    ĠU C, C/2024/4175, 2.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4175/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4175/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4175

    2.8.2024

    P9_TA(2023)0473

    Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku tal-2018 fis-suq uniku diġitali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku tal-2018 fis-suq uniku diġitali (2023/2019(INI))

    (C/2024/4175)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/302 tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern (1) (ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (2) (Direttiva dwar is-Servizzi),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/22/KE tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (3),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (4) (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/789 tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1128 tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (6) (Regolament dwar il-Portabbiltà),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2394 tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (7) (Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/782 tad-29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (8),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “L-ewwel reviżjoni ta’ terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku” (COM(2020)0766) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2020)0294),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-2020 bit-titolu “The impacts of the extension of the scope of the geo-blocking regulation to audiovisual and non-audiovisual services giving access to copyright protected content” (L-impatti tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku għal servizzi awdjoviżivi u mhux awdjoviżivi biex jingħata aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2016 bit-titolu “Mystery shopping survey on territorial restrictions and geo-blocking in the European Digital Single Market” (Stħarriġ ta’ xiri bil-moħbi dwar ir-restrizzjonijiet territorjali u l-imblukkar ġeografiku fis-Suq Uniku Diġitali Ewropew),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-2019 bit-titolu “Flash Eurobarometer 477 on Accessing Content Online and Cross-border Portability of Online Content Services, Cross-border Access to Content Online, and Intra-EU Calls” (Flash Eurobarometer 477 dwar l-Aċċess għall-Kontenut Online u l-Portabbiltà Transfruntiera tas-Servizzi tal-Kontenut Online, Aċċess Transfruntier għall-Kontenut Online u Sejħiet Intra-UE),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2020 bit-titolu “Mystery Shopping Survey on territorial restrictions and geo-blocking in the European Digital Single Market” (Stħarriġ ta’ Xiri bil-Moħbi dwar ir-Restrizzjonijiet Territorjali u l-Imblukkar Ġeografiku fis-Suq Uniku Diġitali Ewropew),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta’ rapporti fuq inizjattiva proprja u l-Anness 3 tagħha,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0335/2023),

    A.

    billi r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għal prodotti u servizzi għall-klijenti u li jipprevjeni diskriminazzjoni mhux ġustifikata kontra l-klijenti fis-suq uniku billi jsegwi l-erba’ objettivi ewlenin, jiġifieri t-titjib fit-trasparenza għall-klijenti billi jiġi permess l-aċċess għal siti web jew applikazzjonijiet kullimkien fis-suq uniku, jiġu pprevenuti differenzi mhux ġustifikati fit-trattament f’termini tal-aċċess għal prodotti u servizzi għall-klijenti fis-suq uniku kollu, it-titjib fl-infurzar pubbliku b’rabta ma’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u kwalunkwe diskriminazzjoni oħra abbażi tal-post ta’ residenza, stabbiliment jew nazzjonalità tal-klijenti, filwaqt li tiżdied ukoll iċ-ċertezza legali għal negozji li jwettqu tranżazzjonijiet transfruntiera;

    B.

    billi l-għan ġenerali tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku huwa li jiżgura li l-atturi ekonomiċi jittrattaw lill-klijenti tal-UE (inklużi konsumaturi u utenti aħħarin oħrajn) bl-istess mod, irrispettivament mill-post ġeografiku, in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom;

    C.

    billi l-Parlament talab li l-Kummissjoni tivvaluta b’attenzjoni l-inklużjoni possibbli ta’ servizzi mogħtija elettronikament li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija l-għoti ta’ aċċess għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u l-użu tagħhom jew kwistjonijiet oħrajn protetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku; billi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku, il-Kummissjoni kienet marbuta twettaq din l-evalwazzjoni sat-23 ta’ Marzu 2020; billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ewwel rieżami fuq terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku ddikjara li, fir-rigward tal-kontenut awdjoviżiv, konsumatur Ewropew għandu bħala medja, aċċess għal 14 % biss tal-films disponibbli online fl-EU-27 (9), ifakkar li l-aċċess ivarja ħafna bejn l-Istati Membri, peress li l-konsumaturi fil-Greċja għandhom aċċess biss għal 1,3 % tat-titoli kollha disponibbli fl-Istati Membri kollha tal-UE, filwaqt li l-konsumaturi fil-Ġermanja għandhom aċċess għal 43,1 % tat-titoli kollha tal-films disponibbli fl-Istati Membri kollha;

    D.

    billi f’Marzu 2021 il-Parlament kellu dibattitu plenarju dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku li matulu l-Kummissjoni ġiet mistiedna tadotta proposta leġiżlattiva biex tinkludi s-servizzi awdjoviżivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku; billi matul dan id-dibattitu, il-Kummissjoni ħabbret li qed tippjana li tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex tidentifika kif għandha trawwem ċirkolazzjoni aħjar tal-kontenut awdjoviżiv madwar l-UE u ħadet rendikont tal-progress li nkiseb sa tmiem l-2022 u mbagħad se tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss u tqis diversi għażliet, inklużi interventi leġiżlattivi;

    E.

    billi l-għadd ta’ konsumaturi li jippruvaw jaċċessaw kontenut awdjoviżiv offrut fl-Istati Membri qed jiżdied b’mod kostanti; billi, għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha tidħol fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati bil-għan li trawwem iċ-ċirkolazzjoni ta’ kontenut ta’ kwalità madwar l-UE; billi dan id-djalogu huwa inkluż bħala Azzjoni 7 fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv (10); billi d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati enfasizza ċ-ċentralità tal-funzjonament territorjali tas-settur awdjoviżiv, settur li huwa kruċjali għall-UE kemm f’termini ekonomiċi kif ukoll kulturali u huwa vitali biex jiġu ssalvagwardjati d-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu tal-media tal-UE;

    F.

    billi ċ-ċittadini li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera jew li jappartjenu għal minoranzi lingwistiċi xi kultant ma jitħallewx jaċċessaw kontenut bil-lingwi nattivi tagħhom minħabba l-imblukkar ġeografiku, u dan jista’ jillimita l-aċċess tagħhom għall-kontenut kulturali; billi t-tkabbir tal-kontenut fuq talba u x-xejriet ta’ konsum li qed jinbidlu tal-kontenut awdjoviżiv jistgħu jniedu riflessjoni mill-ġdid tal-approċċ tal-UE għal-liċenzjar tal-kontenut;

    G.

    billi l-Istati Membri ffaċċjaw sfidi u dewmien fit-traspożizzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku;

    H.

    billi r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku jrid jitqies fil-kuntest tal-pakkett ġenerali ta’ miżuri dwar il-kummerċ elettroniku u fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni oħra relatata, b’mod partikolari rigward is-servizzi transfruntiera ta’ konsenja ta’ pakketti, ir-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, filwaqt li jitqies il-potenzjal tiegħu biex jagħti spinta lill-kummerċ elettroniku transfruntier fl-Ewropa, li huwa prerekwiżit għall-funzjonament sħiħ tas-suq uniku diġitali;

    I.

    billi ż-żamma tal-imblukkar ġeografiku għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal protett hija waħda mill-għodod ewlenin biex tiġi ggarantita d-diversità kulturali;

    1.

    Jinnota l-potenzjal mhux sfruttat għall-attivitajiet ekonomiċi transfruntiera u jissottolinja li dawn l-attivitajiet jistgħu jitrawmu billi jitneħħew l-ostakoli li fadal relatati mal-imblukkar ġeografiku, u b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jiġi ggarantit li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess ugwali għall-prodotti u s-servizzi irrispettivament mill-post tagħhom, filwaqt li jiġi promoss aktar il-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi f’konformità mal-prinċipji tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, peress li ħafna ċittadini għadhom ma humiex konxji tar-regoli stabbiliti, u dan jirriżulta f’anqas fiduċja fix-xiri transfruntier online; jitlob li jittieħdu aktar azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakoli mhux ġustifikati u jiġu ffaċilitati l-piżijiet fuq il-forniment ta’ servizzi transfruntiera sabiex jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku għall-konsumaturi u n-negozji, u biex isir titjib fl-infurzar tal-miżuri fil-livell nazzjonali ħalli tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku;

    2.

    Jissottolinja l-importanza tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku fil-bini ta’ suq intern aktar robust, koerenti, aċċessibbli u ġust għaċ-ċittadini u n-negozji kollha fl-UE mingħajr diskriminazzjoni jew kwalunkwe ostakolu mhux ġustifikat, u irrispettivament min-nazzjonalità, mill-post ta’ residenza jew ta’ stabbiliment; jisħaq li jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri biex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tar-Regolament, inkluż billi jissaħħaħ il-qafas legali li jappoġġja l-iskambju transfruntier ta’ prodotti u servizzi;

    3.

    Jinnota li l-Kummissjoni ppubblikat “l-ewwel reviżjoni ta’ terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku” (COM(2020)0766) seba’ xhur wara l-iskadenza stabbilita fir-Regolament; jirrikonoxxi li l-ewwel rieżami tiegħu twettaq qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, li jfisser li l-bidliet kemm fl-imġiba tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozju minħabba l-pandemija għalhekk ma kinux riflessi fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2020; ifakkar fil-bidliet fid-drawwiet tal-konsumatur u fiż-żieda fil-preferenza għal xiri ta’ prodotti u servizzi online, li reġgħu komplew jissaħħew mill-pandemija tal-COVID-19; jirrikonoxxi ż-żieda qawwija fl-attivitajiet online, inklużi l-kummerċ elettroniku, is-servizzi diġitali u x-xogħol mill-bogħod, li tenfasizza l-ħtieġa ta’ suq uniku diġitali robust u inklużiv li jadatta għal dawn id-drawwiet li qed jevolvu tal-konsumatur; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu misluta aktar konklużjonijiet abbażi tad-data l-ġdida f’dan il-qasam u li titqies l-introduzzjoni ta’ miżuri komplementari biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u jiġu eliminati l-ostakoli mhux ġustifikati, filwaqt li jitqies ukoll li 12 % tan-negozji tal-UE (11) bdew jew żiedu l-isforzi tagħhom biex ibigħu prodotti jew servizzi online b’rispons għall-pandemija, u li jittejbu d-drittijiet u l-esperjenzi tal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni komprensiva mill-ġdid tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali aċċellerata, inkluża l-effettività tiegħu, filwaqt li jitqiesu wkoll il-bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi u tan-negozjanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri japplikaw u jinfurzaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku u jaġixxu b’mod deċiżiv kontra entitajiet li jċaħħdu lill-konsumaturi mill-benefiċċji kollha li joffri s-suq uniku, kif ukoll billi jiżguraw għodod ta’ infurzar xierqa u jtejbu l-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż permezz ta’ network ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur (CPC) imsaħħaħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-infurzar bil-għan li tevita frammentazzjoni tar-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita dan billi tivvaluta l-miżuri ta’ infurzar differenti li ntużaw sa issa mill-Istati Membri sabiex tiddetermina liema huma l-aktar proporzjonati u effettivi u taqsam dan bħala forma tal-aħjar prattika, bil-għan li tiżgura approċċ armonizzat fost l-Istati Membri;

    5.

    Jirrikonoxxi l-firxa wiesgħa ta’ multi minimi u massimi applikabbli kemm madwar l-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja aktar mill-qrib jekk tali diskrepanzi jistgħux ikunu ta’ detriment għall-effettività u l-applikazzjoni armonizzata tar-Regolament;

    6.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas aktar robust għall-ġbir u l-analiżi tad-data biex jiġu mifhuma aħjar l-impatt u l-effettività tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku, inklużi l-effetti tiegħu fuq l-imġiba tal-konsumatur u d-dinamika tas-suq; jinnota li d-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied malajr fir-rigward tal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi toffri opportunitajiet eċċellenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfuntier u tiġi promossa l-kompetizzjoni bejn in-negozji differenti tal-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

    7.

    Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ aktar evidenza dwar l-effettività, il-proporzjonalità u l-effett ta’ deterrent tal-miżuri ta’ infurzar differenti fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju komprensiv dwar l-impatt tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku fuq it-tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju, b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

    8.

    Jinnota li terz tal-ilmenti kollha riċevuti minn awtoritajiet kompetenti li weġbuhom ma kinux fil-fatt koperti mir-Regolament, inkluż, fost affarijiet oħra, kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u servizzi tal-assigurazzjoni, li juri li l-konsumaturi jqisu l-imblukkar ġeografiku bħala partikolarment problematiku f’dawn l-oqsma; jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-benefiċċji potenzjali relatati mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament għal oqsma ġodda u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar dan ir-regolament u kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli oħra; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk in-nuqqasijiet fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra jistgħux involontarjament iwasslu għal ilmenti jew problemi relatati ma’ dan ir-regolament;

    9.

    Jinnota li l-imblukkar tal-aċċess għal interfaċċi online u r-ridirezzjonar kienu l-aktar raġunijiet komuni għall-ilmenti fil-maġġoranza tal-Istati Membri; ifakkar li r-Regolament il-ġdid dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi huwa maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni tan-network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur billi dan jipprevedi proċeduri ġodda u assistenza reċiproka msaħħa kif ukoll mekkaniżmi ta’ twissija; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-effettività ta’ dawn il-proċeduri u l-mekkaniżmi l-ġodda, li jiġu intensifikati l-isforzi ta’ koordinazzjoni u li jiġu żviluppati strateġiji biex jindirizzaw l-aktar raġunijiet komuni għall-ilment; jenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar sforzi fil-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-konsumaturi;

    10.

    Ifakkar li r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku jipprojbixxi diskriminazzjoni tal-prezzijiet ibbażata fuq in-nazzjonalità, il-post ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kontinwament l-impatt tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, u l-impatt potenzjali tagħha fuq is-sensibilizzazzjoni tal-klijenti dwar il-prattiki relatati mal-imblukkar ġeografiku billi, pereżempju, tagħmel tali prattiki inqas viżibbli għall-konsumaturi;

    11.

    Jirrikonoxxi li xorta jistgħu jeżistu ċerti differenzi fil-prezz għal klijenti transfruntiera, li jistgħu jkunu ġustifikati minn fatturi bħal rati ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) differenti u spejjeż ogħla għall-konsenja transfruntiera; jemmen, madankollu, li l-konsumaturi ma għandhomx ikunu mblukkati milli jaċċessaw offerti kompetittivi li jsiru disponibbli fis-suq uniku mill-istess fornitur jew minn fornituri oħra;

    12.

    Jirrikonoxxi li jistgħu jeżistu sfidi prattiċi, organizzattivi u finanzjarji, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’rabta mal-introduzzjoni tal-obbligu obbligatorju potenzjali għan-negozjanti li jikkonsenjaw prodotti fil-pajjiż ta’ residenza tal-konsumatur; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ċerti negozjanti jipprojbixxu lill-konsumaturi milli jużaw metodi ta’ konsenja ta’ ġbir jew organizzazzjoni minnhom stess fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jew jirrifjutaw li jibagħtu prodotti permezz ta’ kumpaniji tat-trasport li jispeċjalizzaw fil-konsenja transfruntiera ta’ pakketti, li jirrappreżenta kunflitt mal-prinċipji tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku; jisħaq li l-limitazzjonijiet tal-konsenja fil-bejgħ online transfruntier għadhom jaffettwaw aktar minn 50 % tat-tentattivi tax-xiri, u dan ifixkel l-aspettattivi tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar passi biex jiffaċilitaw l-aċċess u l-operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ konsenja transfruntiera ta’ pakketti; ifakkar li n-negozjanti ma għandhomx ixekklu lil kumpaniji tat-trasport terzi milli jippermettu l-konsenja transfruntiera ta’ prodotti lill-konsumaturi, b’mod partikolari f’każijiet fejn in-negozjant ma jipprovdix tali għażla jew meta n-negozjanti jipprojbixxu l-ġbir mix-xerrej stess fil-ħanut; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tivvaluta liema punt l-identifikazzjoni ta’ servizzi bi prezz raġonevoli ta’ konsenja transfruntiera ta’ pakketti għadha problema għall-bejjiegħa online; jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis li tinkludi referenza saħansitra aktar espliċita għal dawk is-servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti tal-parti terza fir-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar passi biex jiffaċilitaw l-aċċess għal servizzi ta’ konsenja transfruntiera ta’ pakketti u l-operazzjonijiet tagħhom;

    13.

    Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ aktar ħidma dwar l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà u l-importanza li jingħata appoġġ lill-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jittejbu l-istandardizzazzjoni u l-kwalità ġenerali tas-servizz fil-qasam tas-sistemi ta’ konsenja transfruntiera ta’ pakketti, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-passi ulterjuri biex tappoġġja t-tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport bil-baħar f’xenarji transfruntiera;

    14.

    Jinnota r-reviżjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Applikabbli għall-Akkordji Vertikali (12); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet ta’ distribuzzjoni selettiva u l-ftehimiet dwar id-drittijiet esklużivi ma jiġux abbużati, ma jimminawx id-dritt ta’ bejgħ passiv jew jillimitaw il-fluss liberu ta’ oġġetti u servizzi bejn il-fruntieri nazzjonali u ma jipprevjenux lill-konsumaturi milli jixtru oġġetti u servizzi disponibbli fi Stati Membri oħra, u jirrakkomanda analiżi usa’ u aktar dettaljata b’enfasi partikolari fuq l-impatt ta’ dawn il-ftehimiet fuq l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tivvaluta kif xieraq l-effettività tal-Artikolu 6 dwar il-ftehimiet dwar bejgħ passiv tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku u tqis miżuri addizzjonali potenzjali biex tiżgura li l-ftehimiet li jirrestrinġu l-bejgħ passiv ma jxekklux il-kompetizzjoni, l-għażla tal-konsumaturi jew id-diversità tas-suq;

    15.

    Jieħu nota li f’xi setturi fl-UE hemm restrizzjonijiet persistenti fuq il-provvista territorjali (TSCs) bħal ostakoli imposti minn operaturi privati (fornituri) fil-katina tal-provvista, li jistgħu jaffettwaw lill-bejjiegħa bl-imnut jew lill-bejjiegħa bl-ingrossa, u dawn jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw il-kapaċità tal-bejjiegħa bl-imnut jew tal-bejjiegħa bl-ingrossa li jakkwistaw oġġetti f’pajjiżi tal-UE għajr dak li jkunu bbażati fih, u/jew ma jitħallewx iqassmu (jiġifieri jbigħu mill-ġdid) oġġetti lejn pajjiżi oħra tal-UE għajr dak li jkunu bbażati fih u li dan jista’ jikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati madwar l-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tindirizza l-effett antikompetittiv tat-TSCs bil-għan li jinkiseb suq uniku li jiffunzjona bis-sħiħ bil-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-konsumaturi;

    16.

    Jiddeplora l-fatt li għad hemm xi ostakoli mhux ġustifikati fil-każ ta’ reġistrazzjoni u metodi ta’ pagament online; ifakkar li dawn l-ostakoli jwasslu biex il-klijenti transfruntiera spiss ma jkunux jistgħu jirreġistraw fuq siti web li jirrikjedu reġistrazzjoni, jew iħallsu għas-servizz mitlub mingħajr ma jippreżentaw data bħal indirizz lokali jew metodu ta’ pagament nazzjonali speċifiku, jew saħansitra numru tat-telefown nazzjonali, li jimmina l-objettiv tar-Regolament li jagħmel possibbli li wieħed “jixtri bħan-nies tal-lokal”; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tindirizza dawn l-ostakoli u twettaq analiżi komprensiva bil-għan li tipproponi miżuri biex dawn jiġu eliminati, f’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva dwar is-Servizzi, filwaqt li jiġi żgurat li l-prinċipji tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku jiġu implimentati bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-klijenti;

    17.

    Ifakkar li, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament, dan ma għandux jaffettwa l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur; jenfasizza li l-Parlament talab, f’konformità mal-klawżola ta’ reviżjoni tar-Regolament, li l-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-Regolament għandux japplika wkoll għal servizzi pprovduti elettronikament li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija l-għoti ta’ aċċess għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awturi jew kwistjonijiet protetti oħrajn u l-użu tagħhom, inkluż il-bejgħ ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew kwistjonijiet protetti oħrajn f’forma intanġibbli, dment li n-negozjant ikollu d-drittijiet meħtieġa għat-territorji rilevanti (13); ifakkar fis-sejbiet tal-ewwel rieżami fuq terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku li jiddikjara li l-espansjoni tal-offerta ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, anke b’rispons għal talbiet mhux mitluba minn konsumaturi individwali mingħajr il-ħtieġa ta’ liċenzji addizzjonali, trawwem domanda transfruntiera għal kontenut awdjoviżiv, u fl-aħħar mill-aħħar, isaħħaħ id-diversità kulturali u t-tixrid tal-kontenut lil udjenzi ġodda bejn il-fruntieri, u għalhekk, tirrikjedi analiżi ulterjuri;

    18.

    Iqis li għandu jsir aktar sforz biex jiġu żgurati ċ-ċirkolazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet u programmi fl-UE, inkluż kontenut ċinematografiku u awdjoviżiv eżistenti u ġdid, biex b’hekk tiġi riflessa r-rikkezza u d-diversità tal-kultura fl-Ewropa bejn il-fruntieri; jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, l-importanza kbira li jiġu appoġġjati l-koproduzzjonijiet Ewropej, id-doppjaġġ jew is-sottotitolar bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, u t-tixrid internazzjonali tax-xogħlijiet; jistieden lill-Kummissjoni tissuġġerixxi, bi sħubija mal-industrija, inizjattiva biex tiżgura li l-films Ewropej li jirbħu premjijiet, bħar-rebbieħa tal-Premju tal-Udjenza LUX, ikunu disponibbli madwar l-UE;

    19.

    Jilqa’ l-progress li sar f’termini tad-disponibbiltà minn katalogu għal ieħor ta’ prodotti u servizzi ta’ mużika, kotba elettroniċi, logħob tal-vidjo u software, kemm f’mudelli bbażati fuq abbonament kif ukoll dawk ibbażati fuq tranżazzjoni; ifakkar li l-imblukkar ġeografiku fis-settur tal-kotba ma jikkostitwixxix tħassib għall-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li kien hemm titjib limitat rigward id-disponibbiltà minn katalogu għal ieħor ta’ kontenut awdjoviżiv u avvenimenti sportivi diretti, li jikkontribwixxu għall-perċezzjoni tal-konsumatur li s-settur tas-servizzi awdjoviżivi qed japplika l-ogħla livell ta’ mblukkar ġeografiku; jirrikonoxxi l-effett partikolarment negattiv tal-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku fuq iċ-ċittadini li jgħixu f’reġjuni transfruntiera jew li jappartjenu għal minoranzi lingwistiċi;

    20.

    Jinnota l-popolarità ta’ għodod differenti fost il-konsumaturi li jintużaw biex jiġu evitati restrizzjonijiet ta’ mblukkar ġeografiku, inklużi għodod li jipprovdu aċċess għal kontenut mhux awtorizzat protett bid-drittijiet tal-awtur, speċjalment għal kontenut awdjoviżiv; iqis li huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-modernizzazzjoni u l-adattament kostanti tal-mudelli tan-negozju tas-settur tas-servizzi awdjoviżivi għall-aspettattivi ġodda tal-konsumaturi f’termini ta’ aċċessibbiltà tal-prezzijiet, flessibbiltà u kwalità tal-kontenut, jistgħu jkunu aktar effettivi mill-imminar tal-użu effettiv ta’ tali għodod;

    21.

    Jirrikonoxxi li żewġ regolamenti diġà jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-esklużività territorjali tas-settur awdjoviżiv, jiġifieri r-Regolament dwar il-Portabbiltà, li jipprevedi l-portabbiltà ta’ abbonament għal servizz tal-kontenut online madwar l-Istati Membri, u d-Direttiva (UE) 2019/789 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online, li tipprevedi aċċess għal programmi tal-aħbarijiet u tal-affarijiet kurrenti u produzzjonijiet proprji ffinanzjati bis-sħiħ minn organizzazzjonijiet tax-xandir madwar l-Unjoni Ewropea; jemmen li, b’mod partikolari, ir-Regolament dwar il-Portabbiltà rriżulta f’benefiċċji sostanzjali għall-konsumaturi li jistennew li jirċievu aċċess kontinwu għas-servizzi tagħhom meta jkunu jinsabu temporanjament fi Stat Membru ieħor; jinnota r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Portabbiltà ta’ Ġunju 2022, li jispjega l-finzjoni ġuridika stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament ippermettiet li r-restrizzjonijiet territorjali tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati jingħelbu mingħajr l-ebda telf sinifikanti ta’ dħul għad-detenturi tad-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tapplika approċċ simili fir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku;

    22.

    Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar nediet id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati dwar l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu madwar l-UE kif imħabbar fl-ewwel rieżami fuq terminu qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku u fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv ta’ Diċembru 2020; ifakkar li l-għan tad-djalogu kien li jistabbilixxi miżuri speċifiċi biex jittejjeb l-aċċess transfruntier għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu u li jiddefinixxi miri speċifiċi f’dak ir-rigward; jesprimi dispjaċir għall-fatt li sal-lum, id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati ma pprovdiex pjan direzzjonali ċar li jiddeskrivi l-passi dettaljati biex jittejjeb l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu bejn il-fruntieri;

    23.

    Jenfasizza li qegħdin jiġu żviluppati azzjonijiet ulterjuri rigward id-disponibbiltà u r-rintraċċabbiltà ta’ avvenimenti sportivi, bħal inizjattivi u sħubijiet tal-industrija mmexxija mis-suq biex jixprunaw aktar u jiżdiedu l-aċċess għall-kontenut u r-rintraċċabbiltà tiegħu madwar l-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa l-għażliet kollha li se jnaqqsu l-ostakoli ta’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikati u diskriminatorji għal aċċess għal servizzi awdjoviżivi u avvenimenti sportivi, filwaqt li jqisu l-impatt potenzjali fuq id-diversità tal-mudelli tan-negozju u l-finanzjament disponibbli tas-settur kreattiv; jirrimarka li l-finanzjament ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiku jinvolvi investimenti kbar ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament l-eżitu dettaljat tad-djalogu tagħha mal-partijiet ikkonċernati dwar l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku għall-kontenut awdjoviżiv, inklużi passi konkreti u miri speċifiċi biex tittejjeb ir-rintraċċabbiltà tal-kontenut awdjoviżiv bejn il-fruntieri, b’hekk jiġu riflessi r-rikkezza u d-diversità tal-kultura fl-Ewropa;

    24.

    Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-ewwel rieżami fuq terminu qasir imwettaq mill-Kummissjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku, li jsostni l-esklużjoni kontinwa tas-servizzi awdjoviżivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tipproponi soluzzjonijiet tanġibbli li jippermettu lill-konsumaturi, b’mod partikolari liċ-ċittadini li jgħixu f’reġjuni transfruntiera jew li jappartjenu għal minoranzi lingwistiċi, aċċess legali għal kontenut li jvarja bejn katalogu u ieħor bejn il-fruntieri; ifakkar fl-obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku; filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ valutazzjoni ulterjuri tal-impatt potenzjali fuq id-dinamika ġenerali tas-settur awdjoviżiv li tiżgura mudelli ta’ negozju sostenibbli għall-operaturi ekonomiċi; jirrakkomanda li minħabba l-kumplessità tiegħu bħala riżultat ta’ fatturi bħad-diversità tal-kontenut, tal-fornituri, tal-mudelli tan-negozju, tal-preferenzi tal-konsumaturi, tal-mudelli ta’ liċenzjar u tal-ktajjen tal-valur kumplessi, il-Kummissjoni għandha tqis approċċ gradwali, li jimmira lejn mudelli speċifiċi tat-tip u tad-distribuzzjoni tas-settur awdjoviżiv wieħed b’wieħed, u tiġbor evidenza addizzjonali qabel ma jittieħdu passi ulterjuri; filwaqt li jiġu żgurati perjodi ta’ żmien realistiċi għal kwalunkwe bidla potenzjali li se tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi awdjoviżivi jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom kif xieraq għar-regoli l-ġodda u jiżguraw il-preżervazzjoni tad-diversità kulturali u l-kwalità tal-kontenut;

    26.

    Ifakkar fl-importanza li tiġi appoġġjata politika ta’ koproduzzjonijiet Ewropej, li tirrifletti r-rikkezza u d-diversità tal-kultura Ewropea, u fl-importanza li tissaħħaħ id-distribuzzjoni internazzjonali tax-xogħlijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja aktar proġetti għad-doppjaġġ u s-sottotitolar ta’ xogħlijiet awdjoviżivi permezz tal-programm Ewropa Kreattiva MEDIA u taħdem biex itejjeb l-aċċess għal xogħlijiet ċinematografiċi patrimonjali;

    27.

    Jinnota li servizzi ta’ mużika online (streaming jew fuq talba) huma disponibbli b’mod wiesa’ madwar l-UE, u li l-biċċa l-kbira tas-servizzi ewlenin ta’ streaming ta’ mużika huma disponibbli fl-Istati Membri kollha tal-UE, li jirrifletti l-interess kulma jmur jikber tal-konsumaturi f’aċċess transfruntier għall-mużika; huwa mħasseb li għad hemm xi ostakoli għall-konsumaturi biex jaċċessaw servizzi ta’ streaming ta’ mużika fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari rigward il-bidla awtomatika tal-kundizzjonijiet applikabbli jew l-aċċettazzjoni tal-metodu ta’ pagament;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni rilevanti u jipproponu li jużaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bħala parti mill-istrateġija għas-suq uniku diġitali, sabiex inaqqsu r-riskji u l-ispejjeż għan-negozjanti li joperaw b’mod transfruntier u jinċentivaw lil aktar negozjanti biex jikkonsenjaw oġġetti jew servizzi bejn il-fruntieri;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja l-iżviluppi tas-suq dwar l-aċċess tal-klijenti għall-offerti ta’ prodotti u servizzi fis-suq uniku, filwaqt li tagħmel enfasi b’mod partikolari fuq l-impatt tal-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku fuq it-trasport, is-servizzi finanzjarji, tas-saħħa u t-telekomunikazzjoni, inkluż li jintemm l-imblukkar tas-servizzi pprovduti mill-operaturi tan-network mobbli fir-reġjuni tal-fruntieri fl-UE, u l-benefiċċji potenzjali tal-inklużjoni tagħhom fir-regolament; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi u l-oqfsa regolatorji ta’ dawn is-setturi meta tanalizza l-estensjoni potenzjali tar-Regolament għal dawn is-setturi, biex tiżgura li kwalunkwe bidla proposta tkun fattibbli u ta’ benefiċċju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi proċess ta’ konsultazzjoni komprensiva mal-partijiet ikkonċernati f’dawn is-setturi, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-konsumaturi u l-akkademiċi, biex tiġbor informazzjoni intuwittiva u feedback dwar l-estensjoni potenzjali tar-Regolament għal dawn is-servizzi;

    30.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaġġornaw u jikkomplementaw iċ-ċifri dwar l-ilmenti li jaslu għand il-korpi ta’ infurzar nazzjonali bil-għan li jiġu identifikati aħjar oqsma possibbli ta’ tħassib għall-konsumaturi; jisħaq li, f’dan il-kuntest, it-twettiq regolari ta’ eżerċizzju ta’ xiri bil-moħbi u paragun mal-eżerċizzji ta’ xiri bil-moħbi tal-2015 u l-2019 jistgħu jgħinu jiġu identifikati l-problemi li jippersistu;

    31.

    jitlob li ssir valutazzjoni sħiħa tas-sinerġiji possibbli ma’ miżuri oħrajn tal-istrateġija għas-suq uniku diġitali, bħall-bidliet fil-qasam tal-VAT għal kummerċ elettroniku transfruntier li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021 u li suppost għandhom inaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozjanti b’operazzjonijiet transfruntiera u, għalhekk, iħeġġu aktar negozjanti biex jikkonsenjaw oġġetti jew servizzi bejn il-fruntieri, u r-Regolament (UE) 2018/644 (14) dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini li għandu jgħin biex tiżdied it-trasparenza ta’ tariffi transfruntiera;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex japplikaw bis-sħiħ ir-Regolament u biex jikkooperaw aktar fi ħdan in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur;

    33.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)   ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1.

    (2)   ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

    (3)   ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.

    (4)   ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

    (5)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 82.

    (6)   ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1.

    (7)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.

    (8)   ĠU L 172, 17.5.2021, p. 1.

    (9)   COM(2020)0766.

    (10)   COM(2020)0784.

    (11)   Eurostat, Online sales efforts on the rise due to the pandemic, (Żieda fl-isforzi ta’ bejgħ online minħabba l-pandemija), 11 ta’ April 2022.

    (12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (VBER) (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4).

    (13)   Il-Kummissjoni Ewropea, Study on the impacts of the extension of the scope of the geo-blocking regulation to audiovisual and non-audiovisual services giving access to copyright protected content, 2020 (Studju dwar l-impatti tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku għal servizzi awdjoviżivi u mhux awdjoviżivi biex jingħata aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur), 2020.

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2018/644 tat-18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 19).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4175/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top