EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0784

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni

COM/2020/784 final

Brussell, 3.12.2020

COM(2020) 784 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali:





Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni


 

1.Introduzzjoni

Is-settur Ewropew tal-midja tal-aħbarijiet u dak awdjoviżiv kienu ta’ importanza kritika bħala mezzi ta’ informazzjoni u ta’ divertiment għaċ-ċittadini matul il-pandemija tal-COVID-19. Id-domanda għall-informazzjoni u għall-aħbarijiet bil-fatti vverifikati żdiedet sostanzjalment, filwaqt li l-films, is-sensiliet jew il-logħob tal-kompjuter kienu s-sors ewlieni ta’ divertiment matul ix-xhur ta’ lockdown.

Ambjent tal-midja ħieles, divers u dinamiku huwa essenzjali għat-tisħiħ ta’ soċjetajiet miftuħa u demokratiċi u għat-trawwim tad-diversità kulturali tal-Ewropa. L-Ewropa hija mutur artistiku u kulturali. L-isfruttar tal-potenzjal tas-Suq Uniku Ewropew biex titrawwem id-diversità kulturali se jkun ta’ benefiċċju għas-settur tal-midja, għal dak awdjoviżiv u għal dak kulturali usa’ kollu.

Is-settur tal-midja Ewropew

Is-settur tal-midja b’mod ġenerali jkopri varjetà ta’ negozji li jipproduċu u jqassmu l-kontenut, li jikkondividu s-sinerġiji, u li l-valur tagħhom huwa bbażat fuq il-proprjetà intellettwali. Is-settur huwa magħmul l-aktar minn SMEs, għalkemm xi kumpaniji akbar tal-midja għandhom kapaċità biżżejjed biex jinkorporaw attivitajiet tal-midja mis-setturi kollha u tul il-katina tal-valur kollha. Is-settur ġenerali tal-midja jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir b’fatturat li jaqbeż it-3 % tal-PDG 1 .

Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq is-settur tal-midja tal-aħbarijiet (inklużi l-midja stampata u online, ir-radju, u s-servizzi awdjoviżivi) u d-divertiment awdjoviżiv – b’mod partikolari ċ-ċinema, it-TV, ir-radju u l-video streaming kif ukoll il-logħob tal-kompjuter u l-formati innovattivi, bħall-esperjenzi tar-realtà virtwali. 

L-impatt tal-COVID-19

Il-kultura u l-ekosistema kreattiva, li l-industriji tal-midja tal-aħbarijiet u dik awdjoviżiva jagħmlu parti integrali minnha, intlaqtu sew mill-pandemija. Il-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet rat tnaqqis fid-dħul mir-reklamar ta’ bejn it-30 % u t-80 % 2 u t-televiżjoni ra tnaqqis ta’ 20 % 3 , matul il-lockdowns ġeneralizzati fit-tieni kwart tal-2020. L-SMEs tal-midja Ewropej qed jiffaċċjaw problemi serji ta’ likwidità, filwaqt li l-qgħad żdied, u ħafna professjonisti tal-midja u ġurnalisti – b’mod partikolari dawk li huma soġġetti għal kundizzjonijiet ta’ impjieg prekarji jew li huma freelancers – sabu ruħhom mingħajr l-ebda dħul 4 . Is-swali taċ-ċinema sofrew kollass fid-dħul 5 (b’telf stmat li jilħaq il-EUR 100 000 fix-xahar għal kull skrin matul il-lockdown), filwaqt li l-ġbid ta’ films, ta’ programmi u ta’ sensiliet tat-TV ġodda, f’ħafna każijiet, twaqqaf u ħafna drabi wieħed ma jistax jibbenefika mill-poloz tal-assigurazzjoni biex ikopru avvenimenti bħalma hi pandemija globali 6 .

B’mod parallel, il-kriżi aċċellerat xejriet ewlenin li ilhom għaddejjin għal żmien twil fit-teknoloġija diġitali. Il-pjattaformi online saħħew il-pożizzjoni tas-suq tagħhom, nedew servizzi ġodda u attiraw udjenzi ġodda matul il-lockdowns. Pjattaformi ġodda online tal-midja soċjali – ibbażati l-aktar fuq kontenut awdjoviżiv – laħqu rekords tad-downloads, partikolarment fost l-utenti żgħażagħ 7 .

L-ambizzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni hija li tħaffef l-irkupru, it-trasformazzjoni u r-reżiljenza tal-industrija tal-midja. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li qed l-industriji awdjoviżivi u tal-midja tal-aħbarijiet qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Fis-settur tal-midja tal-aħbarijiet, il-midja tradizzjonali batiet biex tadatta għal suq online fejn il-maġġoranza tad-dħul mir-reklamar imur għal pjattaformi online globali. Hekk kif bdiet il-pandemija tal-COVID-19, dawk li jirreklamaw naqqsu l-infiq ġenerali tagħhom fuq ir-reklamar quddiem l-inċertezzi ekonomiċi, u dan kompla jisfida s-sostenibbiltà tas-settur u potenzjalment affettwa l-aċċess taċ-ċittadini għal sorsi ta’ informazzjoni pluralistiċi u indipendenti.

Fis-settur awdjoviżiv, l-akbar sfida hija l-frammentazzjoni tas-suq. B’mod ġenerali, il-kumpaniji awdjoviżivi Ewropej jiffokaw fuq udjenzi nazzjonali, bi ftit eċċezzjonijiet. Fi ħdan l-UE, il-films Ewropej huma esportati lejn medja ta’ tliet pajjiżi, filwaqt li l-films tal-Istati Uniti huma esportati lejn 10 pajjiżi. Il-films tal-Istati Uniti jirrappreżentaw ukoll 66 % mit-total tal-bejgħ tal-biljetti fl-UE 8 . B’riżultat ta’ dan, anke l-ikbar irjus tal-midja Ewropea huma notevolment iżgħar minn dawk tal-kompetituri globali ewlenin tagħhom. Il-gruppi Ewropej jammontaw għal 11 % tad-dħul tal-aqwa 50 grupp awdjoviżiv fid-dinja, meta mqabbel ma’ aktar minn 70 % tal-gruppi tal-Istati Uniti 9 .  

Ir-rwol tal-pjattaformi fis-suq awdjoviżiv Ewropew

Daħal għadd ta’ pjattaformi internazzjonali b’saħħithom ta’ video-on-demand fis-suq Ewropew u qed jipproduċu kontenut fl-Ewropa b’suċċess. Dan kien kemm opportunità kif ukoll sfida għall-produtturi u għax-xogħlijiet awdjoviżivi indipendenti Ewropej.

Minn naħa, il-pjattaformi jistgħu jagħtu aċċess lill-produtturi Ewropej u lill-artisti għal pubbliku internazzjonali usa’, kif ukoll remunerazzjonijiet attraenti. F’xi każijiet, dawn huma kkumplimentati minn inċentivi bbażati fuq l-isfruttament tal-film/is-sensiliet u/jew bonusijiet marbuta mas-suċċess ta’ xogħolhom.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni minn pjattaformi ta’ dak li jista’ jiġi definit bħala mudell “work for hire” (jiġifieri, l-akkwist tad-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali mill-produttur u/jew minn ħallieqa individwali mill-bidu, mad-dinja kollha u minn dejjem) jista’ “jsakkar” lill-produtturi/lit-talenti mal-pjattaforma inkwistjoni.

Il-kumpaniji awdjoviżivi jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jikkunsidraw il-kontinent Ewropew – u mhux biss is-swieq nazzjonali rispettivi tagħhom – bħala s-suq nattiv tagħhom. Biex dan iseħħ, jeħtieġ li l-atturi Ewropej jilħqu skala kbira biżżejjed biex imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jinvestu fil-kontenut, fit-talenti, fil-promozzjoni, fid-distribuzzjoni, fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija fi kwalunkwe post fl-UE. Fis-settur tal-midja tal-aħbarijiet, il-kumpaniji jenħtieġ li jkunu jistgħu jsibu biżżejjed mudelli ta’ finanzjament vijabbli u sostenibbli biex jiżguraw l-aċċess taċ-ċittadini għal ambjent tal-midja pluralistiku, divers u indipendenti, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali.

It-trasformazzjoni diġitali se tkun iċ-ċavetta li tagħti l-aċċess għal dan il-potenzjal veru. Dan jgħodd għall-ekonomija kollha kemm hi, u l-midja mhijiex eċċezzjoni. L-Ewropa għandha l-assi kollha meħtieġa biex tiffjorixxi fid-Deċennju Diġitali permezz tas-Suq Uniku tagħha u l-450 miljun konsumatur, il-ġabra tat-talenti tagħha, il-kreattività tal-produtturi, l-awturi u l-artisti tagħha, u l-kwalità tal-kontenut Ewropew.

Is-sens ta’ urġenza

It-taħlita tax-xejriet sottostanti mal-kriżi tal-COVID-19 tista’, mingħajr rispons politiku qawwi, iddgħajjef ir-reżiljenza tas-settur tal-midja tal-Ewropa u r-rwol demokratiku tiegħu. Dan jista’ jdgħajjef id-diversità kulturali tal-Ewropa u l-pluraliżmu tal-midja.

Iċ-ċittadini tal-Ewropa jridu jkomplu jibbenefikaw mir-rikkezza tal-informazzjoni u d-divertiment ipprovduti mis-settur tal-midja u għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq dibattitu demokratiku miftuħ, flimkien ma' libertà tal-midja u artistika. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jagħżlu liberament minn din il-varjetà ta’ għażliet u jkunu jistgħu jinnavigaw l-ambjent modern tal-aħbarijiet u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) 10 huma essenzjali għas-settur tal-midja. L-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-PI – u b’mod partikolari tad-drittijiet tal-awtur – huwa element ewlieni biex jappoġġa l-industrija, speċjalment fiż-żminijiet diffiċli attwali.

L-UE dan l-aħħar immodernizzat il-qafas regolatorju tagħha bid-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD) 11 u r-riforma dwar id-Drittijiet tal-Awtur 12 wara dibattiti wesgħin dwar kif l-aħjar tista’ tiġi żgurata l-espressjoni ħielsa fl-aspetti kollha tagħha. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq dan is-sett modern ta’ regoli u tipproponi passi ulterjuri, li jgħaqqdu l-investiment ma’ azzjonijiet politiċi oħrajn, biex jgħinu lis-settur tal-midja jiffaċċja l-kriżi u jsir aktar kompetittiv minn hemm ’il quddiem. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni hija mibnija fuq tliet temi:

a) Irkupru: dak li l-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel biex tgħin lill-kumpaniji awdjoviżivi u tal-midja jegħlbu l-maltempata attwali u tipprovdi likwidità u appoġġ finanzjarju;

b) Trasformazzjoni: tindirizza kwistjonijiet strutturali billi tgħin lill-industrija tiffaċċja t-tranżizzjonijiet tewmin tat-tibdil fil-klima u tad-diġitalizzazzjoni, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa;

c) Abilitazzjoni u għoti tas-setgħa: tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu aktar innovazzjoni fis-settur, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet verament ekwi, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jaċċessaw il-kontenut b’mod aktar faċli u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

L-irkupru ekonomiku u l-kompetittività tas-settur tal-midja huma prekondizzjoni għal ambjent tal-midja b’saħħtu, indipendenti u pluralistiku, li min-naħa tiegħu huwa fundamentali għad-demokrazija tagħna. Din il-Komunikazzjoni tikkumplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. Dan jindirizza r-riskji għas-sistemi demokratiċi Ewropej fil-qasam tad-diskriminazzjoni, l-integrità tal-elezzjonijiet u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Jinkludi sensiela ta’ inizjattivi biex jinħoloq ambjent aktar sikur u aħjar għall-ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom, kif ukoll biex jippromwovu l-litteriżmu fil-midja.

Din il-Komunikazzjoni hija wkoll allinjata bis-sħiħ mal-proposti futuri tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li se jkollhom l-għan li jimmodernizzaw il-qafas legali applikabbli għas-servizzi diġitali fl-UE. Flimkien se jistabbilixxu regoli u responsabbiltajiet ċari għall-pjattaformi online, u speċjalment dawk l-aktar b’saħħithom, biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi online.

Ambjent tal-midja b’saħħtu huwa kruċjali wkoll għall-pajjiżi demokratiċi u stabbli tat-Tkabbir u tal-Viċinat tal-UE. Fejn ikun fattibbli u xieraq, l-inizjattivi deskritti f’din il-Komunikazzjoni – inklużi dawk immirati lejn il-midja tal-aħbarijiet u l-litteriżmu fil-midja – se jkunu miftuħin għall-midja professjonali indipendenti fil-pajjiżi koperti mill-politiki tal-UE dwar it-Tkabbir u l-Viċinat. Dawn se jikkomplementaw u se jsaħħu l-azzjonijiet indikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020–2024 13 . Fejn rilevanti, l-azzjonijiet se jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-kontenut tal-midja Ewropea f’pajjiżi terzi.

L-azzjonijiet elenkati f’din il-Komunikazzjoni se jqisu l-ħtieġa għal settur tal-midja Ewropew inklużiv, li jkun jirrifletti d-diversità tal-Ewropa. Dawn se jiġu implimentati billi jitħeġġeġ l-aċċess ugwali għall-opportunitajiet u r-riżorsi għal persuni li b’xi mod jew ieħor jistgħu jiġu esklużi jew marġinalizzati, pereżempju billi jiġi inkluż l-aċċess għall-kontenut minn persuni b’diżabbiltà 14 .

Ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jingħata appoġġ pubbliku mill-Istati Membri. Sabiex jiġi ffaċilitat l-appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-istampa. Il-Kummissjoni qed tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni xierqa. Il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat japplika wkoll għall-miżuri speċifiċi għas-settur, bħall-għajnuna lis-setturi tal-istampa, tal-mużika u awdjoviżivi 15 .

2.Irkupru

Il-kumpaniji tal-midja huma essenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa. Għalhekk huwa importanti ħafna li jiġu pprovduti l-appoġġ finanzjarju u l-likwidità xierqa, li jippermettulhom li jaffaċċjaw il-maltempata ekonomika attwali. F’dan il-kuntest, il-programm Ewropa Kreattiva – u b’mod partikolari l-qasam MEDIA – se jkollu rwol kruċjali. Programm bħal dan kien l-istrument ewlieni ta’ appoġġ tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż dak awdjoviżiv, għal dawn l-aħħar 30 sena.

Abbażi tal-ftehim politiku dwar il-baġit fit-tul li jmiss u n-Next Generation EU, li ntlaħaq fl-10 ta’ Novembru 2020, il-baġit tal-2021-2027 tal-programm Ewropa Kreattiva se jiżdied b’madwar 58 %, b’pakkett globali ta’ EUR 2,2 biljun bil-prezzijiet tal-2018 (imqabbel ma’ 1,4 biljun għal 2014-2020 bil-prezzijiet tal-2018 — fil-livell tal-EU 27). Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni u skont issirx il-finalizzazzjoni tan-negozjati, il-programm se jinkludi għall-ewwel darba azzjonijiet iffukati fuq il-libertà u fuq il-pluraliżmu tal-midja, fuq il-ġurnaliżmu, u fuq il-litteriżmu fil-midja.

Il-Kummissjoni diġà bdiet għadd ta’ azzjonijiet matul l-2020. Ġew introdotti miżuri ta’ flessibbiltà għall-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi 16 , b’mod partikolari żieda fil-kopertura tal-garanzija sa 90 % għall-SMEs individwali u limitu ta’ garanzija sa 25 % għall-intermedjarji finanzjarji, flimkien mal-moratorji fuq il-pagamenti. L-appoġġ għan-network tas-swali taċ-ċinema Ewropej se jiżdied b’EUR 5 miljun fl-ewwel kwart tal-2021.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 17 għandhom il-potenzjal li jaqdu rwol importanti fl-appoġġ tas-settur tal-midja. Dan diġà huwa eliġibbli wkoll għall-appoġġ taħt iż-żewġ pakketti tal-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons tal-Coronavirus”, li tidderiġi l-fondi ta’ koeżjoni eżistenti għall-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet, bħall-għoti ta’ kapital operattiv lill-SMEs 18 .

Finanzjament addizzjonali ta’ koeżjoni huwa disponibbli wkoll permezz ta’ REACT-EU  19 , fejn is-settur tal-kultura huwa rikonoxxut bħala prijorità u l-appoġġ se jkun iffokat fuq skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u fuq dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll fuq l-appoġġ għall-SMEs. .

L-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) huwa wkoll strument importanti disponibbli għall-Istati Membri li jeħtieġ li jimmobilizzaw mezzi finanzjarji sinifikanti biex jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tat-tifqigħa tal-coronavirus fit-territorju tagħhom 20 .

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija opportunità kbira biex l-Istati Membri jinvestu fit-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali u jsaħħu r-reżiljenza tal-industrija tagħna. Kull Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jassenja livell minimu ta’ 20 % tan-nefqa diġitali. Miżuri biex tingħata spinta lill-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali, bħall-midja diġitali, se jkunu jgħoddu għal din il-mira.

Taħt il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-riformi u l-investimenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-midja tal-aħbarijiet u l-kapaċitajiet diġitali awdjoviżivi Ewropej, inkluż permezz ta’ proġetti multinazzjonali, bħall-koproduzzjonijiet ta’ kontenut Ewropew, l-infrastruttura ta’ spazju tad-data tal-midja tal-UE, jew l-investiment ta’ ekwità għat-trawwim tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni awdjoviżiva Ewropea (ara l-Azzjoni 2 hawn taħt).

F’dan il-kuntest, kif spjegat fl-Istrateġija Annwali tal-Kummissjoni għat-Tkabbir Sostenibbli għall-2021, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni lis-setturi li għandhom rwol ewlieni għad-demokraziji tagħna, “speċjalment is-settur tal-midja fejn jenħtieġ li jingħata appoġġ b’mod li jirrispetta u jippromwovi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja”, u jibdew jikkondividu wkoll l-aħjar prattiki tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku fost l-Istati Membri 21 .

AZZJONI 1 — Aċċess aktar faċli għall-appoġġ tal-UE

ØGħodda interattiva ġdida li tiggwida lill-kumpaniji tal-midja permezz tad-diversi strumenti ta’ appoġġ

Għal: il-kumpaniji tal-midja kollha tal-UE, irrispettivament mill-qasam tal-attività (awdjoviżivi, tal-midja tal-aħbarijiet, eċċ.) u d-daqs tagħhom

Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-kumpaniji tal-midja jkunu jistgħu jaċċessaw l-opportunitajiet ta’ appoġġ tal-UE mill-istrumenti u l-programmi kollha disponibbli. Għalhekk, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-portal uniku tal-UE għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE 22 se tiżviluppa għodda interattiva ġdida, imfassla apposta għas-settur tal-midja. Dan se joffri gwida dwar kif wieħed għandu japplika għall-appoġġ rilevanti tal-UE, fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-2021-2027, iżda wkoll permezz ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza.

L-għodda se tinkludi l-opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti kollha tal-UE għall-midja awdjoviżiva, u dawk għall-midja tal-aħbarijiet. Bi ftit klikks, kwalunkwe kumpanija tal-midja Ewropea, irrispettivament mid-daqs u l-fokus, se tkun diretta, skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-kumpanija, lejn l-aktar sors xieraq ta’ appoġġ mill-UE. Il-kumpaniji se jkunu jistgħu jaċċessaw ukoll informazzjoni dwar id-diversi sejħiet, u dwar l-opportunitajiet għall-assistenza fil-proċess tal-applikazzjoni.

Dan se jibni fuq l-għodod eżistenti u l-esperjenza tan-Network Enterprise Europe 23 , li tipprovdi appoġġ u gwida lill-kumpaniji, inkluż fis-setturi tal-midja u dawk awdjoviżivi.

AZZJONI 2 — MEDIA INVEST bil-għan li tingħata spinta lill-investiment fl-industrija awdjoviżiva

ØPjattaforma ddedikata għall-investiment fl-ekwità biex trawwem produzzjonijiet awdjoviżivi u strateġiji ta’ distribuzzjoni Ewropej 

ØL-iżvilupp ta’ sensiela ta’ investimenti permezz tal-bini tal-kapaċità għall-investituri u prontezza għall-investiment għall-kumpaniji

Għal: Kumpaniji tal-UE tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni awdjoviżiva

L-industrija awdjoviżiva Ewropea hija kkaratterizzata minn għadd kbir ta’ kumpaniji ta’ produzzjoni u distribuzzjoni indipendenti innovattivi u kreattivi ħafna b’potenzjal għoli ta’ tkabbir. Madankollu, ħafna drabi dawn ma jkollhomx is-saħħa finanzjarja biex jikkompetu fuq livell Ewropew u dinji. Fl-istess ħin, l-investituri Ewropej għadhom fil-biċċa l-kbira mhux konxji tal-potenzjal ta’ dawk il-kumpaniji. Dawn spiss jassoċjaw investimenti f’dawn l-impriżi ma’ riskji kbar minħabba nuqqas ta’ rekord ta’ produzzjonijiet ta’ suċċess u minħabba li l-assi huma prinċipalment intanġibbli fin-natura tagħhom.

Kontribut sinifikanti biex jiżdied l-aċċess għas-self sar permezz tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi 24 . Dan it-tip ta’ appoġġ se jitkompla permezz ta’ InvestEU.

Madankollu, hemm ukoll differenza fil-finanzjament tal-ekwità għas-setturi awdjoviżivi, kif ukoll għal setturi kreattivi oħra, stmati għal EUR 399–648 miljun fis-sena 25 . Għalhekk hija meħtieġa inizjattiva ġdida li tappoġġa l-finanzjament tal-ekwità biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni awdjoviżiva indipendenti fl-Ewropa, li kapaċi toħloq xogħlijiet ta’ kwalità għas-suq internazzjonali li ġej mill-partijiet kollha tal-Ewropa. Il-kumpaniji Ewropej irid ikollhom aċċess għall-mezzi finanzjarji biex isiru aktar awtonomi u jisfruttaw il-proprjetà intellettwali tal-kontenut li jipproduċu.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ investiment dedikata, li se tingħata spinta permezz ta’ fondi li ġejjin, fost l-oħrajn, minn Creative Europe MEDIA u minn InvestEU. Se timmira li timmobilizza investituri privati u se tkun miftuħa għall-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u assoċjazzjonijiet tal-industrija. Se tappoġġa impriżi awdjoviżivi li jistgħu jipproduċu xogħlijiet ta’ livell għoli għas-swieq Ewropej u internazzjonali, billi tikkoordina l-isfruttament tad-drittijiet u d-distribuzzjoni fit-territorji kollha.

Il-pjattaforma ta’ investiment se tgħin lill-kumpaniji awdjoviżivi jżidu l-livell internazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jieħdu riskji ogħla, jiżviluppaw kollaborazzjonijiet strutturati mad-distributuri jew ma’ mezzi oħra tal-midja, u jimmaniġġaw u jisfruttaw il-katalgi tagħhom. Min-naħa l-oħra, bit-tisħiħ tal-fondi proprji tal-kumpaniji, dawn tal-aħħar jistgħu jinvestu fi produzzjonijiet akbar li se jkollhom aktar ċans li jilħqu udjenzi usa’ u aktar bejgħ tal-biljetti.

Il-mira hija li jiġu ingranati l-investimenti ta’ 400 miljun euro fuq perjodu ta’ seba’ snin, u b’hekk jingħata kontribut sinifikanti biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-finanzjament tal-ekwità 26 . Jista’ wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġi kkombinat ma’ Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri ffinanzjati permezz ta’ Next Generation EU 27 .

Il-pjattaforma ta’ investiment se tkun ikkumplimentata b’attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità għall-investituri bil-għan li jżidu l-għarfien tagħhom tas-swieq globali tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u r-riskji assoċjati tagħhom, u billi jipprovduhom b’informazzjoni dwar is-suq. Fl-2021 se ssir konferenza tal-Investituri biex tiġbor u timmobilizza l-komunità tal-investituri.

Barra minn hekk, filwaqt li tiġi żviluppata l-esperjenza tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Settur Kulturali u Kreattiv, l-azzjonijiet ta’ tħejjija għall-investiment se jiġu offruti lill-kumpaniji awdjoviżivi interessati f’dan it-tip ta’ investiment. Dawn se jirċievu gwida mfassla apposta adattata għall-istrateġija tan-negozju tagħhom biex jattiraw l-investituri u jidentifikaw l-aktar proġetti promettenti.

AZZJONI 3 – “AĦBARIJIET”: inizjattiva biex jinġabru flimkien l-azzjonijiet u l-appoġġ għas-settur tal-aħbarijiet tal-midja

ØAċċess aħjar għall-finanzi, permezz ta’ self u inizjattiva pilota ta’ ekwità

ØIl-bini tal-kapaċità fost l-investituri u l-midja

ØAppoġġ għall-midja tal-aħbarijiet biex taħdem fuq trasformazzjoni kollaborattiva

ØForum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet

Għal: Kumpaniji Ewropej tal-midja tal-aħbarijiet, ġurnalisti, u organizzazzjonijiet relatati

Il-midja tal-aħbarijiet hija settur ekonomiku kif ukoll ben pubbliku. Hemm bżonn iż-żmien, l-istabbiltà u r-riżorsi għall-mezzi tal-midja tal-aħbarijiet biex jipproduċu kontenut indipendenti u affidabbli. Dan jinkludi l-ħtieġa għal kapaċità akbar għall-midja biex tanalizza u tirrifletti informazzjoni xjentifika dwar kwistjonijiet soċjali ewlenin, bħas-saħħa u t-tibdil fil-klima. Madankollu, matul dawn l-aħħar ftit snin, is-settur tal-midja tal-aħbarijiet kien qed jiffaċċja bidla kontinwa minħabba mudelli ta’ dħul li qed jevolvu u minħabba t-tranżizzjoni diġitali. F’ċerti każijiet, minħabba diffikultajiet fid-dħul, il-mezzi tax-xandir – b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali – kellhom jagħlqu, u potenzjalment esponew swieq żgħar għal “deżerti tal-aħbarijiet”. Il-mezzi tal-midja bagħtu inqas korrispondenti tagħhom barra mill-pajjiż, u dan jista’ jkollu effett detrimentali fuq l-analiżi fil-fond u fuq ir-rappurtar professjonali. Il-kriżi tal-COVID-19 tista’ taċċellerahom dawn ix-xejriet, filwaqt li fl-istess ħin iċ-ċittadini Ewropej saru jiddependu fuq il-midja tal-aħbarijiet aktar minn qatt qabel, kif rifless mill-qarrejja u n-numri tal-udjenzi li qed jikbru 28 .

Il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva “NEWS” li tiġbor flimkien l-azzjonijiet u l-appoġġ lis-settur tal-midja tal-aħbarijiet. Din l-inizjattiva se tħares b’mod olistiku lejn l-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija tal-midja tal-aħbarijiet u se tipprovdi rispons koerenti, li jġib flimkien strumenti differenti ta’ finanzjament taħt kappa komuni. Dan se jżid il-koerenza, il-viżibbiltà, u l-impatt tal-azzjonijiet appoġġati taħt flussi ta’ finanzjament differenti, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tal-midja.

Il-Kummissjoni se tiffaċilita aċċess aħjar għall-finanzi billi tistimula s-self kif ukoll il-finanzjament tal-ekwità:

-Għall-midja tal-aħbarijiet li tkun qed tfittex il-likwidità, l-aċċess għas-self se jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-appoġġ tal-garanzija tal-InvestEU, b'referenza għall-esperjenza mal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

-Għall-midja tal-aħbarijiet li tkun teħtieġ investiment, il-Kummissjoni se timmira li tistabbilixxi proġett pilota bbażat fuq l-ekwità permezz tal-InvestEU li fost oħrajn, ikun jista’ jappoġġa lis-settur tal-midja tal-aħbarijiet b’modi innovattivi, bil-koinvestiment ma’ fondi li ġejjin minn filantropi, fondazzjonijiet, u sħab privati oħra.

Dawn l-azzjonijiet se jkunu kkumplimentati minn servizzi ta’ bini tal-kapaċità li għandhom l-għan li jżidu l-għarfien tas-suq Ewropew tal-midja tal-aħbarijiet fost l-investituri kif ukoll li jħejju għall-investiment tal-midja u tal-appoġġ fost il-midja Ewropea, b’mod partikolari l-midja lokali. Dan se joħloq djalogu u impenn mal-investituri potenzjali u se jiffaċilita l-investiment.

Barra minn hekk, se jingħata appoġġ dedikat fil-forma ta’ għotjiet taħt il-linja transettorjali ta’ Ewropa Kreattiva għal sħubijiet kollaborattivi fil-midja tal-aħbarijiet. L-għotjiet se jappoġġaw l-ittestjar ta’ mudelli ġodda ta’ negozju, b’mod partikolari, fil-midja lokali, billi jgħinu lill-midja biex tiżviluppa l-istandards tan-negozju u editorjali tagħhom, billi jippromwovu l-ġurnaliżmu kollaborattiv u transfruntier, it-taħriġ u l-mobbiltà tal-professjonisti, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. In-networking fost il-proġetti magħżula se jiġi ffaċilitat sabiex jiġi massimizzat l-impatt.

Il-Kummissjoni se twettaq skambji regolari mal-industrija fil-ħidma għal aġenda tal-innovazzjoni tal-midja tal-aħbarijiet li tista’ tgħin lis-settur jikber fl-ekonomija diġitali u fis-soċjetà. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet biex tinvolvi ruħha mal-partijiet interessati, inkluż l-awtoritajiet regolatorji tal-midja, ir-rappreżentanti tal-ġurnalisti, il-korpi awtoregolatorji (kunsilli tal-midja/tal-istampa), is-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.Trasformazzjoni

L-objettiv ta’ din it-taqsima huwa li tiġi inkoraġġuta r-reżiljenza u l-kompetittività fit-tul tal-industrija tal-midja tal-Ewropa, li takkumpanja b’mod partikolari t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. Dan huwa importanti wkoll sabiex jiġi appoġġat ir-rwol kruċjali tas-settur biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-soċjetà u biex jitrawmu l-valuri Ewropej.

Għal ħafna setturi industrijali, it-teknoloġija tad-data hija fil-qalba tat-trasformazzjoni tas-settur tal-midja. 29 B’mod partikolari, id-data tal-udjenza f’oqsma fejn il-kompetituri globali tal-Ewropa huma f’pożizzjoni tajba – bħall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-kontenut personalizzat – tippermetti mudelli ġodda ta’ negozju bbażati fuq relazzjoni aktar diretta mal-klijenti 30 . Eżempju ewlieni huwa r-reklamar, fejn l-Internet qabeż lit-televiżjoni bħala l-mod ewlieni ta’ reklamar fl-2015 u minn dak iż-żmien ikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu b’mod stabbli. Fl-2018, ir-reklamar fuq l-Internet ammonta għal aktar minn EUR 50 biljun, filwaqt li r-reklamar televiżiv laħaq anqas minn EUR 40 biljun 31 .

Fl-istess ħin, id-disponibbiltà tad-data tal-konsumatur qed tkompli tiżdied mal-użu tal-ismartphones. Il-proporzjon ta’ qarrejja li jaċċessaw l-aħbarijiet mill-ismartphones żdied minn 39 % fl-2014 għal 48 % fl-2020. Dan joffri opportunitajiet ġodda għall-ħolqien, għall-promozzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ kontenut f’formati li huma mfassla għall-ħtiġijiet tal-qarrejja.

F’dan il-kuntest, ir-rispett għall-protezzjoni tad-data 32 huwa essenzjali biex jissaħħu d-drittijiet fundamentali tal-individwi fl-era diġitali u biex jiġi ffaċilitat in-negozju billi jiġu ċċarati r-regoli għall-kumpaniji u l-korpi pubbliċi fis-suq uniku diġitali.

Il-qasam emerġenti ta’ kontenut immersiv huwa wkoll settur li l-potenzjal tiegħu fil-biċċa l-kbira tiegħu mhuwiex esplorat, u fejn jistgħu jinbnew sinerġiji bejn is-settur tal-midja u industriji Ewropej ewlenin oħrajn.

Is-settur tal-midja tal-Ewropa ma għandux jibqa’ lura fit-tranżizzjoni ekoloġika. Għalhekk, f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 33 – li sal-2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika, id-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, ir-restawr tal-bijodiversità u t-tnaqqis tat-tniġġis – se jiġu stabbiliti azzjonijiet biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tas-settur.

AZZJONI 4 L-isfruttar tal-innovazzjoni permezz ta’ spazju Ewropew tad-data tal-midja u l-inkoraġġiment ta’ mudelli ġodda ta’ negozju

ØIl-ħolqien ta’ spazju tad-data tal-midja biex jappoġġa lill-kumpaniji tal-midja fil-kondiviżjoni tad-data u fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi

ØIl-Prospetti tal-Midja Ewropea: rapport biex jiġu analizzati x-xejriet tal-midja

Għal: Pubblikaturi Ewropej, xandara, stazzjonijiet tar-radju, kumpaniji tar-reklamar, SMEs tal-midja, fornituri tat-teknoloġija, negozji ġodda tal-kontenut u tat-teknoloġija, kreaturi tal-kontenut, produtturi, distributuri

Sabiex isiru aktar innovattivi u kompetittivi, il-kumpaniji tal-midja Ewropej jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet aħjar u li jużaw soluzzjonijiet aktar avvanzati bbażati fuq għarfien miġbur mid-data. Il-Kummissjoni tipproponi li dan iseħħ billi trawwem il-ħolqien ta’ “spazju tad-data tal-midja” Ewropew. Din l-inizjattiva tibni fuq l-Istrateġija tad-Data Ewropea 34 u se titwettaq b’rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

L-ispazji tad-data jistgħu jibdlu l-mod li bih jikkollaboraw il-kreaturi, il-produtturi u d-distributuri. Dawn jospitaw data tal-midja rilevanti bħall-kontenut, id-data tal-udjenza u l-metadata tal-kontenut kif ukoll tipi oħra ta’ data dwar l-imġiba tal-utenti li jistgħu jkunu utli biex jinħoloq kontenut imfassal aħjar għall-ħtiġijiet tal-konsumatur u biex dan jitqassam b’mod aktar effiċjenti.

L-inizjattiva tal-ispazju tad-data tal-midja, iffinanzjata permezz tal-Programm Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropa Diġitali (DEP), se tappoġġa pubblikaturi tal-istampa, xandara, kumpaniji oħrajn tal-midja u fornituri tat-teknoloġija fil-ħolqien ta’ spazju tad-data ddedikat għall-applikazzjonijiet tal-midja. Id-DEP se jgħin fl-użu tal-infrastruttura tad-data u se jiddefinixxi strateġija dwar l-interoperabbiltà tad-data. F’konformità mal-Istrateġija Ewropea għad-Data u l-inizjattiva orizzontali ġdida dwar il-governanza tad-data 35 , se tintegra wkoll l-għodod u s-servizzi l-aktar avvanzati meħtieġa għall-ġestjoni u għall-ipproċessar tad-data, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni u l-użu tad-data, inkluż il-PI, il-privatezza tal-protezzjoni tad-data, u r-regoli tal-kompetizzjoni. L-inizjattiva se tiġi stabbilita billi jitqiesu l-kontributi tal-komunità wiesgħa tal-partijiet interessati.

L-infrastruttura tad-data jenħtieġ li tkun disponibbli  kemm għall-midja tas-servizz pubbliku kif ukoll għall-operaturi tal-midja kummerċjali, kemm jekk ikunu kbar kif ukoll jekk ikunu żgħar, għan-negozji ġodda jew għall-atturi stabbiliti. Pereżempju, diversi pubblikaturi tal-aħbarijiet tal-UE jistgħu jingħaqdu flimkien, b’mod prokompetittiv u b’rispett għar-regoli tal-protezzjoni tad-data, għall-kontenut u għad-data tal-klijenti tagħhom, u jipproduċu aħbarijiet li għandhom fil-miri tagħhom udjenzi nazzjonali tagħhom stess, bil-kontenut rilevanti awtomatikament tradott fil-lingwi tagħhom stess. L-ispazju tad-data jista’ jipprovdi wkoll għarfien siewi dwar is-servizzi bil-għan li tiżdied il-kapaċità li l-kontenut tal-midja jinstab faċilment (kontenut tal-aħbarijiet u tad-divertiment) bejn il-fruntieri, kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi tal-informatika għall-SMEs kreattivi. Jista’ jippermetti wkoll l-isfruttament ta’ sinerġiji ma’ settijiet ta’ data prodotti minn industriji kreattivi oħrajn (pereżempju, spazji ta’ data għall-wirt kulturali) u setturi industrijali (pereżempju, tal-bejgħ bl-imnut, is-settur awtomotiv).

Barra minn hekk, Orizzont Ewropa se jappoġġa applikazzjonijiet u teknoloġiji innovattivi fil-qasam tal-midja. L-investimenti f’komponenti modulari u ta’ sors miftuħ tal-infrastruttura tal-midja jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u l-adozzjoni tagħhom minn midja tradizzjonali u ġdida, u b’hekk jitjieb l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni li tinkiseb minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi.

Sabiex ittejjeb il-bażi tal-għarfien tagħha u tinforma l-inizjattivi ta’ politiki futuri, il-Kummissjoni Ewropea se tħejji rapport, “Ħarsa Ġenerali lejn l-Industrija tal-Midja” kull sentejn. Dan se jesplora x-xejriet tal-midja – mill-avvanzi teknoloġiċi sal-mudelli emerġenti tal-produzzjoni u l-konsum – u se janalizza l-impatt potenzjali tagħhom fis-suq tal-midja u l-mudelli tan-negozju Ewropej.

AZZJONI 5 —  It-trawwim ta’ koalizzjoni industrijali tar-Realtà Virtwali u Awmentata Ewropea (VR/AR)

ØKoalizzjoni tal-industrija VR/AR biex tistimula l-kooperazzjoni bejn is-setturi tal-industrija u tiżgura l-pożizzjoni ta’ tmexxija Ewropea

ØTnedija ta’ VR Media Lab dwar proġetti għal modi ġodda ta’ rakkontar tal-istejjer u ta’ interazzjoni

Għal: Kumpaniji u industriji Ewropej tar-Realtà Virtwali u Awmentata li jużaw applikazzjonijiet VR/AR

It-teknoloġiji immersivi u l-kontenut ta’ kwalità għolja jippermettu l-ħolqien ta’ applikazzjonijiet ġodda u jużaw każijiet kif ukoll modi ġodda ta' kif jinvolu lill-udjenzi. It-teknoloġiji immersivi joħolqu esperjenzi aktar attraenti u immersivi f’oqsma differenti bħall-midja, id-divertiment, il-kultura, il-kura tas-saħħa, id-disinn, l-arkitettura, il-manifattura, l-edukazzjoni, it-turiżmu, il-moda, it-taħriġ jew ix-xiri bl-imnut.

Ir-Realtà Virtwali (VR) u r-Realtà Awmentata (AR) għandhom il-potenzjal li sal-2030 jżidu madwar EUR 1,3 triljun fl-ekonomija globali, żieda minn EUR 39 biljun fl-2019 36 .

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-atturi l-kbar bħalissa jinsabu fl-Asja u fl-Istati Uniti, l-Ewropa għandha wkoll potenzjal kbir li ssir mexxejja tas-suq f’din it-teknoloġija 37 . Il-fondi tar-riċerka tal-UE appoġġaw aktar minn 450 proġett iddedikati għall-VR u l-AR, għal total ta’ aktar minn EUR 1 biljun mis-snin disgħin lil hawn.

L-Ewropa għandha vantaġġ kompetittiv distint fir-rigward tal-kontenut grazzi għad-diversità kulturali kbira tagħha: atturi kulturali ewlenin bħall-ARTE, il-Festival tal-Films ta’ Venezja, u s-Centre National du Cinema qed jesploraw b’mod attiv u qed jappoġġaw il-potenzjal tal-VR. L-Ewropa għandha wkoll ħaddiema b’ħiliet kbar li huma kapaċi joħolqu mudelli 3D u li kapaċi joħolqu kontenut iġġenerat mill-kompjuter (CG) għall-industrija tal-logħob u tal-animazzjoni tal-VR.

Billi jibnu fuq il-kreattività u l-bażi qawwija tar-riċerka tal-Ewropa, il-kontenut VR/AR, is-soluzzjoni teknika u l-applikazzjonijiet għandhom il-potenzjal li jistimulaw innovazzjonijiet f’setturi industrijali oħra, bħall-industriji tal-manifattura, billi jtejbu l-iżvilupp u l-proċessi tal-prodotti. Barra minn hekk, għandhom rwol importanti fit-tmexxija tat-trasformazzjoni tas-settur tat-turiżmu u fl-għajnuna lill-industriji kreattivi bħall-moda jew l-arkitettura, biex jiżviluppaw mudelli ġodda tan-negozju, jagħmlu l-produzzjoni aktar effiċjenti billi jnaqqsu l-iskart, u jtejbu l-esperjenza tal-konsumaturi.

Madankollu, is-settur Ewropew tal-VR/AR ibati minn frammentazzjoni bejn is-setturi, l-atturi u l-applikazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tniedi Koalizzjoni VR/AR biex tistimula l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ ideat fis-setturi kollha u tiżgura tmexxija Ewropea f’dan is-suq kruċjali li qed jikber. Il-Koalizzjoni VR/AR tipprovdi pjattaforma għas-sinerġiji, billi trawwem azzjonijiet u impenji konġunti.

Il-Koalizzjoni se tkun ibbażata fuq approċċ wiesa’ u transsettorjali li jinvolvi l-industriji, il-fornituri tat-teknoloġija u l-persuni kreattivi. Il-Koalizzjoni tirrifletti din id-diversità ta’ ħiliet u tikkonsisti minn atturi prominenti tas-setturi varji, li jvarjaw mill-produzzjoni u mid-distribuzzjoni tal-kontenut, għad-disponibbiltà tat-teknoloġija, kif ukoll l-innovazzjoni u l-iżvilupp tan-negozju. Dan ikun jinkludi membri li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tal-VR/AR, diversi rappreżentanti tal-industrija li jistgħu jibbenefikaw minn użu usa’ ta’ teknoloġiji tal-VR/AR għall-ħolqien u l-użu tal-kontenut.

Sa tmiem l-2021, il-Koalizzjoni għandha tippreżenta dokument strateġiku li jistabbilixxi a) sa liema punt il-VR/AR jintużaw fis-settur tal-midja; b) l-objettivi għall-aħjar użu tal-VR/AR fis-settur tal-midja li jridu jintlaħqu sal-2026; c) impenji konkreti dwar kif l-industrija se tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

Se jitnieda wkoll il-VR Media Lab biex jappoġġa l-kooperazzjoni kreattiva dwar proġetti għal modi ġodda ta’ rakkontar tal-istejjer u ta’ interazzjoni, permezz tar-realtà virtwali u awmentata. Se jippermetti xogħol konġunt u tagħlim reċiproku bejn persuni li jirrappreżentaw firxa ta’ gruppi professjonali (ġurnalisti, produtturi tal-films, disinjaturi tal-logħob, programmaturi, riċerkaturi). Il-proġetti ffinanzjati se jiffukaw fuq il-kontenut għad-divertiment, għall-kultura u għall-aħbarijiet, kif ukoll l-applikazzjonijiet tar-realtà virtwali f’industriji oħra, bħat-turiżmu, u oqsma bħall-edukazzjoni.

AZZJONI 6 – Lejn settur awdjoviżiv newtrali għall-klima

ØSkambju strutturat tal-aħjar prattika mal-industrija u fondi (sub)nazzjonali għall-films u s-settur awdjoviżiv

Għal: Kumpaniji awdjoviżivi u professjonisti Ewropej

L-impatt ambjentali tas-settur tal-midja huwa sinifikanti. Għall-kuntrarju ta’ ħafna industriji oħrajn fl-Ewropa, l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ din l-industrija fl-Ewropa qed jiżdiedu kontinwament ukoll minħabba ż-żieda kostanti fil-konsum relatat mal-midja, b’mod partikolari minħabba l-pjattaformi tal-istreaming.

Fis-settur awdjoviżiv, l-istimi jvarjaw minn 35 MtCO2e (tunnellata metrika ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju) għal episodju ta’ sensiela tat-TV għal 1000 MtCO2e għal film twil 38 . Bħala medja, film twil Ewropew jipproduċi 192 tunnellata ta’ CO2. Il-(Ko)produzzjonijiet internazzjonali kbar jista’ jkollhom impatt ferm akbar li jsarraf f’diversi eluf ta’ tunnellati ta’ CO2.

F’konformità mal-objettiv tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050, il-Kummissjoni se tikkollabora mill-qrib mal-industrija u mal-fondi (sub)nazzjonali tal-films u dawk awdjoviżivi bil-għan li tikkondividi l-aħjar prattiki 39 eżistenti u tasal għal ftehim dwar għodod komuni u standards ekoloġiċi. Pjattaformi ta’ streaming online – li s-sehem tagħhom tal-impronta tal-karbonju qed jikber minħabba ż-żieda fil-konsum – se jiġu mistiedna wkoll biex iressqu l-ideat u l-inizjattivi tagħhom.

Il-Kummissjoni se taħdem fuq gwida tal-aħjar prattiki għall-produzzjoni ekoloġika u għall-forniment ta’ servizzi. L-approċċ se jkun gradwali, bil-għan li titqajjem kuxjenza u biex l-industrija tiġi inkoraġġuta tibda timplimenta soluzzjonijiet aktar sostenibbli. Din se tikkumplimenta l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istrateġija Diġitali 40 biex l-infrastruttura bħaċ-ċentri tad-data u n-networks tat-telekomunikazzjoni jsiru newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sostenibbli.

4.Abilitazzjoni u għoti tas-setgħa

.

L-Ewropej għandhom ikunu l-protagonisti tad-Deċennju Diġitali. Il-leġiżlazzjoni Ewropea reċenti – bħall-AVMSD riveduta u r-riforma tad-Drittijiet tal-Awtur – tikkontribwixxi biex tiġi żgurata responsabbiltà msaħħa tal-atturi kollha tal-midja, inkluż il-pjattaformi online, għall-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli ta’ utenti tal-midja, b’mod partikolari l-minorenni. Issaħħaħ ukoll id-drittijiet tal-kreaturi Ewropej.

Billi tibni fuq dan l-ambjent regolatorju solidu, din it-taqsima tistabbilixxi inizjattivi li jippermettu lill-kumpaniji tal-midja Ewropej u lit-talenti biex jirnexxu fis-swieq Ewropej u globali. Dawn l-inizjattivi jqisu l-ħtieġa li għandhom iċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jsibu u jagħżlu kontenut divers ta’ kwalità online u biex ikunu jistgħu jinnavigaw mingħajr xkiel u b’mod effettiv fl-ambjent tal-midja modern.

Filwaqt li se tingħata attenzjoni speċifika liż-żgħażagħ tal-Ewropa, l-Ewropej minn kull sfond u ta’ kull ġenerazzjoni – inklużi l-anzjani – se jingħataw is-setgħa li jkunu utenti attivi u kritiċi tal-kontenut tal-midja.

AZZJONI 7 – Lejn disponibbiltà usa’ ta’ kontenut awdjoviżiv madwar l-UE

ØTnedija ta’ djalogu mal-industrija awdjoviżiva sabiex jintlaħaq qbil dwar passi konkreti biex itejbu l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv bejn il-fruntieri fl-UE u d-disponibbiltà tiegħu

Għal: industrija awdjoviżiva (produtturi, xandara, servizzi tal-video-on-demand, distributuri, eċċ.), organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u partijiet interessati oħra, bħal fondi nazzjonali tal-films 

Bil-kriżi tal-COVID-19, l-użu tas-servizzi awdjoviżivi online id-dar żdied b’mod esponenzjali, flimkien mar-rieda tal-familji li jinvestu fit-teknoloġiji ta’ divertiment fid-dar 41 . Il-kriżi toħloq opportunità għall-industrija biex tilħaq udjenza ikbar online. Ir-Regolament riċenti dwar il-Portabbiltà tal-Kontenut 42 jippermetti liċ-ċittadini Ewropej jivvjaġġaw bil-kontenut li jkunu xtraw jew li jkunu ssieħbu għalih madwar l-UE u diġà pprovda benefiċċji prattiċi 43 .

Fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ kontenut awdjoviżiv online, hemm potenzjal sinifikanti għal żieda: ir-Rapport dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku 44 juri differenzi importanti fost il-katalogi awdjoviżivi madwar l-Istati Membri bħala medja, 14 % biss tal-films huma disponibbli fis-servizzi tal-video-on-demand tal-Istati Membri kollha 45 .

Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru jindika li aktar minn terz tal-utenti tal-internet huma interessati li jkollhom aċċess transfruntier għall-kontenut awdjoviżiv 46 . Dawn is-sejbiet huma kkonfermati mill-aħħar data mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, skont liema films tal-UE bħala medja, huma disponibbli f’mhux aktar minn tliet pajjiżi tal-EU-27 fuq pjattaformi ta’ video on demand 47 . Dan jirrappreżenta teżor ta’ potenzjal mhux sfruttat u ta’ diversità biex titgawda mill-Ewropej.

L-industrija awdjoviżiva jenħtieġ li jkollha l-kapaċità li tibbenefika mill-Ewropa bħala s-suq nattiv tagħha u tieħu vantaġġ mix-xejriet il-ġodda tal-konsum billi tagħmel aktar xogħlijiet disponibbli online fl-Istati Membri differenti.

Sabiex takkumpanja l-industrija awdjoviżiva f’din it-trasformazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tniedi djalogu mas-settur. Dan id-djalogu se jikkontribwixxi għall-qbil dwar passi konkreti biex jitjieb l-aċċess transfruntier għall-kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu, bħala segwitu għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku. Dan jippermetti lill-industrija żżid u tilħaq udjenzi ġodda, u jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej billi jagħtihom għażla akbar.

Id-djalogu se jiġbor rappreżentanti mill-industrija awdjoviżiva (produtturi, xandara, servizzi ta’ video-on-demand, distributuri eċċ), organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati oħrajn, bħall-fondi nazzjonali tal-films, u se jseħħ matul l-2021. Fid-djalogu jistgħu jiġu definiti miri speċifiċi possibbli biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi madwar l-UE u l-modi kif dawn jistgħu jinkisbu.

Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress biex jintlaħqu l-miri speċifiċi f’kooperazzjoni mas-settur awdjoviżiv u se tiddeċiedi dwar is-segwitu, filwaqt li se tivvaluta diversi għażliet, inkluż l-intervent leġiżlattiv.

Fl-istess ħin, is-swali taċ-ċinema jenħtieġ li jibqgħu postijiet kulturali li joffru opportunitajiet akbar għall-interazzjoni soċjali. Għal dan il-għan, permezz ta’ Creative Europe MEDIA, il-Kummissjoni se tesplora, modi biex tħeġġeġ lis-swali taċ-ċinema jtejbu aktar l-esperjenza ta’ dawk li jmorru ċ-ċinema.

AZZJONI 8 – It-trawwim ta’ talenti tal-midja Ewropea

ØProgrammi ġodda ta’ mentoring għat-talenti tal-midja tal-Ewropa

ØBoot-camps tal-MEDIA li jipprovdu taħriġ intensiv u prattiku għall-professjonisti żgħażagħ tal-midja

ØKampanja dwar id-diversità quddiem u wara l-kamera

ØPortal tas-suq MEDIA biex jiġu identifikati l-aktar negozji ġodda promettenti tal-Ewropa fis-settur tal-midja u jgħinhom jirnexxu

ØLaboratorji Kreattivi tal-Innovazzjoni miftuħa għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu

Għal: Professjonisti awdjoviżivi Ewropej, kumpaniji tal-midja Ewropej innovattivi (mis-settur awdjoviżiv u lil hinn)

It-talenti fl-industrija tal-midja, irrispettivament mis-settur u minn fejn jinsabu fl-Ewropa, huma fil-qalba tal-kompetittività tagħha.

Madankollu, xi professjonijiet għadhom jidhru inaċċessibbli minn gruppi fis-soċjetà. Dan jidher, pereżempju, mis-sottorappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-industrija awdjoviżiva 48 .

Il-Kummissjoni se tintegra l-prattiki ta’ mentoring emerġenti li huma ta’ suċċess kbir fil-proġetti ta’ taħriġ appoġġati f’dawn l-aħħar snin għas-settur awdjoviżiv permezz ta’ Creative Europe MEDIA 49 . Programmi ta’ mentoring bħal dawn se jiżviluppaw f’formati differenti, filwaqt li jisfruttaw l-opportunitajiet kreattivi u kummerċjali kollha offruti mit-teknoloġiji diġitali.

Barra minn hekk, se titnieda kampanja ta’ komunikazzjoni biex trawwem id-diversità mhux biss quddiem il-kamera iżda wkoll warajha, sabiex ittejjeb ir-rappreżentazzjonijiet diversifikati u żżid l-ideat, l-istejjer u l-vuċijiet ġodda. Il-kampanja se ssaħħaħ il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” 50 , kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza LGBTIQ 51 , u l-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom għall-Ugwaljanza 52 .

L-enfasi fuq mudelli eżemplari ta’ ispirazzjoni huwa pass essenzjali fil-promozzjoni tal-aċċess għal dawn il-professjonijiet permezz ta’ diversità akbar ta’ profili. Il-kampanja għalhekk se timmira li tiffoka fuq il-professjonisti Ewropej, sabiex tippromwovi firxa wiesgħa ta’ professjonijiet u tinkoraġġixxi lin-nisa u lill-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, bħal persuni b’diżabbiltà jew persuni bi sfond ta’ minoranza razzjali jew etnika biex jikkunsidraw dawn il-karrieri.

Barra minn hekk, l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet taħt Ewropa Kreattiva se jissaħħu permezz tal-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ intensiv (boot-camps tal-MEDIA), fejn it-talenti żgħażagħ mill-qasam tal-midja minn madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jiksbu esperjenza prattika f’oqsma bħar-rakkontar innovattiv tal-istejjer, mudelli ġodda ta’ negozju, teknoloġiji ġodda ta’ wara l-produzzjoni, flimkien ma’ ħiliet biex jitwassal kontenut aċċessibbli.

Creative Europe MEDIA se tingħaqad ukoll ma’ inizjattivi oħrajn – bħar-Radar tal-Innovazzjoni 53 , Startup Europe 54 u Media Motor Europe 55 CSA – biex jiġu skoperti l-aktar negozji ġodda promettenti tal-Ewropa li huma attivi fl-ambjent tal-midja. Għal dak il-għan, se titnieda sejħa għal espressjoni ta’ interess immirata lejn il-komunitajiet kreattivi u tat-teknoloġija tal-midja taħt Startup Europe biex jiġu identifikati proġetti promettenti.

Creative Europe MEDIA se tipprovdi wkoll bażi ta’ tkabbir għal dawk il-kumpaniji u tgħinhom jikbru f’settur awdjoviżiv li qed jinbidel malajr. Kumpaniji bħal dawn jistgħu jibbenefikaw minn aċċess imsaħħaħ għall-appoġġ tas-suq minn Creative Europe MEDIA permezz tal-hekk imsejjaħ “Portal tas-suq MEDIA”. Dan se jinvolvi tħejjija attiva, inkluż taħriġ u mentoring dwar xejriet u pożizzjonament tas-suq, pjanijiet tan-negozju, strateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni, biex isir l-aħjar użu minn preżenza fiżika/virtwali kkombinata fis-swieq globali tal-midja l-aktar importanti (Berlinale, Cannes, Venezja, GamesCom, VR Days eċċ.) taħt it-tikketta Ewropea.

In-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu se jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-Creative Innovation Labs, inizjattiva ġdida taħt il-fergħa transettorjali ta’ Ewropa Kreattiva. Dan se jlaqqa’ flimkien lill-midja u lil setturi kreattivi oħrajn (pereżempju, il-mużika, il-pubblikazzjoni) u se jesperimenta bid-data, bir-realtà virtwali u awmentata u b'teknoloġiji oħrajn biex jiżviluppaw kontenut ġdid, mudelli ġodda tan-negozju, ħiliet ġodda, biex jippromwovu l-inklużjoni tad-diversità, u s-sostenibbiltà u biex ikabbru l-impenn tal-udjenza.

Huwa importanti li wieħed jinnota li n-negozji ġodda u l-SMEs innovattivi tal-midja se jkunu jistgħu japplikaw ukoll għall-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa taħt il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 56 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija 57 .

AZZJONI 9 – L-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini

ØL-applikazzjoni prattika tal-obbligi l-ġodda tal-litteriżmu fil-midja tal-AVMSD (strumenti tal-litteriżmu fil-midja u linji gwida għall-Istati Membri)

ØL-appoġġ tal-ħolqien ta’ servizzi alternattivi ta’ aggregazzjoni tal-kontenut tal-midja

Għal: Ċittadini Ewropej, b’mod partikolari ż-żgħażagħ; pjattaformi ta’ video-sharing

Il-litteriżmu fil-midja huwa kruċjali biex jagħti s-setgħa liċ-ċittadini fl-ambjent tal-midja tal-lum u jenħtieġ li jiġi appoġġat minn diversi programmi u inizjattivi, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. Dan jenfasizza l-importanza tal-litteriżmu fil-midja fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u jippromwovi l-kooperazzjoni f’dan ir-rigward.

Il-litteriżmu fil-midja jinkludi l-kapaċitajiet tekniċi, konjittivi, soċjali, ċiviċi u kreattivi kollha li jippermettu liċ-ċittadini jaċċessaw il-midja, ikollhom fehim kritiku tagħha u jinteraġixxu magħha. Il-litteriżmu fil-midja huwa kruċjali wkoll biex jagħti s-setgħa lill-konsumaturi li jieħdu deċiżjonijiet infurmati u biex jappoġġawhom fit-tħaddin ta’ konsum aktar sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-litteriżmu fil-midja jenħtieġ li jiġi integrat fil-kurrikuli tal-iskejjel sabiex it-tfal ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-midja b’mod responsabbli u jkunu mgħammra aħjar biex jiffaċċjaw it-theddid ta’ vjolenza u d-diżinformazzjoni online.

L-AVMSD riveduta stabbiliet miżuri speċifiċi li jgħinu fit-titjib tal-ħiliet fil-litteriżmu fil-midja taċ-ċittadini. Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu u jieħdu miżuri għall-iżvilupp ta’ ħiliet fil-litteriżmu fil-midja (u jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar miżuri bħal dawn, abbażi tal-linji gwida tal-Kummissjoni li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali rapporti); u li l-pjattaformi tal-video-sharing jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri u għodod effettivi ta’ litteriżmu fil-midja u jżidu l-għarfien tal-utenti dwar dawk il-miżuri u għodod.

L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-AVMSD hija ta’ importanza ewlenija għal aktar żvilupp tal-ħiliet fil-litteriżmu fil-midja u biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-kontenut fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni prattika tal-obbligi l-ġodda, speċjalment fl-isfera online, il-Kummissjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) u esperti oħra, kif ukoll u fid-djalogu ma’ pjattaformi ta’ video-sharing, se tiżviluppa għodda biex ittejjeb l-għarfien tal-utenti, ittejjeb l-ħiliet u l-għażliet kritiċi tagħhom u tgħin lill-utenti jilħqu varjetà akbar ta’ kontenut tal-midja disponibbli fuq il-pjattaformi tal-video-sharing.

Din l-inizjattiva hija mistennija li tkun ta’ benefiċċju partikolari għall-utenti żgħażagħ, li jenħtieġ li jkunu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp tagħha. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se twaqqaf bord ta’ investigazzjoni apposta magħmul minn studenti u ġurnalisti żgħażagħ biex tittestja u tippromwovi s-sett ta’ għodod. Il-bord se jkun ibbilanċjat bejn il-ġeneri, inklużiv, u divers. Approċċ bħal dan jiżgura li s-sett ta’ għodod jndirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-utenti żgħażagħ u jkompli jagħtihom is-setgħa fl-ambjent online, inkluż l-indirizzar tal-isterjotipi mibnija fuq il-ġeneru, il-kultura, ir-reliġjon jew il-preferenzi sesswali. L-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod se tkun ukoll parti mir-rapporti dwar il-litteriżmu fil-midja tal-AVMSD, li l-ambitu tagħhom se jiġi ddeterminat permezz tal-linji gwida tal-Kummissjoni li se jinħarġu fl-2021.

Bħala parti minn dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se żżid ukoll l-isforzi tagħha fl-edizzjoni li jmiss tal-ġimgħa Ewropea tal-litteriżmu fil-midja, bil-ħsieb li din tħalli aktar impatt u tkun aktar inklużiva. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora kooperazzjoni ulterjuri potenzjali ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

L-azzjonijiet proposti se jkunu allinjati bis-sħiħ u kumplimentari għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 58 , li se jkollu l-għan li jagħmel l-edukazzjoni aktar reattiva biex tgħin lill-istudenti jiżviluppaw il-kapaċità li jsegwu b’mod kritiku, jiffiltraw u jivvalutaw l-informazzjoni, b’mod partikolari biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni u biex jimmaniġġaw l-eċċess ta' informazzjoni kif ukoll jiżviluppaw il-litteriżmu finanzjarju 59 .

Il-programm Orizzont Ewropa se jikkontribwixxi wkoll biex itejjeb il-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini billi jrawwem il-litteriżmu diġitali kritiku, u l-aċċess għall-kontenut tal-midja pluralistiku.

Biex tikkumplimenta dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni għal metodi avvanzati ta’ tiftix, ta' skoperta u ta' aggregazzjoni, sabiex tiffaċilita l-ħolqien ta’ servizzi indipendenti alternattivi ta’ aggregazzjoni tal-aħbarijiet li kapaċi joffru sett divers ta’ sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli.

Is-sensibilizzazzjoni tal-udjenzi — b’mod partikolari l-udjenzi żgħażagħ — dwar il-kontenut Ewropew se titqajjem fil-kuntest tat-30 anniversarju ta’ Creative Europe MEDIA fl-2021. Se titnieda kampanja li xxerred il-kelma fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ dwar ir-rikkezza u d-diversità tal-kontenut Ewropew billi turi stejjer ta’ suċċess, proġetti u talenti appoġġati mill-programm.

AZZJONI 10 – L-iżgurar tal-funzjonament tas-suq tal-midja Ewropew

ØIssaħħaħ il-qafas ta’ kooperazzjoni fost ir-regolaturi Ewropej tal-midja fi ħdan il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA)

Għal: Regolaturi Ewropej tal-midja, l-industrija Ewropea tal-midja awdjoviżiva u l-atturi fis-suq

L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi reali għall-atturi kollha tal-midja awdjoviżiva u ta’ ambjent ġust għall-kreaturi u dawk li jinvestu fil-kontenut kienu l-għanijiet ċentrali tal-AVMSD rivedut u l-qafas modernizzat tad-drittijiet tal-awtur.

Pereżempju, biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn ix-xandara u l-pjattaformi tal-video-on-demand fil-promozzjoni u fl-investiment fil-kontenut Ewropew, l-AVMSD rivedut jeħtieġ li din tal-aħħar tiżgura sehem ta’ 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalgi tagħhom.

L-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-AVMSD riveduta u r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali se jkunu kruċjali sabiex jiġi żgurat li dawn jagħtu r-riżultati meħtieġa. Fl-istess ħin, se jkun kruċjali li jiġi żgurat li l-assi intanġibbli tal-atturi tal-midja jiġu protetti permezz ta’ infurzar effettiv tad-drittijiet tal-PI tagħhom.

Fir-rigward tal-AVMSD riveduta, l-Istati Membri, u b’mod partikolari r-regolaturi tal-midja tagħhom, iridu jimmonitorjaw b’mod adegwat l-applikazzjoni korretta tar-regoli l-ġodda, u jinfurzawhom fejn meħtieġ 60 . B’mod partikolari, ser jirrikjedi dan li ġej:

·L-implimentazzjoni konsistenti tal-obbligi tal-ishma għall-kontenut Ewropew fil-katalgi on-demand (ibbażati wkoll fuq il-Linji Gwida maħruġa reċentement mill-Kummissjoni) 61 ;

·L-applikazzjoni koerenti tar-regoli l-ġodda dwar il-prominenza tax-xogħlijiet Ewropej, billi tingħata gwida prattika addizzjonali, u jiġu mħeġġa approċċi komuni dwar il-prominenza tal-kontenut ta’ interess ġenerali 62 ;

·L-infurzar effettiv tal-obbligi l-ġodda għall-pjattaformi tal-video-sharing.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-kooperazzjoni fi ħdan il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) għandhiex bżonn tissaħħaħ sabiex jiġi żgurat li l-format u l-ambitu tagħha jikkontribwixxu għall-funzjonament effettiv tar-regoli l-ġodda tal-midja fil-prattika u tkun tista’ tindirizza sfidi ġodda fis-swieq tal-midja. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tqis l-aħjar prattiki fil-kooperazzjoni transfruntiera, billi timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) tal-ERGA, li għandu jiġi stabbilit sa tmiem is-sena.

Il-MtQ huwa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni settorjali u volontarju, ibbażat fuq l-għarfien espert uniku tar-regolaturi Ewropej tal-midja. Se jkun fih mekkaniżmi speċifiċi għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni għar-regolaturi Ewropej tal-midja bil-ħsieb li jiġu indirizzati kwistjonijiet prattiċi u każijiet transfruntiera relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta dwar l-AVMS li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Din l-inizjattiva, li tiffoka b’mod partikolari fuq in-novitajiet regolatorji msemmija hawn fuq tal-AVMSD riveduta, se tikkumplimenta s-sistema ta’ governanza orizzontali għas-servizzi online li għandha tiġi stabbilita mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tivvaluta l-funzjonament tal-MtQ u tipproponi titjib, jekk ikun meħtieġ.

Barra minn hekk, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Fondi tal-Films tagħhom, u l-ERGA, u bl-involviment tal-pjattaformi on-demand, il-Kummissjoni se tesplora modi ulterjuri biex trawwem aktar diversità fil-katalgi tal-video-on-demand. F’konformità mal-għan tal-AVMSD li tħeġġeġ lix-xandara jinkludu sehem adegwat ta’ xogħlijiet Ewropej koprodotti jew ta’ xogħlijiet Ewropej ta’ oriġini mhux domestika fis-servizzi tagħhom, l-għan se jkun li jintlaħaq qbil dwar miri volontarji għal żieda fil-preżenza ta’ tali xogħlijiet anki fil-katalgi video-on-demand. Dan se jsaħħaħ b’mod reċiproku l-għan ta’ Ewropea Kreattiva MEDIA biex jagħti spinta lill-preżenza ta’ tali xogħlijiet fuq il-pjattaformi kollha ta’ distribuzzjoni.

L-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq Ewropew tal-midja jirrikjedi wkoll li tiġi indirizzata l-piraterija ta’ kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur, li, minkejja tnaqqis żgħir, tibqa’ problema sinifikanti  63 . Il-ħolqien ta’ mudelli ġodda ta’ negozju li jiksru l-liġi jikkostitwixxi theddida serja għall-industrija 64 .

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura infurzar aktar effettiv tad-drittijiet tal-PI fl-ambjent diġitali, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI 65 . B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tidħol f’diskussjonijiet mal-industrija biex tara kif ir-rimedji eżistenti għall-ġlieda kontra l-piraterija, bħall-inġunzjonijiet, jistgħu jsiru aktar effiċjenti u aktar faċli biex jinkisbu, b’mod partikolari sabiex tiġi indirizzata n-natura dinamika u mingħajr fruntieri ta’ ksur fuq skala kummerċjali online. F’dan il-kuntest, fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI, se tingħata attenzjoni partikolari għat-trawwim tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u l-infurzar transfruntier.

5.Konklużjoni

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi viżjoni komprensiva għas-settur tal-midja għall-isfruttament tal-potenzjal ta’ suq tal-midja tassew Ewropew u li jħaddan id-Deċennju Diġitali.

L-azzjonijiet se jiġu implimentati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-industrija tal-midja u mal-partijiet interessati kollha. F’dan ir-rigward, din il-Komunikazzjoni se tikkostitwixxi pjan direzzjonali konkret għall-midja bħala parti mill-kultura u l-ekosistema kreattiva biex jinkisbu l-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali u titrawwem il-kompetittività tagħha



APPENDIĊI - SKEDA TA’ ŻMIEN INDIKATTIVA

Azzjoni

Azzjoni sekondarja

Skeda indikattiva

AZZJONI 1 — Aċċess aktar faċli għall-appoġġ tal-UE

ØGħodda interattiva ġdida li tiggwida lill-kumpaniji tal-midja permezz tad-diversi strumenti ta’ appoġġ

ØQ1 2021

AZZJONI 2 — MEDIA INVEST bil-għan li tingħata spinta lill-investiment fl-industrija awdjoviżiva

 

ØPjattaforma ddedikata għall-investiment fl-ekwità biex trawwem produzzjonijiet awdjoviżivi u strateġiji ta’ distribuzzjoni Ewropej;

ØŻvilupp ta’ sensiela ta’ investimenti permezz tal-bini tal-kapaċità għall-investituri u r-rieda għall-investiment għall-kumpaniji.

ØMinn H1 2022

ØMinn H2 2021

AZZJONI 3 — “AĦBARIJIET”: inizjattiva biex jinġabru flimkien l-azzjonijiet u l-appoġġ għas-settur tal-aħbarijiet tal-midja

ØAċċess aħjar għall-finanzi, permezz ta’ self u inizjattiva pilota ta’ ekwità

ØIl-bini tal-kapaċità fost l-investituri u l-midja

ØAppoġġ għall-midja tal-aħbarijiet biex taħdem fuq trasformazzjoni kollaborattiva

ØForum Ewropew tal-Midja tal-Aħbarijiet

ØMinn H1 2022

ØMinn H2 2021

ØMinn H2 2021

ØMinn H1 2021

AZZJONI 4 — L-isfruttar tal-innovazzjoni permezz ta’ spazju Ewropew tad-data tal-midja u l-inkoraġġiment ta’ mudelli ġodda ta’ negozju

ØIl-ħolqien ta’ spazju tad-data tal-midja biex jappoġġa lill-kumpaniji tal-midja fil-qsim tad-data u fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi

ØIl-Prospetti tal-Midja Ewropea

ØMinn H1 2022

ØMinn H2 2021

AZZJONI 5 — It-trawwim ta’ koalizzjoni industrijali tar-Realtà Virtwali u Awmentata Ewropea (VR/AR)

ØKoalizzjoni tal-industrija VR/AR biex tistimula l-kooperazzjoni bejn is-setturi tal-industrija u tiżgura l-pożizzjoni ta’ tmexxija Ewropea

ØTnedija ta’ VR Media Lab dwar proġetti għal modi ġodda ta’ rakkontar tal-istejjer u ta’ interazzjoni

ØH2 2021

ØMinn H1 2022

AZZJONI 6 – Lejn settur tal-midja newtrali għall-klima

ØForum strutturat ta’ kooperazzjoni mal-industrija u fondi (sub)nazzjonali għall-films u awdjoviżivi

ØMinn H1 2021

AZZJONI 7 – Lejn disponibbiltà usa’ ta’ kontenut awdjoviżiv madwar l-UE

ØTnedija ta’ djalogu mal-industrija awdjoviżiva sabiex jintlaħaq qbil dwar passi konkreti li jtejbu l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv bejn il-fruntieri fl-UE u d-disponibbiltà tiegħu

ØMinn H1 2021

AZZJONI 8 – It-trawwim ta’ talenti tal-midja Ewropea

ØProgrammi ġodda ta’ mentoring għat-talenti tal-midja tal-Ewropa

ØBoot-camps tal-MEDIA li jipprovdu taħriġ intensiv u prattiku għall-professjonisti żgħażagħ tal-midja

ØKampanja dwar id-diversità quddiem u wara l-kamera

ØPortal tas-suq MEDIA biex jiġu identifikati l-aktar negozji ġodda promettenti tal-Ewropa fis-settur tal-midja u jgħinhom jirnexxu

ØLaboratorji Kreattivi tal-Innovazzjoni miftuħa għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu

ØMinn H2 2021

ØMinn H1 2022

ØMinn H2 2021

ØMinn H1 2021

ØMinn H2 2021

AZZJONI 9 – L-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini

ØL-applikazzjoni prattika tal-obbligi l-ġodda tal-litteriżmu fil-midja tal-AVMSD (strumenti tal-litteriżmu fil-midja u linji gwida għall-Istati Membri)

ØL-appoġġ tal-ħolqien ta’ servizzi alternattivi ta’ aggregazzjoni tal-kontenut tal-midja

ØQ4 2021

ØMinn H2 2022

AZZJONI 10 – L-iżgurar tal-funzjonament tas-suq tal-midja Ewropew

ØIssaħħaħ il-qafas ta’ kooperazzjoni fost ir-regolaturi Ewropej tal-midja fi ħdan il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA)

ØMinn Q1 2021

(1) L-istimi tal-Kummissjoni Ewropea, ibbażati fuq id-data tal-Eurostat u sorsi oħra inklużi l-OAE, Statista
(2) http://www.newsmediaeurope.eu/news/covid-19-and-the-news-media-journalism-always-comes-at-a-cost/  
(3) OAE, Analiżi Ampere, Ottubru 2020
(4) Għal ħarsa ġenerali lejn is-settur awdjoviżiv fil-kuntest tal-COVID-19 ikkonsulta: https://rm.coe.int/iris-plus-2020-2-the-european-audiovisual-industry-in-the-time-of-covi/16809f9a46  
(5)   https://www.unic-cinemas.org/en/news/news-blog/detail/the-impact-of-the-coronavirus-outbreak-on-the-european-cinema-industry/  
(6) In-nuqqas ta’ assigurazzjoni adegwata ġie enfasizzat ukoll fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-fondi nazzjonali tal-films li indirizzaw il-pandemija: https://europeanfilmagencies.eu/news-publications/our-press-releases/241-measures-by-efad-members-to-mitigate-the-consequences-of-the-covid-19-outbreak
(7) Pereżempju: https://www.businessinsider.com/tiktok-app-2-billion-downloads-record-setting-q1-sensor-tower-2020-4?r=US&IR=T
(8) Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew
(9) Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew
(10) Ara COM(2020) 760 – Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2187  
(11)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/audiovisual-media-services-directive-avmsd  
(12)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/eu-copyright-legislation  
(13)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=JOIN:2020:5:FIN  
(14) Dan ser isir b’kont meħud tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (CRPD): https://www.un.org/development/desa/disabilities/convention-on-the-rights-of-persons-with-disabilities.html  
(15)

Barra minn hekk, biex tiffaċilita l-appoġġ lill-istampa, u ttejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat f’dan is-settur, il-Kummissjoni għamlet u se taġġorna regolarment repożitorju online ( https://ec.europa.eu/competition/sectors/media/sa_decisions_to_media.pdf ) li fih il-prattika rilevanti tal-każijiet. Informazzjoni aġġornata regolarment dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri hija wkoll aċċessibbli fir-reġistru ta’ trasparenza. Huwa importanti l-fatt li, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġaw lin-negozji fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ttawwal u li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat adottat fid-19 ta’ Marzu 2020. L-għajnuna mogħtija skont il-Qafas Temporanju tista’ tiġi akkumulata flimkien ma’ għajnuna skont ir-Regolamenti de minimis (ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013, Nru 1408/2013, Nru 717/2014, u Nru 360/2012.), u hija eżentata mill-obbligu ta’ notifika, sakemm id-dispożizzjonijiet u r-regoli ta’ akkumulazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti jiġu rispettati.[SA.59106 (2020/N) Skema ta’ kumpens għas-settur tal-midja Daniża relatata mal-COVID-19 — Id-Danimarka; SA.57530 (2020/N) — Skema ta’ għajnuna għall-kumpaniji awdjoviżivi tal-produzzjoni — Il-Lussemburgu; Għajnuna mill-Istat SA.58801 (2020/N) – L-Italja COVID-19: Għajnuna lill-pubblikaturi żgħar tal-kotba u Għajnuna mill-Istat; SA.58847 (2020/N) – L-Italja COVID-19: Għajnuna għall-mużika.]

(16)   https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/cross-sector/guarantee-facility_en  
(17)   https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/  
(18)   https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/newsroom/coronavirus-response/  
(19) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_2140
(20)   https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/financial-assistance-eu/funding-mechanisms-and-facilities/sure_mt  
(21)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?qid=1600708827568&uri=CELEX:52020DC0575  
(22)   https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/home  
(23)   https://een.ec.europa.eu/  
(24)   https://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/cross-sector/guarantee-facility_en  
(25) Evalwazzjoni ex-ante ta’ strumenti finanzjarji ġodda għall-SMEs, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-organizzazzjonijiet mis-setturi kulturali u kreattivi, SQW, 2019
(26) Hemm diskrepanza fil-finanzjament tal-ekwità għas-setturi awdjoviżivi, kif ukoll għal setturi kreattivi oħra, stmata għal EUR 399-648 miljun fis-sena. Sors: Evalwazzjoni ex-ante ta’ strumenti finanzjarji ġodda għall-SMEs, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-organizzazzjonijiet mis-setturi kulturali u kreattivi, SQW, 2019
(27) F’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza COM(2020) 408 final. L-Artikolu 8 jistipula li l-appoġġ taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandu jkun addizzjonali għall-appoġġ ipprovdut taħt fondi u programmi oħra tal-Unjoni. L-Artikolu 22 jistipula li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn l-RRF u programmi oħra tal-Unjoni.
(28)

https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/STANDARD/surveyKy/2262  

(29)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020DC0066&from=EN  
(30)   https://reutersinstitute.politics.ox.ac.uk/sites/default/files/2020-06/DNR_2020_FINAL.pdf .
(31) Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew
(32)   https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/data-protection-eu_mt  
(33)   https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt  
(34)   https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-data-strategy_mt  
(35)   https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2102  
(36)   https://www.pwccn.com/en/tmt/economic-impact-of-vr-ar.pdf  
(37)   https://ec.europa.eu/futurium/en/system/files/ged/vr_ecosystem_eu_report_0.pdf  
(38) Greening the European Audiovisual Industry – The Best Strategies and their costs (li għandu jiġi ppubblikat fl-2021)
(39) Wieħed mis-sorsi rilevanti ta’ prattiki tajbin u ta’ pjattaforma għall-kooperazzjoni se jkun il-Patt Klimatiku Ewropew li se jitnieda mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru tal-2020
(40) https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/content/european-digital-strategy
(41) Skont ir-Rapport ta’ PwC “Global Entertainment and Media Outlook 2020-2024”, bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, id-dħul mill-SVOD huwa mistenni li jissupera dak mill-bejgħ tal-biljetti fl-2020 u huwa mistenni li jiżdied fil-ħames snin li ġejjin, u jilħaq aktar mid-doppju tal-bejgħ mill-biljetti fl-2024. Fl-istess ħin, id-dħul mill-bejgħ dinji tas-servizzi tal-istreaming żdied b’26 % fl-2020.
(42) Ir-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern.
(43) L-Ewropej li jivvjaġġaw ħafna drabi jikkonfermaw l-importanza tar-regoli għall-vjaġġi tagħhom. Kważi nofs (49 %) l-Ewropej li għandhom abbonament mingħajr ħlas jew abbonament bi ħlas għal servizzi tal-kontenut online u li vvjaġġaw fl-UE ppruvaw jaċċessawh meta żaru pajjiż ieħor tal-UE. Ewrobarometru 2019 477a “Accessing content online and cross-border portability of online content services - survey on cross-border portability”.
(44) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-ewwel rieżami fuq perjodu ta’ żmien qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/commission-publishes-its-short-term-review-geo-blocking-regulation
(45) Hemm differenzi sinifikanti skont il-pajjiż, bħal pereżempju t-telespettaturi fil-Greċja għandhom aċċess biss għal 1,3 % tal-films disponibbli online fl-UE, filwaqt li dawk fil-Ġermanja għandhom aċċess għal 43,1 %. Sors: Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-ewwel rieżami fuq perjodu ta’ żmien qasir tar-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku.
(46) Flash Eurobarometer 477b, 2019
(47)  Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, Rapport “Film and TV content in VOD catalogues 2020 Edition”
(48) Skont l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri taħt Ewropa Kreattiva, inkluż taħt il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa, u se tippreżenta strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-industrija awdjoviżiva bħala parti mis-subprogramm MEDIA li jmiss, inkluż appoġġ finanzjarju, djalogu strutturat, mentoring u taħriġ għan-nisa li jagħmlu l-films, produtturi u kittieba tal-iskripts.
(49)   https://eacea.ec.europa.eu/creative-europe/actions/media/training_en  
(50)   https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/racism-and-xenophobia/eu-anti-racism-action-plan-2020-2025_mt  
(51) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2068
(52) https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/roma-eu/roma-equality-inclusion-and-participation-eu_mt
(53)   https://www.innoradar.eu/
(54)   https://startupeuropeclub.eu/  
(55)   https://cordis.europa.eu/project/id/871552  
(56) Ara l-proġett pilota EIC: https://ec.europa.eu/research/eic/index.cfm
(57)   https://eit.europa.eu/  
(58)   https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/digital-education-action-plan_mt  
(59)

L-importanza tal-litteriżmu fil-midja ġiet enfasizzata wkoll fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-2020, li pprevediet li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se taħdem fuq prijoritajiet ġodda għall-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti. Din se jkollha l-għan li tikkumplimenta l-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropea mġedded fl-edukazzjoni u t-taħriġ u li tappoġġa l-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(60) Minbarra r-regoli l-ġodda, id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“l-UCPD”) tapplika għall-prattiki kummerċjali inġusti li jseħħu fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva, bħall-prattiki qarrieqa u aggressivi, sal-punt li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva AVMS. In-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 jiżgura l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur f’każ ta’ ksur ġewwa l-Unjoni u madwar l-Unjoni kollha.
(61)

Linji gwida skont l-Artikolu 13(7) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva dwar il-kalkolu tas-sehem tax-xogħlijiet Ewropej fil-katalogi on-demand u dwar id-definizzjoni ta’ udjenza baxxa u fatturat baxx; https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020XC0707(03)  

(62) L-Artikolu 7a tal-AVMSD riveduta jirrikonoxxi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw il-prominenza xierqa tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva ta’ interess ġenerali, biex jintlaħqu l-objettivi bħall-pluraliżmu tal-midja, il-libertà tal-kelma u d-diversità kulturali. Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, fl-2020 ġie stabbilit subgrupp speċifiku tal-ERGA biex jiffaċilita fehim komuni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-approċċi regolatorji potenzjali li l-Istati Membri jistgħu jieħdu f’dan il-qasam.
(63)

 Bejn l-2017 u l-2018, l-aċċess globali għall-kontenut ta’ piraterija naqas bi 32 % għall-mużika, b'19 % għall-films u bi 8 % għall-kontenut tat-TV. Sors: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, “Online copyright infringement in the EU. Music, films and TV (2017-2018), trends and drivers”. Novembru 2019.

(64) Fl-Unjoni Ewropea (EU-28), 3,6 % tal-popolazzjoni – perċentwal li jirrappreżenta 13,7 miljun persuna – huma stmati li jaraw it-televiżjoni permezz ta’ streaming mill-internet minn sorsi online mhux awtorizzati. Fl-2018, is-suq tas-sottoskrizzjoni tal-IPTV mhux awtorizzat huwa stmat li ġġenera EUR 941.7 miljun fi dħul annwali fl-Unjoni Ewropea. Sors: “Illegal IPTV in the EU”, EUIPO, Novembru 2019. L-infurzar aħjar tad-drittijiet tal-PI se jikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi maħluqa mill-piraterija tal-kontenut awdjoviżiv tal-isport. Ara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, mehmuża mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali. https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2019-0231_MT.html
(65)   https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2187  
Top