IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.5.2023
COM(2023) 249 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi
WERREJ
1.
INTRODUZZJONI
2.
TRASPARENZA U KOMPARABBILTÀ TAT-TARIFFI TAL-KONTIJIET TAL-ĦLAS
3.
AĊĊESS GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS
3.1.
Aċċess mhux diskriminatorju għal kontijiet tal-ħlas
3.2.
Aċċess għal PABF
3.3.
Lista tas-servizzi
4.
BDIL TAL-KONTIJIET TAL-ĦLAS
5.
VALUTAZZJONI TA’ MIŻURI ULTERJURI POSSIBBLI DWAR IL-BDIL
5.1.
Fattibbiltà tal-estensjoni tas-servizz tal-bdil fl-Artikolu 10 għall-bdil transfruntier
5.2.
Fattibbiltà ta’ qafas għal ridirezzjoni awtomatizzata tal-pagamenti
5.3.
Valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-portabbiltà sħiħa fl-UE kollha tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas
6.
EFFETTIVITÀ TAL-MIŻURI EŻISTENTI U L-ĦTIEĠA TA’ MIŻURI ADDIZZJONALI BIEX TIŻDIED L-INKLUŻJONI FINANZJARJA U BIEX JIĠU MEGĦJUNA L-PERSUNI VULNERABBLI FIR-RIGWARD TAD-DEJN EĊĊESSIV
7.
EŻEMPJI TAL-AĦJAR PRATTIKI FOST L-ISTATI MEMBRI GĦAT-TNAQQIS TAL-ESKLUŻJONI TAL-KONSUMATUR MINN AĊĊESS GĦAL SERVIZZI TA’ ĦLAS.
8.
KONKLUŻJONI
ABBREVJAZZJONIJIET
AML
Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
AML/CFT
Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
AMLD
Id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (id-Direttiva (UE) 2015/849)
BIC
Kodiċi għall-Identifikazzjoni tal-Bank
EBA
Awtorità Bankarja Ewropea
FID
Dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi
IBAN
Numru Internazzjonali tal-kont tal-bank
PAD
Id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas (id-Direttiva 2014/92/UE)
PABF
Kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi
PSP
Fornitur ta’ Servizzi ta’ Pagament
1.INTRODUZZJONI
Id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas (il-PAD jew id-Direttiva) ġiet adottata fit-23 ta’ Lulju 2014 bħala parti mill-isforzi tal-UE biex ittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi imposti fuq il-konsumaturi fuq il-kontijiet tal-ħlas tagħhom; il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas; u l-ftuħ u l-użu tal-PABFs fl-UE.
Il-PAD daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Settembru 2014. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u l-istandards tekniċi regolatorji għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza tad-Direttiva daħlu fis-seħħ f’Ottubru 2018.
L-Istati Membri kellhom sat-18 ta’ Settembru 2016 biex jittrasponu u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. Madankollu, disa’ Stati Membri biss kienu ddikjaraw traspożizzjoni sħiħa sal-iskadenza (jew ftit warajha). Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra t-18-il Stat Membru li jifdal għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tat-traspożizzjoni. Dawn il-każijiet kollha ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni ngħalqu wara li l-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li kienu lestew it-traspożizzjoni tagħhom (u l-Kummissjoni kienet ivvalutat u kkonfermat din it-traspożizzjoni). Il-Kummissjoni għadha ma nediet l-ebda proċedura ta’ ksur għal nuqqas ta’ konformità mal-PAD.
Dan ir-rapport ġie adottat b’reazzjoni għall-Artikolu 28 tad-Direttiva, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva sat-18 ta’ Settembru 2019. Ir-rapport ħareġ tard minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-Direttiva kienet ilha qed tiġi applikata għal ċertu tul ta’ żmien. B’mod parallel, il-Kummissjoni adottat ir-rapport meħtieġ mill-Artikolu 27 tad-Direttiva (ir-rapport tal-Artikolu 27).
Il-Kummissjoni nediet żewġ studji biex tappoġġa dan ir-rapport. L-ewwel studju (l-Istudju 1 ta’ Deloitte
) jevalwa d-Direttiva u jipprovdi kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Dan kopra 16-il Stat Membru . It-tieni studju (l-Istudju 2 ta’ Deloitte
) jivvaluta għodod ġodda possibbli biex jiġi ffaċilitat il-bdil transfruntier u jservi bħala l-bażi għall-Kapitolu 5, li jivvaluta miżuri addizzjonali possibbli biex jiġi ffaċilitat il-bdil. L-Istati Membri pprovdew ukoll data/kontribut importanti għal dan ir-rapport. Madankollu, il-Kummissjoni ffaċċjat xi diffikultajiet meta kienet qiegħda tħejji dan ir-rapport – b’mod partikolari n-nuqqas ta’ data disponibbli u komparabbli. L-objettiv tal-PAD huwa li jitrawwem is-suq uniku għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u b’mod partikolari għall-kontijiet tal-ħlas. Id-Direttiva kellha l-għan li tikseb dan billi (1) toħloq trasparenza u tiżgura l-komparabbiltà tat-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas; (2) tiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal kontijiet tal-ħlas (b’karatteristiċi bażiċi) u (3) tiffaċilita l-bdil tal-kontijiet tal-ħlas. Il-kapitoli li ġejjin jivvalutaw l-applikazzjoni tad-Direttiva kif ukoll l-elementi addizzjonali meħtieġa fl-Artikolu 28.
2.TRASPARENZA U KOMPARABBILTÀ TAT-TARIFFI TAL-KONTIJIET TAL-ĦLAS
L-Artikolu 7 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess, mingħajr ħlas, għal mill-anqas sit web wieħed ta’ tqabbil. L-Artikolu 7(3) jistabbilixxi lista ta’ rekwiżiti, jiġifieri li s-sit web tat-tqabbil irid jitħaddem b’mod indipendenti; jiżvela l-identità ta’ sid is-sit web; jistabbilixxi kriterji ċari u oġġettivi għat-tqabbil; juża lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu; ikun aġġornat; ikopri parti sinifikanti mis-suq; jipprovdi proċedura effettiva għal rapportar ta’ informazzjoni żbaljata dwar tariffi pubblikati.
Wara li kkonsultat lill-Istati Membri bil-Grupp ta’ Esperti (GEGREFS) rilevanti, il-Kummissjoni għandha l-impressjoni ġenerali li r-rekwiżiti attwalment elenkati fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva huma biżżejjed u li ma hemm l-ebda ħtieġa urġenti li tiġi emendata l-lista. Madankollu, l-Istudju 1 ta’ Deloitte – abbażi ta’ evalwazzjoni tas-siti web identifikati li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva – indika li ż-żewġ rekwiżiti li ġejjin elenkati fil-paragrafu 3 ma humiex qegħdin jiffunzjonaw bis-sħiħ: (1) ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti l-kriterji oġġettivi għat-tqabbil; u (2) ir-rekwiżit li tiġi rrapportata informazzjoni żbaljata dwar it-tariffi ppubblikati. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-aħħar darba li sit web ġie aġġornat ħolqot problemi. Madankollu, il-kwistjonijiet indikati mill-Istudju 1 ta’ Deloitte huma aktar relatati mal-aspett operazzjonali tas-sit web milli mal-lista nnifisha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni biex tiżgura li s-siti web konformi tal-Istati Membri fil-fatt jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva.
L-Artikolu 28(3) tad-Direttiva jirrikjedi li r-rapport jivvaluta jekk hemmx bżonn ta’ akkreditazzjoni tas-siti web ta’ tqabbil. Is-sensazzjoni ġenerali fost l-Istati Membri kienet li dan ma jżidx ħafna valur, l-aktar minħabba li t-tabelli ta’ tqabbil konformi attwali huma pubbliċi u għalhekk intrinsikament affidabbli. Barra minn hekk, il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jkun jiswa ħafna flus u jieħu ħafna ħin. Ma ġiet irreġistrata l-ebda kwistjoni bis-sit web ta’ tqabbil fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u għalhekk ma hemmx bżonn li s-sistema attwali tiġi emendata.
Fir-rigward tal-miżuri dwar l-“offerti f’pakkett”, l-Artikolu 4 dwar il-FID, l-Artikolu 5 dwar id-dikjarazzjoni tat-tariffi u l-Artikolu 8 jirreferu għall-kunċett tal-pakketti. L-Istudju 1 ta’ Deloitte osserva abbażi tad-data miġbura li l-partijiet ikkonċernati interpretaw “pakkett” b’żewġ modi distinti u differenti: jew (i) kombinament ta’ kont tal-ħlas bid-diversi servizzi marbutin miegħu li jippermettu l-użu tiegħu (eż. kard jew overdraft); jew (ii) kombinament ta’ kont tal-ħlas ma’ tipi oħrajn ta’ prodotti finanzjarji (eż. assigurazzjoni u ipoteki). F’dan il-kuntest, 16-il Stat Membru (BE, BG, DE, IE, ES, IT, LV, LU, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SI u SK) esprimew appoġġ għall-idea li tiġi introdotta definizzjoni tat-terminu “pakkett” fid-Direttiva sabiex tinkiseb ċarezza addizzjonali (speċjalment f’każijiet ta’ abbinar u raggruppament). Madankollu, xi Stati Membri oħrajn wissew kontra tali approċċ, billi argumentaw li t-terminu diġà huwa ċar biżżejjed u li jagħmel aktar sens li l-kwistjoni tiġi indirizzata fl-Artikolu 4 tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-Artikolu 4 dwar l-FID, it-taqsima tal-FID iddedikata għal “pakketti ta’ servizzi” tista’ f’xi każijiet tkun twila wisq. Dan għaliex xi banek isemmu diversi pakketti fl-FID tagħhom u dan wassal biex l-FID ikun twil diversi paġni – u b’hekk dan ixxejjen l-iskop li jkun hemm FID indipendenti qasir. Għalhekk huma jemmnu li kwalunkwe bidla possibbli fil-kunċett ta’ “pakketti” għandha tkun immirata lejn l-Artikolu 4. B’mod aktar ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 4, konsegwenza mhux intenzjonata kienet id-duplikazzjoni ta’ dokumenti dwar il-livelli ta’ tariffi ta’ kontijiet tal-ħlas f’dawk l-Istati Membri fejn diġà kienu jeżistu dokumenti bl-istess informazzjoni. Fil-fatt, abbażi tal-kummenti tal-Istati Membri, l-aktar konsegwenza mhux intenzjonata importanti ta’ dan kienet id-duplikazzjoni ta’ dokumenti dwar il-livelli ta’ tariffi ta’ kontijiet tal-ħlas fl-Istati Membri fejn diġà kienu jeżistu dokumenti bl-istess informazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet nota tajba ta’ dawn il-kwistjonijiet u se żżomm f’moħħha s-suġġerimenti li rċeviet fir-reviżjoni eventwali tad-Direttiva.
3.AĊĊESS GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS
3.1.Aċċess mhux diskriminatorju għal kontijiet tal-ħlas
L-Artikolu 15 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-kreditu ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi legalment residenti fl-UE minħabba n-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom (jew minħabba kwalunkwe raġuni oħra msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) meta dawk il-konsumaturi japplikaw għal kont tal-ħlas fl-UE jew jaċċessawh. L-Artikolu 15 jiddikjara wkoll li l-kundizzjonijiet applikabbli għaż-żamma ta’ PABF ma għandhom bl-ebda mod ikunu diskriminatorji.
L-Istati Membri jew ittrasponew speċifikament id-dispożizzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni jew ikkonkludew li dan il-punt kien diġà kopert mil-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom. Madankollu, ftit Stati Membri biss integraw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom sabiex mhux biss ikopru l-aċċess għall-kontijiet tal-ħlas iżda jkopru wkoll speċifikament il-kundizzjonijiet applikabbli.
Minkejja din ir-regola, l-aċċess għall-kontijiet tal-ħlas xorta jista’ jkun differenti għall-konsumaturi ta’ nazzjonalità differenti jew f’post differenti ta’ residenza. Pereżempju, rekwiżit li jiġi ppreżentat dokument tal-identità nazzjonali speċifiku jista’ jaffettwa lill-konsumaturi minn Stati Membri oħrajn b’mod differenti. Kif muri fl-Istudju 1 ta’ Deloitte u kif indikat mill-ilmenti li rċeviet il-Kummissjoni, jista’ jkun hemm ukoll diffikultajiet fir-rigward tal-ftuħ transfruntier ta’ kontijiet tal-ħlas, mhux l-anqas fir-rigward tal-ftuħ transfruntier online li xi drabi ma jkunx disponibbli għall-konsumaturi minn Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilmenti dwar livelli differenti ta’ tariffi għal persuni mhux residenti fl-Istat Membru. L-impożizzjoni ta’ tariffi ogħla għall-PABF għal persuni mhux residenti tkun diskriminatorja jekk it-tariffi addizzjonali ma jkunux ibbażati fuq kostijiet iġġustifikati b’mod oġġettiv.
Dawn ir-rekwiżiti differenti jistgħu mhux biss iwasslu għal trattament differenti f’ħafna każijiet, iżda jistgħu jaffettwaw ukoll l-aċċess għall-kontijiet tal-ħlas, inkluż għall-PABFs. Tali każijiet huma deskritti f’aktar dettall fit-Taqsima 3.2.
3.2.Aċċess għal PABF
§Id-dritt għal PABF
Sabiex titrawwem l-inklużjoni finanzjarja, l-Artikolu 16 tad-Direttiva jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess għal PABF mill-konsumaturi kollha legalment residenti fl-UE. Dan jinkludi konsumaturi mingħajr indirizz fiss, l-applikanti għall-ażil u konsumaturi li jkunu ġew miċħuda permess ta’ residenza iżda li t-tkeċċija tagħhom tkun impossibbli minħabba raġunijiet legali jew fattwali . L-Artikolu 16(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-PABFs jiġu offruti lill-konsumaturi jew mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jew minn għadd suffiċjenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiggarantixxu l-aċċess għalihom għall-konsumaturi kollha fit-territorju tagħhom.
Dan id-dritt għal PABF ġie traspost mill-Istati Membri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, PABF jiġi offrut bħala prodott separat distint minn kont tal-ħlas standard. Madankollu, f’xi Stati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (xi wħud minnhom jew kollha kemm huma) ma joffrux PABF bħala prodott separat iżda jippreferu joffru kont standard lill-konsumaturi kollha.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joffru kontijiet tal-ħlas joffru PABF, iżda ftit Stati Membri jirrikjedu biss li xi istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ċerti kriterji joffru PABF. Madankollu, tali istituzzjonijiet ta’ kreditu marbuta b’obbligu ġeneralment jipprovdu aċċess wiesa’. Barra minn hekk, fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament joffru wkoll PABFs f’xi Stati Membri.
Għalhekk, l-organizzazzjonijiet settorjali u tal-konsumaturi jaqblu b’mod wiesa’ li l-konsumaturi f’pajjiżhom għandhom aċċess suffiċjenti għall-PABFs.
L-Artikolu 16 jipprevedi għadd ta’ derogi (possibbli) għal dan id-dritt għal PABF. Fil-prattika, l-aktar deroga importanti tikkonċerna l-AML. L-Artikolu 16(4) tal-PAD jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-ftuħ ta’ tali kont jirriżulta fi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti fid-Direttiva 2005/60/KE
. Dan jista’ jkun f’kunflitt mad-dritt għal PABF u l-interazzjoni tista’ ma tkunx ċara għalkollox. Il-premessa 34 tal-PAD tissottolinja li r-regoli tal-AML ma għandhomx jintużaw bħala pretest għar-rifjut ta’ konsumaturi kummerċjalment anqas attraenti. Bħalissa ma teżisti l-ebda gwida ġenerali oħra fil-livell tal-UE dwar l-interkonnessjonijiet bejn ir-regoli differenti.
B’mod partikolari, instabu diffikultajiet fil-ftuħ ta’ PABF fl-oqsma li ġejjin.
1)Nuqqas ta’ dokumenti tal-identità speċifiċi: ġew identifikati diffikultajiet fil-ftuħ ta’ PABF minħabba nuqqas ta’ dokumenti tal-identità speċifiċi f’diversi rapporti
u dawn kienu wkoll is-suġġett ta’ lmenti mill-pubbliku ġenerali lill-Kummissjoni. Il-verifika tal-identità tal-klijent meħtieġa mid-Direttivi tal-AML/CFT ġeneralment issir abbażi ta’ dokumenti tal-identità. Rekwiżit li wieħed ikollu dokument ta’ identifikazzjoni standard maħruġ mill-Istat Membru jista’ joħloq diffikultajiet partikolari mhux biss għall-applikanti għall-ażil u għar-rifuġjati, iżda wkoll (skont ir-rekwiżit speċifiku) għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Din il-kwistjoni diġà ġiet indirizzata parzjalment fl-opinjoni tal-EBA dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għal klijenti li huma applikanti għall-ażil minn pajjiżi jew territorji mhux tal-UE b’riskju ogħla u fid-dikjarazzjoni dwar “l-inklużjoni finanzjarja fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna” maħruġa mill-EBA f’April 2022
. Barra minn hekk, il-persuni mingħajr dar xi drabi jiffaċċjaw diffikultajiet fil-ftuħ ta’ kont tal-ħlas (eż. meta jintalbu jipprovdu indirizz).
2)Aċċess transfruntier għall-kontijiet tal-ħlas: fl-Istudju 1 ta’ Deloitte ġew irrapportati wkoll diffikultajiet fil-ftuħ ta’ PABF fi Stat Membru ieħor (inkluż online) u dawn kienu s-suġġett ta’ lmenti mill-pubbliku ġenerali lill-Kummissjoni. Dawn jista’ jkollhom kawżi differenti. Pereżempju, tali diffikultajiet jistgħu jkunu dovuti għal nuqqas ta’ dokumenti speċifiċi jew għall-ħtieġa li jintwera interess ġenwin, iżda jistgħu jkunu marbutin ukoll ma’ raġunijiet relatati mal-AML/CFT minħabba li l-ftuħ ta’ kont tal-ħlas fi Stat Membru ieħor jista’ jitqies bħala ċirkostanza mhux tas-soltu li tinvolvi riskju potenzjalment ogħla fil-valutazzjoni tar-riskju tal-AML/CFT
.
3)Prattiki ta’ tneħħija tar-riskji minħabba raġunijiet relatati mal-AML: diffikultajiet fil-ftuħ ta’ PABF instabu wkoll minħabba prattiki ta’ tneħħija tar-riskji mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu (jiġifieri meta jiddeċiedu li ma jiftħux (jew li jagħlqu) kontijiet tal-ħlas b’kategoriji speċifiċi ta’ klijenti minħabba li għandhom riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu). Kif stabbilit fl-opinjoni tal-EBA dwar “it-tneħħija tar-riskji”
, it-tneħħija tar-riskji tista’ tirrigwarda b’mod partikolari lill-konsumaturi b’rabtiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE (b’riskju għoli) speċifiċi u persuni politikament esposti. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilmenti f’dan ir-rigward.
4)Prattiki ta’ tneħħija tar-riskji minħabba l-Att tal-Istati Uniti dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA): instabu wkoll diffikultajiet mill-konsumaturi b’ċittadinanza doppja tal-UE/tal-Istati Uniti, li ppreżentaw petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lmentaw mal-Kummissjoni. Kif iddikjarat l-EBA fl-opinjoni tagħha dwar it-tneħħija tar-riskji, xi istituzzjonijiet ta’ kreditu jaf iddeċidew li ma jipprovdux kontijiet tal-ħlas lil ċittadini tal-Istati Uniti fid-dawl tal-obbligi u s-sanzjonijiet possibbli skont il-FATCA.
L-EBA diġà pprovdiet xi gwida li tista’ tgħin biex tiġi indirizzata t-tneħħija tar-riskji mhux mixtieqa
. B’mod partikolari, l-EBA ċċarat li l-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju ma tirrikjedix li d-ditti jirrifjutaw jew jitterminaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ kategoriji sħaħ ta’ klijenti li jitqiesu li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stati Membri inkludew dan fil-gwida tagħhom stess.
Sabiex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ tneħħija tar-riskji minħabba raġunijiet relatati mal-AML, il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet speċifiċi fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-AML/CFT li ppreżentat f’Lulju 2021
. B’mod partikolari, biex l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jivvalutaw jekk l-istituzzjonijiet ikunux ikkalibraw kif xieraq il-prattiki ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti tagħhom, il-proposta għal regolament dwar l-AML
tinkludi rekwiżit għall-istituzzjonijiet li jiddeċiedu li ma jidħlux f’relazzjoni kummerċjali ma’ klijent prospettiv biex iżommu rekords tar-raġunijiet għal tali deċiżjoni. Barra minn hekk, il-proposta għas-sitt Direttiva dwar l-AML
tinkludi rekwiżit għas-superviżuri tal-AML biex jikkooperaw mas-superviżuri inkarigati mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament
u l-PAD.
Id-diffikultajiet fl-infurzar tad-dritt għal PABF jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fatt, li minkejja l-obbligu ġenerali fl-Artikolu 16(7) tal-PAD li l-konsumatur jiġi infurmat minnufih dwar ir-rifjut u dwar ir-raġuni speċifika għal dak ir-rifjut, dan spiss ma jseħħx minħabba l-projbizzjoni ta’ “preavviż” fir-regoli tal-AML li tidderoga minn dak l-obbligu ġenerali.
Derogi oħrajn previsti fil-PAD jinkludu l-għażla li l-konsumaturi li jixtiequ jiftħu PABF jintalbu juru interess ġenwin biex jagħmlu dan (l-Artikolu 16(2)). Ftit Stati Membri biss eżerċitaw din l-għażla. B’kuntrast għal dan, bosta Stati Membri eżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 16(5) li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrifjutaw applikazzjoni għal PABF jekk konsumatur diġà jkollu kont tal-ħlas ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab fit-territorju tagħhom.
Barra minn hekk, diversi Stati Membri eżerċitaw l-għażla li jidentifikaw każijiet addizzjonali limitati u speċifiċi li fihom l-applikazzjonijiet jistgħu jew għandhom jiġu rrifjutati – dment li dawn l-eċċezzjonijiet ikunu maħsuba biex jiffaċilitaw l-aċċess għal PABF mingħajr ħlas skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 25 tal-PAD jew biex jevitaw abbużi mill-konsumaturi (l-Artikolu 16(6) tal-PAD). Pereżempju, xi Stati Membri stabbilew kriterji li jirrikjedu li l-applikanti jipprovdu evidenza li ma jkunux wettqu frodi jew reati kriminali oħrajn, jew li jkunu stabbilew eċċezzjoni għas-sigurtà nazzjonali. L-għażla tal-Artikolu 19(3) li jiġu identifikati każijiet limitati u speċifiċi addizzjonali li fihom l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ ttemm b’mod unilaterali kuntratt qafas għal PABF intużat minn bosta Stati Membri għal każijiet simili (u oħrajn) (eż. għal ċerti reati kriminali intenzjonati jew għal attivitajiet kummerċjali).
§It-tariffi annwali medji imposti għall-PABFs
L-Artikolu 18(1) tal-PAD jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joffru PABFs “mingħajr ħlas jew b’tariffa raġonevoli”. L-Istati Membri implimentaw dan b’modi differenti. Xi Stati Membri ddeċidew li l-PABF irid jiġi pprovdut mingħajr ħlas jew stabbilew limiti ċari fuq it-tariffa jew stabbilew parametri preċiżi għall-kalkolu tiegħu. Stati Membri oħrajn jirrikjedu li l-kontijiet jiġu offruti mingħajr ħlas jew b’tariffa raġonevoli, iżda ma jistabbilux xi kriterju ulterjuri (lil hinn mill-kriterji tal-Artikolu 18(3) dwar x’jista’ jitqies bħala “raġonevoli”).
Il-livell tat-tariffi għall-PABFs fl-Istati Membri differenti jvarja b’mod konsiderevoli.
. Xi drabi jkun hemm ukoll distakk kbir bejn l-orħos offerti u l-offerti l-aktar għaljin anke fl-istess Stat Membru. Meta mqabbla mat-tariffi għall-kontijiet tal-ħlas standard
, il-PABFs ġeneralment jistgħu jkunu orħos iżda mhux b’ħafna.
Madankollu, l-organizzazzjonijiet settorjali u xi wħud mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Istudju 1 ta’ Deloitte indikaw li l-PABFs ġeneralment ikunu affordabbli għal kulħadd.
§Applikazzjoni fil-prattika/ftuħ tal-PABF
Kif juri r-rapport tal-Artikolu 27, fil-perjodu 2016-2021 il-PABFs infetħu b’mod konsiderevoli f’xi Stati Membri. Pereżempju, kien hemm ftuħ sinifikanti f’xi wħud mill-Istati Membri li qabel kellhom perċentwal ogħla tal-popolazzjoni tagħhom mingħajr kont tal-ħlas. Madankollu, il-ftuħ kien pjuttost baxx f’xi oħrajn
. Barra minn hekk, l-aħħar Global Findex Database tal-2021
uriet li s-sehem tal-popolazzjoni b’aċċess għall-bank (ta’ 15-il sena jew aktar) żdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mill-2017 sal-2021 – u li xi wħud minnhom laħqu 100 % fl-2021.
Għadd ta’ raġunijiet differenti jistgħu jispjegaw l-għadd relattivament baxx ta’ PABFs. L-ewwel nett, il-perċentwal ta’ persuni b’kont tal-ħlas kien diġà għoli ħafna f’bosta Stati Membri meta ġiet adottata l-PAD. It-tieni, xi Stati Membri diġà kellhom għodod simili stabbiliti. It-tielet, minħabba li l-kontijiet standard (inklużi l-kontijiet online mingħajr ħlas) huma aċċessibbli ħafna, il-PABFs jistgħu ma jkunux rilevanti għall-konsumaturi li jkollhom aċċess għal dawk il-kontijiet. Raġunijiet oħrajn għal livell baxx ta’ ftuħ jistgħu jkunu nuqqas ta’ għarfien tal-konsumatur. L-informazzjoni meħtieġa hija disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi differenti bħal siti web jew kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, iżda l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jqisu li l-livell ta’ għarfien tal-konsumaturi dwar id-dritt tagħhom għal PABF għadu pjuttost baxx u li ħafna banek ma joffrux b’mod proattiv il-PABF lill-konsumaturi. F’xi każijiet, il-kost ta’ PABF jista’ jillimita wkoll il-ftuħ. Kif indikat il-Global Findex Database, raġunijiet oħrajn għan-nuqqas ta’ kont tal-ħlas mogħtija mill-konsumaturi mingħajr kont tal-ħlas f’dawk l-Istati Membri li għandhom rata aktar baxxa ta’ persuni b’aċċess għall-bank jistgħu jkunu fondi insuffiċjenti, nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji jinsabu wisq ’il bogħod.
B’kuntrast għal dan, dan il-livell baxx ta’ ftuħ ma jidhirx li huwa dovut għal offerta insuffiċjenti ta’ PABFs infushom. Il-PABFs jiġu offruti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jew minn għadd kbir minnhom fl-Istati Membri individwali u, skont l-Istudju 1 ta’ Deloitte, l-organizzazzjonijiet settorjali u tal-konsumaturi jaqblu b’mod ġenerali li l-konsumaturi għandhom aċċess suffiċjenti għall-PABFs. Lanqas il-livell baxx ta’ ftuħ ma jidher li huwa kkawżat primarjament minn rifjuti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipprovdu PABFs – kif jistabbilixxi r-rapport tal-Artikolu 27, l-għadd ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati fi Stati Membri individwali jidher ġeneralment baxx
, għalkemm b’xi eċċezzjonijiet.
L-għan tal-PAD ma huwiex neċessarjament li jinfetħu ħafna PABFs, iżda pjuttost li tiżdied l-inklużjoni finanzjarja u li jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għal PABF. Minħabba d-disponibbiltà ġenerali tal-PABFs, dan l-objettiv jidher li ġeneralment intlaħaq. Barra minn hekk, kif turi l-aħħar Global Findex Database tal-2021, il-perċentwal tal-popolazzjoni b’kont tal-ħlas żdied fl-Istati Membri għal medja ta’ 95 % – u qrib il-100 % f’xi Stati Membri.
Madankollu, jistgħu jeżistu diffikultajiet fil-każijiet speċifiċi deskritti hawn fuq. L-għan tal-pakkett leġiżlattiv tal-AML/CFT huwa li jimmitiga r-riskju tat-tneħħija tar-riskji. L-EBA pprovdiet gwida addizzjonali dwar l-interazzjoni bejn ir-regoli tal-PAD u tal-AML
.
3.3.Lista tas-servizzi
L-Artikolu 17(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li PABF jinkludi għadd ta’ servizzi (inklużi l-ġbid ta’ flus kontanti, it-trasferiment ta’ kreditu, id-debiti diretti u t-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard tal-ħlas) sal-punt li jkunu diġà offruti lill-konsumaturi li jkollhom kontijiet tal-ħlas standard. Il-PABF ikopri s-servizzi kollha stabbiliti fl-Artikolu 17(1) fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, xi wħud mis-servizzi inklużi fl-Artikolu 17(1) (ordnijiet permanenti u debiti diretti) ma ġewx offruti bħala parti mill-PABF fi ftit Stati Membri, minħabba li dawn is-servizzi ma ġewx offruti bħala parti minn kont standard f’dawk l-Istati Membri. F’xi każijiet, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu servizzi addizzjonali għall-PABFs (inklużi faċilitajiet ta’ overdraft, kards ta’ kreditu u pagamenti istantanji), anke jekk dan ma huwiex meħtieġ mil-liġi.
Ir-rekwiżit li l-Istati Membri jobbligaw lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu karatteristiċi addizzjonali tal-PABF ikun jeħtieġ li jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ inklużjoni finanzjarja. Dan jeħtieġ ukoll li jitqies bir-reqqa minħabba l-kost addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipprovdu PABF minħabba li dan min-naħa tiegħu jista’ jżid il-kost ta’ PABF u b’hekk ixekkel l-inklużjoni finanzjarja. Il-pagamenti istantanji jistgħu jsiru karatteristika tal-PABF fil-futur, iżda – għalkemm il-pagamenti istantanji qegħdin jintużaw dejjem aktar – għadhom ma humiex standard. Karatteristika addizzjonali possibbli oħra tista’ tkun relatata mal-iżgurar tal-aċċess għall-flus kontanti. L-Artikolu 17(1) diġà jirrikjedi li l-PABF għandu jinkludi ġbid ta’ flus kontanti fil-counter jew minn magni tal-flus awtomatizzati bħala servizz, iżda t-tnaqqis fl-għadd ta’ fergħat u ATMs jista’ (pereżempju, f’xi żoni remoti) ifixkel l-inklużjoni finanzjarja b’mod ġenerali (u mhux biss il-PABFs). Kif stabbilit mill-istrateġija dwar il-pagamenti bl-imnut
, il-Kummissjoni taqsam it-tħassib li hemm riskju li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi li qiegħda tiżdied tista’ tħalli lil dawk mingħajr aċċess għas-servizzi diġitali saħansitra aktar esklużi milli huma llum. Il-kwistjoni tal-aċċess għall-flus kontanti u l-aċċettazzjoni tagħhom ġiet ivvalutata f’fora differenti (fil-livell tal-Kummissjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-Euro bħala Valuta Legali (ELTEG)
u fil-Bord tal-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro). Wara r-rapport li adotta l-ELTEG fis-6 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni qiegħda tivvaluta modi possibbli biex tiżgura li l-flus kontanti tal-euro jkunu disponibbli u aċċettati.
Kemm il-konsumaturi kif ukoll l-organizzazzjonijiet settorjali jidhru li jemmnu li l-konsumaturi huma ssodisfati bis-servizzi li bħalissa qegħdin jiġu offruti f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali. Bosta Stati Membri ma jarawx il-ħtieġa li jemendaw il-PAD.
4.BDIL TAL-KONTIJIET TAL-ĦLAS
Servizz tal-bdil ibbażat fuq il-prinċipji komuni tal-Kumitat tal-Industrija Bankarja Ewropea għall-bdil tal-kontijiet tal-bank
diġà kien jeżisti f’diversi Stati Membri qabel ma daħlet fis-seħħ il-PAD, iżda l-Artikolu 10 introduċa rekwiżit għall-Istati Membri kollha biex jiżguraw li jkun hemm stabbilit servizz obbligatorju tal-bdil. Skont l-Istudju 1 ta’ Deloitte, il-PAD għalhekk ippermettiet lill-konsumaturi kollha fl-UE jibdlu faċilment il-kontijiet fuq livell domestiku u spiss mingħajr ħlas. Il-konsumaturi li kienu użaw il-proċess qiesu li dan kien sodisfaċenti. In-nuqqasijiet irrapportati mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi huma relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi fl-applikazzjoni tal-proċess f’każijiet individwali, iżda mhux mal-proċess innifsu
.
Kif juri r-rapport tal-Artikolu 27, l-għadd ta’ każijiet ta’ bdil annwali jvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri differenti. Hemm għadd konsiderevoli ta’ każijiet ta’ bdil f’xi Stati Membri u xejra dejjem tikber f’xi wħud minn dawn, iżda livell baxx ħafna ta’ bdil fi Stati Membri oħrajn
.
Għadd ta’ fatturi jistgħu jkunu qegħdin jaffettwaw il-livell ta’ bdil
. Pereżempju, is-servizz tal-bdil japplika għal kontijiet tal-ħlas iżda mhux għal prodotti finanzjarji oħrajn (eż. self ipotekarju u investimenti) li jista’ jkun marbut magħhom il-kont tal-ħlas. Barra minn hekk, il-konsumaturi jista’ jkollhom biss għarfien limitat dwar is-servizz u mhux dejjem jistgħu jiġu infurmati dwaru – jew saħansitra skoraġġuti milli jużawh. Raġunijiet possibbli oħrajn jinkludu litteriżmu finanzjarju insuffiċjenti u s-suppożizzjoni li l-bdil iwassal biss għal iffrankar limitat; xewqa li ma jintilifx in-numru tal-kont tal-ħlas ta’ dak li jkun; u r-riskju li l-pagamenti jistgħu jintilfu.
Madankollu, l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-bdil tal-PAD ma kienx neċessarjament li jiżdied l-għadd ta’ każijiet ta’ bdil – iżda pjuttost li jsir aktar faċli li wieħed jibdel sabiex tiżdied il-kompetizzjoni. Minħabba d-disponibbiltà ġenerali ta’ servizz ta’ bdil (li jiffunzjona tajjeb), l-għan li jsir aktar faċli li wieħed jibdel jidher li ntlaħaq. Madankollu, jista’ jkun utli li jittieħdu miżuri addizzjonali, b’mod partikolari biex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-dritt tagħhom li jibdlu kont tal-ħlas.
B’kuntrast ma’ sitwazzjonijiet domestiċi, bħalissa ma hemm l-ebda servizz ta’ bdil għal każijiet li jinvolvu fornituri ta’ servizzi ta’ pagament minn Stati Membri differenti. Minflok, l-Artikolu 11 jobbliga biss lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament trasferenti jipprovdi assistenza (eż. jipprovdi informazzjoni u jittrasferixxi l-fondi) lill-konsumaturi meta jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jiftħu kont tal-ħlas ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jinsab fi Stat Membru ieħor. Kif muri fl-Istudju 1 ta’ Deloitte, il-livell ta’ interess fl-aċċess transfruntier għal kont tal-ħlas tal-konsumaturi huwa baxx, għalkemm jista’ jkun qiegħed jiżdied minħabba t-tixrid tan-neobanek. Xi fatturi li jistgħu jkunu qegħdin jaffettwaw il-livell ta’ interess jistgħu jkunu preferenza li wieħed ikun fiżikament qrib bank, ostakli lingwistiċi u l-fatt li l-kontijiet domestiċi jistgħu jintużaw madwar l-UE kollha.
5.VALUTAZZJONI TA’ MIŻURI ULTERJURI POSSIBBLI DWAR IL-BDIL
5.1.Fattibbiltà tal-estensjoni tas-servizz tal-bdil fl-Artikolu 10 għall-bdil transfruntier
L-estensjoni tas-servizz tal-bdil għal każijiet transfruntiera tagħmilha aktar faċli li wieħed jibdel il-kontijiet tal-ħlas għal Stati Membri oħrajn u faċli li wieħed jaqleb fi ħdan Stat Membru wieħed u fl-istess Stat Membru.
Hemm diversi modi differenti biex jiġi estiż is-servizz ta’ bdil attwali għal każijiet fi Stat Membru wieħed għal każijiet ta’ bdil bejn żewġ Stati Membri (eż. l-interkonnessjoni tas-servizzi ta’ bdil differenti fil-livell nazzjonali jew il-ħolqien ta’ servizz ta’ bdil standardizzat madwar l-UE kollha li jissostitwixxi s-sistemi eżistenti għall-bdil domestiku). Din it-tieni għażla timplika proċess aktar effiċjenti iżda tinvolvi trasformazzjoni tal-IT aktar radikali għall-partijiet ikkonċernati differenti.
Iż-żewġ għażliet ikunu teknikament fattibbli. Madankollu, abbażi tar-rati stmati tal-bdil, il-kost mistenni (kost ta’ darba flimkien mal-kost rikorrenti) fil-biċċa l-kbira jkun akbar mill-benefiċċji mistennija: il-kostijiet ta’ darba taż-żewġ għażliet ġew stmati li jilħqu madwar EUR 840 miljun, u l-kostijiet rikorrenti ġew stmati li jilħqu madwar EUR 158 miljun fis-sena
. Madankollu, il-benefiċċji (rikorrenti) (prinċipalment għall-konsumaturi) ikunu biss ta’ madwar EUR 41 miljun fis-sena
. Barra minn hekk, minħabba l-livell baxx (mistenni) ta’ bdil transfruntier, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi ma jarawx l-estensjoni tas-servizz ta’ bdil għal każijiet transfruntiera bħala prijorità (filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jaraw l-ebda vantaġġ u jindikaw ostakli lingwistiċi, distanza fiżika u ostakli oħrajn).
5.2.Fattibbiltà ta’ qafas għal ridirezzjoni awtomatizzata tal-pagamenti
Qafas għal ridirezzjoni awtomatizzata tal-pagamenti jiżgura li, għal ċertu perjodu ta’ żmien wara li konsumatur ikun bidel il-kontijiet tal-pagamenti, il-pagamenti għall-kont preċedenti (“antik”) jiġu ridiretti lejn il-kont il-ġdid tagħhom. Dan inaqqas it-tħassib possibbli billi jipprovdi riassigurazzjoni addizzjonali li l-pagamenti li jkunu deħlin jaslu fil-kont it-tajjeb. Dan jagħmilha wkoll aktar faċli li wieħed jibdel u b’hekk iżid il-kompetizzjoni. Tali servizz ta’ ridirezzjoni awtomatizzata diġà jeżisti fin-Netherlands bħala karatteristika addizzjonali tas-servizz ta’ bdil domestiku. Qafas għal ridirezzjoni awtomatizzata tal-pagamenti jista’ jiġi stabbilit domestikament fi ħdan l-Istati Membri individwali jew fi ħdan l-UE kollha kemm hi. L-istabbiliment ta’ tali qafas fil-livell tal-UE l-ewwel ikun jirrikjedi l-istabbiliment ta’ servizz tal-bdil transfruntier. Tali qafas jista’ jiġi stabbilit b’għadd ta’ modi differenti (eż. sistema li fiha jiġu inklużi dettalji tal-kont il-ġdid fil-messaġġi ta’ żball mibgħuta lill-banek li jkunu qegħdin jippruvaw jagħmlu trasferiment għal kont magħluq; sistema li fiha t-tabelli ta’ ridirezzjoni jiġu integrati fis-sistemi tar-rotot tal-banek; u l-istabbiliment ta’ magna tal-ikklerjar ċentrali separata għall-ġestjoni tal-informazzjoni dwar il-bdil).
Madankollu, abbażi tar-rati stmati tal-bdil, il-kostijiet mistennija (kostijiet ta’ darba flimkien ma’ kostijiet rikorrenti) ikunu fil-biċċa l-kbira akbar mill-benefiċċji mistennija. Il-kostijiet ta’ darba ta’ kwalunkwe waħda mill-għażliet ġew stmati li jilħqu bejn EUR 1 u 5 biljun. Il-kostijiet rikorrenti annwali tal-għażliet ivarjaw minn EUR 228 miljun għal EUR 782 miljun għar-ridirezzjoni awtomatizzata fil-livell domestiku, u minn EUR 461 miljun għal EUR 1 biljun għar-ridirezzjoni awtomatizzata fil-livell tal-UE flimkien ma’ servizz tal-bdil. Madankollu, il-benefiċċji (rikorrenti annwali) (prinċipalment għall-konsumaturi) ikunu biss ta’ madwar EUR 80 miljun għar-ridirezzjoni awtomatizzata fil-livell domestiku u EUR 154 miljun għar-ridirezzjoni awtomatizzata fil-livell tal-UE
.
5.3.Valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-portabbiltà sħiħa fl-UE kollha tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas
Il-portabbiltà sħiħa tan-numri tal-kontijiet madwar l-UE kollha tkun tfisser li jkun possibbli li jinżamm l-istess numru tal-kont tal-ħlas meta jinbidlu l-kontijiet tal-ħlas fi ħdan l-UE. Il-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn jinnotifikaw lill-kredituri u/jew lid-debituri li jkollhom tranżazzjonijiet rikorrenti magħhom dwar in-numru l-ġdid tal-kont tal-ħlas tagħhom, u l-kredituri/id-debituri tagħhom ma jkollhomx bżonn jaġġornaw is-sistemi ta’ kontabilità tagħhom. Iż-żamma tal-istess numru tal-kont tipprovdi lill-konsumaturi bl-assigurazzjoni li l-pagamenti kollha li jidħlu jispiċċaw fil-kont tal-ħlas it-tajjeb. Dan inaqqas it-tħassib eventwali u jagħmel il-bdil aktar faċli mhux biss fuq livell domestiku iżda wkoll bejn il-fruntieri. Dan jippromwovi l-kompetizzjoni.
Il-portabbiltà tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas tista’ tiġi organizzata b’modi differenti. Waħda mill-għażliet tkun il-portabbiltà ta’ IBAN eżistenti li jkun marbut ma’ IBAN ġdid fil-back-end (il-konsumatur mhux neċessarjament ikun jaf b’dan). Għażla alternattiva tkun il-ħolqien ta’ isem li jista’ jkun marbut ma’ IBAN eżistenti u li jiġi kkomunikat lid-debituri/lill-kredituri. Meta jibdel il-kontijiet, il-psewdonimu (jiġifieri l-front-end) jista’ jkun marbut ma’ IBAN ġdid fil-back-end (għal darba oħra l-konsumatur mhux bilfors ikun jaf b’dan). It-tielet għażla u dik aktar fundamentali tkun li l-IBANs eżistenti kollha jiġu sostitwiti b’IBANs ġodda tal-UE (numru tal-kont portabbli ġdid). Din hija l-unika għażla li fiha n-numru tal-kont ikun verament portabbli u tkun tirrikjedi biss lill-BIC bħala identifikatur back-end biex il-banek ikunu jistgħu jidentifikaw fejn jinsab il-kont.
Abbażi tar-rati stmati tal-bdil, il-kostijiet mistennija (il-kostijiet ta’ darba flimkien mal-kostijiet rikorrenti) fil-biċċa l-kbira jkunu akbar mill-benefiċċji mistennija. Il-kostijiet ta’ darba ġew stmati li jilħqu bejn EUR 7 u 22 biljun u l-kostijiet rikorrenti għal dawn l-għażliet li jilħqu madwar biljun euro fis-sena. Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji (rikorrenti) (prinċipalment għall-konsumaturi u għall-kredituri/għad-debituri) ikunu biss bejn EUR 151 miljun u EUR 242 miljun fis-sena
.
Kif muri mill-Istudju 1 ta’ Deloitte, l-organizzazzjonijiet settorjali ma jqisux il-portabbiltà tan-numri tal-kontijiet bħala influwenti ħafna għall-bdil. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom fehmiet imħallta iżda ma jarawx il-ħolqien ta’ servizz tal-bdil transfruntier bħala prijorità.
Abbażi tar-riżultat tal-istudju, huwa ċar li dawn il-miżuri addizzjonali possibbli jistgħu jagħmluha saħansitra aktar faċli biex jinbidlu l-kontijiet tal-ħlas fl-UE. Madankollu, minħabba li l-kost fil-preżent huwa ferm akbar mill-benefiċċji mistennija tagħhom, dawn jistgħu ma jidhrux ġustifikabbli f’dan l-istadju.
6.EFFETTIVITÀ TAL-MIŻURI EŻISTENTI U L-ĦTIEĠA TA’ MIŻURI ADDIZZJONALI BIEX TIŻDIED L-INKLUŻJONI FINANZJARJA U BIEX JIĠU MEGĦJUNA L-PERSUNI VULNERABBLI FIR-RIGWARD TAD-DEJN EĊĊESSIV
L-aċċess għal kont tal-ħlas huwa essenzjali jekk in-nies għandhom jipparteċipaw fl-ekonomija u fis-soċjetà. Huwa għodda vitali għall-inklużjoni finanzjarja. Fl-UE, il-perċentwal ta’ konsumaturi li għandhom kont tal-ħlas huwa ġeneralment għoli (ħafna). Skont l-aħħar Global Findex Database mill-2021, medja ta’ 95 % taċ-ċittadini fl-UE ta’ 15-il sena jew aktar għandhom tal-anqas kont wieħed tal-ħlas
. Dan il-proporzjon żdied f’dawn l-aħħar snin (b’erba’ punti perċentwali mill-2017). Dan jista’ jkun minħabba fatturi differenti: il-finanzi diġitali, il-wasla ta’ kontijiet diġitali mingħajr ħlas, u l-fatt li l-PAD tipprovdi d-dritt għal kont tal-bank bażiku.
Madankollu, il-Global Findex Database tal-2021 turi differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Filwaqt li aktar minn 95 % tal-popolazzjoni (ta’ 15-il sena jew aktar) għandha kont tal-ħlas f’bosta Stati Membri, dan il-proporzjon huwa ferm aktar baxx f’xi Stati Membri oħrajn
. Il-Global Findex Database ssottolinjat ukoll id-differenzi bejn it-tipi ta’ konsumaturi, b’mod partikolari l-persuni vulnerabbli. L-Istudju 1 ta’ Deloitte wera wkoll li l-organizzazzjonijiet settorjali u tal-konsumaturi jqisu li l-fatt li persuna mingħajr dar u li hija immigrant huwa l-ogħla riskju li ma jkollhiex kont tal-ħlas. Il-PAD diġà tipprevedi dritt ġuridiku għal PABF (inkluż għal persuni vulnerabbli) b’tariffa raġonevoli. Il-kwistjoni ta’ jekk il-PAD tkunx teħtieġ li tiġi emendata jew le sabiex tissaħħaħ ulterjorment l-inklużjoni finanzjarja, pereżempju fir-rigward tat-tariffi ta’ PABF, se tiġi vvalutata f’aktar dettall f’konformità ma’ standards ta’ regolamentazzjoni aħjar. Miżuri mhux leġiżlattivi addizzjonali bħal-linji gwida tal-EBA dwar l-interazzjoni bejn l-AMLD u l-PAD, u miżuri ta’ sensibilizzazzjoni f’xi Stati Membri jistgħu jkunu utli.
Id-diġitalizzazzjoni tista’ toħloq ostakli addizzjonali għall-inklużjoni finanzjarja. Id-diġitalizzazzjoni tista’ b’xi mod tgħin biex tiżdied l-inklużjoni finanzjarja (eż. permezz ta’ aċċess online għas-servizzi bankarji fi kwalunkwe ħin), iżda ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tista’ tinvolvi wkoll tnaqqis fl-aċċess fiżiku (għall-fergħat u l-ATMs) u tista’ toħloq diffikultajiet għall-konsumaturi li jew ma jkunux litterati b’mod diġitali jew li ma jkollhom l-ebda aċċess għal apparat diġitali. Fil-fatt, it-tnaqqis fl-għadd ta’ ATMs u ta’ uffiċċji tal-fergħat f’dawn l-aħħar snin naqqas id-disponibbiltà ta’ servizzi bażiċi ta’ ħlas
. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’diversi modi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex trawwem il-litteriżmu finanzjarju (fil-limiti tal-kompetenza tagħha fit-Trattat). Flimkien mal-OECD, il-Kummissjoni żviluppat qafas ta’ kompetenza finanzjarja għall-adulti
, li speċifikament ikopri l-litteriżmu finanzjarju diġitali. Il-Kummissjoni u l-OECD issa qegħdin jaħdmu fuq qafas ta’ kompetenza simili għaż-żgħażagħ. Kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni tal-unjoni tas-swieq kapitali
, il-Kummissjoni qiegħda tivvaluta wkoll il-possibbiltà li tintroduċi rekwiżit għall-Istati Membri biex jippromwovu miżuri ta’ tagħlim li jappoġġaw l-edukazzjoni finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab lesta li tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-qasam tal-litteriżmu u l-inklużjoni finanzjarja permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. Sal-lum, dan ipprovda madwar 20 proġett ta’ appoġġ tekniku li jvarjaw minn suġġetti usa’ bħall-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ litteriżmu finanzjarju għal oqsma aktar iffukati li jkopru t-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-investituri fil-livell tal-konsumatur jew il-litteriżmu diġitali. Kif stabbilit hawn fuq (il-punt 3.3), il-ħidma fuq l-aċċess għall-flus kontanti u l-aċċettazzjoni tagħhom qiegħda ssir.
Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet studju dwar id-dejn eċċessiv tal-konsumaturi tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu. L-istudju se jagħti ħarsa ġenerali lejn id-dejn eċċessiv tal-unitajiet domestiċi u tal-konsumaturi tal-UE, filwaqt li jqis l-impatt tal-COVID-19 fuq id-dejn eċċessiv tal-unitajiet domestiċi.
7.EŻEMPJI TAL-AĦJAR PRATTIKI FOST L-ISTATI MEMBRI GĦAT-TNAQQIS TAL-ESKLUŻJONI TAL-KONSUMATUR MINN AĊĊESS GĦAL SERVIZZI TA’ ĦLAS.
L-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri differenti – biex jittrasponu l-PAD u biex jevitaw jew jillimitaw l-esklużjoni finanzjarja mill-aċċess għas-servizzi ta’ ħlas – li jistgħu jservu bħala l-aħjar prattiki.
Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal PABF u sabiex tiġi evitata l-esklużjoni, tal-anqas Stat Membru wieħed għandu mekkaniżmu biex jaħtar istituzzjoni ta’ kreditu speċifika biex tipprovdi PABF lil konsumatur li l-applikazzjonijiet tiegħu għal PABF ġew irrifjutati. Tali mekkaniżmu jista’ jagħmilha ħafna aktar faċli li jinkiseb aċċess għal PABF fil-prattika, b’mod partikolari għall-konsumaturi li huma vulnerabbli jew eliminati minn xi banek minħabba riskji. Ftit Stati Membri ħarġu gwida lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar l-interazzjoni tar-rekwiżiti tal-PAD u tal-AML/CFT għal każijiet li fihom il-klijenti ma għandhomx indirizz fiss jew dokumentazzjoni standard. Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-dokumenti tal-identità, fi Stat Membru wieħed ġiet stabbilita sistema sabiex il-ħaddiema soċjali jkunu jassiguraw l-identità ta’ persuna mingħajr dar li tkun qiegħda tfittex li tiftaħ kont tal-ħlas.
Sabiex jiġi limitat il-kost ta’ PABF, xi Stati Membri jirrikjedu li l-PABFs jiġu pprovduti mingħajr ħlas lil kulħadd jew sempliċiment lil gruppi partikolarment vulnerabbli. F’każijiet oħrajn, l-Istati Membri stabbilew limiti ċari u baxxi għat-tariffi – pereżempju, f’termini assoluti jew f’termini relattivi (eż. b’rabta ma’ kontijiet tal-ħlas oħrajn). Stati Membri oħrajn stabbilew skemi ta’ pprezzar differenti biex jagħtu kundizzjonijiet aktar favorevoli lil konsumaturi vulnerabbli.
Sabiex iżidu l-għarfien, diversi Stati Membri ħadu azzjoni biex jinfurmaw lill-konsumaturi u jżidu l-għarfien tagħhom dwar il-PABFs, b’mod partikolari permezz ta’ fuljetti, gwidi u informazzjoni fuq is-siti web. L-Istati Membri żviluppaw ukoll bosta inizjattivi biex itejbu l-inklużjoni finanzjarja permezz ta’ programmi differenti ta’ litteriżmu finanzjarju
.
8.KONKLUŻJONI
L-objettivi tal-PAD huma li (1) tinħoloq trasparenza u li tiġi żgurata l-komparabbiltà tat-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas, (2) jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-kontijiet tal-ħlas (b’karatteristiċi bażiċi) u (3) ikun aktar faċli li jibdlu l-kontijiet tal-ħlas.
B’mod ġenerali, il-PAD għenet biex jinħolqu t-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas. B’mod partikolari, din żgurat livell minimu ta’ armonizzazzjoni, b’mod partikolari billi stabbiliet terminoloġija standardizzata (li hija parzjalment uniformi fil-livell tal-UE), mudelli komuni għar-rapportar dwar it-tariffi marbuta mal-kontijiet tal-ħlas, proċess ta’ bdil uniformi, u dritt ta’ aċċess fil-livell tal-UE għall-PABFs. Madankollu, xi Stati Membri ħolqu saff addizzjonali ta’ leġiżlazzjoni ġdida meta ttrasponew il-PAD – minflok ma ssostitwew il-leġiżlazzjoni eżistenti – u dan jagħmel il-qafas regolatorju nazzjonali u tal-UE aktar frammentat. L-aktar konsegwenza mhux intenzjonata importanti ta’ dan kienet id-duplikazzjoni ta’ dokumenti dwar il-livelli tat-tariffi tal-kontijiet tal-ħlas fl-Istati Membri fejn diġà kienu jeżistu dokumenti bl-istess informazzjoni. Il-miżuri mressqa mill-PAD (b’mod partikolari s-siti web ta’ tqabbil) jistgħu jtejbu t-trasparenza u l-kapaċità tal-konsumaturi li jqabblu t-tariffi. Madankollu, xi aspetti għadhom jirrikjedu titjib, u t-trasparenza u t-tqabbil fuq livell transfruntier għadhom ma humiex possibbli minħabba d-differenzi fit-terminoloġija użata u minħabba l-ostakli lingwistiċi.
Il-PAD żgurat ukoll li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-PABFs li jiġu offruti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jew minn bosta minnhom f’kull Stat Membru. Il-perċentwal ta’ konsumaturi tal-UE li għandhom kont tal-ħlas huwa ġeneralment għoli (ħafna) u kompla jiżdied mid-dħul fis-seħħ tal-PAD ’l hawn. Il-PABFs infetħu b’mod konsiderevoli f’xi Stati Membri. Pereżempju, kien hemm adozzjoni sinifikanti f’xi wħud mill-Istati Membri li qabel kellhom perċentwal ogħla tal-popolazzjoni tagħhom mingħajr kont tal-ħlas. Madankollu, il-ftuħ kien pjuttost baxx f’xi oħrajn. Jista’ jkun hemm raġunijiet differenti għall-għadd relattivament baxx ta’ ftuħ (eż. il-kontijiet standard huma aċċessibbli ħafna, kontijiet online mingħajr ħlas, nuqqas ta’ konsumaturi u f’xi każijiet il-kost li wieħed ikollu PABF). Madankollu, il-PAD mhux neċessarjament kellha l-għan li timmira lejn il-ftuħ ta’ ħafna PABFs, iżda pjuttost li ttejjeb l-inklużjoni finanzjarja u li tiżgura li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għal PABF. Minħabba d-disponibbiltà ġenerali tal-PABFs, dan l-objettiv jidher li ġeneralment intlaħaq. Madankollu, jista’ jkun hemm diffikultajiet f’każijiet speċifiċi. L-EBA pprovdiet gwida addizzjonali dwar l-interazzjoni bejn il-PAD u r-regoli kontra l-ħasil tal-flus. Miżuri addizzjonali jistgħu jkunu utli wkoll, b’mod partikolari biex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-dritt tagħhom għal PABF.
Il-PAD ippermettiet ukoll lill-konsumaturi kollha tal-UE jibdlu faċilment il-kontijiet fuq livell domestiku, spiss mingħajr ħlas. Kif juri r-rapport tal-Artikolu 27, hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri differenti fl-għadd ta’ każijiet ta’ bdil annwali. Kien hemm xi każijiet ta’ bdil f’xi Stati Membri (b’xejra li qiegħda tiżdied f’diversi każijiet), iżda l-livell ta’ bdil kien baxx ħafna fi Stati Membri oħrajn. Dan jista’ jkun minħabba għadd ta’ fatturi differenti, inkluż il-fatt li s-servizz tal-bdil japplika biss għal kontijiet tal-ħlas (iżda mhux għal prodotti finanzjarji oħrajn, bħal self ipotekarju u investimenti) u għarfien limitat tal-konsumatur dwar is-servizz tal-bdil – iżda wkoll minħabba s-sodisfazzjon bil-fornitur attwali u l-fatt li xi konsumaturi qatt ma kkunsidraw il-bdil. Madankollu, l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-bdil tal-PAD ma kienx neċessarjament li jiżdied l-għadd ta’ bdil, iżda pjuttost li tiżdied il-kompetizzjoni billi jsir aktar faċli għall-konsumaturi li jibdlu l-kontijiet tal-ħlas. Minħabba d-disponibbiltà ġenerali ta’ servizz tal-bdil (li jiffunzjona tajjeb), l-għan li jsir aktar faċli li wieħed jibdel jidher li ntlaħaq. Miżuri addizzjonali jistgħu jkunu utli, b’mod partikolari biex iżidu l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-dritt tagħhom li jibdlu.
Jistgħu jittieħdu miżuri addizzjonali biex ikun saħansitra aktar faċli li wieħed jibdel fi ħdan l-UE fil-futur (jiġifieri l-estensjoni tas-servizz tal-bdil għal każijiet transfruntiera; l-iżgurar ta’ ridirezzjoni awtomatizzata tal-pagamenti fl-istess Stat Membru, jew lejn u minn Stat Membru ieħor; jew l-iżgurar tal-portabbiltà sħiħa madwar l-UE tan-numri tal-kontijiet tal-ħlas). Madankollu, minħabba li l-kost ta’ dawn il-miżuri fil-biċċa l-kbira jkun akbar mill-benefiċċji mistennija tagħhom fil-preżent, dawn jistgħu ma jidhrux ġustifikabbli f’dan l-istadju.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma tippreżenta l-ebda proposta leġiżlattiva flimkien ma’ dan ir-rapport. Il-fatt jekk il-PAD teħtieġx li tiġi emendata se jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat f’aktar dettall u f’konformità ma’ standards ta’ regolamentazzjoni aħjar fi stadju aktar tard u filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-Linji Gwida tal-EBA dwar l-interazzjoni bejn ir-regoli tal-PAD u tal-AML. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri.