Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0849

Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 141, 5.6.2015, p. 73–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj

5.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/73


DIRETTIVA (UE) 2015/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Mejju 2015

dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-flussi ta' flus illeċiti jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju, u jheddu s-suq intern tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali. Il-ħasil ta' flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi sinifikanti li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Minbarra l-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali fil-livell tal-Unjoni, il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija indispensabbli u tista' tipproduċi riżultati komplementari.

(2)

Is-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi jistgħu jkunu mhedda b'mod serju bl-isforzi tal-kriminali u l-assoċjati tagħhom biex jaħbu l-oriġini tar-rikavat kriminali jew biex jinkanalaw flus legali jew illegali għal finijiet terroristiċi. Sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom, dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-movimenti tal-kapital u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji li jirriżultaw mill-qasam finanzjarju integrat tal-Unjoni. Għalhekk, ċerti miżuri ta' koordinazzjoni huma meħtieġa fil-livell tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-objettivi tal-protezzjoni tas-soċjetà mill-kriminalità u l-protezzjoni tal-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għandhom jitqiesu fid-dawl tal-ħtieġa li jinħoloq ambjent regolatorju li jippermetti li l-kumpanniji jkabbru n-negozji tagħhom mingħajr ma jeħlu spejjeż ta' konformità sproporzjonati.

(3)

Din id-Direttiva hija r-raba' Direttiva li tindirizza t-theddid tal-ħasil tal-flus. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE (4) iddefinixxiet il-ħasil tal-flus f'termini ta' reati marbutin mad-drogi u imponiet obbligi biss fuq is-settur finanzjarju. Id-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/308/KEE kemm f'termini tar-reati, kif ukoll f'termini tal-firxa ta' professjonijiet u l-attivitajiet koperti. F'Ġunju 2003, it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) irreveda r-Rakkomandazzjonijiet tiegħu biex ikopri l-finanzjament tat-terroriżmu, u ppreveda rekwiżiti aktar dettaljati fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-verifika ta' klijenti, is-sitwazzjonijiet fejn riskju ogħla ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jista' jiġġustifika miżuri msaħħa kif wkoll sitwazzjonijiet fejn riskju mnaqqas jista' jiġġustifika kontrolli inqas rigorużi. Dawk il-bidliet ġew riflessi fid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (7).

(4)

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu spiss jitwettqu f'kuntest internazzjonali. Miżuri adottati biss fil-livell nazzjonali jew anki fil-livell tal-Unjoni, mingħajr ma jieħdu kont tal-koordinazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali, ikollhom effetti limitati ħafna. Il-miżuri adottati mill-Unjoni f'dak il-qasam għandhom ikunu għalhekk kompatibbli ma', u mill-inqas strinġenti daqs, azzjonijiet oħra mwettqa f'fora internazzjonali. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF, u ta' strumenti ta' korpi internazzjonali oħra attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-att leġislattivi rilevanti tal-Unjoni għandhom, fejn adatt, ikunu allinjati mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF” ).

(5)

Barra minn hekk, l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja sabiex flus illeċiti jew anki flus legali jiġu nkanalati għal finijiet terroristiċi huwa riskju ċar għall-integrità, il-funzjonament korrett, ir-reputazzjoni u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-miżuri preventivi stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom jindirizzaw il-manipulazzjoni ta' flus derivati mill-kriminalità serja u l-ġbir ta' flus jew proprjetà għal finijiet terroristiċi.

(6)

L-użu ta' pagamenti kbar fi flus kontanti huwa vulnerabbli ħafna għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Sabiex tiżdied il-viġilanza u jiġu mitigati r-riskji li jirriżultaw minn tali pagamenti bi flus kontanti, persuni li jinnegozjaw il-prodotti għandhom ikunu koperti minn din id-Direttiva sal-punt li jagħmlu jew jirċievu pagamenti bi flus kontanti ta' EUR 10 000 jew aktar. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi, limitazzjonijiet ġenerali addizzjonali għall-użu tal-flus kontanti u dispożizzjonijiet ulterjuri aktar stretti.

(7)

L-użu ta' prodotti tal-flus elettroniċi huwa dejjem aktar ikkunsidrat bħala sostitut għall-kontijiet bankarji li, b'żieda mal-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jiġġustifika li dawk il-prodotti jkunu soġġetti għall-obbligi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT). Madankollu, f'ċerti ċirkostanzi ppruvati li għandhom riskju żgħir u taħt kondizzjonijiet stretti ta' mitigazzjoni tar-riskju, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jeżentaw il-prodotti ta' flus elettroniċi minn ċerti miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, bħalma huma l-identifikazzjoni u l-verifika tal-klijent u tas-sid benefiċjarju iżda mhux mill-monitoraġġ ta' transazzjonijiet jew ta' relazzjonijiet ta' negozju. Il-kondizzjonijiet tal-mitigazzjoni tar-riskju għandhom jinkludu rekwiżit li l-prodotti ta' flus elettroniċi eżentati għandhom jintużaw esklużivament għax-xiri ta' oġġetti jew servizzi, u li l-ammont maħżun elettronikament ikun baxx biżżejjed biex ma jħallix li r-regoli tal-AML/CFT jiġu evitati. Tali eżenzjoni hija mingħajr ħsara għas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri li jippermettu lill-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw miżuri simplifikati ta' diliġenza dovuta tal-klijenti għal prodotti ta' flus elettroniċi li jippreżentaw inqas riskji, skont l-Artikolu 15.

(8)

Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b'obbligu li huma soġġetti għal din id-Direttiva, l-aġenti immobiljari jistgħu jinftiehmu li jinkludu aġenti tal-kirjiet, fejn applikabbli.

(9)

Il-professjonisti legali, kif definiti mill-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għal din id-Direttiva meta jipparteċipaw fi transazzjonijiet finanzjarji jew korporattivi, inkluż meta jagħtu pariri dwar it-taxxa, fejn ikun hemm l-akbar riskju li s-servizzi ta' dawk il-professjonisti legali jintużaw ħażin għall-fini tal-ħasil tar-rikavat ta' attività kriminali jew għall-fini ta' finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, għandu jkun hemm eżenzjonijiet minn kwalunkwe obbligu ta' rappurtaġġ ta' informazzjoni miksuba qabel, matul jew wara proċedimenti ġudizzjarji, jew matul il-proċess li tiġi aċċertata l-pożizzjoni legali ta' klijent. Għaldaqstant, il-parir legali għandu jibqa' soġġett għall-obbligu tas-sigriet professjonali, ħlief fejn il-professjonist legali ma jkunx qed jieħu sehem fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat-terroriżmu, il-parir legali ma jingħatax għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-professjonist legali ma jkun jaf li l-klijent qed ifittex parir legali għal finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.

(10)

Servizzi li huma direttament komparabbli għandhom ikunu trattati bl-istess mod meta jingħataw minn kwalunkwe wieħed mill-professjonisti koperti b'din id-Direttiva. Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jiġu rrispettati, fil-każ ta' awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa li, f'xi Stati Membri, għandhom id-dritt li jiddefendu jew jirrappreżentaw klijent fil-kuntest ta' proċedimenti legali jew jaċċertaw il-pożizzjoni legali tal-klijent, l-informazzjoni li huma jiksbu fit-twettiq ta' dawk il-kompiti ma għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi ta' rappurtar stipulati f'din id-Direttiva.

(11)

Huwa importanti espressament li ssir enfasi li “reati fiskali” relatati ma' taxxi diretti u indiretti huma inklużi fid-definizzjoni wiesa' ta' “attività kriminali” f'din id-Direttiva, f'konformità mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF. Billi f'kull Stat Membru jistgħu jiġu indikati reati fiskali differenti bħala li jikkostitwixxu “attività kriminali” punibbli permezz tas-sanzjonijiet kif imsemmi fil-punt (4)(f) tal-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ta' reati fiskali jistgħu jvarjaw. Filwaqt li mhi qed tintalab l-ebda armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet ta' reati fiskali fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jippermettu, sal-aktar grad possibbli taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, l-iskambju ta' informazzjoni jew l-għoti ta' assistenza bejn l-Unitajiet ta' Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-UE.

(12)

Jeħtieġ li tiġi identifikata kwalunkwe persuna fiżika li teżerċita sjieda jew kontroll fuq entità ġuridika. Sabiex tiġi żgurata trasparenza effettiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun koperta l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' entitajiet ġuridiċi inkorporati jew maħluqa minn kwalunkwe mekkaniżmu ieħor fit-territorju tagħhom. Filwaqt li perċentwal speċifiku ta' parteċipazzjoni azzjonarja jew ta' sjieda ma jirriżultax awtomatikament fl-individwazzjoni tas-sid benefiċjarju, dan għandu jkun fattur ta' evidenza fost oħrajn li għandu jittieħed kont tiegħu. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li perċentwal iktar baxx jista' jkun indikazzjoni ta' sjieda jew kontroll.

(13)

L-identifikazzjoni u l-verifika tas-sidien benefiċjarji għandhom, fejn rilevanti, jestendu għal entitajiet ġuridiċi li huma s-sidien ta' entitajiet ġuridiċi oħrajn u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom ifittxu l-persuna fiżika jew persuni fiżiċi li jeżerċitaw il-kontroll finali permezz ta' sjieda jew permezz ta' mezzi oħra tal-entità ġuridika li tkun il-klijent. Il-kontroll permezz ta' mezzi oħra jistgħu, fost oħrajn, jinkludi l-kriterji ta' kontroll użati għall-finijiet tat-tħejjija ta' rapporti finanzjarji konsolidati, bħal permezz ta' ftehim tal-azzjonisti, l-eżerċizzju ta' influwenza dominanti jew is-setgħa tal-ħatra ta' maniġment superjuri. Jista' jkun hemm każijiet fejn l-ebda persuna fiżika ma tkun identifikabbli li hija s-sid finali jew li teżerċita kontroll fuq entità ġuridika. F'każijiet eċċezzjonali bħal dawn l-entitajiet marbutin b'obbligu, wara li jkunu eżawrew kull mezz ieħor ta' identifikazzjoni, u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għal suspett, jistgħu jikkunsidraw lill-maniġment superjuri bħala s-sid(ien) benefiċjarju/i.

(14)

Il-ħtieġa għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sid benefiċjarju hija fattur importanti fil-lokalizzazzjoni ta' kriminali li inkella jkunu jistgħu jaħbu l-identità tagħhom wara struttura korporattiva. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li l-entitajiet inkorporati fit-territorju tagħhom f'konformità mal-liġi nazzjonali jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, flimkien ma' informazzjoni bażika bħall-isem u l-indirizz tal-kumpannija u l-prova ta' inkorporazzjoni u s-sjieda legali. Bil-ħsieb tat-titjib tat-trasparenza sabiex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta' entitajiet ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tiġi rreġistrata f'reġistru ċentrali li tinsab barra mill-kumpannija, f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu, għal dak il-fini, jużaw bażi tad-data ċentrali li jiġbor l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jew ir-reġistru tan-negozju jew reġistru ċentrali ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li entitajiet marbutin b'obbligu jkunu responsabbli li jżommu r-reġistru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha dik l-informazzjoni ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-UIF u tiġi provduta lill-entitajiet marbutin b'obbligu meta dawn tal-aħħar ikun qed jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni oħra li jkunu jistgħu juru interess leġittimu fir-rigward tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u r-reati predikati assoċjati, bħall-korruzzjoni, reati fiskali u l-frodi, jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Il-persuni li jkunu jistgħu juru interess leġittimu għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar in-natura u l-limitu tal-interess benefiċjarju miżmuma li tikkonsisti mil-piż approssimattiv tiegħu.

(15)

Għal dak il-għan, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jippermettu aċċess li huwa usa' mill-aċċess previst taħt din id-Direttiva.

(16)

Għandu jiġi żgurat l-aċċess f'waqtu għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja b'modi li jevitaw kwalunkwe riskju li tinġibed l-attenzjoni tal-kumpannija kkonċernata.

(17)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti fost it-tipi differenti ta' forom legali, il-fiduċjarji għandhom ukoll ikunu meħtieġa li jiksbu, iżommu u jipprovdu informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja lill-entitajiet marbutin b'obbligu li jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, u li jikkomunikaw dik l-informazzjoni lil reġistru ċentrali jew bażi tad-data ċentrali u għandhom jiddivulgaw l-istatus tagħhom lil-entitajiet marbutin b'obbligu. Entitajiet ġuridiċi bħal fondazzjonijiet u arranġamenti legali simili għal trusts għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ekwivalenti.

(18)

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal attivitajiet tal-entitajiet marbutin b'obbligu li jitwettqu bl-Internet.

(19)

It-teknoloġiji ġodda jipprovdu soluzzjonijiet li huma effikaċi fil-ħin kif ukoll kosteffikaċi lin-negozji u l-konsumaturi u għalhekk għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji. L-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom ikunu proattivi fil-ġlieda kontra modi ġodda u innovattivi tal-ħasil tal-flus.

(20)

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp huma mħeġġa jimplimentaw din id-Direttiva u jippubblikaw fis-sit web tiegħu politiki tal-AML/CFT, li jinkludu proċeduri dettaljati li jagħtu effett lil din id-Direttiva.

(21)

L-użu ta' servizzi tas-settur tal-logħob tal-azzard għall-ħasil tar-rikavat tal-attività kriminali huwa ta' tħassib. Sabiex jiġu mitigati r-riskji relatati mas-servizzi tal-logħob tal-azzard, din id-Direttiva għandha tistipula obbligu għall-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard li jippreżentaw riskji ikbar biex japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti għal transazzjonijiet singoli li jammontaw għal EUR 2 000 jew aktar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw l-istess limitu għall-ġbir ta' rebħiet, imħatri, inkluż permezz tax-xiri u l-iskambju ta' ċipep tal-logħob tal-azzard, jew it-tnejn. Il-fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard b'bini fiżiku, bħal casinos u postijiet għal-logħob tal-azzard, għandhom jiżguraw li diliġenza dovuta tal-klijenti, jekk issir fil-punt ta' dħul għall-bini, tista' tkun marbuta mat-transazzjonijiet imwettqa mill-klijent f'dak il-bini. Madankollu f'ċirkostanzi li ġew ippruvati li għandhom riskju żgħir, l-Istati Membri għandhom jippermettu li ċerti servizzi tal-logħob tal-azzard għandhom ikunu eżenti minn xi uħud mir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva jew minn kollha kemm huma. L-użu ta' eżenzjoni minn Stat Membru għandha tiġi kkunsidrata biss f'ċirkostanzi strettament limitati u ġustifikati, u fejn ir-riskji tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu jkunu baxxi. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju speċifika li wkoll tikkunsidra il-livell ta' vulnerabbiltà tat-transazzjonijiet applikabbli. Għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni. F'dik il-valutazzjoni tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif ikunu ħadu kont ta' kwalunkwe konklużjoni rilevanti fir-rapporti maħruġa mill-Kummissjoni fil-qafas tal-valutazzjoni tar-riskju sovranazzjonali.

(22)

Ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu mhuwiex l-istess f'kull każ. Għaldaqstant, għandu jintuża approċċ olistiku bbażat fuq ir-riskju. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju mhuwiex għażla permissiva bla bżonn għall-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b'obbligu. Dan jinvolvi l-użu tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' provi biex jiġu mmirati b'mod aktar effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċjaw l-Unjoni u dawk li joperaw fiha.

(23)

L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju huwa mirfud mill-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Unjoni jidentifikaw, jifhmu u jimmitigaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma jiffaċċjaw. L-importanza ta' approċċ sovranazzjonali għall-identifikazzjoni ta' riskji ġiet rikonoxxuta fil-livell internazzjonali, u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għandhom ikollhom il-kompitu li joħorġu opinjoni, permezz tal-Kumitat Konġunt tagħhom, dwar ir-riskji li jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-Unjoni.

(24)

Il-Kummissjoni qiegħda f'pożizzjoni tajba biex tirrevedi theddid transkonfinali speċifiku, li jista' jaffettwa s-suq intern u li ma jistax jiġi identifikat u miġġieled b'mod effettiv minn Stati Membri individwali. Għalhekk, din għandha tiġi inkarigata bir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-attivitajiet transkonfinali. L-involviment tal-esperti rilevanti, bħall-Grupp ta' Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-rappreżentanti mill-UIF, kif ukoll, fejn adatt, minn korpi oħra fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għall-effettività ta' dan il-proċess. Il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-esperjenzi nazzjonali huma wkoll sors importanti ta' informazzjoni għall-proċess. Tali valutazzjonijiet tar-riskji transkonfinali mill-Kummissjoni ma għandhomx jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali. Fi kwalunkwe każ, id-data għandha ssir kompletament anonima. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u dawk tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-data għandhom ikunu involuti biss jekk il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jkollha impatt fuq il-privatezza u l-protezzjoni tad-data ta' individwi.

(25)

Ir-riżultati ta' valutazzjonijiet tar-riskju għandhom, fejn adatt, ikunu disponibbli b'mod f'waqtu lill-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jifhmu, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskji tagħhom stess.

(26)

Barra minn hekk, sabiex jidentifikaw, jifhmu, jiġġestixxu u jimmitigaw aktar u aktar ir-riskji fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom lil xulxin, lill-Kummissjoni u lill-EBA, l-EIOPA u l-ESMA (l-“ASE”).

(27)

Meta tiġi applikata din id-Direttiva, ikun adatt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet ta' entitajiet marbutin b'obbligi iżgħar li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u li jiġi żgurat trattament li jkun adatt għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u n-natura tan-negozju.

(28)

Sabiex jiġi protett il-funzjonament korrett tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, is-setgħa li jiġu adottati att f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom defiċjenzi strateġiċi fir-reġimi nazzjonali AML/CFT tagħhom (il-“pajjiżi terzi b'riskju kbir”). In-natura li dejjem tinbidel tat-theddid tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, iffaċilitata minn evoluzzjoni kostanti tat-teknoloġija u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tal-kriminali, teħtieġ li jitwettqu adattamenti rapidi u kontinwi tal-qafas legali fir-rigward tal-pajjiżi terzi b'riskju kbir sabiex jiġu indirizzati b'mod effiċjenti r-riskji eżistenti u jiġi impedit li jinqalgħu oħrajn ġodda. Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi tal-istabbiliment ta' standards fil-qasam tal-AML/CFT, bħal stqarrijiet pubbliċi tal-FATF, rapporti ta' evalwazzjoni reċiproka jew ta' valutazzjoni dettaljata jew rapporti ta' segwitu ppubblikati, u jadattaw il-valutazzjonijiet tagħha għall-bidliet li jkun fihom, fejn ikun adatt.

(29)

L-Istati Membri għandhom mill-inqas jipprevedu miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġu applikati mill-entitajiet marbutin b'obbligu meta jittrattaw ma' persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi terzi b'riskju kbir identifikati mill-Kummissjoni. Id-dipendenza fuq partijiet terzi stabbiliti f'tali pajjiżi terzi b'riskju kbir għandha tkun ukoll ipprojbita. Il-pajjiżi li mhumiex inklużi fil-lista ma għandhomx awtomatikament jitqiesu bħala li għandhom sistemi tal-AML/CFT effettivi u l-persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'tali pajjiżi għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' sensittività għar-riskju.

(30)

Ir-riskju nnifsu huwa varjabbli fin-natura, u l-varjabbli, waħedhom jew meta kkombinati, jistgħu jżidu jew jnaqqsu r-riskju potenzjali maħluq, u b'hekk għandhom impatt fil-livell adatt ta' miżuri preventivi, bħal miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti. Għaldaqstant hemm ċirkostanzi fejn għandha tiġi applikata diliġenza dovuta msaħħa, u oħrajn fejn diliġenza dovuta simplifikata tista' tkun adatta.

(31)

Għandu jkun rikonoxxut li ċerti sitwazzjonijiet jippreżentaw riskju akbar ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Għalkemm l-identità u l-profil tan-negozju tal-klijenti kollha għandhom ikunu stabbiliti, hemm każijiet li għalihom ikunu meħtieġa proċeduri partikolarment rigorużi għall-identifikazzjoni u l-verifika tal-klijent.

(32)

Dan japplika b'mod partikolari għar-relazzjonijiet ma' individwi li għandhom jew li kellhom funzjonijiet pubbliċi importanti, fl-Unjoni jew fil-livell internazzjonali, u b'mod partikulari individwi minn pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija mifruxa. Relazzjonijiet bħal dawn jistgħu jesponu s-settur finanzjarju b'mod partikolari għal riskji sinifikanti legali u ta' reputazzjoni. L-isforz internazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġġustifika l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikulari għal tali persuni u li tiġi applikata diliġenza dovuta tal-klijenti adatta u msaħħa fir-rigward ta' persuni li għandhom jew li kellhom funzjonijiet pubbliċi prominenti f'livell lokali jew barra pajjiżhom u fir-rigward ta' persuni b'funzjonijiet ta' livell għoli f'organizzazzjonijiet internazzjonali.

(33)

Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw persuni politikament esposti huma ta' natura preventiva u mhux kriminali, u ma għandhomx jiġu interpretati li jistigmatizzaw lill-persuni politikament esposti bħala persuni li huma involuti f'attività kriminali. L-irrifjutar ta' relazzjoni ta' negozju ma' persuna sempliċiment abbażi tad-determinazzjoni li huwa jew hija persuna politikament esposta imur kontra l-kliem u l-ispirtu ta' din id-Direttiva u tar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FAFT.

(34)

Il-ksib ta' approvazzjoni mill-maniġment superjuri għat-twaqqif ta' relazzjonijiet ta' negozju ma għandux neċessarjament jimplika, fil-każijiet kollha, il-ksib ta' approvazzjoni mill-bord ta' diretturi. Għandu jkun possibbli li tali approvazzjoni tinkiseb minn xi ħadd b'għarfien suffiċjenti tal-iskopertura għar-riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni u ta' anzjanità suffiċjenti biex jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iskopertura għar-riskju.

(35)

Sabiex jiġu evitati proċeduri ripetuti ta' identifikazzjoni tal-klijent, li jwasslu għal dewmien u ineffiċjenza fin-negozju, ikun adatt, soġġett għal salvagwardji adattati, li jitħallew li jkunu introdotti klijenti li tkun saritilhom identifikazzjoni x'imkien ieħor sabiex isirilhom l-introduzzjoni mal-entitajiet marbutin b'obbligu. Fejn entità marbuta b'obbligu tistrieħ fuq parti terza, ir-responsabbiltà finali għad-diliġenza dovuta tal-klijenti għandha tibqa' fuq l-entità marbuta b'obbligu li lilha tkun saret l-introduzzjoni tal-klijent. Il-parti terza, jew il-persuna li tkun introduċiet il-klijent, għandha wkoll tibqa' responsabbli għall-konformità ma' din id-Direttiva, inkluż ir-rekwiżit li tirrapporta transazzjonijiet suspettużi u żżomm ir-rekords, sa fejn hi għandha relazzjoni mal-klijent koperta minn din id-Direttiva.

(36)

Fil-każ ta' relazzjonijiet ta' aġenzija jew ta' esternalizzazzjoni fuq bażi kontrattwali bejn entitajiet marbutin b'obbligu jew persuni esterni mhux koperti minn din id-Direttiva, kwalunkwe obbligu tal-AML/CFT fuq dawk l-aġenti jew fornituri tas-servizz ta' esternalizzazzjoni, bħala parti mill-entitajiet marbutin b'obbligu, jista' jirriżulta biss mill-kuntratt bejn il-partijiet u mhux minn din id-Direttiva. Għalhekk ir-responsabbiltà għall-konformità ma' din id-Direttiva għandha tibqa' primarjament mal-entità marbuta b'obbligu.

(37)

L-Istati Membri kollha stabbilixxew, jew għandhom, jistabbilixxu UIF operazzjonalment indipendenti u awtonomi sabiex jiġbru u janalizzaw l-informazzjoni li tkun waslitilhom bil-għan li jistabbilixxu rabtiet bejn transazzjonijiet suspettużi u l-attività kriminali sottostanti biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. UIF operazzjonalment indipendenti u awtonomu għandha tfisser li l-UIF ikollha l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha b'mod ħieles, inkluż id-deċiżjoni awtonoma biex tanalizza, titlob u tiddissemina informazzjoni speċifika. Transazzjonijiet suspettużi u informazzjoni rilevanti oħra dwar ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati u finanzjament tat-terroriżmu għandhom jiġu rrappurtati lill-UIF, li għandha sservi bħala unità ċentrali nazzjonali biex tirċievi, tanalizza, u tiddissemina lill-awtoritajiet kompetenti r-riżultati tal-analiżi tagħha. Għandhom jiġu rrappurtati t-transazzjonijiet suspettużi kollha, inkluż attentati ta' transazzjonijiet, irrispettivament mill-ammont tat-transazzjoni. L-informazzjoni rrappurtata tista' tinkludi wkoll informazzjoni abbażi ta' limitu.

(38)

B'deroga mill-projbizzjoni ġenerali kontra t-twettiq ta' transazzjonijiet suspettużi, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom ikunu jistgħu jesegwixxu transazzjonijiet suspettużi qabel ma jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti, fejn ikun impossibbli li ma ssirx tali esekuzzjoni jew fejn in-nuqqas ta' tali esekuzzjoni jista' jxekkel l-isforzi biex jinqabdu l-benefiċjarji ta' operazzjoni suspettata ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Dan, madankollu, għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali aċċettati mill-Istati Membri li jiffriżaw mingħajr dewmien fondi jew assi oħra ta' terroristi, ta' organizzazzjonijiet terroristiċi jew ta' dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu, skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(39)

Għal ċerti entitajiet marbutin b'obbligu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jinnominaw korp awtoregolatorju adatt tal-professjonijiet bħala l-awtorità li għanda tiġi informata fl-ewwel istanza minflok l-UIF. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sistema ta' rappurtar tal-ewwel istanza lil korp awtoregolatorju adatt tikkostitwixxi salvagwardja importanti għaż-żamma tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali b'rabta mal-obbligi ta' rappurtar applikabbli lill-avukati. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-mezzi u l-mod li bihom għandha tinkiseb il-protezzjoni tas-segretezza, il-kunfidenzjalità u l-privatezza professjonali.

(40)

Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jinnomina tali korp awtoregolatorju, huwa jista' jippermetti jew jesiġi li dak il-korp ma jagħti lill-UIF l-ebda informazzjoni miksuba mingħand persuni rappreżentati minn dak il-korp fejn tali informazzjoni tkun ġiet riċevuta minn, jew tkun inkisbet dwar, xi wieħed mill-klijenti tagħhom, fil-kors tal-aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew fil-qadi tal-funzjoni tagħhom li jiddefendu jew jirrappreżentaw dak il-klijent fi, jew fir-rigward ta', proċedimenti ġudizzjarji, inkluż l-għoti ta' parir dwar l-istituzzjoni ta', jew l-evażjoni minn, tali proċedimenti, kemm jekk tali informazzjoni tkun riċevuta jew miksuba qabel, matul jew wara tali proċedimenti.

(41)

Kien hemm għadd ta' każijiet fejn impjegati li rrappurtaw is-suspetti tagħhom ta' ħasil tal-flus kienu soġġetti għal theddid u azzjoni ostili. Għalkemm din id-Direttiva ma tistax tinterferixxi fil-proċeduri ġudizzjarji tal-Istati Membri, huwa kruċjali li tali kwistjoni tiġi indirizzata biex tkun żgurata l-effikaċja tas-sistema tal-AML/CFT. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji ta' din il-problema u għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex jipproteġu l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b'obbligu, minn tali theddid jew azzjoni ostili, u biex jipprovdu, f'konformità mal-liġi nazzjonali, protezzjoni adatta lil tali persuni, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom u d-dritt tagħhom tal-protezzjoni u r-rappreżentazzjoni ġudizzjarji effettivi.

(42)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), kif trasposta fil-liġi nazzjonali, tapplika għall-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet ta' din id-Direttiva.Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni ta' interess pubbliku importanti mill-Istati Membri kollha.Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, inkluż id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (14), kif implimentata fil-liġi nazzjonali.

(43)

Huwa essenzjali li l-allinjament ta' din id-Direttiva mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF jitwettaq f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta. Ċerti aspetti tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jinvolvu l-ġbir, l-analiżi, il-ħażna u l-kondiviżjoni ta' data. Tali pproċessar ta' data personali għandu jiġi permess filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, biss għall-finijiet stipulati f'din id-Direttiva, u għall-attivitajiet meħtieġa skont din id-Direttiva bħat-twettiq ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, il-monitoraġġ kontinwu, l-investigazzjoni u r-rappurtar ta' transazzjonijiet mhux tas-soltu u suspettużi, l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju ta' persuna ġuridika jew arranġament legali, l-identifikazzjoni ta' persuna politikament esposta, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet marbutin b'obbligu oħra. Il-ġbir u l-ipproċessar sussegwenti tad-data personali mill-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u d-data personali ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li jkun inkompatibbli ma' dik il-fini. B'mod partikolari, l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal raġunijiet kummerċjali għandu jkun projbit b'mod strett.

(44)

Ir-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FAFT juru li, sabiex ikunu jistgħu jikkooperaw b'mod sħiħ u jwieġbu malajr għat-talbiet ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom iżommu, għal mill-inqas ħames snin, l-informazzjoni meħtieġa miksuba permezz ta' miżuri tad-diliġenza dovuta tal-klijenti u r-rekords dwar it-transazzjonijiet. Sabiex jiġu evitati approċċi differenti u sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data personali u ċ-ċertezza legali, dak il-perijodu taż-żamma għandu jiġi ffissat għal ħames snin wara tmiem ir-relazzjoni ta' negozju jew ta' transazzjoni okkażjonali. Madankollu, jekk ikun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, u wara li titwettaq valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħha, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu jew jirrikjedu ż-żamma ulterjuri ta' rekords għal perijodu li ma jaqbiżx ħames snin addizzjonali, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għal investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin u l-proċedimenti legali. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li salvagwardji speċifiċi jiddaħħlu fis-seħħ biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data u għandhom jiddeterminaw liema persuni jew kategoriji ta' persuni jew awtoritajiet għandu jkollhom aċċess esklużiv għad-data miżmuma.

(45)

Għall-finijiet li tiġi żgurata l-amministrazzjoni adatta u effiċjenti tal-ġustizzja matul il-perijodu għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fl-ordnijiet legali nazzjonali tal-Istati Membri, u sabiex l-interazzjoni tagħha mal-liġijiet proċedurali nazzjonali tkun bla xkiel, l-informazzjoni u d-dokumenti pertinenti għall-proċedimenti legali li jinsabu għaddejjin għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu possibbli, li jkunu pendenti fl-Istati Membri fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, għandhom jinżammu għal perijodu ta' ħames snin wara dik id-data, u għandu jkun possibbli li dan il-perijodu jiġi estiż għal ħames snin oħra.

(46)

Id-drittijiet ta' aċċess għal data mis-suġġett tad-data huma applikabbli għad-data personali pproċessata għall-fini ta' din id-Direttiva. Madankollu, l-aċċess mis-suġġett tad-data għal kwalunkwe informazzjoni relatata ma' rapport ta' transazzjoni suspettuża jnaqqas b'mod gravi l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet għal dak id-dritt f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE u, fejn rilevanti, l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, għalhekk jistgħu jkunu ġġustifikati. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt jitlob li awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, jew, fejn applikabbli, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tivverifika l-legalità tal-ipproċessar, u għandu d-dritt li jfittex rimedju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 22 ta' dik id-Direttiva. L-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE tista' wkoll taġixxi fuq bażi ta' ex officio. Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet għad-dritt tal-aċċess, l-awtorità superviżorja għandha tkun tista' tinforma s-suġġett tad-data li jkunu seħħew il-verifiki meħtieġa kollha mill-awtorità superviżorja, u bir-riżultat fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

(47)

Persuni li sempliċiment jikkonvertu dokumenti stampati għal data elettronika u li tkun qed taġixxi taħt kuntratt ma' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja upersuni li jipprovdu istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji biss b'sistema ta' messaġġi jew ta' appoġġ ieħor għat-trasmissjoni ta' fondi jew b'sistemi ta' kklerjar u ta' ħlas ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(48)

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma problemi internazzjonali u l-isforz sabiex jiġu miġġielda għandu jkun globali. Fejn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom fergħat jew sussidjarji li jinsabu f'pajjiżi terzi li fihom ir-rekwiżiti f'dak il-qasam huma inqas rigorużi minn dawk tal-Istati Membri, huma għandhom, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' standards differenti ħafna fi ħdan l-istituzzjoni jew il-grupp ta' istituzzjonijiet, japplikaw għal dawk il-fergħat u sussidjarji l-istandards tal-Unjoni jew jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jekk l-applikazzjoni ta' tali standards mhijiex possibbli.

(49)

Il-feedback dwar l-utilità u s-segwitu tar-rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi li jippreżentaw għandu, fejn ikun prattikabbli, jkun disponibbli għall-entitajiet marbutin b'obbligu. Sabiex dan ikun possibbli, u sabiex ikunu jistgħu jagħmlu reviżjoni tal-effettività tas-sistemi tagħhom għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom iżommu, u jtejbu l-kwalità tal-istatistika rilevanti. Biex titjieb aktar il-kwalità u l-konsistenza tad-data statistika miġbura fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja s-sitwazzjoni fl-Unjoni kollha rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u għandha tippubblika analiżi regolari.

(50)

Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrikjedu li l-emittenti tal-flus elettroniċi u fornituri tas-servizzi ta' pagament li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra minbarra fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fit-territorju tagħhom, huma għandhom ikunu jistgħu jirrikjedu li tali punt ta' kuntatt ċentrali, li jaġixxi f'isem l-istituzzjoni li taħtar, jiżgura li l-istabbilimenti jkunu konformi ma' regoli tal-AML/CFT. Huma għandhom jiżguraw ukoll li dak ir-rekwiżit ikun proporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-konformità mar-regoli tal-AML/CFT, inkluż permezz tal-iffaċilitar tas-superviżjoni rispettiva.

(51)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta' uffiċċji tal-kambju ta' flus, l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet, fornituri ta' servizzi ta' trusts jew ta' kumpanniji jew fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, il-persuni li effettivament imexxu n-negozju ta' entitajiet bħal dawn u s-sidien benefiċjarji ta' tali entitajiet ikunu kompetenti u idonei. Bħala minimu, il-kriterji li jiddeterminaw jekk persuna hijiex kompetenti u idonea, jirriflettu l-ħtieġa li tali entitajiet jiġu protetti milli jintużaw ħażin mill-maniġers jew is-sidien benefiċjarji tagħhom għal finijiet kriminali.

(52)

Fejn entità marbuta b'obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta' netwerk ta' aġenti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tkun responsabbli li tissorvelja li l-entità marbuta b'obbligu tapplika l-politiki u l-proċeduri tal-AML/CFT mal-grupp kollu. Dan jista' jinvolvi żjarat fuq il-post fi stabbilimenti bbażati fi Stat Membru ieħor. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkoopera mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u għandha tinforma lil dan tal-aħħar dwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tagħhom tal-konformità tal-istabbiliment maregoli tal-AML/CFT.

(53)

Fejn entità marbuta b'obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta' netwerk ta' aġenti jew persuni li jqassmu flus elettroniċi skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/110/KE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti żżomm ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-konformità tal-istabbiliment mar-regoli tal-AML/CFT, inkluż fejn xieraq, billi twettaq spezzjonijiet fuq il-post u monitoraġġ mhux fuq il-post u billi tieħu miżuri adatti u proporzjonati biex tindirizza ksur serju ta' dawk ir-rekwiżiti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tikkoopera mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u għandha tinforma lil dan tal-aħħar dwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-entità marbuta b'obbligu tal-politiki u l-proċeduri tal-grupp tal-AML/CFT. Sabiex jinqered il-ksur serju tar-regoli tal-AML/CFT li jeħtieġ rimedji immedjati, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tkun tista' tapplika miżuri temporanji ta' rimedju adatti u proporzjonati, applikabbli taħt ċirkostanzi simili għal entitajiet marbutin b'obbligu taħt il-kompetenza tagħhom, sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet serji, fejn adatt, bl-assistenza ta', jew f'kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

(54)

Filwaqt li jittieħed kont tan-natura transnazzjonali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UIF hija importanti ħafna. Sabiex tali koordinazzjoni u kooperazzjoni jittejbu, u, b'mod partikolari, biex jiġi żgurat li r-rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi jilħqu l-UIF tal-Istat Membru fejn ir-rapport ikun tal-aktar użu, għandhom jiġu stipulati regoli dettaljati b'din id-Direttiva.

(55)

Il-“Pjattaforma tal-UE tal-Unitajiet ta' Intelligence Finanzjarja” (“Pjattaforma tal-UE tal-UIF”), grupp informali magħmul minn rappreżentanti mill-UIF u li ilu attiv mill-2006, tintuża biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-UIF u biex jiġu skambjati fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni bħal kooperazzjoni effettiva fost l-UIF u bejn l-UIF u unitajiet tal-intelligence finanzjarja, l-analiżi konġunta ta' każijiet transkonfinali kif ukoll ix-xejriet u l-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak sovranazzjonali.

(56)

It-titjib fl-iskambju ta' informazzjoni bejn UIF fl-Unjoni huwa partikolarment importanti biex tiġi indirizzata n-natura transnazzjonali tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' faċilitajiet siguri għall-iskambju ta' informazzjoni, partikolarment in-netwerk informatiku deċentralizzat FIU.net (l-“FIU.net”) jew is-suċċessur tiegħu u t-tekniki offruti mill-FIU.net. L-iskambju inizjali bejn l-UIF ta' informazzjoni relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu għal skopijiet analitiċi u li ma terġax tiġi pproċessata jew imxerrda, għandu jkun permess dment li tali skambju ta' informazzjoni ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali. L-iskambji ta' informazzjoni dwar każijiet identifikati mill-UIF tal-UE li jistgħu jinvolvu reati fiskali, għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-iskambji ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (15) jew f'konformità ma' standards internazzjonali dwar l-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet tat-taxxa.

(57)

Sabiex ikunu jistgħu jirrispondu sew u malajr għal mistoqsijiet mill-UIF, jeħtieġ li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom stabbiliti sistemi effettivi li jippermettulhom ikollhom aċċess sħiħ u f'waqtu permezz ta' mezzi siguri u kunfidenzjali ta' informazzjoni dwar relazzjonijiet ta' negozju li għandhom jew kellhom ma' persuni speċifikati. F'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jikkunsidraw li jistabbilixxu sistemi ta' reġistri bankarji jew sistemi elettroniċi għall-irkupru ta' data li jipprovdu lill-UIF b'aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji mingħajr preġudizzju għall-awtorizzazzjoni ġuridika fejn applikabbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw li jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom stabbiliti proċeduri sabiex jidentifikaw assi mingħajr notifika minn qabel lill-proprjetarju.

(58)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jipprovdu b'mod rapidu, kostruttiv u effettiv l-aktar firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni transkonfinali għall-finijiet ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola jew proċedura applikabbli għal kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mod partikolari li l-UIF jiskambjaw l-informazzjoni ma' unitajiet tal-intelligence finanzjarja ta' pajjiżi terzi b'mod liberu, spontanju jew fuq talba, wara li jikkunsidraw il-liġi tal-Unjoni u l-prinċipji li jirrigwardaw l-iskambju tal-informazzjoni żviluppati mill-Grupp Egmont ta' Unitajiet ta' Intelligence Finanzjarja.

(59)

L-importanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandha twassal lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-liġi nazzjonali għan-nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Attwalment l-Istati Membri għandhom stabbilita firxa varja ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet preventivi ewlenin. Dik id-diversità tista' tkun ta' detriment għall-isforzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-rispons tal-Unjoni huwa f'riskju li jkun frammentat. Għalhekk din id-Direttiva għandha tipprovdi firxa ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi mill-Istati Membri għal-inqas għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti relatati ma' miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, iż-żamma ta' rekords, ir-rappurtar ta' transazzjonijiet suspettużi u l-kontrolli interni ta' entitajiet marbutin b'obbligu. Il-firxa ta' sanzjonijiet u miżuri għandha tkun wiesgħa biżżejjed biex tippermetti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex jikkunsidraw id-differenzi bejn entitajiet marbutin b'obbligu, b'mod partikolari bejn istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu u entitajiet marbutin b'obbligu oħra, fir-rigward tad-daqs, il-karatteristiċi u n-natura tan-negozju tagħhom. Fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f'konformità ma' din id-Direttiva u ta' sanzjonijiet kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali ma tmurx kontra l-prinċipju ta' ne bis in idem.

(60)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-adegwatezza ta' persuni li jkollhom funzjoni ta' ġestjoni f'entitajiet marbutin b'obbligu, jew b'xi mod jikkontrollawhom, kwalunkwe skambju ta' informazzjoni dwar il-kundanni kriminali għandu jitwettaq f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (16) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (17), kif trasposti fil-liġi nazzjonali, u ma' dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi nazzjonali.

(61)

Standards regolatorji fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u protezzjoni adegwata tad-depożituri, l-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala korpi b'għarfien speċjalizzat għoli, ikun effiċjenti u adatt li l-ASE ikunu inkarigati bl-elaborazzjoni, għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta' politika.

(62)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-ASE skont din id-Direttiva permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

(63)

Minħabba l-emendi sostanzjali li jeħtieġ isiru għad-Direttivi 2005/60/KE u 2006/70/KE fid-dawl ta' din id-Direttiva, dawn għandhom jingħaqdu u jiġu sostitwiti għal raġunijiet ta' ċarezza u konsistenza.

(64)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-protezzjoni tas-sistema finanzjarja permezz tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li l-miżuri individwali adottati mill-Istati Membri biex jipproteġu s-sistemi finanzjarji tagħhom jistgħu jkunu inkonsistenti mal-funzjonament tas-suq intern u mal-preskrizzjonijiet tal-istat tad-dritt u l-politika pubblika tal-Unjoni iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif jinsab fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(65)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, b'mod partikolari, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni ta' data personali, il-libertà tat-twettiq ta' negozju, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-drittijiet ta' difiża.

(66)

F'konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva hi implimentata, fir-rigward ta' valutazzjonijiet tar-riskju fil-kuntest ta' diliġenza dovuta tal-klijenti mingħajr diskriminazzjoni.

(67)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni (18), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet iġġustifikati, jissupplimentaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

(68)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fl-4 ta' Lulju 2013 (19),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TAQSIMA 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.

3.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu b'intenzjoni, għandhom jitqiesu bħala ħasil tal-flus:

(a)

il-konverżjoni jew it-trasferiment ta' proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività, għall-fini ta' ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta' tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni ta' dik il-persuna;

(b)

il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id-dispożizzjoni, il-moviment, jew is-sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività;

(c)

l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta' proprjetà, bil-konoxxenza, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà ġiet minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività;

(d)

parteċipazzjoni f'attentati jew assoċjazzjoni fihom, għat-twettiq u l-għoti ta' għajnuna, sostenn, tħaffif u l-għoti ta' parir għat-twettiq ta' xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c).

4.   Il-ħasil tal-flus għandu jitqies bħala tali anke fejn l-attivitajiet li ġġeneraw il-proprjetà ddestinata għall-ħasil tal-flus twettqu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew f'dak ta' pajjiż terz.

5.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-għoti jew il-ġbir ta' fondi, bi kwalunkwe mezz, dirett jew indirett, bl-intenzjoni li jintużaw jew bl-għarfien li ser jintużaw, totalment jew parzjalment, sabiex jitwettaq xi wieħed mir-reati li jaqgħu taħt it-tifsira tal-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (20).

6.   L-għarfien, l-intenzjoni jew l-għan meħtieġ bħala element tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 5 jistgħu jiġu preżunti miċ-ċirkostanzi fattwali oġġettivi.

Artikolu 2

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b'obbligu li ġejjin:

(1)

l-istituzzjonijiet ta' kreditu;

(2)

l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(3)

il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

(a)

awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa;

(b)

nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem, kemm jekk jaġixxu f'isem jew għan-nom tal-klijent tagħhom fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl-ippjanar jew fit-twettiq ta' transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw:

(i)

ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli jew ta' entitajiet kummerċjali;

(ii)

il-ġestjoni ta' flus, titoli jew assi oħra tal-klijent;

(iii)

il-ftuħ jew il-ġestjoni ta' kontijiet bankarji ta' tfaddil jew ta' titoli;

(iv)

l-organizzazzjoni tal-kontributi neċessarji għall-ħolqien, l-operazzjoni jew il-ġestjoni ta' kumpanniji;

(v)

il-kostituzzjoni, l-operat jew il-ġestjoni ta' trusts, ta' kumpanniji, ta' fondazzjonijiet jew ta' strutturi simili;

(c)

fornituri ta' servizzi ta' trust jew ta' kumpanniji li mhumiex diġà koperti mill-punti (a) jew (b);

(d)

aġenti immobbiljari;

(e)

persuni oħrajn li jinnegozjaw fi prodotti, sa fejn il-ħlasijiet isiru jew jiġu riċevuti fi flus kontanti f'ammont ta' EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni ssir f'operazzjoni waħda jew inkella f'bosta operazzjonijiet li jidhru li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin;

(f)

fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard.

2.   Bl-eċċezzjoni tal-casinos, u wara valutazzjoni tar-riskju xierqa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw għal kollox jew parzjalment il-fornituri ta' ċerti servizzi tal-logħob tal-azzard minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu id-Direttiva abbażi tar-riskju żgħir ippruvat li jirriżulta min-natura u, fejn xieraq, l-iskala tal-operazzjonijiet ta' servizzi bħal dawn.

Fost il-fatturi li jikkunsidraw fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-grad ta' vulnerabbiltà tat-transazzjonijiet applikabbli, inkluż fir-rigward tal-metodi ta' ħlas użati.

Fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif huma jkunu ħadu kont tal-konklużjonijiet rilevanti fir-rapporti maħruġin mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6.

Kull deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-ewwel subparagrafu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, flimkien ma' ġustifikazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju speċifika. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik id-deċiżjoni lill-Istati Membri l-oħra.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-persuni li jidħlu f'attività finanzjarja fuq bażi okkażjonali jew ferm limitata fejn ftit li xejn hemm riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva dment li jkunu sodisfatti l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-attività finanzjarja tkun limitata f'termini assoluti;

(b)

l-attività finanzjarja tkun limitata fuq bażi ta' transazzjoni;

(c)

l-attività finanzjarja ma tkunx l-attività prinċipali ta' tali persuni;

(d)

l-attività finanzjarja tkun anċillari u marbuta direttament mal-attività prinċipali ta' tali persuni;

(e)

l-attività ewlenija ta' tali persuni ma tkunx attività msemmija fil-punti (a) sa (d) jew fil-punt (f) tal-paragrafu 1(3);

(f)

l-attività finanzjarja tkun ipprovduta biss lill-klijenti tal-attività prinċipali ta' tali persuni u ma tkunx offruta lill-pubbliku b'mod ġenerali.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal persuni involuti fl-attività ta' ħlas ta' flus kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat totali tal-attività finanzjarja ma taqbiżx livell limitu partikolari. Dak il-livell limitu għandu jkun baxx biżżejjed. Dak il-livell limitu għandu jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali, skont it-tip tal-attività finanzjarja.

5.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom japplikaw livell limitu massimu għal kull klijent u għal kull transazzjoni, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'bosta operazzjonijiet li jidhru li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin. Dak il-limitu massimu għandu jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali skont it-tip tal-attività finanzjarja. Għandu jkun baxx biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tipi ta' transazzjonijiet inkwistjoni jkunu metodu ineffiċjenti u mhux prattiku għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, u ma għandux jaqbeż l-EUR 1 000.

6.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat mill-attività finanzjarja ma jaqbżux 5 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

7.   Fil-valutazzjoni tar-riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lil kwalunkwe attività finanzjarja li minħabba n-natura tagħha titqies li għandha probabbiltà għolja li tintuża jew tiġi abbużata għal finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

8.   Id-deċiżjonijiet meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 3 għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw tali deċiżjonijiet fejn jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Huma għandhom jinnotifikaw tali deċiżjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika tali deċiżjonijiet lill-Istati Membri l-oħra.

9.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta' monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn biex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjoni mogħtija mid-deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), inklużi l-fergħat tagħha, kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament, li jkunu jinsabu fl-Unjoni, kemm jekk l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun jinsab fl-Unjoni kif ukoll jekk ikun f'pajjiż terz;

(2)

“istituzzjoni finanzjarja” tfisser:

(a)

intrapriża, li ma tkunx istituzzjoni ta' kreditu, li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet inklużi fil-punti (2) sa (12), (14) u (15) tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), inklużi l-attivitajiet ta' uffiċċji ta' kambju tal-munita;

(b)

impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), sa fejn hija twettaq attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja koperti minn dik id-Direttiva;

(c)

ditta ta' investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25);

(d)

intrapriża ta' investiment kollettiv li tikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma tagħha;

(e)

intermedjarja tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) fejn taġixxi fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħajja u servizzi oħra relatati mal-investiment, bl-eċċezzjoni ta' intermedjarju marbut ta' assigurazzjoni kif definita fil-punt (7) ta' dak l-Artikolu;

(f)

fergħat, meta jinsabu fl-Unjoni, ta' istituzzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (a) sa (e), kemm jekk l-uffiċċju prinċipali tagħhom ikunu jinsab fi Stat Membru kif ukoll jekk ikun jinsab f'pajjiż terz;

(3)

“proprjetà” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm korporali kif ukoll inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti jew strumenti legali fi kwalunkwe forma inkluż dik elettronika jew diġitali, li tixhed it-titolu ta' tali assi jew interess fihom;

(4)

“attività kriminali” tfisser kwalunkwe tip ta' involviment kriminali fit-twettiq tar-reati serji li ġejjin:

(a)

atti previsti fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI;

(b)

kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi;

(c)

l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet kriminali kif definit fl-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/733/ĠAI (27);

(d)

frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fejn tkun mill-inqas serja, kif definit fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (28);

(e)

korruzzjoni;

(f)

ir-reati kollha, inklużi reati fiskali, relatati ma' taxxi diretti u taxxi indiretti u kif definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, li huma punibbli b'ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni għal massimu ta' aktar minn sena jew, fir-rigward ta' Stati Membri li għandhom livell limitu minimu għal reati fis-sistema legali tagħhom, ir-reati kollha punibbli b'ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni għal minimu ta' aktar minn sitt xhur;

(5)

“korp awtoregolatorju” tfisser korp li jirrappreżenta membri ta' professjoni u li għandu rwol fir-regolamentazzjoni tagħhom, fit-twettiq ta' ċerti funzjonijiet tat-tip superviżorju jew ta' monitoraġġ u fl-iżgurar tal-infurzar tar-regoli li jirrigwardawhom;

(6)

“sid benefiċjarju” tfisser kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi li huma s-sid jew li għandhom l-kontroll finali tal-klijent jew il-persuna jew persuni fiżiċi li f'isimhom tkun qed titwettaq transazzjoni jew attività u tinkludi:

(a)

fil-każ ta' entitajiet korporattivi:

(i)

il-persuna fiżika/persuni fiżiċi li hija s-sid jew li għandha l-kontroll finali ta' entità ġuridika permezz ta' sjieda diretta jew indiretta ta' perċentwal suffiċjenti tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot jew interess ta' sjieda f'dik l-entità, inkluż permezz ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji bearer, jew permezz ta' kontroll b'mezzi oħra, minbarra kumpannija elenkata fuq suq regolat li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' żvelar konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti li jiżguraw it-trasparenza adegwata tal-informazzjoni tas-sjieda.

Il-pussess ta' ishma ta' 25 % u sehem wieħed jew interess ta' sjieda ta' aktar minn 25 % fil-klijent miżmum minn persuna fiżika, għandu jkun indikazzjoni ta' sjieda diretta. Il-parteċipazzjoni azzjonarja ta' 25 % u sehem wieħed jew interess ta' sjieda ta' aktar minn 25 % fil-klijent miżmum minn entità korporattiva, li tkun taħt il-kontroll ta' persuna fiżika jew persuni fiżiċi, jew minn entitajiet korporattivi multipli, li jkunu taħt il-kontroll tal-istess persuna fiżika jew persuni fiżiċi, għandha tkun indikazzjoni ta' sjieda indiretta. Dan japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu li perċentwal aktar baxx jista' jkun indikazzjoni ta' sjieda jew kontroll. Jista' jiġi determinat kontroll permezz ta' mezzi oħra, fost oħrajn, f'konformità mal-kriterji fl-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(ii)

jekk, wara li tkun eżawriet il-mezzi kollha possibbli u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għal suspett, l-ebda persuna taħt il-punt (i) ma tkun identifikata, jew jekk ikun hemm xi dubbju li l-persuna jew persuni identifikati huma s-sid jew sidien benefiċjarji, il-persuna jew persuni fiżiċi li jkollhom l-inkarigu ta' uffiċjal jew uffiċjali ta' maniġment superjuri; l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħudin għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji taħt il-punt (i) u dan il-punt.

(b)

fil-każ ta' trusts:

(i)

is-settlor;

(ii)

il-fiduċjarju/i;

(iii)

il-protettur, jekk ikun hemm;

(iv)

il-benefiċjarji, jew fejn l-individwi li jibbenefikaw mill-arranġament jew l-entità ġuridika jkunu għad iridu jiġu ddeterminati, il-klassi ta' persuni li fl-interess ewlieni tagħhom huwa stabbilit jew operat l-arranġament jew l-entità ġuridika;

(v)

kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll finali fuq it-trust permezz ta' sjieda diretta jew indiretta jew permezz ta' mezzi oħra;

(c)

fil-każ ta' entitajiet ġuridiċi bħal fondazzjonijiet, u arranġamenti legali simili għal trusts, il-persuna fiżika jew persuni fiżiċi li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti jew simili għal dawk imsemmija fil-punt (b)

(7)

“fornitur ta' servizz ta' trusts jew kumpanniji” tfisser kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha jipprovdi xi wieħed mis-servizzi li ġejjin lil partijiet terzi:

(a)

il-formazzjoni ta' kumpanniji jew ta' persuni ġuridiċi oħra;

(b)

taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala direttur jew segretarju ta' kumpannija, jew bħala soċju f'soċjetà, jew f'xi pożizzjoni simili marbuta ma' persuni ġuridiċi oħra;

(c)

il-forniment ta' uffiċċju reġistrat, jew ta' indirizz kummerċjali, jew ta' indirizz ta' korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor;

(d)

taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala fiduċjarju ta' express trust jew ta' arranġament legali simili ieħor;

(e)

taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala azzjonist nominat għal persuna oħra li mhijiex kumpannija elenkata f'suq regolat li hija soġġetta għar-rekwiżiti ta' żvelar f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti;

(8)

“relazzjoni ta' korrispondenza” tfisser:

(a)

il-forniment ta' servizzi bankarji minn bank wieħed bħala l-korrispondent lil bank ieħor bħala r-rispondenti, inkluża l-provvista ta' kont kurrenti jew kont ta' responsabbiltà ieħor u servizzi relatati, bħal ġestjoni ta' flus kontanti, trasferimenti ta' fondi internazzjonali, ikklerjar ta' ċekkijiet, pagamenti permezz ta' trasferimenti minn kontijiet u servizzi ta' kambju;

(b)

ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji u fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji inkluż fejn jiġu fornuti servizzi simili minn istituzzjoni korrispondenti jew istituzzjoni rispondenti, u inklużi relazzjonijiet stabbiliti għal transazzjonijiet ta' titoli jew trasferimenti ta' fondi;

(9)

“persuna esposta politikament” tfisser persuna fiżika li hi jew li kienet fdata bi funzjonijiet pubbliċi prominenti u jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

kapijiet ta' Stat, kapijiet ta' gvern, Ministri u viċi Ministri jew segretarji parlamentari;

(b)

membri parlamentari jew ta' korpi leġislattivi simili;

(c)

membri ta' korpi governattivi ta' partiti politiċi;

(d)

membri tal-qrati supremi, tal-qrati kostituzzjonali jew ta' korpi ġudizzjarji oħra ta' livell għoli li d-deċiżjonijiet tagħhom ġeneralment mhumiex soġġetti għal appell ulterjuri, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

(e)

membri tal-qrati tal-awdituri u tal-bordijiet tal-banek ċentrali;

(f)

ambaxxaturi, chargés d'affaires u uffiċjali ta' grad għoli fil-forzi armati;

(g)

membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-impriżi li huma proprjetà tal-Istat;

(h)

diretturi, viċi diretturi u membri tal-bord jew funzjoni ekwivalenti ta' organizzazzjoni internazzjonali.

L-ebda funzjoni pubblika msemmija fil-punti (a) sa (h) ma għandha tinftiehem li tkopri uffiċjali ta' gradi medji jew ta' gradi inqas;

(10)

“membri tal-familja” tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

il-konjuġi, jew persuna meqjusa ekwivalenti għal konjuġi, ta' persuna esposta politikament;

(b)

it-tfal u l-konjuġi tagħhom, jew persuni meqjusin ekwivalenti għal konjuġi, ta' persuna esposta politikament;

(c)

il-ġenituri ta' persuna esposta politikament;

(11)

“persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib” tinkludi:

(a)

persuni fiżiċi li huma magħrufa li għandhom sjieda benefiċjarja konġunta ta' entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti legali, jew kwalunkwe relazzjoni oħra ta' negozju mill-qrib, ma' persuna esposta politikament;

(b)

persuni fiżiċi li għandhom sjieda benefiċjarja unika ta' entità legali jew arranġament legali li hija magħrufa li twaqqfet għall-benefiċċju de facto ta' persuna esposta politikament;

(12)

“maniġment superjuri” tfisser uffiċjal jew impjegat b'għarfien suffiċjenti dwar l-esponiment għar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni u anzjanità suffiċjenti li jista' jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-esponiment għar-riskju u li mhuwiex meħtieġ li jkun membru tal-bord ta' diretturi;

(13)

“relazzjoni ta' negozju” tfisser relazzjoni ta' negozju, professjonali jew kummerċjali li hija marbuta mal-attivitajiet professjonali tal-entitajiet marbutin b'obbligu u li hija mistennija, fil-mument li jiġi stabbilit il-kuntratt, li jkollha element ta' durata;

(14)

“servizzi tal-logħob tal-azzard” tfisser servizz li jinvolvi logħob ta' flus f'logħob tal-azzard, inklużi dawk b'element ta' ħila bħal lotteriji, il-logħob tal-casino, il-logħob tal-poker u transazzjonijiet tal-imħatri li huma pprovduti f'post fiżiku jew bi kwalunkwe mezz, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi jew bi kwalunkwe teknoloġija oħra li tiffaċilita l-komunikazzjoni, u fuq it-talba individwali ta' min jirċievi s-servizzi;

(15)

“grupp” tfisser grupp ta' intrapriżi, li jikkonsisti minn intrapriża ewlenija, is-sussidjarji tagħha u l-entitajiet li fihom l-intrapriża ewlenija jew is-sussidjarji tagħha jkollhom parteċipazzjoni, kif ukoll intrapriżi marbutin flimkien b'relazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE.

(16)

“flus elettroniċi” tfisser flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE;

(17)

“shell bank” tfisser istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jew istituzzjoni li l-attivitajiet tagħha jkunu ekwivalenti għal dawk ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, inkorporata f'ġurisdizzjoni li fiha ma għandha l-ebda preżenza fiżika, li tinvolvi ħsieb u ġestjoni sinifikanti, u li mhijiex affiljata ma' grupp finanzjarju rregolat.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-ambitu ta' din id-Direttiva tiġi estiżi kollha kemm hi jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1), li jidħlu f'attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.   Fejn Stat Membru jestendi l-ambitu ta' din id-Direttiva għal professjonijiet jew għal kategoriji ta' intrapriżi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 5

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.

TAQSIMA 2

Valutazzjoni tar-riskju

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u relatati ma' attivitajiet transkonfinali.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha, sas-26 ta' Ġunju 2017, tfassal rapport li jidentifika, janalizza, u jevalwa dawk ir-riskji fil-livell tal-Unjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha taġġorna r-rapport tagħha kull sentejn, jew aktar spiss jekk ikun xieraq.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri minn tal-anqas dan li ġej:

(a)

l-oqsma tas-suq intern li huma fl-ikbar riskju;

(b)

ir-riskji assoċjati ma' kull settur rilevanti;

(c)

l-aktar mezz mifrux użat mill-kriminali li bih jaħslu rikavat illeċitu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-entitajiet marbutin b'obbligu biex tassistihom jidentifikaw, jifhmu, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u sabiex partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-leġislaturi nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-ASE u r-rappreżentanti tal-UIF ikunu jistgħu jifhmu aħjar ir-riskji.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri adatti għall-indirizzar tar-riskji identifikati. Fl-eventwalità li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet fir-reġimi nazzjonali tal-AML/CFT tagħhom, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan u jipprovdu ġustifikazzjoni għal tali deċiżjoni.

5.   Sas-26 ta' Diċembru 2016, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandu jagħti opinjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-Unjoni (l-“opinjoni konġunta”). Sussegwentement, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandu jagħti opinjoni kull sentejn.

6.   Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha torganizza x-xogħol fil-livell tal-Unjoni u għandha tqis l-opinjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 5, u għandha tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri fil-qasam tal-AML/CFT, rappreżentanti mill-UIF, u fejn xieraq, u korpi oħrajn fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-opinjonijiet konġunti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex tassistihom fl-identifikazzjoni, il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

7.   Kull sentejn, jew aktar spiss jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-valutazzjonijiet tar-riskju regolari u l-azzjoni meħuda abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet.

Artikolu 7

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu passi xierqa biex jidentifika, jivvaluta, jifhem u jimmitiga r-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawh, kif ukoll kwalunkwe tħassib marbut mal-protezzjoni tad-data f'dak ir-rigward. Għandu jżomm il-valutazzjoni tar-riskju aġġornat.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità jew jistabbilixxi mekkaniżmu li bih jikkoordina r-rispons nazzjonali għar-riskji msemmija fil-paragrafu 1. L-identità ta' dik l-awtorità jew id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-ASE u lil Stati Membri oħra.

3.   Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-konklużjonijiet tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 6(1).

4.   Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu:

(a)

jużaha biex itejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tiegħu, b'mod partikolari billi jidentifika l-oqsma kollha li fihom l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa u, fejn xieraq, jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu;

(b)

jidentifika, fejn xieraq, setturi jew oqsma b'riskju aktar baxx jew aktar għoli tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

jużaha biex tassistih biex jalloka u biex jagħti prijorità lir-riżorsi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(d)

jużaha biex jiżgura li jiġu mfassla regoli xierqa għal kull settur jew qasam, skont ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(e)

iqiegħed minnufih l-informazzjoni xierqa għad-dispożizzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

5.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju għad-dispożizzjoni tal- -Kummissjoni, tal-ASE u tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta' fatturi ta' riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta' distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b'obbligu.

2.   Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b'mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b'obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu.

4.   Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:

(a)

l-iżvilupp ta' politiki, kontrolli u proċeduri interni, inklużi l-mudelli ta' prattiki għall-ġestjoni tar-riskju, id-diliġenza dovuta tal-klijenti, ir-rappurtar, iż-żamma tar-rekords, il-kontroll intern, il-ġestjoni tal-konformità inkluż, fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, il-ħatra ta' uffiċjal tal-konformità fil-livell maniġerjali u l-verifiki fuq l-impjegati.

(b)

fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, funzjoni indipendenti ta' awditu biex tittestja l-politiki, kontrolli u proċeduri interni msemmija fil-punt (a).

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri tagħhom għall-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li huma jistabbilixxu u li jimmonitorjaw u jsaħħu l-miżuri meħuda, fejn xieraq.

TAQSIMA 3

Politika ta' pajjiż terz

Artikolu 9

1.   Il-ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tal-AML/CFF tagħhom li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b'riskju kbir”) għandhom jiġu identifikati sabiex jiġi protett il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 64 biex tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir, b'kont meħud tan-nuqqasijiet strateġiċi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

il-qafas legali u istituzzjonali tal-AML/CFT tal-pajjiż terz, b'mod partikolari:

(i)

il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(ii)

miżuri relatati ma' diliġenza dovuta tal-klijenti;

(iii)

rekwiżiti relatati maż-żamma ta' rekords; u

(iv)

rekwiżiti relatati mar-rappurtar ta' transazzjonijiet suspettużi;

(b)

is-setgħat u l-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

l-effettività tas-sistema tal-AML/CFT fl-indirizzar tar-riskji tal-pajjiż terz ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

3.   L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati fi żmien xahar wara l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet strateġiċi msemmija f'dak il-paragrafu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont, skont kif ikun xieraq, fit-tfassil tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, tal-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b'kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali.

KAPITOLU II

DILIĠENZA DOVUTA TAL-KLIJENTI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji milli jżommu kontijiet anonimi jew passbooks anonimi. F'kull eventwalità, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-sidien u l-benefiċjarji tal-kontijiet anonimi jew tal-passbooks anonimi eżistenti jkunu soġġett għal miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel ma dawk il-kontijiet jew il-passbooks jintużaw b'xi mod.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-użu ħażin ta' ishma bearer u ta' ċertifikati tal-ishma bearer.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju;

(b)

meta jwettqu transazzjoni okkażjonali li:

(i)

tammonta għal EUR 15 000 jew iżjed, kemm jekk dik it-transazzjoni ssir f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk issir f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbuta ma xulxin; jew

(ii)

tikkostitwixxi trasferiment ta' fondi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) li jeċċedi EUR 1 000;

(c)

fil-każ ta' persuni li jinnegozjaw f'oġġetti, meta jwettqu transazzjonijiet okkażjonali fi flus kontanti li jammontaw għal EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma' xulxin;

(d)

għall-fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, fil-ġbir ta' rebħ, fl-imħatri ta' flus, jew fit-tnejn li huma, meta jwettqu transazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 2 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma' xulxin;

(e)

meta jkun hemm suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, irrispettivament minn kwalunkwe deroga, eżenzjoni jew limitu;

(f)

meta jkun hemm dubbji dwar il-veraċità jew l-adegwatezza ta' data ta' identifikazzjoni tal-klijent miksuba qabel.

Artikolu 12

1.   B'deroga mill-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 14, u abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju xierqa li turi riskju żgħir, Stat Membru jista' jippermetti lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex ma japplikawx ċerti miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti fir-rigward ta' flus elettroniċi, fejn il-kondizzjonijiet ta' mitigazzjoni tar-riskju kollha li ġejjin ikunju sodisfatti:

(a)

l-istrument tal-ħlas mhuwiex rikarikabbli, jew għandu limitu massimu ta' transazzjonijiet ta' ħlas ta' EUR 250 kull xahar li jistgħu jintużaw biss f'dak l-Istat Membru;

(b)

l-ammont massimu maħżun elettronikament ma jaqbiżx EUR 250;

(c)

l-istrument tal-ħlas jintuża esklużivament għax-xiri ta' oġġetti jew servizzi;

(d)

l-istrument tal-ħlas ma jistax jiġi ffinanzjat bi flus elettroniċi anonimi;

(e)

l-emittent iwettaq monitoraġġ suffiċjenti tat-transazzjonijiet jew tar-relazzjoni ta' negozju biex ikunu jistgħu jiġu identifikati transazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista' jżid l-ammont massimu għal EUR 500 għal strumenti ta' ħlas li jistgħu jintużaw biss f'dak l-Istat Membru;

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deroga prevista fil-paragrafu 1 ma tkunx applikabbli f'każ ta' tifdija fi flus kontanti jew irtirar ta' flus kontanti tal-valur monetarju tal-flus elettroniċi fejn l-ammont mifdi jkun aktar minn EUR 100.

Artikolu 13

1.   Il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:

(a)

l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent fuq il-bażi ta' dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors affidabbli u indipendenti;

(b)

l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta' miżuri raġonevoli biex tiġi vverifikata l-identità ta' dik il-persuna sabiex l-entità marbuta b'obbligu tkun sodisfatta li taf min hu s-sid benefiċjarju, inklużi, fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, trusts, kumpanniji, fondazzjonijiet, u arranġamenti legali simili, billi jittieħdu miżuri raġonevoli biex tinftiehem is-sjieda u l-istruttura ta' kontroll tal-klijent;

(c)

il-valutazzjoni u, kif xieraq, il-kisba ta' informazzjoni fuq l-għan u l-għan maħsub tar-relazzjoni ta' negozju;

(d)

it-twettiq ta' monitoraġġ kontinwa tar-relazzjoni ta' negozju inkluż skrutinju tat-transazzjonijiet matul il-kors ta' dik ir-relazzjoni sabiex ikun żgurat li t-transazzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu jkunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b'obbligu tal-klijent, in-negozju u l-profil tar-riskju, inkluż fejn ikun neċessarju tas-sors tal-fondi u jiġi żgurat li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma jinżammu dejjem aġġornati.

Meta jwettqu l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jivverifikaw ukoll li kull persuna li tidher li taġixxi f'isem il-klijent tkun hekk awtorizzata u jidentifikaw u jivverifikaw l-identità ta' dik il-persuna.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw kull rekwiżit ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbilit fil-paragrafu 1. Madankollu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa ta' miżuri bħal dawn fuq bażi ta' sensittività għar-riskji.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu kont tal-inqas tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness I meta jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati.

5.   Għal negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew oħra relatata mal-investimenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, minbarra li jieħdu l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti meħtieġa għall-klijent u s-sid benefiċjarju, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti li ġejjin fuq il-benefiċjarji tal-assigurazzjoni tal-ħajja u poloz tal-assigurazzjoni oħra relatati mal-investimenti, hekk kif il-benefiċjarji jiġu identifikati jew indikati:

(a)

fil-każ ta' benefiċjarji li jiġu identifikati bħala persuni jew arranġamenti legali msemmija b'mod speċifiku, li jittieħed isem il-persuna;

(b)

fil-każ ta' benefiċjarji li huma indikati skont il-karatteristiċi jew il-klassi jew b'mezzi oħra, billi tinkiseb biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-benefiċjarji biex l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjoni finanzjarja tkun sodisfatta li ser tkun tista' tistabbilixxi l-identità tal-benefiċjarju fi żmien ir-ripagament.

Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-verifika tal-identità tal-benefiċjarji għandha sseħħ fi żmien ir-ripagament. Fil-każ ta' ċessjoni, sħiħa jew b'mod parzjali, ta' assigurazzjoni tal-ħajja jew assigurazzjoni oħra relatata mal-investiment, għal parti terza, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji konxji miċ-ċessjoni għandhom jidentifikaw is-sid benefiċjarju fil-mument taċ-ċessjoni lill-persuna fiżika jew ġuridika jew l-arranġament legali li jirċievu għall-benefiċċju tagħhom stess il-valur tal-polza assenjata.

6.   Fil-każ ta' benefiċjarji ta' trusts jew ta' arranġamenti legali simili li huma indikati skont karatteristiċi jew klassi partikolari, entità marbuta b'obbligu għandha tikseb biżżejjed informazzjoni dwar il-benefiċjarju sabiex l-entità marbuta b'obbligu tkun sodisfatta li ser tkun tista' tistabbilixxi l-identità tal-benefiċjarju fi żmien ir-ripagament jew fiż-żmien li l-benefiċjarju jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-identità tal-klijent u l-identità tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati qabel ma tiġi stabbilita r-relazzjoni ta' negozju jew it-twettiq tat-transazzjoni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-identitajiet tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati meta tiġi stabbilita relazzjoni ta' negozju jekk dan ikun meħtieġ sabiex ma jiġix interrott it-twettiq normali tan-negozju u fejn ir-riskju li jkun hemm ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu ikun żgħir. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, dawk il-proċeduri għandhom jitlestew hekk kif ikun prattiku wara l-kuntatt inizjali.

3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jinfetaħ kont ma' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, inklużi kontijiet li jippermettu transazzjonijiet f'titoli trasferibbli, dment li jkun hemm salvagwardji adatti fis-seħħ biex jiġi żgurat li ma jitwettqux transazzjonijiet mill-klijent jew f'ismu sakemm tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1).

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fejn entità marbuta b'obbligu ma tkunx tista' tikkonforma mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), hi ma għandhiex twettaq transazzjoni permezz ta' kont tal-bank, tistabbilixxi relazzjoni ta' negozju jew twettaq it-transazzjoni, u li għandha twaqqaf ir-relazzjoni ta' negozju u tqis jekk għandhiex tfassal rapport dwar transazzjoni suspettuża lill-UIF fir-rigward tal-klijent f'konformità mal-Artikolu 33.

L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-ewwel subparagrafu għal nutara, professjonisti legali indipendenti oħrajn, awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti fiskali biss sa strettament fejn dawk il-persuni jiddeterminaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew iwettqu l-kompitu tagħhom ta' difiża jew rappreżentanza ta' dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta' pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta' tali proċedimenti

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta' sensittività għar-riskju, inklużi fi żminijiet meta jinbidlu ċ-ċirkustanzi rilevanti ta' klijent partikolari.

TAQSIMA 2

Diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikatA

Artikolu 15

1.   Meta Stat Membru jew entità marbuta b'obbligu jidentifikaw oqsma ta' riskju iktar baxx, dak l-Istat Membru jista' jippermetti li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikati.

2.   Qabel ma japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikata, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jikkonfermaw li r-relazzjoni ta' negozju jew it-transazzjoni tippreżenta livell baxx ta' riskju.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jwettqu monitoraġġ suffiċjenti tat-transazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ta' negozju biex ikunu jistgħu jiġu identifikati transazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi.

Artikolu 16

Meta jivvalutaw ir-riskji ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu relatati mat-tipi ta' klijenti, żoni ġeografiċi, u prodotti, servizzi, transazzjonijiet jew kanali tad-distribuzzjoni partikolari, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta' dawk il-fatturi ta' sitwazzjonijiet b'potenzjal ta' riskju aktar baxx, stipulati fl-Anness II.

Artikolu 17

Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, rigward il-fatturi ta' riskju li għandhom jiġu kkunsidrati u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'sitwazzjonijiet li fihom ikunu xierqa miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikata. Għandu jittieħed kont speċifiku tan-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.

TAQSIMA 3

Diliġenza Dovuta tal-Klijenti Msaħħa

Artikolu 18

1.   Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 19 sa 24, u fit-trattament ta' persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi terzi, identifikati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi terzi b'riskju kbir, kif ukoll f'każijiet oħrajn ta' riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b'obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq.

L-Istati Membri m'għandhomx jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw awtomatikament miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa fir-rigward ta' fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma tal-entitajiet marbutin b'obbligu stabbiliti fl-Unjoni li jkunu jinsabu f'pajjiżi terzi b'riskju kbir, fejn dawk il-fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b'mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu skont l-Artikolu 45. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-każijiet jiġu trattati mill-entitajiet marbutin b'obbligu bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jeżaminaw, sa fejn dan ikun raġonevolment possibbli, l-isfond u l-għan tat-transazzjonijiet kollha li jkunu kumplessi u kbar b'mod mhux tas-soltu, u t-tipi kollha tat-transazzjonijiet mhux tas-soltu, li ma jidher li jkollhom l-ebda għan ekonomiku jew legali. B'mod partikolari, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom iżidu l-grad u n-natura tal-monitoraġġ tar-relazzjoni ta' negozju, sabiex jiddeterminaw jekk dawk it-transazzjonijiet jew attivitajiet jidhrux suspettużi.

3.   Meta jivvalutaw ir-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta' dawk il-fatturi ta' sitwazzjonijiet b'potenzjal ta' riskju ogħla indikati fl-Anness III.

4.   Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, rigward il-fatturi ta' riskju li għandhom jiġu kkunsidrati u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'sitwazzjonijiet li fihom ikunu xierqa miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa. Għandu jittieħed kont speċifiku tan-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.

Artikolu 19

Fir-rigward ta' relazzjonijiet korrispondenti transkonfinali ma' istituzzjoni rispondenti minn pajjiż terz, l-Istati Membri, minbarra l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stipulati fl-Artikolu 13, għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom:

(a)

jiġbru informazzjoni biżżejjed dwar l-istituzzjoni rispondenti sabiex jifhmu b'mod sħiħ in-natura tan-negozju tar-rispondenti u sabiex jiddeterminaw ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni u l-kwalità ta' superviżjoni minn informazzjoni pubblikament disponibbli;

(b)

jivvalutaw il-kontrolli tal-AML/CFT tal-istituzzjoni rispondenti;

(c)

jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri qabel ma jistabbilixxu relazzjonijiet korrispondenti ġodda;

(d)

jiddokumentaw ir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kull istituzzjoni;

(e)

fir-rigward ta' pagamenti permezz ta' trasferimenti minn kontijiet, ikunu sodisfatti li l-istituzzjoni rispondenti tkun ivverifikat l-identità tal-klijenti u prattikat id-diliġenza dovuta kontinwata tal-klijenti li jkollhom aċċess dirett għall-kontijiet tal-istituzzjoni korrispondenti, u li tkun kapaċi tipprovdi data rilevanti għall-finijiet tad-diliġenza dovuta tal-klijenti fuq talba tal-istituzzjoni korrispondenti.

Artikolu 20

Fir-rigward tat-transazzjonijiet jew ir-relazzjonijiet ta' negozju ma' persuni esposti politikament, minbarra l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu:

(a)

ikollhom stabbiliti sistemi adatti ta' ġestjoni tar-riskju, inklużi proċeduri bbażati fuq ir-riskju, sabiex jiddeterminaw jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju tal-klijent huwiex persuna esposta politikament;

(b)

japplikaw il-miżuri li ġejjin f'każijiet ta' relazzjonijiet ta' negozju ma' persuni esposti politikament:

(i)

jiksbu l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew it-tkomplija tar-relazzjonijiet ta' negozju ma' tali persuni;

(i)

jieħdu miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu s-sors tal-beni u s-sors tal-fondi li jkunu involuti fir-relazzjonijiet ta' negozju jew fit-transazzjonijiet ma' tali persuni;

(iii)

iwettqu monitoraġġ msaħħaħ ta' dawk ir-relazzjonijiet ta' negozju fuq bażi kontinwa.

Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu miżuri raġonevoli biex jiddeterminaw jekk il-benefiċjarji ta' polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew oħra relatata mal-investimenti u/jew, fejn hemm bżonn, is-sid benefiċjarju tal-benefiċjarju humiex persuni esposti politikament. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu mhux aktar tard mill-mument meta jsir il-ħlas tal-polza jew fil-mument taċ-ċessjoni tal-polza, kompletament jew parzjalment. Meta jiġu identifikati riskji ikbar, minbarra li japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu:

(a)

jgħarrfu lill-maniġment superjuri qabel ma jitħallas ir-rikavat mill-polza;

(b)

iwettqu skrutinju msaħħaħ tar-relazzjoni ta' negozju kollha mad-detentur tal-polza.

Artikolu 22

Fejn persuna esposta politikament ma tibqax fdata b'funzjoni pubblika prominenti minn Stat Membru jew pajjiż terz, jew xi funzjoni pubblika prominenti minn organizzazzjoni internazzjonali, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom, tal-anqas għal 12-il xahar, għandhom ikunu meħtieġa jikkunsidraw ir-riskju li dik il-persuna tibqa' timponi u li japplikaw miżuri xierqa u sensittivi għar-riskji sakemm dik il-persuna titqies li ma tkun għadha timponi l-ebda riskju speċifiku għal persuni esposti politikament.

Artikolu 23

Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 20 u 21 għandhom japplikaw ukoll għal membri tal-familja jew persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib ma' persuni esposta politikament.

Artikolu 24

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji milli jidħlu f'relazzjoni korrispondenti ma' shell bank jew jibqgħu fiha. Huma għandhom jirrikjedu li dawk l-istituzzjonijiet jieħdu miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li la jibdew u lanqas ma jibqgħu f'relazzjonijiet korrispondenti ma' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li jkun magħruf li tippermetti li l-kontijiet tagħha jintużaw minn shell bank.

TAQSIMA 4

Eżekuzzjoni minn partijiet terzi

Artikolu 25

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jiddependu fuq partijiet terzi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1). Madankollu, ir-responsabbiltà finali li dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti għandha tibqa' tal-entità marbuta b'obbligu li tiddependi fuq il-parti terza.

Artikolu 26

1.   Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, “partijiet terzi” tfisser l-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fl-Artikolu 2, l-organizzazzjonijiet jew il-federazzjonijiet membri ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu, jew istituzzjonijiet jew persuni oħra li jinsabu fi Stat Membru jew f'pajjiż terz li:

(a)

japplika rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti u ta' żamma ta' rekords li huma konsistenti ma' dawk stabbiliti f'din id-Direttiva; u

(b)

l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva tkun sorveljata b'mod konsistenti mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiddependu fuq partijiet terzi stabbiliti f'pajjiżi terzi b'riskju kbir. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw fergħat u sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma tal-entitajiet marbutin b'obbligu stabbiliti fl-Unjoni minn dik il-projbizzjoni fejn dawk il-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b'mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu skont l-Artikolu 45.

Artikolu 27

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiksbu mill-parti terza li jkunu qegħdin jiddependu fuqha l-informazzjoni li tkun meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b), u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu li lilhom jiġi riferut il-klijent jieħdu passi adegwati biex jiżguraw li l-parti terza tipprovdi, minnufih, fuq talba, il-kopji rilevanti tad-data ta' identifikazzjoni u verifika u dokumentazzjoni rilevanti oħra fuq l-identità tal-klijent jew is-sid benefiċjarju.

Artikolu 28

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju (għal politiki u proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu) u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti (għall-fergħat u s-sussidjarji) jistgħu jqisu li entità marbuta b'obbligu tikkonforma mad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikoli 26 u 27 permezz tal-programm tagħha għall-grupp, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-entità marbuta b'obbligu tiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta minn parti terza li hija parti mill-istess grupp;

(b)

dak il-grupp japplika miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, regoli dwar iż-żamma tar-rekords u programmi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità ma' din id-Direttiva jew regoli ekwivalenti;

(c)

l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) hija ssorveljata fil-livell tal-grupp minn awtorità kompetenti tal-Istati Membru tad-domiċilju jew tal-pajjiż terz.

Artikolu 29

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għal relazzjonijiet ta' esternalizzazzjoni jew tal-aġenziji fejn, abbażi ta' arranġament kuntrattwali, il-fornitur jew l-aġent tas-servizz ta' esternalizzazzjoni għandu jitqies bħala parti mill-entità marbuta b'obbligu.

KAPITOLU III

INFORMAZZJONI DWAR IS-SJIEDA BENEFIĊJARJA

Artikolu 30

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet korporattivi u dawk ġuridiċi oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom ikunu meħtieġa jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, inkluż id-dettalji tal-interessi benefiċjarji miżmuma.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minbarra informazzjoni dwar is-sid ġuridiku tagħhom, dawk l-entitajiet ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar is-sid benefiċjarju lill-entitajiet marbutin b'obbligu, meta l-entitajiet marbutin b'obbligu jkunu qed jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli b'mod f'waqtu mill-awtoritajiet kompetenti u mill-UIF.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinżamm f'reġistru ċentrali f'kull Stat Membru, pereżempju reġistru kummerċjali, reġistru tal-kumpanniji kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31), jew reġistru pubbliku. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-karatteristiċi ta' dawk il-mekkaniżmi nazzjonali lill-Kummissjoni. L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li tkun tinsab f'dik il-bażi ta' data tista' tinġabar f'konformità mas-sistemi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 tkun adegwata, preċiża u attwali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a)

awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ebda restrizzjoni;

(b)

entitajiet marbutin b'obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Kapitolu II;

(c)

kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista' turi interess leġittimu.

Il-persuni jew organizzazzjonijiet imsemmijin fil-punt (c) għandhom jaċċessaw tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, in-nazzjonalità u l-pajjiż tar-residenza tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għandu jsir f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u tista' tkun soġġetta għal reġistrazzjoni online u għall-ħlas ta' tariffa. It-tariffi imposti għall-ksib tal-informazzjoni ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż amministrattivi tiegħu.

6.   Ir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiżgura aċċess f'waqtu u mhux ristrett mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-entità kkonċernata. Huwa għandu wkoll jippermetti aċċess f'waqtu mill-entitajiet marbutin b'obbligu fit-teħid ta' miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 lill-awtoritajiet kompetenti u lill-UIF ta' Stati Membri oħra b'mod f'waqtu.

8.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux jiddependu esklużivament mir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 biex iwettqu r-rekwiżiti tagħhom ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformita' tal-Kapitolu II. Dawk ir-rekwi#iti għandhom jiġu sodisfatti bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

9.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal għal eżenzjoni għall-aċċess imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 5 għall-informazzjoni kollha dwar is-sjieda benefiċjarja jew għal parti minnha fuq bażi ta' każ b'każ f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn tali aċċess jesponi lis-sid benefiċjarju għar-riskju ta' frodi, sekwestru, rikatt, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi għal xi raġuni oħra. L-eżenzjonijiet mogħtija bis-saħħa ta' dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u għall-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 2(1) li jkunu uffiċjali pubbliċi.

10.   Sas-26 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta l-kondizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tar-reġistri ċentrali msemmija fil-paragrafu 3 permezz tal-pjattaforma ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 4a(1) tad-Direttiva 2009/101/KE. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

Artikolu 31

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fiduċjarji ta' kwalunkwe trust speċifika rregolata mil-liġi tagħhom tikseb u żżomm informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trust. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità ta':

(a)

is-settlor;

(b)

il-fiduċjarju/i;

(c)

il-protettur (jekk hemm);

(d)

il-benefiċjarji jew il-klassi ta' benefiċjarji; u

(e)

kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll effettiv fuq it-trust.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fiduċjarji jiżvelaw l-istatus tagħhom u jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b'mod f'waqtu lill-entitajiet marbutin b'obbligu fejn, bħala fiduċjarju, il-fiduċjarju joħloq relazzjoni ta' negozju jew iwettaq transazzjoni okkażjonali ogħla mil-livelli massimi stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 11.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli b'mod f'waqtu mill-awtoritajiet kompetenti u mill-UIF.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinżamm f'reġistru ċentrali meta t-trust tkun tiġġenera konsegwenzi fiskali. Ir-reġistru ċentrali għandu jiżgura aċċess f'waqtu u mhux ristrett mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-partijiet tat-trust ikkonċernata. Huwa għandu wkoll jippermetti aċċess f'waqtu mill-entitajiet marbutin b'obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Kapitolu II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-karatteristiċi ta' dawk il-mekkaniżmi nazzjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 4 tkun adegwata, preċiża u aġġornata.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux jiddependu esklużivament mir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 4 biex iwettqu r-rekwiżiti tagħhom ta' diliġenza dovuta tal-klijenti kif stabbilit fil-Kapitolu II. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu sodisfatti bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 4 lill-awtoritajiet kompetenti u lill-UIF ta' Stati Membri oħra b'mod f'waqtu.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri previsti f'dan l-Artikolu japplikaw għal tipi oħra ta' arranġamenti legali li jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts.

9.   Sas-26 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta l-kondizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tar-reġistri ċentrali. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

KAPITOLU IV

OBBLIGI TA' RAPPURTAR

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 32

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi UIF biex tipprevjeni, tindividwa u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod effettiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-isem u l-indirizz tal-UIF rispettivi.

3.   Kull UIF għandha topera b'mod indipendenti u awtonomu li jfisser li UIF ikollha l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi li tanalizza, titlob u tqassam informazzjoni speċifika. L-UIF bħala l-unità nazzjonali ċentrali għandha tkun responsabbli milli tirċievi u tanalizza rapporti dwar transazzjonijiet suspettużi u informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu. L-UIF għandha tkun responsabbli għat-tqassim tar-riżultati tal-analiżi tagħha u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti fejn ikun hemm raġunijiet għal suspett ta' ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati jew finanzjament tat-terroriżmu. Għandu jkun possibbli li din tikseb informazzjoni addizzjonali minn entitajiet marbutin b'obbligu.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-UIF tagħhom b'riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex jwettqu l-kompiti tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jkollhom aċċess, direttament jew indirettament, b'mod opportun, għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u marbuta mal-infurzar tal-liġi li hija tkun teħtieġ sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha adegwatament. L-UIF għandhom ikunu jistgħu jwieġbu għal talbiet għall-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom meta dawn ikunu motivati minn tħassib marbut mal-ħasil ta' flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Id-deċiżjoni dwar it-twettiq ta' analiżi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tittieħed mill-UIF.

5.   Fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi sabiex wieħed jassumi li l-forniment ta' tali informazzjoni jkollu impatt negattiv fuq l-investigazzjonijiet jew l-analiżi li jkunu għaddejjin f'dak il-mument, jew, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jkun jidher ċar li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni tkun sproporzjonata għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun intalbet, l-UIF ma għandha tkun taħt l-ebda obbligu li tissodisfa t-talba għall-informazzjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu feedback lill-UIF dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni pprovduta f'konformità ma' dan l-Artikolu u dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet imwettqa abbażi ta' dik l-informazzjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF ikollha s-setgħa li tieħu azzjoni urġenti, direttament jew indirettament, fejn jkun hemm suspett li transazzjoni tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li tissospendi jew tiċħad il-kunsens li transazzjoni tipproċedi, sabiex tanalizza t-transazzjoni, tikkonferma s-suspett u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi tagħha mal-awtoritajiet kompetenti. L-UIF għandu jkollha s-setgħa li tieħu din l-azzjoni, direttament jew indirettament, fuq it-talba ta' UIF minn Stat Membru ieħor għall-perijodi u bil-kondizzjonijiet speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-UIF li tirċievi t-talba.

8.   Il-funzjoni ta' analiżi tal-UIF għandha tikkonsisti f'dan li ġej:

(a)

analiżi operattiva li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula adatta, skont it-tip u l-volum tal-informazzjoni żvelata li tkun irċeviet u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara l-kondiviżjoni; u

(b)

analiżi strateġika li tindirizza t-tendenzi u x-xejriet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 33

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu, u fejn applikabbli d-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkooperaw b'mod sħiħ billi fil-pront:

(a)

jinformaw lill-UIF, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ta' rapport, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta l-entità marbuta b'obbligu tkun taf, tissuspetta jew ikollha raġunijiet validi biex tissuspetta li l-fondi, irrispettivament mill-ammont ikkonċernat, huma r-rikavat ta' attività kriminali jew huma relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, u billi jwieġbu minnufih għal talbiet għal aktar informazzjoni mill-UIF f'każijiet bħal dawn; u

(b)

jipprovdu lill-UIF fuq talba tagħha, direttament jew indirettament, l-informazzjoni kollha meħtieġa, f'konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-liġi applikabbli.

It-transazzjonijiet suspettużi kollha, inklużi tentattivi ta' transazzjonijiet, għandhom jiġu rapportati.

2.   Il-persuna maħtura f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 8(4) għandha tgħaddi l--informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b'obbligu li tkun qed tgħaddi l-informazzjoni.

Artikolu 34

1.   B'deroga mill-Artikolu 33(1), l-Istati Membri jistgħu, fil-każ tal-entitajiet marbuta b'obbligu msemmija fil-punt 3(a), (b), u (d) tal-Artikolu 2(1) jinnominaw korp awtoregolatorju adatt tal-professjoni kkonċernata bħala l-awtorità li għandha tirċievi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(1).

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-korp awtoregolatorju nominat għandu jgħaddi l-informazzjoni lill-UIF minnufih u eżatt kif inhi.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 33(1) għal nutara, professjonisti legali indipendenti oħrajn, awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti fiskali, sal-punt strettament biss fejn din l-eżenzjoni tkun marbuta mal-informazzjoni li huma jirċievu minn, jew jiksbu dwar, xi wieħed mill-klijenti tagħhom, meta jkunu qegħdin jiddeterminaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew fit-twettiq tal-kompitu tagħhom li jiddefendu jew jirrappreżentaw lil dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inklużi l-għoti ta' pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta' tali proċedimenti, sew jekk tali informazzjoni tasal jew tinkiseb qabel, matul jew wara dawn il-proċedimenti.

Artikolu 35

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jwettqux transazzjonijiet li jafu jew jissuspettaw li huma relatati ma' rikavat ta' attività kriminali jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, sakemm ikunu wettqu l-azzjoni meħtieġa f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) u jkunu kkonformaw ma' kwalunkwe struzzjoni speċifika ulterjuri mill-UIF jew mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru rilevanti.

2.   Fejn ikun impossibbli li ma jsirux it-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew fejn it-twettiq tagħhom jista' jfixkel l-isforzi biex jiġu segwiti l-benefiċjarji ta' operazzjoni suspettata, l-entitajiet marbutin b'obbligu kkonċernati għandhom jinformaw lill-UIF immedjatament wara.

Artikolu 36

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk, matul il-kontrolli mwettqa fuq l-entitajiet marbutin b'obbligu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 48, jew b'xi mod ieħor, dawk l-awtoritajiet jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-UIF.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi superviżuri mogħtija s-setgħa skont il-liġi jew xi regolament li jissorveljaw il-Borża, is-swieq tal-kambju u s-swieq ta' derivattivi finanzjarji jinformaw lill-UIF jekk jiskopri fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 37

L-iżvelar tal-informazzjoni bona fide minn entità marbuta b'obbligu jew minn impjegat jew direttur ta' tali entità marbuta b'obbligu f'konformità mal-Artikoli 33 u 34, ma għandux jikkostitwixxi ksur ta' xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta' informazzjoni imposta b'kuntratt jew b'xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandu jinvolvi lill-entità marbuta b'obbligu jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha fl-ebda tip ta' responsabbiltà, anke f'ċirkostanzi fejn ma kinux konxji b'mod preċiż tal-attività kriminali sottostanti, u irrispettivament minn jekk l-attività illegali tkunx fil-fatt twettqet.

Artikolu 38

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b'obbligu li jirrapportaw suspetti ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu kemm meta jagħmlu dan internament kif ukoll meta jagħmlu dan lill-UIF ikunu protetti kif xieraq milli jiġu esposti għal theddid jew azzjoni ostili, u b'mod partikolari minn azzjonijiet ta' impjieg avversi jew diskriminatorji.

TAQSIMA 2

Projbizzjoni ta' żvelar

Artikolu 39

1.   L-entitajiet marbutin b'obbligu u d-diretturi u l-impjegati tagħhom ma għandhomx jiżvelaw lill-klijent ikkonċernat jew lil partijiet terzi oħrajn il-fatt li l-informazzjoni tkun qed tintbagħat, ser tintbagħat jew tkun intbagħtet f'konformità mal-Artikoli 33 jew 34 jew li tkun qed titwettaq analiżi dwar ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu jew li din tista' titwettaq.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tinkludi żvelar lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-korpi awtoregolatorji, jew l-iżvelar għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

3.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprekludi l-iżvelar bejn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji jew bejn dawk l-istituzzjonijiet u l-fergħat tagħhom u sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma stabbiliti f'pajjiżi terzi, sakemm dawk il-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b'mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu, inklużi proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp, f'konformità mal-Artikolu 45, u sakemm il-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

4.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprekludi l-iżvelar bejn l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 2(1), jew entitajiet minn pajjiżi terzi li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom, kemm bħala impjegati jew mhux bħala impjegati, fl-istess persuna ġuridika jew struttura aktar wiesgħa li l-persuna tagħmel parti minnha u li tikkondividi sjieda komuni, ġestjoni jew kontroll tal-konformità.

5.   Għall-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punti (1), (2), (3)(a) u (b) fl-Artikolu 2(1), f'każijiet relatati mal-istess klijent u l-istess transazzjoni li tinvolvi żewġ entitajiet marbutin b'obbligu jew aktar, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tipprevjeni l-iżvelar bejn l-entitajiet marbutin b'obbligu rilevanti dment li jkunu minn Stat Membru, jew entitajiet f'pajjiż terz li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, u dment li huma mill-istess kategorija professjonali u huma soġġetti għal obbligi fir-rigward tas-segretezza professjonali u l-protezzjoni tad-data personali.

6.   Fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 2(1) jippruvaw jiddisswadu klijent milli jieħu sehem f'attività illegali, dak ma għandux jikkostitwixxi żvelar fis-sens tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU V

PROTEZZJONI TAD-DATA, ŻAMMA TA' REĠISTRI U DATA STATISTIKA

Artikolu 40

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet obbligati jżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin f'konformità mal-liġi nazzjonali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni, mill-UIF jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn, ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu possibbli:

(a)

fil-każ ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni li huma neċessarji biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-Kapitolu II, għal perijodu ta' ħames snin wara li r-relazzjoni ta' negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta' transazzjoni okkażjonali.

(b)

l-evidenza ta' sostenn u r-rekords tat-transazzjonijiet, li jikkonsistu mid-dokumenti oriġinali jew kopji ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali applikabbli, li huma neċessarji biex jiġu identifikati t-transazzjonijiet, għal perijodu ta' ħames snin wara li r-relazzjoni ta' negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta' transazzjoni okkażjonali.

Mal-iskadenza tal-perijodi ta' żamma msemmijin fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet obbligati jħassru d-data personali, dment li ma jkunx previst mod ieħor skont il-liġi nazzjonali, li għandha tiddetermina taħt liema ċirkostanzi l-entitajiet marbutin b'obbligu jistgħu jew għandhom ikomplu jżommu d-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ulterjuri biss wara li jkunu wettqu evalwazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri, u jikkunsidrawha ġustifikata bħala neċessarja għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perijodu ta' żamma ulterjuri ma għandux, fi kwalunkwe każ, jaqbeż il-ħames snin addizzjonali.

2.   Fejn, fil-25 ta' Ġunju 2015, il-proċedimenti legali marbuta mal-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu huma pendenti fi Stat Membru, u entità marbuta b'obbligu żżomm informazzjoni jew dokumenti dwar dawn il-proċeduri pendenti, l-entità obbligata tista' żżomm dik l-informazzjoni jew dawk id-dokumenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali għal perijodu ta' ħames snin mill-25 ta' Ġunju 2015. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti legali li għaddejjin bħalissa, jippermettu jew jirrikjedu iż-żamma ta' tali informazzjoni jew dokumenti għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin, fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri tkun ġiet stabbilita għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

Artikolu 41

1.   L-ipproċessar ta' data personali taħt din id-Direttiva hija soġġetta għad-Direttiva 95/46/KE, kif trasposta fil-liġi nazzjonali. Id-data personali li hija pproċessata skont din id-Direttiva mill-Kummissjoni u mill-ASE hija soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Id-data personali għandha tiġi proċessata mill-entitajiet marbutin b'obbligu abbażi ta' din id-Direttiva biss għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' din id-Direttiva għal kwalunkwe fini ieħor bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun projbit.

3.   L-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jipprovdu lill-klijenti l-ġodda bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE qabel ma jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju jew iwettqu transazzjoni okkażjonali. Dik l-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tinkludi avviż ġenerali dwar l-obbligi legali ta' entitajiet marbutin b'obbligu taħt din id-Direttiva li jipproċessaw data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

4.   Fl-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-iżvelar stipulata fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġislattivi li jirrestrinġu, kompletament jew parzjalment, id-dritt tas-suġġett tad-data għall-aċċess għad-data personali relatata miegħu jew magħha sal-punt li tali restrizzjoni parzjali jew kompleta tikkostitwixxi miżura neċessarja u sproporzjonata f'soċjetà demokratika b'konsiderazzjoni xierqa lejn l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata sabiex:

(a)

l-entità marbuta b'obbligu jew l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista' tissodisfa l-kompiti tagħha b'mod korrett għall-finijiet ta' din id-Direttiva; jew

(b)

jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżi, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta' din id-Direttiva u sabiex ikun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma jiġux ipperikolati.

Artikolu 42

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu tagħhom ikollhom fis-seħħ sistemi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwieġbu b'mod sħiħ u rapidu għal mistoqsijiet mill-UIF tagħhom, jew minn awtoritajiet oħrajn, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, dwar jekk attwalment għandhomx jew kellhomx, matul perijodu ta' ħames snin qabel dak il-kweżitu, relazzjoni ta' negozju ma' persuni speċifikati u dwar in-natura ta' dik ir-relazzjoni, b'mezzi siguri u b'mod li jiżgura l-kunfidenzjalità sħiħa tal-kweżitu.

Artikolu 43

L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' din id-Direttiva għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun kkunsidrat bħala kwistjoni ta' interess pubbliku skont id-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 44

1.   Sabiex jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-valutazzjonijiet tar-riskju skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu janalizzaw l-effettività tas-sistemi tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu billi jżommu statistika komprensiva dwar kwistjonijiet rilevanti għall-effettività ta' tali sistemi.

2.   L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

data li tkejjel id-daqs u l-importanza tas-setturi differenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż in-numru ta' entitajiet u persuni u l-importanza ekonomika ta' kull settur;

(b)

data li tkejjel il-fażijiet ta' rappurtar, ta' investigazzjoni u dawk ġudizzjarji tar-reġim nazzjonali tal-AML/CFT, inkluż in-numru ta' rapporti ta' transazzjonijiet suspettużi li saru lill-UIF, il-mod kif ġew segwiti dawk ir-rapporti u, fuq bażi annwali, in-numru ta' każijiet investigati, in-numru ta' persuni mixlijin, in-numru ta' persuni kkundannati għal reati ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, it-tipi ta' reati predikati, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli, u l-valur f'euro ta' proprjetà li tkun ġiet iffriżata, sekwestrata jew ikkonfiskata;

(c)

jekk disponibbli, data li tidentifika n-numru u l-perċentwal ta' rapporti li jirriżultaw f'investigazzjoni ulterjuri, flimkien mar-rapport annwali lill-entitajiet marbutin b'obbligu li jagħti fid-dettall l-utilità u s-segwitu tar-rapporti dwar ir-rapporti li jkunu ppreżentaw;

(d)

data rigward in-numru ta' talbiet transkonfinali għal informazzjoni li jkunu saru, ġew riċevuti, irrifjutati u parzjalment jew kompletament imwieġba mill-UIF.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata analiżi kkonsolidata tal-istatistika tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni.

KAPITOLU VI

POLITIKI, PROĊEDURI U SUPERVIŻJONI

TAQSIMA 1

Proċeduri interni, taħriġ u feedback

Artikolu 45

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu li huma parti minn grupp jimplimentaw politiki u proċeduri għall-grupp kollu, inklużi l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data u politiki u proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet tal-AML/CFT. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv fil-livell tal-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma fl-Istati Membri u pajjiżi terzi.

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw stabbilimenti fi Stat Membru ieħor jiżguraw li dawk l-istabbilimenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor li jittrasponi din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi, fejn ir-rekwiżiti minimi tal-AML/CFT huma inqas stretti minn dawk tal-Istat Membru, il-fergħat u s-sussidjarji tagħhom li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma li jinstabu fil-pajjiż terz jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-Istat Membru, inkluż il-protezzjoni tad-data, sa fejn hu permess mil-liġi tal-pajjiż terz.

4.   L-Istati Membri u l-ASE għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar istanzi li fihom il-liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri meħtieġa skont il-paragrafu 1. F'tali każijiet, tista' tittieħed azzjoni kkoordinata biex tinstab soluzzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn il-liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri meħtieġa skont il-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b'obbligu jiżguraw li l-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma f'dak il-pajjiż terz japplikaw miżuri addizzjonali biex jindirizzaw b'mod effettiv ir-riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, u jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Jekk il-miżuri addizzjonali ma jkunux biżżejjed, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jeżerċitaw azzjonijiet superviżorji addizzjonali, inkluż li jirrikjedu li l-grupp ma jistabbilixxix relazzjonijiet ta' negozju jew li jtemmhom, u li ma jwettaqx transazzjonijiet u, fejn meħtieġ, jitolbu lill-grupp biex ma jibqax jopera fil-pajjiż terz.

6.   L-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-tip ta' miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 u l-azzjoni minima li għandha tittieħed mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji meta l-liġi ta' pajjiż terz ma tkunx tippermetti l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 3.

L-ASE għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel paragrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta' Diċembru 2016.

7.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun permessal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp. Informazzjoni dwar suspetti li l-fondi jkunu r-rikavat ta' attività kriminali jew li jkunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, li tiġi rrappurtata lill-UIF għandha tiġi kondiviża fil-grupp, dment li ma jkunx hemm struzzjonijiet oħra mill-UIF.

9.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-emittenti ta' flus elettroniċi kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tagħhom ikun jinstab fi Stat Membru ieħor, jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fit-territorju tagħhom biex, f'isem l-istituzzjoni tal-ħatra, jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-AML/CFT u li jiffaċilitaw is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż billi fuq talba, jipprovdu d-dokumenti u l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

10.   L-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji biex jiġu ddeterminati ċ-ċirkostanzi li fihom ikun xieraq li jinħatar punt ta' kuntatt ċentrali skont il-paragrafu 9, u dwar x'għandhom ikunu l-funzjonijiet tal-punti ta' kuntatt ċentrali.

L-ASE għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta' Ġunju 2017.

11.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 46

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu miżuri proporzjonati għar-riskji, in-natura u d-daqs tagħhom biex l-impjegati tagħhom ikunu konxji mid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, inklużi r-rekwiżiti rilevanti għall-protezzjoni tad-data.

Dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħhom fi programmi ta' taħriġ speċjali kontinwu li jgħinuhom jagħrfu dawk l-operazzjonijiet li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu u li jagħtuhom istruzzjonijiet dwar kif għandhom jipproċedu f'każijiet bħal dawn.

Fejn persuna fiżika li taqa' taħt waħda mill-kategoriji elenkati fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) teżegwixxi l-attivitajiet professjonali bħala impjegat ta' persuna ġuridika, l-obbligi stabbiliti f'din it-Taqsima għandhom japplikaw għal dik il-persuna ġuridika pjuttost milli għall-persuna fiżika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-prattiki ta' dawk li jwettqu ħasil tal-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu u dwar indikazzjonijiet li jwasslu għal rikonoxximent ta' transazzjonijiet suspettużi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun prattiku, jingħata feedback f'waqtu lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar l-effettività u s-segwitu tar-rapporti ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

4.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn applikabbli, l-entitajiet marbutin b'obbligu jidentifikaw il-membru tal-bord ta' tmexxija li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva.

TAQSIMA 2

Superviżjoni

Artikolu 47

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-uffiċċji tal-kambju u l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet u l-fornituri ta' servizzi fiduċjarji jew għall-kumpanniji jkollhom liċenzja jew ikunu rreġistrati u l-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard għandhom ikunu regolati.

2.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-persuni li jkollhom kariga ta' tmexxija fl-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew li huma s-sidien benefiċjarji ta' entitajiet bħal dawn, ikunu persuni kompetenti u idonei.

3.   Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu lill-kriminali misjuba ħatja ta' reat fl-oqsma rilevanti jew lill-assoċjati tagħhom milli jkollhom kariga ta' tmexxija f'dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu jew li jkunu s-sidien benefiċjarji tagħhom.

Artikolu 48

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu monitoraġġ effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jiżguraw li jkun hemm konformità ma' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat adegwati, inkluża s-setgħa li jitolbu l-produzzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità u li jwettqu verifiki, u jkollhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta' dawk l-awtoritajiet iżommu standards professjonali għoljin, inklużi standards ta' kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data, li huma ta' integrità għolja u li għandhom ħiliet xierqa.

3.   Fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat superviżorji msaħħa.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-entità marbuta b'obbligu topera xi stabbilimenti, iwettqu superviżjoni biex jiżguraw li dawk l-istabbilimenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' dak l-Istat Membru li jittrasponi din id-Direttiva. Fil-każ tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 45(9), tali superviżjoni tista' tinkludi t-teħid ta' miżuri adatti u proporzjonati biex jindirizzaw nuqqasijiet serji li jeħtieġu rimedji immedjati. Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u jiġu terminati meta n-nuqqasijiet identifikati jiġu indirizzati, inkluż bl-għajnuna tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-entità marbuta b'obbligu, f'konformità mal-Artikolu 45(2).

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jiġu operati stabbilimenti mill-entità marbuta b'obbligu għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-entità marbuta b'obbligu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, biex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi applikat approċċ fuq il-bażi tar-riskju għas-superviżjoni, l-awtoritajiet kompetenti:

(a)

ikunu jifhmu b'mod ċar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu preżenti fl-Istati Membri tagħhom;

(b)

ikollhom aċċess fuq il-post u mhux fuq il-post għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-riskji domestiċi u internazzjonali speċifiċi assoċjati ma' klijenti, prodotti u servizzi tal-entitajiet marbutin b'obbligu; u

(c)

jibbażaw il-frekwenza u l-intensità tas-superviżjoni fuq il-post u mhux fuq il-post fuq il-profil ta' riskju tal-entitajiet marbutin b'obbligu, u fuq ir-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu preżenti f'dak l-Istat Membru.

7.   Il-valutazzjoni tal-profil ta' riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu ta' entitajiet marbutin b'obbligu, inklużi r-riskji ta' nuqqas ta' konformità, għandha tiġi rieżaminata kemm b'mod perjodiku kif ukoll meta jseħħu avvenimenti jew żviluppi ewlenin fit-tmexxija u l-operazzjonijiet tagħhom.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-livell ta' diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b'obbligu, u janalizzaw kif xieraq il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta' din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni tagħha.

9.   Fil-każ tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punti (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jitwettqu minn korpi awtoregolatorji, dment li dawk il-korpi awtoregolatorji jikkonformaw mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

10.   Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom, joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 rigward il-karatteristiċi ta' approċċ għas-superviżjoni li jkun sensittiv għar-riskji u l-passi li għandhom jittieħdu meta jwettqu superviżjoni fuq il-bażi ta' sensittività għar-riskji. Għandhom jitqiesu speċifikament in-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn dan ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.

TAQSIMA 3

Kooperazzjoni

Subtaqsima I

Kooperazzjoni nazzjonali

Artikolu 49

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politiki, l-UIF, is-superviżuri u awtoritajiet kompetenti oħrajn involuti fl-AML/CFT ikollhom mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw fil-livell domestiku dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż bil-għan li jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 7.

Subtaqsima II

Kooperazzjoni mal-ASE

Artikolu 50

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ASE l-informazzjoni kollha neċessarja biex tippermettilhom li jwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva.

Subtaqsima III

Kooperazzjoni bejn l-UIF u l-Kummissjoni

Artikolu 51

Il-Kummissjoni tista' tagħti assistenza bħal din kif meħtieġ sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-UIF, fi ħdan l-Unjoni. Hija tista' tlaqqa' b'mod regolari lir-rappreżentanti mill-Istati Membri tal-Pjattaforma tal-UIF tal-UE, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-UIF, isir skambju ta' fehmiet u jingħataw pariri dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti għall-UIF u l-entitajiet relaturi kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni bħal kooperazzjoni effettiva tal-UIF, l-identifikazzjoni ta' transazzjonijiet suspettużi b'dimensjoni transkonfinali, l-istandardizzazzjoni tal-formati ta' rappurtar permezz tan-netwerk FIU.net jew is-suċċessur tiegħu, l-analiżi konġunta ta' każijiet transkonfinali, u l-identifikazzjoni tat-tendenzi u l-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji marbutin mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak sovranazzjonali.

Artikolu 52

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jikkooperaw kemm jista' jkun ma' xulxin, irrispettivament mill-istatus tal-organizzazzjoni tagħhom.

Artikolu 53

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jiskambjaw, minn jeddhom jew fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta' informazzjoni mill-UIF, relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u l-persuna fiżika jew ġuridika involuta, anki jekk it-tip ta' reati predikati li jistgħu jkunu involuti ma jiġix identifikat waqt l-iskambju.

Talba għandu jkollha l-fatti rilevanti, informazzjoni ta' sfond, raġunijiet għat-talba u kif ser tintuża l-informazzjoni mitluba. Jistgħu jiġu applikati mekkaniżmi ta' skambju differenti jekk ikun hemm qbil bejn l-UIF, b'mod partikolari fir-rigward ta' skambji permezz tal-FIU.net jew is-suċċessur tiegħu.

Meta UIF tirċievi rapport skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) li jikkonċerna Stat Membru ieħor, hi għandha tibagħtu minnufih lill-UIF ta' dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF li tirċievi t-talba tkun meħtieġa tuża l-firxa sħiħa tas-setgħat disponibbli tagħha li normalment tuża fil-livell domestiku biex tirċievi u tanalizza l-informazzjoni meta twieġeb għal talba għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 minn UIF tal-UE oħra. L-UIF li tirċievi t-talba għandha twieġeb mingħajr dewmien.

Meta UIF tfittex li tikseb informazzjoni addizzjonali minn entità marbuta b'obbligu stabbilita fi Stat Membru ieħor li topera fit-territorju tagħha, it-talba għandha tiġi indirizzata lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-entità marbuta b'obbligu. Dik l-UIF għandha tibgħat u twieġeb it-talbiet minnufih.

3.   UIF tista' tiċħad li tagħmel skambju ta' informazzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss fejn l-iskambju jista' jmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali tiegħu. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu speċifikati b'mod li jimpedixxi l-użu ħażin, u limitazzjonijiet indebiti fuq, l-iskambju liberu ta' informazzjoni għal skopijiet analitiċi.

Artikolu 54

L-informazzjoni u d-dokumenti riċevuti skont l-Artikoli 52 u 53 għandhom jintużaw għat-twettiq tal-kompiti tal-UIF kif stabbiliti f'din id-Direttiva. Meta tiskambja informazzjoni u dokumenti skont l-Artikoli 52 u 53, l-UIF li tkun qed tittrasmettihom tista' timponi restrizzjonijiet u kondizzjonijiet għall-użu ta' dik l-informazzjoni. L-UIF riċeventi għandha tikkonforma ma' dawk ir-restrizzjonijiet u l-kondizzjonijiet.

Artikolu 55

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 52 u 53 tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet jew ingħatat u li kwalunkwe disseminazzjoni ta' dik l-informazzjoni mill-UIF li tirċeviha ma' xi awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor, jew kwalunkwe użu ta' din l-informazzjoni għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk oriġinarjament approvati, tiġi soġġetta għal kunsens minn qabel mill-UIF li tipprovdi l-informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsens minn qabel tal-UIF li tirċievi t-talba biex tikkondividi l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti jingħata minnufih u bl-aktar mod mifrux possibbli. L-UIF li tirċievi t-talba għandha tiċħad il-kunsens tagħha li ssir din il-kondiviżjoni biss jekk din tmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT tagħha, tista' xxekkel l-investigazzjoni kriminali, ikun ċar li tkun sproporzjonata għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika jew l-Istat Membru tal-UIF li tirċievi t-talba, jew inkella ma tkunx f'konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Kwalunkwe ċaħda ta' dan it-tip għall-għoti tal-kunsens għandha tkun spjegata b'mod adatt.

Artikolu 56

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-UIF tagħhom jużaw mezzi ta' komunikazzjoni protetti bejniethom u li jinkoraġġixxu l-użu tan-netwerk FIU.net jew is-suċċessur tiegħu.

2.   Bil-għan li jwettqu l-kompiti tagħhom kif stipulat f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jikkooperaw fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Dawk it-teknoloġiji għandhom jippermettu li l-UIF iqabblu d-data tagħhom ma' dik ta' UIF oħrajn b'mod anonimu billi tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-data personali bil-għan li jiġu identifikati s-suġġetti li jinteressaw lill-UIF fi Stati Membri oħrajn u li jiġu identifikati r-rikavat u l-fondi tagħhom.

Artikolu 57

Id-differenzi bejn id-definizzjonijiet ta' reati fiskali fil-liġi nazzjonali ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-UIF li jiskambjaw informazzjoni jew jipprovdu assistenza lil UIF oħra, bl-aktar mod mifrux possibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

TAQSIMA 4

Sanzjonijiet

Artikolu 58

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva f'konformità ma' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 59 sa 61. Kwalunkwe sanzjoni jew miżura li tirriżulta għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet u miżuri amministrattivi u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu tali sanzjonijiet u miżuri fir-rigward ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi għal ksur li jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn obbligi japplikaw għal persuni ġuridiċi fil-każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet u miżuri fir-rigward tal-membri tal-korp maniġerjali, u persuni fiżiċi oħrajn li jkunu responsabbli għall-ksur skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha meħtieġa biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f'konformità ma' din id-Direttiva u mal-liġi nazzjonali, fi kwalunkwe mod fost dawn li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil tali awtoritajiet oħrajn;

(d)

b'applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk il-miżuri amministrattivi jew is-sanzjonijiet jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

Artikolu 59

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika tal-inqas għall-ksur min-naħa tal-entitajiet marbutin b'obbligu li huwa serju, ripetut, sistematiku, jew kombinament ta' dawn, tar-rekwiżiti stipulati fi:

(a)

l-Artikoli 10 sa 24 (diliġenza dovuta tal-klijenti);

(b)

l-Artikoli 33, 34 u 35 (rappurtar ta' transazzjonijiet suspettużi);

(c)

l-Artikolu 40 (żamma ta' rekords); u

(d)

l-Artikoli 45 u 46 (kontrolli interni).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sanzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b)

ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex twaqqaf il-kondotta u li ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c)

fejn entità marbuta b'obbligu tiġi soġġetta għal awtorizzazzjoni, irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni;

(d)

projbizzjoni temporanja kontra kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet ta' tmexxija f'entità marbuta b'obbligu, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli jeżerċitaw funzjonijiet ta' tmexxija f'entitajiet marbutin b'obbligu;

(e)

sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi b'valur ta' mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju li jirriżulta mill-ksur fejn dak il-benefiċċju jkun jista' jiġi ddeterminat jew mill-inqas EUR 1 000 000.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b'deroga minn paragrafu 2(e), fejn l-entità marbuta b'obbligu kkonċernata tkun istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jistgħu jiġu applikati wkoll is-sanzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' persuna ġuridika, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta' mill-inqas EUR 5 000 000 jew 10 % tal-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; fejn l-entità marbuta b'obbligu tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta' impriża prinċipali li hija meħtieġa tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta' dħul skont id-Direttivi rilevanti dwar il-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali finali;

(b)

fir-rigward ta' persuna fiżika, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta' mhux inqas minn EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn il-munita mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fil-25 ta' Ġunju 2015.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu tipi addizzjonali ta' sanzjonijiet amministrattivi barra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 jew li jimponu sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3.

Artikolu 60

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva li ma jistax isir appell kontriha għandha tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna sanzjonata tiġi mgħarrfa b'dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li japplikaw dan is-subparagrafu għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta' natura investigatorja.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni responsabbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew id-data personali ta' tali persuni titqies mill-awtorità kompetenti li hi sproporzjonata wara valutazzjoni skont il-każ imwettqa fir-rigward tal-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' din id-data, jew meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew xi investigazzjoni kurrenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

idewmu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura sal-mument li fih ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva fuq bażi anonima b'mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk din il-pubblikazzjoni anonima tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; fil-każ ta' deċiżjoni li sanzjoni jew miżura amministrattiva tiġi ppubblikata fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista' tiġi posposta għal perijodu ta' żmien raġonevoli jekk ikun previst li matul dak il-perijodu, ir-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jibqgħux jeżistu.

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva fil-każ li l-alternattivi stipulati f'(a) u (b) jitqiesu li mhumiex biżżejjed biex jiġi żgurat li:

(i)

ma tiġix ipperikolata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji; jew

(ii)

tiġi osservata l-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri meqjusa li huma ta' natura minuri.

2.   Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet li jista' jsir appell kontrihom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw minnufih din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta' dan l-appell fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti biex tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tibqa' fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom għal perijodu ta' ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Madankollu, id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti biss għall-perijodu li jkun meħtieġ f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun applikabbli:

(a)

il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b)

il-livell ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, kif indikat pereżempju mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika li tinżamm responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika li tinżamm responsabbli;

(d)

il-benefiċċju li jirriżulta mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, dment li dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(e)

it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, dment li dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(f)

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g)

ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 59(1) imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu ta' dik il-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

is-setgħa li tirrappreżenta l-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

l-awtorità li teżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.

6.   L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' superviżjoni jew ta' kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 5 ta'dan l-Artikolu ippermetta t-twettiq tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 59(1) għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna li taqa' taħt l-awtorità tagħha.

Artikolu 61

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex jinkoraġġixxu r-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti ta' ksur potenzjali jew proprju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a)

proċeduri speċifiċi ta' kif għandhom jaslu r-rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b)

protezzjoni xierqa għal impjegati jew persuni f'pożizzjoni komparabbli, ta' entitajiet marbutin b'obbligu li jirrappurtaw ksur imwettaq fi ħdan l-entità marbuta b'obbligu;

(c)

protezzjoni xierqa għall-persuna akkużata;

(d)

protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll lill-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, f'konformità mal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.

(e)

regoli ċari li jiżguraw li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità fil-każijiet kollha fir-rigward tal-persuna li tirrapporta l-ksur imwettaq fi ħdan l-entità marbuta b'obbligu, sakemm l-iżvelar ma jkunx meħtieġ mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti biex l-impjegati tagħhom jew persuni f'pożizzjoni komparabbli jirrappurtaw ksur internament b'mezz speċifiku, indipendenti u anonimu, proporzjonat għan-natura u d-daqs tal-entità marbuta b'obbligu kkonċernata.

Artikolu 62

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lill-ASE bis-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi kollha imposti f'konformità mal-Artikoli 58 u 59 dwar istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw l-eżistenza ta' kundanna rilevanti fil-kondotta kriminali tal-persuna kkonċernata. Kwalunkwe skambju ta' informazzjoni għal dawk il-finijiet għandu jsir f'konformità mad-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI kif implimentati fil-liġi nazzjonali.

3.   L-ASE għandhom iżommu attiv sit elettroniku b'links għall-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti minn kull awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikolu 60 dwar istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, u għandhom juru l-perijodu ta' żmien li matulu kull Stat Membru jippubblika sanzjonijiet u miżuri amministrattivi.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Il-punt (d) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

il-kontroparti ċentrali hija stabbilita jew awtorizzata f'pajjiż terz li mhuwiex ikkunsidrat, mill-Kummissjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jikkostitwixxu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 64

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-25 ta' Ġunju 2015.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hi ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 65

Sas-26 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 66

Id-Direttivi 2005/60/KE u 2006/70/KE jitħassru b'effett mis-26 ta' Ġunju 2017.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV għal din id-Direttiva.

Artikolu 67

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-26 ta' Ġunju 2017. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 68

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 69

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta' Mejju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 166, 12.6.2013, p. 2.

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 31.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE tal-10 ta' Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, 28.6.1991, p. 77).

(5)  Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-4 ta' Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 76).

(6)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(7)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta' persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta' attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).

(8)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(9)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(10)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(11)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(12)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(13)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(14)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

(15)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(16)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta' April 2009 dwar l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).

(18)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(19)  ĠU C 32, 4.2.2014, p. 9.

(20)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(21)  Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(22)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(23)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(24)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(25)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(26)  Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3).

(27)  Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI tal-21 ta' Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar li tkun magħmula reat kriminali l-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 351, 29.12.1998, p. 1).

(28)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

(29)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(30)  Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(31)  Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti. (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

(32)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-transazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


ANNESS I

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti tal-fatturi varjabbli tar-riskju li għandhom jiġu kkunsidrati mill-entitajiet marbutin b'obbligu meta jkunu qegħdin jiddeterminaw sa fejn għandhom japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Artikolu 13(3):

(i)

l-għan ta' kont jew relazzjoni;

(ii)

il-livell ta' assi li għandhom jiġu ddepożitati minn klijent jew id-daqs tat-transazzjonijiet imwettqa;

(iii)

ir-regolarità jew it-tul ta' żmien tar-relazzjoni ta' negozju.


ANNESS II

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti ta' fatturi u tipi ta' evidenza ta' riskju potenzjalment aktar baxx li jissemmew fl-Artikolu 16:

(1)

Fatturi ta' riskju tal-klijenti:

(a)

kumpanniji pubbliċi kkwotati fil-Borża u soġġetti għal rekwiżiti ta' divulgazzjoni (jew mir-regoli tal-Borża jew permezz ta' liġi jew mezzi eżekuttivi), li jimponu rekwiżiti biex tiġi żgurata trasparenza adegwata tas-sjieda benefiċjarja;

(b)

amministrazzjonijiet jew impriżi pubbliċi;

(c)

klijenti li huma residenti f'żoni ġeografiċi ta' riskju aktar baxx kif indikat fil-punt (3);

(2)

Fatturi ta' riskju tal-prodotti, is-servizzi, it-transazzjonijiet jew il-kanali tad-distribuzzjoni;

(a)

poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja li għalihom il-primjum ikun baxx;

(b)

poloz tal-assigurazzjoni għal skemi tal-pensjonijiet jekk ma jkun hemm l-ebda għażla ta' rtirar bikri u l-polza ma tistax tintuża bħala kollateral;

(c)

skema ta' pensjoni, investiment għall-pensjoni jew skema simili li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar għall-impjegati, fejn il-kontribuzzjonijiet isiru permezz ta' tnaqqis minn salarji, u r-regoli tal-iskema ma jippermettux iċ-ċessjoni tal-interess ta' membru fl-iskema;

(d)

prodotti jew servizzi finanzjarji li jipprovdu servizzi definiti u limitati kif xieraq għal ċerti tipi ta' klijenti, sabiex jiżdied l-aċċess għall-fini ta' inklużjoni finanzjarja;

(e)

prodotti fejn ir-riskju ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu jiġi kkontrollat minn fatturi oħrajn bħal-limiti fuq l-infiq jew it-trasparenza tas-sjieda (eż. ċerti tipi ta' flus elettroniċi;

(3)

Fatturi ta' riskju ġeografiċi:

(a)

Stati Membri;

(b)

pajjiżi terzi li għandhom sistemi effettivi tal-AML/CFT;

(c)

pajjiżi terzi identifikati minn sorsi kredibbli bħala li għandhom livell baxx ta' korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(d)

pajjiżi terzi li, abbażi ta' sorsi kredibbli bħall-evalwazzjonijiet reċiproċi, ir-rapporti ta' valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta' segwitu ppubblikati għandhom ir-rekwiżiti biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet FATF u jimplimentaw b'mod effettiv dawk ir-rekwiżiti.


ANNESS III

Din li ġejja hija lista mhux eżawrjenti ta' fatturi u tipi ta' evidenza ta' riskju potenzjalment ogħla msemmi fl-Artikolu 18(3):

(1)

Fatturi ta' riskju tal-klijenti:

(a)

ir-relazzjoni ta' negozju titwettaq f'ċirkustanzi mhux tas-soltu;

(b)

klijenti li huma residenti f'żoni ġeografiċi ta' riskju ogħla kif indikat fil-punt (3);

(c)

persuni jew arranġamenti ġuridiċi li huma strutturi ta' żamma ta' assi personali;

(d)

kumpanniji li għandhom azzjonisti nominati jew ishma f'forma ta' bearer;

(e)

negozji li huma kkaratterizzati mill-intensità tal-flus kontanti;

(f)

l-istruttura tas-sjieda tal-kumpannija tidher mhux tas-soltu jew eċċessivament kumplessa meta wieħed iqis n-natura tan-negozju tal-kumpannija;

(2)

Fatturi ta' riskju tal-prodotti, is-servizzi, it-transazzjonijiet jew il-kanali tad-distribuzzjoni:

(a)

servizzi bankarji privati;

(b)

prodotti jew transazzjonijiet li jistgħu jiffavorixxu l-anonimità;

(c)

relazzjonijiet ta' negozju jew transazzjonijiet mhux wiċċ imb'wiċċ, mingħajr ċerti salvagwardji, bħal firem elettroniċi;

(d)

ħlas riċevut minn partijiet terzi mhux magħrufin jew mhux assoċjati;

(e)

prodotti ġodda u prattiki ġodda ta' negozju, inkluż mekkaniżmu ġdid ta' kunsinna, u l-użu ta' teknoloġiji ġodda jew li qed jiġu żviluppati kemm għal prodotti ġodda u dawk eżistenti minn qabel;

(3)

Fatturi ta' riskju ġeografiċi:

(a)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, il-pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli, bħal evalwazzjonijiet reċiproċi, rapporti ta' valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta' segwitu ppubblikati, bħala li m'għandhomx sistemi tal-AML/CFT effettivi;

(b)

pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b'livelli sinifikanti ta' korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(c)

pajjiżi soġġetti għal sanzjonijiet, embargos jew miżuri simili, pereżempju dawk maħruġa mill-Unjoni jew min-Nazzjonijiet Uniti;

(d)

pajjiżi li jipprovdu finanzjament jew appoġġ għal attivitajiet terroristiċi, jew dawk li fihom joperaw organizzazzjonijiet terroristiċi identifikati.


ANNESS IV

Tabella ta' korrelazzjoni

Din id-Direttiva

Direttiva 2005/60/KE

Direttiva 2006/70/KE

 

Artikolu 1

 

Artikolu 3

 

Artikolu 5

 

Artikolu 6

 

Artikolu 7

Artikolu 1

Artikolu 1

 

Artikolu 2

Artikolu 2

 

Artikolu 2(3) sa (9)

 

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 3

 

Artikolu 3(9), (10) u (11)

 

Artikolu 2(1), (2) u (3)

Artikolu 4

Artikolu 4

 

Artikolu 5

Artikolu 5

 

Artikoli 6 sa 8

 

Artikolu 10

Artikolu 6

 

Artikolu 11

Artikolu 7

 

Artikolu 13

Artikolu 8

 

Artikolu 14

Artikolu 9

 

Artikolu 11(d)

Artikolu 10(1)

 

Artikolu 10(2)

 

Artikoli 15, 16 u 17

Artikolu 11

 

Artikolu 12

 

Artikoli 18 sa 24

Artikolu 13

 

Artikolu 22

 

Artikolu 2(4)

Artikolu 25

Artikolu 14

 

Artikolu 15

 

Artikolu 26

Artikolu 16

 

Artikolu 17

 

Artikolu 27

Artikolu 18

 

Artikolu 28

 

Artikolu 29

Artikolu 19

 

Artikolu 30

 

Artikolu 31

 

Artikolu 20

 

Artikolu 32

Artikolu 21

 

Artikolu 33

Artikolu 22

 

Artikolu 34

Artikolu 23

 

Artikolu 35

Artikolu 24

 

Artikolu 36

Artikolu 25

 

Artikolu 37

Artikolu 26

 

Artikolu 38

Artikolu 27

 

Artikolu 39

Artikolu 28

 

Artikolu 29

 

Artikolu 40

Artikolu 30

 

Artikolu 45

Artikolu 31

 

Artikolu 42

Artikolu 32

 

Artikolu 44

Artikolu 33

 

Artikolu 45

Artikolu 34

 

Artikolu 46

Artikolu 35

 

Artikolu 47

Artikolu 36

 

Artikolu 48

Artikolu 37

 

Artikolu 49

 

Artikolu 50

Artikolu 37a

 

Artikolu 51

Artikolu 38

 

Artikoli 52 sa 57

 

Artikoli 58 sa 61

Artikolu 39

 

Artikolu 40

 

Artikolu 41

 

Artikolu 41a

 

Artikolu 41b

 

Artikolu 65

Artikolu 42

 

Artikolu 43

 

Artikolu 66

Artikolu 44

 

Artikolu 67

Artikolu 45

 

Artikolu 68

Artikolu 46

 

Artikolu 69

Artikolu 47

 


Top