Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0162

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-30 Sena mis-Suq Uniku

    COM/2023/162 final

    Brussell, 16.3.2023

    COM(2023) 162 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    It-30 Sena mis-Suq Uniku


    1.INTRODUZZJONI

    Din is-sena s-Suq Uniku jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu. Is-Suq Uniku huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE. Sa mill-ħolqien tiegħu fl-1993, iċ-ċittadini u n-negozji bbenefikaw mill-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi, tal-oġġetti u tal-kapital sa punt li jiżboq saħansitra l-aktar aspettattivi viżjonarji ta’ tliet deċennji ilu.

    Is-Suq Uniku, li oriġinarjament kien maħsub bħala żona ta’ kummerċ ħieles mingħajr ostakli tariffarji jew mhux tariffarji fost il-membri tiegħu, żviluppa f’ħafna aktar minn hekk. Irnexxielu jsir l-akbar żona integrata tas-suq uniku fid-dinja 1 , filwaqt li baqa’ wieħed mill-aktar orjentati ’l barra. Madankollu s-Suq Uniku hu ferm iżjed minn sempliċiment qafas legali jew tabilħaqq suq: huwa żona ta’ libertà, progress, opportunità, tkabbir, prosperità kondiviża, reżiljenza u mezz ta’ projezzjoni ġeopolitika.

    Minbarra li nfakkru l-bosta kisbiet li nqisuhom ovvji fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, huwa importanti li nirrikonoxxu li s-Suq Uniku huwa assi siewi f’ħajjitna li rridu nkomplu nippreservaw u ntejbu kontinwament.

    Is-Suq Uniku jrid ikompli jadatta għal sfidi ġodda 2 , kif rikonoxxut, fost l-oħrajn, mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar it-30 anniversarju tas-Suq Uniku 3 . Huwa meħtieġ sforz kollettiv biex dan ikompli jinżamm, jiġi approfondit, jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu, jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi kemm internament kif ukoll globalment, u jiġi żgurat li dan jirfed il-prosperità tal-UE permezz ta’ kompetittività u produttività fit-tul, kif talab il-Kunsill Ewropew 4 . Is-Suq Uniku huwa spazju komuni li jattira l-investimenti fl-UE u minn barra l-UE permezz ta’ qafas regolatorju prevedibbli u sempliċi.

    Huma meħtieġa sforzi konġunti biex jiġu infurzati r-regoli eżistenti, jitneħħew l-ostakli u jiġu esplorati oqsma għal aktar integrazzjoni tas-Suq Uniku. Il-benefiċċji potenzjali huma sinifikanti ħafna: ġie stmat li t-tneħħija tal-ostakli fil-livell tal-Istati Membri għas-Suq Uniku għall-oġġetti u s-servizzi fiha nnifisha tista’ żżid EUR 713-il biljun fl-ekonomija sa tmiem l-2029 5 .

     

    2.IS-SUQ UNIKU FIL-QALBA TAL-PROĠETT EWROPEW GĦAL 30 SENA

    2.1. Intejbu l-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji, nakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

    Il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital jagħti lill-Ewropej aċċess għall-aktar għażla wiesgħa possibbli ta’ prodotti, servizzi, esperjenzi, ideat, kulturi u lingwi. Ta’ kuljum, dan ikun ta’ benefiċċju għal aktar minn 440 miljun ċittadin fil-kontinent kollu. Is-Suq Uniku huwa, fuq kollox, mezz biex tittejjeb il-benesseri tan-nies.

    It-tneħħija tal-ħlas addizzjonali tar-roaming tippermettilna nibqgħu f’kuntatt mal-familja u mal-ħbieb meta nivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Il-prodotti tal-konsumatur u l-ikel li jiċċirkolaw fis-Suq Uniku, kemm jekk jinxtraw online kif ukoll jekk offline, saru aktar sikuri, u l-prodotti perikolużi jiġu rtirati mis-suq. Iċ-ċarġer komuni għall-apparat elettroniku se jnaqqas l-iskart elettroniku u l-inkonvenjenza tal-konsumatur u se jġib iffrankar ta’ EUR 250 miljun lill-konsumaturi fis-sena. Iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport tippermetti l-ivvjaġġar u t-trasportazzjoni tal-ivvjaġġar isir u l-oġġetti jiġu ttrasportati bi prezzijiet raġonevoli fl-UE. Drittijiet b’saħħithom tal-passiġġieri jfissru li niġu kkumpensati meta jkun hemm tfixkil fil-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħna. In-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jagħmlu pagamenti bejn il-fruntieri faċilment daqskemm meta jagħmluhom f’pajjiżhom. Il-konsumaturi li japplikaw għall-kreditu jistgħu jserrħu rashom fuq protezzjoni mtejba.

    Is-Suq Uniku jagħmilha wkoll aktar faċli li wieħed jgħix, jistudja, jaħdem u jirtira fi Stat Membru ieħor. Il-programm Erasmus ippermetta lil kważi 13-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa jistudjaw u jaħdmu barra mill-pajjiż. Is-Suq Uniku espanda l-orizzonti u l-opportunitajiet tal-professjonisti Ewropej li għandhom il-kwalifiki professjonali tagħhom rikonoxxuti b’mod aktar faċli. Bis-saħħa tal-koordinazzjoni tar-regoli tas-sigurtà soċjali, miljuni ta’ Ewropej jistgħu jkomplu jgawdu d-drittijiet tagħhom għall-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa meta jgħixu barra mill-pajjiż, u r-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jiżguraw kompetizzjoni ġusta u standards għoljin għal kulħadd, jaħdmu fejn jaħdmu 6 .

    Is-Suq Uniku huwa mutur b’saħħtu biex iħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istandards tal-prodotti stabbiliti b’mod uniformi fil-livell tal-UE jiżguraw il-konformità ambjentali u tas-sikurezza, kif ukoll jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika. L-approċċ ibbażat fuq is-suq tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) qed inaqqas l-emissjonijiet b’mod kosteffettiv, filwaqt li d-dħul li jiġġenera jista’ jappoġġa t-tranżizzjoni għal produzzjoni aktar nadifa u jistimula l-innovazzjoni.

    Suq tal-enerġija tal-UE integrat huwa l-aktar mod kosteffettiv biex jiġu żgurati provvisti tal-enerġija sostenibbli, siguri u affordabbli għaċ-ċittadini tal-UE. Matul l-aħħar deċennju, l-isforzi ewlenin li saru biex ikomplu jiġu integrati s-swieq tal-elettriku fl-Ewropa pproduċew benefiċċji sinifikanti, stmati li jammontaw għal madwar EUR 34 biljun fis-sena, għall-konsumaturi, billi ppermettew il-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri u tejbu s-sigurtà tal-provvista f’żona ġeografika akbar 7 . Fil-kuntest ta’ interruzzjonijiet frekwenti fil-provvista, is-Suq Uniku għen biex jiġi żgurat li l-enerġija, b’mod partikolari l-gass, tasal għal fejn tkun l-aktar meħtieġa. Il-kooperazzjoni u s-solidarjetà reġjonali kienu essenzjali biex tiġi ggarantita r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-UE. Ir-Regolament TEN-E kkontribwixxa b’mod sinifikanti għal din is-sigurtà robusta tal-provvista billi għaqqad is-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri permezz ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs). Fl-istess ħin, il-kriżi reċenti tal-enerġija enfasizzat numru ta’ nuqqasijiet li l-UE kellha twieġeb għalihom.

    Fis-snin li ġejjin, is-Suq Uniku jrid jevolvi biex jissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini ta’ tranżizzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem u għal swieq li jagħmlu għażliet sostenibbli affordabbli u attraenti”. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jiżgura li n-negozji online jkunu jistgħu joperaw madwar l-Ewropa abbażi ta’ sett uniku ta’ regoli applikabbli direttament, u li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jużaw il-pjattaformi online u s-servizzi ta’ kummerċ elettroniku b’mod sikur, irrispettivament minn fejn ikunu fl-UE, u jkunu protetti mill-kontenut illegali, mid-diżinformazzjoni u mill-bullying ċibernetiku. L-Att dwar is-Swieq Diġitali se jiżgura swieq ġusti u kontestabbli fis-settur diġitali sabiex il-pjattaformi ma jkunux jistgħu jużaw ħażin is-setgħa tagħhom ta’ gwardjan fis-Suq Uniku. Regoli armonizzati, f’oqsma bħall-media awdjoviżiva u d-drittijiet tal-awtur, jappoġġaw id-diversità kulturali u l-pluraliżmu tal-media fil-kuntest diġitali. Bl-Att dwar il-Governanza tad-Data, li diġà ġie adottat, u bl-Att dwar id-Data, f’negozjati avvanzati, l-UE qiegħda tibni Suq Uniku ġenwin għad-data, u b’hekk qiegħda tiftaħ opportunitajiet għall-atturi ekonomiċi kollha u tagħmel lill-Ewropa mexxejja globali fl-ekonomija aġli mil-lat ta’ data. Barra minn hekk, qed noħolqu Suq Uniku taċ-ċibersigurtà, li jinkludi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal kwalunkwe prodott, software jew hardware li jista’ jiġi konness.

    L-UE żviluppat għodod diġitali biex is-Suq Uniku jiffunzjona aktar mingħajr xkiel. Matul il-pandemija, il-Kummissjoni żviluppat malajr Ċertifikat COVID Diġitali biex tiffaċilita l-libertà tal-moviment, billi tippermetti liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE jipprovdu faċilment prova diġitali li jew kienu tlaqqmu kontra l-COVID-19, jew irċevew riżultat negattiv tat-test jew irkupraw.

    L-għodod diġitali jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u joħolqu trasparenza għaċ-ċittadini u għan-negozji. Meta jkunu jridu jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, jistgħu jirrikorru għall-portal Your Europe, punt uniku ta’ servizz għall-informazzjoni. Dawk li jkunu qed ifittxu parir meta jinqalgħu problemi tas-Suq Uniku jistgħu jagħmlu użu mill-Pariri tal-Ewropa Tiegħek u mis-SOLVIT, li jgħin lin-negozji jew lill-individwi affettwati minn ksur tad-dritt tal-UE biex isolvu t-tilwim u jiksbu rimedju barra mill-qorti, u b’hekk ikunu jistgħu jegħlbu l-ostakli. Biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, SOLVIT se jiffoka l-isforzi tiegħu biex jgħin lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) 8 , li tgħaqqad eluf ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, tiffaċilita l-iskambji amministrattivi transfruntiera bejniethom u ssolvi l-problemi. Din ilha tikber b’mod kostanti matul is-snin, u issa tkopri 19-il qasam ta’ politika 9 . Meta jitqiesu flimkien, jinħoloq “back office tas-Suq Uniku” veru, għall-benefiċċju tan-negozji kif ukoll tal-amministrazzjonijiet.

    Is-sistema teknika ta’ darba biss (OOTS) se tiżgura li meta negozju jew ċittadin ikun issottometta dokument darba lil amministrazzjoni pubblika, id-dokument jista’ jiġi ttrasferit b’mod sikur lil amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn, biex in-negozju jew l-individwu jkun jista’ jlesti proċeduri oħra mingħajr il-ħtieġa li jerġa’ jissottomettih. Dawn l-għodod kollha huma aċċessibbli permezz tal-Gateway Diġitali Unika tal-UE . Barra minn hekk, il-Kartiera tal-Identità Diġitali Ewropea 10 se tipprovdi dokumenti standardizzati liċ-ċittadini u lin-negozji li jistgħu jużaw b’mod sikur biex jidentifikaw lilhom infushom u informazzjoni ewlenija madwar l-UE, pereżempju diplomi li jiċċertifikaw kwalifiki professjonali jew dokumenti relatati mal-kura tas-saħħa u mas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, biex tilħaq l-ambizzjoni tad-Deċennju Diġitali tal-UE 11 , l-UE għandha l-għan li sal-2030, tipprovdi s-servizzi pubbliċi ewlenin kollha online.

    Graff 1: Għodod tas-Suq Uniku

    Sors: il-Kummissjoni Ewropea

    2.2. Nagħtu spinta lill-ekonomija

    Bħala l-akbar suq integrat tad-dinja, is-Suq Uniku qabeż l-aspettattivi kollha f’termini makroekonomiċi. B’kontribuzzjoni ta’ 18 % tal-PDG globali 12 , dan jagħti spinta lin-negozji biex joffru l-oġġetti u s-servizzi tagħhom lil aktar minn 440 miljun ċittadin tal-UE madwar il-kontinent. Is-Suq Uniku jospita 23 miljun negozju 13 li jimpjegaw kważi 128 miljun persuna 14 . Is-Suq Uniku ġab benefiċċji ekonomiċi sinifikanti ħafna, u pprovda lill-UE PDG li jasal sa 9 % ogħla fit-tul, milli kien ikun mingħajr is-Suq Uniku 15 . Din l-integrazzjoni kienet, u għadha, sors fundamentali ta’ tkabbir u ħolqien tal-impjiegi 16 . Filwaqt li l-impjiegi totali fl-UE żdiedu b’5,5 % bejn l-2000 ul-2014, l-għadd ta’ impjiegi li jiddependu fuq servizzi transfruntiera 17 kważi rdoppja fl-istess perjodu (minn 5,6 miljun għal 10,9 miljun) 18 . Meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-UE, il-livell ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri fl-oġġetti u s-servizzi bejn wieħed u ieħor irdoppja matul l-aħħar 30 sena. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu li l-integrazzjoni ekonomika fl-Ewropa hija aktar avvanzata mil-lat regolatorju milli, pereżempju, fl-Istati Uniti 19 .

    Graff 2: Kummerċ ta’ oġġetti u servizzi fi ħdan is-Suq Uniku (1993–2021)

    Sors: is-Servizzi tal-Kummissjoni, abbażi tal-Eurostat. Nota: il-graff turi l-flussi kummerċjali intra-UE fl-oġġetti u s-servizzi bħala sehem mill-PDG tal-UE. Il-linji vertikali bit-tikek fil-graff jenfasizzaw il-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-data dwar il-kummerċ u l-PDG li qed jitqiesu, fid-dawl tan-numru ta’ Stati Membri (eż. il-perjodu 2007–2012 iqis il-kummerċ u l-PDG għall-EU-27, filwaqt li l-perjodu 2013–2019 iqis il-kummerċ u l-PDG għall-EU-28). Il-kummerċ jitkejjel mill-medja tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet.

    Barra minn hekk, is-Suq Uniku huwa vettura importanti għall-integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa u huwa essenzjali għall-unjoni ekonomika u monetarja. Dan jagħmilha aktar faċli għan-negozji biex jiġbru l-fondi u jagħmel lill-Ewropa post aktar attraenti għall-investiment 20 . Il-holdings intra-UE ta’ investimenti diretti barranin u investimenti ta’ portafoll baqgħu jiżdiedu fl-aħħar deċennji, u kienu kważi ħames darbiet ogħla, u erba’ darbiet ogħla, rispettivament, fit-tieni kwart tal-2021 meta mqabbla mal-bidu tal-2002. Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi biex jitlesta s-suq Uniku għall-Kapital. Dan l-aħħar, f’Diċembru 2022, bħala parti mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni ressqet proposta biex titnaqqas il-burokrazija żejda għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, bil-għan li jinġabru l-fondi fuq il-boroż u anke proposta biex jiġu indirizzati l-ostakli strutturali billi jiġu armonizzati aspetti ewlenin tal-liġijiet dwar l-insolvenza korporattiva. Madankollu, għad fadal ħafna aktar xi jsir biex jiġu integrati s-swieq kapitali nazzjonali. Sistemi ta’ pagament integrati u affidabbli jappoġġaw il-funzjonament tas-Suq Uniku u b’hekk jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-UE.

    Il-benefiċċji soċjali tas-Suq Uniku fuq l-impjieg huma sinifikanti wkoll, b’massimu ta’ 56 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq il-kummerċ intra-UE. In-numru ta’ ħaddiema mobbli fl-UE żdied b’mod kostanti f’dawn l-aħħar 30 sena anke bis-saħħa ta’ programmi bħall-EURES 21 u ta’ politiki mmirati lejn it-titjib tal-kwalifiki u r-rikonoxximent tal-ħiliet. Il-mudell tal-UE ta’ ekonomija soċjali tas-suq jiddependi fuq standards soċjali għoljin kif promossi mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jippromwovi opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali, inklużjoni u diversità (pereżempju dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema 22 , il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata 23 , pagi minimi adegwati 24 u t-trasparenza fil-pagi). Min-naħa tiegħu, dan il-qafas soċjali jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.

    Is-Suq Uniku ppermetta wkoll l-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija soċjali, fejn madwar 2,8 miljun entità tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa jimpjegaw madwar 13,6-il miljun persuna 25 . Il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali f’Diċembru 2021 26 , li jipproponi azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu implimentati sal-2030. Din is-sena, se jiġi adottat Pakkett dwar l-Ekonomija Soċjali li jinkludi inizjattiva leġiżlattiva dwar l-attivitajiet transfruntiera tal-assoċjazzjonijiet fis-Suq Uniku.

    Is-Suq Uniku kellu rwol ewlieni biex jippermetti konverġenza ekonomika progressiva ’l fuq fi ħdan l-UE wara tkabbir suċċessiv. Dan minħabba li s-Suq Uniku ħoloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar l-UE, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex joperaw bejn il-fruntieri u jikkompetu fuq l-istess livell. Dan ħeġġeġ kummerċ u investiment transfruntiera akbar, li min-naħa tagħhom għenu biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien ta’ impjiegi 27 . Il-koeżjoni soċjali u ekonomika hija vitali għall-funzjonament tas-Suq Uniku, kif rikonoxxut fl-att ta’ twaqqif tiegħu 30 sena ilu. Il-politika ta’ koeżjoni tappoġġa żvilupp armonjuż tar-reġjuni Ewropej, u tippermettilhom jikkontribwixxu għas-Suq Uniku u jaħsdu l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tagħhom fih. Billi żied l-opportunitajiet għall-attività ekonomika, is-Suq Uniku ppermetta lill-pajjiżi b’introjtu aktar baxx jikkonverġu lejn dawk b’introjtu ogħla u kkontribwixxa għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi, u b’hekk naqqas il-qgħad. Is-Suq Uniku appoġġa l-kompetittività tan-negozji Ewropej 28 , li rriżulta fi prodotti aħjar u fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi 29 . Barra minn hekk, għamel il-ktajjen tal-valur fl-UE integrati u interkonnessi ħafna. L-ekosistema tal-mobbiltà u l-karozzi, pereżempju, mhijiex magħmula biss minn korporazzjonijiet kbar u magħrufa mad-dinja kollha, iżda fuq kollox minn fornituri tal-komponenti u networks tal-bejgħ u t-tiswija, u tirrappreżenta total ta’ 1,8 miljun kumpanija, li 99,7 % minnhom huma SMEs.

    Il-politika tal-kompetizzjoni taqdi rwol ċentrali għall-preservazzjoni ta’ swieq li jiffunzjonaw tajjeb u fl-indirizzar ta’ fallimenti rilevanti tas-suq fl-Ewropa. Mill-ħolqien tal-Unjoni, il-politika tal-kompetizzjoni għenet lill-industriji jsiru aktar b’saħħithom u kompetittivi globalment u żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu l-benefiċjarji aħħarin ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. L-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni bbażat fuq regoli jipprovdi ċertezza u prevedibbiltà legali lin-negozji kollha li qed jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-aħjar użu mis-Suq Uniku tal-Ewropa.

    2.3. Nibnu r-reżistenza u r-reżiljenza kontra l-kriżijiet

    Is-suċċessjoni reċenti ta’ kriżijiet uriet l-importanza kritika ta’ Suq Uniku li jiffunzjona mingħajr xkiel. Is-servizzi essenzjali bħall-provvista tal-enerġija, tal-ilma u tas-saħħa, it-trasport 30 u t-telekomunikazzjonijiet huma kruċjali biex jiġi żgurat il-benesseri tan-nies, kif ukoll għar-rispons ta’ emerġenza nnifsu. Dawn is-servizzi jeħtieġ li jibqgħu operazzjonali matul u wara diżastru jew kriżi.

    Meta l-Istati Membri jaġixxu individwalment, billi jagħlqu l-fruntieri tagħhom jew jintroduċu projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni intra-UE fuq tagħmir mediku, ċereali jew materja prima, il-funzjonament sħiħ tas-Suq Uniku jitqiegħed taħt pressjoni, u jhedded l-industrija, is-servizzi u l-professjonisti bl-istess mod, u fl-aħħar mill-aħħar liċ-ċittadini. Filwaqt li fil-bidu, il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal nuqqasijiet ta’ prodotti essenzjali u għal konġestjonijiet kbar tat-traffiku fil-fruntieri li jipprevjenu l-moviment liberu ta’ ħaddiema essenzjali, is-Suq Uniku pprevala. Meta d-domanda globali għall-maskri u għall-vaċċiniżdiedet bil-qaww, is-Suq Uniku għenna negħlbu n-nuqqas ta’ sorsi diversi ta’ provvista u kapaċità biex nipproduċu dawk li kienu saru oġġetti ta’ importanza vitali.

    Wara perjodu inizjali li fih l-awtoritajiet nazzjonali ostakolaw il-fluss liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni b’mod unilaterali u mhux ikkoordinat, li affettwaw l-attività ekonomika b’mod profond, il-Kummissjoni ħadet azzjoni — bl-appoġġ tal-Istati Membri — biex tegħleb dawn l-ostakli b’inizjattivi bħal “korsiji ħodor”. Barra minn hekk, l-UE żammet ktajjen tal-provvista kompletament miftuħin madwar id-dinja, billi bniet fuq industrija li qed tiffjorixxi, li ilha tibbenefika mis-Suq Uniku għal għexieren ta’ snin, u billi għaqqdet il-forzi u l-kapaċitajiet madwar l-Ewropa kollha minn kumpaniji kbar għal SMEs innovattivi u kompetittivi ħafna.

    Aħna ġbarna t-tagħlimiet ta’ politika meħtieġa minn dawn il-kriżijiet, u bnejna fuq dawn il-kisbiet. Il-Kummissjoni stabbiliet l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex tidentifika, tipprevjeni u twieġeb aħjar għal emerġenzi tas-saħħa transfruntiera futuri. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Strument ġdid għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku biex tiżgura li, f’sitwazzjoni ta’ kriżi futura, is-Suq Uniku jibqa’ miftuħ u ġust, u jkompli jiżgura d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi li n-nies u n-negozji jkunu jeħtieġu l-aktar. B’mod aktar ġenerali, l-UE żiedet il-prontezza tagħha għall-emerġenza fil-livelli kollha permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili 31 . Fl-aħħar nett, l-iżgurar tar-reżiljenza tas-Suq Uniku jeħtieġ approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE kontra t-theddid transfruntier dejjem jikber, b’mod partikolari għas-setturi kritiċi u l-infrastruttura li qed jiġu żviluppati u implimentati taħt il-kappa tal-Unjoni tas-Sigurtà 32 .

    Ir-reżiljenza tittejjeb ukoll bi tħejjija aħjar. Il-Kummissjoni fasslet sistema ta’ twissija bikrija (Sistema ta’ Monitoraġġ SCAN) 33 bil-għan li tipprovdi evidenza għall-politika. Hija tuża data doganali kważi f’ħin reali u teżamina varjazzjonijiet anomali f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet biex tiżvela sinjali prematuri ta’ tfixkil fil-katina tal-provvista. Fatturi possibbli oħra jinkludu l-konċentrazzjoni eċċessiva ta’ ċerti importazzjonijiet minn sorsi barranin limitati, l-eżistenza ta’ punti uniċi globali ta’ falliment għal inputs kritiċi mmexxija minn dipendenzi strateġiċi, jew indikazzjonijiet ta’ kapaċità limitata tal-produzzjoni industrijali tal-UE. L-Att dwar iċ-Ċipep 34 propost fl-2022 u l-proposta għal Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika 35  adottata b’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni se jgħinu, rispettivament, biex ir-riċerka tal-UE ta’ klassi dinjija tinbidel fi tmexxija industrijali, billi jsir investiment fl-industrija Ewropea u jiġu promossi sħubijiet internazzjonali, u jiġi stabbilit qafas biex jittejjeb l-aċċess għall-materja prima fis-Suq Uniku, tiżdied il-kapaċità Ewropea u jiġu diversifikati s-sorsi esterni tal-materja prima.

    Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Era b’Emissjonijiet Żero Netti 36 jistabbilixxi l-isfidi li l-industrija Ewropea qed tiffaċċja bħalissa u għalhekk jipproponi miżuri ulterjuri biex tiġi promossa l-industrija b’emissjonijiet żero netti. Bħala parti minn dan il-pjan, il-Kummissjoni pproponiet Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti 37 , u adottat Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għall-Għajnuna mill-Istat 38 , li jistabbilixxi miżuri mmirati, temporanji u proporzjonati biex titħaffef it-tranżizzjoni kompetittiva tal-Ewropa lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti, filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku. Barra minn hekk, kif imħabbar fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi Fond Ewropew għas-Sovranità qabel is-sajf tal-2023 biex tippreserva vantaġġ Ewropew fuq it-teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjoni Ekoloġika u diġitali, kif ukoll biex tissalvagwardja l-koeżjoni u tippreserva l-integrità tas-Suq Uniku.

    2.4. Is-Suq Uniku bħala fattur ta’ attrazzjoni u assi ġeopolitiku fix-xena globali

    Il-benefiċċji li jġib is-Suq Uniku huma komponent ewlieni tal-attraenza ġenerali tal-UE bħala pilastru ta’ sigurtà, stabbiltà u valuri miftuħa. L-UE tirrappreżenta madwar 14 % tal-kummerċ dinji f’oġġetti 39 . Minbarra t-tkabbir suċċessiv bejn l-1973 u l-2007, fis-snin 90, il-membri tal-EFTA, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja ddeċidew li jistabbilixxu ż-Żona Ekonomika Ewropea b’mod konġunt mal-UE, u b’hekk estendew l-erba’ libertajiet tas-Suq Uniku għall-pajjiżi tagħhom. Ħafna pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat tal-Lvant jixtiequ jkollhom futur bħala membri tal-Unjoni u s-Suq Uniku tagħha. L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġa lill-Balkani tal-Punent fit-triq tagħhom lejn l-UE.

    L-UE qed taħtaf ukoll kull opportunità biex tkompli tintegra lill-Ukrajna fis-Suq Uniku, eż. billi tqabbadha mal-grilja elettrika tal-UE, tissospendi d-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE, toħloq Korsiji ta’ Solidarjetà biex jittejjeb il-moviment tal-oġġetti u tal-persuni u ddaħħal lill-Ukrajna fiż-żona roam-like-at-home. Flimkien mal-Ukrajna, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ prijorità miftiehma 40 , inkluż fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-istandardizzazzjoni, il-kooperazzjoni industrijali, l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ u l-valutazzjoni tal-konformità 41 , biex tintegra aħjar lill-Ukrajna fis-Suq Uniku. Qed isiru sforzi simili biex il-Moldova tiġi integrata bl-istess mod. L-UE qed tinkludi wkoll lill-Ukrajna u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant f’għadd ta’ programmi ewlenin tal-UE bħall-Programm tas-Suq Uniku 42 .

    Is-Suq Uniku huwa wkoll forza ta’ projezzjoni, lieva ġeopolitika li tagħti spinta lill-pożizzjoni u l-influwenza tal-UE fid-dinja. Huwa s-sinsla ekonomika tad-diplomazija internazzjonali tal-UE. Din l-influwenza globali hija kruċjali fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi matul dawn l-aħħar 30 sena u l-kompetizzjoni globali intensifikata ma’ ekonomiji oħra li għandhom firxa kontinentali. Pereżempju, matul il-pandemija, l-iżvilupp rapidu u l-awtorizzazzjoni tal-vaċċini skont ir-reġim rigoruż tal-mediċini tal-UE 43 taw lill-UE pjattaforma b’saħħitha biex tgħin fl-indirizzar tal-COVID-19 fuq skala globali.

    Id-daqs u l-attraenza tas-Suq Uniku tal-UE spiss jirriżultaw f’kumpaniji li jagħżlu li japplikaw il-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE għall-operazzjonijiet globali tagħhom. Dan ippermetta lill-UE tikkontribwixxi għall-prosperità globali u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli — bi tkabbir sostenibbli, livell għoli ta’ protezzjoni soċjali, rispett għall-privatezza u għad-drittijiet fundamentali 44 , u protezzjoni b’saħħitha tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem.

    Is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni hija storja ta’ suċċess partikolari f’dan ir-rigward, fejn l-istandards Ewropej armonizzati għandhom ir-rwol speċjali li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi juru konformità mal-liġi tal-UE bi standard wieħed fis-Suq Uniku kollu. Kif sostnut mill-Istrateġija ta’ Standardizzazzjoni reċenti tal-UE 45 , l-istandards jaqdu rwol importanti għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u jistgħu jagħtu lill-UE rwol ta’ tmexxija globali, speċjalment fir-rigward tat-teknoloġiji strateġiċi. L-istandards jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal soċjetà aktar inklużiva billi jiżguraw l-aċċessibbiltà ta’ firxa ta’ prodotti u servizzi ta’ kuljum. L-istandards internazzjonali jaqdu rwol importanti wkoll mhux biss biex jindirizzaw l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, iżda anke biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq internazzjonali għall-kumpaniji tal-UE. Bir-rwol ġeopolitiku tal-istandards dejjem jikber, l-involviment imsaħħaħ tal-UE fil-proċessi internazzjonali tal-iżvilupp tal-istandards huwa kruċjali wkoll biex jiġu ppreservati l-valuri u l-interessi tal-UE. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni qiegħda tieħu sehem fi djalogi strateġiċi ma’ sħab kummerċjali ewlenin, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun jew l-Indja. 

    Is-Suq Uniku ppermetta lill-UE ssir setgħa kummerċjali, billi joħloq opportunitajiet għan-negozji tal-UE barra mill-pajjiż, jipproġetta r-regoli u l-valuri tagħna, iqabbad lill-UE ma’ pilastri ta’ tkabbir madwar id-dinja, u b’hekk jiżgura l-inputs li neħtieġu u jappoġġa lill-oħrajn biex jiksbu l-objettivi ta’ sostenibbiltà. L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali għal 53 pajjiż madwar id-dinja li flimkien jirrappreżentaw 48 % tal-PDG dinji. Is-Suq Uniku jipprovdi ingranaġġ biex jiżgura li l-ftuħ tal-UE jimxi id f’id mar-rispett lejn ir-regoli tal-UE, pereżempju billi jindirizza d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin 46 , jipprevjeni oġġetti magħmula b’xogħol furzat 47 jew bi prattiki ambjentalment/soċjalment mhux sostenibbli. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-UE li tuża għodod ekonomiċi, bħal sanzjonijiet u miżuri restrittivi, biex tirrispetta l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, hija bbażata fuq Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb bi rwol ċentrali fl-ekonomija globali.

    3. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM — LEJN AKTAR INTEGRAZZJONI TAS-SUQ UNIKU

    L-anniversarji huma opportunità mhux biss biex infakkru l-kisbiet tal-passat, iżda nistabbilixxu l-aspettattivi u l-objettivi għall-futur. F’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, jeħtieġ jitkomplew l-isforzi biex jittejjeb l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku u biex tiġi introdotta sjieda konġunta tas-Suq Uniku fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Ir-regoli jridu wkoll, fejn meħtieġ, ikomplu jiġu adattati għal prodotti, servizzi u mudelli tan-negozju ġodda li se jgħinu biex tingħata spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

    Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ huwa l-pedament essenzjali tal-kompetittività fit-tul tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività, ippubblikata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 48 , tistabbilixxi azzjonijiet biex jiġi żgurat qafas regolatorju prevedibbli, koerenti u simplifikat li jiffavorixxi l-kompetittività fit-tul, kif ukoll biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għat-tkabbir ekonomiku, u biex jitħaffef u jittejjeb l-aċċess għall-finanzi.

    Fiż-żmien li ġej, il-Kummissjoni se taħdem mal-livelli kollha ta’ governanza u mal-partijiet ikkonċernati kollha biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-Suq Uniku sabiex tipprovdi bażi soda għall-kompetittività sostenibbli fit-tul. F’dan il-kuntest, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq żewġ oqsma ewlenin għal azzjoni ulterjuri:

    ·l-infurzar tar-regoli eżistenti tas-Suq Uniku u t-tneħħija tal-ostakli fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-ostakli għall-forniment transfruntier ta’ servizzi, u fl-ekosistemi industrijali bl-akbar potenzjal ta’ integrazzjoni ekonomika (il-bejgħ bl-imnut, il-kostruzzjoni, it-turiżmu, is-servizzi tan-negozju u s-settur tal-enerġija rinnovabbli),

    ·it-tkomplija tat-trawwim tad-dimensjonijiet ekoloġiċi u diġitali tas-Suq Uniku bħala sors ta’ innovazzjoni, tkabbir u kompetittività.

    3.1. Ninfurzaw ir-regoli tas-Suq Uniku u nneħħu l-ostakli fil-livell tal-Istati Membri

    Iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Uniku biss meta r-regoli tal-UE jiġu implimentati u infurzati b’mod korrett 49 . L-iżgurar tal-implimentazzjoni korretta ta’ kuljum tar-regoli tas-suq uniku huwa r-responsabbiltà kollettiva tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-applikazzjoni korretta tar-regolamenti tiddependi fuq il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali biex tagħtihom effett sħiħ.

    It-traspożizzjoni korretta u f’waqtha tal-liġi tal-UE hija ta’ importanza kritika biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku tikseb l-effetti intenzjonati tagħha. Id-defiċit medju ta’ traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku 50 issa jaqbeż il-limitu ta’ 1 % stabbilit mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2007. Ħames Stati Membri biss laħqu l-mira miftiehma (ara l-graff 3). Jeħtieġ ukoll li d-Direttivi jiġu trasposti u applikati b’mod korrett fuq il-post, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal kwistjonijiet ta’ “gold-plating” mhux ġustifikati. Hawnhekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jtejbu s-sitwazzjoni b’mod konsiderevoli (ara l-graff 4).

    Graff 3: Defiċit ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri fl-10 ta’ Diċembru 2021 51

    Sors : Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku 52

    Graff 4: Defiċit ta’ konformità tal-Istati Membri fl-10 ta’ Diċembru 2021

    Sors: Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku 53

     
    Ma hemm
    l-ebda approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” biex ir-regoli tas-Suq Uniku jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, iżda fil-każijiet kollha, huma meħtieġa kultura b’saħħitha ta’ konformità u spirtu ta’ sħubija biex is-Suq Uniku jiġi ġestit b’suċċess. Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem flimkien mal-Istati Membri fil-livell xieraq fi ħdan l-amministrazzjoni tagħhom biex tappoġġa u tippromwovi l-implimentazzjoni ambizzjuża tar-regoli tas-Suq Uniku. Filwaqt li tikkomplementa l-kooperazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi politika ta’ infurzar rigoruża biex tiżgura li r-regoli tal-UE mifthiema b’mod konġunt jiġu applikati wkoll b’mod korrett kollettivament mill-Istati Membri kollha.

    Il-Kummissjoni ssegwi approċċ strateġiku għall-infurzar u qiegħda timplimenta b’suċċess il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha tal-2020 dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku 54 , li jiffoka fuq kwistjonijiet kritiċi. Dan jinkludi l-iżgurar tal-libertà tal-istabbiliment, iċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti u s-servizzi, inkluża l-mobbiltà tal-professjonisti biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet, l-iżgurar ta’ regoli dwar l-akkwist pubbliku li jippermettu lill-kumpaniji jikkompetu fis-Suq Uniku u li l-fondi pubbliċi jintużaw b’mod effiċjenti, filwaqt li jiġu indirizzati prattiki inġusti ta’ pagamenti u dewmien fil-pagamenti, u l-infurzar ta’ standards Ewropej għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kumpaniji.

    Fi Frar 2023, il-Kummissjoni adottat 24 deċiżjoni ta’ ksur biex tneħħi l-ostakli fis-Suq Uniku tas-servizzi u tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji fl-UE biex joperaw 55 . Fl-istess ħin, azzjoni ta’ infurzar robusta mill-Kummissjoni kienet tfisser li kien possibbli li jingħalqu 18-il każ ta’ ksur minħabba titjib reali fis-Suq Uniku għas-servizzi.

    Jinħolqu ostakli mhux ġustifikati meta l-liġi nazzjonali tkun f’kunflitt mar-regoli tas-Suq Uniku jew meta dawk ir-regoli ma jiġux implimentati jew applikati għalkollox jew jiġu implimentati b’mod insuffiċjenti fil-livell nazzjonali, inkluż minħabba prattiki amministrattivi tal-awtoritajiet nazzjonali. Dawn ifixklu l-kapaċità tan-negozji li jiffjorixxu, jibqgħu kompetittivi u li jisfruttaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    Ċertu tipi ta’ ostakli wrew li huma persistenti: Illum, 60 % tal-ostakli li n-negozji jirrapportaw li qed jiffaċċjaw huma tal-istess tip bħal dawk irrapportati 20 sena ilu 56 . Ħafna minn dawn huma relatati mar-regolamentazzjoni nazzjonali kif ukoll mal-prattiki amministrattivi, li, fl-ewwel istanza, iridu jiġu indirizzati direttament mill-Istati Membri. L-ostakli kkonfermati mill-partijiet ikkonċernati jinkludu l-kumplessità tal-proċeduri nazzjonali u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwarhom, ir-rekwiżiti nazzjonali sproporzjonati fil-qasam tas-servizzi, inkluża l-mobbiltà tal-professjonisti, ir-rekwiżiti amministrattivi ta’ piż għall-istazzjonar tal-ħaddiema u d-diffikultajiet relatati mat-tassazzjoni f’kuntest transfruntier. Ħafna minn dawn l-ostakli ma humiex soġġetti għal armonizzazzjoni leġiżlattiva u għalhekk it-tnaqqis tal-ostakli fil-livell nazzjonali jibqa’ l-objettiv ewlieni. L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jgħin lill-Istati Membri jtejbu l-amministrazzjoni pubblika u joħolqu ambjent tan-negozju favorevoli.

    Is-servizzi huma partikolarment kruċjali għall-ekonomija tal-UE. Dawn jammontaw għal madwar 70 % tal-PDG tal-UE u 73 % tal-impjiegi totali. Is-servizzi jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi u ħafna attivitajiet differenti. F’ċerti setturi, il-moviment liberu tas-servizzi jaħdem tajjeb, iffaċilitat mit-teknoloġiji diġitali u mir-regoli armonizzati. Oħrajn għadhom prinċipalment swieq domestiċi, xi drabi minħabba fatturi intrinsiċi tas-servizz speċifiku (eż. preferenzi tas-suq reġjonali jew nazzjonali). Fejn hemm lok għal aktar integrazzjoni fis-servizzi, l-ostakli tipikament marbuta mar-regolamentazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi tan-negozju, ir-rekwiżiti restrittivi ta’ awtorizzazzjoni fil-qasam tar-rekwiżiti tal-bejgħ bl-imnut, dawk regolatorji u amministrattivi li jikkumplikaw il-forniment transfruntier tas-servizzi tal-kostruzzjoni, u restrizzjonijiet fit-turiżmu kemm għall-forniment ta’ servizzi transfruntiera kif ukoll fir-rigward tar-rekwiżiti għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni.

    Il-kollaborazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni u l-iskambji tal-informazzjoni, kif ukoll l-iskambji tal-fehmiet speċjalment fil-Kunsill tal-Kompetittività, jaqdu rwol importanti fl-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tas-Suq Uniku, u jipprevjenu l-ksur tad-dritt tal-UE mill-bidu u jevitaw il-ksur tad-dritt tal-UE.

    Il-ħidma tat-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET) 57 , stabbilita fl-2020, uriet il-valur sinifikanti tal-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-ostakli konkreti li jesperjenzaw in-negozji tal-UE fis-Suq Uniku. Il-ħidma konġunta u intensiva f’dan il-forum innovattiv tiffoka fuq is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju u t-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi f’oqsma speċifiċi. Pereżempju, fi ħdan l-SMET, l-Istati Membri qablu li jissimplifikaw ir-restrizzjonijiet għall-professjonisti u n-negozji li jipprovdu servizzi transfruntiera temporanji u, abbażi ta’ prattiki tajbin, li jneħħu l-kontrolli ta’ kwalifika minn qabel għal 247 professjoni u li jirrevedu u jnaqqsu r-rekwiżiti amministrattivi u tad-dokumenti.

    L-SMET identifika wkoll aktar minn 80 mill-aktar ostakli urġenti għall-għoti bla xkiel u rapidu ta’ permessi għall-iskjerament ta’ installazzjonijiet tal-enerġija eolika u solari. Meta wieħed iżomm f’moħħu li hemm 50 000 SMEs attivi fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-tneħħija ta’ dawn l-ostakli se tiffaċilita t-tkabbir sostenibbli. Din se tagħmel ukoll lill-UE aktar attraenti bħala post ta’ investiment, u se tikkomplementa sew il-proposta għal Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, li għandha l-għan li tiffaċilita u tħaffef l-investimenti fi proġetti ta’ manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti biex il-produzzjoni tal-pannelli solari, tat-turbini eoliċi u ta’ teknoloġiji oħra tal-enerġija nadifa fl-Ewropa tiżdied b’mod sinifikanti. Il-qafas legali eżistenti dwar il-permessi għall-użu ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli (abbażi tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), dalwaqt se jiġi kkomplementat permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ qafas legali armonizzat biex jiġu ssimplifikati wkoll il-permessi għal faċilitajiet industrijali ġodda li jipproduċu tali teknoloġiji, inklużi proġetti ta’ daqs gigafactory. Il-Kummissjoni ttenni l-valur sinifikanti tal-SMET bħala għodda kooperattiva mal-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-ostakli tas-Suq Uniku, u għalhekk tibbaża fuq sforzi konġunti kontinwi li jimmiraw lejn riżultati konkreti f’dan il-qafas.

    Huwa kruċjali wkoll li jitkompla l-involviment strutturat eżistenti mal-partijiet ikkonċernati tan-negozju, inkluż fil-kuntest tal-Forum Industrijali 58 , in-Network Enterprise Europe (EEN), in-network tar-rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs u n-network tar-raggruppamenti, biex ikun hemm fehim aħjar l-ostakli li jiffaċċjaw. Din il-ħidma se tkun megħjuna minn ħidma analitika bħar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u r-Rapport Annwali tal-SMET. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku hija għodda utli għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jifhmu l-ostakli li fadal u biex ifasslu azzjonijiet biex ineħħuhom. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-indikaturi magħżula mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku u minn sorsi rilevanti oħra relatati mal-infurzar u mal-ambjent tan-negozju, bħad-defiċits tat-traspożizzjoni u tal-konformità, l-akkwist pubbliku, id-dewmien fil-pagamenti mill-awtoritajiet pubbliċi u d-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali kif ukoll dawk l-indikaturi żviluppati fir-Rakkomandazzjonijiet ta’ Riforma għas-servizzi professjonali.  59   

    L-istrumenti ta’ kollaborazzjoni eżistenti għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ biex tkompli tittejjeb is-soluzzjoni proattiva u prattika tal-problemi tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u n-negozji, inkluż azzjoni urġenti mill-Istati Membri biex jiġi żgurat li ċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT 60 ikollhom riżorsi umani suffiċjenti u adegwati. L-iskrutinju tal-miżuri nazzjonali qabel ma dawn jiġu adottati wera li huwa partikolarment effettiv biex jiġu evitati kunflitti mar-regoli tas-Suq Uniku. Is-SOLVIT irnexxielu jsolvi aktar minn 2000 każ fl-2021 61 b’rata medja ta’ riżoluzzjoni ta’ 87 %.

    Il-mekkaniżmu ta’ notifika skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku (sistema ta’ notifika tal-SMTD) 62 żviluppa f’għodda verament preventiva, u saħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi stadju bikri, pereżempju fir-rigward tat-trasport jew tar-riċiklaġġ b’emissjonijiet baxxi u t-tnaqqis tal-iskart.

    Biex ittejjeb il-konformità mar-regoli tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni beħsiebha tissimplifika l-obbligi ta’ notifika tal-Istati Membri billi tistabbilixxi punt uniku ta’ dħul fin-notifika għan-notifiki tas-Suq Uniku. Filwaqt li l-Istati Membri bħalissa jridu jużaw varjetà ta’ għodod ta’ notifika, stabbiliti skont biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, Tieqa ta’ Notifika Unika se tippermetti lill-Istati Membri jiffinalizzaw in-notifiki kollha f’post wieħed.

    Fil-qasam tas-servizzi, il-Kummissjoni qed tniedi wkoll proċess ta’ prijorità biex flimkien mal-Istati Membri, tindirizza l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi fl-ekosistemi industrijali b’kontenut għoli ta’ servizzi li ma laħqux il-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-kummerċ transfruntier. Dawn l-ekosistemi huma b’mod partikolari s-servizzi tal-kostruzzjoni, tal-bejgħ bl-imnut, tat-turiżmu u tan-negozju.

    Ħafna ostakli ma jkunux maħsuba għal dan l-iskop — spiss ikunu sempliċiment ir-riżultat ta’ modi differenti ta’ kif isiru l-affarijiet, imfassla fi żminijiet differenti fi Stati Membri differenti, iffukati fuq kunsiderazzjonijiet nazzjonali jew lokali. Dawn jistgħu ma jkunux imorru kontra t-Trattat jew ir-regoli armonizzati b’mod ċar. Madankollu, dawn xorta jistgħu jxekklu n-negozju transfruntier b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, minkejja l-benefiċċji li lkoll nistgħu nieħdu minn skambji aktar bla xkiel, interessi vestiti b’saħħithom, prijoritajiet oħrajn li huma aktar politikament viżibbli u/jew sempliċiment il-forza ta’ inerzja tista’ tkun ta’ xkiel biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi. Il-Kummissjoni ma tistax tkun l-unika vuċi tal-interess tas-Suq Uniku, li taġixxi permezz tas-setgħat ta’ infurzar u ta’ tlaqqigħ tiegħu. Is-Suq Uniku jeħtieġ ukoll vuċi ddedikata fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru jistabbilixxi Uffiċċju tas-Suq Uniku ddedikat biex jindirizza l-ostakli għas-Suq Uniku. Tali uffiċċju għandu jkollu tmexxija għolja u riżorsi xierqa, u mandat permanenti biex iqajjem il-kwistjonijiet b’mod proattiv u jipproponi soluzzjonijiet fi ħdan is-sistema nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet 63 . Din il-ħidma tkun komplementari għal għodod kollaborattivi bħas-SOLVIT u l-SMET u tista’ tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-indirizzar tal-ostakli li fadal għas-servizzi.

    Il-prevenzjoni ta’ ostakli kummerċjali ġodda milli jitfaċċaw hija importanti ħafna u hija partikolarment rilevanti fis-settur tas-servizzi, fejn id-diversità tar-regolamentazzjoni nazzjonali u l-interessi qawwija vestiti llimitaw il-kapaċità li tinkiseb integrazzjoni akbar fis-Suq Uniku. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li r-regolamenti ġodda li jintroduċu jkunu ġġustifikati u proporzjonati, jiġifieri fir-rigward ta’ restrizzjonijiet bħal limitazzjonijiet territorjali, regoli dwar is-sjieda tal-kumpaniji jew tariffi fissi. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tobbliga wkoll lill-Istati Membri jinnotifikaw tali rekwiżiti ġodda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

    Barra minn hekk, mill-2020, id-Direttiva dwar Test tal-Proporzjonalità pprovdiet qafas għall-Istati Membri biex jivvalutaw u jispjegaw għaliex kwalunkwe regola nazzjonali ġdida ma hijiex diskriminatorja u proporzjonata qabel ma tidħol fis-seħħ. Madankollu, dan japplika biss għal parti mill-ekonomija tas-servizzi, jiġifieri servizzi professjonali rregolati. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni beħsiebha tesplora kif tagħmel l-aħjar użu minn dan il-qafas għas-servizzi inġenerali u mhux biss għall-professjonijiet. Dan se tagħmlu billi tadatta l-għodda ta’ notifika tad-Direttiva dwar is-Servizzi u tipprovdi gwida mmirata addizzjonali lill-Istati Membri biex japplikaw dawn il-kriterji ta’ proporzjonalità. Dan se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal regolamentazzjoni aħjar u inqas restrittiva u se jevita rikors għal infurzar ex post għali u bla bżonn.

    Grupp kbir ta’ Stati Membri beda jaħdem flimkien mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jintroduċi b’mod volontarju dikjarazzjoni elettronika komuni għall-ħaddiema stazzjonati 64 . Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jaħdmu lejn il-finalizzazzjoni tal-ħidma tagħhom sal-aħħar tal-2023.

    Huwa meħtieġ impenn politiku imġedded fil-livelli kollha biex jittejbu l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku u biex jitwettqu impenji preċedenti 65 . Il-Kummissjoni se tixħet l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Suq Uniku fuq ir-riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku regolarment, b’mod partikolari fil-Kunsill tal-Kompetittività. Id-diskussjoni għandha tivvaluta l-progress fl-ilħuq tal-miri, tidentifika azzjoni addizzjonali potenzjali biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku u tnaqqas ostakli mhux meħtieġa u sproporzjonati.

    Il-Kummissjoni tirreferi għall-appell preċedenti tagħha lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom li jillimitaw id-defiċit ta’ traspożizzjoni għal 0,5 % għad-direttivi kollha 66 u għal 0 % fil-każ ta’ direttivi li l-implimentazzjoni tagħhom kellha ssir aktar minn sentejn ilu. 67 Bl-istess mod, il-Kummissjoni tirreferi għall-proposta preċedenti tagħha biex id-defiċit ta’ konformità jiġi limitat għal 0,5 % għad-direttivi kollha 68 . Barra minn hekk, għal każijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni pproponiet il-mira ta’ 12-il xahar minn meta ntbagħtet l-ittra ta’ avviż formali għar-riżoluzzjoni tal-każ jew li tressaq każijiet ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 69 .

    Abbażi tal-elementi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta’ miri konkreti dwar l-infurzar bil-għan li tillimita kemm it-traspożizzjoni kif ukoll id-defiċit ta’ konformità għal 0,5 %. Tipproponi wkoll li jiġi stabbilit parametru referenzjarju dwar SOLVIT bil-għan li jissolva minimu ta’ 90 % tal-każijiet fi żmien 12-il xahar f’kull Stat Membru. Il-Kummissjoni se tikkomunika wkoll dwar l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-progress fis-soluzzjoni tal-ostakli tas-Suq Uniku fil-kuntest ta’ għodod kooperattivi bħall-SMET.

    3.2. Inkomplu nrawmu d-dimensjonijiet ekoloġiċi u diġitali tas-Suq Uniku

    Is-Suq Uniku se jkun kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE u għall-ekonomija ċirkolari. L-UE jeħtieġ li żżomm it-tmexxija tagħha fuq teknoloġiji nodfa u l-vantaġġ kompetittiv tagħha fuq id-dekarbonizzazzjoni biex tkun tista’ twassal ekonomija b’emissjonijiet żero. Jeħtieġ li nużaw il-materjali u riżorsi oħra b’mod aktar effiċjenti u li nimxu lejn ekonomija ċirkolari li żżomm il-valur tal-materjali fil-prodotti u tnaqqas l-iskart. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari qed jiġi implimentat b’għanijiet ambizzjużi għall-promozzjoni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

    Ir-regoli komuni applikabbli madwar l-UE se jagħmluha aktar faċli għan-negozji biex jiffaċċjaw l-isfida, u b’hekk biex nilħqu l-objettivi tagħna — potenzjalment anke fil-livell globali. Ir-regoli tal-ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli jiffaċilitaw u jżidu l-irkupru u r-riċiklaġġ ta’ materjali minn prodotti fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jnaqqsu l-produzzjoni tal-iskart. L-Inizjattiva dwar il-Passaport tal-Prodotti se tippermetti lill-konsumaturi u lill-operaturi jaċċessaw faċilment l-informazzjoni dwar il-konformità tal-prodotti, kif ukoll kontenut riċiklat u riċiklabbli fil-prodotti.

    Il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE joffri għodod li jgħinu lill-kapital privat jinvesti f’attivitajiet ekoloġiċi u jiffinanzja t-tranżizzjoni. It-Tassonomija tal-UE toffri lista ta’ attivitajiet ekonomiċi sostenibbli mfassla għall-investituri li qed ifittxu teknoloġija nadifa u investimenti sostenibbli.

    Filwaqt li matul ħafna snin, id-disinn attwali tas-suq tal-elettriku tal-UE ipproduċa suq effiċjenti u integrat sew li inċentiva l-użu ta’ enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u teknoloġiji flessibbli nodfa, il-kriżi reċenti tal-enerġija enfasizzat numru ta’ nuqqasijiet, li esponew lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet b’effetti fuq il-kontijiet tal-elettriku tagħhom. Biex twieġeb għall-kriżi, l-UE adottat sett ta’ għodod dwar il-prezzijiet tal-enerġija b’miżuri biex tindirizza l-prezzijiet għoljin (inkluż l-appoġġ għall-introjtu, il-ħelsien mit-taxxa, u miżuri għall-iffrankar u l-ħżin tal-gass), kif ukoll il-pjan REPowerEU b’aktar miżuri u finanzjament biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika u lill-enerġija rinnovabbli ħalli titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Il-Kummissjoni pproponiet riforma tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku 70 .

    Id-diġitalizzazzjoni hija mifruxa u parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hija xprunatur ewlieni tal-kompetittività, tal-prosperità u tal-benesseri tal-Unjoni fis-soċjetajiet tagħna. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali jafdaw lill-Kummissjoni b’setgħat diretti, investigattivi u ta’ infurzar ġodda li diġà huma magħrufa f’xi oqsma oħra, bħal-liġi tal-kompetizzjoni jew ir-regolament finanzjarju. Il-Kummissjoni hija impenjata li tieħu l-miżuri investigattivi u ta’ infurzar kollha meħtieġa u li tuża s-setgħat superviżorji tagħha kontra pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna kif ukoll gwardjani, fejn dawn ma jikkonformawx mal-obbligi tad-DSA jew tad-DMA tagħhom.

    L-Ewropej fis-Suq Uniku jeħtieġu aċċess għal konnettività affidabbli, rapida u sigura madwar l-Unjoni kollha, filwaqt li jiġi żgurat li l-infrastrutturi kritiċi kollha fl-UE, inkluż il-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-infrastrutturi diġitali, ikunu siguri ħafna. B’mod parallel mal-proposta għal Att dwar l-Infrastruttura tal-Gigabits, adottat fit-23 ta’ Frar, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni wiesgħa ta’ esplorazzjoni dwar il-futur tas-settur tal-konnettività. Il-konsultazzjoni tesplora wkoll kif nistgħu nimxu lejn Suq Uniku veru għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini billi jagħtihom servizzi tat-telekomunikazzjoni aħjar u aktar affordabbli.

    L-Istrateġija Ewropea għad-Data tal-2020 għandha l-għan li toħloq Suq Uniku ġenwin għad-data fejn ir-regoli Ewropej dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data jiġu rrispettati bis-sħiħ u jkun hemm ċarezza legali dwar min jista’ jaċċessa u juża d-data u taħt liema kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni pproponiet l-Att dwar id-Data fi Frar 2022 biex tistabbilixxi l-qafas bażiku ħalli tiżgura l-ġustizzja fl-ambjent diġitali, tistimula suq tad-data kompetittiv, tiftaħ opportunitajiet għal innovazzjoni xprunata mid-data u tagħmel id-data aktar aċċessibbli għal kulħadd. Il-qafas ġenerali se jkun appoġġat mill-ħolqien u mill-interkonnessjoni ta’ spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi strateġiċi u f’oqsma ta’ interess pubbliku.

    Flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tniedi Spazju tad-Data dwar l-Akkwist Pubbliku 71 , li se jiżgura data aktar aċċessibbli u ta’ kwalità aħjar għall-kuntratti pubbliċi, li tammonta għal madwar EUR 2 triljun (kważi 13,6 % tal-PDG tal-UE) 72 . Dan l-ispazju tad-data se joħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li jagħmlu offerti għal proġetti ta’ akkwist pubbliku fi kwalunkwe post fl-UE. Dan se jkun għodda partikolarment utli għall-SMEs. Se jgħin lix-xerrejja pubbliċi u lin-negozji jtejbu l-istrateġiji tagħhom ta’ investiment u ta’ offerti, u biex il-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw trasparenza akbar u l-aħjar kwalità meta mqabbla mal-prezz.

    L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa propost mhux biss se jagħti s-setgħa lill-pazjenti individwali, iżda se jippermetti wkoll riċerka u innovazzjonijiet relatati mas-saħħa fuq skala Ewropea 73 . Trid tiġi indirizzata wkoll frammentazzjoni eċċessiva tas-Suq Uniku għall-farmaċewtiċi, biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti mediċinali għall-benefiċċju tal-pazjenti tal-UE.

    Wara għexieren ta’ snin ta’ diskussjoni, il-Privattiva Unitarja fl-aħħar se ssir realtà f’Ġunju 2023. Dan jimmarka approfondiment tas-Suq Uniku fit-teknoloġija li ilu mistenni. Il-privattivi huma l-aktar dritt b’saħħtu fost id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u huma kritiċi għall-investiment fit-tranżizzjoni diġitali. Xi simulazzjonijiet jissuġġerixxu li l-Privattiva Unitarja tista’ tiġġenera żieda ta’ EUR 1,8 biljun fl-investiment dirett barrani annwali fl-UE 74 . Il-Privattiva Unitarja se tkun akkumpanjata minn riforma tal-Privattivi Essenzjali għal Standard li tistabbilixxi l-istandards globali tal-liċenzjar b’mod li jiġi massimizzat l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tad-detenturi u l-implimentaturi tal-Privattiva Essenzjali għal Standard tal-UE.

    Id-diġitalizzazzjoni qed tagħmilha dejjem aktar faċli għaċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom bejn il-fruntieri. Matul l-2023, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva dwar id-diġitalizzazzjoni tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, b’rabta mal-ħidma fuq proġett pilota għall-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali 75 . L-inizjattiva se tippreżenta kif id-diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam tiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini madwar l-Ewropa u b’hekk tappoġġa l-moviment liberu tal-persuni u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. Se tiddeskrivi l-progress fid-diġitalizzazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin, ir-rabtiet ma’ inizjattivi diġitali oħra u se tistabbilixxi stadji importanti ċari sal-2030, filwaqt li tappoġġa l-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali aktar interoperabbli u interkonnessi.

    L-UE taqdi rwol attiv ukoll fil-qasam tal-politiki fiskali biex tindirizza d-distorsjonijiet u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku. Pereżempju, il-proposta il-VAT fl-Era Diġitali 76 se tikkontribwixxi ħafna għat-tisħiħ tas-Suq Uniku billi tkompli tissimplifika l-obbligi tal-VAT tan-negozjanti, speċjalment l-SMEs, u billi tipproponi rekwiżit ta’ rapportar diġitali li se jipprevjeni aktar frammentazzjoni fl-UE. L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT), li bħalissa qed jitħejja, se jintroduċi ġabra unika ta’ regoli dwar it-taxxa korporattiva għall-UE, biex jinħoloq approċċ koerenti għat-tassazzjoni tan-negozju madwar l-UE.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħejji riforma ambizzjuża tal-Unjoni Doganali, li se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq, billi tinkludi analitika tad-data dwar il-ġestjoni tar-riskju ċentralizzata, u skambju aktar komprensiv u strutturat ta’ data minn sorsi multipli. Biex in-negozji tal-UE jirnexxu fid-dawl ta’ sfidi ġeopolitiċi ġodda u biex jinżammu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom fis-Suq Uniku, il-preservazzjoni tal-integrità tiegħu u kundizzjonijiet ekwi mal-produtturi ta’ pajjiżi terzi hija ta’ importanza kbira. Objettiv ewlieni tar-riforma Doganali huwa għalhekk li r-regoli tal-UE jiġu infurzati b’mod aktar effiċjenti u effettiv fil-fruntieri esterni, inkluż il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet 77 . 

    It-tranżizzjoni b’suċċess għal ekonomija ekoloġika u diġitali teħtieġ forza tax-xogħol bil-ħiliet edukattivi meħtieġa. Ilum, 77 % tal-kumpaniji diġà jiddikjaraw li qed ibatu biex isibu impjegati bil-ħiliet meħtieġa 78 . Għodda ewlenija biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom aċċess għall-ħiliet meta u fejn ikunu jeħtiġuhom hija s-sistema ta’ mobbiltà professjonali tal-UE, li diġà ppermettiet lil 800 000 persuna jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor mill-1997. Mill-2013, l-introduzzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea u Test ta’ Taħriġ Komuni ffaċilita l-mobbiltà, iżda f’numru limitat ta’ professjonijiet biss. Bl-għan li jiġi sfruttat dan il-potenzjal, u biex jitħaffef u jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fi Stati Membri oħra għal aktar persuni, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se tesplora l-possibbiltà li dawn l-għodod u għodod simili jintużaw b’mod aktar wiesa’. Barra minn hekk, fl-2023, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex is-Suq Uniku jsir aktar attraenti għall-ħaddiema ta’ talent u tas-sengħa minn barra l-UE. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll iċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali biex tiżgura livell minimu ta’ kwalità tat-taħriġ fil-ħiliet u tat-titjib tal-ħiliet diġitali u għar-rikonoxximent tiegħu madwar l-UE. Fl-istess waqt, se nlestu ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, u b’hekk inkomplu nsaħħu d-dimensjoni diġitali u ekoloġika tas-sistemi tal-edukazzjoni tal-Istati Membri, nagħmluha aktar faċli għall-istudenti u għall-għalliema biex jaħdmu fis-Suq Uniku u niffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-universitajiet.

    * * *

    4.Konklużjonijiet

    Is-Suq Uniku kien ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-UE kollha kemm hi f’termini ekonomiċi, soċjali u ġeopolitiċi. Għalkemm m’hemmx dubju dwar dawn il-benefiċċji, huwa meħtieġ li jitkomplew l-isforzi konġunti biex jiġu esplorati u jinstabu soluzzjonijiet ħalli jinkiseb benefiċċju akbar mill-potenzjal li għadu mhux sfruttat. Barra minn hekk, is-Suq Uniku se jkollu jkompli jadatta għar-realtajiet il-ġodda tal-ambjent ġeopolitiku, l-iżviluppi teknoloġiċi, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività u l-produttività fit-tul tal-UE.

    Il-ħolqien tas-Suq Uniku 30 sena ilu kien il-frott ta’ sforz komuni. Aħna u nħarsu ’l quddiem, jeħtieġ li nkomplu nimmassimizzaw il-benefiċċji tas-Suq Uniku fil-kuntest ta’ dawk ir-realtajiet il-ġodda. L-ewwel nett, hija meħtieġa enfasi mġedda fuq l-indirizzar tal-ostakli f’oqsma l-aktar rilevanti għall-ekonomija kollha, bħas-servizzi, is-swieq kapitali, is-swieq tal-enerġija, is-swieq diġitali u dawk tad-data. It-tieni, jeħtieġ li l-attivitajiet ta’ infurzar jiffukaw fuq l-oqsma bl-ogħla potenzjal mhux sfruttat, bħas-servizzi tan-negozju, il-bejgħ bl-imnut, il-kostruzzjoni u t-turiżmu. It-tielet, huma meħtieġa parametri referenzjarji ċari biex jiġu indirizzati d-defiċits relatati mat-traspożizzjoni u mal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE, filwaqt li jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi u jittejjeb l-ambjent tan-negozju.

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress ibbażat fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku u sorsi rilevanti oħrajn relatati mal-infurzar u l-ambjent tan-negozju kif ukoll il-progress fil-qafas ta’ SOLVIT u għodod kooperattivi bħall-SMET.

    Abbażi tal-elementi ppreżentati hawn fuq, ir-rapportar tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku u dwar l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku se jinforma d-diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Kunsill Ewropew. Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern huma mistiedna jiddiskutu l-iżviluppi rispettivi fuq bażi annwali fil-kuntest tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

    Dan kollu se jirrikjedi sforz komuni, flimkien mal-atturi kollha — il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, kif ukoll in-negozji, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — fejn kull wieħed jaqdi r-rwol tiegħu.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-mexxejja, lill-gvernijiet, lil dawk li jfasslu l-liġijiet u lis-sħab soċjali biex jieħdu ċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena tas-Suq Uniku bħala opportunità biex jirdoppjaw l-isforzi ħalli s-Suq Uniku jibqa’ jagħti riżultati, u jagħti riżultati aħjar, għan-nies u għan-negozji. Hija meħtieġa riflessjoni kontinwa dwar kif is-Suq Uniku għandu jitmexxa ’l quddiem matul it-30 sena li ġejjin. 

    (1)

    Imkejjel skont il-parità tal-kapaċità tal-akkwist, il-Perspettiva Ekonomika Dinjija tal-FMI.

    (2)

    Inklużi dawk demografiċi.

    (3)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18.1.2023 dwar it-30 anniversarju tas-Suq Uniku: niċċelebraw il-kisbiet u nħarsu lejn żviluppi futuri, P9_TA(2023)0007.

    (4)

      Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, id-9 ta’ Frar 2023 .

    (5)

    L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa, 2019-24, Studju tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, 2019.

    (6)

    Dan ir-rwol olistiku tas-Suq Uniku huwa rikonoxxut mir-Riżoluzzjoni tal-PE (ara l-punt 9).

    (7)

    Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija: https://www.acer.europa.eu/events-and-engagement/news/press-release-acer-publishes-its-final-assessment-eu-wholesale .

    (8)

    Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq Intern https://ec.europa.eu/internal_market/imi-net/index_mt.htm.

    (9)

      It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-2022 , Prestazzjoni ġenerali tal-IMI.

    (10)

    Għal aktar informazzjoni, ara l- Identità Diġitali Ewropea (europa.eu) .

    (11)

    Għal aktar informazzjoni, ara d- Deċiżjoni dwar il-Programm ta’ Politika tal-2030 “Perkors għad-Deċennju Diġitali” .

    (12)

    PDG fi prezzijiet kurrenti.

    (13)

    Minbarra s-settur finanzjarju.

    (14)

    Celebrating 30 years of EU Single Market 1993-2023, il-Eurostat : https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/w/edn-20221206-1 .

    Din l-illustrazzjoni tkopri l-“ekonomija tan-negozju mhux finanzjarja” (Taqsimiet B sa N tar-Rev. 2 tan-NACE u d-diviżjoni 95 ħlief it-taqsima K) li tinkludi: l-industrija, il-kostruzzjoni, il-kummerċ tad-distribuzzjoni, is-servizzi mhux finanzjarji.

    (15)

    Dokument ta’ Diskussjoni 094:  Quantifying the Economic Effects of the Single Market in a Structural Macromodel (europa.eu) , Jan in’t Veld, 2019.

    (16)

    Sors: il-Ministeru Daniż għall-Industrija, in-Negozju u l-Affarijiet Finanzjarji: The Single Market accounts for 56 million jobs across the EU.  

    (17)

    Impjegati f’kumpaniji li jesportaw servizzi jew li jipprovdu oġġetti u servizzi intermedji lis-settur tal-esportazzjoni.

    (18)

    Sors: “Cross border services in the internal market: an important contribution to economic and social cohesion“, Studju minn Manuel Fritsch u Dr. Roman Bertenrath (2019); https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/publications-other-work/publications/cross-border-services-internal-market-important-contribution-economic-and-social-cohesion .

    (19)

    Sors: Parson, C. u Smith, A. (2022) “The ‘completeness’ of the EU single market in comparison to the United States”, Single Market Economy Papers, WP7, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Ara wkoll it-Taqsima 2.4 dwar kif l-ostakli mhux regolatorji jiġu indirizzati fl-UE permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva u għodod diġitali.

    (20)

    Sors: il-Bank Ċentrali Ewropew (2022), Financial Integration and Structure in the Euro Area, Rapport tekniku, il-Bank Ċentrali Ewropew, Frankfurt. Il-Kummissjoni Ewropea (2022), European Financial Stability and Integration Review, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, SWD(2022) 93 final, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell.

    (21)

     Il-EURES huwa network Ewropew ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi, imfassal biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema EURES (europa.eu) .

    (22)

    Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

    (23)

    Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE.

    (24)

    Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea.

    (25)

    Illustrazzjoni li tkopri l-EU-28. Ara l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Recent evolutions of the Social Economy in the European Union, minn Monzon J. L. u Chaves R., 2017.

    (26)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali”, COM(2021)778.

    (27)

    Sors: Parson, C. u Smith, A. (2022) “The ‘completeness’ of the EU single market in comparison to the United States”, Single Market Economy Papers, WP7, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Ara wkoll it-Taqsima 2.4 dwar kif tali ostakli mhux regolatorji jiġu indirizzati fl-UE permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva u għodod diġitali.

    (28)

    Matul l-aħħar deċennju, ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-sens wiesa’ kkontribwew għal żewġ terzi tat-tkabbir tal-produttività tal-UE. Orizzont Ewropa u l-programmi predeċessuri tiegħu għenu fil-ħolqien u fit-tixrid aħjar tal-għarfien u t-teknoloġiji eċċellenti fis-Suq Uniku kollu. Ara Science, Research and Innovation Performance of the EU (SRIP) Report 2020. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta’ Ottubru 2022 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li jiffoka fuq iċ-ċittadini u l-SMEs juri li maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-kompetizzjoni tħeġġeġ l-innovazzjoni u tippermetti aktar għażla u prezzijiet aħjar. Ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_6374 .

    (29)

    F’termini speċifiċi, huwa stmat li l-interventi li jikkonċernaw il-fużjonijiet, il-kartelli u l-antitrust iġġeneraw iffrankar dirett għall-klijenti fil-medda ta’ EUR 12-21 biljun fis-sena fil-perjodu mill-2012 sl-2021 (Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku għall-2023, paġna 18).

    (30)

    Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tat-trasport tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Kontinġenza għat-Trasport (COM/2022/211 final). Ara wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0: https://defence-industry-space.ec.europa.eu/action-plan-military-mobility-20_en

    (31)

      https://civil-protection-humanitarian-aid.ec.europa.eu/what/civil-protection/eu-civil-protection-mechanism_en .

    (32)

      Pereżempju, id-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (id-Direttiva (UE) 2022/2557).

    (33)

    Ara s-Sistema ta’ Monitoraġġ “SCAN” (Supply Chain Alert Notification), li tintroduċi dan l-approċċ akkumpanjata minn applikazzjoni pilota għall-PVs Solari: https://single-market-economy.ec.europa.eu/publications/scan-supply-chain-alert-notification-monitoring-system_en ”.

    (34)

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (l-Att dwar iċ-Ċipep), COM(2022)46 final.

    (35)

    COM(2023)160

    (36)

    COM(2023) 62

    (37)

    COM(2023) 161

    (38)

      Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni (europa.eu) .

    (39)

      https://european-union.europa.eu/principles-countries-history/key-facts-and-figures/economy_mt .

    (40)

    Pjan ta’ Azzjoni ta’ Prijorità għal implimentazzjoni msaħħa tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv bejn l-UE u l-Ukrajna.

    (41)

    Il-Kummissjoni qed tħejji l-bażi għal Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (AAC) mal-Ukrajna. Il-Kummissjoni hija impenjata f’ħidma preparatorja mal-Moldova wkoll, bl-intenzjoni li tibda negozjati għal ACAA.

    (42)

    Biex tissaħħaħ il-bażi tas-Suq Uniku, ġie adottat pakkett ta’ finanzjament sinifikanti ta’ EUR 4,2 biljun — il-Programm tas-Suq Uniku — biex jappoġġa varjetà ta’ azzjonijiet mit-titjib tas-sorveljanza tas-suq biex jipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji b’appoġġ għas-soluzzjoni tal-problemi, appoġġ għall-kompetittività tal-SMEs u titjib tas-sikurezza alimentari.

    (43)

    Vaċċini kontra l-COVID-19 Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (europa.eu) .

    (44)

    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, GDPR).

    (45)

    Strateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni – L-istabbiliment ta’ standards globali b’appoġġ għal suq uniku tal-UE reżiljenti, ekoloġiku u diġitali, COM(2022)31.

    (46)

    Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern.

    (47)

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni, COM(2022)453 final.

    (48)

    COM(2023)168

    (49)

    Ara wkoll il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar L-infurzar tad-dritt tal-UE għal Ewropa li tagħti riżultati (COM(2022)518 final).

    (50)

      It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-2022 .

    Din l-analiżi tqis 997 direttiva u 5669 regolament biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Uniku, fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2021.

    (51)

    Ara n-noti 65 sa 68 f’qiegħ il-paġna għal dettalji dwar il-miri tad-defiċit tal-infurzar.

    (52)

      It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-2022 .

    (53)

      It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-2022 .

    (54)

     Kif deskritt fl-Anness 1: “Stocktaking of the implementation of the 2020 Single Market Enforcement Action Plan”, Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku tal-2023 . L-azzjonijiet kollha tal-Pjan ta’ Azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku ġew implimentati jew imnedija.

    (55)

      Moviment liberu tas-servizzi: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni (europa.eu) .

    (56)

    Ara “ 30 sena mis-suq uniku – nieħdu kont u nħarsu ’l quddiem”, il-Kummissjoni Ewropea 2022 .

    (57)

      https://single-market-economy.ec.europa.eu/news/single-market-task-force-continues-tackle-barriers-single-market-2022-11-29_en .

    (58)

    Il-Forum Industrijali jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri, lin-negozji ta’ kull daqs, lit-trade unions u lis-soċjetà ċivili u jaġixxi bħala spazju ta’ riflessjoni għall-partijiet ikkonċernati u jservi ta’ prova tal-istat tal-kompetittività Ewropea. Il-Forum huwa bbażat ukoll fuq taskforce apposta li għandha l-kompitu li tivvaluta l-istat tas-Suq Uniku. Jikkontribwixxi wkoll b’mod attiv għall-Perkorsi ta’ Tranżizzjoni, li jqisu wkoll l-isfidi regolatorji għat-tranżizzjonijiet doppji u r-reżiljenza tal-industrija tal-Ewropa. Dan jaġixxi bħala spazju ta’ riflessjoni iżda anke bħala sors ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet li qed tiffaċċja l-industrija u kif għandhom jiġu indirizzati. Il-Forum jiltaqa’ fis-sessjoni plenarja bejn darbtejn u tliet darbiet fis-sena, u ltaqa’ l-aħħar fis-7 ta’ Marzu 2023.

    (59)

      Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, l-aħħar punteġġ dwar il-forniment ta’ servizzi pubbliċi diġitali għan-negozji kien għoli ħafna (madwar 80 jew aktar) għal żewġ terzi tal-Istati Membri. B’kuntrast ma’ dan, fl-2022, 19-il Stat Membru minn 27 urew dewmien ogħla fil-pagamenti pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi milli fl-2019. B’mod ġenerali, l-indikaturi tal-akkwist pubbliku jissuġġerixxu sitwazzjoni stabbli, b’titjib żgħir. Madankollu, hemm ambitu għal aktar progress f’diversi Stati Membri, f’oqsma bħas-sehem ta’ offerti ta’ akkwist pubbliku b’offerent wieħed u s-sehem ta’ għotjiet diretti. Fil-qasam tas-servizzi professjonali, it-tabella ta’ valutazzjoni ftit li xejn turi progress bejn l-2007 u l-2021 fir-rigward tat-tnaqqis tal-ostakli regolatorji għad-dħul u l-eżerċizzju tal-professjonijiet. Is-servizzi legali jibqgħu l-aktar professjoni protetta fis-Suq Uniku.

    (60)

      Iċ-ċentri nazzjonali SOLVIT - il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .

    (61)

     SOLVIT’s Helping Hand in the Single Market: celebrating 20 years https://ec.europa.eu/solvit/_docs/2022/anniversary_report_web_en.pdf .

    (62)

      Id-direttiva dwar it-trasparenza fis-suq uniku – EUR-Lex (europa.eu).

    (63)

    Ir-rwol tiegħu għandu jiġi adattat għal sistemi ta’ governanza differenti, eż. fis-sistemi federali, jew fejn ikun hemm deċentralizzazzjoni sinifikanti.

    (64)

    Sal-bidu tal-2023 u wara konsultazzjonijiet u studju ta’ fattibbiltà, 20 Stat Membru qablu li jaħdmu lejn forma komuni kif imħabbar fl-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali tal-2021.

    (65)

    Defiċit ta’ traspożizzjoni ta’ 1 % (perċentwal ta’ direttivi dwar is-Suq Uniku li għadhom ma ġewx innotifikati kompletament lill-Kummissjoni) stabbilit mill-Kunsill Ewropew, fi Brussell mit-8-9 ta’ Marzu 2007, u mira ta’ traspożizzjoni ta’ 0 % għad-direttivi li l-implimentazzjoni tagħhom kellha ssir aktar minn sentejn ilu, kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew, f’Barċellona mill-15-16 ta’ Marzu 2002.

    (66)

    Mira tad-defiċit ta’ traspożizzjoni ta’ 0,5 % proposta mill-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku COM/2011/0206

    (67)

    Mira ta’ traspożizzjoni ta’ 0 % għal direttivi li l-implimentazzjoni tagħhom kellha ssir aktar minn sentejn ilu, kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew, f’Barċellona mill-15-16 ta’ Marzu 2002

    (68)

    Miri tad-defiċit ta’ konformità ta’ 0,5 % proposti mill-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku COM/2011/0206

    (69)

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar C/2016/8600

    (70)

    COM(2023) 148 final

    (71)

    C(2023)1696

    (72)

    Sal-lum, frazzjoni żgħira biss tad-data, minn 20 % biss tal-offerti kollha, hija disponibbli u tista’ tiġi mfittxija għal analiżi f’post wieħed, il-bażi tad-data Tenders Electronic Daily (TED) tal-UE. Min-naħa l-oħra, 80 % tad-data hija mifruxa f’formati differenti u f’sistemi multipli madwar l-Istati Membri.

    (73)

      L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (europa.eu).

    (74)

      https://www.epo.org/service-support/publications.html?pubid=162#tab3 .

    (75)

    Dan il-pass jikkomplementa s-sistema tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI), li tippermetti skambji bejn l-awtoritajiet, billi tiffaċilita l-interazzjonijiet u l-iskambji bejn iċ-ċittadini mobbli, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u amministrazzjonijiet pubbliċi rilevanti oħra (eż. l-ispettorati tax-xogħol u l-fornituri tal-kura tas-saħħa), li jagħmel possibbli l-verifika f’ħin reali tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, inkluż minn dawk l-atturi li ma għandhomx aċċess għas-sistema EESSI.

    (76)

    Ara (COM(2022)701 final).

    https://taxation-customs.ec.europa.eu/taxation-1/value-added-tax-vat/vat-digital-age_en .

    (77)

    Eżempju ieħor ta’ kooperazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq huwa r-Regolament dwar Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, li jiżgura l-interkonnessjoni tas-sistemi doganali nazzjonali: Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013, ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1.

    (78)

      Annual Single Market Report 2023 , p. 23.

    Top