This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0405(04)
Publication of an application for amendment of a specification for a name in the wine sector referred to in Article 105 of Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council 2022/C 150/07
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2022/C 150/07
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2022/C 150/07
C/2022/2102
ĠU C 150, 5.4.2022, p. 57–68
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 150/57 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(2022/C 150/07)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
TALBA GĦAL EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT
“Sicilia”
PDO-IT-A0801-AM03
Data tal-applikazzjoni: 4.7.2017
1. Regoli applikabbli għall-emenda
L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Emenda mhux minuri
2. Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda
2.1. Deskrizzjoni tal-inbejjed
a) |
Fir-rigward tat-tipi diġà koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għandhom jiġu prodotti wkoll il-verżjonijiet li ġejjin:
|
b) |
Ġew inklużi tipi ġodda bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tad-dwieli Moscato, Vermentino, Zibibbo, Petit Verdot u Sangiovese, f’bosta verżjonijiet:
|
c) |
Ġew inklużi tipi ġodda bl-indikazzjoni ta’ żewġ varjetajiet tad-dwieli tal-istess kulur ta’ dawk li diġà jintużaw fit-tipi ta’ varjetà waħda, minbarra l-varjetajiet aromatiċi. Id-DOC “Sicilia” tirrappreżenta ż-żona kollha tal-vitikultura tar-reġjun u l-għan huwa li tingħata importanza lill-produzzjoni kollha tal-inbid, speċjalment il-varjetajiet tad-dwieli indiġeni, l-ewwel fosthom il-varjetà indiġena Zibibbo, kif ukoll dawk ta’ interess nazzjonali li diġà jitkabbru b’mod mifrux, bħall-varjetajiet ta’ Moscato, li diġà qed jintużaw bħala varjetajiet tad-dwieli ewlenin fit-taħlita ta’ varjetajiet għall-inbid Spumante Bianco, waħedhom jew flimkien ma’ varjetajiet oħra sa 50 %. Barra minn hekk, huma koperti tipi bl-indikazzjonijiet tal-varjetajiet il-ġodda Vermentino, Petit Verdot u Sangiovese, li huma ta’ interess produttiv u kummerċjali kbir. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li saru testijiet intensivi tul is-snin li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli magħmula adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun ta’ Sqallija. Bis-saħħa tal-livell tal-kwalità li jilħqu dawn l-inbejjed, tal-ħiliet tal-operaturi u tat-tiġdid tat-teknoloġiji, dawk il-varjetajiet ingħataw aktar valur fid-DOC “Sicilia”, ħaġa li ppermettiet li tiġi offruta firxa wiesgħa ta’ prodotti fis-suq fid-diversi kategoriji koperti. Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.4 tad-Dokument Uniku u l-Artikoli 1, 2 u 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. |
2.2. Deskrizzjoni tal-inbejjed
a) |
Id-deskrizzjoni tal-inbejjed inbidlet f’waħda aktar konċiża u sempliċi u dawn ġew organizzati skont il-kategorija tal-inbid minflok skont il-grupp/it-tip tal-inbid. Id-deskrizzjoni tal-inbejjed saret ukoll aktar dettaljata u nżiedet dikjarazzjoni ġenerali li tispeċifika li fejn it-taqsimiet rilevanti ma jindikaw l-ebda ċifra, il-valuri huma mid-definizzjoni tagħhom il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Bid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-inbejjed ġodda introdotti, il-bidla fil-parametri deskrittivi għal għadd ta’ tipi diġà koperti u l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-test skont il-kategoriji tal-inbid, huwa possibbli li jiġi ssimplifikat id-Dokument Uniku u tingħata deskrizzjoni aktar ċara u konċiża tal-karatteristiċi tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”. Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.4 tad-Dokument Uniku. |
b) |
Tħassar l-Artikolu 6(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar is-setgħa tal-Ministeru li joħroġ digriet li jemenda l-aċidità totali u l-estratt minimu mingħajr zokkor. Din l-emenda hija meħtieġa peress li d-dispożizzjoni ma għadhiex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-emendi għall-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku. |
2.3. Inbejjed ta’ żewġ varjetajiet
Tħassret il-lista tat-tipi ta’ nbid ta’ żewġ varjetajiet bid-diversi taħlitiet ta’ varjetajiet tad-dwieli.
Minflokha, ġie speċifikat li d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Sicilia” tista’ tintuża wkoll għall-inbejjed b’indikazzjoni ta’ żewġ varjetajiet ta’ dwieli tal-istess kulur bħal dawk li diġà huma indikati fl-Artikolu (1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (fejn huma elenkati l-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw għat-tipi ta’ varjetà waħda).
Tqies li huwa xieraq li t-test jiġi riformulat biex isir aktar konċiż u jiġi evitat li jiġu elenkati t-tipi kollha possibbli li jirriżultaw mill-għadd kbir ta’ taħlitiet ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid, u minflok issir referenza għall-possibbiltà li jitħalltu l-varjetajiet tad-dwieli permessi għat-tipi ta’ varjetà waħda.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1 u 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
2.4. Bażi varjetali għall-inbid Bianco [abjad], Rosso [aħmar], Rosato [rożè] u Spumante Bianco [abjad spumanti]
Il-varjetajiet tad-dwieli li ġejjin inżiedu mat-taħlita ta’ varjetajiet tad-dwieli li jridu jikkostitwixxu 50 % tal-inbid:
— |
Chardonnay għat-tipi Bianco; |
— |
Syrah għat-tipi Rosso u Rosato; |
— |
Nerello Mascalese għat-tip Spumante Bianco. |
Wara l-ittestjar fit-tul, it-taħlita ewlenija tal-varjetajiet tlestiet għat-tipi msemmija, bl-inklużjoni tat-tliet varjetajiet ta’ hawn fuq, li jitkabbru b’mod mifrux fir-reġjun kollu (aktar minn 11 000 ettaru) u diġà jintużaw fil-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ varjetà waħda.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.
2.5. Varjetajiet ewlenin tal-għeneb tal-inbid
Il-varjetajiet il-ġodda tad-dwieli Petit Verdot, Vermentino u Sangiovese huma inklużi fil-varjetajiet ewlenin tal-għeneb tal-inbid.
L-inklużjoni ta’ dawn il-varjetajiet tad-dwieli saret wara testijiet intensivi matul is-snin li jinvolvu l-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli li ġew adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun ta’ Sqallija u li diġà jistgħu jintużaw fit-taħlita tal-varjetajiet tad-dwieli, bħala parti mill-bażi varjetali ta’ 50 %, għall-inbejjed bojod, ħomor u rożè bażiċi mingħajr indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli. Għalhekk, l-intenzjoni hija li jiżdied il-profil ta’ dawn il-varjetajiet anke fl-inbejjed ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.7 tad-Dokument Uniku.
2.6. Standards tal-vitikultura
a) |
Ir-rendimenti massimi u l-qawwiet alkoħoliċi tat-tipi l-ġodda miżjuda msemmija fl-Artikolu 1 inżiedu mat-tabella fl-Artikolu 4(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. It-tabella ġiet aġġustata biex jitqiesu l-emendi fl-Artikolu 1. Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.5.2 tad-Dokument Uniku (rendimenti massimi). |
b) |
It-tabella msemmija fil-punt a) ġiet emendata biex tirrifletti ż-żieda fir-rendimenti tat-tip “Sicilia” Grillo (minn 13 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru), tat-tip “Sicilia” Nero d’Avola (minn 12 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru) u tat-tip Nero d’Avola Spumante (minn 13 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru). Iż-żieda fir-rendimenti għal kull ettaru, għalkemm hija ta’ inqas minn 10 %, hija meħtieġa sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għall-kapaċità reali tal-vinji eżistenti. Din tqis ir-rendimenti li nkisbu fiż-żona, abbażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa fir-rigward tat-tekniki tat-tkabbir u l-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet tat-temp, u tiżgura li l-livell tal-kwalità jibqa’ l-istess. Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.5.2 tad-Dokument Uniku (rendimenti massimi). |
c) |
Ġie speċifikat fl-Artikolu 4(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li, fir-rigward tal-produzzjoni massima għal kull ettaru u l-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-għeneb għall-inbejjed Bianco, Rosso, Rosato u Spumante tad-DOC “Sicilia”, għandha ssir referenza għal-limiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal kull varjetà użata. Jeħtieġ li jiżdied il-paragrafu wara t-tabella sabiex jiffaċilita l-interpretazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku. |
d) |
Iddaħħlu erba’ paragrafi li jipprevedu li r-Reġjun, fuq talba tal-assoċjazzjoni tal-protezzjoni, u wara li jikkonsulta mal-organizzazzjonijiet professjonali, jista’: jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni tal-produzzjoni fir-rigward tal-użi/l-għanijiet diversi tal-għeneb; jaġġusta l-limitu massimu tal-għeneb għal kull ettaru li jkun se jintuża; inaqqas ir-rendimenti permessi tal-għeneb u tal-inbid, u jżid, b’massimu ta’ 20 %, ir-rendiment massimu għal kull ettaru li jista’ jitwarrab għar-riżerva tal-ħsad. Il-miżuri relatati mal-ġestjoni tal-produzzjoni jaqgħu taħt il-miżuri ta’ ġestjoni annwali għall-produzzjoni fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tat-temp u tas-suq, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ (l-Artikoli 35 u 39 tal-Liġi Nru 238/2016). L-għan ta’ din l-emenda ma huwiex żieda definittiva fir-rendiment tal-għeneb u tal-inbid għal kull ettaru. Minflok, fi snin b’temp favorevoli, kull eċċess fir-rendiment tal-għeneb għal kull ettaru, sa eċċess massimu ta’ 20 %, għandu jintuża biex jiġu prodotti nbejjed bid-denominazzjoni (kif diġà permess mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ), soġġett għal applikazzjoni mill-produtturi kkonċernati u deċiżjoni mir-Reġjun wara li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tat-temp, il-kundizzjonijiet tekniċi/tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kwalità tal-għeneb. Fi kwalunkwe każ, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija hawn fuq, din il-produzzjoni (massimu ta’ 20 %) għandha titqies bħala “riżerva tal-ħsad” li għandha tintuża fis-snin ta’ wara skont id-domanda tas-suq. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku. |
2.7. Standards tal-produzzjoni tal-inbid - It-tnixxif tal-għeneb u r-rendimenti
a) |
Il-metodi tat-tnixxif tal-għeneb ġew deskritti għat-tipi bit-termini tradizzjonali “Passito” u “Vendemmia Tardiva”. B’mod partikolari, ġew esklużi s-sistemi ta’ deumidifikazzjoni li jinvolvu l-użu tas-sħana. Il-metodu tat-tnixxif tal-għeneb għat-tipi Passito u Vendemmia Tardiva ġie rregolat biex jipprovdi ċarezza lill-operaturi. L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima 1.5 tad-Dokument Uniku. |
b) |
It-tabella li turi r-rendimenti ġiet issupplimentata u r-rendiment massimu tal-inbid (hl/ha) żdied għat-tipi li ġejjin: Grillo inkluż Riserva, Grillo Spumante, Nero d’Avola inklużi Riserva, Nero d’Avola Rosato u Nero d’Avola Spumante. It-tabella ġiet aġġustata biex jitqiesu l-emendi fl-Artikolu 1. Ir-rendiment massimu tal-inbid għal kull ettaru għall-varjetajiet tad-dwieli Grillo u Nero d’Avola huwa marbut maż-żieda fir-rendiment għal kull ettaru ta’ dawk il-varjetajiet. Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. |
2.8. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid - L-ipproċessar f’inbid spumanti
Żdiedu l-metodi tal-ipproċessar tat-tip Spumanti. Ġie speċifikat li dan it-tip irid jinkiseb esklussivament permezz tal-fermentazzjoni naturali permezz tal-proċess Charmat jew permezz tal-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun, b’dan tal-aħħar jikkonċerna biss it-tipi Bianco u Rosato [rożè].
Peress li dan huwa nbid b’denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata, l-għan huwa li tiġi enfasizzata l-kwalità tal-prodott billi jiġi speċifikat il-metodu tal-produzzjoni.
Ir-referenza għal dawn il-prattiki enoloġiċi speċifiċi tikkonċerna t-taqsima 1.5 tad-Dokument Uniku.
2.9. Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata
Inżied ir-rekwiżit li l-ibbottiljar isir fiż-żona tal-produzzjoni, li tikkorrispondi maż-żona amministrattiva kollha tar-reġjun ta’ Sqallija.
Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija biex tinżamm il-kwalità u l-istima tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”, biex tiggarantixxi l-oriġini tagħhom u biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-puntwalità tal-kontrolli rilevanti. Dawn il-kundizzjonijiet huma aktar żgurati meta l-ibbottiljar isir fiż-żona, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar u l-konformità magħhom ikunu fdati f’idejn l-azjendi agrikoli fiż-żona tal-produzzjoni. Barra minn hekk, is-sistema ta’ spezzjonijiet imħaddma mill-korp kompetenti, li l-operaturi huma soġġetti għaliha fl-istadji kollha tal-produzzjoni, hija aktar effettiva fiż-żona demarkata.
Madankollu, f’konformità mal-istess leġiżlazzjoni tal-UE u leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet akkwiżiti, jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet individwali lil individwi jew lil kumpaniji li tradizzjonalment jibbottiljaw l-inbejjed barra miż-żona tal-produzzjoni demarkata, filwaqt li jiġi żgurat għadd limitat ta’ kumpaniji tal-ibbottiljar barra miż-żona, li jippermetti lill-korp kompetenti jippjana l-ispezzjonijiet tiegħu b’mod effiċjenti, anke b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ pajjiżi oħra, f’konformità mar-regoli tal-UE fis-seħħ.
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.
2.10. Tikkettar u preżentazzjoni
a) |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ referenza ġiet aġġornata fir-rigward tal-użu ta’ ismijiet ta’ postijiet addizzjonali biex jindikaw il-“Vigne” [vinji]; Din hija emenda formali li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida dwar is-suġġett (il-Liġi Nru 238 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni u l-kummerċ tal-inbid). |
b) |
Inżied paragrafu dwar il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ sinonimi tal-varjetà tad-dwieli Zibibbo għall-inbejjed “Sicilia” Zibibbo u “Sicilia” Zibibbo Spumante. L-għan huwa li tingħata aktar protezzjoni lill-isem Zibibbo milli lil dak tas-sinonimi tiegħu, bħall-Moscato. Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku. |
2.11. Ippakkjar
Jistgħu jintużaw kontenituri tajbin għall-użu mal-ikel b’volumi ta’ bejn 2 u 6 litri, ħlief fil-każ tat-tipi Riserva, Vendemmia Tardiva, Superiore, Passito, Vigna u Spumante.
Biex il-produtturi jkollhom aktar libertà fl-użu ta’ kontenituri u l-metodi tal-issiġillar, inkluż dawk innovattivi, sabiex jipprovdu aktar għażliet biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi, u b’hekk itejbu l-opportunitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni u għat-tqegħid ta’ prodotti DOC fis-swieq diversi kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.
2.12. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta maż-żona ġeografika, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ, ġiet ifformulata mill-ġdid biex jitqiesu l-kategoriji tal-prodotti koperti.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.8 tad-Dokument Uniku.
2.13. Referenzi għall-korp ta’ spezzjoni
Emenda formali. Il-leġiżlazzjoni ta’ referenza nazzjonali relatata mal-monitoraġġ u l-isem tal-korp ta’ kontroll ġiet aġġornata; inżied l-indirizz tal-posta elettronika tal-korp ta’ kontroll.
L-aġġornament huwa meħtieġ minħabba l-bidla fl-isem tal-korp ta’ kontroll u l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida dwar it-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni u l-kummerċ tal-inbid.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
“Sicilia”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
4. |
Inbid spumanti |
5. |
Inbid spumanti ta’ kwalità |
6. |
Inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità |
15. |
Inbid minn għeneb imqadded |
16. |
Inbid minn għeneb misjur iżżejjed |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Kategorija tal-Inbid (1) - “Sicilia” Bianco u bl-indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli bojod
L-inbejjed bojod tad-DOP “Sicilia” fosthom Passito, Vendemmia Tardiva, Superiore u Riserva jiġu prodotti bil-varjetajiet tad-dwieli l-aktar rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Inzolia, Catarratto, Grillo, Grecanico u Chardonnay waħedhom jew flimkien, u jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tat-total. Sabiex jinkiseb l-akbar valur minn din il-produzzjoni, dawn il-varjetajiet tad-dwieli, flimkien mat-tipi varjetali Carricante, Grecanico, Fiano, Damaschino, Viognier, Müller Thurgau, Sauvignon Blanc, Pinot Grigio, Moscato Bianco, Vermentino u Zibibbo, jintużaw għall-produzzjoni ta’ tipi ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet u jirrappreżentaw il-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli li jikbru fuq il-gżira ta’ Sqallija.
Il-kulur ta’ dawn l-inbejjed ivarja minn isfar lewn it-tiben għal lewn id-deheb ftit jew wisq qawwi, b’riflessi eventwali fl-aħdar ċar. Fil-każ tal-Pinot Grigio, dan xi kultant jagħti anke fir-roża ftit jew wisq qawwi jew lewn ir-ram. L-aroma hija ġeneralment fina, eleganti, pjaċevoli, intensa, distintiva, karatteristika tal-frott, u persistenti, kultant bi ħjiel ta’ riħa ta’ fjuri jew aromatika.
It-togħma hija ekwilibrata, distintiva, pjaċevolment qawwija, armonjuża, b’palat qawwi u pjaċevoli b’kontenut ta’ zokkor li jvarja minn xott sa nofsu misjur.
Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum tvarja mill-inqas bejn 11,50 % għat-tipi bażiċi, u 12 % għall-inbejjed Superiore, sa 12,50 % għall-inbejjed Riserva, filwaqt li l-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva għandhom mill-inqas 13 %.
Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Kategorija: Inbid (1) - “Sicilia” Rosso anke bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb iswed
L-inbejjed ħomor tad-DOP “Sicilia” fosthom Passito, Vendemmia Tardiva, Superiore, u Riserva, u l-inbejjed rożè, huma prodotti mill-aktar varjetajiet tad-dwieli rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Nero d’Avola, Frappato, Nerello Mascalese, Perricone u Syrah, waħedhom jew f’taħlita, u jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tat-total. Sabiex jinkiseb l-akbar valur minn din il-produzzjoni, dawn il-varjetajiet tad-dwieli, flimkien mat-tipi varjetali Nerello Cappuccio, Cabernet Franc, Merlot, Cabernet Sauvignon, Syrah, Pinot Nero, Nocera, Mondeuse, Carignano, Alicante, Petit Verdot u Sangiovese, jintużaw għall-produzzjoni ta’ tipi ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet u jirrappreżentaw il-kwantità kbira ta’ varjetajiet tad-dwieli li jikbru fil-gżira ta’ Sqallija.
Dawn l-inbejjed għandhom kulur li jvarja minn aħmar sa aħmar rubin u sal-granata jekk jitqaddmu bl-istess mod tal-verżjoni Riserva, il-kulur tal-inbejjed rożè ivarja fl-intensità tar-roża, u kultant ikollu sfumaturi lewn ir-ram.
L-aroma hija tipika tal-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. It-togħma tvarja minn xott sa nofsu misjur u tista’ tkun ħelwa fil-każ tal-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva.
Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum tvarja minn 12 % għall-inbejjed ħomor u rożè bażiċi u għal dawk bl-indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli, sa 13 % għal uħud mill-inbejjed Riserva, bħal Nero d’Avola, u mill-inqas 13 % għall-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva. L-estratti minimi jvarjaw minn 22 g/l għall-inbid aħmar sa 24 g/l għal Nero d’Avola.
Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Kategoriji: L-inbid Spumanti (4), l-inbid spumanti ta’ kwalità (5), l-inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità (6)
L-inbejjed spumanti prodotti fil-bosta kategoriji għandhom kulur isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed bojod, kulur roża ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed rożè, bi bżieżaq fini, bi ħjiel floreali jew tal-frott, u b’togħma friska. L-inbejjed huma aromatiċi, b’mod partikolari jekk jinkisbu minn varjetajiet tad-dwieli bħal Zibibbo u Moscato. Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw jinkludu varjetajiet tal-għeneb abjad kemm indiġeni kif ukoll internazzjonali, jew varjetajiet tal-għeneb iswed li minnhom jinkiseb l-inbid abjad jew rożè permezz tal-fermentazzjoni mingħajr il-qxur. Jintuża l-proċess Charmat, u għall-inbejjed bojod u rożè bażiċi, jintuża wkoll il-metodu tradizzjonali.
Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw huma dawk l-aktar rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Grillo, Chardonnay, Catarratto, Carricante, Grecanico, Pinot Grigio, Moscato, Zibibbo, Nero d’Avola, Frappato, Nerello Mascalese, u Pinot Nero, kemm ikkombinati flimkien kif ukoll bħala nbejjed ta’ varjetà waħda sabiex jinkiseb l-akbar valur mill-produzzjoni ta’ dawn il-varjetajiet billi jiġu indikati fuq it-tikketta. L-aroma hija tipika tal-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. It-togħma tvarja minn brut nature sa straxott sa ħelu fil-każ tal-Moscato u taż-Zibibbo Spumante. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’: 10,50 % għall-Moscato u ż-Zibibbo Spumante, 11,50 % għat-tipi l-oħra kollha ħlief għat-tipi prodotti bil-metodu tradizzjonali, li jrid ikollhom minimu ta’ 12 %. L-estratt minimu mingħajr zokkor huwa: 15 g/l
Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Kategoriji: Inbid miksub minn għeneb imqadded (15) u Inbid miksub minn għeneb misjur iżżejjed (16)
L-inbejjed ta’ din il-kategorija għandhom togħma li tvarja minn xott sa ħelu u l-kuluri minn isfar lewn it-tiben sa lewn id-deheb jew, jekk jiġu prodotti minn għeneb iswed, aħmar rubin li jagħti fil-granata jekk jitqaddmu. Għandhom aroma persistenti imma delikata, b’mod partikolari jekk jintużaw varjetajiet aromatiċi bħall-Moscato u Zibibbo, b’bilanċ tajjeb bejn l-aċidità u l-ħlewwa, u ħjiel ta’ frott jew ħjiel floreali skont il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. Wara l-ħsad l-għeneb jitnixxef fuq twapet, jew fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati, inkella jitħalla jsir fuq id-dwieli. Dan iwassal għal akkumulazzjoni ta’ zokkrijiet u konċentrazzjoni tal-estratti eċċellenti, b’valuri, fl-inbejjed prodotti, ta’ mill-inqas 28 g/l għall-Passito Bianco u 32 g/l għall-Passito Rosso. Għall-Passito Bianco l-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 16 %, 11 % alkoħol proprju, filwaqt li għall-Passito Rosso l-minimu hu ta’ 17 %, 12 % alkoħol proprju.
Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
a. Prattiki enoloġiċi essenzjali
Prattika enoloġika speċifika
It-tip Spumante jrid jinkiseb esklussivament permezz tal-fermentazzjoni naturali bl-użu tal-proċess Charmat jew bl-użu tal-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun. Dan tal-aħħar jikkonċerna biss it-tipi Bianco u Rosato/Rożè.
Prattika enoloġika speċifika
It-tipi Vendemmia Tardiva u Passito jridu jiġu prodotti billi l-għeneb jitħalla jinxef fuq il-pjanta jew, wara l-ħsad, billi jitqiegħed fuq twapet, fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati. Dan jista’ jsir bl-għajnuna ta’ sistemi ta’ kundizzjonar tal-ambjent, sakemm dawn joperaw f’temperaturi simili għal dawk li jinsabu fil-proċessi tradizzjonali tat-tnixxif tal-għeneb, minbarra fil-każ ta’ sistemi ta’ deumidifikazzjoni li jaħdmu bl-użu tas-sħana.
b. Rendimenti massimi għal kull ettaru
“Sicilia” Bianco inklużi r-Riserva u s-“Sicilia” bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad inkluż ir-Riserva
13 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Spumante Bianco inkluż bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad
13 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Grillo inkluż is-Spumante u r-Riserva u “Sicilia” Nero d’Avola inklużi r-Riserva, ir-Rosato u s-Spumante
14 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Spumante bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tad-dwieli Frappato, Nerello Mascalese u Pinot Nero
13 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Bianco Superiore u bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad bit-terminu Superiore
10 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Rosso, Rosato u Riserva inklużi dawk bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb iswed
12 000 kg għeneb għal kull ettaru
“Sicilia” Bianco u Rosso bit-terminu Passito jew Vendemmia Tardiva inklużi dawk bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb abjad jew iswed
8 000 kg għeneb għal kull ettaru
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Sicilia” tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tar-Reġjun ta’ Sqallija.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
|
Vermentino B. |
|
Zibibbo B. |
|
Alicante N. |
|
Frappato N. |
|
Müller Thurgau B. |
|
Nerello Cappuccio N. |
|
Perricone N. |
|
Pinot Nero N. |
|
Sangiovese N. |
|
Sauvignon B. |
|
Syrah N. |
|
Viognier B. |
|
Cabernet Franc N. - Cabernet |
|
Cabernet Sauvignon N. - Cabernet |
|
Calabrese N. - Nero d’Avola N. |
|
Carignano N. |
|
Carricante B. |
|
Ansonica B. - Inzolia |
|
Petit Verdot N |
|
Merlot N. |
|
Mondeuse N. |
|
Moscato Bianco B. - Moscato |
|
Nerello Mascalese N. |
|
Nocera N. |
|
Grecanico Dorato B. - Grecanico |
|
Grillo B. |
|
Catarratto Bianco Comune B. - Catarratto |
|
Catarratto Bianco Lucido B. - Catarratto |
|
Chardonnay B. |
|
Damaschino B. |
|
Fiano B. |
|
Pinot Grigio - Pinot |
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Iż-żona ġeografika demarkata tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tar-reġjun ta’ Sqallija.
Sqallija hija reġjun b’waħda mill-eqdem tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid fid-dinja kif jintwera mir-relikwi arkeoloġiċi u d-diversi sorsi letterarji Griegi u Latini li jirreferu għall-inbejjed Sqallin magħrufin. Sa minn żmien il-Feniċi (mis-seklu 9 sas-seklu 4 QK) il-kummerċ taż-żejt u l-inbid jidher mill-preżenza ta’ anfori użati għat-trasport, u minn tipi oħra ta’ ċeramiki. L-eċċellenza tal-vinji kienet evidenti fi żmien li għexu l-Griegi fiż-żona (mis-seklu 8 sas-seklu 3 QK), meta l-Griegi introduċew għadd ta’ varjetajiet tad-dwieli bħal Grecanico, li għadha titkabbar sal-lum. Matul id-dominju tar-Rumani (mis-seklu 3 QK sas-seklu 5 WK), b’mod partikolari fiż-żmien ta’ Ċesri fil-Gallja, hija kkonfermata l-preżenza tal-inbid Sqalli.
Minkejja li l-Koran jipprojbixxi l-użu tal-alkoħol, matul id-dominju tal-Musulmani (827-1061) kien ikkultivat l-għeneb tal-mejda u fil-gżira ta’ Pantelleria kienet introdotta l-varjetà “Zebib” (illum magħrufa bħala Zibibbo jew Moscato di Alexandria), li nġarret mill-Capo Zebib fl-Afrika faċċata tal-gżira ta’ Pantelleria.
Ir-rabta maż-żona ġeografika demarkata tad-DOC “Sicilia” hija bbażata fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija, tal-klima u tal-pajsaġġ speċifiċi taż-żona ġeografika demarkata.
Iż-żona tat-Tramuntana hija b’mod predominanti muntanjuża, u fil-partijiet ċentrali, tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ hemm l-għoljiet. Iż-żona tax-Xlokk hija qortin tipiku u l-Lvant ta’ Sqallija huwa vulkaniku. Iż-żoni ċatti huma kkonċentrati l-aktar fiż-żoni kostali.
Madankollu, il-biċċa l-kbira tad-dwieli jinsabu fiż-żoni bl-għoljiet li, f’termini tal-esponiment u l-pożizzjoni, huma adattati b’mod partikolari għat-tkabbir tad-dwieli, jiġifieri huma ambjenti xemxin ħafna fejn hemm biżżejjed riħ u dawn jipprovdu l-aħjar kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-pjanti, u jiżguraw is-saħħa tal-għeneb u jippermettu l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità tajba ħafna. Għalhekk, il-klima Mediterranja, li hija xemxija, bi sjuf sħan u niexfa, iżda biż-żiffiet, tippermetti li l-għeneb jissajjar sew u tiffavorixxi l-akkumulazzjoni taz-zokkrijiet u l-konċentrazzjoni tal-estratti, filwaqt li l-meded tat-temperatura varjabbli u l-kwalità minerali rikka tal-ħamrija jagħtu noti ta’ freskezza u aċidità. Dawn il-fatturi kollha jwasslu għall-produzzjoni ta’ nbejjed li, fid-diversi kategoriji, huma dejjem qawwija iżda bbilanċjati u armonjużi.
Il-forom ta’ tħarriġ tad-dwieli huma b’mod ewlieni dawk tradizzjonali, b’espansjoni limitata u li jvarjaw fiż-żoni diversi tal-gżira fejn jiġi prodott l-inbid - bejn il-metodu tradizzjonali “alberello” [ikkultivati f’forma ta’ arbuxelli] li għadu jintuża fiż-żoni kostali tal-provinċja ta’ Trapani, sal-metodu aktar mifrux tal-kannizzati baxxi bil-kurdun permanenti jew rinnovabbli - jew forom espansivi f’ċerti widien fertili interni.
It-territorju vast tad-DOC “Sicilia” jippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed minn għeneb ta’ varjetajiet kemm indiġeni kif ukoll mhux indiġeni, jew internazzjonali, u għalhekk jistgħu joffru firxa wiesgħa ta’ prodotti fil-kategoriji diversi previsti tal-inbid.
Kategorija: Inbid (1)
Din il-kategorija tinkludi firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ nbid:
Ħomor, rożè u bojod, inklużi l-Passito, il-Vendemmia Tardiva u r-Riserva. Il-varjetajiet ta’ għeneb li jintużaw huma kemm dawk indiġeni ta’ preġju kbir bħall-Inzolia, il-Catarratto u l-Grillo; din tal-aħħar toriġina minn inkroċju bejn il-Catarratto u ż-Zibibbo, kif ukoll dawk mhux indiġeni, bħax-Chardonnay, il-Müller Thurgau u s-Sauvignon. Anke fil-produzzjoni tal-inbid aħmar, il-produzzjoni tal-inbejjed Sqallija hija waħda mill-aktar magħrufa, miksuba minn varjetajiet indiġeni, b’mod partikolari n-Nero d’Avola, il-Frappato u n-Nerello Mascalese, u minn varjetajiet mhux indiġeni bħall-Cabernet Sauvignon, il-Merlot, u s-Syrah. Il-protagonista indubitabbli ta’ dan il-kurrent il-ġdid hu n-Nero d’Avola, li anke mħallat ma’ varjetajiet oħra jirnexxilu jikkaratterizza u joħroġ l-oriġinalità tal-inbid Sqalli, mhux biss mil-lat ta’ kuluru, iżda anke għaliex lill-inbid jagħtih pekuljarjetà attribwibbli għall-aromi u t-togħmiet Mediterranji.
Mil-lat analitiku u organolettiku, dawn it-tipi kollha ta’ nbid jippreżentaw karatteristiċi kimiċi u fiżiċi bbilanċjati li jikkontribwixxu għall-bilanċ tat-togħma. It-tipi kollha għandhom aromi pjaċevoli, armonjużi, distintivi u eleganti, xi kultant bi ħjiel ta’ frott, fjuri u veġetali, tipiċi tal-varjetajiet tal-għeneb li jintużaw biex jipproduċuhom.
L-inbejjed bojod għandhom kulur li jvarja minn isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi jew isfar qawwi, filwaqt li l-inbejjed ħomor huma ta’ kulur aħmar rubin ftit jew wisq qawwi bi sfumaturi eventwali fil-vjola, u bit-tqaddim jagħti fil-granata. Dawn huma kollha nbejjed bilanċjati, bi struttura u kontenut ta’ alkoħol tajjeb. L-istorja qadima tal-produzzjoni tal-inbid f’dan it-territorju, attestata minn diversi dokumenti, hija l-prova ġenerali u fundamentali tar-rabta u l-interazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-fatturi umani u l-kwalità u l-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”. F’din iż-żona partikolari, minn ġenerazzjoni għal oħra, tul is-sekli, tgħaddew it-tekniki tradizzjonali tal-kultivazzjoni tad-dwieli u enoloġiċi, li ttejbu u ġew irfinati fiż-żminijiet moderni bis-saħħa tal-avvanzi ċari li saru fix-xjenza u t-teknoloġija. Huwa permezz ta’ dan li l-inbejjed tad-DOP Sicilia kisbu r-reputazzjoni tagħhom.
L-inbid Spumanti (4), l-inbid spumanti ta’ kwalità (5), l-inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità (6)
L-inbejjed spumanti prodotti huma ta’ kulur isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed bojod, roża ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed rożè, anke b’riflessi ta’ lewn ir-ram għall-Pinot Grigio, bi bżieżaq fini, b’noti floreali u tal-frott, u huma rinfreskanti, bis-saħħa tar-rikkezza tal-minerali fil-ħamrija, tal-klima Mediterranja, u tal-flutwazzjoni tat-temperaturi. L-inbejjed huma aromatiċi, b’mod partikolari jekk jinkisbu minn varjetajiet tad-dwieli bħal Zibibbo u Moscato. Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw jinkludu kemm varjetajiet indiġeni kif ukoll oħrajn internazzjonali. Jintuża l-proċess Charmat fejn il-varjetà tad-dwieli tkun indikata fuq it-tikketta, filwaqt li jista’ jintuża wkoll il-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun għat-tipi Bianco u Rosato.
Kategoriji: Inbid miksub minn għeneb imqadded (15) u Inbid miksub minn għeneb misjur iżżejjed (16)
Il-klima Mediterranja, li hija xemxija, bi sjuf sħan u niexfa, iżda b’żiffiet, b’meded ta’ temperatura varjabbli, tippermetti li l-għeneb jissajjar sew u jibqa’ f’saħħtu. Wara l-ħsad l-għeneb jitnixxef fuq twapet, jew fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati, inkella jitħalla jsir fuq id-dwieli. Dan iwassal għal akkumulazzjoni eċċellenti ta’ zokkrijiet u konċentrazzjoni ta’ estratti. L-inbejjed ifuħu, b’mod partikolari jekk jintużaw il-varjetajiet tal-Moscato u Zibibbo. Għandhom togħma li tvarja minn xott sa ħelu u kuluri li jvarjaw minn isfar lewn it-tiben sa lewn id-deheb, kultant jagħti fl-ambra, u rwejjaħ persistenti iżda delikati, b’bilanċ bejn l-aċidità u l-ħlewwa, u ħjiel ta’ frott jew floreali skont il-varjetajiet ta’ għeneb li jintużaw.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
L-ibbottiljar irid isir fit-territorju amministrattiv tar-reġjun ta’ Sqallija.
Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija biex tinżamm il-kwalità u l-istima tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”, biex tiggarantixxi l-oriġini tagħhom u biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-puntwalità tal-kontrolli rilevanti. Dawn il-kundizzjonijiet huma aktar żgurati meta l-ibbottiljar isir fiż-żona, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar u l-konformità magħhom ikunu fdati f’idejn l-azjendi agrikoli fiż-żona tal-produzzjoni.
Barra minn hekk, is-sistema ta’ spezzjonijiet imħaddma mill-korp kompetenti, li l-operaturi huma soġġetti għaliha fl-istadji kollha tal-produzzjoni, hija aktar effettiva fiż-żona demarkata.
Madankollu, b’konformità mal-istess leġiżlazzjoni tal-UE u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet akkwiżiti, jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet individwali lil individwi jew lil kumpaniji li tradizzjonalment jibbottiljaw l-inbejjed barra miż-żona tal-produzzjoni demarkata, filwaqt li jiġi żgurat għadd limitat ta’ kumpaniji tal-ibbottiljar barra miż-żona, li jippermetti lill-korp kompetenti jippjana l-ispezzjonijiet tiegħu b’mod effiċjenti, anke b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ pajjiżi oħra, b’konformità mar-regoli tal-UE fis-seħħ.
Tikkettar - indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Fit-tikkettar u l-preżentazzjoni tat-tipi ta’ nbid “Sicilia” Zibibbo u “Sicilia” Zibibbo Spumante, l-użu tas-sinonimi uffiċjali rikonoxxuti tal-varjetà tad-dwieli Zibibbo huwa pprojbit.
Ippakkjar
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
L-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Sicilia” jridu jiġu rilaxxati għall-konsum f’kontenituri tal-ħġieġ b’volum nominali massimu ta’ 3 litri. Din ir-restrizzjoni teskludi l-fliexken tradizzjonali ta’ Bordeaux, Bourgogne u tawwalija u rqaq, li jistgħu jilħqu kapaċità massima ta’ 18-il litru.
Barra minn hekk, jistgħu jintużaw kontenituri tajbin għall-użu mal-ikel b’kapaċità ta’ mhux inqas minn 2 litri u mhux aktar minn 6 litri, ħlief fil-każ tat-tipi Riserva, Vendemmia Tardiva, Superiore, Passito, Vigna u Spumante.
Jistgħu jintużaw metodi ta’ ssiġillar tal-fliexken awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali, minbarra l-kapsuni.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/14441