IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.11.2022
COM(2022) 666 final
2022/0391(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2022) 422 final} - {SWD(2022) 367 final} - {SWD(2022) 368 final} - {SWD(2022) 369 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Id-drittijiet tad-disinji industrijali jipproteġu d-dehra ta’ prodott. Id-disinn industrijali huwa dak li jagħmel prodott attraenti. L-attrazzjoni viżiva hija wieħed mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumaturi li jippreferu prodott wieħed minn ieħor. Prodotti ddisinjati tajjeb joħolqu vantaġġ kompetittiv importanti għall-produtturi. Sabiex jiġu mħeġġa l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ disinn ġdid tal-prodott fl-era diġitali, hemm ħtieġa dejjem akbar ta’ protezzjoni legali aċċessibbli, li tibqa’ valida fil-futur, effettiva u konsistenti tad-drittijiet tad-disinji.
Is-sistema għall-protezzjoni tad-disinji industrijali fl-Ewropa ilha li ġiet stabbilita aktar minn għoxrin sena ilu. Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-disinji industrijali ġew parzjalment allinjati bid-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 (“id-Direttiva”).
Flimkien mas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tad-disinji, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 (“ir-Regolament”) stabbilixxa sistema awtonoma għall-protezzjoni tad-drittijiet unitarji li għandhom effett ugwali madwar l-UE fil-forma tad-disinn Komunitarju rreġistrat (“RCD”) u d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Ir-Regolament ġie emendat darba biss fl-2006 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-UE mas-sistema ta’ The Hague tar-reġistrazzjoni internazzjonali.
Barra minn hekk, għadha teżisti sistema legali tranżizzjonali fir-rigward tal-protezzjoni tad-disinji għall-ispare parts tat-tiswija. Peress li ma seta’ jintlaħaq l-ebda qbil dwar dak il-punt, id-Direttiva tinkludi “klawżola freeze-plus”, skont liema l-Istati Membri jistgħu jżommu l-liġijiet eżistenti tagħhom dwar jekk l-ispare parts jenħtieġ li jibbenefikaw mill-protezzjoni sakemm jiġu adottati emendi għad-Direttiva fuq proposta tal-Kummissjoni. Għal dik ir-raġuni, ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jeżenta l-ispare parts tat-tiswija mill-protezzjoni tad-disinn Komunitarju sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-politika tiegħu dwar din il-kwistjoni abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.
Proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fl-2004 biex il-protezzjoni tad-disinji għall-ispare parts viżibbli tiġi allinjata bl-introduzzjoni ta’ “klawżola dwar it-tiswija” fid-Direttiva (kif diġà tinsab fir-Regolament), ma rċevietx appoġġ suffiċjenti fil-Kunsill, minkejja appoġġ qawwi ħafna mill-Parlament Ewropew, u ġiet irtirata fl-2014.
F’konformità mal-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar biex il-politiki tal-UE jiġu rieżaminati b’mod regolari, fl-2014 il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tal-operat tas-sistemi għall-protezzjoni tad-disinji fl-UE, li tinvolvi valutazzjoni ekonomika u legali komprensiva, appoġġata minn serje ta’ studji. Fil-11 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta konklużjonijiet dwar il-politika dwar il-proprjetà intellettwali u r-reviżjoni tas-sistema tad-disinji industrijali fl-UE. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-disinji, bil-ħsieb li s-sistemi għall-protezzjoni tad-disinji jiġu modernizzati u li l-protezzjoni tad-disinji ssir aktar attraenti għad-disinjaturi u n-negozji individwali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
Abbażi tar-riżultati finali tal-evalwazzjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE”, il-Kummissjoni ħabbret li se tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji, wara r-riforma b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trademarks. Fil-25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet ulterjuri dwar il-politika dwar il-proprjetà intellettwali, li jħeġġu lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-preżentazzjoni f’waqtha ta’ proposta, mill-aktar fis possibbli, dwar ir-reviżjoni u l-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni dwar id-disinji industrijali. Barra minn hekk, fl-Opinjoni ta’ appoġġ tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tiġi riveduta s-sistema għall-protezzjoni tad-disinji peress li ġiet stabbilita 20 sena ilu.
Meqjusa flimkien bħala pakkett fi ħdan il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), l-objettiv komuni ewlieni ta’ din l-inizjattiva u tal-proposta parallela għar-riformulazzjoni tad-Direttiva huwa li jippromwovu l-eċċellenza fid-disinn, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-UE. Dan għandu jsir billi jiġi żgurat li s-sistema ġenerali għall-protezzjoni tad-disinji tkun adegwata għall-użu tagħha fl-era diġitali u li ssir sostanzjalment aktar aċċessibbli u effiċjenti għad-disinjaturi individwali, għall-SMEs u għall-industriji intensivi fid-disinn f’termini ta’ kostijiet u kumplessità aktar baxxi, veloċità akbar, u prevedibbiltà u ċertezza legali akbar.
B’mod speċifiku, din l-inizjattiva biex jiġi emendat ir-Regolament hija xprunata mill-objettivi li ġejjin:
–L-immodernizzar u t-titjib tad-dispożizzjonijiet eżistenti, billi jiġu emendati d-dispożizzjonijiet skaduti, billi tiżdied iċ-ċertezza legali u billi jiġu ċċarati d-drittijiet f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u limitazzjonijiet;
–It-titjib tal-aċċessibbiltà, tal-effiċjenza u tal-affordabbiltà tal-protezzjoni tal-RCD, billi jiġu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri, u billi jiġu aġġustati u ottimizzati l-livell u l-istruttura tad-drittijiet pagabbli.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti f’dan il-qasam
Din il-proposta għandha temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002. Flimkien mal-proposta parallela għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 98/71/KE, din il-proposta tifforma pakkett koerenti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI u bil-għan li tiġi mmodernizzata u allinjata aktar il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji.
Din il-proposta hija konsistenti wkoll mar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa, pereżempju, il-każ fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tad-disinji li, bħall-kamp ta’ applikazzjoni tat-trademarks tal-UE, huwa estiż biex ikopri oġġetti ffalsifikati fi tranżitu u sitwazzjonijiet doganali oħrajn. Huwa minnu wkoll għal ċerti dispożizzjonijiet dwar proċeduri li fil-preżent jiffurmaw biss parti mir-reġim tat-trademark tal-UE u huma proposti li jiddaħħlu fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, bħal dawk dwar il-kontinwazzjoni ta’ proċedimenti jew ir-revoka ta’ deċiżjonijiet (ara wkoll hawn taħt fl-ambitu tal-allinjament mal-proċedimenti tat-trademark tal-UE). Barra minn hekk, minħabba raġunijiet ta’ konsistenza, huwa propost li l-Kummissjoni tingħata l-istess setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni kif sar fir-Regolament (UE) 2017/1001.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Minħabba li din il-proposta tippjana li tikkonverti l-klawżola tranżizzjonali dwar it-tiswija, li attwalment tinsab fl-Artikolu 110 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, f’dispożizzjoni permanenti li għandha tinstab fl-Artikolu 20a il-ġdid propost ta’ dak ir-Regolament, f’konformità mal-inserzjoni ta’ klawżola dwar it-tiswija fid-Direttiva, il-proposta hija konsistenti mar-Regolament (UE) 461/2010 u tikkomplementah (ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Vetturi bil-Mutur jew il-“MVBER”) fil-qasam tal-politika tal-antitrust.
Il-proposta biex tinżamm dik il-klawżola dwar it-tiswija fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija konsistenti wkoll mal-isforzi mressqa fl-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli li għandha l-għan li tippromwovi t-tiswijiet u l-ekonomija ċirkolari, u tikkomplementahom.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 118(1) tat-TFUE li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu miżuri ħalli jinħolqu drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali madwar l-UE kollha, inkluż l-istabbiliment ta’ arranġamenti ċentralizzati ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni madwar l-UE.
Din hija bidla mill-bażi legali applikata għar-Regolament (KE) Nru 6/2002, li, bħall-ewwel Regolament dwar it-Trademark Komunitarja (ir-Regolament 40/94 dwar it-trademark Komunitarja), kienet ibbażata fuq l-Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE.
L-Artikolu 118 ġie introdott bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u issa jipprovdi bażi legali espliċita għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE kollha. Issa huwa wkoll il-bażi legali għar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Artikolu 118(1) tat-TFUE jista’ jiġi applikat biss biex jinħolqu titoli Ewropej tal-proprjetà intellettwali. Is-sistema tad-disinji tal-Unjoni hija reġim awtonomu maħluq b’Regolament tal-UE u tapplika indipendentement minn kwalunkwe sistema nazzjonali.
L-EUIPO (li qabel kien l-UASI) huwa aġenzija regolatorja b’awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja, li nħolqot mill-Kunsill biex timmaniġġa s-sistema ta’ reġistrazzjoni għall-RCD u t-trademark Komunitarja (issa t-trademark tal-UE). Kif kien il-każ bil-bidliet introdotti fir-reġim tat-trademarks skont ir-Regolament (UE) 2017/1001, l-analiżi mwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva wriet li ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jeħtieġ li jiġu emendati, b’mod partikolari biex tittejjeb u tiġi ssimplifikata s-sistema ta’ reġistrazzjoni għall-RCD.
•Proporzjonalità
Il-proposta tfasslet biex tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet ta’ konformità għan-negozji u għad-disinjaturi individwali li jużaw is-sistema tad-disinn Komunitarju u għall-EUIPO. Il-proposta tinvolvi emendi mmirati għar-Regolament awtonomu (KE) Nru 6/2002 u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi identifikati.
•Għażla tal-istrument
L-objettivi ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ att leġiżlattiv li jemenda d-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali eżistenti li jirregolaw id-disinn Komunitarju, li huwa fil-forma ta’ regolament. Għalhekk, huwa meħtieġ regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ġenerali tad-Direttiva u tar-Regolament attwali, li ġiet ippubblikata f’Novembru 2020. Ikkonkludiet li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji kienet laħqet l-objettivi u kienet għadha fil-biċċa l-kbira adegwata għall-iskop tagħha.
Madankollu, fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-evalwazzjoni identifikat ċerti nuqqasijiet. B’mod partikolari, il-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-RCDs huma parzjalment skaduti jew jinvolvu piż amministrattiv mhux meħtieġ, u l-livell u l-istruttura tad-drittijiet pagabbli huma subottimali.
Abbażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea wettqet valutazzjoni tal-impatt u wara ddeċidiet li tirrevedi l-leġiżlazzjoni. Id-diversi passi fil-valutazzjoni tal-impatt, mid-definizzjoni tal-problemi u tal-kawżi tagħhom għall-identifikazzjoni tal-objettivi u tal-għażliet ta’ politika possibbli, kienu bbażati fuq is-sejbiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Bejn it-18 ta’ Diċembru 2018 u t-30 ta’ April 2019 saret l-ewwel konsultazzjoni pubblika komprensiva bil-għan li (i) jinġabru biżżejjed evidenza u fehmiet tal-partijiet ikkonċernati biex tiġi appoġġata l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-disinji u (ii) jiġi stabbilit sa liema punt dik il-leġiżlazzjoni taħdem kif maħsub u tista’ tibqa’ titqies adegwata għall-iskop tagħha.
Kważi żewġ terzi tar-rispondenti qiesu li s-sistema ta’ protezzjoni tad-disinji industrijali fl-UE (is-sistema nazzjonali tad-disinji skont id-Direttiva u r-reġim tad-disinn Komunitarju flimkien) taħdem tajjeb. Fl-istess ħin, kważi nofs ir-rispondenti indikaw konsegwenzi jew nuqqasijiet mhux intenzjonati fir-Regolament u/jew fid-Direttiva.
Bħala komplement għall-konsultazzjoni estensiva għall-evalwazzjoni, il-Kummissjoni wettqet it-tieni konsultazzjoni pubblika bejn id-29 ta’ April u t-22 ta’ Lulju 2021 biex tikseb evidenza u fehmiet addizzjonali tal-partijiet ikkonċernati rigward kwistjonijiet magħżula u għażliet potenzjali u l-impatti tagħhom, bħala appoġġ għar-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar id-disinji.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u tad-Direttiva 98/71/KE bbażat b’mod partikolari fuq żewġ studji esterni, filwaqt li tqiesu kemm l-aspetti ekonomiċi kif ukoll dawk legali tal-funzjonament tas-sistemi għall-protezzjoni tad-disinji fl-UE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ispare parts b’mod speċifiku, il-valutazzjoni tal-impatt kienet appoġġata minn żewġ studji oħrajn dwar l-effett li l-protezzjoni għandha fuq il-prezz u d-dispersjoni tal-prezzijiet u fuq l-istruttura tas-suq tal-ispare parts tal-vetturi bil-mutur fl-UE.
Aktar informazzjoni b’appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt ittieħdet minn kollaborazzjoni mill-qrib mal-EUIPO u minn diversi studji u rapporti oħrajn li kien ħejja, kif ukoll studji u ġabriet ta’ data disponibbli oħrajn imħejjija mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u internazzjonali, inklużi l-uffiċċji nazzjonali tal-PI, persuni akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħrajn.
•
Valutazzjoni tal-impatt
Peress li din il-proposta hija ppreżentata f’pakkett flimkien mal-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 98/71/KE, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt konġunta kemm għal din kif ukoll għall-proposta parallela għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 98/71/KE. Din il-valutazzjoni tal-impatt ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-27 ta’ Ottubru u ngħatat opinjoni pożittiva mill-Bord fis-26 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-impatt finali tqis il-kummenti li jinsabu f’dik l-opinjoni.
Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset żewġ problemi ewlenin:
1. It-tfixkil fil-kummerċ intra-UE u l-ostakli għall-kompetizzjoni f’xi Stati Membri fir-rigward tal-ispare parts tat-tiswija.
2. L-iskoraġġiment tan-negozji, b’mod partikolari tal-SMEs u tad-disinjaturi individwali milli jfittxu protezzjoni ta’ disinn irreġistrat fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali - minħabba l-kostijiet għoljin, il-piżijiet u d-dewmien fil-kisba tal-protezzjoni u l-prevedibbiltà limitata b’rabta ma’ dan.
Filwaqt li l-kwistjoni tal-ispare parts (l-ewwel problema) u l-kwistjoni ta’ dispożizzjonijiet (proċedurali) diverġenti bħala parti mit-tieni problema għandhom jiġu indirizzati fir-reviżjoni parallela tad-Direttiva, il-proċeduri parzjalment skaduti għar-reġistrazzjoni ta’ disinji Komunitarji u ta’ drittijiet subottimali li għandhom jitħallsu għal disinji Komunitarji rreġistrati jridu jiġu ttrattati fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) 6/2002.
L-għażla unika (sempliċi) li ġejja ġiet ikkunsidrata għas-soluzzjoni tal-problema ta’ proċeduri kumplessi għar-reġistrazzjoni tal-RCDs u għall-indirizzar tal-objettiv li l-protezzjoni ssir aktar aċċessibbli u effiċjenti:
Għażla 2: Is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tal-RCD (inkluż permezz ta’ allinjament mar-riforma tat-trademark tal-UE). Din l-għażla tinvolvi b’mod partikolari l-aġġornament tar-rekwiżiti għar-rappreżentazzjoni tad-disinji, it-tħassir tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” għal applikazzjonijiet ta’ disinn multipli, u l-allinjament tal-proċedimenti tal-RCD mal-proċedimenti tat-trademark tal-UE.
L-għażla li ġejja b’subgħażliet tqieset biex tiġi solvuta l-problema tad-drittijiet subottimali tal-RCD u biex jiġi indirizzat l-objettiv li l-protezzjoni tal-RCD issir aktar affordabbli:
Għażla 3: Dritt aktar baxx għar-reġistrazzjoni tal-RCD u applikazzjonijiet multipli aktar faċli. Din l-għażla tirrikjedi t-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” għal applikazzjonijiet multipli u l-aġġustament tal-ammonti ta’ drittijiet pagabbli. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-applikanti b’volumi ta’ infilzar iżgħar u akbar, l-aġġustament tal-ammonti ta’ drittijiet pagabbli jinvolvi wkoll l-introduzzjoni ta’ dritt fiss għal kull disinn addizzjonali u b’hekk jitneħħew l-iskontijiet għal oġġetti li jinxtraw fi kwantità mogħtija f’livelli differenti li jiddependu mill-għadd ta’ disinji li jkunu jinsabu f’applikazzjoni multipla.
Biex tagħmel tajjeb għal dawn il-benefiċċji fl-istadju tal-infilzar, il-miżura ta’ hawn fuq hija akkoppjata ma’ żieda fid-drittijiet ta’ tiġdid sussegwenti. Dan il-mudell jippermetti aċċess aktar faċli għall-protezzjoni tal-RCD, b’mod partikolari għall-SMEs (akkwist orħos tad-dritt u l-ewwel tiġdid), filwaqt li fl-istess ħin jiżgura li dawk l-RCDs li jintużaw fis-suq biss jibqgħu fir-reġistru, billi progressivament jiżdiedu d-drittijiet ta’ tiġdid sussegwenti għat-tieni, it-tielet u r-raba’ tiġdid.
Fis-subgħażliet 3.1 u 3.2, id-dritt ewlieni għall-kisba ta’ RCD wieħed jitnaqqas minn EUR 350 għal EUR 250. U mbagħad għal kull disinn addizzjonali li jifforma parti minn applikazzjoni multipla, id-dritt ikun ta’ EUR 125 skont is-subgħażla 3.1, u EUR 100 skont is-subgħażla 3.2.
Id-drittijiet għat-tiġdid skont is-subgħażla 3.1 huma kif ġej:
-
l-ewwel tiġdid – EUR 70;
-
it-tieni tiġdid – EUR 140;
-
it-tielet tiġdid – EUR 280;
-
ir-raba’ tiġdid EUR 560.
Għal din is-subgħażla, is-somma tad-drittijiet għall-ewwel żewġ tiġdidiet hija ekwivalenti għal dawk skont il-livell tad-dritt attwali, jiġifieri total ta’ EUR 210.
B’kuntrast ma’ dan, taħt is-subgħażla 3.2 id-drittijiet kollha ta’ tiġdid ikunu ogħla milli taħt is-sistema attwali.
L-aġġustament tad-drittijiet fi kwalunkwe każ ikun akkumpanjat minn simplifikazzjoni tal-istruttura tad-drittijiet billi d-dritt tal-pubblikazzjoni jitneħħa u jiġi miżjud mad-dritt tar-reġistrazzjoni. Sabiex ir-regoli tal-RCD jiġu allinjati ma’ dawk għat-trademark tal-UE, id-dritt tat-trasferiment għall-RCDs jitneħħa.
Il-benefiċċji tat-tnaqqis fid-drittijiet imorru primarjament għand l-utenti tas-sistema tal-RCD. In-negozji jiksbu aktar valur għall-flus u ma jħallsux aktar għas-servizzi tal-EUIPO milli huwa strettament meħtieġ. Dan jippermetti lill-SMEs u lid-disinjaturi individwali b’mod partikolari jillimitaw il-kostijiet tagħhom u jikkompetu ma’ ditti akbar f’kundizzjonijiet aktar vantaġġużi. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u, fl-aħħar mill-aħħar, għas-soċjetà kollha kemm hi.
Biex il-protezzjoni tal-RCD issir aktar aċċessibbli u affordabbli għan-negozji u tinżamm aġġornata mal-avvanz teknoloġiku, l-Għażla 2 dwar is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri flimkien mas-Subgħażla 3.1 dwar id-drittijiet (li ma tinvolvix żieda eċċessiva u sproporzjonata fid-drittijiet ta’ tiġdid meta mqabbla mas-Subgħażla 3.2), twiegħed li tiġġenera impatti pożittivi u benefiċċji ċari għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u d-disinjaturi individwali.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din il-proposta u l-proposta parallela għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 98/71/KE ġew inklużi fl-Anness II tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2022 - għalhekk huma parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT).
Din il-proposta għandha l-għan li tallinja s-sistema ta’ protezzjoni tal-RCD fl-UE mal-era diġitali u tagħmilha aktar aċċessibbli u effiċjenti għall-applikanti. F’termini ta’ diġitalizzazzjoni, l-aġġornament propost tar-rekwiżiti għar-rappreżentazzjoni tad-disinji jippermetti lill-applikanti jirriproduċu d-disinji tagħhom b’mod ċar u preċiż permezz ta’ teknoloġija ġeneralment disponibbli. Dan jiffaċilita b’mod partikolari l-infilzar ta’ tipi ġodda ta’ disinji diġitali.
Ir-reviżjoni dettaljata tar-rekwiżiti ta’ rappreżentazzjoni (li għandha ssegwi skont il-leġiżlazzjoni sekondarja l-ġdida meħtieġa li għandha tiġi promulgata) tkun ta’ benefiċċju kbir kemm għan-negozji li japplikaw kif ukoll għall-EUIPO, peress li tnaqqas b’mod sinifikanti l-potenzjal għal nuqqasijiet u żżid iċ-ċertezza legali.
F’termini ta’ simplifikazzjoni, l-abbandun propost tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” jippermetti lin-negozji jinfilzaw (aktar) applikazzjonijiet ta’ disinn multipli billi jikkombinaw diversi disinji f’applikazzjoni waħda mingħajr ma jkunu ristretti għal prodotti tal-istess natura. Barra minn hekk, l-aġġustament u s-simplifikazzjoni proposti tal-iskeda tad-drittijiet tal-RCD inaqqsu l-piżijiet amministrattivi (b’mod partikolari billi jeliminaw id-dritt tal-pubblikazzjoni u jintroduċu dritt fiss għal kull disinn addizzjonali infilzat f’applikazzjoni multipla) u jagħmlu r-reġistrazzjoni aktar faċli u trasparenti għall-applikanti tal-RCD.
L-iffrankar rilevanti tal-kostijiet huwa speċifikat u miġbur fil-qosor fit-Tabella 8.1 tal-valutazzjoni tal-impatt.
•
Drittijiet fundamentali
L-inizjattiva ttejjeb il-possibbiltajiet għad-disinjaturi biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li ġġib impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv. Sabiex is-sistema tal-protezzjoni tad-disinji fl-UE ssir aktar ibbilanċjata, din għandha l-għan ukoll li tipprovdi katalogu aktar robust ta’ limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tad-disinn, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-ġustizzja u l-kompetizzjoni.
4.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant ma hijiex akkumpanjata mir-rapport finanzjarju previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tuża r-rapporti u l-istatistika annwali tal-EUIPO biex timmonitorja b’mod partikolari l-evoluzzjoni tal-infilzar tad-disinji fl-EUIPO, l-użu tal-protezzjoni tad-disinji mill-SMEs (abbażi ta’ diżaggregazzjoni statistika futura) u bidliet (i) fl-għadd ta’ applikazzjonijiet multipli (ii) fl-għadd ta’ disinji bi protezzjoni mġedda u (iii) fl-għadd ta’ tiġdidiet.
L-attivitajiet ta’ monitoraġġ iqisu l-perjodu ta’ implimentazzjoni meħtieġ (inkluż biex tiġi promulgata l-leġiżlazzjoni sekondarja l-ġdida meħtieġa abbażi tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni) kif ukoll żmien biżżejjed għall-parteċipanti fis-suq biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida.
Jiġi kkunsidrat sett ta’ indikaturi pertinenti kif imsemmi fit-Taqsima 9 tal-valutazzjoni tal-impatt għall-evalwazzjoni tal-bidliet. Tali evalwazzjoni ssir ħames snin wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-bidliet meħtieġa kollha, inkluż fil-livell tal-leġiżlazzjoni sekondarja biex jiġu ssupplimentati u implimentati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
- Aġġornament tat-terminoloġija u tad-dispożizzjonijiet dwar il-governanza tal-EUIPO
Għal raġunijiet ta’ konsistenza, u wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-użu tat-terminu “Komunità” ma għadux validu. Għalhekk, it-terminoloġija użata fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija allinjata kemm mat-Trattat ta’ Lisbona kif ukoll mar-Regolament (UE) 2017/1001 dwar it-trademark tal-UE. Minn issa ’l quddiem, id-disinji Komunitarji rreġistrati jew l-RCDs se jkunu magħrufa bħala disinji rreġistrati tal-UE (registered EU designs - REUDs).
- Dispożizzjonijiet dwar il-governanza tal-EUIPO (Titolu XI)
Peress li d-dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-governanza tal-EUIPO ġew emendati fir-Regolament (UE) 2017/1001, id-dispożizzjonijiet supplimentari li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 huma adattati kif xieraq.
- Definizzjoni tad-disinn u tal-prodott (l-Artikolu 3)
Id-definizzjonijiet huma aġġornati, iċċarati u mwessgħin bil-għan li (i) il-proposta għal Regolament tibqa’ valida fil-futur fid-dawl tal-avvanz teknoloġiku u (ii) jiġu pprovduti ċertezza legali u trasparenza akbar fir-rigward tas-suġġett eliġibbli tal-protezzjoni tad-disinji.
B’mod partikolari, b’reazzjoni għall-introduzzjoni ta’ disinji teknoloġiċi ġodda li ma humiex inkorporati fi prodotti fiżiċi, qed jiġi propost li l-kunċett tal-prodott jiġi aġġornat u mwessa’ sabiex ikopri u jiddistingwi aħjar dawk il-prodotti viżwalizzati fi grafika, inkorporati f’oġġett fiżiku jew apparenti mill-arranġament spazjali ta’ oġġetti biex jiffurmaw ambjent intern.
- Oġġett ta’ protezzjoni (l-Artikolu 18a)
Għal ċertezza legali akbar fir-rigward tar-“rekwiżit ta’ viżibbiltà”, qed tiġi proposta ż-żieda ta’ dispożizzjoni speċifika li fiha l-protezzjoni tad-disinn tingħata biss għal dawk il-karatteristiċi ta’ dehra, li jintwerew b’mod viżibbli fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
- Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija minn disinn irreġistrat (l-Artikolu 19)
Sabiex id-detenturi tad-drittijiet tad-disinji jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-isfidi li jirriżultaw mill-użu akbar tat-teknoloġiji tal-istampar 3D, qed jiġi propost li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tad-disinji jiġi aġġustat kif xieraq.
Barra minn hekk, wara r-riforma tat-trademark tal-UE, huwa meqjus importanti li għall-ġlieda effettiva kontra ż-żieda dejjem akbar fl-attivitajiet ta’ falsifikazzjoni, tiżdied ukoll mal-qafas legali dwar l-RCDs dispożizzjoni korrispondenti, li tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet jipprevjenu li prodotti ffalsifikati jgħaddu mit-territorju tal-UE jew jitqiegħdu f’sitwazzjoni doganali oħra mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk.
- Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija (l-Artikolu 20)
Sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar tal-interessi leġittimi involuti u filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), qed jiġi propost li l-lista tal-użi permissibbli tiġi kkomplementata billi jiżdiedu “użu referenzjali”, u ta’ “kritika u parodija”.
- Klawżola dwar it-tiswija (l-Artikolu 20a)
F’konformità mal-inserzjoni ta’ klawżola dwar it-tiswija fid-Direttiva, il-klawżola tranżizzjonali dwar it-tiswija li bħalissa tinsab fl-Artikolu 110 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija proposta li tiġi kkonvertita f’dispożizzjoni permanenti.
Minħabba raġunijiet ta’ konsistenza mal-klawżola dwar it-tiswija mdaħħla fid-Direttiva u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QĠUE, qed jiġi propost li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola dwar it-tiswija jiġi ristrett b’mod espliċitu għal partijiet komponenti li d-dehra tagħhom hija bbażata fuq id-dehra tal-prodott kumpless ikkonċernat.
Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-klawżola dwar it-tiswija tista’ tintuża bħala difiża kontra talbiet ta’ ksur biss jekk il-konsumaturi jkunu debitament infurmati dwar l-oriġini tal-prodott li għandu jintuża għat-tiswija tal-prodott kumpless.
- Avviż ta’ disinn (l-Artikolu 26a)
Avviż ta’ disinn isir disponibbli għad-detenturi ta’ disinji rreġistrati tal-UE, li jippermettilhom jinformaw lill-pubbliku li d-disinn ikun ġie rreġistrat.
- Il-prinċipju tal-akkumulazzjoni (l-Artikolu 96(2))
Il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tal-protezzjoni tad-disinji u tad-drittijiet tal-awtur jinżamm, filwaqt li jitqies il-fatt li, minn meta ġiet adottata l-leġiżlazzjoni oriġinali, l-armonizzazzjoni għamlet progress fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.
- Rekwiżiti tar-rappreżentazzjoni tad-disinn (l-Artikoli 36 u 36a)
L-emenda proposta għall-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandha l-għan li tiżgura li r-rappreżentazzjoni tad-disinn tippermetti li d-dettalji kollha tas-suġġett li għalih qed tintalab il-protezzjoni jiġu distinti u ppubblikati b’mod ċar, irrispettivament mill-mezzi ta’ rappreżentazzjoni użati. Minħabba l-għadd negliġibbli ta’ kampjuni ppreżentati, qed jiġi propost ukoll li titneħħa l-għażla li jiġi infilzat kampjun minflok rappreżentazzjoni tad-disinn.
L-għan tal-Artikolu 36a l-ġdid propost huwa li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tispeċifika d-dettalji li għandhom ikunu inklużi fl-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE, inkluż l-aġġornament tal-istandards tar-rappreżentazzjoni tad-disinn biex ikunu lesti għall-era diġitali (ara wkoll hawn fuq, taħt l-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorji).
- Applikazzjonijiet multipli (l-Artikolu 37)
Qed jiġi propost li jitneħħa l-hekk imsejjaħ rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jikkombinaw diversi disinji f’applikazzjoni multipla waħda mingħajr ma jkunu limitati għal prodotti tal-istess Klassi ta’ Locarno u bil-possibbiltà li jibbenefikaw minn skont għal oġġetti li jinxtraw fi kwantità.
- Allinjament mal-proċedimenti tat-trademark tal-UE
Qed jiġu proposti diversi emendi biex il-proċedimenti tal-RCD isiru aktar effiċjenti filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mar-reġim tat-trademark tal-UE. Tali emendi jinkludu (i) l-abbandun tal-għażla li tiġi infilzata applikazzjoni tal-RCD permezz ta’ wieħed mill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri jew tal-Uffiċċju tal-Benelux għall-PI, (ii) l-introduzzjoni tal-għażla li ssir applikazzjoni għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti jew għar-revoka ta’ deċiżjoni mill-EUIPO, u (iii) l-estensjoni tar-regoli dwar ir-rappreżentanza professjonali biex tiġi koperta ż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.
- Drittijiet pagabbli (l-Anness I)
Minħabba l-importanza essenzjali tal-ammonti tad-drittijiet tal-RCD għall-funzjonament ġenerali tas-sistema għall-protezzjoni tad-disinji fl-UE u r-relazzjoni komplementari tagħha fir-rigward tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tad-disinji, u minħabba raġunijiet ta’ konsistenza mar-Regolament (UE) 2017/1001 dwar it-trademark tal-UE, kemm l-ammonti tad-drittijiet tal-RCD kif ukoll ir-regoli dwar il-ħlas attwalment stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 (ir-Regolament dwar id-Drittijiet) huma proposti li jiġu integrati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002. Għalhekk, ir-Regolament dwar id-Drittijiet se jsir obsolet u qed jiġi propost li jitħassar.
Meta mqabbel mal-ammont ta’ drittijiet tal-RCD attwalment stabbiliti fir-Regolament dwar id-Drittijiet, qed jiġi propost ukoll li jitnaqqas il-livell tad-dritt tal-applikazzjoni, li flimkien mat-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” għal applikazzjonijiet multipli, għandhom jagħmlu l-aċċess għall-protezzjoni tad-disinji rreġistrati tal-UE aktar affordabbli, b’mod partikolari, għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali, li għandhom it-tendenza li jinfilzaw inqas applikazzjonijiet ta’ disinji minn ditti akbar.
Barra minn hekk, qed jiġi propost li tiġi ssimplifikata l-iskeda tad-drittijiet tal-RCD (pereżempju billi d-dritt tar-reġistrazzjoni u d-dritt għall-pubblikazzjoni jingħaqdu flimkien biex isiru dritt wieħed tal-applikazzjoni) biex jiżdiedu aktar l-aċċessibbiltà, it-trasparenza u l-faċilità tal-użu tas-sistema għall-kumpaniji u għad-disinjaturi li japplikaw għall-protezzjoni tad-disinji rreġistrati tal-UE.
- Allinjament mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE
Ir-Regolament jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti regoli. Dawk ir-regoli bħalissa huma mogħtija (i) fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u (ii) fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern.
Peress li dan għadu ma sarx, huwa meħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE. Għalhekk, il-proposta għandha l-ħsieb li ddaħħal għadd ta’ setgħat ġodda speċifiċi biex il-Kummissjoni tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.
2022/0391 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 118, l-ewwel paragrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 ħoloq sistema ta’ protezzjoni tad-disinji speċifika għall-Unjoni Ewropea li tipprevedi l-protezzjoni tad-disinji fil-livell tal-Unjoni b’mod parallel mal-protezzjoni tad-disinji disponibbli fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri f’konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi dwar il-protezzjoni tad-disinji, armonizzati bid-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(2)F’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha dwar Regolamentazzjoni Aħjar u l-impenn tagħha li tirrieżamina l-politiki tal-Unjoni b’mod regolari, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni estensiva tas-sistemi għall-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni, li tinvolvi valutazzjoni ekonomika u legali komprensiva, appoġġata minn serje ta’ studji.
(3)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2020 dwar il-politika dwar il-proprjetà intellettwali u r-reviżjoni tas-sistema tad-disinji industrijali fl-Unjoni, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u tad-Direttiva 98/71/KE. L-għan ta’ dik ir-reviżjoni jenħtieġ li jkun li jiġu modernizzati s-sistemi ta’ protezzjoni relatati mad-disinji industrijali fl-Unjoni u li l-protezzjoni tad-disinji ssir aktar attraenti għad-disinjaturi u n-negozji individwali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
(4)Minn meta ġiet stabbilita s-sistema tad-disinji Komunitarji, l-esperjenza wriet li d-disinjaturi u l-impriżi individwali mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi aċċettaw is-sistema li saret komplement jew alternattiva ta’ suċċess u vijabbli għall-protezzjoni tad-disinji fil-livell nazzjonali tal-Istati Membri.
(5)Madankollu, is-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni tad-disinji jibqgħu meħtieġa għal dawk id-disinjaturi u l-intrapriżi individwali li ma jkunux jixtiequ l-protezzjoni tad-disinji tagħhom fil-livell tal-Unjoni, jew li ma jkunux jistgħu jiksbu protezzjoni fl-Unjoni kollha filwaqt li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għall-protezzjoni nazzjonali. Jenħtieġ li tkun il-fakultà ta’ kull persuna li tkun qed tfittex il-protezzjoni ta’ disinn li tiddeċiedi jekk tfittixx il-protezzjoni biss bħala disinn nazzjonali fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew biss bħala disinn tal-UE, jew it-tnejn.
(6)Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji kkonfermat li għadha fil-biċċa l-kbira adegwata għall-iskop tagħha, fil-komunikazzjoni tagħha “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE” tal-25 ta’ Novembru 2020, hija ħabbret li wara r-riforma b’suċċess tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trademarks, fost l-oħrajn, se tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji bil-ħsieb li ttejjeb l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni.
(7)B’mod parallel mat-titjib tas-sistema tad-disinji tal-UE u mal-emendi għaliha, il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali dwar id-disinji jenħtieġ li jiġu armonizzati aktar u jsiru konformi mas-sistema tad-disinji tal-UE sal-livell li huwa xieraq sabiex jinħolqu kemm jista’ jkun kundizzjonijiet ugwali għar-reġistrazzjoni u għall-protezzjoni tad-disinji fl-Unjoni kollha. Dan jenħtieġ li jiġi kkomplementat minn aktar sforzi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO, “l-Uffiċċju”), l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali biex jippromwovu l-konverġenza tal-prattiki u tal-għodod fil-qasam tad-disinji fl-ambitu tal-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 152 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8)Huwa meħtieġ li t-terminoloġija tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 tiġi aġġornata biex tikkonforma mat-Trattat ta’ Lisbona. Dan jinvolvi s-sostituzzjoni ta’ “disinn Komunitarju” b’“disinn tal-Unjoni Ewropea” (“disinn tal-UE”). Barra minn hekk, it-terminoloġija jeħtieġ li tiġi allinjata ma’ dik tar-Regolament (UE) 2017/1001. Dan jinvolvi b’mod partikolari s-sostituzzjoni tal-isem “Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinji)” b’“Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea”.
(9)Sa mill-istabbiliment tas-sistema tad-disinn Komunitarju, il-prominenza dejjem tikber tat-teknoloġija tal-informazzjoni involviet il-wasla ta’ disinji ġodda li ma humiex inkorporati fi prodotti fiżiċi. Dan jitlob twessigħ tad-definizzjoni ta’ prodotti eliġibbli għall-protezzjoni tad-disinji biex tkopri b’mod ċar dawk li jidhru fi grafika, inkorporati f’oġġett fiżiku jew li jidhru mill-arranġament spazjali ta’ oġġetti maħsuba biex jiffurmaw, b’mod partikolari, ambjent intern. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll li l-moviment, it-tranżizzjoni jew l-animazzjoni tal-karatteristiċi jistgħu jikkontribwixxu għad-dehra viżiva tad-disinji, b’mod partikolari għad-disinji li ma humiex inkorporati f’oġġett fiżiku.
(10)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-protezzjoni tingħata lid-detentur tad-dritt għal dawk il-karatteristiċi tad-disinn ta’ prodott, kompletament jew parzjalment, li jintwerew b’mod viżibbli f’applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE u li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ pubblikazzjoni jew konsultazzjoni tal-fajl rilevanti. Filwaqt li b’xi mod ieħor il-karatteristiċi tad-disinn ta’ prodott partikolari ma għandhomx għalfejn ikunu viżibbli fi kwalunkwe ħin partikolari jew fi kwalunkwe sitwazzjoni partikolari ta’ użu sabiex jattiraw il-protezzjoni tad-disinn, jenħtieġ li tapplika eċċezzjoni għall-protezzjoni tad-disinn tal-partijiet komponenti ta’ prodott kumpless li jeħtieġ li jibqgħu viżibbli matul l-użu normali ta’ dak il-prodott.
(11)L-użu ta’ teknoloġiji tal-istampar 3D f’oqsma differenti tal-industrija qed jikber, u dan jirriżulta fi sfidi għad-detenturi tad-drittijiet tad-disinn biex jipprevjenu b’mod effettiv l-ikkuppjar illeġittimu tad-disinji protetti tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst li l-ħolqien, it-tniżżil, l-ikkuppjar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe mezz jew software li jirreġistra d-disinn għall-fini tar-riproduzzjoni ta’ prodott li jikser id-disinn, jirrappreżenta użu tad-disinn li jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt.
(12)Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-disinn u tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni b’mod effettiv, u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fl-ambitu tal-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b’mod partikolari l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), li jipprevedi l-libertà ta’ tranżitu, u, fir-rigward ta’ mediċini ġeneriċi, id-Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, id-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE jenħtieġ li jkun intitolat li jipprevjeni lil partijiet terzi milli jġibu prodotti, matul il-kummerċ, fl-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, meta tali prodotti jiġu minn pajjiżi terzi u mingħajr awtorizzazzjoni jinkorporaw disinn li jkun identiku jew essenzjalment identiku għad-disinn irreġistrat tal-UE jew meta jiġi applikat disinn għal dawk il-prodotti li jkun identiku jew essenzjalment identiku għad-disinn irreġistrat tal-UE.
(13)Għal dak il-għan, jenħtieġ li jkun permissibbli għad-detenturi ta’ disinji rreġistrati tal-UE li jipprevjenu d-dħul ta’ prodotti ta’ kontravenzjoni u t-tqegħid tagħhom fis-sitwazzjonijiet doganali kollha, anke meta tali prodotti ma jkunux maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Fit-twettiq tal-kontrolli doganali, l-awtoritajiet tad-dwana jenħtieġ li jagħmlu użu mis-setgħat u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, inkluż fuq it-talba tad-detenturi tad-dritt. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tad-dwana jenħtieġ li jwettqu l-kontrolli rilevanti abbażi ta’ kriterji ta’ analiżi tar-riskju.
(14)Huwa meħtieġ li tiġi rrikonċiljata l-ħtieġa li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-drittijiet tad-disinji mal-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil tal-fluss liberu tal-kummerċ ta’ prodotti leġittimi. Għalhekk, l-intitolament tad-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE jenħtieġ li jiskadi meta, matul il-proċedimenti quddiem il-qorti tad-disinji tal-Unjoni Ewropea (“il-qorti tad-disinji tal-UE”) kompetenti biex tieħu deċiżjoni sostantiva dwar jekk sarx ksur b’rabta mad-disinn tal-UE, id-dikjarant jew id-detentur tal-prodotti jkun jista’ juri li d-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE ma huwiex intitolat li jipprojbixxi t-tqegħid tal-prodotti fis-suq fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.
(15)Id-drittijiet esklużivi mogħtija minn disinn irreġistrat tal-UE jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sett xieraq ta’ limitazzjonijiet. Minbarra l-użu privat u mhux kummerċjali u l-atti mwettqa għal skopijiet sperimentali, l-użu permissibbli jenħtieġ li jinkludi atti ta’ riproduzzjoni għall-fini li jsiru kwotazzjonijiet jew atti ta’ tagħlim, użu referenzjali fil-kuntest ta’ reklamar komparattiv, u l-użu għall-finijiet ta’ kumment, ta’ kritika jew ta’ parodija, dment li dawk l-atti jkunu kompatibbli ma’ prattiki ta’ kummerċ ġust u ma jippreġudikawx bla bżonn l-isfruttament normali tad-disinn. L-użu ta’ disinn irreġistrat tal-UE li jsir minn partijiet terzi għall-fini ta’ espressjoni artistika jenħtieġ li jitqies bħala ġust sakemm ikun f’konformità ma’ prattika onesta fi kwistjonijiet industrijali u kummerċjali. Barra minn hekk, ir-regoli dwar id-disinji tal-UE jenħtieġ li jiġu applikati b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni.
(16)Id-Direttiva (UE) [xxx] tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-użu tad-disinji protetti bil-għan li tiġi permessa t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu, meta d-disinn jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-klawżola tranżizzjonali attwali dwar it-tiswija li tinsab fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 tiġi kkonvertita f’dispożizzjoni permanenti. Peress li l-effett maħsub ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li d-drittijiet tad-disinji Komunitarji rreġistrati u mhux reġistrati jsiru mhux infurzabbli meta d-disinn tal-parti komponenti ta’ prodott kumpless jintuża għall-fini tat-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu, il-klawżola dwar it-tiswija jenħtieġ li titqiegħed fost id-difiżi disponibbli għall-ksur tad-dritt ta’ disinn tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002. Barra minn hekk, għall-fini ta’ koerenza mal-klawżola dwar it-tiswija mdaħħla fid-Direttiva (UE) [XXX], u sabiex jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-disinji jkun ristrett biss biex jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet tad-disinji milli fil-fatt jingħataw monopolju tal-prodott, huwa meħtieġ li l-applikazzjoni tal-klawżola dwar it-tiswija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 tiġi limitata b’mod espliċitu għal partijiet komponenti ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa iżda jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata bejn prodotti li jikkompetu li jistgħu jintużaw għat-tiswija, jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll fil-liġi li l-klawżola dwar it-tiswija ma tistax tiġi invokata mill-manifattur jew mill-bejjiegħ ta’ parti komponenti li jkun naqas milli jinforma kif xieraq lill-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodott li għandu jintuża għall-finijiet tat-tiswija tal-prodott kumpless.
(17)Sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’disinn protett, b’mod partikolari mill-SMEs u minn disinjaturi individwali, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar ir-reġimi tar-reġistrazzjoni tad-disinn eżistenti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, jenħtieġ li jkun disponibbli avviż aċċettat b’mod komuni li jikkonsisti mis-simbolu (D) għall-użu mid-detenturi tad-drittijiet tad-disinn u minn oħrajn bil-kunsens tagħhom.
(18)Fid-dawl tal-għadd insinifikanti ta’ applikazzjonijiet għad-disinn tal-UE infilzati fl-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali, u sabiex is-sistema għall-applikazzjonijiet tad-disinn tal-UE tiġi allinjata mas-sistema stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/1001, minn issa ’l quddiem jenħtieġ li jkun possibbli biss li tiġi ppreżentata applikazzjoni tad-disinn tal-UE fl-Uffiċċju.
(19)Kemm l-avvanz teknoloġiku kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tas-sistema attwali tal-UE għar-reġistrazzjoni tad-disinji wrew il-ħtieġa ta’ titjib ta’ ċerti aspetti ta’ proċedura. Konsegwentement, jenħtieġ li jittieħdu ċerti miżuri biex jaġġornaw, jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri meta xieraq u biex jissaħħu ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, meta meħtieġ.
(20)Għal dan il-għan, huwa ta’ importanza ewlenija li jiġu pprovduti l-mezzi xierqa li jippermettu rappreżentazzjoni ċara u preċiża għad-disinji kollha, li tkun adattabbli għall-avvanz tekniku għall-viżwalizzati tad-disinji u għall-ħtiġijiet tal-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-istess rappreżentazzjoni grafika tkun tista’ tintuża għall-applikazzjonijiet tad-disinn fi Stat Membru wieħed jew aktar u għall-applikazzjonijiet għad-disinji rreġistrati tal-UE, l-Uffiċċju, l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jenħtieġ li jintalbu jikkooperaw ma’ xulxin biex jistabbilixxu standards komuni għar-rekwiżiti formali li trid tissodisfa r-rappreżentazzjoni.
(21)Għal effiċjenza akbar, huwa xieraq ukoll li jiġi ffaċilitat l-infilzar ta’ applikazzjonijiet multipli għal disinji rreġistrati tal-UE billi l-applikanti jkunu jistgħu jikkombinaw disinji f’applikazzjoni waħda mingħajr ma jkunu soġġetti għall-kundizzjoni li l-prodotti li fihom id-disinji jkunu maħsuba li jiġu inkorporati jew li fuqhom ikunu maħsuba li jiġu applikati jkunu lkoll jappartjenu għall-istess klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Locarno. Madankollu, jenħtieġ li jiġi previst limitu massimu biex jiġi evitat abbuż potenzjali ta’ okkorrenzi ta’ infilzar multipli.
(22)Minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni tal-proċedimenti, il-mezzi tan-notifiki u tal-komunikazzjonijiet jenħtieġ li jkunu elettroniċi biss.
(23)Sabiex l-aċċess għall-protezzjoni tad-disinji rreġistrati tal-UE jsir aktar affordabbli u trasparenti, b’mod partikolari għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali li għandhom it-tendenza li jinfilzaw inqas disinji meta mqabbel ma’ intrapriżi akbar, huwa xieraq li jiġu aġġustati l-istruttura u l-ammont tad-drittijiet għall-applikazzjoni ta’ disinji rreġistrati tal-UE.
(24)Minħabba l-importanza essenzjali tal-ammonti tad-drittijiet li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċju biex titħaddem is-sistema tal-UE għall-protezzjoni tad-disinji u r-relazzjoni komplementari tagħha fir-rigward tas-sistemi tad-disinji nazzjonali, u sabiex l-approċċ leġiżlattiv jiġi allinjat mar-Regolament (UE) 2017/1001, huwa xieraq li dawk l-ammonti tad-drittijiet jiġu stabbiliti direttament fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 fl-għamla ta’ anness. L-ammonti tad-drittijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jiżgura kemm li d-dħul li jipproduċu jkun fil-prinċipju suffiċjenti biex il-baġit tal-Uffiċċju jkun ibbilanċjat u li jkun hemm koeżistenza u komplementarjetà bejn is-sistema tad-disinji tal-UE u s-sistemi nazzjonali tad-disinji, filwaqt li jitqies ukoll id-daqs tas-suq kopert mid-disinji tal-UE u l-ħtiġijiet tal-SMEs.
(25)Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jagħti setgħat lill-Kummissjoni li tadotta regoli li jimplimentaw dak ir-Regolament. B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“TFUE”).
(26)Sabiex jiġu żgurati eżaminazzjoni u reġistrazzjoni effettivi, effiċjenti u rapidi tal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE mill-Uffiċċju billi jintużaw proċeduri li huma trasparenti, dettaljati, ġusti u ekwi, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji dwar il-proċeduri għall-emendar ta’ applikazzjoni.
(27)Sabiex jiġi żgurat li disinn irreġistrat tal-UE jkun jista’ jiġi ddikjarat invalidu b’mod effettiv u effiċjenti permezz ta’ proċedura trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-proċeduri biex disinn irreġistrat tal-UE jiġi ddikjarat invalidu.
(28)Sabiex ikun jista’ jsir rieżami effettiv, effiċjenti u komplet tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju mill-Bord tal-Appell permezz ta’ proċedura trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji tal-proċedimenti ta’ appell meta l-proċedimenti relatati mad-disinji tal-UE jkunu jirrikjedu derogi mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2017/1001.
(29)Sabiex tiġi żgurata operazzjoni bla xkiel, effettiva u effiċjenti tas-sistema tad-disinji tal-UE, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti rigward id-dettalji dwar il-proċedimenti orali u l-arranġamenti dettaljati ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda, l-arranġamenti dettaljati għan-notifika, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-formoli li għandhom jintużaw mill-partijiet fil-proċedimenti, ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu u t-tul tat-termini ta’ żmien, il-proċeduri għar-revoka ta’ deċiżjoni jew għall-kanċellazzjoni ta’ dħul fir-Reġistru tad-disinji tal-UE, l-arranġamenti dettaljati għat-tkomplija tal-proċedimenti, u d-dettalji dwar ir-rappreżentazzjoni quddiem l-Uffiċċju.
(30)Sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Bordijiet tal-Appell, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell meta l-proċedimenti relatati mad-disinji tal-UE jkunu jirrikjedu deroga mill-atti delegati adottati skont l-Artikolu 168 tar-Regolament (UE) 2017/1001.
(31)Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(32)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji dwar l-applikazzjonijiet, ir-rikjesti, iċ-ċertifikati, it-talbiet, ir-regolamenti, in-notifiki u kwalunkwe dokument ieħor fl-ambitu tar-rekwiżiti proċedurali rilevanti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 6/2002 kif ukoll fir-rigward tar-rati massimi għall-kostijiet essenzjali għall-proċedimenti u dawk effettivament imġarrba, id-dettalji dwar il-pubblikazzjonijiet f’Il-Bullettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea u f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju, l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet nazzjonali, l-arranġamenti dettaljati dwar it-traduzzjonijiet ta’ dokumenti ta’ sostenn fi proċedimenti bil-miktub, u t-tipi eżatti ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu minn membru uniku tad-Diviżjoni tal-Invalidità. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(33)Minħabba l-armonizzazzjoni avvanzata tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni, huwa xieraq li jiġi aġġustat il-prinċipju tal-akkumulazzjoni ta’ protezzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 u skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur billi d-disinji protetti mid-drittijiet tad-disinn tal-UE jitħallew jiġu protetti bħala xogħlijiet tad-drittijiet tal-awtur, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.
(34)Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jenħtieġ li jiġi emendat kif meħtieġ, u r-Regolament (KE) Nru 2246/2002 jenħtieġ li jitħassar.
(35)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba n-natura awtonoma tas-sistema tad-disinji tal-UE li hija indipendenti mis-sistemi nazzjonali, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(36)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni nhar ...,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 huwa emendat kif ġej:
(1)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea”;
(2)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Disinn li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament huwa minn issa ’l quddiem imsejjaħ “disinn tal-Unjoni Ewropea” (“disinn tal-UE”).”;
(3)fl-Artikoli kollha, il-kliem “disinn Komunitarju” huwa sostitwit b’“disinn tal-UE” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa;
(4)fir-Regolament kollu, it-terminu “qorti tad-disinji Komunitarji” huwa sostitwit bit-terminu “qorti tad-disinji tal-UE” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa;
(5)fl-Artikolu 1(3), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 27(1), l-Artikolu 96(1), l-Artikolu 98(1), l-Artikolu 98(5), l-Artikolu 106a(1), l-Artikolu 106a(2), l-Artikolu 106d(1), l-Artikolu 106d(2), u l-Artikolu 110a(1), il-kliem “il-Komunità” huma sostitwiti bil-kliem “l-Unjoni” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa;
(6)l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Uffiċċju”), stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, għandu jwettaq il-kompiti fdati lilu b’dan ir-Regolament.
* Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).”;
(7)jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 2a
Kapaċità ta’ aġir
Sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament, kumpaniji jew azjendi u entitajiet ġuridiċi oħrajn għandhom jitqiesu bħala persuni ġuridiċi jekk, skont it-termini tal-liġi li tirregolahom, huma jkollhom il-kapaċità li jassumu drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ kull xorta f’isimhom stess, li jidħlu f’kuntratti jew jagħmlu atti legali oħrajn u li jfittxu jew li jiġu mfittxija bil-qorti.”;
(8)l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“disinn” tfisser id-dehra ta’ prodott sħiħ jew ta’ parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, il-linji, il-kontorni, il-kuluri u l-forma, is-sawra, il-materjali tal-prodott innifsu u/jew id-dekorazzjonijiet tiegħu, inklużi l-moviment, it-tranżizzjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta’ animazzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi;
(2)“prodott” tfisser kwalunkwe oġġett industrijali jew artiġjanali minbarra programmi tal-kompjuter, irrispettivament minn jekk ikunx inkorporat f’oġġett fiżiku jew jimmaterjalizza f’forma diġitali, inklużi:
(a)l-imballaġġ, is-settijiet ta’ oġġetti, il-preżentazzjoni, l-arranġament spazjali ta’ oġġetti maħsuba biex jiffurmaw, b’mod partikolari, ambjent intern, u partijiet maħsuba biex jiġu mmuntati fi prodott kumpless;
(b)xogħlijiet jew simboli grafiċi, logos, disinji tal-wiċċ, tipa tipografika, u interfaċċi grafiċi tal-utent;
(3)“prodott kumpless” tfisser prodott li jkun magħmul minn diversi komponenti li jkunu jistgħu jinbidlu, u li jippermettu li l-prodott jiżżarma u jintrama mill-ġdid.”;
(9)fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn tal-UE, jekk ikun ġdid u jkollu karattru individwali.”;
(10)fl-Artikolu 7(2), il-kliem tal-bidu huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. Żvelar ma għandux jitqies għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 jekk id-disinn żvelat, li jkun identiku għad-disinn li għalih tintalab protezzjoni taħt disinn irreġistrat tal-UE jew ma jkunx differenti fl-impressjoni ġenerali tiegħu miegħu, ikun sar disponibbli għall-pubbliku:”;
(11)l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 12
Bidu u perjodu ta’ żmien tal-protezzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE
1. Il-protezzjoni minn disinn irreġistrat tal-UE ta’ disinn li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 1 għandha tinħoloq bir-reġistrazzjoni mill-Uffiċċju.
2. Disinn irreġistrat tal-UE għandu jiġi rreġistrat għal perjodu ta’ ħames snin ikkalkulat mid-data tal-infilzar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Id-detentur tad-dritt jista’ jkollu l-perjodu ta’ protezzjoni mġedded għal perjodu wieħed jew aktar ta’ ħames snin kull wieħed, għal perjodu totali ta’ 25 sena mid-data tal-infilzar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.”;
(12)L-Artikolu 13 jitħassar;
(13)L-Artikoli 15 u 16 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 15
Talbiet relatati mal-intitolament għal disinn tal-UE
1. Jekk disinn mhux irreġistrat tal-UE jiġi żvelat jew issir talba għalih minn persuna li ma tkunx intitolata għalih skont l-Artikolu 14 jew jekk tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE jew dan ikun irreġistrat f’isem tali persuna, il-persuna intitolata għalih skont dik id-dispożizzjoni tista’, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jkun miftuħ għaliha, titlob quddiem il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat biex tiġi rikonoxxuta bħala d-detentur leġittimu tad-disinn tal-UE.
2. Meta persuna tkun intitolata għal disinn tal-UE fuq bażi konġunta, din il-persuna tista’, f’konformità mal-paragrafu 1, tagħmel talba sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala detentur konġunt.
3. Il-proċeduri legali skont il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jiġu preskritti għal tliet snin wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ disinn rreġistrat tal-UE jew id-data tal-iżvelar ta’ disinn mhux irreġistrat tal-UE. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika jekk il-persuna li ma tkunx intitolata għad-disinn tal-UE kienet qiegħda taġixxi b’rieda ta’ ingann fiż-żmien meta saret applikazzjoni għal tali disinn jew meta dan ġie ddivulgat jew akkwistat.
4. Il-persuna intitolata għal disinn tal-UE skont l-Artikolu 14 tista’ tippreżenta talba, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għal bidla fis-sjieda lill-Uffiċċju, flimkien ma’ deċiżjoni finali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
5. Fil-każ ta’ disinn irreġistrat tal-UE, dan li ġej għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-disinji tal-UE msemmi fl-Artikolu 72 (“ir-Reġistru”):
(a)indikazzjoni li l-proċedimenti legali skont il-paragrafu 1 ikunu ġew ippreżentati quddiem il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat;
(b)id-data u d-dettalji tad-deċiżjoni finali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew kwalunkwe terminazzjoni oħra tal-proċedimenti;
(c)kwalunkwe bidla fis-sjieda tad-disinn irreġistrat tal-UE li tirriżulta mid-deċiżjoni finali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 16
Effetti ta’ sentenza dwar l-intitolament għal disinn irreġistrat tal-UE
1. Meta jkun hemm bidla sħiħa fis-sjieda ta’ disinn irreġistrat tal-UE b’riżultat tal-proċeduri legali skont l-Artikolu 15(1), il-liċenzji u d-drittijiet l-oħrajn għandhom jiskadu mad-dħul fir-Reġistru tad-detentur il-ġdid tad-disinn irreġistrat tal-UE.
2. Jekk, qabel ma tkun ġiet irreġistrata l-istituzzjoni tal-proċedimenti legali skont l-Artikolu 15(1), id-detentur jew il-liċenzjatarju tad-disinn irreġistrat tal-UE jkun sfrutta d-disinn fl-Unjoni jew ikun għamel tħejjijiet serji u effettivi biex jagħmel dan, dak id-detentur jew liċenzjatarju jista’ jkompli b’tali sfruttament dment li jitlob, fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fir-Reġistru tad-detentur il-ġdid, liċenzja mhux esklużiva mid-detentur il-ġdid li ismu jiddaħħal fir-Reġistru. Il-liċenzja għandha tingħata għal perjodu raġonevoli ta’ żmien u b’termini raġonevoli.
3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika jekk id-detentur ta’ disinn rreġistrat tal-UE jew il-liċenzjatarju kien qiegħed jaġixxi b’rieda ta’ ingann fiż-żmien meta beda jisfrutta d-disinn jew jagħmel it-tħejjijiet għal dan.”;
(14)fl-Artikolu 18, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Dak id-dritt jinkludi d-dritt li tiddaħħal bidla fl-isem tad-disinjatur jew tat-tim fir-Reġistru.”;
(15)jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej wara t-titolu tat-Taqsima 4:
“Artikolu 18a
Għan tal-protezzjoni
Għandha tingħata protezzjoni għal dawk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ disinn irreġistrat tal-UE li jintwerew b’mod viżibbli fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.”;
(16)l-Artikoli 19 sa 21 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 19
Drittijiet mogħtija bid-disinn tal-UE
1. Disinn irreġistrat tal-UE għandu jikkonferixxi fuq id-detentur tiegħu d-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kwalunkwe parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tad-detentur milli tużah.
2. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti taħt il-paragrafu 1:
(a)il-produzzjoni, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, jew l-użu ta’ prodott li fih huwa inkorporat id-disinn jew li miegħu jiġi applikat id-disinn;
(b)l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodott imsemmi fil-punt (a);
(c)l-istokkjar ta’ prodott imsemmi fil-punt (a) għall-iskopijiet imsemmija fil-punti (a) u (b);
(d)il-ħolqien, it-tniżżil, l-ikkuppjar u l-kondiviżjoni jew id-distribuzzjoni lil oħrajn ta’ kwalunkwe mezz jew software li jirreġistra d-disinn għall-iskop li jkun jista’ jsir prodott imsemmi fil-punt (a).
3. B’deroga mill-Artikolu 10(1), id-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE għandu jkun intitolat li jipprevjeni lill-partijiet terzi kollha milli, matul il-kummerċ, idaħħlu, minn pajjiżi terzi fl-Unjoni, prodotti li ma jkunux rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, meta d-disinn ikun inkorporat b’mod identiku f’dawk il-prodotti jew applikat magħhom, jew id-disinn ma jistax jiġi distint fl-aspetti essenzjali tiegħu minn tali prodotti, u ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni.
Id-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiskadi, jekk, matul il-proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur għad-disinn tal-UE, mibdija f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, tingħata evidenza mid-dikjarant jew id-detentur tal-prodotti li d-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE ma huwiex intitolat li jipprojbixxi t-tqegħid tal-prodotti fis-suq fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.
4. Id-detentur ta’ disinn tal-UE mhux irreġistrat għandu jkun intitolat li jipprevjeni l-atti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta mill-ikkuppjar ta’ dak id-disinn.
L-użu kkontestat imsemmi hawn fuq ma għandux jitqies li jirriżulta mill-ikkuppjar tad-disinn mhux irreġistrat tal-UE jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-detentur.
5. Il-paragrafu 4 għandu japplika wkoll għal disinn irreġistrat tal-UE soġġett għad-differiment tal-pubblikazzjoni sakemm l-entrati rilevanti fir-Reġistru u l-fajl ma jkunux ġew magħmula disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-Artikolu 50(4).
Artikolu 20
Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija minn disinn tal-UE
1. Id-drittijiet mogħtija minn disinn tal-UE ma għandhomx jiġu eżerċitati rigward:
(a)atti magħmula privatament u għal skopijiet mhux kummerċjali;
(b)atti mwettqa għal skopijiet sperimentali;
(c)atti tar-riproduzzjoni bil-għan li jagħmlu ċitazzjonijiet jew tat-tagħlim;
(d)atti mwettqa għall-iskop tal-identifikazzjoni jew tar-referenza għal prodott bħala dak tad-detentur tad-dritt ta’ disinn;
(e)atti mwettqa għall-iskop ta’ kumment, kritika jew parodija;
(f)it-tagħmir fuq il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiż terz u li jidħlu temporanjament fit-territorju tal-Unjoni;
(g)l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ spare parts u ta’ aċċessorji għall-iskop tat-tiswija ta’ bastimenti u ta’ inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (f);
(h)l-eżekuzzjoni ta’ tiswijiet fuq bastimenti u inġenji tal-ajru msemmija fil-punt (f).
2. Il-paragrafu 1, il-punti (c), (d) u (e), għandhom japplikaw biss meta l-atti jkunu kompatibbli ma’ prattiki ta’ kummerċ ġust u ma jkunux ta’ ħsara bla bżonn għall-isfruttament normali tad-disinn, u fil-każ tal-punt (c), meta ssir referenza għas-sors tal-prodott li fih jiġi inkorporat id-disinn jew li miegħu jiġi applikat id-disinn.
Artikolu 20a
Klawżola dwar it-tiswija
1. Ma għandhiex tingħata protezzjoni lil disinn tal-UE li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn tal-parti komponenti, u li jintuża skont it-tifsira tal-Artikolu 19(1) għall-iskop uniku tat-tiswija ta’ dak il-prodott kumpless sabiex tiġi restawrata d-dehra oriġinali tiegħu.
2. Il-paragrafu 1 ma jistax jiġi invokat mill-manifattur jew mill-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless li ma jkunx informa kif xieraq lill-konsumaturi, permezz ta’ indikazzjoni ċara u viżibbli fuq il-prodott jew f’forma xierqa oħra, dwar l-oriġini tal-prodott li għandu jintuża għall-iskop tat-tiswija tal-prodott kumpless, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata bejn prodotti li jikkompetu li jistgħu jintużaw għat-tiswija.
Artikolu 21
Tmiem ta’ drittijiet
Id-drittijiet mogħtija minn disinn tal-UE ma għandhomx jestendu għall-atti relatati ma’ prodott li fih huwa inkorporat disinn inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni tad-disinn tal-UE jew li jiġi applikat miegħu, meta l-prodott ikun tqiegħed fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mid-detentur tad-disinn tal-UE jew bil-kunsens tiegħu.”;
* Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15).
(17)fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. Disinn tal-UE jista’ jiġi ddikjarat invalidu anke wara li d-disinn tal-UE jkun skada jew ikun ġie ċedut, jekk l-applikant juri interess leġittimu fil-kisba ta’ deċiżjoni fuq il-merti.”;
(18)l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 25
Raġunijiet għall-invalidità
1. Disinn tal-UE jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:
(a)jekk id-disinn tal-UE ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1);
(b)id-disinn tal-UE ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9;
(c)bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti, id-detentur tad-dritt ma jkunx intitolat għad-disinn tal-UE skont l-Artikolu 14;
(d)id-disinn tal-UE jkun f’kunflitt ma’ disinn preċedenti li jkun sar disponibbli għall-pubbliku, u li jkun protett minn data qabel id-data tal-infilzar tal-applikazzjoni, jew jekk tiġi ddikjarata prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn tal-UE:
(i) minn disinn irreġistrat tal-UE jew applikazzjoni għal tali disinn soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu,
(ii) minn dritt ta’ disinn irreġistrat ta’ Stat Membru, jew permezz ta’ applikazzjoni għal tali dritt soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu, jew
(iii) minn dritt ta’ disinn irreġistrat skont l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li Jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Disinni Industrijali tal-1999 (“l-Att ta’ Ġinevra”), li għandu effett fl-Unjoni, jew permezz ta’ applikazzjoni għal tali dritt soġġett għar-reġistrazzjoni tiegħu;
(e)jekk jintuża sinjal distintiv f’disinn sussegwenti, u d-dritt tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru li tirregola dan is-sinjal tikkonferixxi fuq id-detentur tad-dritt tas-sinjal id-dritt li jipprojbixxi tali użu;
(f)jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta’ xogħol protett bil-liġi tad-drittijiet tal-awtur ta’ Stat Membru;
(g)jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ kwalunkwe wieħed mill-oġġetti elenkat fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali (“il-Konvenzjoni ta’ Pariġi”), jew tal-badges, l-emblemi u l-armi tar-razza għajr dawk koperti bl-Artikolu u li jkunu ta’ interess pubbliku partikolari fi Stat Membru.
2. Ir-raġunijiet għall-invalidità previsti fil-paragrafu 1(a) u (b), jistgħu jiġu invokati b’dan li ġej:
(a)kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika;
(b)kwalunkwe grupp jew korp stabbilit bil-għan li jirrappreżenta l-interessi tal-manifatturi, tal-produtturi, tal-fornituri tas-servizzi, tan-negozjanti jew tal-konsumaturi jekk dak il-grupp jew korp ikollu l-kapaċità li jfittex u jiġi mfittex f’ismu stess skont it-termini tal-liġi li tirregolah.
3. Ir-raġuni għall-invalidità prevista fil-paragrafu (1)(c) tista’ tiġi invokata biss mill-persuna intitolata għad-disinn tal-UE skont l-Artikolu 14.
4. Ir-raġunijiet għall-invalidità previsti fil-paragrafu 1(d), (e) u (f), jistgħu jiġu invokati biss minn dawn li ġejjin:
(a)l-applikant għad-dritt preċedenti jew id-detentur tiegħu;
(b)il-persuni li huma intitolati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat li jeżerċitaw id-drittijiet inkwistjoni;
(c)il-liċenzjatarju awtorizzat minn proprjetarju ta’ trademark jew detentur ta’ dritt ta’ disinn.
5. Ir-raġuni għall-invalidità prevista fil-paragrafu (1)(g) tista’ tiġi invokata biss mill-persuna jew l-entità kkonċernata mill-użu mhux xieraq.
6. B’deroga mill-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-raġunijiet previsti fil-paragrafu 1(d) u (g) jistgħu jiġu invokati wkoll mill-awtorità xierqa tal-Istat Membru inkwistjoni fuq inizjattiva tagħha stess.
7. Disinn tal-UE ma jistax jiġi ddikjarat invalidu meta l-applikant għal wieħed mid-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d) sa (g) jew id-detentur tagħhom, ikun ta kunsens espliċitu għar-reġistrazzjoni tad-disinn tal-UE qabel ma jissottometti l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew il-kontrotalba.
8. Meta l-applikant għal wieħed mid-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1(d) sa (g) jew detentur tagħhom, ikun applika qabel għal dikjarazzjoni li disinn tal-UE huwa invalidu jew ikun għamel kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur, huwa ma jistax jissottometti applikazzjoni ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew jippreżenta kontrotalba ġdida abbażi ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet l-oħrajn imsemmija f’dawk il-punti, li seta’ jiġi invokat b’appoġġ tal-ewwel applikazzjoni jew kontrotalba.”;
(19)fl-Artikolu 26, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Disinn tal-UE li jiġi ddikjarat invalidu għandu jitqies li ma kellux l-effetti speċifikati f’dan ir-Regolament mill-bidu nett.”;
(20)l-intestatura li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 26:
“Taqsima 6
Avviż ta’ reġistrazzjoni”
(21)jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej wara l-intestatura tat-Taqsima 6:
“Artikolu 26a
Simbolu tar-reġistrazzjoni
Id-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE jista’ jinforma lill-pubbliku li d-disinn huwa rreġistrat billi juri fuq il-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn jew li miegħu tiġi applikata l-ittra D magħluqa b’ċirku. Tali avviż ta’ disinn jista’ jkun akkumpanjat min-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn jew konness b’iperlink mad-dħul tad-disinn fir-Reġistru.”;
(22)l-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 28
Trasferiment tad-disinn irreġistrat tal-UE
1. Assenjazzjoni ta’ disinn irreġistrat tal-UE għandha ssir bil-miktub u għandha tiġi ffirmata mill-partijiet fil-kuntratt, ħlief meta din tkun ir-riżultat ta’ sentenza.
Assenjazzjoni ta’ disinn irreġistrat tal-UE li ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandha tkun nulla.
2. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, it-trasferiment ta’ disinn irreġistrat tal-UE għandu jiddaħħal fir-Reġistru u għandu jiġi ppubblikat.
3. Talba għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment fir-Reġistru għandu jkun fiha informazzjoni li tidentifika d-disinn irreġistrat tal-UE, id-detentur il-ġdid u, meta applikabbli, ir-rappreżentant tad-detentur il-ġdid. Għandu jkun fiha wkoll dokumenti li jistabbilixxu kif xieraq it-trasferiment f’konformità mal-paragrafu 1.
4. Meta l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment, kif stabbiliti fil-paragrafi 1 jew fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 28a, ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant bin-nuqqasijiet. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju, huwa għandu jiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment.
5. Applikazzjoni waħda għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi sottomessa għal żewġ disinji rreġistrati tal-UE jew aktar, dment li d-detentur irreġistrat u s-suċċessur tat-titolu jkunu l-istess għal dawn id-disinji rreġistrati kollha tal-UE.
6. Sakemm it-trasferiment ikun għadu ma tniżżilx fir-Reġistru, is-suċċessur tat-titolu ma jistax jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE.
7. Meta jkun hemm termini ta’ żmien li għandhom jiġu osservati fil-konfront tal-Uffiċċju, is-suċċessur tat-titolu jista’ jagħmel l-istqarrijiet korrispondenti lill-Uffiċċju ladarba t-talba għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tkun waslet l-Uffiċċju.
8. Id-dokumenti kollha li jirrikjedu notifika lid-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE f’konformità mal-Artikolu 66 għandhom jiġu indirizzati lill-persuna rreġistrata bħala detentur fir-Reġistru.”;
(23)jiddaħħal l-Artikolu 28a li ġej:
“Artikolu 28a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward it-trasferiment
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:
(a)id-dettalji li għandhom ikunu inklużi fit-talba għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment imsemmi fl-Artikolu 28(3);
(b)it-tip ta’ dokumentazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit trasferiment kif imsemmi fl-Artikolu 28(3), billi jitqiesu l-ftehimiet mogħtija mid-detentur irreġistrat u s-suċċessur tat-titolu.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(24)l-Artikoli 31 sa 34 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 31
Proċedimenti ta’ insolvenza
1. L-uniċi proċedimenti ta’ insolvenza li fihom disinn tal-UE jista’ jkun involut huma dawk miftuħa fl-Istat Membru tat-territorju li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi ewlenin tiegħu.
2. Għall-impriżi tal-assigurazzjoni kif definiti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**, iċ-ċentru tal-interessi ewlenin imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun l-Istat Membru fejn l-impriża jew l-istituzzjoni tkun ġiet awtorizzata.
3. Fil-każ ta’ sjieda konġunta ta’ disinn tal-UE, għandu japplika l-paragrafu 1 rigward is-sehem tad-detentur konġunt.
4. Meta disinn tal-UE jkun involut fi proċedimenti ta’ insolvenza, id-dħul għal dan il-għan għandu, fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti, isir fir-Reġistru u jiġi ppubblikat.
Artikolu 32
Liċenzji
1. Disinn tal-UE jista’ jingħata liċenzja għall-Unjoni kollha jew għal parti minnha. Il-liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.
2. Id-detentur jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija mid-disinn tal-UE kontra liċenzjatarju li jikser kwalunkwe dispożizzjoni fil-kuntratt ta’ liċenzjar fir-rigward ta’:
(a)id-durata tal-liċenzja;
(b)il-forma li fiha jista’ jintuża d-disinn;
(c)il-firxa ta’ prodotti li għalihom tingħata l-liċenzja;
(d)il-kwalità tal-prodotti mmanifatturati mil-liċenzjatarju skont il-liċenzja.
3. Jekk ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-kuntratt ta’ liċenzjar, il-liċenzjatarju jista’ jressaq proċedimenti għall-ksur ta’ disinn tal-UE biss jekk id-detentur tiegħu jagħti l-kunsens tiegħu għal dan. Madankollu, id-detentur ta’ liċenzja esklużiva jista’ jġib dawn il-proċedimenti jekk id-detentur tad-disinn tal-UE, wara notifika formali, ma jiftaħx proċedimenti ta’ ksur fi żmien xieraq.
4. Il-liċenzjatarju għandu jkun intitolat li jintervjeni fi proċedimenti ta’ ksur imressqa mid-detentur tad-disinn tal-UE, sabiex jikseb kumpens għad-danni li jkun sofra.
Artikolu 32a
Proċedura għad-dħul tal-liċenzji u drittijiet oħrajn fir-Reġistru
1. L-Artikolu 28(2) u (3) u r-regoli adottati skont l-Artikolu 28a, u l-Artikolu 28(6) għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-reġistrazzjoni ta’ dritt in rem jew it-trasferiment ta’ dritt in rem kif imsemmi fl-Artikolu 29, l-imposta marbuta mal-eżekuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 30, l-involviment fi proċedimenti ta’ insolvenza kif imsemmi fl-Artikolu 31, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ liċenzja jew it-trasferiment ta’ liċenzja kif imsemmi fl-Artikolu 32. Madankollu, ir-rekwiżit dwar id-dokument ta’ sostenn stabbilit fl-Artikolu 28(3) ma għandux japplika meta t-talba ssir mid-detentur tad-disinn tal-UE.
2. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta applikabbli, ma għandhiex titqies li ġiet infilzata sakemm jitħallas id-dritt meħtieġ.
3. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ liċenzja tista’ tinkludi talba biex tiġi rreġistrata liċenzja fir-Reġistru bħala waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)liċenzja esklużiva;
(b)subliċenzja fil-każ li l-liċenzja tingħata minn liċenzjatarju li l-liċenzja tiegħu tkun irreġistrata fir-Reġistru;
(c)liċenzja limitata għal firxa speċifika ta’ prodotti;
(d)liċenzja limitata għal parti mill-Unjoni;
(e)liċenzja temporanja.
Meta ssir talba biex il-liċenzja tiġi rreġistrata bħala liċenzja msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (c), (d), jew (e), l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tindika l-firxa speċifika ta’ prodotti, il-parti tal-Unjoni jew il-perjodu ta’ żmien li għalihom qed tingħata l-liċenzja.
4. Meta l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-liċenzji u ta’ drittijiet oħrajn stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant dwar in-nuqqas. Jekk in-nuqqas ma jiġix irrimedjat f’terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju, huwa għandu jirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.
Artikolu 33
Effetti fil-konfront ta’ partijiet terzi
1. L-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 28, 29 u 32 li jirrigwardaw disinn tal-UE għandu jkollhom effett fil-konfront ta’ partijiet terzi fl-Istati Membri kollha biss wara li dawn jitniżżlu fir-Reġistru. Madankollu, tali att, qabel ma hekk jiddaħħal, għandu jkollu effett fil-konfront ta’ partijiet terzi li jkunu kisbu d-drittijiet għad-disinn irreġistrat tal-UE wara d-data ta’ dak l-att imma li kienu jafu bl-att fid-data li fiha nkisbu d-drittijiet.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal persuna li tikseb id-disinn irreġistrat tal-UE jew dritt li jirrigwarda d-disinn irreġistrat tal-UE permezz tat-trasferiment tal-impriża kollha jew b’kull mezz ieħor universali tas-suċċessjoni.
3. L-effetti fil-konfront ta’ partijiet terzi tal-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 30 għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru stabbilita f’konformità mal-Artikolu 27.
4. L-effetti fil-konfront ta’ partijiet terzi ta’ falliment jew proċedimenti simili għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih tali proċedimenti jitressqu għall-ewwel darba skont it-tifsira tal-liġi nazzjonali jew tal-konvenzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam.
Artikolu 33a
Proċedura għall-kanċellazzjoni jew għall-modifika tar-reġistrazzjonijiet ta’ liċenzji u ta’ drittijiet oħrajn
1. Reġistrazzjoni li ssir skont l-Artikolu 32a(1) għandha tiġi kkanċellata jew immodifikata bl-applikazzjoni ta’ waħda mill-persuni kkonċernati.
2. L-applikazzjoni għandu jkun fiha n-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE, jew fil-każ ta’ reġistrazzjoni multipla, in-numru ta’ kull disinn, u d-dettalji tad-dritt li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni li tiġi kkanċellata jew immodifikata.
3. L-applikazzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn dokumenti li juru li d-dritt irreġistrat ma għadux jeżisti jew li l-liċenzjatarju jew id-detentur ta’ dritt ieħor jagħti l-kunsens biex ir-reġistrazzjoni tiġi kkanċellata jew immodifikata.
4. Meta r-rekwiżiti għall-kanċellazzjoni jew modifikazzjoni tar-reġistrazzjoni ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu javża lill-applikant dwar in-nuqqasijiet. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju, huwa għandu jirrifjuta l-applikazzjoni għall-kanċellazzjoni jew il-modifika tar-reġistrazzjoni.
Artikolu 34
L-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE bħala oġġett tal-proprjetà
L-Artikoli 27 sa 33a għandhom japplikaw għal applikazzjonijiet għal disinji rreġistrati tal-UE. Meta l-effett ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tkun bil-kundizzjoni tad-dħul fir-Reġistru, din il-formalità għandha titwettaq mad-dħul tad-disinn irreġistrat tal-UE fir-Reġistru.”;
* Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
** Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(25)l-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 35
Infilzar ta’ applikazzjonijiet
1. Applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandha tiġi infilzata fl-Uffiċċju.
2. L-Uffiċċju għandu joħroġ għall-applikant, mingħajr dewmien, irċevuta li għandha tinkludi tal-inqas in-numru tal-fajl, rappreżentazzjoni, deskrizzjoni jew identifikazzjoni oħra tad-disinn, in-natura u l-għadd tad-dokumenti u d-data ta’ meta ġew irċevuti. Fil-każ ta’ applikazzjoni multipla, l-irċevuta maħruġa mill-Uffiċċju għandha tispeċifika l-ewwel disinn u l-għadd ta’ disinji infilzati.”;
(26)l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandu jkun fiha:
(a)talba għar-reġistrazzjoni;
(b)informazzjoni li tidentifika l-applikant;
(c)rappreżentazzjoni tad-disinn adatt għar-riproduzzjoni, li tippermetti li d-dettalji kollha tas-suġġett li għalih qed tintalab protezzjoni jiġu distinti b’mod ċar u li tippermetti l-pubblikazzjoni.
2. L-applikazzjoni għandu jkun fiha wkoll indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li fuqhom ikun maħsub li jiġi applikat.
3. B’żieda ma’ dan, l-applikazzjoni jista’ jkun fiha:
(a)deskrizzjoni li tispjega r-rappreżentazzjoni;
(b)talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 50;
(c)informazzjoni li tidentifika r-rappreżentant jekk l-applikant ikun ħatar wieħed;
(d)il-klassifikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li fuqhom ikun maħsub li jiġi applikat skont il-klassi u s-subklassi tal-Ftehim ta’ Locarno li Jistabbilixxi Klassifika Internazzjonali għad-Disinni Industrijali (“il-Klassifikazzjoni ta’ Locarno”), kif emendat u fis-seħħ fid-data tal-infilzar tad-disinn;
(e)iċ-ċitazzjoni tad-disinjatur jew tat-tim tad-disinjaturi jew dikjarazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-applikant li d-disinjatur jew it-tim tad-disinjaturi jkunu rrinunzjaw għad-dritt li jiġu ċitati.
4. L-applikazzjoni għandha tkun soġġetta għall-ħlas tad-dritt tal-applikazzjoni. Meta tiġi infilzata talba għal differiment skont il-paragrafu 3(b), din għandha tkun soġġetta għal dritt addizzjonali għad-differiment tal-pubblikazzjoni.”;
(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandha tikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan. Sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu relatati mar-rappreżentazzjoni tad-disinn u mal-mezzi tagħha kif imsemmi fil-paragrafu 1(c), id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mod tan-numerazzjoni ta’ dehriet differenti fil-każ ta’ rappreżentazzjoni b’dehriet statiċi, il-formati u d-daqs tal-fajl elettroniku kif ukoll kwalunkwe speċifikazzjoni teknika rilevanti oħra. Jekk dawk ir-rekwiżiti jipprevedu l-identifikazzjoni ta’ suġġett li għalih ma tintalab l-ebda protezzjoni permezz ta’ ċerti tipi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà viżiva jew għall-infilzar ta’ ċerti tipi speċifiċi ta’ dehriet, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina tipi addizzjonali ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà viżiva u tipi speċifiċi ta’ dehriet.”;
(27)jiddaħħal l-Artikolu 36a li ġej:
“Artikolu 36a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom ikunu inklużi fl-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(28)l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
1. Għadd massimu ta’ 50 disinn jista’ jiġi kkombinat f’applikazzjoni multipla waħda għad-disinji rreġistrati tal-UE. Kull disinn li jkun inkluż f’ applikazzjoni multipla għandu jiġi nnumerat mill-Uffiċċju f’konformità ma’ sistema determinata mid-Direttur Eżekuttiv.
2. Minbarra d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 36(4), l-applikazzjoni multipla għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ dritt tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ kull disinn addizzjonali inkluż fl-applikazzjoni multipla u, f’każ li l-applikazzjoni jkun fiha talba għal differiment tal-pubblikazzjoni, dritt għad-differiment tal-pubblikazzjoni fir-rigward ta’ kull disinn inkluż fl-applikazzjoni multipla li għalih jintalab differiment.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-applikazzjoni multipla għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet tar-rappreżentazzjoni stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 37a.’;
(c)
il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Kull wieħed mid-disinji li jkunu inklużi f’applikazzjoni multipla jew f’reġistrazzjoni bbażata fuq tali applikazzjoni jista’ jiġi ttrattat separatament mill-oħrajn. Tali disinn jista’, separatament mill-oħrajn, jiġi infurzat, liċenzjat, ikun is-suġġett ta’ dritt in rem, imposta fl-eżekuzzjoni jew proċedimenti ta’ insolvenza, jiġi ċedut, imġedded jew assenjat, ikun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni differita jew iddikjarat invalidu.”;
(29)jiddaħħal l-Artikolu 37a li ġej:
“Artikolu 37a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ applikazzjonijiet multipli
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fl-applikazzjoni multipla. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(30)L-Artikoli 38 u 39 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 38
Data tal-infilzar
Id-data tal-infilzar ta’ applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandha tkun id-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 36(1) jiġu infilzati mal-Uffiċċju mill-applikant, soġġett għall-ħlas ta’ drittijiet tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikoli 36(4) u 37(2) fi żmien xahar mill-infilzar ta’ dawk id-dokumenti.
Artikolu 39
Ekwivalenza bejn infilzar fl-Unjoni u infilzar nazzjonali
Applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE li jkun ingħata data tal-infilzar għandha tkun ekwivalenti fl-Istati Membri għal infilzar regolari nazzjonali, inkluż, meta xieraq, il-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għal disinn tal-UE.”;
(31)L-Artikoli 40, 41 u 42 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 40
Klassifikazzjoni u indikazzjonijiet tal-prodott
1. Il-prodotti li fihom disinn tal-UE jkun maħsub li jiġi inkorporat jew li fuqhom ikun maħsub li jiġi applikat għandhom jiġu kklassifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni ta’ Locarno, kif emendata u fis-seħħ fid-data tal-infilzar tad-disinn.
2. L-indikazzjoni tal-prodott għandha tidentifika b’mod ċar u preċiż in-natura tal-prodotti u għandha tippermetti li kull prodott jiġi kklassifikat fi klassi u subklassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni ta’ Locarno, jekk possibbli permezz tal-bażi tad-data armonizzata tal-indikazzjonijiet tal-prodott magħmula disponibbli mill-Uffiċċju. L-indikazzjoni tal-prodott għandha tkun konformi mar-rappreżentazzjoni tad-disinn.
3. Il-prodotti għandhom jitqassmu fi gruppi skont il-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Locarno, fejn kull grupp ikun preċedut minn numru tal-klassi li għaliha jappartjeni dak il-grupp ta’ prodotti u ppreżentat fl-ordni tal-klassijiet u s-subklassijiet taħt dik il-klassifikazzjoni.
4. Meta l-applikant juża indikazzjonijiet tal-prodott li ma jkunux inklużi fil-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 2, jew li ma jkunux konformi mar-rappreżentazzjoni tad-disinn, l-Uffiċċju jista’ jipproponi indikazzjonijiet tal-prodott minn dik il-bażi tad-data. L-Uffiċċju jista’ jipproċedi bl-eżami abbażi tal-indikazzjonijiet tal-prodott proposti meta l-applikant ma jweġibx fit-terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju.
Artikolu 41
Dritt ta’ prijorità
1. Persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni kif xieraq għad-dritt ta’ disinn jew għal mudell ta’ utilità fi jew għal kwalunkwe Stat parti għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha tat-titolu, għandha tgawdi, bil-għan li tippreżenta applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE rigward l-istess disinn jew mudell ta’ utilità, dritt ta’ prijorità matul perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-infilzar tal-ewwel applikazzjoni.
2. Kull infilzar li skont il-liġi nazzjonali tal-Istat fejn ikun sar jew skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita d-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, ikun xi jkun l-eżitu tal-applikazzjoni, għandu jiġi rikonoxxut bħala li jagħti lok għal dritt ta’ prijorità.
3. Applikazzjoni sussegwenti għal disinn li kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni inizjali preċedenti, u li tiġi infilzata fl-istess Stat jew fir-rigward tiegħu, għandha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni bil-għan li tiġi stabbilita l-prijorità, dment li, fid-data tal-infilzar tal-applikazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet irtirata, abbandunata jew irrifjutata mingħajr ma tiġi miftuħa għal spezzjoni pubblika u mingħajr ma tħalli l-ebda dritt mhux issodisfat, u ma tkunx serviet bħala bażi għal talba ta’ dritt ta’ prijorità. L-applikazzjoni preċedenti ma tistax isservi wara bħala bażi għal talba ta’ dritt ta’ prijorità.
4. Jekk l-ewwel infilzar ikun sar fi Stat li ma huwiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi jew għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss sakemm dak l-Istat, skont sejbiet ippubblikati, jagħti, abbażi tal-ewwel infilzar li jkun sar fl-Uffiċċju u soġġett għal kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, dritt ta’ prijorità li jkollu effett ekwivalenti. Id-Direttur Eżekuttiv għandu, meta meħtieġ, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tinvestiga jekk l-Istat, imsemmi fl-ewwel sentenza, jagħtix tali trattament reċiproku. Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li għandu jingħata trattament reċiproku, hija għandha tippubblika komunikazzjoni għal dak l-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5. Id-dritt ta’ prijorità msemmi fil-paragrafu 4 għandu japplika mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-komunikazzjoni li tiddetermina li jingħata trattament reċiproku, sakemm f’din il-komunikazzjoni ma tiġix indikata data preċedenti li fiha jsir applikabbli. Dan ma għandux jibqa’ japplika mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li mhux qed jingħata aktar trattament reċiproku, sakemm il-komunikazzjoni ma tistipulax data preċedenti li fiha jsir applikabbli.
6. Il-komunikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.
Artikolu 42
Talba ta’ prijorità
1. Applikant għal disinn irreġistrat tal-UE li jkun jixtieq jieħu vantaġġ mill-prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ prijorità jew flimkien mal-applikazzjoni jew fi żmien xahrejn mid-data tal-infilzar. Tali dikjarazzjoni ta’ prijorità għandha tinkludi d-data u l-pajjiż tal-applikazzjoni preċedenti. In-numru tal-fajl tal-applikazzjoni preċedenti u d-dokumentazzjoni li tappoġġa t-talba ta’ prijorità għandhom jiġu infilzati fi żmien tliet xhur mid-data tal-infilzar tad-dikjarazzjoni ta’ prijorità.
2. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi li d-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-applikant b’appoġġ għat-talba ta’ prijorità tista’ tikkonsisti f’inqas mid-dokumentazzjoni meħtieġa skont l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 42a, dment li l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli għall-Uffiċċju minn sorsi oħrajn.”;
(32)għandu jiddaħħal l-Artikolu 42a li ġej:
“Artikolu 42a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tat-talba ta’ prijorità
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw it-tip ta’ dokumentazzjoni li għandha tiġi infilzata sabiex issir it-talba ta’ prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti f’konformità mal-Artikolu 42(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(33)l-Artikolu 43 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 43
Effett ta’ dritt tal-prijorità
Id-dritt ta’ prijorità għandu jkollu l-effett li d-data ta’ prijorità għandha tgħodd bħala d-data tal-infilzar tal-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għall-finijiet tal-Artikoli 5, 6, 7 u 22, l-Artikolu 25(1)(d), (e) u (f), u l-Artikolu 50(1).”;
(34)l-Artikolu 44 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 44
Prijorità tal-esibizzjoni
1. Jekk applikant għal disinn irreġistrat tal-UE jkun żvela prodotti li d-disinn ikun inkorporat fihom jew applikat fuqhom, f’esibizzjoni uffiċjali jew f’esibizzjoni internazzjonali rikonoxxuta uffiċjalment li taqa’ taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Esibizzjonijiet Internazzjonali tal-1928 kif ġiet riveduta l-aħħar fit-30 ta’ Novembru 1972, l-applikant jista’ jitlob dritt ta’ prijorità minn dik id-data jekk l-applikazzjoni tiġi infilzata f’perjodu taż-żmien ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel żvelar ta’ tali prodotti.
2. Applikant li jkun jixtieq jitlob prijorità skont il-paragrafu 1 għandu jinfilza dikjarazzjoni ta’ prijorità jew flimkien mal-applikazzjoni jew fi żmien xahrejn mid-data tal-infilzar. L-applikant għandu, fi żmien tliet xhur mid-dikjarazzjoni ta’ prijorità, jinfilza evidenza li l-prodotti li fihom huwa inkorporat id-disinn, jew li fuqhom huwa applikat, ikunu ġew żvelati skont it-tifsira tal-paragrafu 1.
3. Prijorità tal-esibizzjoni mogħtija fi Stat Membru jew f’pajjiż terz ma testendix il-perjodu ta’ prijorità stabbilit fl-Artikolu 41.”;
(35)jiddaħħal l-Artikolu 44a li ġej:
“Artikolu 44a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw it-tip u d-dettalji tal-evidenza li għandha tiġi infilzata għal talba ta’ prijorità tal-esibizzjoni f’konformità mal-Artikolu 44(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(36)l-intestatura tat-Titolu V hija sostitwita b’dan li ġej:
“TITOLU V
PROĊEDURA TA’ REĠISTRAZZJONI, TIĠDID U TIBDIL”
(37)l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE tikkonformax mar-rekwiżiti għall-għoti ta’ data tal-infilzar stabbiliti fl-Artikolu 38.”.
(b)il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:
“2. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk:
(a)l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE tikkonformax mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 36(5) u, fil-każ ta’ applikazzjoni multipla, fl-Artikolu 37(3);
(b)meta rilevanti, id-dritt addizzjonali għad-differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 36(4) ikunx tħallas fil-perjodu preskritt;
(c)meta rilevanti, id-drittijiet addizzjonali tal-applikazzjoni għal applikazzjoni multipla skont l-Artikolu 37(2) ikunux tħallsu fil-perjodu preskritt.
3. Meta l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant jirrimedja n-nuqqasijiet jew l-inadempjenza fi żmien xahrejn minn meta tasal in-notifika ta’ dik it-talba.
4. Jekk l-applikant ma jikkonformax mat-talba fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE. Jekk l-applikant jikkonforma mat-talba fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti, l-Uffiċċju għandu jagħti bħala d-data tal-infilzar tal-applikazzjoni d-data meta jiġu rimedjati n-nuqqasijiet jew l-inadempjenzi.
5. Jekk l-applikant ma jikkonformax mat-talba fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b), l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.
6. Jekk l-applikant ma jikkonformax mat-talba fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2(c), l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE fir-rigward tad-disinji addizzjonali sakemm ma jkunx ċar liema disinji huwa maħsub li jkopri l-ammont imħallas. Fin-nuqqas ta’ kriterji oħrajn li jiddeterminaw liema disinji huma maħsuba li jkunu koperti, l-Uffiċċju għandu jittratta d-disinji fl-ordni numeriku li bih huma rrappreżentati f’konformità mar-regoli adottati skont l-Artikolu 37a. L-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE fir-rigward ta’ dawk id-disinji li għalihom id-drittijiet addizzjonali tal-applikazzjoni ma jkunux tħallsu jew ma jkunux tħallsu b’mod sħiħ.
7. In-nuqqas li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jikkonċernaw talba ta’ prijorità għandu jirriżulta fit-telf tad-dritt ta’ prijorità għall-applikazzjoni.”;
(38)l-Artikolu 46 jitħassar;
(39)l-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 47
Raġunijiet għan-nuqqas tal-kapaċità tar-reġistrazzjoni
1. Jekk l-Uffiċċju, fit-twettiq tal-eżami skont l-Artikolu 45, jinnota li d-disinn li għalih qed tintalab il-protezzjoni ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1), jew imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità, huwa għandu jinnotifika lill-applikant li d-disinn ma jistax jiġi rreġistrat, filwaqt li jispeċifika r-raġuni għan-nuqqas tal-kapaċità tar-reġistrazzjoni.
2. Fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jispeċifika perjodu li fih l-applikant jista’ jissottometti osservazzjonijiet, jirtira l-applikazzjoni jew il-fehmiet li jkunu tressqu oġġezzjonijiet għalihom jew jissottometti rappreżentazzjoni emendata tad-disinn li tkun differenti biss f’dettalji immaterjali mir-rappreżentazzjoni kif infilzata oriġinarjament.
3. Meta l-applikant jonqos milli jegħleb r-raġunijiet għan-nuqqas tal-kapaċità tar-reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni. Jekk dawk ir-raġunijiet jikkonċernaw biss xi wħud mid-disinji inklużi f applikazzjoni multipla, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni biss għal dawk li jirrigwardaw id-disinji kkonċernati.”;
(40)jiddaħħal l-Artikolu 47a li ġej:
“Artikolu 47a
Irtirar u emendar
1. L-applikant jista’ fi kwalunkwe ħin jirtira applikazzjoni għal disinn tal-UE jew, fil-każ ta’ applikazzjoni multipla, jirtira xi wħud mid-disinji inklużi fl-applikazzjoni.
2. L-applikant jista’ fi kwalunkwe ħin jemenda r-rappreżentazzjoni tad-disinn tal-UE li tkun saret applikazzjoni għalih f’dettalji immaterjali.”;
(41)jiddaħħal l-Artikolu 47b li ġej:
“Artikolu 47b
Delega tas-setgħa fir-rigward tal-emendar tal-applikazzjoni
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109(2) biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji tal-proċedura għall-emendar tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 47a(2).”;
(42)l-Artikolu 48 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 48
Reġistrazzjoni
1. Jekk ir-rekwiżiti għal applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE ikunu ġew issodisfati, u sa fejn l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irrifjutata skont l-Artikolu 47, l-Uffiċċju għandu jdaħħal id-disinn inkluż fl-applikazzjoni u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 72(2) fir-Reġistru.
2. Jekk l-applikazzjoni jkun fiha talba għal differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50, għandha tiddaħħal ukoll fir-Reġistru indikazzjoni ta’ dik it-talba u d-data ta’ skadenza tal-perjodu ta’ differiment.
3. Ir-reġistrazzjoni għandu jkollha d-data tal-infilzar tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38.
4. Id-drittijiet pagabbli skont l-Artikoli 36(4) u 37(2) ma għandhomx jitħallsu lura anke jekk id-disinn li tkun saret applikazzjoni għalih ma jkunx irreġistrat.”;
(43)l-Artikolu 49 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 49
Pubblikazzjoni
Mar-reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jippubblika d-disinn irreġistrat tal-UE fil-Bullettin tad-Disinji tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 73(1)(a).”.
(44)jiddaħħal l-Artikolu 49a li ġej:
“Artikolu 49a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward il-pubblikazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji li għandhom ikunu inklużi fil-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 49. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(45)l-Artikolu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 50
Differiment tal-pubblikazzjoni
1. L-applikant għal disinn irreġistrat tal-UE jista’ jitlob, meta jippreżenta l-applikazzjoni, li l-pubblikazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE tiġi differita għal perjodu ta’ 30 xahar mid-data tal-infilzar tal-applikazzjoni jew, jekk issir talba għall-prijorità, mid-data tal-prijorità.
2. Fuq talba msemmija fil-paragrafu 1, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48, id-disinn irreġistrat tal-UE għandu jiġi rreġistrat, iżda la r-rappreżentazzjoni tad-disinn kif ukoll ebda fajl li jkollu x’jaqsam mal-applikazzjoni ma għandhom, soġġett għall-Artikolu 74(2), ikunu miftuħa għal spezzjoni pubblika.
3. L-Uffiċċju għandu jippubblika fil-Bullettin tad-Disinji tal-UE indikazzjoni ta’ talba msemmija fil-paragrafu 1. L-indikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni li tidentifika lid-detentur tad-dritt tad-disinn irreġistrat, l-isem tar-rappreżentant, jekk ikun hemm, id-data tal-infilzar u tar-reġistrazzjoni, u n-numru tal-fajl tal-applikazzjoni. La r-rappreżentazzjoni tad-disinn u lanqas kwalunkwe dettall li jidentifika l-apparenza tiegħu ma għandhom jiġu ppubblikati.
4. Mal-iskadenza tal-perjodu tad-differiment, jew fi kwalunkwe data aktar bikrija fuq talba tad-detentur tad-dritt, l-Uffiċċju għandu jiftaħ għall-ispezzjoni pubblika l-entrati kollha fir-Reġistru u l-fajl relatat mal-applikazzjoni u għandu jippubblika d-disinn irreġistrat tal-UE fil-Bullettin tad-Disinji tal-UE.
5. Id-detentur tad-dritt jista’ jipprevjeni l-pubblikazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE kif imsemmi fil-paragrafu 4, billi jissottometti talba għaċ-ċediment tad-disinn tal-UE f’konformità mal-Artikolu 51 mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ differiment. Kwalunkwe talba għad-dħul taċ-ċediment fir-Reġistru li ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 51 u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 51a, jew li jiġu ppreżentati wara t-terminu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel sentenza, għandha tiġi miċħuda.
6. Fil-każ ta’ reġistrazzjoni abbażi ta’ applikazzjoni multipla, id-detentur għandu, flimkien mat-talba għal pubblikazzjoni aktar kmieni msemmija fil-paragrafu 4 jew it-talba għal ċediment imsemmija fil-paragrafu 5, jindika b’mod ċar liema mid-disinji li jinsabu fl-applikazzjoni għandhom jiġu ppubblikati qabel jew ċeduti u li għalihom għandu jitkompla d-differiment tal-pubblikazzjoni.
7. Jekk id-detentur ma jikkonformax mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 6, l-Uffiċċju għandu jitlob lid-detentur jirrimedja n-nuqqas f’terminu ta’ żmien speċifikat, li fl-ebda każ ma għandu jiskadi wara l-perjodu ta’ differiment ta’ 30 xahar.
8. In-nuqqas ta’ rimedju tan-nuqqas imsemmi fil-paragrafu 7 fil-limitu ta’ żmien speċifikat għandu jwassal biex it-talba għal pubblikazzjoni bikrija titqies li ma ġietx ippreżentata, jew biex it-talba għal ċediment tiġi miċħuda.
9. Il-ftuħ ta’ proċedimenti legali abbażi ta’ disinn irreġistrat tal-UE matul il-perjodu tad-differiment tal-pubblikazzjoni għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-informazzjoni inkluża fir-Reġistru u fil-fajl li jkollu x’jaqsam mal-applikazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-persuna li kontra tagħha tkun tressqet l-azzjoni.”;
(46)jiddaħħal l-Artikolu 50a li ġej:
“Artikolu 50a
Pubblikazzjoni wara l-perjodu ta’ differiment
L-Uffiċċju għandu, meta jiskadi l-perjodu ta’ differiment imsemmi fl-Artikolu 50 jew, fil-każ ta’ talba għal pubblikazzjoni aktar kmieni, malajr kemm jista’ jkun teknikament possibbli:
(a)jippubblika d-disinn irreġistrat tal-UE fil-Bullettin tad-Disinji tal-UE, bl-indikazzjonijiet stabbiliti fir-regoli adottati skont l-Artikolu 49a, flimkien ma’ indikazzjoni tal-fatt li l-applikazzjoni kien fiha talba għal differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50;
(b)jagħmel disponibbli għall-ispezzjoni pubblika kwalunkwe fajl li għandu x’jaqsam mad-disinn;
(c)jiftaħ għall-ispezzjoni pubblika l-entrati kollha fir-Reġistru, inkluża kwalunkwe entrata miżmuma minn spezzjoni skont l-Artikolu 74(5).”;
(47)jiddaħħal l-Artikolu 50b li ġej:
“Artikolu 50b
Ċertifikati ta’ reġistrazzjoni
Wara l-pubblikazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE, l-Uffiċċju għandu joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. L-Uffiċċju għandu jipprovdi kopji attestati jew mhux attestati taċ-ċertifikat soġġett għall-ħlas ta’ dritt, meta dawk il-kopji jinħarġu b’mezzi li ma humiex elettroniċi.”;
(48)Jiddaħħlu l-Artikoli 50c u 50d li ġejjin:
“Artikolu 50c
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom ikunu inklużi fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 50b, u fil-forma tiegħu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).
Artikolu 50d
Tiġdid
1. Ir-reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE għandha tiġġedded fuq it-talba tad-detentur tad-dritt jew ta’ kwalunkwe persuna awtorizzata espressament mid-detentur tad-dritt, dment li jkunu tħallsu d-drittijiet tat-tiġdid.
2. L-Uffiċċju għandu jinforma lid-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE, u lil kwalunkwe persuna li jkollha dritt reġistrat fir-rigward tad-disinn tal-UE, bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-inqas sitt xhur qabel id-data ta’ tali skadenza. In-nuqqas li tingħata tali informazzjoni ma għandux jinvolvi r-responsabbiltà tal-Uffiċċju u ma jaffettwax l-iskadenza tar-reġistrazzjoni.
3. It-talba għat-tiġdid għandha tintbagħat f’perjodu ta’ sitt xhur qabel l-iskadenza tar-reġistrazzjoni. Id-dritt ta’ tiġdid għandu jitħallas ukoll f’dak il-perjodu. Jekk dan ma jsirx, it-talba tista’ tiġi sottomessa u d-dritt jitħallas fi żmien perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni, dment li jitħallas dritt addizzjonali għall-pagament tardiv tad-dritt għat-tiġdid jew għas-sottomissjoni tardiva tat-talba għat-tiġdid fi żmien dan il-perjodu ulterjuri.
4. It-talba għat-tiġdid imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:
(a)l-isem tal-persuna li qed titlob it-tiġdid;
(b)in-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn tal-UE li għandu jiġġedded;
(c)fil-każ ta’ reġistrazzjoni abbażi ta’ applikazzjoni multipla, indikazzjoni tad-disinji li għalihom jintalab tiġdid.
Jekk jitħallsu d-drittijiet tat-tiġdid, il-ħlas għandu jitqies li jikkostitwixxi talba għal tiġdid dment li jkun fih l-indikazzjonijiet kollha neċessarji biex jiġi stabbilit l-għan tal-pagament.
5. Fil-każ ta’ reġistrazzjoni abbażi ta’ applikazzjoni multipla, meta d-drittijiet mħallsa ma jkunux biżżejjed biex ikopru d-disinji kollha li għalihom jintalab tiġdid, ir-reġistrazzjoni għandha tiġġedded jekk ikun ċar liema disinji huwa maħsub li jkopri l-ammont imħallas. Fin-nuqqas ta’ kriterji oħrajn li jiddeterminaw liema disinji huma maħsuba li jkunu koperti, l-Uffiċċju għandu jittratta d-disinji fl-ordni numeriku li bih jiġu rrappreżentati f’konformità mar-regoli adottati skont l-Artikolu 37a.
6. It-tiġdid għandu jkollu effett mill-jum ta’ wara d-data meta r-reġistrazzjoni eżistenti tiskadi. It-tiġdid għandu jiddaħħal fir-Reġistru.
7. Meta t-talba għat-tiġdid tiġi infilzata fil-perjodi previsti fil-paragrafu 3, iżda l-kundizzjonijiet l-oħrajn li jirregolaw it-tiġdid previsti f’dan l-Artikolu ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant bin-nuqqasijiet identifikati.
8. Meta t-talba għat-tiġdid ma tiġix sottomessa jew tiġi sottomessa wara li jiskadi l-perjodu previst fil-paragrafu 3, jew meta d-drittijiet ma jitħallsux jew jitħallsu biss wara li jkun skada l-perjodu inkwistjoni, jew meta n-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ma jiġux irrimedjati f’dak il-perjodu, l-Uffiċċju għandu jiddetermina li r-reġistrazzjoni skadiet u għandu jinnotifika lid-detentur tad-disinn tal-UE kif xieraq. Meta d-determinazzjoni tkun saret finali, l-Uffiċċju għandu jikkanċella d-disinn mir-Reġistru. Il-kanċellazzjoni għandu jkollha effett mill-jum ta’ wara d-data li fiha tiskadi r-reġistrazzjoni eżistenti. Meta d-drittijiet tat-tiġdid ikunu tħallsu iżda r-reġistrazzjoni ma tiġġeddidx, dawk id-drittijiet għandhom jitħallsu lura.
9. Talba waħda għat-tiġdid tista’ tiġi sottomessa għal żewġ disinji jew aktar dment li d-detentur jew ir-rappreżentant ikun l-istess għad-disinji kollha koperti mit-talba. Id-dritt tat-tiġdid meħtieġ għandu jitħallas fir-rigward ta’ kull disinn li għandu jiġġedded.”;
(49)jiddaħħal l-Artikolu 50e li ġej:
“Artikolu 50e
Tibdil
1. Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE ma għandhiex tinbidel fir-Reġistru matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni jew mat-tiġdid tiegħu ħlief f’dettalji immaterjali.
2. Talba mid-detentur għal tibdil għandha tinkludi r-rappreżentazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE fil-verżjoni mibdula tiegħu.
3. Talba għal tibdil għandha titqies li għadha ma ġietx infilzata sakemm ikun tħallas id-dritt meħtieġ. Jekk id-dritt ma jkunx tħallas jew ma tkunx tħallas bis-sħiħ, l-Uffiċċju għandu jinforma lid-detentur kif xieraq. Tista’ ssir talba waħda għat-tibdil tal-istess element f’żewġ reġistrazzjonijiet jew aktar, dment li d-detentur ikun l-istess għad-disinji kollha. Id-dritt meħtieġ għat-tibdil għandu jitħallas fir-rigward ta’ kull reġistrazzjoni li għandha tinbidel. Jekk ir-rekwiżiti li jirregolaw it-tibdil tar-reġistrazzjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu u l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 50f ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jikkomunika n-nuqqas lid-detentur. Jekk in-nuqqas ma jiġix irrimedjat f’perjodu li għandu jiġi speċifikat mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta t-talba għal tibdil.
4. Il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-tibdil għandha tinkludi rappreżentazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE kif mibdul.”;
(50)jiddaħħal l-Artikolu 50f li ġej:
“Artikolu 50f
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward it-tibdil
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom ikunu inklużi fit-talba għal tibdil imsemmija fl-Artikolu 50e(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(51)jiddaħħal l-Artikolu 50g li ġej:
“Artikolu 50g
Bidla fl-isem jew fl-indirizz
1. Id-detentur ta’ disinn tal-UE għandu jinforma lill-Uffiċċju dwar bidla fl-isem jew fl-indirizz tiegħu, li ma hijiex il-konsegwenza ta’ trasferiment jew ta’ bidla fis-sjieda tad-disinn irreġistrat tal-UE.
2. Tista’ ssir applikazzjoni waħda għall-bidla fl-isem jew fl-indirizz fir-rigward ta’ żewġ reġistrazzjonijiet jew aktar tal-istess detentur.
3. Jekk ir-rekwiżiti għal bidla fl-isem jew fl-indirizz stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 50h ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jikkomunika n-nuqqas lid-detentur tad-disinn tal-UE. Jekk in-nuqqas ma jiġix irrimedjat fit-terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta t-talba.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal bidla fl-isem jew fl-indirizz tar-rappreżentant irreġistrat.
5. L-Uffiċċju għandu jdaħħal id-dettalji msemmija fl-Artikolu 72(3)(a) u (b), fir-Reġistru.
6. Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw għal applikazzjonijiet għal disinji tal-UE. Il-bidla għandha tiddaħħal fil-fajls miżmuma mill-Uffiċċju li jikkonċernaw l-applikazzjoni għal disinn tal-UE.”;
(52)Jiddaħħal l-Artikolu 50h li ġej:
“Artikolu 50h
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-bidla fl-isem jew fl-indirizz
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dettalji li għandhom ikunu inklużi f’talba għal bidla fl-isem jew fl-indirizz skont l-Artikolu 50g(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(53)l-Artikolu 51 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 51
Ċediment
1. Iċ-ċediment ta’ disinn irreġistrat tal-UE għandu jiġi ddikjarat lill-Uffiċċju bil-miktub mid-detentur tad-dritt. Ma għandux ikollu effett qabel ma jiddaħħal fir-Reġistru.
2. Jekk jiġi ċedut disinn irreġistrat tal-UE li jkun soġġett għad-differiment tal-pubblikazzjoni għandu jitqies mill-bidu nett li ma kellux l-effetti speċifikati f’dan ir-Regolament.
3. Ċediment għandu jiġi rreġistrat biss bi ftehim mal-proprjetarju ta’ dritt imdaħħal fir-Reġistru. Jekk liċenzja tkun ġiet irreġistrata, iċ-ċediment għandu jiddaħħal fir-Reġistru biss jekk id-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE jagħti provi li l-liċenzjatarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tiegħu li jċedi. L-entrata taċ-ċediment għandha ssir meta jiskadi l-perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha d-detentur jissodisfa lill-Uffiċċju dwar il-fatt li l-liċenzjatarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni li jċedi, jew qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, malli d-detentur juri li l-liċenzjatarju ta l-kunsens tiegħu.
4. Jekk tkun tressqet kawża quddiem il-qorti jew l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 15 li jkollha x’taqsam mal-intitolament għal disinn irreġistrat tal-UE, l-Uffiċċju ma għandux idaħħal iċ-ċediment fir-Reġistru mingħajr il-qbil tar-rikorrent.
5. Jekk ir-rekwiżiti li jirregolaw iċ-ċediment stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 51a ma jiġux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jikkomunika n-nuqqasijiet lid-dikjarant. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju, l-Uffiċċju ma għandux idaħħal iċ-ċediment fir-Reġistru.”;
(54)jiddaħħal l-Artikolu 51a li ġej:
“Artikolu 51a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward iċ-ċediment
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:
(a)id-dettalji li għandhom ikunu inklużi f’dikjarazzjoni ta’ ċediment skont l-Artikolu 51(1);
(b)it-tip ta’ dokumentazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit il-ftehim ta’ parti terza skont l-Artikolu 51(3) u dak ta’ rikorrent skont l-Artikolu 51(4).
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(55)l-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Soġġetta għall-Artikolu 25(2) sa (5), kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa li tagħmel dan, tista’ tissottometti lill-Uffiċċju applikazzjoni għal dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma għandhiex tkun ammissibbli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata fuq il-merti tagħha, jew mill-Uffiċċju jew permezz ta’ qorti tad-disinji tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 80, u d-deċiżjoni tal-Uffiċċju jew dik tal-qorti tad-disinji tal-UE dwar tali applikazzjoni tkun saret finali.”;
(56)l-Artikolu 53 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 53
Eżami tal-applikazzjoni
1. Jekk l-Uffiċċju jsib li l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija ammissibbli, l-Uffiċċju għandu jeżamina jekk ir-raġunijiet għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 25 jippreġudikawx iż-żamma tad-disinn irreġistrat tal-UE.
2. Meta jeżamina l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Uffiċċju, dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa mill-Uffiċċju stess.
3. Jekk id-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE jitlob dan, applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tinvoka trademark preċedenti tal-UE jew nazzjonali bħala sinjal distintiv skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1)(e), għandu jipprovdi prova tal-użu ġenwin ta’ tali marka f’konformità mal-Artikolu 64(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/1001 u mar-regoli adottati skont l-Artikolu 53a ta’ dan ir-Regolament.
4. Reġistrazzjoni tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiddaħħal fir-Reġistru ladarba din tkun saret finali.
5. L-Uffiċċju jista’ jistieden lill-partijiet sabiex jaslu għal ftehim bonarju.”;
(57)jiddaħħal l-Artikolu 53a li ġej:
“Artikolu 53a
Delega tas-setgħat rigward id-dikjarazzjoni ta’ invalidità
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji tal-proċedura għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn tal-UE kif imsemmi fl-Artikoli 52 u 53, inkluża l-possibbiltà li tiġi eżaminata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala kwistjoni ta’ prijorità meta d-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE ma jikkontestax ir-raġunijiet ta’ invalidità jew tal-eżenzjoni mitluba.”;
(58)l-Artikolu 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 55
Deċiżjonijiet soġġetti għal appell
1. Għandu jsir appell għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 102(a), (b), (c), u (e).
2. L-Artikoli 66 sa 72 tar-Regolament (UE) 2017/1001 għandhom japplikaw għall-appelli ttrattati mill-Bord tal-Appell skont dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.”;
(59)jiddaħħal l-Artikolu 55a li ġej:
“Artikolu 55a
Delega tas-setgħat fir-rigward tal-proċedimenti ta’ appell
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji tal-proċedimenti ta’ appell skont dan ir-Regolament.”;
(60)jitħassru l-Artikoli 56 sa 61;
(61)l-Artikolu 62 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 62
Deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet tal-Uffiċċju
1. Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li huma bbażati fuqhom. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew evidenza li fihom il-partijiet interessati jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Meta jsiru proċedimenti orali quddiem l-Uffiċċju, id-deċiżjoni tista’ tingħata bil-fomm. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-partijiet.
2. Kwalunkwe deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż mill-Uffiċċju għandu jindika d-dipartiment jew id-diviżjoni tal-Uffiċċju kif ukoll l-isem jew l-ismijiet tal-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli. Huma għandhom jiġu ffirmati minn dak l-uffiċjal jew dawk l-uffiċjali, jew, minflok firma, ikollhom siġill stampat jew ittimbrat tal-Uffiċċju. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li mezzi oħrajn ta’ identifikazzjoni tad-dipartiment jew diviżjoni tal-Uffiċċju u l-isem tal-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli, jew identifikazzjoni minbarra siġill jistgħu jintużaw meta d-deċiżjonijiet, il-komunikazzjonijiet jew in-notifiki jiġu trażmessi permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku ta’ komunikazzjoni.
3. Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju li huma miftuħa għall-appell għandhom ikunu akkumpanjati minn komunikazzjoni bil-miktub li tindika li kwalunkwe notifika tal-appell għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-komunikazzjonijiet għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-partijiet għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 66, 67, 68, 71 u 72 tar-Regolament (UE) 2017/1001, li japplikaw ukoll għall-appelli skont dan ir-Regolament skont l-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-partijiet ma jistgħux jinvokaw xi nuqqas min-naħa tal-Uffiċċju li jikkomunika d-disponibbiltà tal-proċedimenti ta’ appell.”;
(62)fl-Artikolu 63, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Fil-proċeduri quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, fil-proċedimenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bl-evidenza u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u bl-eżenzjoni mitluba.”;
(63)l-Artikolu 64 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 64
Proċedimenti orali
1. Jekk l-Uffiċċju jikkunsidra li l-proċedimenti orali jkunu prattiċi, dawn għandhom jinżammu jew fuq l-istanza tal-Uffiċċju jew fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti fil-proċedimenti.
2. Il-proċedimenti orali quddiem l-eżaminaturi u d-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
3. Il-proċedimenti orali, inkluża l-għotja tad-deċiżjoni, quddiem id-Diviżjonijiet tal-Invalidità u l-Bordijiet tal-Appell għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, għajr jekk id-dipartiment li quddiemu jkunu qegħdin isiru l-proċedimenti jiddeċiedi xorta oħra f’każijiet meta l-ammissjoni tal-pubbliku jista’ jkollha żvantaġġi serji u mhux iġġustifikati, b’mod partikolari għal parti fil-proċedimenti.”;
(64)jiddaħħal l-Artikolu 64a li ġej:
“Artikolu 64a
Delega tas-setgħat fir-rigward tal-proċedimenti orali
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-arranġamenti ddettaljati għal proċedimenti orali msemmija fl-Artikolu 64, inklużi l-arranġamenti ddettaljati għall-użu tal-lingwi f’konformità mal-Artikolu 98.”;
(65)l-Artikolu 65 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Il-perjodu ta’ notifika pprovdut f’tali ċitazzjoni għandu jkun tal-inqas ta’ xahar, sakemm il-parti, ix-xhieda jew l-espert ma jaqblux fuq perjodu iqsar.”;
(b)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
“5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-ammonti ta’ spejjeż li għandhom jitħallsu, inklużi dawk bil-quddiem, fir-rigward tal-kostijiet tal-ġbir ta’ evidenza kif imsemmi f’dan l-Artikolu.”;
(66)jiddaħħal l-Artikolu 65a li ġej:
“Artikolu 65a
Delega tas-setgħat rigward il-kumpilazzjoni ta’ evidenza
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-kumpilazzjoni ta’ evidenza msemmija fl-Artikolu 65.”;
(67)l-Artikolu 66 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 66
Notifika
1. L-Uffiċċju għandu, bħala regola, jinnotifika lil dawk ikkonċernati dwar id-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u dwar kwalunkwe avviż jew komunikazzjoni oħra li minnhom jiġi kkalkulat terminu ta’ żmien, jew li dwarhom dawk ikkonċernati għandhom jiġu notifikati skont dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dan ir-Regolament jew ta’ atti adottati skont dan ir-Regolament, jew li tkun ġiet ordnata n-notifika tagħhom mid-Direttur Eżekuttiv.
2. In-notifika għandha ssir b’mezzi elettroniċi. Id-dettalji rigward il-mezzi elettroniċi għandhom jiġu ddeterminati mid-Direttur Eżekuttiv.
3. Meta l-Uffiċċju jara li huwa impossibbli li ssir notifika, din għandha ssir permezz ta’ avviż pubbliku. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina kif għandu jingħata l-avviż pubbliku u jistabbilixxi l-bidu tal-perjodu ta’ xahar li mal-iskadenza tiegħu d-dokument għandu jitqies li jkun ġie nnotifikat.”;
(68)jiddaħħal l-Artikolu 66a li ġej:
“Artikolu 66a
Delega tas-setgħat rigward in-notifika
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-arranġamenti dettaljati għan-notifika msemmija fl-Artikolu 66.”;
(69)jiddaħħlu l-Artikoli 66b u 66c li ġejjin:
“Artikolu 66b
Notifika ta’ telf ta’ drittijiet
Meta l-Uffiċċju jsib li t-telf ta’ kwalunkwe dritt jirriżulta minn dan ir-Regolament jew atti adottati skont dan ir-Regolament, mingħajr ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni, huwa għandu jikkomunika dan lill-persuni kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 66. Il-persuni kkonċernati jistgħu japplikaw għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni fi żmien xahrejn min-notifika tal-komunikazzjoni, jekk iqisu li s-sejba tal-Uffiċċju ma hijiex korretta. L-Uffiċċju għandu jadotta tali deċiżjoni biss meta ma jaqbilx mal-persuni li jkunu qed jitolbuha. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Uffiċċju għandu jemenda s-sejba tiegħu u jinforma lill-persuni li jitolbu d-deċiżjoni f’dan ir-rigward.
Artikolu 66c
Komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju
Il-komunikazzjonijiet indirizzati lill-Uffiċċju għandhom isiru b’mezzi elettroniċi. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw u l-mod u l-kundizzjonijiet tekniċi li bihom għandhom jintużaw tali mezzi elettroniċi.”;
(70)jiddaħħal l-Artikolu 66d li ġej:
“Artikolu 66d
Delega tas-setgħa fir-rigward tal-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tispeċifika r-regoli dwar il-komunikazzjonijiet indirizzati lill-Uffiċċju kif imsemmi fl-Artikolu 66c u l-formoli għal tali komunikazzjoni li għandhom ikunu disponibbli mill-Uffiċċju.”;
(71)jiddaħħal l-Artikolu 66e li ġej:
“Artikolu 66e
Termini ta’ żmien
1. It-termini ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti fil-forma ta’ snin, xhur, ġimgħat, jew jiem. Il-kalkolu għandu jibda mill-jum wara l-jum li fih seħħ l-avveniment rilevanti. Id-durata tat-termini ta’ żmien ma għandhiex tkun ta’ inqas minn xahar u mhux aktar minn sitt xhur, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fi kwalunkwe att adottat skont dan ir-Regolament.
2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina, qabel il-bidu ta’ kull sena kalendarja, il-jiem li fihom l-Uffiċċju ma jkunx miftuħ għall-wasla tad-dokumenti.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina t-tul tal-perjodu ta’ interruzzjoni fil-każ ta’ interruzzjoni reali fil-konnessjoni tal-Uffiċċju ma’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ammessi.
4. F’każ li okkorrenza straordinarja, bħal diżastru naturali jew strajk, tinterrompi jew tinterferixxi komunikazzjoni tajba mill-partijiet fil-proċedimenti lill-Uffiċċju jew viċi-versa, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li għall-partijiet fil-proċedimenti li għandhom ir-residenza jew uffiċċju reġistrat tagħhom fiż-żona ġeografika affettwata mill-okkorrenza eċċezzjonali, jew li jkunu ħatru rappreżentant li għandu post ta’ negozju f’dik iż-żona, il-limiti kollha ta’ żmien li kellhom jiskadu fid-data jew wara d-data li fiha tkun bdiet tali okkorrenza għandhom jiġu estiżi sa data partikolari. Meta jiddetermina dik id-data, id-Direttur Eżekuttiv għandu jivvaluta meta l-okkorrenza eċċezzjonali tasal fi tmiemha. Jekk l-okkorrenza taffettwa s-sede tal-Uffiċċju, tali determinazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv għandha tispeċifika li tapplika fir-rigward tal-partijiet kollha fil-proċedimenti.”;
(72)jiddaħħal l-Artikolu 66f li ġej:
“Artikolu 66f
Delega tas-setgħa rigward il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta’ żmien
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji dwar il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 66e.”;
(73)jiddaħħlu l-Artikoli 66g u 66h li ġejjin:
“Artikolu 66g
Korrezzjoni ta’ żbalji u żvisti evidenti
1. L-Uffiċċju għandu jikkoreġi kwalunkwe żball lingwistiku jew żbalji ta’ traskrizzjoni u żvisti evidenti fid-deċiżjonijiet tiegħu, żbalji fir-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE jew żbalji fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva proprja jew fuq it-talba ta’ parti.
2. Meta d-detentur jitlob il-korrezzjoni ta’ żbalji fir-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni, l-Artikolu 50g għandu japplika mutatis mutandis.
3. Il-korrezzjonijiet ta’ żbalji fir-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE u fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni għandhom jiġu ppubblikati.
Artikolu 66h
Kanċellazzjoni ta’ entrati fir-Reġistru u revoka ta’ deċiżjonijiet
1. Meta l-Uffiċċju jkun daħħal entrata fir-Reġistru jew ikun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju attribwibbli lill-Uffiċċju, dan għandu jiżgura li l-entrata tiġi kkanċellata jew id-deċiżjoni tiġi revokata. Meta jkun hemm parti waħda biss fil-proċedimenti u d-dħul jew l-att jaffettwa d-drittijiet tagħha, il-kanċellazzjoni jew ir-revoka għandhom jiġu ddeterminati anke jekk l-iżball ma jkunx evidenti għall-parti.
2. Kanċellazzjoni jew revoka kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ddeterminata, ex officio jew mat-talba ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedimenti, mid-dipartiment li jkun għamel id-dħul jew li jkun ħa d-deċiżjoni. Il-kanċellazzjoni tad-dħul fir-Reġistru jew ir-revoka tad-deċiżjoni għandhom isiru fi żmien sena mid-data ta’ meta tkun saret l-entrata jew meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet fil-proċedimenti u kwalunkwe proprjetarju ta’ drittijiet għad-Disinn tal-UE inkwistjoni li jiddaħħlu fir-Reġistru. L-Uffiċċju għandu jżomm rekords ta’ kwalunkwe tali kanċellazzjoni jew revoka.
4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jressqu appell skont l-Artikoli 55 u 55a, jew għall-possibbiltà li jiġu kkoreġuti żbalji u żvisti evidenti skont l-Artikolu 66g. Meta jkun tressaq appell kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju li fiha żball, il-proċedimenti tal-appell għandhom isiru mingħajr skop meta l-Uffiċċju jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt tal-appell għandu jiġi rimborżat lill-appellant.”;
(74)jiddaħħal l-Artikolu 66i li ġej:
“Artikolu 66i
Delega tas-setgħa rigward il-kanċellazzjoni ta’ entrati u r-revoka ta’ deċiżjonijiet
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-proċedura għall-kanċellazzjoni ta’ entrata fir-Reġistru jew ir-revoka ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 66h.”;
(75)l-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, ir-raba’ sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:
“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ sottomissjoni tat-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ dritt ta’ tiġdid, l-applikazzjoni għandha tiġi infilzata u l-att imħassar għandu jitlesta fi żmien 12-il xahar mid-data tal-iskadenza tal-perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 50d(3).”;
(b)fil-paragrafu 3, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Jekk tingħata t-talba għal restitutio in integrum, id-dritt għandu jiġi rimborżat.”;
(c)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. In-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 67a ma għandux iwassal għall-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;
(76)jiddaħħlu l-Artikoli 67a u 67b li ġejjin:
“Artikolu 67a
Kontinwazzjoni tal-proċedimenti
1. Applikant għal disinn irreġistrat tal-UE jew id-detentur tiegħu, jew kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju li tkun naqset milli tosserva t-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-Uffiċċju tista’, b’talba, takkwista l-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, dment li fiż-żmien li ssir it-talba, l-att imħolli barra jkun twettaq. It-talba għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti għandha tkun ammissibbli biss jekk din tkun ippreżentata fi żmien xahrejn mill-iskadenza tat-terminu taż-żmien li ma jkunx ġie osservat. It-talba ma għandhiex titqies li ġiet infilzata sakemm id-dritt għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti jkun tħallas.
2. Il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti ma għandhiex tingħata f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ żmien stabbiliti fi:
(a)l-Artikolu 38 u l-Artikoli 41(1), 44(1), 45(3), 50d(3), u l-Artikolu 67(2);
(b)l-Artikolu 68 u l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001 flimkien mal-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament;
(c)il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Id-dipartiment kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-att imħolli barra għandu jiddeċiedi malli ssir it-talba għal kontinwazzjoni.
4. Jekk l-Uffiċċju jaċċetta t-talba għall-kontinwazzjoni, il-konsegwenzi talli ma jkunx ġie osservat it-terminu ta’ żmien għandhom jitqiesu bħala li ma kinux seħħew. Jekk deċiżjoni tkun ittieħdet bejn l-iskadenza ta’ dak it-terminu ta’ żmien u t-talba għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, id-dipartiment kompetenti li għandu jiddeċiedi dwar l-att imħolli barra għandu jirrieżamina d-deċiżjoni u, meta l-ikkompletar tal-att imħolli barra nnifsu huwa biżżejjed, jieħu deċiżjoni differenti. Jekk, wara r-rieżami, l-Uffiċċju jikkonkludi li d-deċiżjoni oriġinali ma jenħtieġx li tinbidel, huwa għandu jikkonferma dik id-deċiżjoni bil-miktub.
5. Jekk l-Uffiċċju jirrifjuta t-talba għal kontinwazzjoni, id-dritt għandu jiġi rimborżat.
Artikolu 67b
Interruzzjoni tal-proċedimenti
1. Il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għandhom jiġu interrotti:
(a)fil-każ tal-mewt jew tal-inkapaċità legali tal-applikant għal, jew tad-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE jew tal-persuna awtorizzata minn liġi nazzjonali sabiex taġixxi għan-nom tal-applikant jew tad-detentur.
(b)fil-każ li l-applikant għal, jew id-detentur ta’, disinn irreġistrat tal-UE, ma jitħalliex, minħabba raġunijiet legali li jirriżultaw minn azzjoni li tittieħed kontra l-proprjetà tiegħu, ikompli l-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju;
(c)fil-każ tal-mewt jew tal-inkapaċità legali tar-rappreżentant ta’ applikant għal, jew id-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE, jew ta’ dak ir-rappreżentant li jkun imwaqqaf, minħabba raġunijiet legali li jirriżultaw mill-azzjoni meħuda kontra l-proprjetà tiegħu, milli jkompli l-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju.
Sa fejn il-mewt jew l-inkapaċità msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ma taffettwax l-awtorizzazzjoni ta’ rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 78, il-proċedimenti għandhom ikunu interrotti biss permezz ta’ applikazzjoni minn tali rappreżentant.
2. Il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jistgħu jitkomplew malli tkun ġiet stabbilita l-identità tal-persuna awtorizzata li tkomplihom jew l-Uffiċċju jkun uża t-tentattivi raġonevoli kollha biex tiġi stabbilita l-identità ta’ tali persuna.”;
(77)jiddaħħal l-Artikolu 67c li ġej:
“Artikolu 67c
Delega tas-setgħa dwar it-tkomplija tal-proċedimenti
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għat-tkomplija tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 67(2).”;
(78)l-Artikolu 68 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 68
Referenza għall-prinċipji ġenerali
Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali f’dan ir-Regolament jew f’atti adottati skont dan ir-Regolament, l-Uffiċċju għandu jqis il-prinċipji ta’ liġi proċedurali rikonoxxuti b’mod ġenerali fl-Istati Membri.”;
(79)fl-Artikolu 69, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Id-drittijiet tal-Uffiċċju għall-ħlas ta’ dritt għandhom jiddekadu wara erba’ snin mit-tmiem tas-sena kalendarja meta jkun dovut id-dritt.
2. Id-drittijiet kontra l-Uffiċċju għar-rimborż tad-drittijiet jew tas-somom ta’ flus imħallsa b’eċċess ta’ dritt għandhom jiddekadu wara erba’ snin mit-tmiem tas-sena kalendarja meta nħoloq id-dritt.”;
(80)l-Artikolu 70 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 70
Tqassim tal-kostijiet
1. Il-parti telliefa fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE jew proċedimenti ta’ appell għandha ġġarrab id-drittijiet imħallsa mill-parti l-oħra għall-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u għal appell. Il-parti telliefa għandha tħallas il-kostijiet kollha magħmula mill-parti l-oħra li jkunu essenzjali għall-proċedimenti, inklużi kostijiet tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza u ta’ remunerazzjoni ta’ rappreżentant skont it-tifsira tal-Artikolu 78(1), fir-rati massimi stabbiliti għal kull kategorija ta’ kostijiet fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 70a.
2. Meta kull parti tirbaħ uħud mis-suġġetti u titlef oħrajn, jew meta r-raġunijiet ta’ ekwità jiddettaw hekk, id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar tqassim ieħor tal-kostijiet minbarra dak stabbilit fil-paragrafu 1.
3. Il-parti li ttemm il-proċedimenti billi tirtira l-applikazzjoni għal disinn tal-UE, l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew l-appell, billi ma ġġeddidx ir-reġistrazzjoni tad-disinn tal-UE, jew billi ċċedi d-disinn irreġistrat tal-UE, għandha tħallas id-drittijiet u l-kostijiet imġarrba mill-parti l-oħra kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2.
4. Meta każ ma jwassalx għal sentenza, il-kostijiet għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tad-Diviżjoni tal-Invalidità jew tal-Bord tal-Appell.
5. Meta l-partijiet jikkonkludu quddiem id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord ta’ l-Appell ftehim dwar l-ispejjeż li jkun differenti minn dak previst fil-paragrafi 1 sa 4, il-korp ikkonċernat għandu jieħu nota ta’ dak il-ftehim.
6. Id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell għandu jiffissa ex officio l-ammont tal-kostijiet li għandhom jitħallsu skont il-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu meta l-kostijiet li għandhom jitħallsu huma limitati għad-drittijiet imħallsa lill-Uffiċċju u l-kostijiet ta’ rappreżentazzjoni. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, ir-reġistru tal-Bord tal-Appell jew tad-Diviżjoni tal-Invalidità għandu jistabbilixxi, fuq talba, l-ammont tal-kostijiet li għandhom jitħallsu. It-talba għandha tkun ammissibbli biss għal perjodu ta’ xahrejn wara d-data li fiha d-deċiżjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni għall-kostijiet li għandhom jiġu stabbiliti ssir finali u għandha tkun akkumpanjata minn kont u evidenza ta’ sostenn. Għall-kostijiet ta’ rappreżentazzjoni skont l-Artikolu 78(1), assigurazzjoni mir-rappreżentant li l-kostijiet iġġarrbu għandha tkun biżżejjed. Għal kostijiet oħrajn, għandu jkun biżżejjed jekk tiġi stabbilita l-plawżibbiltà tagħhom. Meta l-ammont tal-kostijiet ikun stabbilit skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, il-kostijiet tar-rappreżentazzjoni għandhom jingħataw fil-livell stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 70a ta’ dan l-Artikolu u irrispettivament minn jekk fil-fatt iġġarrbux.
7. Id-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tal-kostijiet adottati f’konformità mal-paragrafu 6 għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat u jistgħu jiġu rieżaminati mid-Diviżjoni tal-Invalidità jew mill-Bord tal-Appell fuq talba ppreżentata fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Din ma għandhiex titqies li ġiet infilzata sakemm id-dritt għal rieżami tal-ammont tal-kostijiet ikun tħallas. Id-Diviżjoni tal-Invalidità jew il-Bord tal-Appell, kif ikun il-każ, għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba għal rieżami tad-deċiżjoni dwar l-iffissar tal-kostijiet mingħajr proċedimenti orali.”;
(81)jiddaħħal l-Artikolu 70a li ġej:
“Artikolu 70a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward ir-rati massimi għall-kostijiet
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-rati massimi għall-kostijiet essenzjali għall-proċedimenti u li verament iġġarrbu mill-parti li kellha suċċess kif imsemmi fl-Artikolu 70(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).
Meta tispeċifika r-rati massimi fir-rigward ta’ kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-Kummissjoni għandha tqis id-distanza bejn il-post ta’ residenza jew in-negozju tal-parti, tar-rappreżentant jew tax-xhud jew espert u l-post fejn isiru l-proċedimenti orali, l-istadju proċedurali li fih jiġġarrbu il-kostijiet, u, sa fejn huma kkonċernati il-kostijiet ta’ rappreżentazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 78(1), il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-obbligu li jiġġarrbu il-kostijiet ma jistax jintuża b’mod ħażin minħabba raġunijiet tattiċi mill-parti l-oħra. Barra minn hekk, l-ispejjeż tas-sussistenza għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħrajn tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68*. Il-parti telliefa għandha ġġarrab il-kostijiet għal parti waħda fil-proċedimenti biss u, meta applikabbli, rappreżentant wieħed biss.
* Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1)”;
(82)fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-infurzar għandu jiġi rregolata mir-regoli ta’ proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu titwettaq. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità unika responsabbli għall-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jikkomunika d-dettalji ta’ kuntatt tagħha lill-Uffiċċju, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni. L-ordni għall-infurzar għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni minn dik l-awtorità, bil-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni bħala l-unika formalità.”;
(83)l-Artikolu 72 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 72
Reġistru tad-disinji tal-UE
1. L-Uffiċċju għandu jżomm Reġistru tad-disinji rreġistrati tal-UE li huwa għandu jżomm aġġornat.
2. Ir-Reġistru għandu jkun fih l-entrati li ġejjin relatati mar-reġistrazzjonijiet tad-disinn tal-UE:
(a)id-data tal-infilzar tal-applikazzjoni;
(b)in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni u n-numru tal-fajl ta’ kull disinn individwali inkluż f’applikazzjoni multipla;
(c)id-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni;
(d)l-isem u l-belt u l-pajjiż tal-applikant;
(e)l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant, għajr rappreżentant kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(3);
(f)ir-rappreżentazzjoni tad-disinn;
(g)l-ismijiet tal-prodotti, ippreċeduti min-numri tal-klassijiet u tas-subklassijiet tal-klassifikazzjoni ta’ Locarno;
(h)id-dettalji ta’ talbiet ta’ prijorità skont l-Artikolu 42;
(i)id-dettalji ta’ talbiet ta’ prijorità f’esibizzjoni skont l-Artikolu 44;
(j)iċ-ċitazzjoni tad-disinjatur jew tat-tim tad-disinjaturi skont l-Artikolu 18, jew dikjarazzjoni li d-disinjatur jew it-tim tad-disinjaturi jkunu rrinunzjaw għad-dritt li jiġu ċitati;
(k)il-lingwa li biha l-applikazzjoni ġiet infilzata u t-tieni lingwa li l-applikant indika fl-applikazzjoni tiegħu, skont l-Artikolu 98(3);
(l)id-data tar-reġistrazzjoni tad-disinn fir-Reġistru u n-numru tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 48;
(m)indikazzjoni ta’ kwalunkwe talba għal differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50(3), li tispeċifika d-data ta’ skadenza tal-perjodu ta’ differiment;
(n)indikazzjoni li ġiet infilzata deskrizzjoni skont l-Artikolu 36(3)(a).
3. Ir-Reġistru għandu jkun fih ukoll dawn l-entrati li ġejjin, b’kull waħda jkollha magħha d-data tar-reġistrazzjoni tagħha:
(a)bidliet fl-isem jew fil-belt u fil-pajjiż tad-detentur skont l-Artikolu 50g;
(b)bidliet fl-isem jew fl-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant, għajr rappreżentant kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(3);
(c)meta jinħatar rappreżentant ġdid, l-isem u l-indirizz tan-negozju ta’ dak ir-rappreżentant;
(d)bidliet fl-isem tad-disinjatur jew tat-tim tad-disinjaturi skont l-Artikolu 18;
(e)l-irtirar, l-emendi u l-korrezzjonijiet tad-disinn, skont l-Artikolu 47a u l-korrezzjonijiet tal-iżbalji u tal-iżvisti evidenti skont l-Artikolu 66g;
(f)tibdiliet fid-disinn skont l-Artikolu 50e;
(g)indikazzjoni li l-proċedimenti ta’ intitolament ikunu ġew istitwiti quddiem il-qorti kompetenti skont l-Artikolu 15(5)(a);
(h)id-data u d-dettalji tad-deċiżjoni finali tal-qorti kompetenti jew terminazzjoni oħra tal-proċedimenti skont l-Artikolu 15(5)(b);
(i)bidla fis-sjieda skont l-Artikolu 15(5)(c);
(j)trasferiment skont l-Artikolu 28;
(k)il-ħolqien jew it-trasferiment ta’ dritt in rem skont l-Artikolu 29, u n-natura tad-dritt in rem;
(l)imposta fuq l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 30 u proċedimenti ta’ insolvenza skont l-Artikolu 31;
(m)l-għoti jew it-trasferiment ta’ liċenzja skont l-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 32 u, meta applikabbli, it-tip ta’ liċenzja skont l-Artikolu 32a(3);
(n)it-tiġdid tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50d u d-data minn meta jidħol fis-seħħ dak it-tiġdid;
(o)id-determinazzjoni tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50d(8);
(p)dikjarazzjoni ta’ ċediment mid-detentur skont l-Artikolu 51(1);
(q)id-data tas-sottomissjoni u d-dettalji ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 52, ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 84(5) jew ta’ appell skont l-Artikolu 55;
(r)id-data u d-dettalji tad-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 53, tad-deċiżjoni finali dwar kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 86(3), tad-deċiżjoni finali dwar appell skont l-Artikolu 55, jew ta’ kwalunkwe terminazzjoni oħra ta’ proċedimenti skont dawk l-Artikoli;
(s)il-kanċellazzjoni tar-rappreżentant irreġistrat skont il-paragrafu 2(e);
(t)il-modifika jew il-kanċellazzjoni mir-Reġistru tal-entrati msemmija fil-paragrafu 3(l), (m) u (n).
(u)ir-revoka ta’ deċiżjoni jew entrata fir-Reġistru skont l-Artikolu 66h, meta r-revoka tikkonċerna deċiżjoni jew entrata li tkun ġiet ippubblikata.
4. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li l-punti għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiddaħħlu fir-Reġistru.
5. Ir-Reġistru jista’ jinżamm f’forma elettronika. L-Uffiċċju għandu jiġbor, jorganizza, jagħmel pubbliku u jaħżen il-punti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, inkluża kwalunkwe data personali, għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafu 8. L-Uffiċċju għandu jżomm ir-Reġistru faċilment aċċessibbli għall-ispezzjoni pubblika.
6. Id-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE għandu jiġi nnotifikat bi kwalunkwe bidla fir-Reġistru.
7. L-Uffiċċju għandu, meta l-aċċess għar-Reġistru ma jkunx ristrett skont l-Artikolu 74(5), jipprovdi estratti ċċertifikati jew mhux iċċertifikati mir-Reġistru fuq talba, soġġett għall-ħlas ta’ dritt meta dawk l-estratti jinħarġu għajr b’mezzi elettroniċi.
8. L-ipproċessar tad-data li tirrigwarda l-entrati stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, inkluż kwalunkwe data personali, għandu jsir għall-iskopijiet ta’:
(a)l-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet u/jew ir-reġistrazzjonijiet kif deskritti f’dan ir-Regolament u fi kwalunkwe att adottat skont dan;
(b)iż-żamma ta’ Reġistru pubbliku għal spezzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi ekonomiċi u għall-informazzjoni tagħhom, sabiex tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament u jkunu informati dwar l-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti li jappartjenu għal partijiet terzi;
(c)il-produzzjoni ta’ rapporti u statistika li tippermetti lill-Uffiċċju jottimizza l-operazzjonijiet tiegħu u jtejjeb l-funzjonament tas-sistema għar-reġistrazzjoni tad-disinji tal-UE.
9. Id-data kollha, inklużi d-data personali, fir-rigward tal-entrati fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku u jistgħu jkunu aċċessibbli minn kwalunkwe parti terza ħlief sa fejn dak l-Artikolu 50(2) jipprovdi mod ieħor. L-entrati fir-Reġistru għandhom jinżammu għal perjodu ta’ żmien indefinit.”;
(84)jiddaħħlu l-Artikoli 72a u 72b li ġejjin:
“Artikolu 72a
Bażi tad-data
1. Minbarra l-obbligu li jżomm Reġistru kif stabbilit fl-Artikolu 72, l-Uffiċċju għandu jiġbor u jaħżen f’bażi tad-data elettronika d-dettalji kollha pprovduti mid-detenturi jew kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti skont dan ir-Regolament jew atti adottati skont dan.
2. Il-bażi tad-data elettronika tista’ tinkludi data personali, minbarra dik inkluża fir-Reġistru skont l-Artikolu 72, sa fejn tali data tkun meħtieġa minn dan ir-Regolament jew b’atti adottati skont dan. Il-ġbir, il-ħżin u l-ipproċessar tad-data personali għandhom iservu għall-iskopijiet ta’:
(a)l-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet u/jew ir-reġistrazzjonijiet kif deskritti f’dan ir-Regolament u f’atti adottati skont dan;
(b)l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-proċedimenti rilevanti b’mod aktar faċli u effiċjenti;
(c)il-komunikazzjoni mal-applikanti u ma’ partijiet oħrajn fil-proċedimenti;
(d)it-tfassil ta’ rapporti u statistika li jippermettu lill-Uffiċċju jottimizza l-operazzjonijiet tiegħu u jtejjeb l-funzjonament tas-sistema.
3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-bażi tad-data u l-mod kif il-kontenut tagħha, għajr id-data personali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu iżda inkluż ukoll id-data elenkata fl-Artikolu 72, jista’ jsir disponibbli f’forma li tinqara minn magna, inklużi t-tariffi għal tali aċċess.
4. L-aċċess għad-data personali msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun ristrett u tali data ma għandhiex tkun pubblikament disponibbli sakemm il-parti kkonċernata ma tkunx tat il-kunsens espress tagħha.
5. Id-data kollha għandha tinżamm b’mod indefinit. Madankollu, il-parti kkonċernata tista’ titlob it-tneħħija ta’ kwalunkwe data personali mill-bażi tad-data wara 18-il xahar mill-iskadenza tad-disinn irreġistrat tal-UE jew l-għeluq tal-proċedura inter partes rilevanti. Il-parti kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb il-korrezzjoni ta’ data mhux preċiża jew żbaljata fi kwalunkwe ħin.
Artikolu 72b
Aċċess online għad-deċiżjonijiet
1. Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju dwar id-disinji rreġistrati tal-UE għandhom isiru disponibbli online għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-pubbliku ġenerali. Kwalunkwe parti fil-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tista’ titlob it-tneħħija ta’ kwalunkwe data personali inkluża fid-deċiżjoni.
2. L-Uffiċċju jista’ jipprovdi aċċess online għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali u tal-Unjoni relatati mal-kompiti tiegħu sabiex iqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali u jippromwovi l-konverġenza tal-prattiki. L-Uffiċċju għandu jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-pubblikazzjoni inizjali fir-rigward tad-data personali.”;
(85)l-Artikolu 73 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 73
Pubblikazzjonijiet perjodiċi
1. L-Uffiċċju għandu jippubblika perjodikament:
(a)Bulettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea li jkun fih il-pubblikazzjonijiet tal-entrati magħmula fir-Reġistru, kif ukoll dettalji oħrajn dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ disinji tal-UE li l-pubblikazzjoni tagħhom tkun meħtieġa skont dan ir-Regolament jew permezz ta’ atti adottati skont dan;
(b)Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju li jkun fih notifiki u informazzjoni ta’ karattru ġenerali maħruġa mid-Direttur Eżekuttiv, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għal dan ir-Regolament jew għall-implimentazzjoni tiegħu.
Il-pubblikazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi.
2. Il-Bulettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat b’mod u bi frekwenza li għandhom jiġu ddeterminati mid-Direttur Eżekuttiv.
3. Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju għandu jiġi ppubblikat bil-lingwi tal-Uffiċċju. Madankollu, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li ċerti oġġetti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.”;
(86)jiddaħħal l-Artikolu 73a li ġej:
“Artikolu 73a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet perjodiċi
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:
(a)id-data li għandha tittieħed bħala d-data ta’ pubblikazzjoni fil-Bulettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea;
(b)il-mod kif jiġu ppubblikati l-entrati dwar ir-reġistrazzjoni ta’ disinn li ma jkunx fihom tibdiliet meta mqabbla mal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni;
(c)l-għamliet li fihom edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(87)l-Artikolu 74 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Meta l-fajls jiġu spezzjonati skont il-paragrafu 2 jew 3, il-partijiet li ġejjin tal-fajl għandhom jiġu esklużi mill-ispezzjoni:
(a)dokumenti relatati mal-esklużjoni jew mal-oġġezzjoni skont l-Artikolu 169 tar-Regolament (UE) 2017/1001;
(b)abbozzi ta’ deċiżjonijiet u opinjonijiet, u d-dokumenti l-oħrajn interni użati għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet u opinjonijiet;
(c)partijiet mill-fajl li l-parti kkonċernata wriet interess speċjali li żżommhom kunfidenzjali qabel ma saret it-talba għal spezzjoni tal-fajls, sakemm l-ispezzjoni ta’ tali parti tal-fajl hija ġġustifikata minn interessi leġittimi prevalenti tal-parti li titlob l-ispezzjoni.”
(b)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
“5. Meta r-reġistrazzjoni tkun soġġetta għal differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50(1), l-aċċess għar-Reġistru għal persuni għajr id-detentur għandu jkun limitat għall-isem tad-detentur, l-isem ta’ kwalunkwe rappreżentant, id-data tal-infilzar u tar-reġistrazzjoni, in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni u l-indikazzjoni li l-pubblikazzjoni hija differita. F’tali każijiet, l-estratti ċċertifikati jew mhux iċċertifikati mir-reġistru għandhom jinkludu biss l-isem tad-detentur, l-isem ta’ kwalunkwe rappreżentant, id-data tal-infilzar u r-reġistrazzjoni, in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni u l-indikazzjoni li l-pubblikazzjoni hija differita, ħlief meta t-talba għal estratti tkun saret mid-detentur jew mir-rappreżentant tiegħu.”;
(88)jiddaħħlu l-Artikoli 74a, 74b u 74c li ġejjin:
“Artikolu 74a
Proċeduri għall-ispezzjoni tal-fajls
1. L-ispezzjoni tal-fajls ta’ disinji rreġistrati tal-UE għandha tkun tad-dokument oriġinali, jew ta’ kopji tiegħu, jew ta’ mezzi tekniċi ta’ ħżin jekk il-fajls jinħażnu b’dak il-mod. It-talba għal spezzjoni tal-fajls ma għandhiex tkun meqjusa li saret qabel ikun tħallas id-dritt meħtieġ. Ma għandu jitħallas l-ebda dritt jekk l-ispezzjoni ta’ mezzi tekniċi ta’ ħżin ssir online. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mezzi ta’ spezzjoni.
2. Meta t-talba għall-ispezzjoni tal-fajls tkun relatata ma’ applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE jew ma’ disinn irreġistrat tal-UE li jkun ġie soġġett għal differiment ta’ pubblikazzjoni u li jkun ġie ċedut qabel jew fid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ differiment, it-talba għandu jkun fiha evidenza li:
(a)l-applikant għad-disinn tal-UE jew id-detentur tiegħu ta l-kunsens għall-ispezzjoni; jew
(b)il-persuna li titlob l-ispezzjoni tkun stabbiliet interess leġittimu fl-ispezzjoni tal-fajl.
3. L-ispezzjoni tal-fajls għandha ssir fil-bini tal-Uffiċċju. Fuq talba, l-ispezzjoni tal-fajls għandha ssir bl-użu ta’ kopji ta’ dokumenti fil-fajl. Il-ħruġ ta’ tali kopji għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li jitħallas dritt. L-Uffiċċju għandu joħroġ ukoll, fuq talba, kopji attestati jew mhux attestati tal-applikazzjoni għal disinn tal-UE bi ħlas ta’ dritt.
Artikolu 74b
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tkun tinsab fil-fajls
Soġġett għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 74 ta’ dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista’, fuq talba, jikkomunika informazzjoni minn kwalunkwe fajl ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ applikazzjoni għal disinn tal-UE jew ma’ disinn irreġistrat tal-UE, soġġett għall-ħlas ta’ dritt. Madankollu, jekk l-Uffiċċju jsib li huwa xieraq minħabba l-kwantità ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, dan jista’ jirrikjedi li l-persuna li titlob l-ispezzjoni tispezzjona l-fajl in situ fil-bini tal-Uffiċċju.
Artikolu 74c
Żamma tal-fajls
1. L-Uffiċċju għandu jżomm il-fajls ta’ kwalunkwe proċedura relatata mal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE u mad-disinji rreġistrati tal-UE. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina f’liema forma għandhom jinżammu dawk il-fajls.
2. Meta l-fajls jinżammu f’format elettroniku, il-fajls elettroniċi, jew il-kopji back-up tagħhom, għandhom jinżammu b’mod indefinittiv. Id-dokumenti oriġinali ppreżentati minn partijiet fil-proċedimenti, u li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-fajls elettroniċi, għandhom jintremew wara perjodu minn meta jaslu fl-Uffiċċju, li għandu jiġi stabbilit mid-Direttur Eżekuttiv.
3. Meta, u sa fejn, il-fajls jew partijiet mill-fajls jinżammu fi kwalunkwe forma għajr b’mod elettroniku, id-dokumenti jew l-elementi ta’ evidenza li jikkostitwixxu parti minn tali fajls għandhom jinżammu għal tal-inqas ħames snin mill-aħħar tas-sena li fiha:
(a)l-applikazzjoni tiġi rrifjutata jew irtirata;
(b)ir-reġistrazzjoni tad-disinn tal-UE tiskadi b’mod definittiv;
(c)iċ-ċediment tad-disinn irreġistrat tal-UE jiddaħħal fir-Reġistru skont l-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament;
(d)id-disinn irreġistrat tal-UE jitneħħa definittivament mir-Reġistru.”;
(89)l-Artikolu 75 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 75
Kooperazzjoni amministrattiva
1. Sakemm dan ir-Regolament jew il-liġijiet nazzjonali ma jistabbilixxux mod ieħor, l-Uffiċċju u l-qrati jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom fuq talba jassistu lil xulxin billi jikkomunikaw informazzjoni jew billi jiftħu l-fajls għall-ispezzjoni. Meta l-Uffiċċju jiftaħ il-files għall-ispezzjoni mill-qrati, l-Uffiċċji tal-Prosekuturi Pubbliċi jew l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali, l-ispezzjoni ma għandhiex tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 74.
2. L-Uffiċċju ma għandux jitlob drittijiet għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew il-ftuħ ta’ fajls għall-ispezzjoni.”;
(90)jiddaħħal l-Artikolu 75a li ġej:
“Artikolu 75a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet tal-Istati Membri u għall-ftuħ ta’ fajls għall-ispezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 75, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet li għalihom hija soġġetta l-ispezzjoni ta’ fajls relatati ma’ applikazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet ta’ disinn tal-UE, skont l-Artikolu 74, meta dawn jinfetħu għal partijiet terzi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(91)l-Artikolu 76 jitħassar;
(92)l-Artikolu 77 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 77
Prinċipji ġenerali tar-rappreżentazzjoni
1. Soġġetta għall-paragrafu 2, l-ebda persuna ma għandha tkun imġiegħla li tiġi rrappreżentata quddiem l-Uffiċċju.
2. Mingħajr preġudizzju għat-tieni sentenza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li la għandhom id-domiċilju tagħhom u lanqas il-post prinċipali tagħhom ta’ negozju, jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv, fiż-ŻEE, għandhom jiġu rappreżentati quddiem l-Uffiċċju f’konformità mal-Artikolu 78(1) fil-proċedimenti kollha previsti minn dan ir-Regolament, ħlief għall-infilzar ta’ applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE.
3. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post tad-domiċilju tagħhom jew il-post prinċipali tagħhom ta’ negozju jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fiż-ŻEE jistgħu jkunu rrappreżentati quddiem l-Uffiċċju minn impjegat. Impjegat ta’ persuna ġuridika li għaliha japplika dan il-paragrafu jista’ wkoll jirrappreżenta persuni ġuridiċi oħrajn li għandhom konnessjonijiet ekonomiċi mal-ewwel persuna ġuridika, anke jekk dawk il-persuni ġuridiċi oħrajn ma għandhom la domiċilju, la post prinċipali ta’ negozju, u lanqas stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali fiż-ŻEE. L-impjegati li jirrappreżentaw persuni, skont it-tifsira ta’ dan il-paragrafu, għandhom, fuq talba tal-Uffiċċju, jew, meta jkun xieraq, fuq talba tal-parti fil-proċedimenti, jipprovdu lill-Uffiċċju b’awtorizzazzjoni ffirmata biex tiddaħħal fil-fajls.
4. Meta jkun hemm aktar minn applikant wieħed jew aktar minn parti terza waħda jaġixxu flimkien, għandu jinħatar rappreżentant komuni.”;
(93)l-Artikolu 78 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 1 sa 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Ir-rappreżentazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju skont dan ir-Regolament tista’ ssir biss minn dawn li ġejjin:
(a)prattikant tal-liġi kkwalifikat f’wieħed mill-Istati Membri taż-ŻEE u li jkollu l-post tan-negozju tiegħu fiż-ŻEE, sa fejn u sakemm ikun intitolat, f’dak l-Istat Membru, li jaġixxi bħala rappreżentant fil-materji tal-proprjetà industrijali;
(b)rappreżentanti professjonali li isimhom jidher fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 120(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001;
(c)rappreżentanti professjonali li isimhom ikun jidher fil-lista speċjali tar-rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn imsemmija fil-paragrafu 4.
2. Il-persuni msemmija fil-paragrafi 1(c) għandhom ikunu intitolati biss li jirrappreżentaw terzi persuni fil-proċedimenti rigward il-materji tad-disinn quddiem l-Uffiċċju.
3. Ir-rappreżentanti li jaġixxu quddiem l-Uffiċċju għandhom, fuq talba mill-Uffiċċju jew, meta jkun xieraq, mill-parti l-oħra fil-proċedimenti, jipprovdu lill-Uffiċċju b’awtorizzazzjoni ffirmata biex tiddaħħal fil-fajls.
4. L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi u jżomm lista speċjali ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn (il-“lista ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn”). Kwalunkwe persuna fiżika li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin tista’ tiġi inkluża f’dik il-lista:
(a)tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri taż-ŻEE;
(b)għandha l-post tan-negozju jew tal-impjieg tagħha fiż-ŻEE;
(c)tkun intitolata li tirrappreżenta persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-materji tad-disinn quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru taż-ŻEE.
Meta, l-intitolament imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma jkunx soġġett għar-rekwiżit ta’ kwalifiki professjonali speċjali, il-persuni li japplikaw sabiex jitniżżlu fil-lista u li jaġixxu fil-materji tad-disinn quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali għandhom ikunu għamlu dak ix-xogħol abitwalment għal minimu ta’ ħames snin. Madankollu, il-persuni li l-kwalifiki professjonali tagħhom sabiex jirrappreżentaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-materji tad-disinn quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali jkunu rikonoxxuti uffiċjalment f’konformità mar-regolamenti stabbiliti mill-Istat ikkonċernat, ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu eżerċitaw il-professjoni.
5. L-entrata fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn għandha ssir fuq talba, akkumpanjata minn ċertifikat mogħti mill-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew mill-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istat Membru kkonċernat, li jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 huma ssodisfati. L-entrati fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.
6. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jagħti eżenzjoni minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 4(a) fil-każ ta’ professjonisti kwalifikati ħafna, dment li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4(b) u (c) huma ssodisfati;
(b)ir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, jekk il-persuna li tapplika biex tiddaħħal fil-lista tagħti prova li hija tkun akkwistat il-kwalifika meħtieġa b’mod ieħor.”;
(b)il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“7. Persuna tista’ titneħħa mil-lista ta’ rappreżentanti professjonali fi kwistjonijiet ta’ disinn fuq talba tal-persuna jew meta dik il-persuna ma tkunx għadha f’kapaċità li taġixxi bħala rappreżentant professjonali. L-emendi għal-lista ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.”;
(c)jiżdied il-paragrafu li ġej:
“8. Ir-rappreżentanti li jaġixxu quddiem l-Uffiċċju għandhom jiddaħħlu fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 72a u jiksbu numru ta’ identifikazzjoni. L-Uffiċċju jista’ jirrikjedi lir-rappreżentant jagħti prova tan-natura reali u effettiva tal-istabbiliment jew tal-impjieg tiegħu fi kwalunkwe wieħed mill-indirizzi identifikati. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina r-rekwiżiti formali għall-kisba ta’ numru ta’ identifikazzjoni, b’mod partikolari għall-assoċjazzjonijiet tar-rappreżentanti, u għall-entrati tar-rappreżentanti fil-bażi tad-data.”;
(94)jiddaħħal l-Artikolu 78a li ġej:
“Artikolu 78a
Delega tas-setgħat rigward ir-rappreżentanza professjonali
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 208 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika:
(a)il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-ħatra ta’ rappreżentant komuni kif imsemmi fl-Artikolu 77(4);
(b)il-kundizzjonijiet li taħthom l-impjegati msemmija fl-Artikolu 77(3) u r-rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 78(1) għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni ffirmata mal-Uffiċċju sabiex ikunu jistgħu jwettqu rappreżentazzjoni, u l-kontenut ta’ dik l-awtorizzazzjoni;
(c)iċ-ċirkostanzi li taħthom persuna tista’ titneħħa mil-lista ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn imsemmija fl-Artikolu 78(7).”;
(95)l-Artikolu 79 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 79
Applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni dwar ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali
1. Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw id-disinji tal-UE u l-applikazzjonijiet għal disinji rreġistrati tal-UE, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultanji u suċċessivi abbażi ta’ disinji tal-UE u disinji nazzjonali.
2. F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 81:
(a)l-Artikoli 4 u 6, l-Artikolu 7, il-punti 1, 2, 3 u 5, u l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* ma għandhomx japplikaw;
(b)l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandhom japplikaw soġġetti għal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 82(4) ta’ dan ir-Regolament;
(c)id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 li huma applikabbli għal persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom japplikaw ukoll għal persuni li ma għandhom domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.
3. Referenzi f’dan ir-Regolament għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandhom jinkludu, meta xieraq, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali li sar fid-19 ta’ Ottubru 2005.
*Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).”;
(96)fl-Artikolu 80, il-paragrafu 5 jitħassar;
(97)l-Artikolu 82 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 79, il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih ikollu domiċilju l-konvenut jew, jekk il-konvenut ma jkollu domiċilju fl-ebda wieħed mill-Istati Membri, fi kwalunkwe Stat Membru li fih il-konvenut ikollu stabbiliment.”;
(a)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3:
(a)l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu japplika jekk il-partijiet jaqblu li qorti tad-disinji tal-UE differenti għandu jkollha ġuriżdizzjoni;
(b)l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu japplika jekk il-konvenut jidher quddiem qorti tad-disinji tal-UE differenti.”;
(98)fl-Artikolu 84, jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:
“5. Il-qorti tad-disinji tal-UE li permezz tagħha tkun ġiet ippreżentata kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE ma għandhiex tipproċedi b’eżami tal-kontrotalba, sakemm jew il-parti interessata jew il-qorti tkun infurmat lill-Uffiċċju bid-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba. L-Uffiċċju għandu jirreġistra dik l-informazzjoni fir-Reġistru f’konformità mal-Artikolu 72(3)(q). Jekk applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn irreġistrat tal-UE tkun diġà ġiet infilzata quddiem l-Uffiċċju qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-kontrotalba, il-qorti għandha tkun infurmata b’dan mill-Uffiċċju u twaqqaf il-proċedimenti f’konformità mal-Artikolu 91(1) sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tkun finali, jew tiġi rtirata l-applikazzjoni.
6. Hija u tisma’ kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità, il-qorti tad-disinji tal-UE tista’, fuq l-applikazzjoni mid-detentur tad-dritt tad-disinn irreġistrat tal-UE u wara li tkun semgħet lill-partijiet l-oħrajn, twaqqaf il-proċedimenti u titlob lill-konvenut jissottometti applikazzjoni għal dikjarazzjoni tal-invalidità lill-Uffiċċju fit-terminu ta’ żmien li l-qorti għandha tistabbilixxi. Jekk l-applikazzjoni ma tiġix preżentata fit-terminu ta’ żmien, il-proċedimenti għandhom jitkomplew; il-kontrotalba għandha titqies li ġiet irtirata. għandu japplika l-Artikolu 91(3).”;
(99)l-Artikolu 86 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 86
Sentenzi ta’ invalidità
1. Meta fi proċediment quddiem qorti tad-disinji tal-UE d-disinn tal-UE jkun tressaq permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità:
(a)jekk xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tinstab li tippreġudika ż-żamma tad-disinn tal-UE, il-qorti għandha tiddikjara d-disinn tal-UE invalidu;
(b)jekk l-ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 25 ma tinstab li tippreġudika ż-żamma tad-disinn tal-UE, il-qorti għandha tirrifjuta l-kontrotalba.
2. Qorti tad-disinji tal-UE għandha tirrifjuta kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE jekk deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju li tkun relatata mal-istess suġġett u l-istess kawża u li tkun tinvolvi lill-istess partijiet tkun diġà saret finali.
3. Meta qorti tad-disinji tal-UE tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-Uffiċċju mingħajr dewmien, jew mill-qorti jew minn kwalunkwe parti fil-proċedimenti nazzjonali. L-Uffiċċju jew kwalunkwe parti interessata oħra tista’ titlob informazzjoni dwar tali sentenza. L-Uffiċċju għandu jdaħħal is-sentenza fir-Reġistru f’konformità mal-Artikolu 72(3)(r).”;
(100)fl-Artikolu 88, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Fil-kwistjonijiet kollha mhux koperti minn dan ir-Regolament, qorti tad-disinn tal-UE għandha tapplika l-liġi nazzjonali applikabbli.”;
(101)l-Artikolu 89 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 89
Sanzjonijiet fil-kawżi dwar il-ksur tal-liġi
1. Meta qorti tad-disinji tal-UE ssib li l-konvenut għamel ksur jew hedded li jagħmel ksur ta’ disinn tal-UE, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu marru kontra jew li jmorru kontra d-disinn tal-UE. Għandha tieħu wkoll tali miżuri f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha peress li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.
2. Il-qorti tad-disinji tal-UE tista’ wkoll tapplika miżuri jew ordnijiet disponibbli skont il-liġi applikabbli li jkun jidhrilha xieraq fiċ-ċirkostanzi tal-każ.”;
(102)fl-Artikolu 90, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. Qorti tad-disinji tal-UE li għandha ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tipprovdi miżuri proviżjonali, inklużi miżuri protettivi li, soġġetti għal kwalunkwe proċedura meħtieġa għar-rikonoxximent u l-infurzar skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, huma applikabbli fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru. Ebda qorti oħra ma għandu jkollha tali ġuriżdizzjoni.”;
(103)l-Artikolu 93 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 93
Dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġuriżdizzjoni ta’ qrati nazzjonali oħrajn għajr il-qrati tad-disinji tal-UE
1. Fi ħdan l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 79(1), il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ ta’ azzjonijiet relatati ma’ dritt ta’ disinn nazzjonali f’dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni għal azzjonijiet relatati ma’ disinji tal-UE għajr l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 81.
2. Il-kawżi li jkollhom x’jaqsmu ma’ disinn tal-UE, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 81, li fuqhom l-ebda qorti ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 79(1) u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinstemgħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih l-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu.”;
(104)fl-Artikolu 96, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Disinn protett bħala disinn tal-UE għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni bid-drittijiet tal-awtur mid-data li fiha nħoloq jew ġie stabbilit id-disinn fi kwalunkwe forma, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur.”;
(105)l-Artikolu 97 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 97
Applikabbiltà tar-Regolament (UE) 2017/1001
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan it-Titolu, l-Artikoli 142 sa 146, l-Artikoli 148 sa 158, l-Artikolu 162, u l-Artikoli 165 sa 177 tar-Regolament (UE) 2017/1001 għandhom japplikaw għall-Uffiċċju fir-rigward tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament.”;
(106)l-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:
“4a. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4:
(a)kwalunkwe applikazzjoni jew dikjarazzjoni li tkun relatata ma’ applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE tista’ tiġi ppreżentata bil-lingwa li tintuża għall-infilzar tal-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE jew bit-tieni lingwa indikata mill-applikant f’dik l-applikazzjoni;
(b)kull applikazzjoni jew dikjarazzjoni relatata ma’ disinn irreġistrat tal-UE għajr applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 52 jew dikjarazzjoni ta’ ċediment skont l-Artikolu 51 tista’ tiġi ppreżentata b’waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju.
Madankollu, meta tintuża kwalunkwe waħda mill-formoli pprovduti mill-Uffiċċju kif imsemmi fl-Artikolu 66d, tali formoli jistgħu jiġu mimlija bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni, dment li l-formola tiġi kompletata b’waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju, fejn jidħlu l-elementi testwali.”;
(b)jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:
“6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 5, u sakemm ma jkunx previst mod ieħor, fi proċeduri bil-miktub quddiem l-Uffiċċju parti tista’ tuża kwalunkwe lingwa tal-Uffiċċju. Jekk il-lingwa magħżula ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, il-parti għandha tipprovdi traduzzjoni b’dik il-lingwa fi żmien xahar mid-data tas-sottomissjoni tad-dokument oriġinali. Meta l-applikant għal disinn irreġistrat tal-UE jkun l-uniku parti fil-proċedimenti li jseħħu quddiem l-Uffiċċju u l-lingwa li tintuża għall-infilzar tal-applikazzjoni għad-disinn irreġistrat tal-UE ma tkunx waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju, t-traduzzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll fit-tieni lingwa indikata mill-applikant fl-applikazzjoni.
7. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mod li bih għandhom jiġu ċċertifikati t-traduzzjonijiet.”;
(107)jiddaħħal l-Artikolu 98a li ġej:
“Artikolu 98a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni rigward il-ħtieġa u l-istandards tat-traduzzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:
(a) il-punt sa fejn id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jintużaw fi proċedimenti bil-miktub quddiem l-Uffiċċju jistgħu jiġu ppreżentati bi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni, u l-ħtieġa li tiġi pprovduta traduzzjoni;
(b) l-istandards meħtieġa tat-traduzzjonijiet li jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(108)l-Artikolu 99 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 99
Pubblikazzjoni u entrati fir-Reġistru
1. L-informazzjoni kollha li l-pubblikazzjoni tagħha hija stabbilita b’dan ir-Regolament jew b’att adottat skont dan ir-Regolament għandha tiġi ppubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
2. L-entrati kollha fir-Reġistru għandhom isiru bil-lingwi uffiċjali kollha tal- Unjoni.
3. Fil-każijiet ta’ dubju, it-test awtentiku għandu jkun dak bil-lingwa tal-Uffiċċju li biha tkun ġiet infilzata l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE. Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet infilzata b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma hijiex waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju, it-test bit-tieni lingwa indikata mill-applikant għandu jitqies bħala awtentiku.”;
(109)l-Artikolu 100 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 100
Setgħat supplimentari tad-Direttur Eżekuttiv
Minbarra s-setgħat mogħtija lid-Direttur Eżekuttiv mill-Artikolu 157(4)(o), tar-Regolament (UE) 2017/1001, id-Direttur Eżekuttiv għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija skont l-Artikolu 36(5), l-Artikolu 37(1), l-Artikolu 41(5), l-Artikolu 42(2), l-Artikolu 62(2), l-Artikolu 65(5), l-Artikoli 66, 66c, 66e, l-Artikolu 72(4), l-Artikolu 72a(3), l-Artikolu 73, l-Artikolu 74a(1), l-Artikoli 74c, 78, l-Artikolu 98(7), l-Artikolu -106aa, l-Artikolu -106ab(1), l-Artikoli -106ac u -106ad f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti adottati skont dan ir-Regolament.”;
(110)l-Artikolu 101 jitħassar;
(111)l-Artikoli 102, 103 u 104 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 102
Kompetenza
Sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet rigward il-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu kompetenti dawn li ġejjin:
(a)l-eżaminaturi;
(b)id-Dipartiment inkarigat bir-Reġistru;
(c)id-Diviżjonijiet tal-Invalidità;
(d)il-Bordijiet tal-Appell;
(e)kwalunkwe unità jew persuna oħra maħtura mid-Direttur Eżekuttiv għal dak il-għan.
Artikolu 103
Eżaminaturi
L-eżaminaturi għandhom ikunu responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet f’isem l-Uffiċċju b’rabta ma’ applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE.
Artikolu 104
Id-Dipartiment inkarigat bir-Reġistru
1. Minbarra s-setgħat mogħtija lilu mir-Regolament (UE) 2017/1001, id-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru għandu jkun responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-entrati fir-Reġistru skont dan ir-Regolament u deċiżjonijiet oħrajn meħtieġa minn dan ir-Regolament li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-eżaminaturi jew tad-Diviżjoni tal-Invalidità.
2. Id-Dipartiment inkarigat mir-Reġistru għandu jkun responsabbli wkoll miż-żamma tal-lista ta’ rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn.”;
(112)fl-Artikolu 105, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3. Id-deċiżjonijiet relatati mal-kostijiet jew mal-proċeduri għandhom jittieħdu minn membru uniku tad-Diviżjoni tal-Invalidità.”;
(113)għandu jiddaħħal l-Artikolu 105a li ġej:
“Artikolu 105a
Għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda minn membru uniku
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw it-tipi eżatti ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu minn membru uniku kif imsemmi fl-Artikolu 105(3). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(114)l-Artikolu 106 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 106
Bordijiet tal-Appell
Minbarra s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) 2017/1001, il-Bord tal-Appell għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi dwar l-appelli tad-deċiżjonijiet tal-istanzi tal-Uffiċċju msemmija fl-Artikolu 102(a), (b) u (c), u, meta xieraq, l-Artikolu 102 (e), b’rabta mal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;
(115)jiddaħħal l-Artikolu -106a li ġej:
“Artikolu -106a
Delega tas-setgħa fir-rigward tal-Bord tal-Appell
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 109a li jispeċifikaw id-dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell fi proċedimenti relatati ma’ disinji skont dan ir-Regolament meta tali proċedimenti jkunu jirrikjedu organizzazzjoni differenti minn dik stabbilita fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 168 tar-Regolament (UE) 2017/1001.”;
(116)it-Taqsima 3 li ġejja tiżdied fit-Titolu XI:
“Taqsima 3
Drittijiet u l-ħlas tagħhom
Artikolu -106aa
Drittijiet u imposti u data skedata
1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi l-ammont li għandu jintalab għal kwalunkwe servizz mogħti mill-Uffiċċju minbarra dawk stabbiliti fl-Anness, kif ukoll l-ammont li għandu jintalab għall-pubblikazzjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju. L-ammonti tal-imposti għandhom ikunu stabbiliti fl-euro u għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju. L-ammont ta’ kull imposta ma għandux jeċċedi dak li huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-kostijiet tas-servizz speċifiku mogħti mill-Uffiċċju.
2. Id-drittijiet u l-imposti li fir-rigward tagħhom ma hijiex speċifikata d-data skedata f’dan ir-Regolament għandhom ikunu dovuti fid-data li tasal it-talba għas-servizz li għalih id-dritt jew l-imposta tkun iġġarbet.
Bil-kunsens tal-Kumitat tal-Baġit, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina liema mis-servizzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-ħlas bil-quddiem tad-drittijiet jew tal-imposti korrispondenti.
Artikolu -106ab
Ħlasijiet ta’ drittijiet u imposti
1. Id-drittijiet u l-imposti dovuti lill-Uffiċċju għandhom jitħallsu bil-metodi ta’ pagament iddeterminati mid-Direttur Eżekuttiv bil-kunsens tal-Kumitat tal-Baġit.
Id-determinazzjonijiet li jsiru skont l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju. Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru bl-euro.
2. Il-ħlasijiet permezz ta’ mezzi ta’ ħlas għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li ma jkunux saru u l-ammont li jkun tħallas għandu jiġi rimborżat.
3. Il-ħlasijiet għandu jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex l-Uffiċċju jkun jista’ jistabbilixxi immedjatament l-iskop tal-ħlas.
4. Jekk l-għan tal-ħlas imsemmi fil-paragrafu 2 ma jkunx jista’ jiġi stabbilit immedjatament, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-ħlas sabiex tinfurmah bil-miktub b’dan il-għan, f’perjodu partikolari. Jekk il-persuna ma tikkonformax mat-talba f’dak il-perjodu, il-ħlas għandu jitqies li ma jkunx sar u l-ammont li jkun tħallas għandu jitħallas lura.
Artikolu -106ac
Data meqjusa tal-ħlas
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi d-data li fiha għandhom jitqiesu li saru l-ħlasijiet.
Artikolu -106ad
Ħlasijiet insuffiċjenti u rimborż ta’ ammonti insinifikanti
1. Terminu ta’ żmien għall-ħlas għandu jitqies li ġie osservat biss jekk l-ammont kollu tad-dritt jew tal-imposta jkun tħallas fiż-żmien dovut. Jekk id-dritt ma jitħallasx kollu, l-ammont li jkun tħallas għandu jiġi rimborżat wara li l-perjodu għall-ħlas ikun għalaq.
2. L-Uffiċċju jista’, madankollu, sa fejn ikun possibbli fiż-żmien li jkun fadal qabel it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas, jagħti lill-persuna li tkun qed tagħmel il-ħlas l-opportunità li tħallas l-ammont li jkun fadal jew, meta dan jitqies iġġustifikat, jinjora xi ammonti żgħar li ma tħallsux, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tkun qed tagħmel il-ħlas.
3. Bil-kunsens tal-Kumitat tal-Baġit, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jirrinunzja l-azzjoni għall-irkupru infurzat ta’ kwalunkwe somma dovuta meta s-somma li għandha tiġi rkuprata hija minima jew meta tali rkupru jkun inċert iżżejjed.
4. Meta somma eċċessiva titħallas biex tkopri dritt jew ħlas, l-eċċess ma għandux ikun rimborżat jekk l-ammont ikun insinifikanti u l-parti kkonċernata ma tkunx espressament talbet rimborż.
Bil-kunsens tal-Kumitat tal-Baġit, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina l-ammont li taħtha somma eċċessiva mħallsa biex tkopri dritt jew imposta ma għandhiex tiġi rimborżata.
Determinazzjonijiet skont it-tieni subparagrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.”;
(117)fl-Artikolu 106d, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Uffiċċju għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 fil-forma ta’ link elettronika għall-bażi tad-data li jistgħu jsiru tfittxijiet fiha ta’ reġistrazzjonijiet internazzjonali ta’ disinji miżmuma mill-Bureau Internazzjonali.”;
(118)l-Artikolu 106e huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 106e
Eżami tar-raġunijiet għar-rifjut
1. Meta l-Uffiċċju jsib, matul it-twettiq ta’ eżami ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, li d-disinn li għalih qed tintalab il-protezzjoni ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(1), jew li d-disinn imur kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità, huwa għandu jibgħat lill-Bureau Internazzjonali notifika ta’ rifjut mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali, filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut skont l-Artikolu 12(2) tal-Att ta’ Ġinevra.
2. Meta d-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jkun obbligat li jiġi rrappreżentat quddiem l-Uffiċċju skont l-Artikolu 77(2), in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollha referenza għall-obbligu tad-detentur biex jaħtar rappreżentant kif imsemmi fl-Artikolu 78(1).
3. L-Uffiċċju għandu jispeċifika terminu ta’ żmien li bih id-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista’ jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fil-konfront tal-Unjoni, jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali għal disinn industrijali wieħed jew uħud minnhom fir-rigward tal-Unjoni jew jissottometti osservazzjonijiet, u, meta xieraq, għandu jaħtar rappreżentant. Il-perijodu ta' żmien għandu jibda fil-ġurnata li fiha l-Uffiċċju joħroġ ir-rifjut proviżorju.
4. Jekk id-detentur jonqos milli jaħtar rappreżentant fit-terminu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 3, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali.
5. Meta d-detentur iressaq osservazzjonijiet li jissodisfaw l-Uffiċċju fit-terminu ta’ żmien speċifikat, l-Uffiċċju għandu jirtira r-rifjut u jinnotifika l-Bureau Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12(4) tal-Att ta’ Ġinevra. Meta, skont l-Artikolu 12(2) tal-Att ta’ Ġinevra, id-detentur ma jressaqx l-osservazzjonijiet li jissodisfaw l-Uffiċċju fit-terminu ta’ żmien speċifikat, l-Uffiċċju għandu jikkonferma d-deċiżjoni li tirrifjuta l-protezzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali. Dik id-deċiżjoni għandha tkun soġġetta għal appell f’konformità mal-Artikoli 66 sa 72 tar-Regolament (UE) 2017/1001 flimkien mal-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament.
6. Meta d-detentur jirrinunzja r-reġistrazzjoni internazzjonali, jew jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali għal wieħed jew xi wħud mid-disinji industrijali fir-rigward tal-Unjoni, id-detentur għandu jinforma l-Bureau Internazzjonali permezz ta’ proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-Artikolu 16(1)(iv) u (v) tal-Att ta’ Ġinevra.”;
(119)l-Artikolu 106g li ġej jiżdied fit-Titolu XIa:
“Artikolu 106g
Tiġdid
Ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tiġġedded direttament fil-Bureau Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 17 tal-Att ta’ Ġinevra.”;
(120)l-Artikolu 107 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 109(2).”;
(b)il-paragrafi 2 u 3 huma mħassra;
(121)l-Artikolu 107 jitħassar;
(122)l-Artikolu 108 jitħassar;
(123)l-Artikolu 109 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 109
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1001. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”;
(124)għandu jiddaħħal l-Artikolu 109a li ġej:
“Artikolu 109a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 47b, 53a, 55a, 64a, 65a, 66a, 66d, 66f, 66i, 67c, 78a u -106a għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 47b, 53a, 55a, 64a, 65a, 66a, 66d, 66f, 66i, 67c, 78a u -106a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, li jinkludu esperti innominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikoli 47b, 53a, 55a, 64a, 65a, 66a, 66d, 66f, 66i, 67c, 78a u -106a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(125)l-Artikolu 110 jitħassar;
(126)fl-Artikolu 110a, il-paragrafu 5, titħassar it-tieni sentenza;
(127)jiddaħħal l-Artikolu 110b li ġej:
“Artikolu 110b
Evalwazzjoni
1. Sa [OP jekk jogħġbok daħħlu d-data = l-ewwel jum tax-xahar wara 84 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha abbażi ta’ dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku.”;
(128)fl-Artikolu 111, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-applikazzjonijiet għal disinji rreġistrati tal-UE jistgħu jiġu infilzati għand l-Uffiċċju mill-1 ta’ April 2003.”;
(129)jiżdied l-Anness kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
ir-Regolament (KE) Nru 2246/2002 jitħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
l-Artikolu 1, il-punti … u l-Artikolu 2 għandhom japplika minn [OP: jekk jogħġbok daħħal id-data = l-ewwel jum tax-xahar wara tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]
L-Artikolu 1(18), (19), (22), (24), (26)(b), (28)(b), (31), (34), (36), (37)(b), (38), (39), (40), (43), (47), (49), (51), (53), (56), (58), (60), (61), (65), (67), (69), (71), (73), (75)(c), (76), (80), (85), (93)(b), (106), (108), u (121) għandhom japplikaw minn [OP jekk jogħġbok daħħlu d-data = l-ewwel jum tax-xahar wara 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President