EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0564

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939

COM/2022/564 final

Brussell, 28.10.2022

COM(2022) 564 final

2022/0350(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017 1 . L-UPPE assuma l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni kkonferiti lilu minn dak ir-Regolament fl-1 ta’ Ġunju 2021. L-UPPE huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 2  u ddeterminati mir-Regolament (UE) 2017/1939.

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Prosekuturi Ewropej huma parti mil-livell ċentrali tal-UPPE. Flimkien mal-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej kollha, jiġifieri, Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE, jifformaw il-Kulleġġ tal-UPPE. Il-Kunsill ħatar l-ewwel 22 Prosekutur Ewropew tal-UPPE f’Lulju 2020 3 .

Il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej huwa ta’ sitt snin u l-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendih għal massimu ta’ tliet snin (l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939). L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li kull tliet snin jenħtieġ li jkun hemm sostituzzjoni parzjali ta’ terz tal-Prosekuturi Ewropej u jirrikjedi li l-Kunsill jadotta regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perjodu tal-mandat u matulu. Abbażi ta’ dan, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta’ April 2019 4 , li tipprevedi li l-mandat tal-Prosekuturi Ewropej minn tmien Stati Membri, iddeterminat bit-tlugħ tal-poloz, jenħtieġ li jkun ta’ tliet snin u ma jiġġeddidx. Il-mandat ta’ dawn il-Prosekuturi Ewropej għalhekk ser jiskadi f’Lulju 2023.

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li jenħtieġ li l-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati nnominati mill-Istati Membri għall-kariga ta’ Prosekuturi Ewropej wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tal-istess Regolament. F’konformità mad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, jenħtieġ li l-bord tal-għażla jkun jikkonsisti minn tnax-il persuna, li jridu jinħatru mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, u magħżula minn fost eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Jenħtieġ li waħda mill-persuni magħżula tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-membri attwali tal-bord tal-għażla jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 5 .

Peress li l-bord tal-għażla jeħtieġ li jiġġedded sabiex iwettaq l-intervisti tal-kandidati nnominati mill-Istati Membri għas-sostituzzjoni ta’ tmien Prosekuturi Ewropej, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill għall-ħatra tal-membri tal-bord. Il-membri kollha proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Waħda mill-persuni magħżula kienet proposta mill-Parlament Ewropew fis-7 ta’ Ġunju 2022. Meta pproponiet it-tnax-il membru tal-bord tal-għażla, il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa li tiżgura bilanċ f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, tal-ġeneru u tal-għarfien tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-UPPE ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2017/1939, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 86 TFUE. L-UPPE ilu jeżerċita l-funzjonijiet attribwiti lilu mir-Regolament (UE) 2017/1939 mill-1 ta’ Ġunju 2021. Billi tippreżenta din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla, il-Kummissjoni qed tikkonforma mal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Din il-proposta tippermetti l-ħatra tal-membri l-ġodda tal-bord tal-għażla, peress li l-mandat tal-membri attwali mistenni jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275. Il-ħatra tal-bord tal-għażla mill-Kunsill imbagħad tippermetti t-tnedija tal-proċeduri meħtieġa biex jiġu sostitwiti tmien Prosekuturi Ewropej fl-2023 u, meta jkun xieraq, Prosekuturi Ewropej oħra u l-Kap Prosekutur Ewropew. Din il-proposta hija għalhekk konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika rispettiv.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni li għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta għall-ħatra tal-membri tal-bord tal-għażla prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 tista’ ssir biss mill-Kummissjoni u għalhekk hija kompetenza esklużiva min-natura tagħha, li mhijiex soġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi proposti u hija għalhekk konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din il-proposta hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Prosekuturi Ewropej u l-Kap Prosekutur Ewropew ikunu jistgħu jiġu sostitwiti fi tmiem il-mandat tagħhom, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet operazzjonali tal-UPPE.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 jipprevedi li l-Kunsill irid jadotta deċiżjoni li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla fuq proposta mill-Kummissjoni. L-għażla tal-istrument propost hija għalhekk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kwistjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Minħabba n-natura teknika ta’ din il-proposta u n-nuqqas ta’ diskrezzjoni fuq il-Kummissjoni, li qed tikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ma twettqux evalwazzjonijiet ex post, konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u valutazzjonijiet tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Minħabba n-natura ta’ din il-miżura, ma hemm l-ebda ħtieġa għal pjanijiet ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ u lanqas għal arranġamenti ta’ evalwazzjoni u rappurtar.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jipprevedi li t-tnax-il persuna elenkati fih għandhom jinħatru bħala membri tal-bord previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 2.

2022/0350 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) 6 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Kap Prosekutur Ewropew jinħatar mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill minn fost il-kandidati magħżula mill-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-prosekuturi Ewropej jinħatru mill-Kunsill minn fost tliet kandidati kwalifikati nnominati minn kull Stat Membru wara li jkunu rċevew opinjoni motivata minn dak il-bord tal-għażla.

(2)Abbażi ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 7 , il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej minn tmien Stati Membri, iddeterminat bit-tlugħ tal-poloz, jenħtieġ li jkun ta’ tliet snin u ma jiġġeddidx. Il-mandat ta’ dawn il-Prosekuturi Ewropej għalhekk ser jiskadi f’Lulju 2023.

(3)Il-mandat tal-membri attwali tal-bord tal-għażla jiskadi fid-9 ta’ Ottubru 2022, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 8 . Għalhekk għandhom jinħatru membri ġodda.

(4)Il-bord tal-għażla għandu jinkludi tnax-il persuna magħżula minn fost eks membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, eks membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta.

(5)Wieħed mill-membri tal-bord tal-għażla għandu jkun propost mill-Parlament Ewropew. Fis-7 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew innomina lis-Sa Margreet Fröberg bħala membru tal-bord tal-għażla.

(6)Il-Kummissjoni qieset il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn is-sessi u r-rappreżentanza dovuta tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE għas-sħubija fil-bord tal-għażla.

(7)Fost il-ħdax-il persuna proposti mill-Kummissjoni, hemm eks membru tal-Qorti tal-Ġustizzja, eks membru tal-Qorti tal-Awdituri, eks membru nazzjonali tal-Eurojust, sitt prosekuturi ta’ livell għoli u żewġ membri ta’ qrati supremi nazzjonali, u huma sitt irġiel u ħames nisa.

(8)Għalhekk jenħtieġ li l-membri tal-bord tal-għażla jinħatru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għal perjodu ta’ erba’ snin [mid-data tad-dħul fis-seħħ imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni], il-persuni li ġejjin għandhom jinħatru bħala membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939:

Is-Sur Jean-François BOHNERT

Is-Sur Vítor Manuel DA SILVA CALDEIRA

Is-Sur Peter FRANK

Is-Sa Margreet Fröberg

Is-Sa Ulrike HABERL-SCHWARZ

Is-Sa María Ángeles GARRIDO LORENZO

Is-Sa Saale LAOS

Is-Sur Ján MAZÁK

Is-Sur Marin MRČELA

Is-Sur Antonio MURA

Is-Sa Martine SOLOVIEFF

Is-Sa Tuire Tamminiemi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1 – 71
(2)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29–41
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas-27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ĠU L 244, 29.7.2020, p. 18–20
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta’ April 2019 dwar ir-regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perjodu ta’ mandat u matulu, previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 103, 12.4.2019, p. 29–30
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 tat-18 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 238, 21.9.2018, p. 92–93
(6)    ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/598 tad-9 ta’ April 2019 dwar ir-regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perjodu ta’ mandat u matulu, previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 103, 12.4.2019, p. 29–30.
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 tat-18 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, ĠU L 238, 21.9.2018, p. 92–93.
Top