IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.9.2022
COM(2022) 464 final
ANNESS
ta' [...]
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/1345 fir-rigward tal-ftuħ ta' negozjati mal-Kolombja u mal-Messiku bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi
ANNESS
“ADDENDUM
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA’ FTEHIMIET DWAR IL-KUMMERĊ TA’ PRODOTTI ORGANIĊI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ARĠENTINA, L-AWSTRALJA, IL-KANADA, IL-KOLOMBJA, IL-COSTA RICA, L-INDJA, IŻRAEL, IL-ĠAPPUN, IL-MESSIKU, NEW ZEALAND, IL-KOREA T’ISFEL, IT-TUNEŻIJA U L-ISTATI UNITI
1. Il-Kummissjoni tista’ tidħol f’negozjati mal-Arġentina, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Kolombja, mal-Costa Rica, mal-Indja, ma’ Iżrael, mal-Ġappun, mal-Messiku, ma’ New Zealand, mal-Korea t’Isfel, mat-Tuneżija u mal-Istati Uniti bil-ħsieb li tikseb ftehimiet bilanċjati dwar l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ standards u kontroll ta’ prodotti organiċi.
2. In-negozjati għandhom ikunu mmirati biex jiffaċilitaw il-kummerċ ta’ prodotti organiċi b’mod reċiproku u ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet.
3. In-negozjati għandhom jikkonċernaw prodotti imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 li jinkisbu jew jiġu prodotti fit-territorju tal-Unjoni u fit-territorju tal-pajjiż terz rilevanti.
4. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tikseb livell għoli ta’ rispett tal-objettivi u tal-prinċipji tal-produzzjoni organika u livell għoli ta’ garanziji tas-sistema tal-kontrolli, li tinkludi s-sorveljanza, kif stipulat fir-Regolament (UE) 2018/848.
5. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tikseb il-protezzjoni tat-termini, tad-derivattivi jew id-diminuttivi tagħhom u tal-logo tal-Unjoni, li jirreferu għall-produzzjoni organika sabiex tirriżerva l-użu tagħhom għat-tikkettar tal-prodotti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848.
6. Il-Kummissjoni għandha tqis il-prinċipji u r-regoli tal-produzzjoni tal-linji gwida CAC/GL 32 tal-Codex alimentarius.
7. Dment li ma jkunx previst mod ieħor fid-direttivi għan-negozjar ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tapplika d-direttivi għan-negozjar attwali għad-dispożizzjonijiet marbutin mal-kummerċ ta’ prodotti organiċi meta tkun qed tqis kif tindirizza kwistjonijiet ta’ kummerċ ta’ prodotti organiċi fin-negozjati attwali jew futuri ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
8. Meta tkun qed tmexxi n-negozjati abbażi ta’ dawn id-direttivi għan-negozjar, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tqis il-prinċipji u l-mekkaniżmi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li jirriżultaw mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
9. Il-ftehim għandu jipprevedi li l-partijiet kontraenti jieħdu l-miżuri x-xierqa f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni jew ġestjoni amministrattiva.
Qabel ma tagħti bidu għan-negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u taġġornah regolarment dwar il-progress tagħhom.”