EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0445

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mlaqqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim

COM/2022/445 final

Brussell, 8.9.2022

COM(2022) 445 final

2022/0265(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mlaqqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim 


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta attwali tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mlaqqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ fir-rigward tal-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Kapitolu 5 dwar il-Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 1 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika u t-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika gradwali bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, “il-Partijiet”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017 2 .

2.2.Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni huwa sede stabbilit permezz tal-Ftehim (Artikolu 464) li, skont l-Artikolu 465(3) tal-Ftehim, għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim, u f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun iddelegalu s-setgħat. Id-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tal-15 ta’ Diċembru 2014 3 iddelegat is-setgħa lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ biex jaġġorna jew jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XV tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iwettquhom.

Kif stabbilit fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ f’konfigurazzjoni tal-Kummerċ biex jindirizza l-kwistjonijiet kollha tal-kummerċ u b’rabta mal-kummerċ tat-Titolu IV tal-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 464(2) u (3), u kif speċifikat fl-Artikolu 1(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u tas-Sottokumitati 4 (“ir-Regoli ta’ Proċedura”), il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jkun magħmul minn uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Ukrajna responsabbli minn kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Ukrajna li jkun responsabbli għall-kummerċ u l-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ għandu jaġixxi bħala President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Fil-laqgħat se jattendi wkoll ir-rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Skont l-Artikoli 463(1) u 465(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 11(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u wara li jkunu tlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u awtentikata mis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

3.L-Att previst u l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-proposta attwali għal deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fid-deċiżjoni li trid tittieħed fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim fir-rigward tal-aġġornament tal-Anness XV (approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Kapitolu 5 dwar il-Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali.

L-att, li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ huwa msejjaħ li jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti f’konformità mal-Artikolu 465(3) tal-Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.

L-aġġornament tal-Anness XV huwa meħtieġ sabiex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-acquis tal-Unjoni li seħħet fil-qasam doganali minn mindu ġie inizjalat it-test innegozjat fit-30 ta’ Marzu 2012 filwaqt li titqies l-approssimazzjoni gradwali tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna. Il-proposta hija konsistenti mal-obbligi tal-Partijiet stabbiliti fl-Artikolu 463 u fl-Anness XV tal-Ftehim.

Din il-proposta hija konsistenti mal-implimentazzjoni ta’ politiki esterni l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Politika ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp fir-rigward tal-Ukrajna, u tikkontribwixxi għalihom.

F’dan l-istadju l-Ftehim mhuwiex soġġett għall-proċeduri tar-REFIT: u b’hekk ma jimplika l-ebda kostijiet għall-SMEs tal-Unjoni u ma jqajjem l-ebda kwistjoni mill-perspettiva tal-ambjent diġitali.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Il-prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 5 .

4.1.2.L-applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni huwa sede stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra. Skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ f’konfigurazzjoni tal-Kummerċ biex jindirizza l-kwistjonijiet kollha tal-kummerċ u b’rabta mal-kummerċ tat-Titolu IV tal-Ftehim.

L-Artikolu 463(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta’ dan il-Ftehim. Skont l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni kwalunkwe waħda mis-setgħat, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

Id-deċiżjoni li l-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta tikkostitwixxi att b’effett legali. L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 465(3) tal-Ftehim. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni li se tittieħed fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna mlaqqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ trid tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Il-prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabel xejn mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed il-pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawn il-miri jew wieħed minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.L-applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan u l-kontenut ewlieni tal-att previst hu li jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn il-partijiet billi jiġi aġġornat l-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Kapitolu 5 dwar il-Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali tat-Titolu IV tal-Ftehim, li jikkonċerna l-Kummerċ u l-kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ. Għaldaqstant, l-att previst jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni msemmija fl-Artikolu 207.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ se jemenda l-Ftehim, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni.

2022/0265 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mlaqqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim 

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017 6 .

(2)Skont l-Artikolu 465(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni kwalunkwe waħda mis-setgħat, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

(3)Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tal-15 ta’ Diċembru 2014 7 , il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ddelega s-setgħa lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni li jiltaqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, biex jaġġorna jew jemenda fost l-oħrajn l-Anness XV tal-Ftehim.

(4)Waqt il-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, irid jadotta l-att previst dwar l-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) għall-Ftehim.

(5)Meta jitqies li diversi atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness XV ġew emendati jew imħassra, sa mill-inizjalar tat-test tal-Ftehim fit-30 ta’ Marzu 2012, jeħtieġ li l-Anness jiġi adattat u li jiġu aġġustati ċerti skadenzi biex jitqies il-progress li diġà sar s’issa mill-Ukrajna fil-proċess ta’ approssimazzjoni mal-acquis tal-Unjoni.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, billi d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif imsemmi fl-Artikolu 465(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) għall-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mehmuża ma din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Wara li tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 161, 29.5.2014, p.3
(2)    ĠU L 193, 25.7.2017, p.1
(3)    ĠU L 158, 24.6.2015, p.4.
(4)    ĠU L 157, 23.6.2015, p. 99.
(5)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(6)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3–2137
(7)     ĠU L 158, 24.6.2015, p. 4
Top

Brussell, 8.9.2022

COM(2022) 445 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mlaqqa' fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-aġġornament tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim






HEMŻA

Id-Deċiżjoni Nru …/ tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

ta’ xx.xx.2022

dwar l-emendar tal-Anness XV (Approssimazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Doganali) tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) u l-Artikolu 84 tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-21 ta’ Marzu u fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)Id-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tal-15 ta’ Diċembru 2014 li tiddelega s-setgħa lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ biex jemenda l-Anness XV tal-ftehim.

(3)Il-preambolu tal-Ftehim jafferma x-xewqa tal-Partijiet li jappoġġaw il-proċess ta’ riforma fl-Ukrajna permezz ta’ approssimazzjoni leġiżlattiva u b’hekk jikkontribwixxu għal aktar integrazzjoni ekonomika u l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika.

(4)F’konformità mal-Artikolu 84 tal-Ftehim, l-Ukrajna ħadet l-impenn li twettaq b’mod gradwali l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE kif stabbilit fl-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim.

(5)L-acquis tal-Unjoni elenkat fl-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim evolva sostanzjalment minn mindu ġew konklużi n-negozjati tal-Ftehim. Jenħtieġ li din l-evoluzzjoni tiġi riflessa f’dak l-Anness XV.

(6)Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, “approssimazzjoni” għandha tinftiehem li tfisser l-obbligu tal-Ukrajna li tinkorpora fil-liġi tal-Ukrajna u timplimenta kontinwament id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE f’konformità mal-Artikolu 84 tal-Ftehim (“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali”).

(7)Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, l-approssimazzjoni fuq “bażi tal-aħjar sforz” għandha tinftiehem li tfisser l-obbligu tal-Ukrajna li tinkorpora fil-liġi Ukrena u timplimenta kontinwament id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE kemm jista’ jkun possibbli u kull fejn ikun prattikabbli, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 76 tal-Ftehim.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XV (Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom minn naħa l-waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, huwa sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Ukrena, u kull test huwa ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi …,

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

Is-segretarji

ANNESS

ANNESS XV

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali

Kodiċi Doganali

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 .

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, bl-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 1, l-Artikolu 2, l-Artikolu 4, l-Artikolu 26, l-Artikolu 42(3), il-paragrafi (3) u (5) sa (7) tal-Artikolu 46, l-Artikolu 49, l-Artikolu 50, l-Artikoli 64 sa 68, l-Artikolu 88(c), it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 112(2), it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 114(1), l-Artikolu 136, l-Artikoli 179 sa 181, l-Artikolu 204, l-Artikolu 206(b), l-Artikoli 208 sa 209, l-Artikolu 234 l-Artikoli 278 sa 288.

L-approssimazzjoni mal-Artikoli 5 sa 8, l-Artikoli 16 u 17, l-Artikoli 18 sa 21, l-Artikoli 52 sa 55, l-Artikoli 56 u 57, l-Artikoli 77 sa 87, l-Artikolu 88(a) u (b), l-Artikoli 89 sa 111, il-paragrafi (1), (3) u (4), u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) tal-Artikolu 112, l-Artikolu 113, il-paragrafi (2), (3) u (4), u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 114, l-Artikoli 115 sa 126, l-Artikoli 133 sa 135, l-Artikoli 137 u 138, l-Artikoli 182 sa 187, l-Artikolu 203(3) u (4), l-Artikolu 205, l-Artikoli 211 sa 213, l-Artikoli 218 u 219, l-Artikoli 222 sa 225, l-Artikoli 254 u 255, l-Artikoli 261 u 262, l-Artikoli 263 sa 276 u l-Artikolu 277 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandha ssir fuq bażi tal-aħjar sforz.

Proċedura Komuni ta’ Tranżitu u Dokument Amministrattiv Uniku (DAU)

Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-Simplifikazzjoni tal-Formalitajiet fil-Kummerċ tal-Oġġetti

Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar il-proċedura komuni ta’ tranżitu

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, inkluż permezz tal-adeżjoni possibbli tal-Ukrajna ma’ dawn il-Konvenzjonijiet, għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Eżenzjonijiet mid-dazji doganali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mat-Titoli I u II tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 għandha titwettaq fi żmien erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

Skeda ta’ żmien: l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 26, għandha titwettaq fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. L-obbligu tal-approssimazzjoni mar-Regolament (UE) Nru 608/2013 fih innifsu ma joħloq l-ebda obbligu fuq l-Ukrajna li tapplika l-miżuri meta ma jkunx protett dritt fuq il-proprjetà intellettwali skont il-liġijiet u r-regolamenti sostantivi tagħha tal-proprjetà intellettwali.

(1)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
Top