Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0426

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra

    COM/2022/426 final

    Brussell, 23.8.2022

    COM(2022) 426 final

    2022/0253(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    F’Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas individwali ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mat-Tajlandja, l-Indoneżja, Singapore, il-Filippini, il-Malażja u l-Brunei. Il-FSK mat-Tajlandja ġie inizjalat għall-ewwel darba f’Marzu 2013 iżda l-iffirmar tiegħu ġie sospiż fl-2014 wara l-kolp ta’ stat militari fil-pajjiż. Fid-dawl tan-normalizzazzjoni politika fit-Tajlandja, f’Ottubru 2019, il-Kunsill qies li kien xieraq li l-UE tieħu passi lejn it-twessigħ tal-impenn tagħha mat-Tajlandja billi tħejji għall-iffirmar f’waqtu tal-FSK. In-negozjati dwar il-Ftehim reġgħu bdew fit-13 ta’ Lulju 2021 u ġew konklużi wara s-seba’ laqgħa ta’ negozjati fil-11 ta’ Ġunju 2022.

    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti fil-proċess ta’ negozjati. L-Istati Membri ġew ikkonsultati matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat dwar l-eżitu tan-negozjati.

    Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi stipulati mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar in-negozjati tal-Ftehim intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim jista’ jitressaq għall-iffirmar u għall-konklużjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    2.1.Għan u kontenut tal-ftehim

    Il-FSK huwa l-ewwel ftehim bilaterali li qatt sar bejn l-UE u t-Tajlandja u jmur lil hinn mill-qafas ġuridiku attwali tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

    Il-FSK fih impenji legalment vinkolanti li huma ċentrali għall-politika barranija tal-UE, u jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll dwar il-migrazzjoni u t-tassazzjoni.

    Il-FSK iwessa’ b’mod konsiderevoli l-ambitu għal impenn reċiproku f’diversi oqsma, inklużi l-ġustizzja u l-affarijiet interni kif ukoll id-djalogu fil-qasam ekonomiku u kummerċjali. Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, il-kultura, eċċ. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

    Politikament, il-FSK mat-Tajlandja huwa pass importanti biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-Asja tax-Xlokk, abbażi ta’ valuri kondiviżi universalment, bħad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Huwa jwitti t-triq għat-titjib tal-kooperazzjoni politika, reġjonali u globali bejn żewġt isħab tal-istess fehma. L-implimentazzjoni tal-FSK se twassal għal benefiċċji prattiċi għaż-żewġ naħat, waqt li tifforma bażi għall-promozzjoni tal-interessi politiċi usa’ tal-UE.

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li se jimmonitorja l-iżvilupp fir-relazzjoni bilaterali ta’ bejn il-Partijiet. Il-Ftehim jinkludi klawżola ta’ noneżekuzzjoni li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-Ftehim f’każ li jinkisru l-elementi essenzjali.

    2.2.Bażi ġuridika għad-deċiżjoni proposta

    L-Artikolu 218(5) TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim.

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-Ftehim. Skont il-każistika, jekk eżami ta’ miżura tal-UE jiżvela li din ikollha żewġ għanijiet jew li tinkludi żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, il-miżura jkollha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri, dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-miżura ssegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li jkollha diversi komponenti marbuta b’mod intrinsiku mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, sabiex diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat ikunu applikabbli, il-miżura trid tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti (ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni vs il-Parlament u l-Kunsill, C-178/03, EU:C:2006:4, il-paragrafi 42 u 43; tal-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-377/12, EU:C:2014:1903, il-paragrafu 34; tal-14 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament vs il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, il-paragrafu 44; u tal-4 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Każakistan), C-244/17, ECLI:EU:C:2018:662, il-paragrafu 40).

    L-għan jew il-komponent ewlieni tal-Ftehim jaqa’ fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. 

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

    2.3.Natura legali 

    L-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSK tindika li t-Trattati taw is-setgħa lill-UE biex taġixxi fl-oqsma kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSK. Abbażi ta’ din l-analiżi legali, l-abbozz il-ġdid tal-ftehim ġie nnegozjat għall-ewwel darba bħala ftehim “għall-UE biss”. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni kkunsidraw li l-proċedura iqsar u aktar prevedibbli tar-ratifika għad-dħul fis-seħħ tal-FSK bħala ftehim “tal-UE biss”, kienet fl-interess tal-Unjoni biex tipproċedi mingħajr dewmien bl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Madankollu, l-Istati Membri fil-Kunsill waqt il-laqgħa tal-COREPER tal-20 ta’ Lulju 2022 talbu unanimament lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex idawru dan il-ftehim f’wieħed imħallat b’applikazzjoni provviżorja. Biex jiġi evitat li l-firma u l-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea jiddewwmu fil-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ddeċidew li jinnegozjaw aġġustament għall-Ftehim qabel ma tiġi ppreżentata l-proposta tal-Kummissjoni għall-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

    L-abbozz mehmuż għalhekk jipproponi l-iffirmar tal-Ftehim bħala ftehim imħallat.

    2.4.Ħtieġa tad-deċiżjoni proposta

    L-Artikolu 216 TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi msemmija fit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew x’aktarx tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    It-Trattati jipprevedu li jiġu konklużi ftehimiet bħall-FSK, b’mod partikolari fl-Artikolu 209 TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-FSK hija meħtieġa sabiex jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-objettivi msemmijin fit-Trattati.

    Il-Ftehim irid jiġi ffirmat qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż f’isem l-Unjoni.

    2022/0253 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 209, moqri flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)F’Novembru 2004 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal negozjati mat-Tajlandja dwar Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

    (2)In-negozjati dwar il-Ftehim ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fi […] fi […].

    (3)L-objettiv tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-agrikoltura.

    (4)Għaldaqstant jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (5)Fid-dawl tal-ħtieġa li dan il-ftehim jiġi applikat qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu wara r-ratifiki mill-Istati Membri, ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati provviżorjament.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 59 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni:

    Titolu I

    Titolu II

    Titolu III

    Titolu IV: Artikoli 20, 21, 22, 23, 25, 26, 27, 28, 29

    Titolu V: Artikoli 30, 31, 32, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40, 41, 42, 43, 44, 45, 46, 47, 48, 49

    Titolu VI

    Titolu VII

    Titolu VIII

    Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 5

    Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 23

    2.Id-data minn meta din il-parti tal-Ftehim trid tiġi applikata b’mod provviżorju għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

    Artikolu 3

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument li jagħti s-setgħa sħiħa lill-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni biex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    Top

    Brussell, 23.8.2022

    COM(2022) 426 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tat-Tajlandja, min-naħa l-oħra


    ANNESS

    FTEHIM QAFAS 
    TA’
    SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI KOMPRENSIVI
    BEJN L-UNJONI EWROPEA
     
    U L-ISTATI
    MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA,
    U R-RENJU TAT-TAJLANDJA, MIN-NAĦA L-OĦRA

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”,

    u

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA’ SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,


    IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

    IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

    IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-RUMANIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,


    IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

    l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,

       min-naħa,

    u

    IR-RENJU TAT-TAJLANDJA, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Tajlandja”,

       min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,

    WAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet tradizzjonali ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib li jagħqduhom;

    WAQT LI JAGĦTU importanza partikolari lin-natura komprensiva tar-relazzjoni reċiproka tagħhom;

    WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tagħhom mal-prinċipji demokratiċi u mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) fl-10 ta’ Diċembru 1948, u strumenti internazzjonali rilevanti oħra tad-drittijiet tal-bniedem;


    WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba, u x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 70/1 tal-25 ta’ Settembru 2015;

    WAQT LI JIRRIKONOXXU l-istatus tat-Tajlandja bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa u filwaqt li jqisu l-livelli rispettivi ta’ żvilupp tal-Partijiet;

    WAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiġu promossi kemm il-kunċetti kif ukoll l-objettivi tan-nonproliferazzjoni kif ukoll tad-diżarm permezz ta’ strumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti sabiex jiġi miġġieled il-periklu kkawżat mill-armi ta’ qerda massiva (AQM). L-adozzjoni b’kunsens tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) tissottolinja l-impenn tal-komunità internazzjonali kollha fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ tali armi. Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, u fis-17 ta’ Novembru 2003 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni tal-politiki ta’ nonproliferazzjoni fir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. It-Tajlandja, bħala membru tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), hija firmatarju fundatur tat-Trattat dwar Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari fl-Asja tax-Xlokk, li ġie ffirmat f’Bangkok fil-15 ta’ Diċembru 1995;


    BILLI l-Partijiet jirrikonoxxu r-rabtiet bejn id-diżarm, il-kontroll tal-armi, il-paċi u s-sigurtà, u l-iżvilupp, u jinnotaw li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Partijiet fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali rilevanti tista’ twassal għal progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u dinja aktar sigura;

    BILLI l-Partijiet iqisu t-terroriżmu bħala theddida għas-sigurtà globali u jixtiequ jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-KSNU, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u għall-istat tad-dritt huma l-bażi fundamentali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    WAQT LI JERĠGĦU JAFFERMAW li l-aktar reati serji li jħassbu l-komunità internazzjonali kollha kemm hi ma jistgħux jibqgħu mhux ikkastigati u li l-prosekuzzjoni effettiva kontra tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell nazzjonali u billi tissaħħaħ il-koperazzjoni globali;

    WAQT LI JERĠGĦU JAFFERMAW id-determinazzjoni għall-ġlieda kontra reati serji ta’ tħassib internazzjonali;

    WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni li ġie ffirmat fis-7 ta’ Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malażja, il-Filippini, Singapore u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-ASEAN, u tal-protokolli ta’ adeżjoni sussegwenti tiegħu;


    WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jsaħħu r-relazzjoni eżistenti bejn il-Partijiet bil-ħsieb li jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom, u l-impenn komuni tagħhom li jikkonsolidaw, iqawwu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f’oqsma ta’ interess reċiproku fuq il-bażi tar-rispett għas-sovranità, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, ir-rispett għall-ambjent naturali u l-benefiċċju reċiproku;

    WAQT LI JIRRIKONOXXU li t-Tajlandja u l-Unjoni Ewropea għandhom l-aspirazzjoni komuni li jiksbu emissjonijiet effiċjenti fir-riżorsi, inklużivi, innovattivi, netti żero u ekonomiji ekoloġiċi, u li l-iskambju ta’ esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-politiki domestiċi tagħhom jista’ jtejjeb l-eżiti tagħhom u jħaffef it-twettiq tal-SDGs tan-NU;

    WAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, inklużi l-protezzjoni ambjentali u l-kooperazzjoni effettiva għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), adottata f’Rio de Janeiro fid-9 ta’ Mejju 1992, u l-Ftehim ta’ Pariġi, adottat f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll il-promozzjoni u l-implimentazzjoni effettivi ta’ standards tax-xogħol u soċjali rikonoxxuti internazzjonalment;

    WAQT LI JIŻGURAW f’dan ir-rigward li ħadd ma huwa se jitħalla jibqa’ lura;

    WAQT LI JENFASIZZAW l-importanza tal-approfondiment tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-migrazzjoni;

    WAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jsaħħu, f’konformità sħiħa mal-attivitajiet imwettqa f’oqfsa reġjonali, il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet, ibbażata fuq valuri komuni u fuq il-benefiċċju reċiproku;


    WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza mogħtija mill-Partijiet lill-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali kif jinsabu b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO), li sar f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, u lill-ħtieġa li dawn jiġu applikati b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju;

    WAQT LI JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja li jistgħu jiġu konklużi mill-UE skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehimiet futuri speċifiċi ma jkunux jorbtu lill-Irlanda sakemm l-UE, simultanjament mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti tagħha, ma tinnotifikax lit-Tajlandja li l-Irlanda intrabtet minn tali ftehimiet speċifiċi futuri bħala parti mill-UE f’konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B’mod simili, kwalunkwe miżura sussegwenti interna tal-UE li kellha tiġi adottata skont l-imsemmi Titolu V ta’ hawn fuq biex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma torbotx lill-Irlanda sakemm din ma tkunx innotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem jew taċċetta tali miżuri f’konformità mal-Protokoll Nru 21. Jinnotaw ukoll li tali ftehimiet speċifiċi futuri jew tali miżuri sussegwenti interni tal-UE jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa ma’ dawk it-Trattati,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:


    TITOLU I

    NATURA U AMBITU

    ARTIKOLU 1

    Prinċipji Ġenerali

    1.    Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

    2.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, li jikkooperaw biex jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-globalizzazzjoni, u li jikkontribwixxu għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

    3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, li ġiet adottata fl-2005, u jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu aktar l-andament tal-iżvilupp.


    4.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rabta tagħhom mal-prinċipji ta’ governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, b’mod partikolari billi jqisu l-obbligi internazzjonali tagħhom.

    5.    Il-Partijiet jaqblu li l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim għandhom iqisu l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.

    ARTIKOLU 2

    Għanijiet tal-Kooperazzjoni

    Fid-dawl tas-sħubija stabbilita sew tagħhom, il-Partijiet jaqblu dwar relazzjoni li tħares ’il quddiem b’perspettiva aktar strutturata u strateġika, valuri kondiviżi u kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, u jimpenjaw ruħhom li jkollhom djalogu komprensiv u jippromwovu aktar kooperazzjoni bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess komuni. L-isforzi tagħhom se jkunu b’mod partikolari mmirati biex:

    (a)    irawmu l-kooperazzjoni, fuq bażi bilaterali u multilaterali, fil-fora u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha involuti fi kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim;

    (b)    jistabbilixxu kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM;

    (c)    jistabbilixxu djalogu dwar reati serji ta’ tħassib internazzjonali;

    (d)    jistabbilixxu kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati tranżnazzjonali;


    (e)    jiżguraw il-kundizzjonijiet għaż-żieda u l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment, flimkien mal-promozzjoni tagħhom, bejn il-Partijiet għall-vantaġġ reċiproku tagħhom filwaqt li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji u r-regoli tad-WTO u b’mod li jappoġġa l-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli u li jippromwovi ktajjen tal-provvista sostenibbli u prattiki kummerċjali responsabbli;

    (f)    jistabbilixxu kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku relatati mal-kummerċ u l-investiment, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tad-WTO, biex jiġu ffaċilitati l-flussi sostenibbli tal-kummerċ u tal-investiment u biex jiġu evitati u jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment, b’mod li jkun konsistenti mal-inizjattivi reġjonali tal-UE-ASEAN li għaddejjin bħalissa u dawk futuri u għall-iżvilupp sostenibbli u komplementari għalihom, kif ukoll li jikkontribwixxi għal dawn;

    (g)    jistabbilixxu kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, inkluż l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u legali, il-protezzjoni tad-data personali, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u d-drogi illeċiti;

    (h)    jistabbilixxu kooperazzjoni fis-setturi l-oħra kollha ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari l-politika makroekonomika u l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-ippjanar tal-iżvilupp, il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-politika industrijali u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSME), is-soċjetà tal-informazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, ċirkolari u ekoloġika, il-bijoekonomija, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-trasport, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura, it-turiżmu, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ambjent u r-riżorsi naturali, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-saħħa, l-istatistika, is-soċjetà bbażata fuq l-għarfien, is-sikurezza alimentari, kwistjonijiet fitosanitarji u veterinarji, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali;


    (i)    isaħħu l-parteċipazzjoni tal-Partijiet fi programmi ta’ kooperazzjoni subreġjonali, reġjonali u trilaterali miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Parti l-oħra;

    (j)    isaħħu r-rwoli u l-profili tal-Partijiet fir-reġjuni rispettivi ta’ xulxin b’diversi mezzi, inklużi l-iskambji kulturali, l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-edukazzjoni;

    (k)    jippromwovu l-fehim reċiproku bejn poplu u ieħor permezz tal-kooperazzjoni fost diversi entitajiet mhux governattivi bħal gruppi ta’ riflessjoni, akkademiċi, is-soċjetà ċivili, u l-media, fil-forma ta’ seminars, konferenzi, interazzjoni bejn iż-żgħażagħ, eżerċizzji taċ-ċiberspazju, taħriġ, skambji u attivitajiet oħrajn.

    ARTIKOLU 3

    Armi ta’ Qerda Massiva

    1.    Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni tal-AQM u tal-mezzi tat-twassil tagħhom, kemm lil atturi statali kif ukoll lil oħrajn li ma humiex, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabbiltà u għas-sigurtà internazzjonali. Għalhekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM kif ukoll tal-mezzi tat-twassil tagħhom permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi eżistenti tagħhom skont it-trattati u l-ftehimiet dwar id-diżarm internazzjonali u n-nonproliferazzjoni, u obbligi internazzjonali oħrajn li huma rilevanti, u permezz tal-implimentazzjoni nazzjonali ta’ dawn, fi ħdan il-qafas tan-NU, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.


    2.    Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta’ twassil tagħhom u għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali dwar id-diżarm billi:

    (a)    jieħdu passi biex isiru parti għall-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha u li jimplimentawhom bis-sħiħ;

    (b)    f’konformità mal-obbligi internazzjonali rispettivi tagħhom, isaħħu l-effettività tal-kontrolli nazzjonali tal-esportazzjoni, filwaqt li jikkontrollaw l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ oġġetti relatati mal-AQM, inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq teknoloġiji b’użu doppju kif xieraq, u b’mezzi effettivi ta’ infurzar legali jew amministrattiv, inklużi penali effettivi u miżuri preventivi għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, permezz tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet;

    (c)    jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), iffirmat f’Londra, f’Moska u f’Washington, D.C. fl-1 ta’ Lulju 1968, bħala l-pedament tar-reġim globali tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari, u element importanti fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għall-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi, tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi – il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiniċi (BTWC), iffirmata f’Londra, f’Moska u f’Washington, D.C. fl-10 ta’ April 1972, u tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC), iffirmata f’Pariġi u fi New York fit-13 ta’ Jannar 1993;


    3.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu regolari li se jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-elementi. Dan id-djalogu jista’ jsir fuq bażi reġjonali.

    ARTIKOLU 4

    Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir u Armi Konvenzjonali oħra

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, kif ukoll l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni insuffiċjenti tal-ħażniet u s-sigurtà u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom, li għandhom firxa wiesgħa ta’ konsegwenzi umanitarji u soċjoekonomiċi, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli fil-livelli individwali, lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li josservaw u jimplimentaw kompletament l-obbligi rispettivi tagħhom sabiex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont ftehimiet internazzjonali eżistenti u r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU, kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta’ strumenti internazzjonali oħrajn applikabbli f’dan il-qasam, bħall-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, adottat mill-AĠNU fl-20 ta’ Lulju 2001.


    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistemi ta’ kontroll domestiċi għat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom, u l-għan u l-iskop tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA), adottat mir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 67/234B tat-2 ta’ April 2013. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li japplikaw dawn il-kontrolli b’mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, għas-sigurtà u għall-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bnedmin, kif ukoll għall-prevenzjoni tad-diverżjoni ta’ armi konvenzjonali. Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jfittxu koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġija fl-isforzi tagħhom relatati mal-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, trasferimenti ta’ armi konvenzjonali u sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali.

    ARTIKOLU 5

    Reati Serji ta’ Tħassib Internazzjonali

    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji li jħassbu l-komunità internazzjonali kollha kemm hi ma jistgħux jibqgħu ma jiġux ikkastigati u li l-prosekuzzjoni kontra tagħhom għandha tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell nazzjonali jew internazzjonali kif xieraq u billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom.


    ARTIKOLU 6

    Il-Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU, id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, u d-dritt umanitarju internazzjonali. F’dan il-qafas u filwaqt li titqies l-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu inkluża fir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 60/288 tat-8 ta’ Settembru 2006, kif riveduta aktar tard, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-ASEAN-UE dwar il-Kooperazzjoni għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, adottata fit-28 ta’ Jannar 2003, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u s-soppressjoni tat-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu.

    2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu dan b’mod partikolari:

    (a)    fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1267 (1999), 1373 (2001), 1822 (2008), 2242 (2015), 2396 (2017) u 2462 (2019), u riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU, konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali;

    (b)    billi jiskambjaw informazzjoni dwar gruppi u individwi terroristiċi u n-networks ta’ appoġġ tagħhom f’konformità mad-dritt internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali tagħhom;



    (c)    billi jikkooperaw dwar il-mezzi, inkluż it-tagħmir, u l-metodi użati sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkluż f’oqsma u taħriġ tekniku, u bi skambju ta’ esperjenzi fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reklutaġġ;

    (d)    billi jikkooperaw, sabiex japprofondixxu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni għal skopijiet terroristiċi, u billi jaħdmu biex jilħqu ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali, sabiex jiġu kkomplementati l-istrumenti eżistenti tan-NU u strumenti internazzjonali applikabbli oħra għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    (e)    billi jikkondividu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.



    TITOLU II

    KOOPERAZZJONI BILATERALI, REĠJONALI U INTERNAZZJONALI

    ARTIKOLU 7

    Kooperazzjoni f’Organizzazzjonijiet Reġjonali u Internazzjonali

    1.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u jiskambjaw fehmiet f’fora u f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, b’mod partikolari fi ħdan in-NU u l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, inkluż, iżda mhux limitat għall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), ir-Relazzjonijiet ta’ Djalogu bejn l-ASEAN u l-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Sħubija Strateġika bejn l-ASEAN u l-UE, il-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), u l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM).

    2.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi u kwistjonijiet relatati oħrajn f’fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali inkluż, inter alia, l-ASEM, il-UNCTAD u d-WTO u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).


    ARTIKOLU 8

    Kooperazzjoni Bilaterali u Reġjonali

    1.    Għal kull settur ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, u filwaqt li jagħtu l-importanza dovuta lill-materji li jaqgħu taħt kooperazzjoni bilaterali, il-Partijiet se jaqblu li jwettqu attivitajiet relatati fuq livell bilaterali jew reġjonali jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ oqfsa. Meta jagħżlu l-qafas xieraq, il-Partijiet se jfittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq il-partijiet kollha interessati u jsaħħu l-involviment tagħhom, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli u jqisu l-fattibilità politika u istituzzjonali, u jiżguraw il-koerenza ma’ attivitajiet oħra li jinvolvu lill-Istati Membri tal-UE u dawk tal-ASEAN.

    2.    Il-Partijiet jistgħu, skont kif ikun xieraq, jiddeċiedu li jestendu l-appoġġ finanzjarju lejn attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim jew f’dawk relatati miegħu, f’konformità mal-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom. Din il-kooperazzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkludi l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ, workshops u seminars, skambji ta’ esperti, studji, u azzjonijiet oħrajn miftiehma mill-Partijiet.


    TITOLU III

    KOOPERAZZJONI DWAR KWISTJONIJIET TA’ KUMMERĊ U INVESTIMENT

    ARTIKOLU 9

    Prinċipji Ġenerali

    1.    Il-Partijiet għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogu dwar kwistjonijiet bilaterali u multilaterali kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ bil-għan li jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali u javvanzaw is-sistema kummerċjali multilaterali, b’mod li jappoġġa l-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli.

    2.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-iskambji kummerċjali reċiproċi tagħhom sal-ogħla livell possibbli u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, f’konformità mal-prinċipji u r-regoli tad-WTO. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiksbu kundizzjonijiet imtejba ta’ aċċess għas-suq billi jieħdu miżuri biex itejbu t-trasparenza, filwaqt li jqisu l-ħidma mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam.

    3.    Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin infurmati dwar l-iżvilupp ta’ politiki kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ jew kwistjonijiet relatati oħra, bħall-politika agrikola, is-sikurezza alimentari, miżuri mhux tariffarji, il-politika tal-konsumatur, u l-politika ambjentali, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart.


    4.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu u l-kooperazzjoni sabiex jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom dwar il-kummerċ u l-investiment, inkluż, fost kwistjonijiet oħra, is-soluzzjoni tal-problemi kummerċjali fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 10 sa 19 ta’ dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 10

    Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji

    1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar is-sikurezza alimentari u l-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) sabiex jipproteġu l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti fit-territorju tal-Partijiet.

    2.    Il-Partijiet għandhom jiddiskutu u jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri rispettivi tagħhom kif definiti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, li daħal fis-seħħ bl-istabbiliment tad-WTO fl-1 ta’ Jannar 1995, u b’hekk jiġu inklużi l-istandards tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, iffirmata f’Ruma fis-6 ta’ Diċembru 1951, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u l-Kummissjoni Codex Alimentarius.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jimpenjaw ruħhom għall-kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċitajiet dwar il-kwistjonijiet SPS. Dan il-bini tal-kapaċitajiet għandu jkun speċifiku għall-ħtiġijiet ta’ kull Parti u jsir bil-għan li jassisti lil tali Parti biex tikkonforma mal-qafas legali tal-Parti l-oħra.


    4.    Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu f’waqtu dwar il-kwistjonijiet tal-SPS fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet sabiex jiġu kkunsidrati kwistjonijiet relatati mal-SPS u kwistjonijiet urġenti oħrajn relatati mal-SPS.

    5.    Il-Partijiet għandhom jinnominaw punti ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet skont dan l-Artikolu.

    6.    Il-Partijiet jagħtu livell għoli ta’ importanza lil din il-kooperazzjoni.

    ARTIKOLU 11

    Sistemi tal-Ikel Sostenibbli

    1.    Il-partijiet għandhom jikkooperaw fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli.

    2.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu, l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet, u l-kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku għall-promozzjoni ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli f’konformità mal-SDGs tan-NU. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu, inter alia:

    (a)    it-tnaqqis tal-impatt ambjentali u klimatiku tas-sistemi tal-ikel;

    (b)    agrikoltura u sistemi tal-ikel sostenibbli tul il-passi kollha tal-katina alimentari, inklużi l-agroekoloġija, il-produzzjoni organika, it-tnaqqis fl-użu u r-riskju tal-pestiċidi, il-benesseri tal-annimali u r-reżistenza għall-antimikrobiċi;


    (c)    it-tnaqqis tat-telf tal-ikel u tal-ħela tal-ikel tul il-katina alimentari kollha;

    (d)    il-ġlieda kontra l-frodi alimentari.

    3.    Il-Partijiet għandhom jinnominaw punti ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet skont dan l-Artikolu.

    4.    Il-Partijiet jagħtu livell għoli ta’ importanza lil din il-kooperazzjoni.

    ARTIKOLU 12

    Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ

    1.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta’ standards internazzjonali u ta’ skemi ta’ akkreditazzjoni internazzjonali, u jiskambjaw informazzjoni dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, inkluż fil-qafas tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT), li daħal fis-seħħ bl-istabbiliment tad-WTO fl-1 ta’ Jannar 1995.

    2.    Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-istandards, tar-regolamenti tekniċi u tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, inklużi l-bini tal-kapaċitajiet tekniċi u l-kooperazzjoni bil-għan li jikkonformaw mal-miżuri dwar it-TBT.


    3.    Il-Partijiet għandhom jinnominaw punt ta’ kuntatt biex jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu kif ukoll biex jiffaċilita l-isforzi fil-kooperazzjoni regolatorja bejn il-Partijiet.

    ARTIKOLU 13

    Kooperazzjoni Doganali u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ

    1.    Il-Partijiet għandhom jaqsmu l-esperjenzi u jeżaminaw il-possibbiltajiet biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni u ta’ proċeduri doganali oħra, iżidu t-trasparenza tar-regolamenti kummerċjali u jiżviluppaw il-kooperazzjoni doganali, inklużi mekkaniżmi effettivi ta’ assistenza amministrattiva reċiproka. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Frar 2017. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari sabiex iżidu d-dimensjoni tas-sigurtà tal-kummerċ internazzjonali, inklużi s-servizzi tat-trasport, u sabiex jiżguraw li jkun hemm approċċ bilanċjat bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-kontrolli effiċjenti u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet relatati mad-dwana.

    2.    Mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta’ kooperazzjoni previsti f’dan il-Ftehim, il-Partijiet jiddikjaraw l-interess tagħhom billi fil-futur jikkunsidraw il-konklużjoni ta’ protokoll dwar il-kooperazzjoni doganali, inkluża l-assistenza reċiproka, fil-qafas istituzzjonali stabbilit f’dan il-Ftehim.


    ARTIKOLU 14

    Antidumping

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 u l-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu.

    2.    Il-Partijiet jagħtu livell għoli ta’ importanza lill-kooperazzjoni fil-qasam tal-antidumping.

    ARTIKOLU 15

    Investiment

    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu fluss akbar ta’ investiment permezz tal-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u favorevoli għall-investiment reċiproku billi jinħoloq djalogu konsistenti mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehma u tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet marbuta mal-investiment, li jiġu esplorati mekkaniżmi amministrattivi sabiex jiffaċilitaw il-flussi tal-investiment, u li jiġu promossi t-trasparenza, il-ftuħ u n-nondiskriminazzjoni għall-investituri f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.


    ARTIKOLU 16

    Politika tal-Kompetizzjoni

    1.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-istabbiliment u l-applikazzjoni effettivi tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni sabiex jitrawmu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-intrapriżi li joperaw fis-swieq ta’ xulxin, f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u r-regoli interni rispettivi tagħhom.

    2.    Iż-żewġ Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’oqsma miftiehma b’mod reċiproku biex itejbu l-fehim reċiproku tal-liġijiet u l-politiki tal-kompetizzjoni ta’ xulxin.

    ARTIKOLU 17

    Servizzi

    Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu konsistenti mmirat, b’mod partikolari, lejn l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom, il-promozzjoni tal-aċċess għas-swieq ta’ xulxin, il-promozzjoni tal-aċċess għas-sorsi ta’ kapital u ta’ teknoloġija, u l-promozzjoni tal-kummerċ tas-servizzi bejn iż-żewġ reġjuni u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.


    ARTIKOLU 18

    Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

    1.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenza dwar kwistjonijiet bħall-prattika, il-promozzjoni, it-tixrid, is-simplifikazzjoni, il-ġestjoni, il-protezzjoni u l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), il-prevenzjoni tal-abbużi ta’ tali drittijiet u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, jiġifieri permezz tal-kooperazzjoni doganali u forom xierqa oħra ta’ kooperazzjoni u t-tisħiħ tal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet kif miftiehem b’mod reċiproku miż-żewġ Partijiet. F’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom u f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali rilevanti li l-Partijiet huma parti għalihom, il-Partijiet se jikkooperaw, b’mod partikolari, dwar l-infurzar tad-DPI u l-protezzjoni tal-privattivi, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur u d-disinn industrijali, kif ukoll il-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti.

    2.    Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza teknika lil xulxin fil-qasam tad-DPI, u jassistu lil xulxin biex itejbu l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-infurzar, l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni abbażi tal-esperjenza Ewropea, u biex isaħħu t-tixrid tal-għarfien tagħha.

    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u s-Saħħa Pubblika, adottata f’Doha fl-14 ta’ Novembru 2001. Il-Partijiet għandhom jirrispettaw u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tat-30 ta’ Awwissu 2003, dwar il-Paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, kif ukoll il-Protokoll li jemenda l-Ftehim TRIPS, adottat f’Ginevra fis-6 ta’ Diċembru 2005.


    ARTIKOLU 19

    Kummerċ Diġitali

    1.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji fil-kuntest tal-kummerċ diġitali f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti domestiċi rispettivi rilevanti tagħhom, li għandhom jindirizzaw dan li ġej:

    (a)    ir-rikonoxximent u l-faċilitazzjoni ta’ servizzi fiduċjarji u ta’ awtentikazzjoni elettroniċi interoperabbli;

    (b)    it-trattament ta’ komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta;

    (c)    il-protezzjoni tal-konsumaturi;

    (d)    kwistjonijiet oħra rilevanti għall-iżvilupp tal-kummerċ diġitali.

    2.    Filwaqt li jirrikonoxxu n-natura globali tal-kummerċ diġitali, il-Partijiet jaffermaw l-importanza li jipparteċipaw b’mod attiv f’fora multilaterali biex jippromwovu l-iżvilupp tal-kummerċ diġitali.


    TITOLU IV

    KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-LIBERTÀ, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA

    ARTIKOLU 20

    Stat tad-Dritt

    1.    Fil-kooperazzjoni tagħhom skont dan it-Titolu, il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari lill-promozzjoni tal-istat tad-dritt u jiżguraw aċċess ugwali għall-ġustizzja għal kulħadd. Għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, il-Partijiet jikkooperaw bis-sħiħ dwar il-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

    2.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet se tinkludi wkoll l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni rigward is-sistemi legali u l-leġiżlazzjoni.

    ARTIKOLU 21

    Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa u l-Bniet

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet kollha bħala għan fih innifsu, kif ukoll bħala xprunatur għad-demokrazija, għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv, għall-paċi u għas-sigurtà.


    2.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u l-bniet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, kif ukoll jiżguraw l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    3.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw prattiki tajbin u jesploraw skemi ulterjuri ta’ kooperazzjoni u sinerġiji potenzjali bejn il-politiki u l-programmi rispettivi tal-Partijiet relatati mal-ġeneru, f’konformità mal-istandards u l-impenji internazzjonali applikabbli għall-Partijiet, bħall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata mill-AĠNU fit-18 ta’ Diċembru 1979, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing, adottati fir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f’Beijing fil-15 ta’ Settembru 1995, il-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżitu tal-konferenzi ta’ rieżami tagħha, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-KSNU, u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti tagħha dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà.

    ARTIKOLU 22

    Protezzjoni ta’ Data Personali u Privatezza

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jiksbu livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u l-infurzar effettiv tagħha, f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legali internazzjonali oħrajn f’dan il-qasam, u b’hekk issir ħidma biex jiġi ffaċilitat il-fluss ta’ data personali bejn il-Partijiet bħala element ewlieni għall-iżvilupp ulterjuri ta’ skambji kummerċjali u kooperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.


    2.    Il-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza tinkludi, inter alia, l-assistenza teknika u legali fil-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, taħriġ u għarfien espert, kif ukoll il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fl-infurzar mill-awtoritajiet superviżorji rispettivi tal-Partijiet, inkluż f’fora multilaterali.

    ARTIKOLU 23

    Kooperazzjoni Ġudizzjarja u Legali

    1.    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni eżistenti dwar l-assistenza legali reċiproka u l-estradizzjoni fuq il-bażi tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti li huma vinkolanti għalihom. Il-Partijiet għandhom, kif xieraq, isaħħu l-mekkaniżmi eżistenti u jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ġodda biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, notevolment permezz ta’ involviment aktar mill-qrib ma’ networks internazzjonali rilevanti oħra ta’ kooperazzjoni legali.

    2.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, inklużi l-Konvenzjonijiet tal-Konferenza ta’ the Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

    3.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu t-trażmissjoni sigura u effiċjenti tad-dokumenti ġudizzjarji rilevanti u t-teħid ta’ evidenza u seduta ta’ smigħ bil-vidjo, kif xieraq, kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali, għall-fini ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.


    ARTIKOLU 24

    Protezzjoni Konsulari

    Il-Partijiet jaqblu li jkollhom skambji regolari bil-ħsieb li jiffaċilitaw aktar l-għoti ta’ protezzjoni konsulari u li jikkoordinaw l-isforzi rigward l-assistenza konsulari, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi.

    ARTIKOLU 25

    Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ impenn komprensiv dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni legali f’konformità mal-kompetenzi tal-UE u dawk nazzjonali, il-ġestjoni tal-flussi migratorji fir-rigward tal-migrazzjoni illegali, il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni illegali, il-protezzjoni internazzjonali u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali u l-ġlieda kontriha, il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin.

    2.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tiġi implimentata, fuq bażi reċiprokament aċċettabbli u b’mod olistiku, f’konformità mal-obbligi internazzjonali rispettivi tagħhom kif ukoll mal-leġiżlazzjoni domestika rispettiva tagħhom fis-seħħ. Il-kooperazzjoni se tagħmel enfasi, inter alia, fuq:

    (a)    l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni illegali;


    (b)    l-iżvilupp ta’ regoli u prattiki mmirati biex jipprovdu protezzjoni internazzjonali għal dawk fil-bżonn f’konformità mad-dritt internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji ta’ non-refoulement, ta’ umanità u ta’ solidarjetà u ta’ kooperazzjoni internazzjonali, ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet u tar-responsabbiltà;

    (c)    ir-regoli tad-dħul, kif ukoll id-drittijiet u l-istatus tal-persuni li jiddaħħlu skont dawn ir-regoli, it-trattament ġust ta’ persuni ta’ nazzjonalità differenti residenti b’mod leċitu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

    (d)    l-istabbiliment ta’ politika effettiva u preventiva kontra l-migrazzjoni illegali, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali (UNTOC), adottata mir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 55/25 tal-15 ta’ Novembru 2000 u l-Protokolli tagħha li daħlu fis-seħħ għall-Partijiet, inklużi modi kif għandhom jiġu miġġielda n-networks tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin, jiġu mfixkla n-networks kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin u jiġu protetti l-vittmi ta’ tali traffikar;

    (e)    ir-ritorn, preferibbilment volontarju, taħt kundizzjonijiet sikuri, umani u dinjitużi, ta’ persuni li jkunu qed jirrisjedu illegalment, inkluża l-promozzjoni tar-ritorn volontarju u sostenibbli tagħhom, u r-riammissjoni ta’ dawn ill-persuni f’konformità mal-paragrafu 3;

    (f)    kwistjonijiet identifikati li huma ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-viżi u s-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;


    (g)    kwistjonijiet identifikati li huma ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri.

    3.    Fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u mingħajr preġudizzju għall-bżonn ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partijiet jaqblu wkoll li:

    (a)    It-Tajlandja għandha terġa’ ddaħħal kwalunkwe ċittadin tagħha li ma jissodisfax, jew li ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, jew għall-preżenza, jew għar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq talba minn dan l-Istat Membru, u mingħajr aktar formalitajiet u mingħajr dewmien bla bżonn;

    (b)    Kull Stat Membru għandu jerġa’ jdaħħal kwalunkwe ċittadin tiegħu li ma jissodisfax, jew li ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, jew għall-preżenza, jew għar-residenza fit-territorju tat-Tajlandja, fuq talba mit-Tajlandja, mingħajr aktar formalitajiet u mingħajr dewmien bla bżonn;

    (c)    L-Istati Membri u t-Tajlandja għandhom joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar għal dawn il-finijiet. Meta ma jiġi ppreżentat l-ebda dokument jew prova oħra tan-nazzjonalità, ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew tat-Tajlandja għandhom, fuq talba tat-Tajlandja jew tal-Istat Membru kkonċernat, jipprovdu kooperazzjoni sħiħa sabiex tiġi stabbilita prova tan-nazzjonalità mingħajr dewmien.


    4.    Bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, il-Partijiet jaqblu li jibdew djalogu dwar ir-riammissjoni, li, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jista’ jwassal, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar ir-riammissjoni, inkluż l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-Unjoni Ewropea 1 . Il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw ukoll li jibdew djalogu dwar l-iffaċilitar tal-moviment ta’ persuni, li, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jista’ jwassal, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u tat-Tajlandja.

    ARTIKOLU 26

    Kooperazzjoni Umanitarja

    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw aktar dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-kooperazzjoni u l-assistenza umanitarja, inklużi l-persuni spostati u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet għall-uffiċjali li jaħdmu ma’ persuni spostati fir-reġjuni rispettivi tagħhom. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tiġi implimentata fuq bażi reċiprokament aċċettabbli u ta’ każ b’każ, f’konformità mal-istandards internazzjonali rispettivi applikabbli għall-Partijiet u l-prinċipji umanitarji tal-umanità, l-imparzjalità, l-indipendenza u n-newtralità. Dawn l-isforzi jridu jkomplu jqisu perspettiva komprensiva u fehim tal-kawżi ewlenin tal-ispostament u t-tfittxija għal soluzzjonijiet sostenibbli. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jsaħħu r-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp.


    ARTIKOLU 27

    Il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali, il-kriminalità ekonomika u finanzjarja, il-kriminalità serja 2 u l-korruzzjoni, u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Tali kooperazzjoni għandha l-għan b’mod partikolari li timplimenta u tippromwovi standards internazzjonali u strumenti legali rilevanti li għalihom il-Partijiet huma parti, bħall-UNTOC u l-Protokolli supplimentari tagħha u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, adottata bir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU Nru 58/4 tal-31 ta’ Ottubru 2003.

    ARTIKOLU 28

    Kooperazzjoni fil-Prevenzjoni u l-Ġlieda
    kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu

    1.    Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jaħdmu lejn, u li jikkooperaw, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, filwaqt li jipprevjenu u jiġġieldu b’mod effettiv l-abbuż tas-sistemi finanzjarji tagħhom għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.


    2.    Il-Partijiet jaqblu li jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw u jimplimentaw liġijiet, regoli u regolamenti biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, f’konformità mal-istandards żviluppati minn korpi internazzjonali attivi f’dan il-qasam, bħat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). Il-kooperazzjoni skont il-paragrafu 1 għandu jkollha wkoll l-għan li tippromwovi skambji ta’ informazzjoni rilevanti f’konformità mal-liġijiet nazzjonali.

    ARTIKOLU 29

    Kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika dwar id-Drogi

    1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, biex jiżguraw approċċ komprensiv, ibbażat fuq l-evidenza, ibbilanċjat u integrat permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi dawk fis-setturi tas-saħħa, tal-ġustizzja u tal-intern u setturi rilevanti oħra, bil-għan li jitnaqqsu l-provvista u t-traffikar tad-drogi illeċiti u d-domanda għalihom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-utenti tad-droga u fuq is-soċjetà inġenerali, u biex tinkiseb politika ta’ prevenzjoni aktar effettiva dwar id-drogi u biex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-prekursuri, inklużi l-“prekursuri disinjaturi”, użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u sustanzi psikoattivi ġodda.

    2.    Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq mezzi ta’ kooperazzjoni biex jilħqu dawn l-objettivi. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji miftiehma b’mod komuni stabbiliti fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar il-kontroll tad-droga u l-impenji internazzjonali kollha dwar il-kontroll tad-droga tal-Partijiet rispettivi.


    3.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tinkludi, inter alia, l-assistenza teknika u amministrattiva, it-taħriġ tal-persunal, ir-riċerka relatata mad-droga, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-esperjenzi dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-oqsma tal-kontroll tad-droga, kif ukoll dwar approċċi innovattivi għall-politika dwar id-drogi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi, u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-prekursuri, inklużi l-“prekursuri disinjaturi”, użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u sustanzi psikoattivi ġodda. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu oqsma oħra, bħall-iskambju tal-aħjar prattiki jew informazzjoni dwar il-prevenzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, it-tnaqqis tal-ħsara u l-monitoraġġ tal-vizzju tad-droga, mediċini għas-sostituzzjoni tad-droga, kif ukoll miżuri addizzjonali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-kontroll tal-prekursuri tad-droga, ix-xjenza forensika, investigazzjoni finanzjarja relatata mad-droga u żvilupp alternattiv.

    TITOLU V

    KOOPERAZZJONI F’SETTURI OĦRAJN

    ARTIKOLU 30

    Drittijiet tal-Bniedem

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, abbażi tal-prinċipju ta’ kunsens u rispett reċiproċi. Il-Partijiet għandhom irawmu djalogu regolari, sinifikanti u bbażat fuq firxa wiesgħa dwar id-drittijiet tal-bniedem.


    2.    Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, inter alia:

    (a)    il-bini tal-kapaċitajiet dwar l-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem applikabbli għall-Partijiet u dwar it-tisħiħ tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

    (b)    il-promozzjoni tad-djalogu u l-iskambji ta’ kuntatti u informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    (c)    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni kostruttiva bejn il-Partijiet fi ħdan il-korpi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    3.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar it-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba. Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi:

    (a)    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn id-drittijiet nazzjonali u reġjonali tal-bniedem, l-istat tad-dritt u istituzzjonijiet relatati ma’ governanza tajba;

    (b)    il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni biex jissaħħu l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluża l-ugwaljanza quddiem il-liġi, l-aċċess tan-nies għal għajnuna legali effettiva u d-dritt għal proċess ġust, proċess dovut u aċċess għall-ġustizzja, f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.


    ARTIKOLU 31

    Kooperazzjoni bejn is-Setturi Finanzjarji

    Il-Partijiet jaqblu li jrawmu, skont il-ħtiġijiet tagħhom u fil-qafas tal-programmi u l-leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji.

    ARTIKOLU 32

    Djalogu dwar il-Politika Makroekonomika

    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu bejn l-awtoritajiet tagħhom u jikkooperaw dwar il-kondiviżjoni tal-esperjenzi dwar il-politiki makroekonomiċi, b’mod partikolari f’oqsma ta’ integrazzjoni ekonomika.


    ARTIKOLU 33

    Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa

    Bil-għan li jissaħħu u jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju xieraq, il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inklużi l-istandards globali dwar it-trasparenza fiskali u l-iskambju ta’ informazzjoni, it-tassazzjoni ġusta u l-istandards minimi kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u Trasferiment tal-Profitti (BEPS). Il-Partijiet se jippromwovu governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, jiżviluppaw miżuri għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji msemmija hawn fuq u jiffaċilitaw il-ġbir tad-dħul mit-taxxa għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

    ARTIKOLU 34

    Politika Industrijali u Kooperazzjoni mal-MSMEs

    Il-Partijiet, filwaqt li jqisu l-politiki u l-objettivi ekonomiċi rispettivi tagħhom, jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-politika industrijali li tappoġġa attivitajiet produttivi inklużivi, sostenibbli u orjentati lejn l-iżvilupp, il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, l-intraprenditorija, il-kreattività u l-innovazzjoni kif ukoll ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista u l-aċċess għall-finanzjament fl-oqsma kollha meqjusa xierqa, bil-ħsieb li jittejbu l-formalizzazzjoni u l-aċċess għas-swieq internazzjonali, il-kompetittività u t-tkabbir tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSME), inter alia, permezz ta’:

    (a)    l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas għat-titjib tal-kompetittività tal-MSMEs;


    (b)    il-promozzjoni ta’ kuntatti bejn l-operaturi ekonomiċi, l-inkoraġġiment ta’ investimenti konġunti u t-twaqqif ta’ impriżi konġunti u ta’ networks ta’ informazzjoni l-aktar permezz tal-programmi orizzontali eżistenti tal-UE, biex jiġu stimolati b’mod partikolari t-trasferimenti ta’ soft u hard technology bejn is-sħab;

    (c)    l-għoti ta’ informazzjoni u l-istimolu tal-innovazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar l-aċċess għall-finanzi u s-suq;

    (d)    l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet għall-MSMEs sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati aktar bla xkiel fl-ekonomija globali u fil-ktajjen tal-provvista;

    (e)    l-iffaċilitar u l-appoġġ tal-attivitajiet stabbiliti mill-MSMEs tal-Partijiet;

    (f)    il-promozzjoni tar-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont soċjali korporattivi u l-inkoraġġiment ta’ prattiċi kummerċjali responsabbli, inklużi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

    ARTIKOLU 35

    Faċilitar tal-Kooperazzjoni Kummerċjali

    Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw u jappoġġaw l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni rilevanti stabbiliti mis-setturi privati tagħhom.


    ARTIKOLU 36

    Kooperazzjoni dwar Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

    1.    Waqt li jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma elementi ewlenija tal-ħajja moderna u ta’ importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet dwar il-politiki rispettivi tagħhom f’dan il-qasam bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    2.    Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tagħmel enfasi, inter alia, fuq:

    (a)    il-parteċipazzjoni fi djalogi reġjonali differenti dwar l-aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-politiki u r-regolamenti dwar il-komunikazzjoni elettronika inklużi s-servizz universali, il-liċenzjar u l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, il-protezzjoni tad-data personali, u l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awtoritajiet regolatorji;

    (b)    l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-networks u s-servizzi ta’ riċerka tal-Partijiet u tax-Xlokk tal-Asja;

    (c)    l-istandardizzazzjoni u t-tixrid ta’ ICT ġodda;

    (d)    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka bejn il-Partijiet fil-qasam tal-ICT;


    (e)    proġetti konġunti ta’ riċerka fil-qasam tal-ICT, b’mod partikolari permezz ta’ programmi qafas ta’ riċerka tal-Unjoni. L-oqsma li ġejjin ikunu inklużi b’mod partikolari fil-kooperazzjoni bejn il-Partijiet: il-gvern elettroniku, l-applikazzjonijiet mobbli, l-animazzjoni u l-multimedia;

    (f)    il-kwistjonijiet u/jew l-aspetti ta’ sigurtà tal-ICT, inklużi l-promozzjoni tas-sikurezza online, il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, id-diżinformazzjoni u l-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-forom kollha ta’ media elettronika;

    3.    Soġġetta għal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet, għandha tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn in-negozji.

    4.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar iċ-ċibersigurtà permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar strateġiji, politiki u l-aħjar prattiki f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-obbligi internazzjonali tagħhom.

    5.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, l-użu tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà u ċ-ċibersigurtà tal-prodotti u tas-servizzi tal-ICT, inkluża ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, kif ukoll politiki relatati dwar ir-riċerka u l-iżvilupp.


    ARTIKOLU 37

    Kooperazzjoni fix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkoperaw fl-oqsma kollha tax-xjenza, tat-teknologija u tal-innovazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku, filwaqt li jqisu l-politiki rispettivi tagħhom. Il-kooperazzjoni se ssaħħaħ l-appoġġ għal inizjattivi multilaterali u reġjonali ta’ riċerka u innovazzjoni biex jinkisbu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u tal-innovazzjoni. Se jkunu meħtieġa azzjonijiet konġunti b’mod partikolari biex jiġu evitati kriżijiet futuri tas-saħħa globali, speċjalment mard infettiv emerġenti, u għal impenn konġunt biex tinbena dinja aktar sana, sikura, ġusta u sostenibbli. L-oqsma ta’ kooperazzjoni jistgħu jkopru, inter alia, is-sejba ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-bijodiversità, it-tniġġis, it-tnaqqis tar-riżorsi, jew il-mard infettiv, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u soluzzjonijiet li jippermettu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jenħtieġ li l-inizjattivi juru tmexxija globali fuq l-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali.

    2.    L-għanijiet ta’ tali kooperazzjoni għandhom ikunu biex:

    (a)    tippromwovi l-kontinwità tal-programmi tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni, u tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, soċjetà bbażata fuq l-għarfien, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent sostenibbli;

    (b)    tinkoraġġixxi l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, speċjalment dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki u ta’ programmi;


    (c)    tippromwovi relazzjonijiet dejjiema bejn il-komunitajiet xjentifiċi, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet u l-industriji tal-Partijiet;

    (d)    tippromwovi l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

    (e)    tippromwovi riċerka konġunta fil-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika u tippromwovi l-aċċess ekwu għar-riżultati tar-riċerka, is-sħubija fihom, u s-sjieda konġunta tagħhom f’konformità mar-regoli tad-DPI, kif ukoll valuri u prinċipji kondiviżi u kundizzjonijiet ta’ qafas miftiehma.

    3.    Il-kooperazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ proġetti ta’ riċerka konġunta u skambji, laqgħat u taħriġ għax-xjenzati permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà internazzjonali, li jipprevedu l-akbar tixrid possibbli tar-riżultati tar-riċerka. Kwalunkwe proprjetà intellettwali li tirriżulta minn riċerka u attivitajiet konġunti għandha tiġi kondiviża fuq termini miftiehma b’mod reċiproku.

    4.    F’din il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tal-aġenziji governattivi, tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, taċ-ċentri ta’ riċerka u tas-setturi produttivi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari l-SMEs.

    5.    Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu l-isforzi kollha biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-possibbiltajiet offruti mill-programmi ta’ kooperazzjoni tagħhom fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.


    ARTIKOLU 38

    Tibdil fil-Klima

    1.    Il-Partijiet iqisu li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida eżistenzjali għall-umanità u jtennu l-impenn tagħhom li jsaħħu r-rispons globali għal din it-theddida. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jilħqu l-objettivi u l-għanijiet tal-UNFCCC u tal-Ftehim ta’ Pariġi. Għaldaqstant, kull Parti għandha timplimenta b’mod effettiv il-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi.

    2.    Il-Partijiet għandhom l-għan li jsaħħu r-rispons globali għat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu. Il-Partijiet għandhom itejbu wkoll il-kooperazzjoni dwar politiki li jgħinu jimmitigaw it-tibdil fil-klima u biex jadattaw għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, inkluża ż-żieda fil-livell tal-baħar, u biex jistabbilixxu l-ekonomiji tagħhom, inklużi l-flussi finanzjarji, lejn emissjonijiet baxxi tal-gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

    3.    L-għanijiet ta’ tali kooperazzjoni għandhom ikunu biex:

    (a)    issaħħaħ il-kapaċità u l-abilità li jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali u b’rispons għalihom;

    (b)    issaħħaħ il-bini tal-kapaċitajiet fl-implimentazzjoni tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) u tal-pjan nazzjonali ta’ adattament (NAPs) u miżuri oħra ta’ mitigazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku biex jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;


    (c)    tippromwovi l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar il-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi finanzjarji biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, inkluż l-involviment tas-settur privat;

    (d)    tadatta għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima, inkluża l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament fl-istrateġiji ta’ żvilupp u fl-ippjanar tal-Partijiet fil-livelli kollha;

    (e)    tippromwovi l-kooperazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u t-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament;

    (f)    tippromwovi s-sensibilizzazzjoni, inkluż għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli u għal dawk li jgħixu f’żoni vulnerabbli, tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima, u tintegra analiżi dwar l-implikazzjonijiet tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima f’dan ir-rigward;

    (g)    tippromwovi l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-iżvilupp ta’ strumenti ekonomiċi biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima bħall-ipprezzar tal-karbonju, u oħrajn kif xieraq;

    (h)    tippromwovi l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ tnaqqis u ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri inkluż għal żoni u komunitajiet vulnerabbli.


    ARTIKOLU 39

    Enerġija

    1.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jtejbu l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bil-ħsieb li:

    (a)    jiżguraw aċċess universali għal servizzi tal-enerġija għall-but ta’ kulħadd, affidabbli u sostenibbli u jżidu b’mod sostanzjali is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita globali tal-enerġija;

    (b)    jiżviluppaw forom ġodda, sostenibbli, innovattivi u rinnovabbli ta’ enerġija, inklużi l-bijofjuwils u l-bijomassa, l-enerġija eolika u solari u ġeotermali kif ukoll il-ħolqien tal-enerġija idroelettrika, filwaqt li jinnotaw l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija;

    (c)    jappoġġaw l-iżvilupp ta’ politiki sabiex jagħmlu l-enerġija rinnovabbli iżjed kompetittiva;

    (d)    jiksbu l-użu razzjonali tal-enerġija u jtejbu l-effiċjenza enerġetika kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda billi jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija fil-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari;

    (e)    irawmu l-kooperazzjoni fit-teknoloġija tal-enerġija nadifa, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni fir-riċerka, b’mod partikolari dwar l-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni tal-użu tal-fjuwils fossili;

    (f)    jippromwovu ħolqien tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jikkontribwixxi għal tranżizzjoni tal-enerġija nadifa f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi;


    (g)    isaħħu l-bini tal-kapaċitajiet u jippromwovu l-investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija u fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa filwaqt li jqisu l-prinċipju tat-trasparenza;

    (h)    jippromwovu l-kompetizzjoni u klima ta’ investiment favorevoli fis-suq tal-enerġija.

    2.    Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu kuntatti u riċerka konġunta għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali fl-enerġija. Bl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi bħala l-qafas ġenerali li jiggwida s-sħubija, il-Partijiet jinnotaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn l-aċċess affordabbli għal servizzi ta’ enerġija nadifa u l-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu promossi, inter alia, f’kooperazzjoni mal-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Enerġija.

    ARTIKOLU 40

    Trasport

    1.    Il-Partijiet jagħmlu ħilithom li jikkooperaw fl-oqsma rilevanti tal-politika tat-trasport bil-għan li jippromwovu t-trasport sostenibbli, kif ukoll infrastruttura ta’ kwalità, affidabbli, sostenibbli u reżiljenti, inkluża l-infrastruttura reġjonali u transfruntiera, f’konformità mal-istandards u l-prinċipji internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għaż-żewġ Partijiet, itejbu l-moviment tal-merkanzija u tal-passiġġieri, jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri tal-bniedem, b’enfasi fuq aċċess għall-but ta’ kulħadd u ekwu għal kulħadd, filwaqt li jippromwovu s-sikurezza u s-sigurtà marittimi u tal-avjazzjoni, jippromwovu l-protezzjoni ambjentali, u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport tagħhom.


    2.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-qasam għandu jkollha l-għan li tippromwovi:

    (a)    l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki tat-trasport rispettivi tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ sistemi tat-trasport urban u pubbliku sikuri, għall-but ta’ kulħadd, aċċessibbli u sostenibbli għal kulħadd, b’attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet ta’ dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli (inklużi n-nisa, it-tfal, il-persuni b’diżabilità u l-persuni akbar fl-età), it-trasport fuq l-art, it-trasport bil-baħar, it-trasport bl-ajru, il-loġistika tat-trasport u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-networks tat-trasport multimodali;

    (b)    l-użu ċivili ta’ sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, b’enfasi fuq kwistjonijiet regolatorji, industrijali u dawk marbuta mal-iżvilupp tas-suq li huma ta’ interess reċiproku; f’dan ir-rigward, se jitqies l-użu tas-sistema globali Ewropea ta’ navigazzjoni bis-satellita biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għaż-żewġ Partijiet;

    (c)    djalogu mmirat biex itejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni, tan-networks tal-infrastruttura tat-trasport bl-ajru u tal-operazzjonijiet għal moviment rapidu, effiċjenti, sostenibbli, sikur u sigur tan-nies u tal-merkanzija, u biex jeżamina l-possibbiltajiet għal aktar żvilupp tar-relazzjonijiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni fl-avjazzjoni ċivili tiġi promossa aktar.


    (d)    djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bil-baħar f’oqsma ta’ interess reċiproku li jkollu l-għan b’mod partikolari: li jiffaċilita u jikkoopera dwar l-eliminazzjoni tal-ostakoli kollha li jistgħu jxekklu l-iżvilupp tal-kummerċ bil-baħar u jtejjeb il-kundizzjonijiet li bihom jitwettqu l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar bejn il-portijiet tal-Partijiet; li jipprovdi aċċess mhux ristrett għal kummerċ internazzjonali u transfruntier fuq bażi kummerċjali; li jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-trasport bil-baħar tal-Partijiet; u li jagħti trattament mhux diskriminatorju lil bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru jew tat-Tajlandja, rispettivament, jew operati minn ċittadini jew kumpaniji tal-Parti l-oħra meta mqabbla mat-trattament mogħti lill-bastimenti tagħha stess rigward l-aċċess għall-portijiet, is-servizzi awżiljarji u s-servizzi portwarji, inkluż ir-rwol tat-trasport bil-baħar fl-iżvilupp ta’ katina tat-trasport effiċjenti;

    (e)    li jimplimenta standards dwar is-sigurtà, is-sikurezza, u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-tnaqqis tiegħu, speċjalment fir-rigward tat-trasport bil-baħar, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għall-Partijiet, inkluża l-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali adatta mmirata sabiex jiġi żgurat infurzar aħjar tar-regolamenti internazzjonali.


    ARTIKOLU 41

    Turiżmu

    1.    Iggwidati mil-linji gwida internazzjonali rilevanti għat-turiżmu sostenibbli, il-Partijiet għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-iskambju ta’ informazzjoni u jistabbilixxu l-aħjar prattika sabiex jiżguraw żvilupp ibbilanċjat ta’ turiżmu sostenibbli li joħloq l-impjiegi u jippromwovi l-kultura u l-prodotti lokali, u jippromwovu l-iżvilupp ta’ għodod għall-monitoraġġ tal-impatti tal-iżvilupp sostenibbli fuq it-turiżmu sostenibbli.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw kooperazzjoni dwar is-salvagwardja u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-wirt naturali u kulturali, billi jimmitigaw l-impatti negattivi tat-turiżmu, b’mod partikolari l-isfruttament tal-bnedmin, speċjalment tat-tfal, fi kwalunkwe forma, billi jirrispettaw l-organiżmi selvaġġi, il-flora, il-bijodiversità u l-ekosistemi, u billi jsaħħu l-kontribut pożittiv tan-negozju tat-turiżmu għall-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet lokali, inter alia, billi jiżviluppaw turiżmu sostenibbli, filwaqt li jirrispettaw l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali u tradizzjonali, u jtejbu t-taħriġ fl-industrija tat-turiżmu.

    ARTIKOLU 42

    Edukazzjoni u Kultura

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-kultura, li tkun tirrispetta kif xieraq id-diversità tagħhom, bil-għan li jiżdied il-fehim reċiproku u l-għarfien tal-kulturi rispettivi tagħhom.


    2.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu l-kontribut tal-edukazzjoni u l-kultura għat-taħriġ fl-iżvilupp sostenibbli u l-iskambji kulturali u biex iwettqu inizjattivi konġunti f’dawn l-oqsma, inkluża l-organizzazzjoni konġunta ta’ avvenimenti kulturali. F’dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu wkoll li jkomplu jappoġġaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF).

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib f’fora internazzjonali rilevanti, bħall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), sabiex itejbu l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fis-16 ta’ Novembru 1972 u mill-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fis-17 ta’ Ottubru 2003, filwaqt li jagħtu importanza lill-promozzjoni tad-diversità kulturali għall-iżvilupp tal-arti u tal-ekonomija kreattiva bbażata fuq l-għarfien.

    4.    Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu miżuri mfassla biex joħolqu rabtiet bejn l-aġenziji speċjalizzati rispettivi tagħhom u biex jinkoraġġixxu skambji ta’ informazzjoni, għarfien espert, studenti, persunal akkademiku, esperti, u jippromwovu aktar ir-rabtiet bejn il-gruppi ta’ riflessjoni. Fil-kooperazzjoni tagħhom u fl-użu ta’ riżorsi tekniċi, għandu jittieħed vantaġġ mill-faċilitajiet offruti mill-programmi tal-Unjoni fl-Asja tax-Xlokk fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura kif ukoll mill-esperjenza li l-Partijiet kisbu f’dan il-qasam. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jintensifikaw il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja u jippromwovu l-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+, kif ukoll li jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ.


    ARTIKOLU 43

    Ambjent u Riżorsi Naturali

    1.    Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jikkooperaw dwar il-protezzjoni tal-ambjent u lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, reżiljenti, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari, inkluża l-bijoekonomija, id-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ambjentali, u li jikkonservaw u jimmaniġġjaw, b’mod sostenibbli, ir-riżorsi naturali u jrawmu d-diversità bijoloġika bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni dwar ir-riżorsi ambjentali u naturali għandha tippromwovi l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent sabiex jintlaħaq żvilupp sostenibbli. Fit-twettiq tal-kooperazzjoni tagħhom, il-Partijiet se jaħdmu lejn l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi.

    3.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaħdmu sabiex ikomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-programmi reġjonali dwar l-ambjent, b’mod speċifiku fir-rigward ta’:

    (a)    il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent u tal-governanza ambjentali tajba inkluża l-parteċipazzjoni mtejba u sinifikattiva tal-komunitajiet lokali fil-protezzjoni ambjentali u fl-isforzi għall-iżvilupp sostenibbli;


    (b)    it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari biex jiġu żgurati konsum u produzzjoni sostenibbli, tiġi mmassimizzata l-effiċjenza tar-riżorsi, u jiġi mminimizzat il-ħolqien tal-iskart, b’mod partikolari l-iskart tal-plastik, għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-plastik u tal-mikroplastiks fil-baħar;

    (c)    l-integrazzjoni tal-valuri tal-ekosistema u tal-bijodiversità fl-ippjanar nazzjonali u lokali, fl-istrateġiji u fil-kontijiet għat-tnaqqis tal-faqar, u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, inkluż dwar il-bijodiversità u l-kummerċ internazzjonali tal-organiżmi selvaġġi;

    (d)    il-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-art u tal-ħamrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-art biex tinkiseb dinja newtrali għad-degradazzjoni tal-art;

    (e)    il-kooperazzjoni lejn il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-titjib tal-governanza tal-foresti, inklużi l-kontributi għall-kooperazzjoni reġjonali biex jiġu miġġielda l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat tiegħu, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni, il-promozzjoni tal-konservazzjoni, l-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-ħażniet ta’ karbonju tal-foresti. Din tista’ tinkludi l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija Volontarja dwar Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali;

    (f)    il-ġestjoni effettiva tal-parks nazzjonali u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ żoni ta’ bijodiversità rikka u ta’ ekosistemi fraġli, b’attenzjoni dovuta għall-komunitajiet lokali li jgħixu f’dawk iż-żoni jew qribhom u speċijiet mhedda u fil-periklu;


    (g)    il-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi kostali u tal-baħar inklużi ż-żoni u l-ambjent protetti tal-baħar;

    (h)    il-prevenzjoni tal-moviment transfruntier illegali ta’ sustanzi kimiċi, skart solidu u elettroniku u skart tal-baħar, sustanzi li jnaqqsu l-ożonu, u speċijiet mhedda u fil-periklu; il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma, tal-ħamrija, tal-arja u tal-istorbju;

    (i)    l-iżgurar ta’ mmaniġġjar tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart inklużiv, reżiljenti u ambjentalment korrett;

    (j)    il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u tas-sanitazzjoni biex jiġu żgurati d-disponibbiltà, il-kwalità u l-effiċjenza tal-ilma;

    (k)    il-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni u tat-teknoloġiji nodfa, biex jiġu promossi u użati teknoloġiji ambjentali, prodotti u servizzi sostenibbli, inkluż permezz ta’ inċentivi fiskali u finanzjarji xierqa;

    (l)    il-promozzjoni tal-użu tas-sistemi ta’ osservazzjoni tad-Dinja dwar kwistjonijiet ambjentali, kif ukoll il-bini tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi relatati.


    ARTIKOLU 44

    Governanza tal-Oċeani

    1.    Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ governanza tal-oċeani bil-għan li jippromwovu l-konservazzjoni fit-tul u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar.

    2.    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni dwar il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar kif definiti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 (UNCLOS), adottata mit-Tielet Konferenza dwar il-Liġi tal-Baħar fl-10 ta’ Diċembru 1982, u l-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-FAO, adottat mir-Riżoluzzjoni tal-Konferenza tal-FAO Nru 4/95 tal-31 ta’ Ottubru 1995. Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-UNCLOS relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali b’Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u ta’ Ġestjoni minn Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa.

    3.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw:

    (a)    fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);


    (b)    mal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) jew mal-Arranġamenti li għalihom huma membri, osservaturi, jew partijiet mhux kontraenti li jikkooperaw, u fi ħdanhom, bil-għan li jiġu promossi l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tagħhom;

    (c)    dwar il-ġlieda kontra s-sajd IUU u attivitajiet relatati mas-sajd b’miżuri komprensivi, effettivi u trasparenti, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-esperjenza, il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd IUU, fejn xieraq, filwaqt li jitqiesu l-kunfidenzjalità tad-data u l-liġijiet domestiċi;

    (d)    fil-promozzjoni tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol fis-settur tas-sajd u tal-frott tal-baħar u fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd Nru 188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li saret f’Ġinevra fit-30 ta’ Mejju 2007;

    (e)    dwar l-iżvilupp ta’ akkwakultura tal-baħar sostenibbli u responsabbli, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli tal-FAO;

    (f)    dwar it-tnaqqis tal-pressjonijiet fuq l-oċeani, inter alia, permezz tal-ġlieda kontra l-iskart u t-tniġġis tal-baħar, inkluż minn sorsi bbażati fuq l-art u bbażati fuq il-bastimenti, kif ukoll attivitajiet tal-bniedem b’rabta mal-baħar skont l-obbligi internazzjonali applikabbli għall-Partijiet, u permezz ta’ miżuri ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-oċeani u tal-komunitajiet kostali għat-tibdil fil-klima.


    ARTIKOLU 45

    Agrikoltura, Bhejjem, Sajd u Żvilupp Rurali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu d-djalogu fir-rigward tal-agrikoltura, tal-bhejjem, tas-sajd u tal-iżvilupp rurali. Il-Partijiet se jiskambjaw informazzjoni u jiżviluppaw kooperazzjoni fir-rigward:

    (a)    tal-politika agrikola u l-perspettiva internazzjonali dwar l-agrikoltura b’mod ġenerali;

    (b)    tal-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ agrikolu, inkluż il-kummerċ tal-pjanti, tal-annimali, tal-annimali akkwatiċi u tal-prodotti tagħhom;

    (c)    tal-politika dwar l-iżvilupp fiż-żoni rurali, inklużi riżorsi u inputs produttivi oħra, għarfien, servizzi finanzjarji, swieq u opportunitajiet għaż-żieda fil-valur u l-impjiegi mhux agrikoli;

    (d)    tal-politika dwar il-pjanti, l-annimali, il-prodotti tal-annimali akkwatiċi inklużi skemi tal-kwalità agrikola bħall-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-produzzjoni organika, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar Prattiki Agrikoli Tajbin;

    (e)    tal-promozzjoni ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni tal-agrikoltura organika u produzzjoni agrikola sostenibbli.


    2.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni teknoloġika, il-bini tal-kapaċitajiet jew kwalunkwe forma oħra ta’ kooperazzjoni li żżid il-produttività, il-produzzjoni sikura u sostenibbli u l-prattiki reżiljenti fl-agrikoltura, fil-bhejjem, fis-sajd u fiż-żoni tal-iżvilupp rurali, u li ttejjeb it-tħejjija, il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-kontroll tal-pjanti, tal-annimali, u tal-mard żoonotiku f’konformità mal-approċċ Saħħa Waħda u mal-istandards internazzjonali.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jħeġġu lis-setturi pubbliċi u privati jiddiskutu u jiskambjaw informazzjoni dwar in-negozju, inklużi avvenimenti ta’ tqabbil tan-negozju u ta’ promozzjoni tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli.

    ARTIKOLU 46

    Saħħa

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkondividu l-esperjenza u l-aħjar prattiki fis-settur tas-saħħa bil-għan li jsaħħu l-attivitajiet fl-oqsma tar-riċerka, jindirizzaw it-theddid minn mard ewlieni mhux komunikabbli u minn mard komunikabbli, inkluża l-pandemija tal-COVID-19, u t-tisħiħ tal-kopertura universali tas-saħħa, kif ukoll tas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tal-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jiskambjaw fehmiet u l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet regolatorji rilevanti għall-farmaċewtiċi u l-apparat mediku.


    2.    Il-kooperazzjoni għandha sseħħ prinċipalment permezz ta’ fora internazzjonali, inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u inizjattivi multilaterali, f’oqsma:

    (a)    bħar-riċerka konġunta u l-iżvilupp ta’ programmi vertikali ewlenin tas-saħħa; ir-riċerka konġunta permezz ta’ inizjattivi multilaterali bħall-Alleanza Globali għall-Mard Kroniku u l-Kollaborazzjoni Globali fir-Riċerka għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv;

    (b)    bħal-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

    (c)    bħal ftehimiet internazzjonali fis-settur tas-saħħa.

    ARTIKOLU 47

    Impjiegi u Affarijiet Soċjali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni u jippromwovu l-assistenza teknika fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-koeżjoni reġjonali u soċjali, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-paga ugwali għax-xogħol ta’ valur ugwali, l-apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, il-protezzjoni soċjali u x-xogħol deċenti, bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni.


    2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jappoġġaw il-proċess tal-globalizzazzjoni li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd u li jippromwovu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti bħala element ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif approvat mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata f’Ġinevra fl-10 ta’ Ġunju 2008, u d-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol, adottata f’Ġinevra fil-21 ta’ Ġunju 2019. Il-Partijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi rispettivi u n-natura differenti tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom.

    3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom li jippromwovu u jimplimentaw b’mod effettiv l-istandards soċjali u tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, u li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu fil-prattika l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, adottata f’Ġinevra fit-18 ta’ Ġunju 1998 u emendata fl-10 ta’ Ġunju 2022. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u li jipprovdu assistenza teknika bil-għan li jaħdmu lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO kif ukoll li jikkooperaw dwar il-promozzjoni tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ Konvenzjonijiet aġġornati oħra tal-ILO kif xieraq, inkluż fir-rigward tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-sħab soċjali fl-oqsma tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-impjiegi, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-ispezzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali dwar il-protezzjoni soċjali u tax-xogħol.


    5.    Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu tista’ tinkludi, inter alia, programmi u proġetti speċifiċi, kif miftiehem b’mod reċiproku, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta’ interess komuni fil-livell bilaterali jew multilaterali, bħall-ASEM, UE‑ASEAN u l-ILO.

    ARTIKOLU 48

    Statistika

    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu, f’konformità mal-attivitajiet eżistenti ta’ kooperazzjoni statistika bejn l-Unjoni u l-ASEAN, il-kooperazzjoni fl-armonizzazzjoni tal-metodi u l-prattika statistiċi inklużi l-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u t-tixrid tal-istatistika biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità għolja, f’waqtha, rilevanti u ta’ data aggregata aktar dettaljata, u b’hekk ikunu jistgħu jużaw, fuq bażi aċċettabbli b’mod reċiproku, statistika dwar il-kummerċ ta’ merkanzija u servizzi u, b’mod aktar ġenerali, dwar kwalunkwe qasam ieħor kopert minn dan il-Ftehim li huwa adatt għall-ipproċessar statistiku. Il-Partijiet jenfasizzaw l-importanza tad-data u l-istatistika għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.


    ARTIKOLU 49

    Soċjetà Ċivili

    Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribut tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-akkademiċi, is-sħab soċjali, kif ukoll ir-rabtiet bejn il-gruppi ta’ riflessjoni u s-sħab soċjali, fil-proċess ta’ djalogu u kooperazzjoni skont dan il-Ftehim u jaqblu li jinkoraġġixxu u jippromwovu djalogu effettiv mas-soċjetà ċivili, u jippromwovu l-parteċipazzjoni effettiva u kostruttiva tagħhom kif ukoll sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati.

    TITOLU VI

    MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI

    ARTIKOLU 50

    Riżorsi għall-Kooperazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu disponibbli r-riżorsi xierqa, inklużi l-mezzi finanzjarji, sa fejn ir-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom jippermettu, sabiex jissodisfaw l-objettivi tal-kooperazzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim.


    2.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikompli bl-operazzjonijiet tiegħu fit-Tajlandja, f’konformità mal-proċeduri u l-kriterji tal-finanzjament tagħha.

    ARTIKOLU 51

    Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ta’ Pajjiżi Terzi

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu regolari dwar il-programmi ta’ żvilupp rispettivi tagħhom f’pajjiżi terzi.

    2.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw f’azzjonijiet konġunti mmirati biex jipprovdu assistenza għall-iżvilupp sostenibbli lil pajjiżi ġirien tat-Tajlandja u lil hinn minnha, f’setturi rilevanti għall-kooperazzjoni trilaterali. L-oqsma ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu ddeterminati mis-sħab kollha involuti, abbażi tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi benefiċjarji, il-kapaċità u l-għarfien espert tal-UE u tat-Tajlandja, u għandhom jiġu deċiżi fuq bażi ad hoc.


    TITOLU VII

    QAFAS ISTITUZZJONALI

    ARTIKOLU 52

    Il-Kumitat Konġunt

    1.    Huwa hawnhekk stabbilit Kumitat Konġunt, li huwa magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet fuq l-ogħla livell possibbli, li l-kompiti tiegħu għandhom ikunu li:

    (a)    jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

    (b)    jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

    (c)    jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim;

    (d)    isib soluzzjoni, fejn applikabbli, għal kwalunkwe differenza jew diverġenza li tirriżulta mill-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 55;

    (e)    jeżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet fir-rigward ta’ nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi, u jwettaq konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra biex ifittex soluzzjoni amikevoli u reċiprokament aċċettabbli għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 55;


    2.    Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa’ mhux inqas minn kull sentejn f’Bangkok u fi Brussell alternattivament, f’data li tiġi deċiża bi ftehim reċiproku. Jistgħu jsiru wkoll laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt bi ftehim bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jitmexxa b’mod alternattiv minn kull waħda mill-Partijiet. L-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita bi ftehim bejn il-Partijiet.

    3.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jagħmlu rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom li jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li għandu jkun ukoll ix-xogħol tal-Kumitat Konġunt li jiżgura l-funzjonament xieraq ta’ kwalunkwe ftehim settorjali jew protokoll konkluż jew li jkun se jiġi konkluż bejn il-Partijiet.

    5.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.


    TITOLU VIII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 53

    Klawżola dwar Żviluppi Futuri

    1.    Il-Partijiet jistgħu, b’kunsens reċiproku, jespandu dan il-Ftehim bil-ħsieb li jkabbru l-livell ta’ kooperazzjoni, anke billi jissumplimentawh permezz ta’ ftehimiet jew protokolli dwar oqsma, setturi jew attivitajiet speċifiċi. Dawn il-ftehimiet jew protokolli speċifiċi għandhom ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali bejn il-Partijiet u għandhom ikunu soġġetti għal qafas istituzzjonali komuni.

    2.    Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ tressaq suġġerimenti għat-tkabbir tal-ambitu tal-kooperazzjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza li tkun inkisbet mill-applikazzjoni tiegħu.


    ARTIKOLU 54

    Ftehimiet Oħra

    1.    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, la dan il-Ftehim u l-ebda azzjoni li tittieħed bis-saħħa tiegħu ma għandhom b’xi mod jaffettwaw is-setgħat tal-Istati Membri biex iwettqu attivitajiet ta’ kooperazzjoni bilaterali mat-Tajlandja jew biex jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet ġodda ta’ kooperazzjoni mat-Tajlandja.

    2.    Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ impenji meħuda mill-Partijiet rispettivi f’relazzjoni ma’ partijiet terzi.

    3.    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi lil Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni, inkluża azzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim, fl-ambitu ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor li għalih iż-żewġ Partijiet ikunu parti.

    ARTIKOLU 55

    Twettiq tal-Obbligi

    1.    Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. Huma għandhom jaraw li l-objettivi stipulati fil-Ftehim jintlaħqu.


    2.    Skont l-Artikolu 52(1)(d), kwalunkwe Parti tista’ tirreferi lill-Kumitat Konġunt kwalunkwe diverġenza fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    3.    Jekk xi waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma ssodisfatx kwalunkwe wieħed mill-obbligi tagħha fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, hija tista’ tieħu miżuri adatti f’konformità mad-dritt internazzjonali.

    4.    Qabel ma tieħu l-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 3 hawn fuq, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 5, tali Parti għandha tippreżenta lill-Kumitat Konġunt l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jorganizzaw konsultazzjonijiet taħt l-awspiċji tal-Kumitat Konġunt. F’każ li l-Kumitat Konġunt ma jkunx jista’ jilħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli, tali Parti tista’ tieħu miżuri xierqa.

    5.    Jekk kwalunkwe Parti jkollha raġunijiet serji biex tikkunsidra li l-Parti l-oħra tkun naqset milli tissodisfa b’mod sostanzjali kwalunkwe wieħed mill-obbligi li huma deskritti bħala elementi essenzjali fl-Artikoli 1(1) u 3(1), hija għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra b’dan in-nuqqas ta’ konformità. Fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt, jew kif miftiehem b’mod ieħor mill-Partijiet, għandu jwettaq konsultazzjonijiet urġenti f’perjodu ta’ mhux aktar minn 30 jum għal eżami dettaljat ta’ kwalunkwe aspett, jew bażi tal-miżura, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. Wara dan il-perjodu, il-Parti notifikanti tista’ tapplika miżuri xierqa.


    6.    Huma u jintgħażlu l-miżuri xierqa għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim jew, skont il-każ, ta’ kwalunkwe ftehim ieħor. Dawn il-miżuri għandhom ikunu ta’ natura temporanja u proporzjonati għall-ksur bil-għan li jinkoraġġixxu t-twettiq eventwali tal-obbligi. Għall-finijiet tal-paragrafu 4, “miżuri xierqa” jistgħu jinkludu s-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim. Għall-finijiet tal-paragrafu 5, “miżuri xierqa” jistgħu jinkludu s-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku msemmi fl-Artikolu 53(1).

    Id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tittieħed minn kull Parti f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

    7.    Kull Parti tista’ titlob lill-Kumitat Konġunt jirrieżamina ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament għaż-żewġ Partijiet. Il-Parti li tieħu l-miżuri xierqa għandha tirtirahom hekk kif ikun ġustifikat.

    ARTIKOLU 56

    Faċilitazzjoni

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li jagħtu l-faċilitajiet meħtieġa lill-uffiċjali u lill-esperti involuti fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni implimentattiva għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom.


    ARTIKOLU 57

    Applikazzjoni Territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tat-Tajlandja.

    ARTIKOLU 58

    Definizzjoni tal-Partijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet” għandha tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’konformità mas-setgħat rispettivi tagħhom, minn naħa waħda, u t-Tajlandja, min-naħa l-oħra.

    ARTIKOLU 59

    Dħul fis-Seħħ u Applikazzjoni Provviżorja

    1.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin (30) jum wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra dwar it-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħha neċessarji għal dak il-għan.


    2.    Minkejja l-paragrafu 1, it-Tajlandja u l-Unjoni Ewropea jistgħu japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju, kompletament jew parzjalment, f’konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom, sakemm jidħol fis-seħħ.

    3.    Tali applikazzjoni provviżorja għandha tidħol fis-seħħ tletin (30) jum wara d-data li fiha:

    (a)    L-Unjoni Ewropea tkun innotifikat lit-Tajlandja dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa, filwaqt li tkun indikat il-partijiet ta’ dan il-Ftehim li għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju; u

    (b)    It-Tajlandja tkun innotifikat lill-Unjoni Ewropea dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa, filwaqt li tkun aċċettat il-partijiet tal-Ftehim li jenħtieġ li jiġu applikati b’mod provviżorju.

    4.    Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ttemm l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tletin (30) jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika.

    5.    Għad-dispożizzjonijiet f’dan il-ftehim li jiġu applikati b’mod provviżorju, id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandu jinftiehem li jirreferi għad-data tal-applikazzjoni provviżorja kif stabbilit fil-paragrafu 3.


    Il-Kumitat Konġunt u korpi oħrajn stabbiliti skont dan il-Ftehim jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom matul l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim sal-punt li dawn il-funzjonijiet ikunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim. Kwalunkwe deċiżjoni adottata fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ma tibqax effettiva jekk l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim tiġi tterminata f’konformità mal-paragrafu 4.

    ARTIKOLU 60

    Durata u Terminazzjoni

    1.    Dan il-Ftehim huwa validu għal perjodu ta’ ħames (5) snin. Huwa għandu jiġi estiż b’mod awtomatiku għal perjodi suċċessivi oħra ta’ sena, sakemm waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub, sa sitt (6) xhur qabel it-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu ta’ sena sussegwenti, dwar l-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim.

    2.    Dan il-Ftehim jista’ jintemm minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt (6) xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika. Din it-terminazzjoni ma għandhiex taffettwa l-proġetti għaddejjin bħalissa li nbdew skont dan il-Ftehim qabel il-wasla tan-notifika.


    ARTIKOLU 61

    Emendi

    Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir bi ftehim bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda għandha ssir effettiva biss wara li l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu tlestew.

    ARTIKOLU 62

    Dikjarazzjonijiet Konġunti

    Id-Dikjarazzjonijiet Konġunti annessi ma’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 63

    Notifiki

    In-notifiki magħmula f’konformità mal-Artikolu 59 għandhom isiru lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tat-Tajlandja, rispettivament.


    ARTIKOLU 64

    Testi Awtentiċi

    Dan il-Ftehim ġie miktub bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Tajlandiża, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

    Magħmul fi […] nhar […]

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 5
    (REATI SERJI TA’ TĦASSIB INTERNAZZJONALI)

    Kemm l-Istati Membri kif ukoll it-Tajlandja huma firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, li jikkostitwixxi żvilupp importanti għas-sistema tal-ġustizzja internazzjonali u l-funzjonament effettiv tagħha. L-Istatut ta’ Ruma jistipula li l-ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra huma reati serji ta’ tħassib internazzjonali.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 23
    (KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA U LEGALI)

    Il-Gvern Rjali Tajlandiż għandu jipproċedi b’kull mezz f’konformità mal-liġijiet tiegħu biex jiżgura li l-persuna ma tingħatax is-sentenza tal-mewt, u jekk il-Qorti tagħti sentenza tal-mewt, il-Gvern Rjali Tajlandiż għandu jissottometti rakkomandazzjoni għal Maħfra Rjali.

    ________________

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
    (2)    Kif definit fl-Artikolu 2b tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali (UNTOC).
    Top