Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0402

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    COM/2022/402 final

    Brussell, 18.8.2022

    COM(2022) 402 final

    2022/0243(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma' indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jikseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u li jipprovdi strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u l-użi ħżiena tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021.

    2.2.Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa stabbilit bl-Artikolu 10 tal-Ftehim. Għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fl-UE u fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u jintensifika l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa kompost minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena jew fi kwalunkwe ħin miftiehem mill-Partijiet, b'mod alternat fl-Unjoni Ewropea u fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f'ħin u post u b'mod (li jista' jinkludi vidjokonferenza) ddeterminat b'mod reċiproku mill-Partijiet, iżda mhux aktar tard minn 90 jum wara t-talba. Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens u jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa responsabbli biex jemenda l-Anness I fir-rigward tar-referenzi għal-liġi applikabbli fil-Partijiet, jemenda l-Annessi l-oħra tal-Ftehim, jiskambja informazzjoni dwar l-iżviluppi leġiżlattivi u ta’ politika fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, ’jiskambja informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi bil-għan li tiġi kkunsidrata l-protezzjoni tagħhom f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandu jadotta deċiżjoni dwar ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    L-għan tal-att previst huwa li jadotta, f’konformità mal-Artikolu 10.2 tal-Ftehim, ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni tkun tippermetti l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Il-Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Il-Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 1 .

    4.1.2.L-Applikazzjoni għal każ preżenti

    Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.

    L-att stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jikkostitwixxi att li għandu effetti legali minħabba li l-Artikolu 10 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi biex jadotta deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-partijiet.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Il-Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Il-Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.L-Applikazzjoni għal każ preżenti

    L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

    4.3.Il-Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.



    2022/0243 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma’ indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1832 2 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021.

    (2)Skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    (3)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, peress li dawk ir-regoli se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

    (4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (5)Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       F'isem il-Kunsill

       Il-President

    (1)     Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    (2)    ĠU L 408I , 4.12.2020, p. 1.
    Top

    Brussell, 18.8.2022

    COM(2022) 402 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL



    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi


    ANNESS

    L-abbozz ta’ proposta għal regoli ta’ proċedura għall-Kumitat Konġunt UE-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni u responsabbiltajiet

    1.Il-Kumitat Konġunt dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“il-Kumitat Konġunt”) stabbilit skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta ma'indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikolu 10 tal-Ftehim. B’mod partikolari, huwa għandu jkun responsabbli biex:

    (a)jemenda l-Anness I fir-rigward tar-referenzi għal-liġi applikabbli fil-Partijiet u jemenda l-Annessi l-oħrajn għal dan il-Ftehim;

    (b)jiskambja informazzjoni dwar l-iżviluppi leġiżlattivi u ta' politika fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u dwar kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

    (c)jiskambja informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi bil-għan li tiġikkunsidrata l-protezzjoni tagħhom f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Kompożizzjoni u Presidenza

    1.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”), minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra.

    2.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun kopresedut minn rappreżentanti taċ-Ċina u tal-Unjoni Ewropea.

    3.Kull kopresident jista' jiddelega l-funzjonijiet tal-kopresident, kollha jew kwalunkwe waħda minnhom, lil deputat nominat, f'liema każ ir-referenzi kollha minn hawn 'il quddiem għall-kopresident għandhom japplikaw bl-istess mod għad-deputat nominat.

    4.Kull kopresident għandu jaħtar persuna ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-Kumitat Konġunt. Dawk il-persuni ta’ kuntatt għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt għad-dmirijiet segretarjali tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 3

    Laqgħat

    Skont l-Artikolu 10.2 tal-Ftehim, il-post tal-laqgħa għandu jalterna bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' f'ħin u post u b'mod li jista' jkun ukoll permezz ta' vidjokonferenza, bi qbil b'mod reċiproku mill-Partijiet, iżda mhux aktar tard minn 90 jum wara t-talba minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    Artikolu 4

    Korrispondenza

    1.Il-korrispondenza indirizzata lill-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt għandha tintbagħat lill-punti ta’ kuntatt għaċ-ċirkolazzjoni lill-membri tal-Kumitat Konġunt.

    2.Il-korrispondenza indirizzata lill-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt tista' ssir permezz ta' kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

    Artikolu 5

    Aġendi għal-laqgħat

    1.Għandha titfassal aġenda proviżorja mill-persuni ta' kuntatt qabel kull laqgħa. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-membri tal-Kumitat Konġunt inklużi l-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa. L-aġenda proviżorja tista' tinkludi kwalunkwe punt kopert mill-Artikoli 10 u 11 tal-Ftehim.

    2.Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista' titlob li l-punti koperti mill-Artikolu 10 u 11 tal-Ftehim jiġu inklużi fl-aġenda proviżorja mill-inqas 21 jum qabel il-laqgħa. Dawk il-punti għandhom jiġu inklużi fl-aġenda proviżorja.

    3.Il-verżjoni finali tal-aġenda provviżorja għandha tiġi ċċirkolata lill-kopresidenti mill-inqas 5 ijiem qabel il-laqgħa.

    4.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-kopresidenti b'mod unanimu fil-bidu ta' kull laqgħa. Kwalunkwe punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fl-aġenda jekk iż-żewġ kopresidenti jaqblu dwar dan.

    Artikolu 6

    Deċiżjonijiet

    1.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet b’kunsens, kif previsti fl-Artikolu 10.2 tal-Ftehim.

    2.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt fis-sens tal-Artikolu 10.2 tal-Ftehim għandhom ikunu ffirmati mill-kopresidenti. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    3.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom juru d-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

    Artikolu 7

    Proċedura bil-miktub

    1.Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tista' tiġi adottata bi proċedura bil-miktub fejn iż-żewġ Partijiet jaqblu. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn il-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt.

    2.Il-kopresident tal-Parti li tipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandu jissottometti l-abbozz ta' deċiżjoni lill-kopresident tal-Parti l-oħra, li għandu jwieġeb billi jindika jekk jaċċettax jew le l-abbozz ta’ deċiżjoni. Il-kopresident tal-Parti l-oħra jista' wkoll jipproponi emendi jew jitlob aktar żmien għar-riflessjoni. Jekk ikun hemm qbil dwar l-abbozz, dan għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 6 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura.

    Artikolu 8

    Minuti

    1.L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitfassal mill-punt ta' kuntatt tal-parti ospitanti rilevanti fi żmien 21 jum mil-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati u jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra milħuqa.

    2.Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien 28 jum mil-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Ladarba jiġu approvati, għandhom jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-kopresidenti. Kopja oriġinali tal-minuti għandha tinżamm minn kull kopresident.

    Artikolu 9

    Spejjeż

    1.Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż li toħroġ biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.

    2.In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda torganizza l-laqgħa.

    Artikolu 10

    Pubbliċità u konfidenzjalità

    1.Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi.

    2.Meta Parti jissotometti informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-Kumitat Konġunt, il-Parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

    3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10.2 ta’ hawn fuq, kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Top