IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.7.2022
COM(2022) 336 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar flussi transfruntiera ta’ data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Permezz tad-Deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill approva direttivi ta’ negozjati biex il-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Ġappun, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni nnegozjat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (il-Ftehim). Il-Kapitolu 8 tal-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet komprensivi dwar il-kummerċ fis-servizzi, il-liberalizzazzjoni tal-investiment u l-kummerċ elettroniku.
Madankollu, fil-mument tal-konklużjoni tan-negozjati, l-Unjoni Ewropea kienet għadha ma kkonsolidatx pożizzjoni interna dwar id-dispożizzjonijiet orizzontali għall-flussi transfruntiera tad-data u għall-protezzjoni tad-data personali fil-ftehimiet kummerċjali. B’riżultat ta’ dan, il-Ftehim ma fihx regoli sostantivi dwar il-flussi transfruntiera tad-data bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, iżda klawżola ta’ rieżami, fl-Artikolu 8.81 tal-Ftehim, li skontha “l-Partijiet għandhom jerġgħu jivvalutaw fi żmien tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ħtieġa għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-fluss liberu tad-data fil-Ftehim.”
Fil-31 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea approvat dispożizzjonijiet orizzontali għall-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali fin-negozjati kummerċjali, li ġew ippubblikati f’Lulju 2018. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew innegozjati b’suċċess f’diversi negozjati bilaterali u ġew proposti fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-kummerċ elettroniku fid-WTO. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea issa tinsab f’pożizzjoni li tinkludi d-dispożizzjonijiet ta’ Lulju 2018 dwar il-flussi transfruntiera tad-data fir-regoli eżistenti tal-Ftehim dwar il-kummerċ elettroniku.
Wara sensiela ta’ diskussjonijiet esploratorji li saru fil-livell tekniku bejn ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun matul l-2021, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22.1 tal-Ftehim, fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2022, eżamina jekk is-sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun kinitx se tibbenefika mill-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data fil-Ftehim. Filwaqt li jibnu fuq dak l-eżami, ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, fit-28-il summit bejn l-UE u l-Ġappun, impenjaw ruħhom li jikkunsidraw it-tnedija tan-negozjati meħtieġa għal tali inklużjoni.
L-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għandhom relazzjoni ekonomika profonda u dinamika u, permezz tal-arranġament ta’ adegwatezza reċiproka tagħhom, ħolqu l-akbar żona fid-dinja ta’ trasferimenti sikuri ta’ data personali. Il-Ġappun huwa l-eqreb sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun Indo-Paċifiku u t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Asja. Għaldaqstant, huwa xieraq li, għall-ewwel darba, jinbdew negozjati kummerċjali bi kwistjoni waħda biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza fil-Ftehim.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Billi timmira għal regoli li jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data filwaqt li tippreserva l-awtonomija regolatorja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Frar 2021 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Billi tinnegozja regoli dwar il-flussi transfruntiera tad-data mal-Ġappun f’konformità mal-proposta konsolidata għal dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali, il-proposta ssegwi l-istrateġija tal-Kummissjoni stabbilita fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, l-Istrateġija tal-UE għad-Data u fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku.
Fir-rieżami tal-Politika Kummerċjali, il-Kummissjoni impenjat ruħha li “tkompli tindirizza l-ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data filwaqt li tippreserva l-awtonomija regolatorja tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza”. L-istrateġija tal-UE għad-Data tiddikjara: “L-UE se tibqa’ tindirizza dawn l-ostakli mhux ġustifikati għall-flussi tad-data waqt id-diskussjonijiet bilaterali u fil-fora internazzjonali – inkluż mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – filwaqt li se tippromwovi u tipproteġi r-regoli u l-istandards Ewropej tal-ipproċessar tad-data, bi qbil sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE”. Il-flussi tad-data huma identifikati wkoll bħala element importanti tal-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandhom jiġu indikati bħala bażi ġuridika għal din il-proposta.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE.
•Proporzjonalità
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
•Għażla tal-istrument
L-uniku strument disponibbli biex jintlaħaq l-objettiv huwa ftehim internazzjonali. Għaldaqstant, hija meħtieġa awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati għal ftehim internazzjonali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Ir-rakkomandazzjoni hija konsistenti mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, billi tressaq il-proposta konsolidata għal dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali, il-Kummissjoni tfittex li tippreserva l-awtonomija regolatorja tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-proposta tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem l-Unjoni, l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.
Il-proposta tistabbilixxi fl-anness tagħha d-direttivi ta’ negozjati li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar flussi transfruntiera ta’ data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 8.81 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (il-Ftehim) jagħti struzzjonijiet lill-Partijiet biex jivvalutaw mill-ġdid il-ħtieġa għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-fluss liberu tad-data fil-Ftehim.
(2)Il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22.1 tal-Ftehim, fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta’ Marzu, eżamina jekk is-sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun kinitx se tibbenefika mill-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data fil-Ftehim. Filwaqt li jibnu fuq dak l-eżami, ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, fit-28-il summit bejn l-UE u l-Ġappun, impenjaw ruħhom li jikkunsidraw it-tnedija tan-negozjati meħtieġa għal tali inklużjoni.
(3)L-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għandhom relazzjoni ekonomika profonda u dinamika u, permezz tal-arranġament ta’ adegwatezza reċiproka tagħhom, ħolqu l-akbar żona fid-dinja ta’ trasferimenti sikuri ta’ data personali. Il-Ġappun huwa l-eqreb sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun Indo-Paċifiku u t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Asja.
(4)L-Unjoni Ewropea hija involuta f’negozjati dwar regoli li jkopru flussi transfruntiera ta’ data f’diversi negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-kummerċ elettroniku fid-WTO. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiftaħ negozjati bil-ħsieb li tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-flussi tad-data fil-Ftehim, b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet orizzontali għall-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali fin-negozjati kummerċjali.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata li tinnegozja, f’isem l-Unjoni, id-dispożizzjonijiet dwar flussi transfruntiera ta’ data fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika.
Artikolu 2
Id-Direttivi ta’ negozjati indirizzati lill-Kummissjoni għan-negozjar tad-dispożizzjonijiet dwar il-flussi transfruntiera tad-data mal-Ġappun huma stabbiliti fl-addendum tad-Deċiżjoni.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President