Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0202

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-organizzazzjoni

COM/2022/202 final

Brussell, 29.4.2022

COM(2022) 202 final

2022/0144(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-organizzazzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Ir-reġim tal-UE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (KSP) huwa stabbilit fid-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata). Il-KSP fl-Unjoni huwa bbażat fuq l-istruttura tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi (MtQ ta’ Pariġi) dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port li ilu jeżisti mill-1982. Id-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata) tinkorpora l-proċeduri u l-għodod tal-MtQ ta’ Pariġi. L-Istati Membri marittimi kollha tal-UE kif ukoll il-Kanada, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa u r-Renju Unit jipparteċipaw fil-MtQ. L-Unjoni Ewropea mhijiex membru tal-MtQ ta’ Pariġi.

Sabiex il-KSP fl-Unjoni jiffunzjona, iridu jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet kull sena fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’konsensus fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port” (PSCC) li jiltaqa’ f’Mejju ta’ kull sena. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE, id-deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti xieraq tal-MtQ ta’ Pariġi jsiru vinkolanti għall-Istati Membri tal-UE.

Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-MtQ ta’ Pariġi meta dawn jintalbu jadottaw atti li jkollhom effetti legali, trid tiġi adottata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni.

Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, fl-14 ta’ Marzu 2022 is-Segretarjat tal-MtQ ta’ Pariġi rċieva ittra mingħand il-Ministru għall-Infrastruttura Ukren is-Sur Oleksandr Kubrakov. Fl-ittra, il-MtQ ta’ Pariġi huwa mitlub (i) li ma jżommx indebitament vapuri li jtajru l-bandiera tal-Ukrajna wara spezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port, (ii) li jeskludi l-Federazzjoni Russa mill-MtQ ta’ Pariġi, u (iii) li ma jirrikonoxxix ċertifikati maħruġa f’isem l-Amministrazzjoni Marittima tal-Federazzjoni Russa.

Fir-rigward tal-ewwel talba biex ma jinżammux bastimenti Ukreni indebitament, fit-2 ta’ Marzu 2022 il-MtQ ta’ Pariġi ħareġ iċ-Ċirkolari 101 tal-KSP (Gwida dwar ir-ripatrijazzjoni tal-baħħara minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna) li tindirizza din il-kwistjoni. Iċ-Ċirkolari 101 tal-KSP tinforma lill-awtoritajiet membri li hemm il-ħtieġa li tiġi applikata flessibbiltà fiċ-ċirkostanzi attwali, inkluż fir-rigward tar-ripatrijazzjoni tal-baħħara, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006, iċ-ċertifikati maħruġa skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978 u ċ-ċertifikati mediċi. Jekk isir neċessarju minħabba l-iżviluppi, il-MtQ ta’ Pariġi jista’ jikkunsidra aġġustamenti ulterjuri fir-rigward taċ-Ċirkolari 101 tal-KPS.

B’rabta mat-talba rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Federazzjoni Russa ġiet eskluża mill-aċċess għall-għodda tal-immirar THETIS PSC u għall-bażi tad-data dwar l-ispezzjonijiet prevista skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE, u mill-użu tagħhom. Dan ifisser li l-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-ħidma tal-MtQ ta’ Pariġi diġà kienet limitata ferm u mingħajr aċċess għal dik il-bażi tad-data l-Federazzjoni Russa ma tistax tissodisfa b’mod effettiv l-obbligi tagħha skont il-MtQ ta’ Pariġi jew tikkontribwixxi fil-ħidma tal-MtQ.

Għalkemm hemm konsensus fost l-Istati Membri tal-UE li jenħtieġ li tittieħed azzjoni kontra l-Federazzjoni Russa, la l-Memorandum u lanqas kwalunkwe waħda mill-istruzzjonijiet ta’ politika ma fihom xi proċedura jew mekkaniżmu biex xi membri jitneħħew mill-MtQ ta’ Pariġi. Minbarra l-esklużjoni, dawk il-membri li esprimew il-fehma tagħhom indikaw preferenza li għalissa s-sħubija tiġi sospiża. Filwaqt li l-effett legali immedjat ikun simili għal esklużjoni, din tkun inqas permanenti. Is-sospensjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata iktar il-ħtieġa għal esklużjoni sħiħa mill-MtQ ta’ Pariġi u tista’ titreġġa’ lura jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu. Madankollu, il-Memorandum lanqas ma għandu dispożizzjoni għas-sospensjoni tas-sħubija.

Il-President tal-MtQ ta’ Pariġi ppropona li titwettaq proċedura bil-miktub tal-MtQ ta’ Pariġi biex tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa qabel il-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (PSCC55) li hija skedata li ssir mis-16 sal-20 ta’ Mejju 2022. Dan sabiex din il-kwistjoni sensittiva ma xxekkilx il-kumplament tax-xogħol tal-laqgħa tal-PSCC55.

2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jixraq li: (i) jintlaħaq qbil rigward l-approċċ stabbilit fil-paragrafu 5 tad-dokument PSCC55/11.1 biex ma jinżammux indebitament vapuri li jtajru l-bandiera tal-Ukrajna wara spezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port, (ii) tiġi sospiża s-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi b’rispons għall-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja f’konformità mal-Artikolu 62(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, u (iii) jintlaħaq qbil rigward l-approċċ stabbilit fil-paragrafu 7 tad-dokument PSCC55/11.1 dwar l-irtirar tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati statutorji maħruġa mill-Federazzjoni Russa.

It-test mehmuż huwa proposta għal pożizzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE li mbagħad għandha tiġi adottata mill-Kunsill. Dan biex jintlaħaq qbil dwar pjan ta’ azzjoni stabbilit fid-dokument PSCC55/11.1 tal-MtQ ta’ Pariġi. L-ispeċifiċitajiet tal-pożizzjoni tal-UE huma mehmuża mal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill bħala l-Anness 1.

Id-Direttiva 2009/16/KE tinkorpora b’mod effettiv il-proċeduri, l-għodod u l-attivitajiet tal-MtQ ta’ Pariġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-MtQ ta’ Pariġi jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE.

3.Bażi ġuridika

Id-Deċiżjoni li ġejja hija bbażata fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), li jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ qbil, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta atti li jkollhom effetti legali. Dan għandu japplika għall-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi.

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (kif emendata) hija l-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri fil-PSCC tal-MtQ ta’ Pariġi.

L-atti li għandhom jiġu adottati fil-kuntest tal-MtQ ta’ Pariġi jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti għandhom effetti legali minħabba li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE. Dan għaliex id-Direttiva 2009/16/KE tinkorpora b’mod effettiv il-proċeduri, l-għodod u l-attivitajiet tal-MtQ ta’ Pariġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sospensjoni tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi hija att ta’ natura organizzattiva li tinfluwenza l-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-MtQ ta’ Pariġi.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Qbil. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2022/0144 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-organizzazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (“MtQ ta’ Pariġi”) ġie ffirmat f’Pariġi fis-26 ta’ Jannar 1982 u sar effettiv fl-1 ta’ Lulju 1982. Il-MtQ ta’ Pariġi għandu 27 amministrazzjoni marittima bħala membri (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Federazzjoni Russa, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżlanda, il-Kanada, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja). L-Unjoni mhijiex membru tal-MtQ ta’ Pariġi.

(2)Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 tistabbilixxi r-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-port, filwaqt li tifformula mill-ġdid u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni f’dan il-qasam, li ilha fis-seħħ mill-1995. Ir-reġim legali tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-MtQ ta’ Pariġi.

(3)Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE tinkorpora b’mod effettiv il-proċeduri, l-għodod u l-attivitajiet tal-MtQ ta’ Pariġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dik id-Direttiva, ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-korp kompetenti xieraq tal-MtQ ta’ Pariġi jsiru vinkolanti għall-Istati Membri tal-Unjoni.

(4)Jixraq li fil-MtQ ta’ Pariġi tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li l-atti previsti se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE. Skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ qbil, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, għandha tiġi adottata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni.

(5)Il-Kunsill Ewropew adotta l-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, u kkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Fil-laqgħa tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tikser bil-kbir id-dritt internazzjonali u tenna t-talba li r-Russja twaqqaf immedjatament l-aggressjoni militari tagħha fit-territorju tal-Ukrajna.

(6)Fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, fl-14 ta’ Marzu 2022 is-Segretarjat tal-MtQ ta’ Pariġi rċieva ittra mingħand il-Ministru għall-Infrastruttura Ukren. Fl-ittra, il-MtQ ta’ Pariġi huwa mitlub li ma jżommx indebitament bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Ukrajna wara spezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port, li jeskludi l-Federazzjoni Russa mill-MtQ ta’ Pariġi, u li ma jirrikonoxxix ċertifikati maħruġa f’isem l-Amministrazzjoni Marittima tal-Federazzjoni Russa.

(7)Fir-rigward tal-ewwel talba biex ma jinżammux bastimenti Ukreni indebitament, fit-2 ta’ Marzu 2022 il-MtQ ta’ Pariġi ħareġ iċ-Ċirkolari 101 tal-KSP (Gwida dwar ir-ripatrijazzjoni tal-baħħara minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna) li tindirizza din il-kwistjoni. Iċ-Ċirkolari 101 tal-KSP tinforma lill-awtoritajiet membri li hemm il-ħtieġa li tiġi applikata flessibbiltà fiċ-ċirkostanzi attwali, inkluż fir-rigward tar-ripatrijazzjoni tal-baħħara, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006, iċ-ċertifikati maħruġa skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-1978 u ċ-ċertifikati mediċi. Jekk isir neċessarju minħabba l-iżviluppi, il-MtQ ta’ Pariġi jista’ jikkunsidra aġġustamenti ulterjuri fir-rigward taċ-Ċirkolari 101 tal-KPS. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet Ukreni.

(8)B’rabta mat-talba rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Federazzjoni Russa ġiet eskluża mill-aċċess għall-għodda tal-immirar THETIS PSC u għall-bażi tad-data dwar l-ispezzjonijiet prevista skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE, u mill-użu tagħhom. Dan ifisser li l-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-ħidma tal-MtQ ta’ Pariġi diġà kienet limitata ferm u mingħajr aċċess għal dik il-bażi tad-data l-Federazzjoni Russa ma tistax tissodisfa b’mod effettiv l-obbligi tagħha skont il-MtQ ta’ Pariġi.

(9)La l-Memorandum u lanqas kwalunkwe waħda mill-istruzzjonijiet ta’ politika ma fihom xi proċedura jew mekkaniżmu għat-tneħħija ta’ xi membri mill-MtQ ta’ Pariġi. Minbarra l-esklużjoni mill-MtQ ta’ Pariġi, alternattiva hija li għalissa tiġi sospiża s-sħubija. Filwaqt li l-effett immedjat ikun simili għal esklużjoni, din tkun inqas permanenti. Madankollu, fil-Memorandum ma ġietx inkluża dispożizzjoni għal sospensjoni lanqas. Is-sospensjoni tippermetti li tiġi kkunsidrata iktar il-ħtieġa għal esklużjoni sħiħa mill-MtQ ta’ Pariġi u tista’ titreġġa’ lura jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu.

(10)L-Unjoni Ewropea, bħala attur globali, hija fiċ-ċentru tal-isforzi fin-NU 2 u fora u proċessi multilaterali oħra biex iżżomm lill-Federazzjoni Russa responsabbli għall-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha fl-Ukrajna, biex treġġa’ lura l-invażjoni, u biex tiżgura ritorn għar-rispett sħiħ għas-sovranità, għall-indipendenza u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. L-att ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata mir-Russja kontra l-Ukrajna huwa ksur serju tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, li jipprojbixxi t-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kwalunkwe Stat.

(11)Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u sakemm il-Federazzjoni Russa ma tosservax il-prinċipji tal-Karta tan-NU u l-obbligi internazzjonali tagħha, jixraq li tiġi sospiża s-Sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi f’konformità mal-Artikolu 62(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, b’rispons għall-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja.

(12)Fir-rigward tat-tielet talba biex ma jiġux rikonoxxuti ċ-ċertifikati maħruġa mill-Amministrazzjoni Marittima tal-Federazzjoni Russa, dawn iċ-Ċertifikati jinħarġu f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-Federazzjoni Russa għadha membru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, għaldaqstant il-MtQ ta’ Pariġi ma għandux il-kompetenza li jirtira r-rikonoxximent ta’ tali ċertifikati. Jenħtieġ li din il-pożizzjoni tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet Ukreni.

(13)L-Unjoni mhijiex parti kontraenti għall-MtQ ta’ Pariġi. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

(14)Għalhekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jaġixxu f’konformità mal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni.

(15)Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi (l-Iżlanda, il-Kanada, in-Norveġja u r-Renju Unit) fil-PSCC hija essenzjali biex tintlaħaq deċiżjoni li tissospendi s-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (“MtQ ta’ Pariġi”), fir-rigward tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi, hija stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(2)    Ara r-Riżoluzzjoni ES-11/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata “Aggressjoni kontra l-Ukrajna” fil-11-il Sessjoni Speċjali ta’ Emerġenza tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta’ Marzu 2022 u r-Riżoluzzjoni 49/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-4 ta’ Marzu 2022.
Top

Brussell, 29.4.2022

COM(2022) 202 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port rigward is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fl-organizzazzjoni


ANNESS

Fir-rigward tad-Dokument PSCC55/11.1 tal-PSCC55

Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija kif ġej:

(1)taqbel mal-approċċ stabbilit fil-paragrafu 5 tad-dokument PSCC55/11.1 rigward id-detenzjoni ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Ukrajna fil-portijiet tal-membri tal-MtQ ta’ Pariġi;

(2)tappoġġa b’mod attiv li l-Federazzjoni Russa tiġi sospiża mill-MtQ ta’ Pariġi wara l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna;

(3)tistinka biex jintlaħaq konsensus bejn il-membri tal-MtQ ta’ Pariġi għajr il-Federazzjoni Russa biex għalissa s-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi tiġi sospiża;

(4)taqbel mal-approċċ stabbilit fil-paragrafu 7 tad-dokument PSCC55/11.1 rigward l-irtirar tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati statutorji maħruġa mill-Federazzjoni Russa.

Top