Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IR4320

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Miri u għodod għal Ewropa rurali intelliġenti”

COR 2022/04320

ĠU C 188, 30.5.2023, pp. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 188/14


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Miri u għodod għal Ewropa rurali intelliġenti”

(2023/C 188/04)

Relatur:

Radim SRŠEŇ (CZ/PPE), Sindku tal-Muniċipalità ta’ Dolní Studénky

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

L-isfidi li qed niffaċċjaw

1.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE 2040 (1), li ser tappoġġja l-koeżjoni territorjali u toħloq opportunitajiet ġodda biex jiġu attirati negozji innovattivi, jiġi żgurat aċċess għal impjiegi ta’ kwalità tajba, jiġu promossi ħiliet ġodda u aħjar, jiġu żgurati infrastruttura u servizzi aħjar u jissaħħaħ ir-rwol tal-agrikoltura sostenibbli u l-attivitajiet ekonomiċi diversifikati;

2.

iqis li l-kisba tan-newtralità karbonika sal-2050 permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hija essenzjali sabiex tiżdied il-prosperità tas-soċjetà Ewropea, u jinżammu kundizzjonijiet tajbin għall-ħajja fl-UE u tiġi appoġġjata l-innovazzjoni li se jwassal għat-tilħiq ta’ dan l-għan u jiżgura l-kompetittività tal-UE fuq skala globali;

3.

jirrikonoxxi li l-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wrew il-ħtieġa straordinarja għal reżiljenza fil-livelli kollha fl-UE – mill-muniċipalitajiet, il-bliet, ir-reġjuni u l-Istati Membri;

4.

iqis li l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ strateġiji u politiki settorjali u trasversali (2) li jlaqqgħu t-tranżizzjonidoppja ekoloġika u diġitali fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid (3) hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej ewlenin;

5.

huwa konvint, fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta’ Lednice (4), li dawn il-pjani, l-attivitajiet u l-appoġġ kollha jistgħu jwasslu għal għan komuni biss jekk jiġu indirizzati b’mod olistiku u jiġu implimentati għall-benefiċċju tar-residenti kollha tal-UE u t-territorju kollu tal-UE bl-użu tal-fondi, il-politiki u l-għodod kollha disponibbli tal-UE;

6.

huwa konvint li ż-żoni rurali jridu jiġu apprezzati bħala spazju li mingħajru huwa impossibbli li jinkiseb żvilupp sostenibbli fit-tul tal-UE fl-ispirtu tal-objettivi msemmija hawn fuq;

7.

jisħaq li l-kunċett tal-Irħula Intelliġenti huwa politika innovattiva tal-UE u għodda għall-iżvilupp rurali li tista’ tgħin biex jinkiseb l-irkupru rurali li huwa l-għan essenzjali tal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE;

L-Istat attwali jindika l-vulnerabbiltà tagħna

8.

jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà tal-UE fit-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli – is-soċjetà, l-ambjent u l-ekonomija;

9.

jenfasizza li ż-żoni rurali jirrappreżentaw 80 % tat-territorju tal-UE u jospitaw 30 % tal-popolazzjoni tal-UE;

10.

jirrikonoxxi d-differenza fil-kundizzjonijiet tal-għajxien bejn iż-żoni rurali u dawk urbani;

11.

jipperċepixxi r-riskji li jirriżultaw min-nuqqas potenzjali ta’ enerġija minn sorsi mhux Ewropej, l-erożjoni għolja tal-ħamrija f’għadd ta’ pajjiżi tal-UE u n-nuqqas potenzjali ta’ ilma;

12.

jenfasizza l-ħtieġa li t-territorju tal-UE jiġi adattat għat-tibdil fil-klima, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-bijodiversità kif ukoll il-ħtieġa għal użu estiż ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

13.

jirrimarka li ħafna minn dawn l-isfidi fundamentali li qed tiffaċċja l-UE ma jistgħux jissolvew ħlief b’appoġġ adatt għaż-żoni rurali, li għadu insuffiċjenti;

14.

jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ aċċess għad-diġitalizzazzjoni u n-nuqqasijiet fl-infrastruttura u s-servizzi, li jillimitaw l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali. Jekk irridu li l-kampanja tibqa’ vibranti, jeħtieġ li jkun hemm il-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jsir it-telexogħol, u li n-negozji jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom u joperaw fuq l-istess livell taż-żoni urbani. Bis-saħħa ta’ konnettività stabbli u ta’ kwalità għolja, l-intrapriżi tat-teknoloġija avvanzata u li jużaw għadd kbir ta’ data u l-industriji tal-manifattura jkunu jistgħu joperaw f’żoni skarsament popolati. Illum, hemm differenzi sinifikanti fl-aċċess għall-konnettività, u ż-żoni rurali u dawk skarsament popolati huma ferm wara ż-żoni urbani u l-bliet. Il-possibbiltà li jiġu pprovduti servizzi ta’ assistenza soċjali permezz ta’ networks tal-broadband jew tal-mowbajl hija ta’ importanza kbira għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni u hemm bżonn ta’ kopertura aħjar u veloċitajiet ogħla ta’ trażmissjoni fin-networks. F’muniċipalitajiet mhux konnessi, iċ-ċittadini jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni diġitali;

15.

itenni li s-suq tax-xogħol qed jinbidel b’mod fundamentali minħabba d-diġitalizzazzjoni u li fl-2040, 40 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol ser ikollha edukazzjoni għolja (5), bil-prevalenza tal-ġenerazzjoni Y u Z “diġitali” fis-suq tax-xogħol;

16.

huwa konvint li eżempji tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ rħula intelliġenti juru l-importanza ta’ dan l-istrument ġdid ta’ bidla għal approċċ olistiku għan-nies u t-territorju (6), li jgħaqqad il-muniċipalitajiet intelliġenti, il-bliet intelliġenti u r-reġjuni intelliġenti f’UE intelliġenti;

Sejħa għal azzjoni

17.

huwa konvint li l-prosperità tal-UE tiddependi mill-kwalità tat-territorju kollu tagħha u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet komparabbli għall-ħajja taċ-ċittadini tagħha ta’ kull età, ta’ kull livell ta’ edukazzjoni u ta’ kull status soċjali f’kull parti tal-UE;

18.

għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-koleġiżlaturi jadottaw perspettiva olistika tal-iżvilupp tal-UE li tirrikonoxxi li l-iżvilupp taż-żoni rurali huwa vitali għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

19.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-kunċett ta’ rħula intelliġenti bħala għodda ġdida u innovattiva għall-politika Ewropea u għall-iżvilupp taż-żoni rurali; it-trasformazzjonijiet diġitali u teknoloġiċi jipprovdu sfidi u opportunitajiet ġodda biex iġibu wkoll kwalità tal-ħajja aħjar u servizzi fiż-żoni rurali. Dawn joħolqu opportunitajiet ġodda għal ekonomija rurali diversifikata u aċċess għas-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, huma jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi attwali fiż-żoni rurali, biex iż-żgħażagħ jinżammu f’żoni rurali, u biex jitreġġgħu lura x-xejriet tad-depopolazzjoni u l-eżodu ta’ mħuħ;

20.

jappella għal aktar appoġġ għaż-żoni rurali fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri sabiex ikun possibbli l-iżvilupp ta’ rħula intelliġenti u konnessjonijiet urbani u rurali li jiffunzjonaw – b’attenzjoni speċjali għall-gżejjer, iż-żoni muntanjużi, iż-żoni tal-fruntiera, iż-żoni ultraperiferiċi u ż-żoni rurali esposti għal riskji ekonomiċi, soċjali u demografiċi, li kollha jridu jitqiesu partikolarment vulnerabbli – fejn il-kundizzjonijiet għall-ħajja huma kemm jista’ jkun komparabbli ma’ dawk f’żoni urbani, u ż-żoni rurali jitqiesu bħala territorju kulturali ġestit minn irħula intelliġenti b’ekonomija diversifikata, li parti integrali u mhux negliġibbli tagħha hija l-agrikoltura;

21.

jinsisti li l-politiki kollha tal-UE għandhom jippromovu l-attrazzjoni ta’ dawn iż-żoni u jipproteġu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-popolazzjoni rurali billi jiżguraw aċċess ugwali għal servizzi bażiċi u opportunitajiet. Dan jikkonċerna mhux biss il-politika ta’ koeżjoni, iżda wkoll il-politiki tal-UE fir-rigward tal-agrikoltura, is-suq uniku, il-kompetizzjoni, l-ambjent u l-enerġija u għandhom jitqiesu wkoll il-possibbiltajiet teknoloġiċi li qed jinbidlu u l-bidliet fis-soċjetà, ikkawżati mill-isforzi biex jintlaħqu għanijiet pan-Ewropej;

22.

jissuġġerixxi li jiġu applikati seba’ prinċipji meta jinħolqu rħula intelliġenti:

il-prinċipju tal-bidla fid-direzzjoni, fejn l-għodod teknoloġiċi li qed jinbidlu jippermettu lin-nies jaħdmu mill-bogħod mid-dar jew mill-komunità tagħhom u jiksbu servizzi fid-dar;

il-prinċipju ta’ distanzi qosra, li jwassal għall-produzzjoni u l-konsum lokali, bl-użu tal-prinċipji 3E (7);

il-prinċipju tar-reżiljenza tan-nies u tal-komunitajiet, tal-ekonomija lokali u tal-ambjent;

il-prinċipju ta’ soluzzjoni waħda b’diversi effetti ekwivalenti, jiġifieri approċċ olistiku;

il-prinċipju ta’ kooperazzjoni biex jinkisbu soluzzjonijiet effettivi, li jgħaqqdu l-muniċipalitajiet biex isolvu kwistjonijiet ta’ interess komuni, li mhumiex marbuta bil-konfini amministrattivi tar-reġjuni;

il-prinċipju tal-koeżjoni u l-komplementarjetà, meta l-irħula intelliġenti u l-bliet intelliġenti f’reġjuni intelliġenti jiġu żviluppati permezz ta’ kooperazzjoni fit-territorju kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, l-opportunitajiet jiġu ugwalizzati u jitnaqqsu t-tensjonijiet;

il-prinċipju ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet “abbażi tal-evidenza” imsejjes fuq data miftuħa u t-trasparenza tal-proċeduri, fejn id-data ġġenerata b’appoġġ minn sorsi pubbliċi tkun disponibbli għall-amministrazzjoni pubblika, għaċ-ċittadini u għall-imprendituri fl-interess ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet tajbin għall-ħajja tan-nies, għall-komunitajiet u għan-negozji;

23.

huwa jqis li dan l-approċċ ser jirrikjedi għadd ta’ soluzzjonijiet ġodda, imfassla għal reġjuni differenti u żoni rurali speċifiċi, li jfisser ukoll appoġġ sinifikanti għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;

24.

jirrimarka l-importanza li jiġu pprovduti servizzi liċ-ċittadini kollha f’kull post tal-UE f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-karatteristiċi taż-żoni rurali individwali. Se jkun meħtieġ appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għall-oqsma kollha tal-ħajja f’ambjent rurali “intelliġenti” li qed jinbidel;

25.

huwa jitlob li l-infrastruttura tinbena f’konformità ma’ dan il-kriterju, filwaqt li jitqies li l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija huwa importanti daqs l-iżvilupp tan-networks 5G u l-infrastruttura diġitali relatata;

26.

jitlob appoġġ intensiv għaż-żoni rurali biex jiġi ssodisfat il-programm ta’ politika I għall-2030 (8), speċjalment it-tisħiħ tal-ħiliet u l-edukazzjoni diġitali, l-infrastrutturi diġitali siguri u sostenibbli, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi; jilqa’ l-inklużjoni taż-żoni rurali fid-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (9);

27.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta’ komunitajiet esklużi diġitalment u lokalitajiet esklużi diġitalment sabiex ma jiġux approfonditi d-differenzi fis-soċjetà;

28.

jitlob li sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kollha realistikament disponibbli li potenzjalment jeżistu fit-territorju għandhom jintużaw u li l-lokalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija tiġi appoġġjata b’mod massiv (żvilupp ta’ “prosumaturi”);

29.

jitlob li l-kostruzzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni fiż-żoni rurali għandhom jiġu appoġġjati sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tajbin għar-residenti eżistenti u l-wasla ta’ persuni ġodda;

30.

jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-iżvilupp ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju diversifikati u li n-negozji ġodda jsiru parti naturali mill-iżvilupp ta’ muniċipalitajiet intelliġenti fiż-żoni rurali;

31.

jifhem l-inizjattiva ta’ rħula ġodda bħala parti importanti tal-iżvilupp ta’ rħula intelliġenti fil-pilastru ekonomiku tagħhom;

32.

jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti hija ugwalment importanti għall-innovazzjoni madwar l-UE, inklużi ż-żoni rurali;

33.

jappella għall-iżvilupp ta’ “governanza tajba”, inkluża l-amministrazzjoni pubblika diġitali, li tippermetti lin-nies fiż-żoni rurali jaċċessaw mill-bogħod is-servizzi muniċipali, reġjonali u statali. Dan għandu jkun akkumpanjat minn amministrazzjoni semplifikata;

34.

jitlob li l-edukazzjoni tkun aċċessibbli għall-etajiet kollha, kemm fiżikament fuq il-post kif ukoll permezz ta’ aċċess mill-bogħod, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ ċentri komunitarji b’firxa ta’ servizzi mil-libreriji sax-xogħol soċjali;

35.

jitlob li l-kura tas-saħħa u l-kura soċjali ta’ kwalità tajba jkunu deċentralizzati, interkonnessi u organizzati sabiex in-nies ikunu jistgħu jgħixu fi djarhom tul ħajjithom;

36.

jinnota li huwa utli ħafna li jiġu żviluppati l-possibbiltajiet tat-telemediċina, b’mod ġenerali s-saħħa elettronika, kif ukoll ta’ oqsma ġodda (pereżempju, ir-realtà virtwali), li jistgħu jgħinu f’għadd ta’ oqsma mill-edukazzjoni professjonali sal-kura soċjali;

37.

jitlob li sistema integrata ta’ salvataġġ tiffunzjona mhux biss fi ħdan l-Istati Membri individwali, iżda wkoll permezz ta’ kooperazzjoni reċiproka bejn il-fruntieri, speċjalment fiż-żoni tal-fruntiera, u b’hekk tippermetti rispons rapidu għall-emerġenzi;

38.

jitlob appoġġ għall-iżvilupp tal-agrikoltura moderna u l-bijoekonomija (fiż-żoni kostali tal-ekonomija blu), għall-ġestjoni responsabbli tal-materja prima u tal-materjali fis-sens tal-ekonomija ċirkolari. Huwa konvint li l-agroforestrija, l-agrikoltura intelliġenti, l-akkwaponika u oqsma u prattiki oħra se jiffaċilitaw ix-xogħol tan-nies fl-agrikoltura u jżidu wkoll l-awtosuffiċjenza alimentari tal-Ewropa u jgħinu fil-ġlieda kontra l-erożjoni;

39.

jitlob li tiġi kkunsidrata ż-żieda mistennija fl-għadd ta’ persuni li jaħdmu f’impjiegi kwalifikati irrispettivament mill-post fejn jinsabu (pereżempju, persuni f’oqsma kreattivi) u li ż-żoni rurali jsiru darhom;

40.

jitlob li soluzzjonijiet ġodda fiż-żona għandhom jiġu appoġġjati bil-fehim li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ma tapplikax biss għall-bliet, iżda wkoll għall-ħolqien ta’ pajsaġġ li titqies id-diversità tiegħu, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi ppreservata u żviluppata l-bijodiversità;

41.

jitlob li tingħata kunsiderazzjoni finanzjarja għall-fatt li l-kapaċità ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, iż-żamma tal-bijodiversità u tal-kwalità tal-foresti jiddependu primarjament mill-iżvilupp intelliġenti taż-żoni rurali; jirrimarka l-potenzjal tat-trattament deċentralizzat tal-ilma f’muniċipalitajiet żgħar għat-titjib taż-żamma tal-ilma fil-pajsaġġ;

42.

jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet għall-mobilità attiva (infrastruttura għat-trasport mhux motorizzat) li jippermettu t-tisħiħ ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa tar-residenti lokali u l-iżvilupp ulterjuri ta’ turiżmu sostenibbli;

43.

jenfasizza l-kontribut fundamentali tal-mobilità nadifa awtonoma għall-iżvilupp ta’ rħula intelliġenti;

44.

jitlob li jiġi żgurat li l-appoġġ għall-ħidma komunitarja jitwettaq b’tali mod li jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, speċjalment in-nisa. Il-ħidma soċjali twassal għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ gruppi emarġinati tal-popolazzjoni f’żoni rurali u għat-titjib tal-perspettivi tal-ħajja tat-tfal minn komunitajiet esklużi;

45.

jenfasizza li l-irħula intelliġenti għandhom isiru parti integrali mill-politika ta’ żvilupp reġjonali u joħolqu sinerġiji ma’ għodod eżistenti, pereżempju, LEADER/CLLD. F’din il-ħidma, il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha, għandhom jinkludu l-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (GAL) fil-programmazzjoni tagħhom b’mod aktar olistiku. L-irħula intelliġenti, potenzjalment ġestiti mill-GAL, għandhom il-potenzjal li jżidu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

46.

Huwa konvint li bl-appoġġ għall-iżvilupp taż-żoni rurali bil-miżuri msemmija hawn fuq, ser jinkiseb tisħiħ sinifikanti tar-reżiljenza tal-Ewropa, ser tiġi żgurata kwalità tal-ħajja ogħla mhux biss f’dawn iż-żoni, iżda wkoll fil-bliet bħala riżultat ta’ bidliet fiż-żoni rurali, il-kompetittività tal-UE ser tiżdied, il-kwalità tal-ambjent ser tittejjeb u l-koeżjoni soċjali ser tissaħħaħ;

47.

jirrimarka li l-kobor tal-isfidi jirrikjedi konċentrazzjoni qawwija ta’ riżorsi finanzjarji u l-attivitajiet kollha fiż-żoni rurali, inkluż għall-iżvilupp ta’ rabtiet urbani-rurali; iqis li huwa meħtieġ li l-għodod tal-iżvilupp jiġu konnessi, titnaqqas il-frammentazzjoni tagħhom, u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-LEADER/is-CLLD, l-inizjattivi tal-irħula intelliġenti u l-GAL, iffinanzjat minn fondi differenti, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-pjani tal-PAK u l-fondi tan-Next Generation EU. Dawn l-għodod kollha huma essenzjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp koeżiv taż-żoni rurali;

48.

jappella għal bidla gradwali fil-kriterji għad-distribuzzjoni tal-appoġġ minn sorsi tal-UE sabiex jiġi kkunsidrat is-sehem territorjali taż-żoni rurali fl-UE u l-għadd ta’ muniċipalitajiet fihom;

49.

jappella sabiex il-politika ta’ poeżjoni ta’ wara l-2027 tinkludi l-immirar u l-allokazzjoni ta’ reġjuni speċifiċi fil-livell tal-UE għal żoni rurali, b’limitu minimu ta’ għajnuna fil-Ftehimiet ta’ Sħubija. Fil-perspettiva ta’ verifika rurali, u b’konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni”, dan għandu japplika wkoll għal politiki oħrajn fil-baġit tal-UE li għandhom dimensjoni territorjali, inkluż kwalunkwe suċċessur għal Next Generation EU;

Sistema ta’ monitoraġġ

50.

jilqa’ l-istabbiliment tal-Osservatorju Rurali għall-ħolqien ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-iżvilupp taż-żoni rurali, filwaqt li jqis li hija essenzjali d-disponibbiltà tad-data fil-livell ta’ mill-inqas NUTS3 fil-pajjiżi kollha tal-UE; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jipprovdu din id-data kull sena f’format ta’ data miftuħa, disponibbli għall-pubbliku, inkluża l-komunità xjentifika;

51.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li mmorru lil hinn mill-Aġenda Territorjali l-ġdida għall-2030 u l-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE sabiex tiġi stabbilita Aġenda Rurali Ewropea li tkun kapaċi timmobilizza indikaturi speċifiċi biex jiġi vverifikat l-użu tal-fondi strutturali fir-reġjuni koperti mill-Artikolu 174. L-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti kemm bħala indikaturi bażiċi għat-territorju kollu taż-żoni rurali, pereżempju, fil-qasam tal-infrastruttura diġitali, u mbagħad bħala indikaturi speċifiċi, billi titqies is-sitwazzjoni speċifika fit-territorji individwali – b’data speċifika dwar ir-reġjuni muntanjużi, il-gżejjer, iż-żoni rurali, iż-żoni li qed jesperjenzaw tnaqqis demografiku u industrijali, eċċ. Dawn l-indikaturi għandhom jiġu definiti fil-livell sottoreġjonali (bħal NUTS 3 u LAU), fejn jinsabu l-akbar disparitajiet fl-iżvilupp, u għandhom jintużaw meta l-politiki kollha tal-UE jkunu protetti għar-ruralità;

52.

jistieden lill-Kummissjoni tinkludi proposti għal miri u indikaturi fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi kif dawn il-miri jistgħu jiġu integrati fis-sistemi ta’ monitoraġġ eżistenti tal-UE (pereżempju, is-Semestru Ewropew);

53.

jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jikkooperaw dwar il-ħolqien u l-applikazzjoni ta’ dawn l-indikaturi għall-kejl tal-bidliet fiż-żoni rurali;

54.

jirrealizza l-possibbiltajiet offruti mill-ġbir kontinwu sistematiku ta’ data, pereżempju, permezz ta’ satelliti, u jappella għall-użu adatt tagħhom;

55.

huwa konxju li l-kwalità tal-ħajja ma tistax tiġi vvalutata biss b’mod kwantitattiv; għalhekk jitlob appoġġ mill-UE għal proġetti ta’ riċerka li jwasslu għall-ħolqien ta’ indikaturi u metodi oħra, speċjalment kwalitattivi, li jippermettu l-analiżi tal-istat u d-dinamika tal-iżvilupp fiż-żoni rurali, li jippermettu perspettiva olistika ta’ dan l-iżvilupp u l-appoġġ tal-aktar interventi effettivi fl-iżvilupp ulterjuri tat-territorju u s-soċjetà tal-UE.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  COM(2021) 345 final

(2)  Pereżempju, it-8 Pjan ta’ Azzjoni Ambjentali, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tniġġis Żero, l-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2030, REPowerEU, il-Kumpass Diġitali tal-2030, il-programm ta’ politika tal-2030, Perkors għad-Deċennju Diġitali.

(3)  COM(2022) 289

(4)  https://memportal.cor.europa.eu/Handlers/ViewDoc.ashx?doc=COR-2022-05357-00-00-DECL-TRA-MT.docx

(5)  Lutz, W., Goujon, A., Kc, S., Stonawski, M. u Stilianakis, N., Xenarji Demografiċi u tal-Kapital Uman għas-Seklu 21: valutazzjoni tal-2018 għal 201 pajjiż, EUR 29113 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-78024-0 (online), JRC111148..

(6)  Ara l-eżempji ta’ prattika tajba ppreżentati fil-konferenza Reġjun Innovattiv – Opportunitajiet u Sfidi, li saret f’Jeseník fl-2022 bħala parti mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill Ewropew: https://mmr.cz/en/microsites/pres/akce/cz-pres-konference-inovativni-region-prilezitosti

(7)  Ekonomija, effiċjenza, effettività.

(8)  COM(2021) 574 final.

(9)  https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/european-declaration-digital-rights-and-principles


Top