IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.12.2022
COM(2022) 674 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
L-ewwel monitoraġġ u prospettiva dwar it-“tniġġis żero”
"Perkorsi lejn arja, ilma u ħamrija aktar nodfa"
1.Introduzzjoni
L-arja nadifa, l-ilma nadif u l-ħamrija nadifa f’ambjent naturali reżiljenti u f’saħħtu huma fundamentali għal ħajjiet f’saħħithom. L-iżolament sfurzat mill-pandemija tal-COVID-19 paradossalment ipprovda għarfien ġdid dwar il-valur ta’ ambjent nadif u bijodivers. Illum, il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u l-kriżi ekonomika u tal-enerġija li tirriżulta minnha, l-isforzi ta’ rkupru ta’ wara l-COVID, u l-għargħar ikkawżat mill-klima, il-mewġiet tas-sħana u n-nixfiet bla dubju qegħdin jaggravaw l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-UE, inkluża l-isfida biex jitnaqqas it-tniġġis.
It-triq fuq perjodu ta’ żmien medju u twil stabbilita mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u kkonfermata mit-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali (it-tmien EAP) għall-2030, li jistabbilixxi objettivi prijoritarji għall-2050, għadha valida. Dan jinkludi, f’konformità mal-għan tan-newtralità klimatika tal-2050, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE “Lejn tniġġis żero għall-arja, għall-ilma u għall-ħamrija” u l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà jistabbilixxu viżjoni għall-2050, miri kwantifikati għall-2030 u azzjonijiet konkreti biex l-UE titpoġġa fit-triq lejn l-ilħuq ta’ tniġġis żero kif ukoll lejn l-ilħuq tal-għanijiet tagħha għar-restawr tal-klima u tan-natura. Il-Kummissjoni ressqet diversi proposti rilevanti, l-aktar reċentement biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u taġġorna l-lista tas-sustanzi li jniġġsu l-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kif ukoll il-proposta għall-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet Euro 7 għall-vetturi bil-mutur. L-importanza tat-tnaqqis tat-tniġġis bħala mezz għat-titjib tas-saħħa tal-bniedem hija enfasizzata fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.
Dan ir-rapport integrat ta’ monitoraġġ u prospettiva dwar it-“tniġġis żero” huwa parti integrali mill-qafas ta’ monitoraġġ tat-tmien EAP li jistabbilixxi indikaturi ewlenin għal kull objettiv prijoritarju u għodod ta’ monitoraġġ oħrajn speċifiċi għas-settur, pereżempju għat-tibdil fil-klima, għall-bijodiversità u għall-ekonomija ċirkolari, biex jipprovdi stampa dettaljata u koerenti. L-objettiv ġenerali ta’ dan ir-rapport huwa li jippreżenta l-progress u l-prospettiva dwar is-sitt miri li ġew adottati fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, billi jenfasizza wkoll il-lakuni eżistenti. Dan iwieġeb mistoqsijiet bħal: Kemm hija mniġġsa l-UE? X’inhuma x-xejriet matul l-aħħar snin? Nistgħu nilħqu l-miri ta’ tniġġis żero għall-2030?
Dan se jappoġġa governanza aħjar dwar it-tniġġis billi, b’mod partikolari:
·joffri għarfien ġdid u rilevanti;
·jissorvelja jekk l-implimentazzjoni tal-politika tinsabx fit-triq it-tajba;
·janalizza s-sinerġiji u l-kompromessi bejn il-politiki differenti tal-UE;
·jgħin biex it-“twissijiet bikrija” jissarrfu f’rakkomandazzjonijiet dwar sustanzi niġġiesa ta’ tħassib dejjem akbar abbażi tal-aħħar sejbiet tar-riċerka.
Dan jesponi wkoll għadd ta’ nuqqasijiet u lakuni li se jiġu indirizzati fis-snin li ġejjin. Dawn jinkludu diffikultajiet fil-valutazzjoni tat-tniġġis tal-ħamrija minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali tal-UE għall-monitoraġġ u għar-rapportar, li se jiġu indirizzati fil-liġijiet li ġejjin dwar is-saħħa tal-ħamrija u l-monitoraġġ tal-foresti, kif ukoll l-isfida li tinġabar data mhux faċilment komparabbli, li tirriżulta minn sorsi jew proġetti xjentifiċi differenti, fi stampa integrata. Sfida oħra hija li jittejbu l-kondiviżjoni u l-użu tad-data l-aktar reċenti disponibbli biex dawn jaderixxu mad-data tal-prinċipji FAIR (traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli). Filwaqt li hija disponibbli data kważi f’ħin reali għall-politika dwar l-arja, id-data biex jiġi vvalutat l-ilma u l-ambjent tal-baħar spiss tkun skaduta u mhux kompluta, għalkemm hemm data aktar aġġornata disponibbli fil-livell nazzjonali. Din il-kwistjoni hija parzjalment indirizzata fl-aħħar proposti dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art iżda jeħtieġ li tiġi kkomplementata minn rieżamijiet futuri tal-liġijiet rilevanti dwar l-ilma u l-baħar.
Ir-rapport huwa s-sommarju tal-politika tar-Rapport ta’ Monitoraġġ li ġie kkompilat mill-EEA u jintegra d-data tal-passat u dik attwali l-aktar rilevanti fiż-żoni kollha ta’ tniġġis immonitorjati fil-livell tal-UE u r-Rapport ta’ Prospettiva li ġie kkoordinat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-immudellar u tal-previżjoni huma bbażati fuq valutazzjoni tal-benefiċċji mistennija għat-tnaqqis tat-tniġġis ta’ inizjattivi ta’ politika ewlenin - inklużi dawk li ġew ippreżentati reċentement - tal-UE. Is-sorsi ta’ informazzjoni għal dan l-ewwel rapport ta’ prospettiva dwar it-“tniġġis żero” jinkludu t-tielet Rapport dwar Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, valutazzjonijiet ta’ prospettiva dwar l-istorbju, in-nutrijenti, il-konsum u l-produzzjoni u sejbiet ewlenin tar-rapport reċenti dwar il-previżjoni dwar it-tniġġis żero. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-programmi ta’ riċerka tal-UE nġabru fil-qosor f’rapport reċenti li jinkludi, għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jipprovdu appoġġ siewi u soluzzjonijiet innovattivi għall-bażi ta’ għarfien dwar it-tniġġis żero.
2.Monitoraġġ tat-Tniġġis Żero
Dan il-kapitolu jiġbor fil-qosor is-sejbiet dwar il-monitoraġġ tat-tniġġis żero. Dan jiffoka fuq il-progress li sar s’issa u kemm fadal biex jintlaħqu l-miri tal-2030.
2.1.Tniġġis żero u s-saħħa
Il-miri ta’ tniġġis żero u s-saħħa għall-2030
Skont id-dritt tal-Unjoni, l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku u f’sinerġija ma’ inizjattivi oħrajn, sal-2030, l-UE għandha tnaqqas b’aktar minn 55 % l-impatti fuq is-saħħa (imwiet prematuri) tat-tniġġis tal-arja u bi 30 % is-sehem ta’ persuni b’disturb kroniku minħabba storbju mit-trasport.
Sar progress tanġibbli fit-tnaqqis ta’ 45 % tal-impatti dannużi fuq is-saħħa relatati mat-tniġġis tal-arja (bħall-mard tal-qalb, il-kanċer u l-mard respiratorju), meta mqabbla mal-livelli tal-2005. B’kuntrast ma’ dan, il-ħsara għas-saħħa relatata mat-tniġġis akustiku, bħar-riskju għall-mard kardjovaskulari, id-disturb fl-irqad u l-fastidju, baqgħet pjuttost stabbli mill-2012.
Ir-rati globali għoljin ta’ konformità mal-istandards tal-UE dwar it-tniġġis tal-ilma tax-xorb u għall-għawm (>99 % u >93 % rispettivament) huma inkoraġġanti. Fir-rigward tal-effetti fuq is-saħħa tal-użu ta’ sustanzi kimiċi, għalkemm il-livelli ta’ ċerti sustanzi kimiċi qegħdin jonqsu, l-użu ta’ xi sustanzi kimiċi sostituti li jippreżentaw riskju simili qiegħed jiżdied b’mod kostanti. Minkejja l-progress li sar, aktar minn 10 % tal-imwiet prematuri fl-UE kull sena għadhom relatati mat-tniġġis ambjentali. Dan huwa dovut l-aktar minħabba livelli għoljin ta’ tniġġis tal-arja, iżda wkoll minħabba t-tniġġis akustiku u l-esponiment għal sustanzi kimiċi li x’aktarx jiġi sottovalutat. It-tniġġis ma huwiex distribwit b’mod ugwali madwar l-UE. Il-persuni vulnerabbli, inklużi t-tfal, l-anzjani u l-persuni li jbatu mill-
ażma
jew minn mard respiratorju jew
kardjovaskulari
ieħor, huma aktar sensittivi għall-esponiment għat-tniġġis u dawk fi gruppi soċjoekonomiċi aktar baxxi għandhom ukoll it-tendenza li jiġu esposti għal livelli ogħla ta’ tniġġis.
Il-legat għat-tniġġis, eż. minn siti kkontaminati, jiswa ħafna flus biex jiġi eliminat minħabba li min iniġġes spiss ma jkunx responsabbli, ma huwiex magħruf, jew ma jkunx jista’ jħallas għar-rimedju. Dan jissottolinja l-importanza li qabelxejn jiġi evitat it-tniġġis u li s-sustanzi kimiċi jiġu sostitwiti b’oħrajn anqas perikolużi. Filwaqt li nqisu l-lezzjonijiet li ħadna mill-passat, irridu nkunu attenti ħafna fl-indirizzar ta’ sustanzi niġġiesa ta’ tħassib emerġenti, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-farmaċewtiċi u mill-antimikrobiċi, minn sustanzi kimiċi “forever” (bħal sustanza per- u polifluworoalkilati, PFAS), mill-interferenti endokrinali u mill-mikroplastiċi. Irridu nintroduċu wkoll miżuri biex nindirizzaw l-impatti fuq is-saħħa ta’ taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi u l-effetti kkombinati tagħhom, eż. fuq il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa
Il-Kummissjoni qiegħda tindirizza dawn il-kwistjonijiet f’firxa wiesgħa ta’ inizjattivi, b’mod partikolari l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari (eż. il-mikroplastiċi), l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà (eż. il-PFAS u r-reviżjoni tar-regoli dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ (CLP) tas-sustanzi kimiċi, kif ukoll ir-reviżjoni tar-Regolament REACH), il-pjan ta’ azzjoni ta’ Tniġġis Żero (eż. il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u l-komunikazzjoni reċenti dwar l-asbestos) u l-istrateġija dwar il-ħamrija (eż. il-liġi l-ġdida dwar is-saħħa tal-ħamrija, lista ta’ prijorità tal-UE għall-kontaminanti tal-ħamrija ta’ tħassib emerġenti, it-titjib tal-valutazzjoni tar-riskju). Ġie propost ukoll li l-istandards legali tal-UE għall-kwalità tal-arja jiġu allinjati b’mod progressiv mal-linji gwida rilevanti tad-WHO biex is-saħħa u l-benesseri tan-nies jiġu protetti aħjar (eż. biex ikomplu jitnaqqsu l-imwiet prematuri).
2.2.Tniġġis żero u bijodiversità
Il-miri ta’ tniġġis żero u l-bijodiversità għall-2030
Skont id-dritt tal-Unjoni, l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku u f’sinerġija ma’ inizjattivi oħrajn, sal-2030, l-UE għandha tnaqqas b’25 % l-ekosistemi tal-UE fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità u b’50 % it-telf tan-nutrijenti, l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi, l-użu ta’ dawk aktar perikolużi, u l-bejgħ ta’ antimikrobiċi għall-annimali mrobbija u fl-akkwakultura.
It-tniġġis huwa wieħed mill-ħames theddidiet ewlenin għall-bijodiversità. Il-limiti tal-pjaneta għat-tniġġis, jiġifieri l-ispazju operazzjonali sikur tad-dinja, jinqabżu għan-nutrijenti (fl-Ewropa b’fattur ta’ tnejn għall-fosforu u fattur ta’ 3,3 għan-nitroġenu) u għal “entitajiet ġodda” (inklużi s-sustanzi kimiċi u l-plastik).
S’issa, meta mqabbel mas-snin ta’ referenza, it-tniġġis tal-arja, it-tniġġis mill-pestiċidi u l-antimikrobiċi tnaqqas bi 12 % (għaż-żona tal-ekosistemi affettwati mit-tniġġis tal-arja), b’14 % (għall-użu u għar-riskju ta’ pestiċidi kimiċi), b’26 % (għall-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi) u bi 18 % (għall-bejgħ tal-antimikrobiċi) fir-rigward tal-miri msemmija hawn fuq. Għall-mira ta’ 50 % ta’ telf tan-nutrijenti, id-data għadha qiegħda tinġabar. Firxa ta’ indikaturi jidhru li jindikaw li t-telf tan-nutrijenti baqa’ relattivament stabbli, bl-ebda indikazzjoni ta’ tnaqqis sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin.
Il-limiti tat-tniġġis tal-UE għall-protezzjoni tal-bijodiversità nqabżu b’mod sinifikanti. Abbażi tad-data tal-2015, 23 % tal-kważi 10 000 korp tal-ilma ta’ taħt l-art tal-UE u 59 % tal-kważi 100 000 korp tal-ilma tal-wiċċ tal-UE għadhom ma laħqux “status kimiku tajjeb”. Abbażi tad-data tal-2018, 80 % taż-żona tal-baħar tal-UE għadha ma tissodisfax “status ambjentali tajjeb” għall-kontaminanti. 13-il Stat Membru ppreżentaw it-tielet Pjan ta’ Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara (RBMP) tagħhom qabel l-aħħar ta’ Ottubru 2022. Analiżi preliminari tindika sitwazzjoni ġeneralment stabbli meta mqabbla mat-tieni RBMP, b’mod partikolari, għall-istatus kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. L-istatus ekoloġiku u l-istatus kimiku tal-ilma tal-wiċċ huma aktar imħallta b’xi pajjiżi li juru sinjali ta’ titjib filwaqt li oħrajn jirrapportaw kwalità li sejra għall-agħar. Għadha għaddejja analiżi aktar komprensiva.
L-evidenza xjentifika tindika sfidi addizzjonali bħal nuqqas ta’ għarfien u data dwar it-tniġġis tal-ilma, tal-baħar u tal-ħamrija. L-impatt tas-sustanzi niġġiesa fuq l-ekosistemi jiżdied minħabba l-effetti kkombinati tagħhom. L-iskala tal-impatt tal-istorbju taħt l-ilma, tal-mikroplastiċi u tat-tniġġis tad-dawl fuq il-bijodiversità qiegħda ssir dejjem aktar evidenti.
Il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ miżuri biex tipproteġi aħjar il-bijodiversità mit-tniġġis, prinċipalment bħala parti mill-istrateġija tagħha għall-bijodiversità u dik mill-għalqa sal-platt (eż. dwar il-pestiċidi, in-nutrijenti u l-antimikrobiċi), il-pjan ta’ azzjoni tagħha ta’ Tniġġis Żero (eż. dwar is-sustanzi niġġiesa tal-ilma, l-ilma mormi urban) u l-istrateġija tagħha dwar il-ħamrija (eż. il-liġi li ġejja dwar is-saħħa tal-ħamrija)
. Qiegħda tadatta wkoll l-istandards legali għall-aktar evidenza xjentifika reċenti u qiegħda tindirizza t-tniġġis emerġenti, eż. bil-proposta reċenti dwar il-lista ta’ sustanzi li jniġġsu l-ilma u l-limiti għall-istorbju taħt l-ilma skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. L-effetti kkombinati tas-sustanzi niġġiesa qegħdin jiġu indirizzati fir-reviżjoni tar-Regolament REACH u f’leġiżlazzjoni oħra dwar is-sustanzi kimiċi. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bħalissa qiegħda tiżviluppa metodi biex tivvaluta l-effetti kumulattivi tal-pestiċidi, kif stabbilit fi Pjan ta’ Azzjoni speċifiku. Fl-aħħar nett, l-impatti tat-tniġġis tad-dawl fuq l-insetti li jdakkru qegħdin jiġu indirizzati mill-Inizjattiva dwar il-pollinaturi.
2.3.Tniġġis żero u ekonomija ċirkolari
Il-miri ta’ tniġġis żero u l-ekonomija ċirkolari għall-2030
Skont id-dritt tal-Unjoni, l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku u f’sinerġija ma’ inizjattivi oħrajn, sal-2030 l-UE għandha tnaqqas b’50 % l-iskart tal-plastik fil-baħar, bi 30 % il-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent, b’50 % l-iskart muniċipali residwu u b’mod sinifikanti l-ġenerazzjoni totali tal-iskart.
Il-progress lejn dawn il-miri kien bil-mod. Għall-iskart tal-plastik u l-mikroplastiċi, il-ġbir u l-analiżi tal-2015-2020 għadhom qegħdin jitlestew u ma huwiex possibbli li jiġi pprovdut kalkolu tax-xejriet konsolidat, li ntlaħaq qbil dwaru u li huwa mifrux mal-UE kollha. Madankollu, rieżami preliminari tad-data disponibbli jindika li l-konċentrazzjonijiet tal-iskart tal-plastik qegħdin jonqsu fil-biċċa l-kbira tal-kosti tal-UE, li huwa sinjal inkoraġġanti. Fl-2023 se tiġi ppubblikata data armonizzata. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss, tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet Portwarji ta’ Akkoljenza u inizjattivi dwar il-mikroplastiċi se tgħin biex tiġi żviluppata stampa aħjar għall-iskart fil-baħar u tiġi vvalutata l-mira tal-mikroplastiċi għar-rapport li jmiss fl-2024. Fir-rigward tal-iskart, l-aktar statistika reċenti tindika li bejn l-2010 u l-2020, il-ġenerazzjoni totali tal-iskart naqset b’4 %. Fir-rigward tal-iskart muniċipali residwu, ma ġiet identifikata l-ebda bidla sinifikanti mill-2016. Fl-istess ħin, matul dawn l-aħħar 10 snin, l-iskart mill-imballaġġ żdied bi 19 %. B’mod simili għal oqsma oħrajn, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti u ta’ indirizzar ta’ xi sorsi ta’ tniġġis huwa r-raġuni ewlenija għall-progress limitat. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti tkompli xxekkel ir-riċiklaġġ tal-materjali.
B’kuntrast għal dan, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma mill-produzzjoni fl-UE qiegħed jonqos b’mod kostanti, bl-emissjonijiet tal-UE li qegħdin jonqsu b’bejn 3 % u 26 % fl-2015 skont is-sustanza niġġiesa. L-impronta ġenerali tal-konsum tal-UE, l-impronta fuq il-materjali u l-użu kimiku mill-industrija u mill-konsumaturi s’issa huma relattivament stabbli b’numri aktar baxxi fl-2020 x’aktarx minħabba l-pandemija tal-COVID. L-impronta fuq il-materjali, jiġifieri d-domanda dinjija għall-estrazzjonijiet tal-materjali kkawżata mill-użu u mill-investiment min-negozji, mill-unitajiet domestiċi u mill-gvernijiet fil-pajjiżi Ewropej, hija għolja ħafna, u hija ta’ 13,7-il tunnellata għal kull persuna fl-2020. B’mod ġenerali, l-impatti ambjentali assoċjati mal-produzzjoni u mal-konsum tal-UE huma għoljin u mhux sostenibbli: diġà jaqbżu b’mod sinifikanti s-sehem tal-UE ta’ diversi limiti tal-pjaneta”. Għalhekk huwa importanti li jitqiesu aħjar l-impatti ambjentali tal-merkanzija li nimportaw u l-“esportazzjoni tat-tniġġis” barra mill-UE. Dan huwa rilevanti, pereżempju, għas-settur tal-estrazzjoni fl-UE u barra minnha, meta titqies l-importanza tal-materja prima kritika għall-għan tal-UE li żżid l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika. Fattur ieħor li għandu jitqies huwa l-vjeġġ tal-iskart.
Il-Kummissjoni diġà qiegħda tieħu passi biex tagħmel is-sistemi ta’ konsum u ta’ produzzjoni aktar sikuri u sostenibbli, prinċipalment fl-ambitu tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari, (eż. miżuri dwar il-vjeġġ tal-iskart, proposta dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ) u l-pjan ta’ azzjoni ta’ Tniġġis Żero (eż. miżuri dwar l-emissjonijiet industrijali) kif ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija. Huma ppjanati aktar azzjonijiet, eż. ir-reviżjoni tar-Regolamenti REACH jew il-qafas ta’ valutazzjoni għal “sikur u sostenibbli mid-disinn” għas-sustanzi kimiċi u għall-materjali skont l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà kif ukoll l-inizjattiva għal asserzjonijiet ekoloġiċi. L-iżvilupp ulterjuri tal-metodi u tal-indikaturi tal-impronta fuq il-materjali u tal-konsum tal-UE u t-tqabbil tagħhom mal-limiti tal-pjaneta jistgħu jintroduċu wkoll intuwitu sistemiku aħjar.
3.Prospettiva u Previżjoni ta’ Tniġġis Żero
Is-sorsi għal dan il-kapitolu jinkludu għadd ta’ proġetti u inizjattivi, inklużi studji dwar l-immudellar u l-previżjoni kkoordinati mill-Kummissjoni (ara hawn taħt). Sa fejn kien possibbli, ix-xenarji ta’ mmudellar qiesu l-progress mistenni li kieku l-leġiżlazzjoni attwali u proposta tal-UE kellha tiġi implimentata bis-sħiħ. Madankollu, kull prospettiva hija bbażata fuq suppożizzjonijiet u limitazzjonijiet speċifiċi ddokumentati fil-pubblikazzjonijiet speċifiċi msemmija hawn taħt. Is-sejbiet ta’ dan l-eżerċizzju huma ppreżentati bħala Prospettivi għal arja nadifa, ilma nadif u ambjenti tal-baħar, u ħamrija nadifa.
3.1.Tniġġis żero u s-saħħa
Il-prospettiva għall-2030 fir-rigward tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju ġiet ivvalutata meta mqabbla mal-ilħuq probabbli tal-miri relatati mas-saħħa (ara 2.1).
It-tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa sabet li, kieku l-leġiżlazzjoni attwali u proposta tal-UE kellha tiġi implimentata bis-sħiħ, l-UE tnaqqas l-għadd ta’ mwiet prematuri minħabba t-tniġġis tal-arja b’aktar minn 55 % fl-2030 meta mqabbel mal-2005. Tabilħaqq, bħala riżultat tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent proposta mill-Kummissjoni, x’aktarx li fl-2030, jista’ jinkiseb tnaqqis b’aktar minn 70 % meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Sabiex jiġi żgurat li l-projezzjonijiet mistennija jimmaterjalizzaw ruħhom, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata bis-sħiħ. Bl-istess mod, huwa importanti li l-proposti ta’ politika reċenti, b’mod partikolari dwar l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi (Euro 7), l-emissjonijiet industrijali (inkluża l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali biex tkopri l-azjendi agrikoli l-kbar, li huma mbassra li jkollhom impatt sinifikanti lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka) u l-inizjattivi fl-ambitu tal-l-inizjattiva “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” u RePowerEU jiġu adottati malajr filwaqt li jinżamm il-livell ta’ ambizzjoni propost.
Fir-rigward tat-tniġġis akustiku, għalkemm sa mill-2002 l-UE għandha bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fis-seħħ, f’dan l-istadju jidher improbabbli li tintlaħaq il-mira ta’ tniġġis akustiku żero, jiġifieri li sal-2030 l-għadd ta’ persuni li jsofru dannu mill-istorbju tat-trasport jitnaqqas bi 30 % (meta mqabbla mal-2017). L-istimi attwali juru li n-numru mhux se jonqos b’aktar minn 19 % sal-2030, sakemm ma jiġix adottat sett sostanzjali ta’ miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u sakemm azzjoni msaħħa tal-UE fis-setturi tat-trasport rilevanti kollha ma twassalx għal tnaqqis ulterjuri sinifikanti fit-tniġġis akustiku. Id-distanza mill-mira tista’ titnaqqas ulterjorment jekk l-Istati Membri jsaħħu l-miżuri tagħhom. Fost l-oħrajn, dan ikun jinkludi regolamenti aktar stretti dwar l-istorbju u infurzar għat-trasport, eż. it-titjib tal-vetturi u tal-operazzjonijiet tagħhom u t-tnaqqis sinifikanti tat-traffiku fit-toroq u tal-limiti tal-veloċità fil-bliet. Dan tal-aħħar diġà huwa previst minn ħafna bliet bħala parti mill-miżuri tagħhom dwar il-klima u l-kwalità tal-arja.
3.2.Tniġġis żero u bijodiversità
Il-prospettiva għall-2030 fir-rigward tat-tniġġis tan-nutrijenti tal-ambjent tal-arja, tal-ilma u dak marin ġiet ivvalutata meta mqabbla mal-ilħuq probabbli tal-miri relatati mal-bijodiversità rilevanti għan-nutrijenti (ara 2.2). F’dan l-istadju ma saret l-ebda valutazzjoni għall-pestiċidi, għall-antimikrobiċi jew fir-rigward tat-tniġġis tal-ħamrija minħabba n-nuqqas ta’ data u ta’ disponibbiltà ta’ mudelli rilevanti.
It-tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa sabet li s-sitwazzjoni hija aktar inkwetanti. Il-politiki attwali u dawk proposti tal-UE ma jidhrux biżżejjed biex jippermettu lill-UE tnaqqas b’25 % iż-żona tal-ekosistemi tal-UE li huma mhedda mit-tniġġis tal-arja fl-2030 meta mqabbla mal-2005. Madankollu, bl-implimentazzjoni tar-reviżjoni proposta reċentement tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, din il-mira tista’ tintlaħaq.
Il-qasam ewlieni ta’ tħassib jibqa’ l-emissjonijiet tal-ammonijaka mill-agrikoltura, fejn għad hemm bżonn ta’ ħafna aktar sforzi ta’ tnaqqis u fil-biċċa l-kbira se jiddependu fuq l-adozzjoni u fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar l-Emissjonijiet Industrijali kif ukoll fuq l-adozzjoni effettiva tal-miżuri rilevanti għat-tniġġis proposti mill-Istati Membri fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).
Il-Prospettiva dwar l-Ilma u l-Baħar nadif sabet li l-miri miftiehma tan-nutrijenti u l-miżuri addizzjonali proposti fil-livell tal-UE sa issa jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiġu eliminati l-impatti tat-tniġġis tan-nutrijenti fil-partijiet kollha tal-ibħra Ewropej. B’mod simili għax-xenarji tat-tniġġis tal-arja, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tan-nutrijenti se jiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni u fuq l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti (jiġifieri d-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u leġiżlazzjoni rilevanti oħra fil-qasam tat-tniġġis tal-ilma inklużi d-Direttivi riveduti dwar l-Emissjonijiet Industrijali u dwar l-Ilma Urban Mormi). Il-miżuri adottati fl-ambitu tal-PAK il-ġdida jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan. Il-Prospettiva hija appoġġata minn analiżi integrata dwar in-nutrijenti (li tħares lejn it-tniġġis tan-nitroġenu u tal-fosforu), li tindika li jista’ jsir progress bil-miżuri attwali, iżda l-Istati Membri se jkollhom bżonn jieħdu azzjoni ulterjuri jekk iridu jilħqu l-mira dwar it-telf tan-nutrijenti fl-ambjent sal-2030. Fil-livell tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni integrat li ġej dwar il-ġestjoni tan-nutrijenti se jesplora miżuri ta’ politika ulterjuri biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti u biex jitnaqqas it-telf għall-ambjent kif ukoll tekniki ġodda u l-miżuri meħtieġa biex jitrawmu l-irkupru u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti. Barra minn hekk, Orizzont Ewropa, se jappoġġa approċċi sistemiċi biex jiġu limitati l-emissjonijiet tan-nutrijenti minn sorsi differenti, u biex il-flussi tagħhom jerġgħu lura fi ħdan limiti ekoloġiċi sikuri, pereżempju billi tittejjeb il-ġestjoni tal-prodotti fertilizzanti fl-agrikoltura filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet reġjonali. Se janalizza wkoll it-tnaqqis tal-iskart tul il-katina alimentari, flimkien ma’ bidliet fis-soċjetà (bħal bidliet fid-dieta, bidliet fil-produzzjoni u fil-konsum), li jistgħu jgħinu.
Il-Prospettiva dwar il-Ħamrija tinsab fi stadju bikri ta’ żvilupp. Il-ħidma li nbdiet fl-ambitu tal-istrateġija tal-UE dwar il-ħamrija u l-Osservatorju tal-UE dwar il-Ħamrija (EUSO) tinkludi l-iżvilupp ta’ għodod ta’ mmudellar li se jippermettu t-tbassir tax-xejriet futuri tat-tniġġis. Barra minn hekk, il-Missjoni tal-UE “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa” tistabbilixxi trajettorja għall-promozzjoni u għar-restawr tas-saħħa tal-ħamrija, fost l-oħrajn billi tespandi u tarmonizza l-monitoraġġ tal-ħamrija fl-Ewropa.
3.3.Tniġġis żero u ekonomija ċirkolari
Il-prospettiva għall-2030 fir-rigward tal-konsum u tal-produzzjoni ħarset lejn it-tniġġis u l-konsum tal-plastik iżda ma twettqet l-ebda valutazzjoni għall-miri relatati (ara 2.3).
Il-Prospettiva dwar l-Ilma u l-Baħar eżaminat ukoll l-immudellar tat-tniġġis mill-plastik fil-Baħar Mediterran. Sal-2030, il-miżuri inklużi fl-ambitu tal-plastik li jintuża darba biss (SUP) huma mistennija li jnaqqsu l-iskart totali fil-Mediterran b’14 % biss (kemm l-iskart mifrux fil-wiċċ kif ukoll fuq il-bajja). It-tisħiħ tad-dimensjoni transfruntiera tat-tniġġis mill-plastik jeħtieġ li jiġi enfasizzat biex tintlaħaq il-mira tal-UE. Valutazzjoni oħra eżaminat l-impatti tal-konsum fuq it-tossiċità tal-ilma ħelu bħala parti minn prospettiva usa’ dwar l-impronta tal-konsum. Din ipprevediet li l-impatti ambjentali tal-konsum tal-UE se jkomplu jiżdiedu sal-2030 u se jkomplu jiksru l-Limiti tal-Pjaneta, inkluż għall-ekotossiċità tal-ilma ħelu.
3.4.Tniġġis żero u prospettiva
Il-prospettiva u l-analiżi tal-prospettivi żvelaw li x-xejriet u t-trasformazzjonijiet soċjetali attwali, eż. iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni se jkollhom impatt fuq it-tniġġis. Dawn it-trasformazzjonijiet jistgħu jintroduċu benefiċċji għas-saħħa u għall-ambjent, speċjalment jekk l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero tittieħed bħala gwida. Eż. il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija industrijali għat-teknoloġiji ċirkolari u l-mudelli kummerċjali li qegħdin jitħejjew ifakkru fil-ħtieġa li r-riċerka tindirizza s-sinerġiji kif ukoll il-kompromessi bejn iċ-ċirkolarità u t-tniġġis żero. Dawn ix-xejriet emerġenti u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali kontinwa jistgħu jipprovdu triq għal Ewropa aktar sostenibbli, iżda dan se jiddependi mis-sitwazzjoni soċjoekonomika.
4.Konklużjonijiet ewlenin
Dan ir-rapport integrat ta’ monitoraġġ u prospettiva dwar it-“tniġġis żero” jissottolinja għal darb’oħra li t-tliet kriżijiet ambjentali simultanji - it-tniġġis, it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità, huma relatati mill-qrib. It-tranżizzjoni għal mudell ekonomiku nadif, ċirkolari u newtrali għall-klima qiegħda ssir dejjem aktar urġenti – kemm għall-UE kif ukoll għall-bqija tad-dinja.
Il-kriżi ekonomika u tal-enerġija attwali kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 qegħdin jaffettwaw il-ħajja tan-nies madwar l-UE. Ċerti miżuri ta’ tnaqqis u ta’ kontroll tat-tniġġis mhux qegħdin jaħdmu minħabba interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, li se jagħmlu l-progress fit-tnaqqis tat-tniġġis ħafna aktar diffiċli fuq perjodu ta’ żmien qasir. Madankollu, fuq perjodu ta’ żmien medju sa itwal, nistgħu nipprovaw insibu modi biex nittrasformaw l-isfidi attwali f’opportunitajiet biex jiġi indirizzat it-tniġġis. Pereżempju, ir-rieda kollettiva li tiżdied l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE billi jitħaffef b’mod sinifikanti l-użu ta’ enerġija rinnovabbli nadifa se tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tat-tniġġis.
Huwa ċar li l-kooperazzjoni globali biex tiġi indirizzata l-kriżi planetarja qiegħda tintensifika. L-UE trid tkun parti mis-soluzzjoni globali, peress li l-impronta tat-tniġġis tagħha hija għolja wisq. L-inugwaljanzi fil-livelli tat-tniġġis huma għoljin ukoll, u jaffettwaw il-partijiet l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. L-UE qiegħda tmexxi s-sejħa għal eżiti ambizzjużi fin-negozjati tal-COP15 għal strateġija globali dwar il-bijodiversità u fil-konferenza tan-NU ta’ Marzu 2023 dwar id-Deċennju tal-Ilma u qiegħda twitti t-triq għal ftehim globali dwar il-plastiks.
Dan ir-rapport jimmarka l-punt tat-tluq dwar “Perkorsi lejn arja, ilma u ħamrija aktar nodfa għall-Ewropa”. L-evidenza hija konvinċenti bħalma huma l-isfidi u l-opportunitajiet. B’mod ġenerali, il-livelli ta’ tniġġis qegħdin jonqsu f’diversi żoni ta’ tniġġis, eż. fir-rigward tat-tniġġis tal-arja jew tal-pestiċidi. Fl-istess ħin, għad hemm problemi oħrajn ta’ tniġġis, eż. ix-xejriet għall-istorbju, għat-tniġġis tan-nutrijenti jew għall-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali huma pjuttost stabbli matul l-aħħar snin. L-ilħuq tal-miri ta’ tniġġis żero għall-2030 ma huwiex garantit għal dawk. Għalhekk, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jeħtieġ li taċċellera biex tippermetti lill-UE tilħaq dawn il-miri tal-2030. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni wettqet jew għamlet avvanz fit-33 azzjoni mħabbra kollha għall-2021-2024.
Dak li huwa l-aktar meħtieġ issa biex it-tniġġis żero jsir dejjem aktar realtà huwa:
1.il-ftehim tal-koleġiżlaturi dwar proposti leġiżlattivi ewlenin;
2.l-implimentazzjoni msaħħa ta’ partijiet kruċjali tad-dritt tal-Unjoni fil-livell lokali, nazzjonali u transfruntier; u
3.il-promozzjoni ta’ inizjattivi globali, li jappoġġaw lil pajjiżi terzi fl-isforzi tagħhom.
Barra minn hekk, ir-rapport identifika għadd ta’ nuqqasijiet bħall-ħtieġa ta’ kondiviżjoni aħjar u l-użu tal-aħħar data disponibbli. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), se tindirizza l-lakuni identifikati fl-għarfien u fid-data (eż. dwar it-tniġġis tal-ħamrija) sabiex tippreżenta rapport saħansitra aktar komprensiv sal-2024.
5.Il-passi li jmiss
Dan l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ u prospettiva dwar it-“tniġġis żero” jipprovdi punt tat-tluq għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero. Dan jiġbor evidenza disponibbli faċilment fl-ewwel ħarsa ġenerali ta’ livell għoli, integrata, madwar l-UE kollha tat-theddid ewlieni mit-tniġġis u mis-sorsi tiegħu. Se jipprovdi kontribut fl-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali, li għandu jsir sa tmiem l-2023. Jagħti informazzjoni dettaljata fil-biċċa l-kbira tat-taqsimiet speċifiċi għat-tniġġis, eż. dwar it-tniġġis tal-arja, tal-ilma, tal-baħar, dak kimiku u akustiku. Enfasizza wkoll għadd ta’ nuqqasijiet li se jiġu indirizzati b’mod immirat sal-2024.
B’mod partikolari, ir-rapport jenfasizza li għad hemm lakuni sinifikanti fl-għarfien u fid-data f’xi oqsma, eż. dwar it-tniġġis tal-ħamrija u kwistjonijiet emerġenti li jeħtieġu attenzjoni. Għall-indirizzar tal-lakuna fid-data, data, servizzi u applikazzjonijiet spazjali pprovduti mis-sistema ta’ osservazzjoni tad-dinja tal-UE, Copernicus, għandhom potenzjal konsiderevoli. Ir-riċerka u l-innovazzjoni kontinwi u ppjanati se jappoġġaw ukoll l-edizzjonijiet li jmiss tar-rapport. Oqsma oħrajn li fihom jista’ jsir titjib jinkludu d-disponibbiltà u l-puntwalità tad-data, u l-effiċjenza u l-effettività tal-ġestjoni tal-għarfien dwar it-tniġġis (eż. billi jiġi ssimplifikat ir-rapportar, tiġi promossa x-xjenza mill-pubbliku u jsir użu aħjar mill-għodod diġitali). Bosta inizjattivi diġà għaddejjin jew huma ppjanati, eż. bħala parti mill-approċċ ta’ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” jew il-proposti reċenti dwar il-lista ta’ sustanzi li jniġġsu l-ilma.
Il-Kummissjoni u l-EEA se jmexxu t-triq biex jiżguraw li l-kamp ta’ applikazzjoni, il-kwalità, il-puntwalità u r-robustezza tal-qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva ta’ “tniġġis żero” jiżdiedu ma’ kull edizzjoni. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-EEA qegħdin jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw qafas ta’ indikaturi speċifiku dwar is-sustanzi kimiċi li se jikkontribwixxi għar-rapport li jmiss.
Se jsir ukoll sforz partikolari biex ikomplu jittejbu l-preżentazzjoni u l-viżwalizzazzjoni tal-impatti tat-tniġġis, inkluż billi tiġi kkombinata u aggregata l-evidenza varja biex jiġu appoġġati aħjar l-isforzi ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet ta’ prospettiva dwar l-arja, l-ilma u l-baħar u, b’mod partikolari, l-ħamrija se jissaħħu biex jappoġġaw aħjar it-tfassil tal-politika.
Dawn l-isforzi se jgħinu wkoll biex jappoġġaw id-disa’ linji ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni ta’ Tniġġis Żero, peress li monitoraġġ u prospettiva aħjar jgħinuna nidentifikaw l-inugwaljanzi fis-saħħa, itejbu l-fehim tagħna tal-iskala tat-tniġġis mill-prodotti u mill-bini, u jippermettu użu aħjar tas-soluzzjonijiet diġitali għall-monitoraġġ tat-tniġġis. Monitoraġġ u prospettiva robusti ta’ “tniġġis żero” jikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni globali tat-tniġġis peress li jippermettulna niffokaw fuq bliet u reġjuni speċifiċi biex niddeterminaw il-progress tagħhom lejn tniġġis żero.
Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lin-negozji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-akkademiċi u lil partijiet ikkonċernati oħrajn biex jipprovdu feedback dwar dan l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ u prospettiva dwar it-tniġġis żero. Il-Kummissjoni se tuża wkoll il-Pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati għat-Tniġġis Żero, stabbilita f’kooperazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, biex tgħin fit-tħejjija tat-tieni Rapport ta’ Monitoraġġ u Prospettiva dwar it-Tniġġis Żero fl-2024.
Il-verżjoni li jmiss tar-rapport se tqis il-progress inizjali li sar u se tistabbilixxi perspettiva għall-ilħuq tal-miri ta’ tniġġis żero għall-2030 f’konformità mal-viżjoni ta’ tniġġis żero għall-2050 u b’hekk tipprovdi kontribut għar-rieżami ta’ nofs it-terminu tat-tmien qafas ta’ monitoraġġ tal-EAP dovut fl-2024.