Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi tan-Netherlands u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Din tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari biex jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata fit-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fis-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw jew jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tesperjenza wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.
(4)Fil-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew qed ikompli bil-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Iż-żieda fl-inċertezza u riskji qawwija ta’ evoluzzjoni negattiva fil-prospettiva ekonomika ta’ gwerra fl-Ewropa, żiediet bla preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija u aktar tħarbit fil-katina tal-provvista huma argumenti favur l-estensjoni tal-klawzola liberatorja ġenerali għal matul l-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tal-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, abbażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 għandhom ikomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-linji ta’ gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-prospettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-Xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fid-29 ta’ April 2022, in-Netherlands ippreżentaw il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. In-Netherlands għadhom ma ppreżentawx Programm Nazzjonali ta’ Riforma, peress li l-programm se jiġi integrat fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(10)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għan-Netherlands fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tan-Netherlands fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, kif ukoll l-isfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tan-Netherlands fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għan-Netherlands u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. L-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ dejn privat għoli u surplus kbir fil-kont kurrenti, li għandhom rilevanza transfruntiera.
(12)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lin-Netherlands biex fl-2020 u fl-2021 jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Irrakkomanda wkoll lin-Netherlands biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwu politiki fiskali mmirati biex jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u jiżguraw s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment. Fl-2021, abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tan-Netherlands żdied minn 3,7 % tal-PDG fl-2020 għal 2,5 % fl-2021. Ir-rispons ta’ politika fiskali min-Netherlands appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza kienu fil-livell ta’ 3,3 % tal-PDG kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021. Il-miżuri li ħadu n-Netherlands fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 52,1 % tal-PDG fl-2021.
(13)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa realistiku. Il-gvern jipprojetta li l-PDG reali jikber b’ 3,6 % fl-2022 u b’ 1,7 % fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 3,3 % fl-2022 u 1,6 % fl-2023. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali se jibqa’ fil-livell ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2022 u jinżel għal 2,3 % fl-2023. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jinżel għal 53,1 % fl-2022 u għal 52,7 % fl-2023. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 2,7 % tal-PDG u 2,1 % rispettivament. Dan huwa ogħla mid-defiċit projettat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 għall-2022, prinċipalment minħabba li l-Programm kien jinkludi biss parzjalment miżuri meħuda b’reazzjoni għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u ftit inqas għall-2023, prinċipalment minħabba livell aktar baxx ta’ formazzjoni grossa ta’ kapital fiss u nefqa oħra mistennija mill-Kummissjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipprojetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 51,4 % fl-2022 u 50,9 % fl-2023. Id-differenza hija dovuta għal tbassir differenti għall-PDG nominali.
Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali medju potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) hija stmata fil-valur ta’ 1,5 %.
(14)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma projettati li jonqsu minn 3,4 % tal-PDG fl-2021 għal 0,9 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,7 % tal-PDG fl-2022 u li huma mistennija li jitneħħew fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment min trasferimenti soċjali lil unitajiet domestiċi aktar fqar kif ukoll fi tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija Tħabbar li dawn il-miżuri huma temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Waħda minn dawn il-miżuri mhijiex immirata, b’mod partikolari t-tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma projettati li jkunu 0,1 % tal-PDG kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023, kif ukoll iż-żieda fil-kost tan-nefqa għad-difiza b’0,1 % tal-PDG fl-2023.
(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 in-Netherlands iżżommu pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Irrakkomanda wkoll lin-Netherlands biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwu politika fiskali mmirata biex jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju, u fl-istess ħin, li jsaħħu l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(16)Fl-2022, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tan-Netherlands, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni li tkun ta’ appoġġ fil-livell ta’ -2.6 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tibqa’ stabbli mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribut newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,0 punti perċentwali tal-PDG fl-2022. Għalhekk, in-Netherlands qed jippjanaw li jippreservaw l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,0 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,7 % tal-PDG) kif ukoll il-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG), filwaqt li, fost l-oħrajn, miżuri klimatiċi addizzjonali (immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u lejn il-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli) u miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni (taħriġ mill-ġdid, taħriġ tal-għalliema) huma wkoll projettati li jikkontribwixxu 0,3 % tal-PDG u 0,2 % tal-PDG rispettivament għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti netta.
(17)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni li tkun fil-livell ta’ +0,5 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pprojettata li tibqa’ l-istess, meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punti perċentwali tal-PDG fl-2023. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,0 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali tal-miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,7 % tal-PDG).
(18)Fil-programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2,5 % tal-PDG fl-2024, qabel ma jitla’ għal 2,9 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel għal taħt it-3 % tal-PDG fi żmien l-orizzont tal-Programm. Dawn il-projezzjonijiet jassumu xi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali addizzjonali li għadhom mhumiex speċifikati. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied sal-2025, b’mod speċifiku b’żieda sa 53,1 % fl-2024 u żieda sa 54,4 % fl-2025. Abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru li huma medju fuq perjodu medju ta’ żmien.
(19)Id-distorsjonijiet fis-suq tad-djar jikkontribwixxu għal prezzijiet tad-djar li qed jogħlew rapidament u dejn għoli tal-unitajiet domestiċi, li jagħmlu l-unitajiet domestiċi vulnerabbli għal xokkijiet ekonomiċi. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar tqawwiet ħafna fl-2021 b’rata ta’ żieda annwali ta’ 15 % u hemm sinjali dejjem akbar ta’ sopravalutazzjoni fis-suq tad-djar, li jżid ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet. Filwaqt li t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju qed jitnaqqas gradwalment, it-tnaqqis huwa biss parzjali, u l-ħelsien mit-taxxa li jipprovdi fuq il-pagamenti ipotekarji jibqa’ ġeneruż. Flimkien ma’ limiti ta’ self relattivament għoljin (self għall-valur), dan ikompli jikkontribwixxi għal predispożizzjoni qawwija favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi. Fl-istess ħin, is-suq tal-kiri privat għadu żgħir u sottożviluppat. In-nuqqas ta’ segment medju li jiffunzjona tajjeb fis-suq tal-kiri jħeġġeġ lill-unitajiet domestiċi jixtru aktar milli jikru, u b’hekk jikkontribwixxu għal proporzjonijiet għolja ta’ dejn għal introjtu u l-vulnerabbiltà finanzjarja. Ir-riġiditajiet min-naħa tal-provvista jżidu mad-distorsjonijiet fis-suq tad-djar. Il-provvista relattivament inelastika tad-djar iżżid ir-riskju li l-politiki maħsuba biex jagħmlu l-akkomodazzjoni aktar affordabbli jistimolaw id-domanda u fl-aħħar mill-aħħar ikomplu jgħollu l-prezzijiet tad-djar, u b’hekk jimminaw l-objettiv oriġinali tal-politiki.
(20)Filwaqt li s-sistema tal-pensjonijiet għandha prestazzjoni tajba fir-rigward tal-adegwatezza tal-pensjonijiet u s-sostenibbiltà fiskali, is-sistema tal-pensjonijiet okkupazzjonali (it-tieni pilastru) għandha żvantaġġi f’termini ta’ ġustizzja interġenerazzjonali, trasparenza tad-drittijiet tal-pensjoni u flessibbiltà. Il-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru huma għoljin u jistgħu jkunu meħtieġa aġġustamenti potenzjalment kbar għall-kontribuzzjonijiet biex jassorbu l-iżbilanċi fil-karti tal-bilanċ tal-fondi tal-pensjonijiet. It-tfaddil obbligatorju kbir jikkontribwixxi wkoll għas-surplus tal-kont kurrenti. Riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tista’ tagħmel il-fondi tal-pensjonijiet aktar reżiljenti għax-xokkijiet. Wara ftehim qafas dwar prinċipji ġenerali għar-riforma tal-pensjonijiet fl-2019, il-gvern u l-imsieħba soċjali qablu dwar struttura ġdida ta’ kuntratt tat-tieni pilastru f’Ġunju 2020. B’mod ġenerali, ir-riforma ppjanata għandha l-għan li tindirizza l-vulnerabbiltajiet ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-miżuri leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tar-riforma miftiehma tal-pensjonijiet huma mistennija li jiġu diskussi u adottati mill-parlament Olandiż matul l-2022. L-isfida ewlenija mbagħad se tkun li r-riforma tiġi implimentata bis-sħiħ, li jeħtieġ li tiġi mmonitorjata bir-reqqa.
(21)In-Netherlands ippreżentaw id-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fit-22 ta’ Diċembru 2021, fit-23 ta’ Diċembru 2021 u fit-22 ta’ Marzu 2022. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-24 ta’ Ġunju 2021, in-Netherlands għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar għall-2021-2027 tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(22)Is-sehem ta’ impjiegi flessibbli għadu għoli u jirrappreżenta sehem sostanzjali tas-suq tax-xogħol fin-Netherlands. Dan jindika riskju dejjem akbar ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. L-użu ta’ dawn it-tipi ta’ impjiegi huwa sa ċertu punt influwenzat minn fatturi istituzzjonali u għażliet ta’ politika nazzjonali bħad-differenzi fit-trattament tat-taxxa (għal dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati), il-kopertura tas-sigurtà soċjali u r-regolamenti dwar il-protezzjoni tax-xogħol. Dawn il-fatturi distintivi u istituzzjonali joħolqu (diż)inċentivi finanzjarji kbar, b’effetti partikolarment distorsivi fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Il-pandemija tal-COVID-19 xetħet dawl ukoll fuq ir-riskji ta’ suq tax-xogħol segmentat u s-sitwazzjoni tal-impjiegi u soċjali sfavorevoli ta’ ċerti gruppi, kif ukoll fuq l-isfidi sinifikanti f’termini ta’ aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom li ħafna drabi mhumiex assigurati biżżejjed kontra l-mard, id-diżabilità, il-qgħad u x-xjuħija. Barra minn hekk, miżuri ulterjuri biex tiġi ċċarata l-kwalifika tar-relazzjoni tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-infurzar tar-regoli applikabbli jistgħu jgħinu biex jitnaqqas l-impjieg indipendenti fittizju.
(23)In-nuqqas ta’ ħaddiema kompla jiżdied u sar aktar ġenerali fis-setturi kollha f’konformità mal-irkupru ekonomiku ġenerali u ż-żieda fid-domanda għax-xogħol. It-tbassir tas-suq tax-xogħol jindika suq tax-xogħol li jibqa’ ristrett fil-futur u b’mod partikolari fejn jidħlu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi tekniċi u fis-settur tal-ICT. Fil-futur qrib, hemm ukoll għadd għoli ta’ nuqqasijiet fil-kostruzzjoni. Is-suq tax-xogħol strett jirriskja li jfixkel l-investimenti kbar meħtieġa bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Fl-istess ħin, hemm xogħol mhux sfruttat jew mhux utilizzat biżżejjed, b’mod partikolari fid-dawl tar-rata ta’ impjieg aktar baxxa għal persuni bi sfond ta’ migrazzjoni u s-sehem għoli ta’ impjiegi part-time. L-inċentivar ta’ żieda fin-numru ta’ sigħat maħduma minn ħaddiema part-time, li ħafna minnhom huma nisa (62,5 % tan-nisa impjegati ħadmu part-time fl-2021), jista’ jkompli jnaqqas in-nuqqasijiet eżistenti fis-suq tax-xogħol u jnaqqas id-differenza medja bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa. L-attivazzjoni u t-titjib tal-ħiliet jew it-taħriġ mill-ġdid tal-persuni inattivi (dawk li la jaħdmu u lanqas qed ifittxu xogħol), dawk f’qgħad fit-tul u dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol permezz ta’ azzjonijiet immirati u mfassla apposta jistgħu jgħinu biex itaffu n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet filwaqt li jrawmu opportunitajiet indaqs u inklużjoni attiva.
(24)Bi tweġiba għall-mandat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(25)Id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili hija qawwija ħafna. Skont id-data tal-2020, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili mir-Russja tinsab fl-istess livell bħall-medja tal-UE għall-faħam (54 %) u għaż-żejt mhux raffinat (26 %) u hija aktar baxxa għall-gass naturali (30 % kontra 44 %). L-ishma fit-taħlita tal-enerġija taż-żejt (39 % kontra 33 %) u tal-gass naturali (44 % kontra 24 %) it-tnejn huma ogħla mill-medja tal-UE, filwaqt li s-sehem tal-faħam huwa aktar baxx (6 % meta mqabbel ma’ 11 %). Id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili tista’ titnaqqas b’mod ġenerali billi jiżdied l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-elettrifikazzjoni, jiġu indirizzati l-konġestjonijiet fl-infrastruttura u tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika. Huwa kruċjali li jiżdiedu l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030. In-Netherlands kienu l-ħames Stat Membru bl-agħar prestazzjoni fejn jidħol is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2020, u għandhom waħda mill-akbar lakuni bejn is-sehem tal-2020 u l-miri tal-2030. Huma meħtieġa investimenti addizzjonali biex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll biex tiżdied il-kapaċità tan-network meħtieġa għat-trażmissjoni tal-enerġija rinnovabbli mis-siti tal-produzzjoni għas-siti tal-konsum. Il-bini tal-kapaċità tan-network huwa partikolarment importanti minħabba li r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fin-network tal-elettriku komplew jiżdiedu fl-2021, u dan wassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-proċeduri amministrattivi għall-użu tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu ssimplifikati u ssimplifikati aktar. Huwa rrakkomandat li l-investimenti l-ġodda fl-infrastruttura u fin-netwerks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom, permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Barra minn hekk, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tipprovdi opportunità kosteffiċjenti biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-karbonju u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, inkluż fuq l-importazzjonijiet mir-Russja. B’mod partikolari, hemm lok għal titjib fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-introduzzjoni ta’ pompi tas-sħana u tisħin distrettwali fis-settur tal-bini, kif ukoll permezz tal-elettrifikazzjoni u l-provvista ta’ enerġija nadifa għall-industriji intensivi fl-enerġija. Biex in-Netherlands ikunu konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.
(26)Aktar investimenti fl-infrastruttura tat-trasport jistgħu jgħinu biex jitneħħew il-konġestjonijiet u tiġi appoġġata l-mobbiltà sostenibbli. L-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq hija kkonġestjonata. In-netwerk ferrovjarju Olandiż huwa l-aktar wieħed użat fl-Ewropa. In-Netherlands qed jużaw is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju biex jappoġġaw iż-żieda fil-kapaċità tan-netwerk ferrovjarju tagħhom. Fl-2019, il-konġestjoni fit-toroq, għalkemm kemxejn taħt il-medja tal-UE, kienet stmata li swiet 4 % tal-PDG annwali Olandiż. L-investimenti fl-infrastruttura tal-mobbiltà sostenibbli jista’ jkollhom effetti konsegwenzjali pożittivi għas-suq uniku, minħabba l-importanza taċ-ċentri tat-trasport tan-Netherlands (il-Port ta’ Rotterdam, l-ajruport ta’ Schiphol) u jkomplu jnaqqsu d-dipendenza għolja tal-pajjiż fuq iż-żejt (39 % tat-taħlita tal-enerġija fl-2020).
(27)Depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu qed jagħmlu ħsara lill-ambjent u qed iżommu lura l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u agrikoli. Is-surplus tan-nitroġenu huwa erba’ darbiet aktar mill-medja tal-UE filwaqt li l-emissjonijiet tal-ammonijaka għal kull ettaru huma l-ogħla fl-Ewropa. Id-depożiti ta’ nitroġenu huma għoljin wisq biex jintlaħqu l-għanijiet tal-bijodiversità, jaffettwaw il-kwalità tal-ilma u jwasslu biex in-Netherlands jaqbżu l-limiti tad-Direttiva dwar in-nitrati. Wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat fl-2019, hemm bżonn li l-gvern tan-Netherlands jieħu azzjoni biex inaqqas id-depożitu tan-nitroġenu fiż-żoni tan-Natura 2000. Biex ikomplu jitnaqqsu d-depożiti tan-nitroġenu, hija meħtieġa bidla lejn agrikoltura sostenibbli, li teħtieġ investimenti sinifikanti. L-agrikoltura hija responsabbli għal 45 % tad-depożiti tan-nitroġenu b’mod partikolari minħabba t-trobbija intensiva tal-bhejjem. Dan jagħmilha l-pajjiż bl-ogħla densità ta’ bhejjem fl-UE.
(28)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq kostijiet sinifikanti ta’ ristrutturar f’diversi setturi, in-Netherlands jistgħu jagħmlu użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex itaffu l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni. Barra minn hekk, in-Netherlands jistgħu jagħmlu użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg u jsaħħu l-koeżjoni soċjali.
(29)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għan-Netherlands, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt.
(31)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (4) hawn taħt. Ir-rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro. Il-politiki fiskali u politiki oħra msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) u (4) jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mas-surplus kbir fil-kont kurrenti. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi relatati ma’ dejn privat għoli.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2022 u l-2023 biex:
1.Fl-2023, jaraw li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Ikunu lesti jaġġustaw l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi jagħmlu użu mill-fondi tal-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, isegwu politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju. Inaqqsu l-predispożizzjoni favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi u d-distorsjonijiet fis-suq tad-djar, inkluż billi jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur tal-kiri privat, u billi jieħdu miżuri biex tiżdied il-provvista tad-djar. Jippromulgaw u jimplimentaw ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet miftiehma fl-2019 u l-2020.
2.Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmar tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li jibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr ma għandhom impjegati, jindirizzaw l-impjieg indipendenti fittizju u jnaqqsu l-inċentivi biex jintużaw kuntratti flessibbli jew temporanji. Jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi diġitali u tekniċi u l-kostruzzjoni, inkluż billi jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol mhux utilizzat biżżejjed li joriġina mis-sehem għoli ta’ impjiegi part-time u r-rata aktar baxxa ta’ impjieg ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Jissaħħu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari għal dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol u dawk inattivi.
4.Inaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jaċċelleraw l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari billi jagħtu spinta lill-investimenti komplementari fl-infrastruttura tan-netwerk u jissimplifikaw aktar il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, itejbu l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini, u jaċċelleraw l-investimenti fit-trasport sostenibbli u fl-agrikoltura sostenibbli.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President