Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Kroazja tal-2022 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja tal-2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Dan jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari biex jippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/2411.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw il-faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għat-twettiq tal-objettivi ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw mill-inqas subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati, jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma wkoll li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2021, il-pożizzjoni fiskali bħalissa titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali kumplessiva, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u lill-investiment.
(7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, fuq il-bażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(9)Fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Kroazja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Kroazja. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Kroazja tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fit-28 ta’ April 2022, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u, fid-29 ta’ April 2022, il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2022, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Kroazja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Kroazja fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Kroazja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li mhumiex indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Kroazja dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Kroazja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fil-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Kroazja ma għadhiex tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, sar progress importanti fit-tnaqqis tad-dejn privat u l-obbligazzjonijiet esterni netti, filwaqt li d-dejn tal-gvern għadu għoli iżda reġa’ beda t-trajettorja ’l isfel li wasslet għal titjib sinifikanti qabel il-pandemija.
(13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Kroazja biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lill-Kroazja rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxi s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. Fl-2021, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Kroazja naqas minn 7,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,9 % fl-2021. Ir-rispons tal-politika fiskali tal-Kroazja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 3,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,1 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet il-Kroazja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-Gvern fl-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, li jikkonsistu prinċipalment fi tnaqqis tat-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiva li b’kollox tammonta għal 0,5 % tal-PDG. Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 79,8 % tal-PDG fl-2021.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 huwa kawt fl-2022 u favorevoli minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 3,0 % fl-2022 u b’4,4 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ogħla ta’ 3,4 % fl-2022 u tkabbir aktar baxx ta’ 3,0 % fl-2023, bid-differenza tirrifletti prinċipalment aspettattiva aktar baxxa fl-2022 mill-awtoritajiet Kroati fir-rigward tat-tkabbir fil-konsum reali tal-unitajiet domestiċi. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos bi ftit għal 2,8 % tal-PDG fl-2022 u għal 1,6 % fl-2023. It-tnaqqis żgħir fl-2022 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir fl-attività ekonomika u t-tneħħija tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ emerġenza. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jilħaq il-livell massimu ta' 76,2 % fl-2022 u li jonqos għal 71,7 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 2,3 % tal-PDG u 1,8 % rispettivament. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat għall-2022 u ogħla mid-defiċit ipproġettat għall-2023 fil-Programm ta’ Konverġenza, prinċipalment minħabba livell aktar baxx ta’ nefqa mistenni mill-Kummissjoni fl-2022 għall-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u nefqa oħra. Barra minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni jinvolvi ċaqliq ta’ livell kemxejn aktar baxx kemm fid-dħul kif ukoll fl-infiq attribwit għal differenza fil-prospettiva tal-inflazzjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġtta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 75,3 % fl-2022 u livell ogħla ta’ 73,1 % fl-2023.
Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali fuq terminu (medja ta’ 10 snin) huwa stmat għal 2,2 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi strutturali li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku potenzjali tal-Kroazja.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 2,1 % tal-PDG fl-2021 għal 0,4 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern fl-2022 huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,4 % tal-PDG fl-2022 u 0,2 % tal-PDG fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali lejn unitajiet domestiċi ifqar, appoġġ għall-kumpaniji u tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija. Dawn il-miżuri huma fil-biċċa l-kbira temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari t-tnaqqis ġenerali fit-taxxi indiretti fuq l-enerġija. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma ppoġttati li jkunu 0,1 % tal-PDG fl-2022 u 0,1 % fl-2023.
(16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 li l-Kroazja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lill-Kroazja biex iżżomm taħt kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali. Irrakkomanda wkoll lill-Kroazja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju, u fl-istess ħin, biex ittejjeb l-investiment biex tagħti spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.
(17)Fl-2022, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Kroazja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġttata li tkun ta’ -1,8 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-Kroazja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,5 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG fl-2022. Għalhekk, il-Kroazja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment, kif rakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ punt (1,0) perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,4 % tal-PDG) kif ukoll il-kostijiet biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG), filwaqt li nefqa ogħla tal-konsum intermedju, li parzjalment tirrifletti ż-żieda fl-inflazzjoni, hija wkoll ippoġettata li tikkontribwixxi għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti netta. Għalhekk, fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-Kroazja ma żżommx biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment fl-2022.
(18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal -0,7 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Il-Kroazja hija pproġettata li tkompli tuża l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva għall-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pproġettata li tiżdied b’0,5 punt perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2022. L-investiment iffinanzjat f’livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni leġġermet espansjonarja ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG fl-2023. Fl-istess waqt, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ -0,2 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mit-tneħħija gradwali ta’ xi miżuri li jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,2 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment tiddependi parzjalment fuq it-tneħħija gradwali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kif ippjanat bħalissa.
(19)Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, id-dejn tal-gvern estiż hu mistenni li jonqos gradwalment għal 1,6 % tal-PDG fl-2024 u għal 1,2 % fl-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż hu ppjanat li jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG sal-2025. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos sal-2025, speċifikament bi tnaqqis ta’ 68,9 % fl-2024 u tnaqqis għal 66,9 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru fuq perjodu medju ta’ żmien.
(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Kroazja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020, barra minn hekk kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan.
(21)B’mod partikolari, il-pjan jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b’riformi biex jissaħħaħ il-qafas baġitarju, miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol u riforma fl-edukazzjoni biex jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni. L-isfidi ffaċċjati mis-sistema tal-kura tas-saħħa Kroata huma indirizzati minn miżuri biex jittejbu l-effiċjenza, il-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja, li ntlaqtet b’mod speċjali mill-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, il-pjan jindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż f’dawk l-oqsma billi javvanza d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, iżid l-effiċjenza enerġetika ġenerali, u jiffoka l-investimenti fuq it-trasport sostenibbli u l-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Fl-aħħar nett, il-pjan fih miżuri estensivi biex titjieb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema ġudizzjarja, biex tiġi evitata, identifikata u korretta l-korruzzjoni, biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju u biex jiġi appoġġat l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u r-rilevanza tal-politika tagħhom.
(22)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Kroazja hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fil-Kroazja jammontaw għal 40,3 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 20,4 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lill-Kroazja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(23)Il-Kroazja għadha ma ppreżentatx il-Ftehim ta’ Sħubija u d-dokumenti l-oħra ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, il-Kroazja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi rċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija tal-ostakli għall-investiment biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(24)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jiddevjaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili ’il bogħod mir-Russja.
(25)Il-Kroazja impenjat ruħha għat-tneħħija gradwali tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku sal-2033. Fl-2020, il-Kroazja laħqet is-sehem ta’ 28 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, u qabżet il-mira tagħha ta’ 20 %. Jeħtieġ li l-Kroazja taċċellera l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni, inkluż fl-industrija, tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija mir-Russja, u tieħu miżuri biex trawwem l-integrazzjoni fis-suq uniku. Fl-2021 l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja ammontaw għal 22 % tal-provvista totali tal-gass naturali, filwaqt li 57 % ġie importat permezz tat-terminal il-ġdid tal-Gass Naturali Likwifikat (Liquefied Natural Gas, LNG) (li ilu jopera mill-bidu tal-2021). Il-gass u ż-żejt jirrappreżentaw 30,3 % u 33,7 % tat-taħlita tal-enerġija Kroata, rispettivament. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli.
Fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, sikura u affordabbli, għad hemm potenzjal konsiderevoli fl-enerġija mir-riħ u mix-xemx, li jirrappreżentaw madwar 2,1 % tat-taħlita tal-enerġija (b’ishma ta’ 13 % u 1 % tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku installata totali, rispettivament), u fis-sorsi tal-enerġija ġeotermali. L-aspetti ewlenin għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista u l-integrazzjoni tas-suq huma: is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija u l-antiċipazzjoni tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli, inkluż mill-unitajiet domestiċi u għal sistemi fuq skala żgħira.
Se jkun meħtieġ aktar titjib fil-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li l-investimenti fil-ħżin tal-elettriku se jkunu kruċjali għall-ġestjoni ta’ sistema tal-enerġija b’sehem għoli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Huwa meħtieġ ukoll titjib fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, b’mod partikolari permezz tat-tranżizzjoni minn sistemi ta’ tisħin distrettwali u individwali bbażati fuq il-fossili għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli direttament jew permezz tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.
(26)Fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, huma meħtieġa miżuri biex tiżdied ir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini, il-provvista ta’ akkomodazzjoni effiċjenti fl-enerġija, b’mod partikolari l-akkomodazzjoni soċjali u s-sostituzzjoni tal-bojlers tal-gass u taż-żejt b’pompi tas-sħana u soluzzjonijiet oħra aktar effiċjenti u ekoloġiċi. Barra minn hekk, hija meħtieġa aktar azzjoni biex titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt tas-settur tat-trasport tal-Kroazja, b’mod partikolari billi jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku u ssir aktar ekoloġizzazzjoni tiegħu, bl-użu ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti, l-użu ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar tal-elettriku u tal-idroġenu u t-trasport b’mod aktar wiesa’, l-investiment fl-infrastruttura tal-mobbiltà u ż-żieda fl-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero jew baxxi. Żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u ż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika se tkun meħtieġa biex tkun konformi mal-objettiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(27)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar f’diversi setturi, il-Kroazja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, il-Kroazja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(28)Fid-dawl tal-Valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(29)Fl-10 ta’ Lulju 2020, il-kuna Kroata ġiet inkluża fil-mekkaniżmu Ewropew tar-rata tal-kambju II (ERM II) bħala pass preparatorju lejn l-adozzjoni tal-euro. Sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u jinkiseb livell għoli ta’ konverġenza ekonomika sostenibbli, l-awtoritajiet Kroati impenjaw ruħhom li jimplimentaw miżuri ta’ politika speċifiċi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-ambjent tan-negozju, il-governanza tas-settur pubbliku u l-ġudikatura. Il-progress tal-Kroazja fl-issodisfar tar-rekwiżiti meħtieġa biex tadotta l-euro se jiġi vvalutat fir-Rapporti ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:
1.Fl-2023, jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-RRF, RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021. Tippreżenta d-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati dawn in-negozjati mal-Kummissjoni u tinbeda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Taċċellera l-użu ta’ sorsi rinnovabbli, billi tiffoka b’mod partikolari fuq sorsi eoliċi, solari u ġeotermali, inkluż permezz tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u l-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-enerġija, prinċipalment billi tissimplifika l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni u l-permessi amministrattivi. Tkomplu ttejjeb il-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tippermetti investimenti fil-ħżin tal-elettriku. Tiżdied l-azzjoni biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija billi tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, prinċipalment f’bini residenzjali, u biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fis-setturi tat-tisħin u t-trasport.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President