IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2022
COM(2022) 303 final
Dokument ta' politika
l-iżvilupp ta' politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri f'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/1896
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022DC0303
Policy document developing a multiannual strategic policy for European integrated border management in accordance with Article 8(4) of Regulation (EU) 2019/1896
Dokument ta' politika l-iżvilupp ta' politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri f'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/1896
Dokument ta' politika l-iżvilupp ta' politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri f'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/1896
COM/2022/303 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2022
COM(2022) 303 final
Dokument ta' politika
l-iżvilupp ta' politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri f'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/1896
1.Introduzzjoni
L-Istrateġija ta’ Schengen tat-2 ta’ Ġunju 2021 identifikat żewġ prerekwiżiti importanti biex iż-żona Schengen tkun reżiljenti u tiffunzjona bis-sħiħ. Dawn kienu approċċ integrat għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u implimentazzjoni b’suċċess tal-mandat il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, sikwit imsejħa Frontex. B’mod partikolari, hija enfasizzat il-ħtieġa “li jiġu pprovduti kemm il-qafas strateġiku kif ukoll il-komponenti operazzjonali meħtieġa biex il-politiki tagħna jiġu konnessi aħjar u għalhekk jiġu eliminati l-lakuni bejn il-protezzjoni tal-fruntieri, is-sigurtà, ir-ritorn, u l-migrazzjoni, filwaqt li dejjem tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali”.
Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien, speċjalment fil-qafas tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG), biex tinkiseb ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri (EIBM) għalkollox effettiva, li tlaqqa’ flimkien l-atturi rilevanti kollha kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. F’dan il-kuntest , il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi integrata bis-sħiħ ukoll fiċ-ċiklu ta’ Schengen.
Kif tħabbar fl-Istrateġija ta’ Schengen, l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri se tkun iggwidata miċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali (iċ-ċiklu ta’ politika tal-EIBM), li għandu jitħejja f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE)2019/1896 1 (ir-Regolament dwar l-EBCG). Iċ-ċiklu ta’ Politika Strateġika Pluriennali se jagħti gwida dwar kif il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha topera b’mod effettiv bħala struttura matul il-ħames snin li ġejjin u timplimenta l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Fil-livell operazzjonali, dan iċ-ċiklu għandu jagħti qafas komuni, li jmexxi l-ħidma ta’ kuljum ta’ aktar minn 120 000 uffiċjal Ewropew tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Frontex.
F’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar l-EBCG, b’dan id-dokument ta’ politika, il-Kummissjoni qed tibda konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-politika strateġika pluriennali. B’mod partikolari, il-konsultazzjoni se tiffoka fuq il-Kapitolu 5 ta’ dan id-dokument ta’ politika, li jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ politika u l-linji gwida strateġiċi għal perjodu ta’ ħames snin fir-rigward tal-15-il komponent tal-EIBM stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-EBCG.
Barra minn hekk, hija se tfittex il-fehmiet tal-istituzzjonijiet dwar kif għandu jiġi stabbilit proċess integrat, unifikat u kontinwu biex jingħataw linji gwida strateġiċi lill-atturi tal-EBCG rilevanti kollha u lill-atturi Ewropej u nazzjonali rilevanti oħra biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti tal-EIBM. Dan sabiex jiġi żgurat li dawn l-isfidi li ġejjin jitqiesu b’mod xieraq, u li l-prijoritajiet ikunu jistgħu jiġu adattati għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu ta’ governanza għandu jsir parti miċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali.
L-eżitu ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jwassal għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Politika Strateġika Pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri li, sa tmiem l-2022, se tistabbilixxi tmexxija politika għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri matul perjodu ta’ ħames snin. Dan il-proċess se jkompli jiġi implimentat permezz tal-istrateġija teknika u operazzjonali li għandha tiġi adottata mill-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex u permezz tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri.
2.Deskrizzjoni taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri
F’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 77(1)(c)), l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa politika bil-għan li tiżgura li “[t]iddaħħal b’mod gradwali sistema integrata ta’ ġestjoni għall-fruntieri esterni”. Il-komponenti, il-prinċipji u l-partijiet ikkonċernati ewlenin għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri ġew stabbiliti għall-ewwel darba fl-2016 fir-Regolament dwar l-EBCG u ġew żviluppati aktar fl-emenda tiegħu tal-2019 2 , li tistabbilixxi wkoll iċ-ċiklu ta’ politika tal-EIBM bħala l-qafas ta’ governanza strateġika għall-implimentazzjoni effettiva tal-EIBM. L-objettiv strateġiku taċ-ċiklu ta’ politika tal-EIBM huwa li jiddetermina kif il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tindirizza l-isfidi fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn b’mod koerenti, integrat u sistematiku.
L-istruttura taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali
L-istruttura taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali ta’ ħames snin għall-EIBM hija magħmula minn erba’ stadji ewlenin:
1.tmexxija politika mill-istituzzjonijiet tal-UE;
2.strateġija teknika u operazzjonali għall-EIBM mill-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex;
3.strateġiji nazzjonali tal-EIBM mill-Istati Membri;
4.evalwazzjoni mill-Kummissjoni bil-ħsieb li ċ-ċiklu jitnieda mill-ġdid.
Illustrazzjoni 1: Iċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-EIBM
a) Tmexxija politika
Il-Kummissjoni żviluppat dan id-dokument ta’ politika abbażi tal-analiżi strateġika tar-riskju għall-EIBM, ippreżentata mill-Frontex lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Lulju 2020, li tidentifika l-isfidi tal-EIBM għall-għaxar snin li ġejjin. Il-Kummissjoni qieset ukoll ir-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen, imwettqa fil-perjodu 2019-2020, tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri.
L-iżvilupp ta’ strateġija ta’ ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri hija responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-istabbiliment ta’ qafas politiku għat-tmexxija tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dan il-qafas għandu jiġi adottat fil-forma ta’ Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-EIBM.
b) L-istrateġija teknika u operazzjonali tal-Frontex dwar l-EIBM
F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar l-EBCG, il-Frontex għandha l-kompitu li tistabbilixxi strateġija teknika u operazzjonali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tagħha u abbażi ta’ proposta mid-direttur eżekuttiv tal-Frontex. Dik l-istrateġija għandha titħejja b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. L-istrateġija trid tkun konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-EBCG, u meta ġġustifikat, l-Aġenzija trid tqis is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Din għandha tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika strateġika pluriennali dwar l-EIBM, iżda għandha tqis ukoll ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ Schengen fis-seħħ.
Rekwiżiti għall-istrateġija teknika u operazzjonali dwar l-EIBM |
·Il-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex u l-grupp ta’ ħidma ddedikat tiegħu dwar l-EIBM għandhom jiggwidaw u jissorveljaw l-iżvilupp tal-istrateġija u l-proċess ta’ implimentazzjoni; ·Għandha tiġi strutturata skont il-15-il komponent tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-EBCG; ·Għandha tikkonforma mat-tmexxija politika pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-UE; ·Għandu jkun hemm strateġija unifikata għall-EBCG, li tindirizza kemm il-Frontex kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri; ·Għandha tkopri azzjonijiet mhux biss fil-livell tal-UE iżda wkoll fil-livell nazzjonali, inklużi azzjonijiet bil-għan li jiġu armonizzati l-prattiki, l-istandardizzazzjoni ta’ mezzi tekniċi u l-interoperabbiltà operazzjonali; ·Għandha tkopri ħames snin, u idealment tqis iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali; ·Għandha tiġi akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri ewlenin, l-iskeda ta’ żmien, l-istadji importanti, ir-riżorsi meħtieġa u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ. |
c) Strateġiji nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri
L-Istati Membri jġorru r-responsabbiltà prinċipali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħhom fl-interess tagħhom u fl-interess tal-Istati Membri kollha. Minħabba dan, l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri tirrikjedi li l-istrateġiji stabbiliti fil-livell tal-UE jissarrfu fil-livell nazzjonali. Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 8(6) tar-Regolament dwar l-EBCG jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri.
Rekwiżiti għall-istrateġiji nazzjonali tal-IBM |
·Għandu jkun hemm strateġija tal-IBM waħda għal kull Stat Membru; ·Għandha tiġi stabbilita struttura ta’ governanza ċentralizzata nazzjonali għall-EIBM, li tikkoordina l-awtoritajiet rilevanti kollha involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn, u li tqis l-implikazzjoni ta’ politiki oħra tal-UE implimentati fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-mandati rispettivi tagħhom, bħall-awtoritajiet doganali u ta’ kontroll sanitarju; ·Għandhom jiġu żviluppati f’konformità mal-istrateġija politika deċiża mill-istituzzjonijiet tal-UE, mal-istrateġija teknika u operazzjonali tal-Aġenzija u mar-rekwiżiti ta’ Schengen; ·Għandhom ikunu bbażati fuq il-15-il komponent tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-EBCG; madankollu, għandhom ikopru wkoll oqsma ta’ kompetenza nazzjonali jekk dan jitqies xieraq; ·Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti nazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri u għandu jkun hemm parteċipazzjoni f’mekkaniżmi rilevanti tal-UE kkoordinati mill-Frontex u minn atturi rilevanti oħra tal-UE; ·Għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar kemm l-allokazzjoni attwali u ppjanata tar-riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll l-istadji ewlenin għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa; ·Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rieżami u monitoraġġ; ·Għandu jkun hemm kopertura pluriennali, li idealment tikkonforma maċ-ċiklu ta’ programmazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali; ·Għandhom jiġu akkumpanjati minn pjan ta’ azzjoni li jiddeskrivi l-miżuri ewlenin, l-iskeda ta’ żmien, l-istadji importanti, ir-riżorsi meħtieġa u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ. |
d) Evalwazzjoni taċ-ċiklu tal-IBM
Erba’ snin wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-politika mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, bil-għan li tħejji ċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali li jmiss.
L-arkitettura tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
Ir-Regolament dwar l-EBCG joħloq arkitettura komprensiva għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tlaqqa’ flimkien lill-Frontex u madwar 50 sa 60 awtorità tal-Istati Membri kompetenti għall-ġestjoni tal-fruntieri (inklużi l-gwardji tal-kosta meta jwettqu kompiti ta’ sorveljanza tal-fruntieri) u r-ritorn. Barra minn hekk, ir-Regolament jagħti l-kompitu lill-EBCG li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-EIBM fl-ispirtu ta’ responsabbiltà komuni. Jekk jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, dan iwassal għal bidla reali u meħtieġa fil-prattika. Għal dak il-għan, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu kollettiv minn din l-arkitettura l-ġdida u jsaħħu l-istrutturi ta’ governanza tal-EBCG, filwaqt li jtejbu l-kapaċitajiet operazzjonali l-ġodda tagħha permezz ta’ koordinazzjoni aħjar u aktar rapida fil-livell tal-UE.
L-istruttura ta’ governanza tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta trid tiggarantixxi li l-attivitajiet tal-Frontex u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta jkunu allinjati bis-sħiħ mal-objettivi politiċi tal-UE fil-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, u li dawn isegwu l-linja politika relatata mas-sigurtà interna.
L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà u l-kompetenza prinċipali għall-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom. Bis-saħħa tal-mandat il-ġdid tagħha, il-Frontex issa għandha rwol ċentrali fi ħdan il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta billi ssaħħaħ, tivvaluta u tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u billi tistabbilixxi kapaċitajiet Ewropej.
Minn mindu bdiet, l-EBCG ilha tipprovdi qafas għall-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali mhux biss bejn il-Frontex u l-Istati Membri iżda wkoll bejn id-diversi awtoritajiet tal-Istati Membri li jaġixxu bħala komponenti nazzjonali. Mill-2019 ’il quddiem, dawn l-għodod ġew ikkomplementati mill-possibbiltà li l-Istati Membri jiġu appoġġati b’mod aktar effettiv permezz tal-forza operazzjonali tal-Aġenzija stess, jiġifieri l-korp permanenti tal-EBCG. Il-korp permanenti jiġi skjerat taħt il-kmand u l-kontroll tal-Istat Membru ospitanti. Min-naħa teknoloġika, ir-Regolament dwar l-EBCG kompla jsaħħaħ il-funzjonament xieraq tal-EBCG, jiġifieri l-integrazzjoni sħiħa tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), biex jiġu żgurati l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u l-ippjanar integrat, li jkopru l-iżvilupp operazzjonali, ta’ kontinġenza u ta’ kapaċità, u dawn kollha huma kkoordinati u appoġġati b’mod ċentrali mill-Frontex. Barra minn hekk, l-Aġenzija qed tniedi, tikkoordina u tappoġġa ħafna proċessi oħra (eż. l-istandardizzazzjoni għat-tagħmir tekniku u l-iskambju tal-informazzjoni), bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u tiffaċilita l-ħidma ta’ kuljum tal-gwardji tal-fruntiera fl-UE.
Illustrazzjoni 2: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
Il-Kummissjoni għandha wkoll rwol operazzjonali fir-rigward ta’ xi aspetti tal-implimentazzjoni tal-EIBM, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament tal-UE, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-hotspots. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-EBCG jenfasizza l-importanza tal-partijiet ikkonċernati Ewropej oħra, b’mod partikolari l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (l-eu-LISA, il-Europol, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Il-kooperazzjoni mill-qrib ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati mal-Frontex u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri hija essenzjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess tal-EIBM. Fil-livell nazzjonali hemm firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet (doganali, tal-infurzar tal-liġi, tas-saħħa pubblika) li jikkooperaw mal-komponenti nazzjonali tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-EIBM fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom.
3.Sfidi strateġiċi għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri
F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar l-EBCG, il-punt tat-tluq għaċ-ċiklu strateġiku huwa l-identifikazzjoni [tal]-isfidi fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tar-ritorn li għandhom jiġu indirizzati b’mod koerenti, integrat u sistematiku. F’dan il-kuntest, il-Frontex, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, żviluppat l-ewwel analiżi strateġika tar-riskju għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, li tkopri perjodu ta’ 10 snin 3 .
L-isfidi ewlenin identifikati fl-Analiżi Strateġika dwar ir-Riskji tal-2020 huma:
Għall-fruntieri esterni:
a)żieda fil-pressjoni minħabba l-kriminalità transfruntiera 4 , it-terroriżmu u theddid ta’ natura ibrida;
b)il-ħtieġa li tiġi indirizzata ż-żieda fil-flussi tal-passiġġieri u tal-merkanzija billi jissaħħu l-ġbir tad-data, il-ġestjoni tar-riskji u l-interoperabbiltà;
c)id-diġitalizzazzjoni tal-IBM, bl-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, is-Sistema ta’ Informazzjoni mġedda ta’ Schengen, u s-Sistema ta’ Informazzjoni mġedda dwar il-Viża;
d)sfidi fir-rigward tat-trasport marittimu, fuq l-art u bl-ajru, fosthom:
I.attakki ċibernetiċi u terroristiċi sofistikati kontra l-passiġġieri internazzjonali/domestiċi, il-bastimenti, il-merkanzija perikoluża u l-infrastruttura marittima kritika;
II.żieda fil-migrazzjoni internazzjonali, movimenti migratorji sekondarji (intra-UE) u attivitajiet transfruntieri ta’ kuntrabandu, u
III.l-impatt tal-intensità ta’ titjiriet bi prezz baxx fuq il-kapaċità ta’ xi ajruporti tal-UE li jaffaċċjaw kwistjonijiet relatati mal-IBM;
e)intensifikazzjoni tal-flussi illeċiti ta’ kuntrabandu li jaffettwaw is-sigurtà interna u esterna tal-UE;
f)iċ-ċiberkriminali se jibqgħu juru kemm huma flessibbli u reżiljenti, iżda se jiddependu wkoll fuq modi operandi eżistenti li jimmiraw lejn il-vulnerabbiltajiet magħrufa u vittmi ġodda. Huma se jippruvaw japprofittaw ruħhom mit-tranżizzjoni enormi ta’ attivitajiet li qabel kienu offline u li issa saru online, bħalma sar matul il-pandemija tal-COVID-19;
g)sabiex jiffaċilitaw il-qsim legali, fosthom għall-benefiċċju tat-turiżmu u l-kummerċ, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri jeħtiġilhom jagħmlu l-aħjar użu minn teknoloġiji ta’ identifikazzjoni mhux intrużivi (eż. il-marki tas-swaba’, ir-rikonoxximent tal-wiċċ), filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali f’dan ir-rigward. Jeħtieġ li l-aċċess għal din il-informazzjoni jingħata permezz ta’ tagħmir li jinżamm fl-idejn, biex ikunu jistgħu jsiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa rigward il-bażijiet tad-data u l-kontrolli tas-sigurtà;
h)rigward it-terroriżmu u t-theddid ibridu, diversi sfidi huma relatati mal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’waqtha biex jissaħħu l-kontrolli u r-rispons rapidu, u l-EBCG jista’ jikkontribwixxi permezz tal-aċċess tal-gwardji tal-fruntiera għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, inkluż il-portal Ewropew tat-tfittxija;
Għall-migrazzjoni u r-ritorn:
a)sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn titqiegħed pressjoni konsiderevoli fuq l-Istati Membri individwali jew is-sezzjonijiet tal-fruntiera, jeħtieġ rispons ikkoordinat sew b’miżuri adegwati fiż-żona prefruntiera u, jekk meħtieġ, b’żidiet korrispondenti fil-kapaċitajiet operazzjonali fis-sezzjonijiet tal-fruntiera affettwati;
b)jeħtieġ li l-miżuri ta’ sigurtà fil-fruntiera esterna u fiż-żona Schengen jiġu bbilanċjati bil-ħtieġa li jiġu żgurati flussi tal-passiġġieri mingħajr xkiel;
c)l-importanza tal-attivitajiet ta’ ritorn tal-EBCG qed tiżdied, u hemm il-possibbiltà li l-Frontex issir l-element operattiv tas-sistema ta’ ritorn tal-UE, u b’hekk tiffaċilita l-biċċa l-kbira tar-ritorni;
d)L-attivitajiet ta’ ritorn tal-EBCG għandhom jissaħħu permezz tad-diġitalizzazzjoni, jiġifieri bl-użu tal-Applikazzjoni tal-Frontex għar-Ritorn u s-sistemi nazzjonali tal-IT għall-ġestjoni tar-ritorn, abbażi tal-mudell għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn żviluppati mill-Aġenzija.
Pandemiji:
e)Fl-analiżi tal-Frontex tal-2020, dawn ġew identifikati bħala sfida ewlenija għall-EIBM peress li malajr jistgħu jsiru theddida evidenti minflok waħda latenti, kif muri mill-pandemija tal-COVID-19;
f)il-gwardji tal-fruntiera tal-ewwel linja jinteraġixxu mal-vjaġġaturi u jimmaniġġjaw il-bagalji u l-merkanzija, u dan jista’ jwassal għal esponiment għat-tossini, għall-patoġeni u l-bqija. Sabiex tittaffa din il-problema, għandu jiġi żgurat ambjent sikur għall-gwardji tal-fruntiera, u l-awtoritajiet għandhom iqisu r-riskju għas-saħħa fl-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri.
Dawn l-isfidi identifikati fl-Analiżi tal-Frontex dwar ir-Riskji tal-2020 ġew ikkonfermati u kkomplementati minn avvenimenti li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn l-UE u l-Belarussja fl-2021 uriet kif l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni tista’ toħloq theddida ibrida għall-fruntieri tal-UE, li tista’ tkompli tiġi affettwata minn operazzjonijiet ibridi li jkollhom l-għan li javvanzaw l-aġendi tal-politika barranija u ta’ sigurtà ta’ ċerti pajjiżi terzi fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu. It-theddid ta’ natura ibrida jinkludi l-ħtieġa ta’ involviment fil-kooperazzjoni u fl-iskambju ta’ informazzjoni (bejn l-aġenziji, mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE) sabiex it-theddid ibridu f’diversi oqsma, kif ukoll il-ħsieb strateġiku tagħhom, jiġu identifikati fi stadju bikri.
Bl-istess mod, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, li minħabba fiha s’issa ħarbu aktar minn 5,9 miljun persuna lejn l-UE, turi biċ-ċar l-isfidi għall-EIBM. Eskalazzjoni sinifikanti tal-aggressjoni militari mill-forzi Russi tista’ twassal biex aktar nies jaħarbu mill-Ukrajna fuq skala kbira. B’din il-perspettiva, il-Frontex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kkonċernati u lill-pajjiżi terzi affettwati. Barra minn hekk, hija qed tħejji skjeramenti ġodda ħalli tiżgura kapaċità suffiċjenti biex jitwettqu kontrolli fil-fruntieri fuq in-nies kollha li jaqsmu l-fruntieri tal-Ukrajna u tal-UE, f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
4.Il-prinċipji li jirfdu l-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri
Jeħtieġ li l-politika strateġika pluriennali tkun iggwidata mill-prinċipji u l-kunċetti ewlenin tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, li jirriżultaw direttament mir-Regolament dwar l-EBCG u li għandhom l-objettiv li jippermettu lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta topera b’mod effettiv, f’konformità sħiħa mal-qafas legali.
Ir-responsabbiltà komuni, id-dmir ta’ kooperazzjoni bona fide u l-obbligu ta’ skambju tal-informazzjoni
Skont ir-Regolament dwar l-EBCG, l-implimentazzjoni tal-EIBM hija responsabbiltà komuni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-ġestjoni u tal-fruntieri u r-ritorn, u tal-Frontex, li flimkien jiffurmaw il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Din hija l-pedament tal-arkitettura tal-EBCG u t-tisrif operazzjonali tal-kompetenza komuni tal-UE u tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE, kif previst mit-Trattat. Ir-responsabbiltà komuni hija kkomplementata mid-dmir sottostanti tal-atturi kollha tal-EBCG (il-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali) li jikkooperaw bona fide u mill-obbligu globali li jiskambjaw informazzjoni fi ħdan il-komunità tal-EBCG.
Prontezza kontinwa għal rispons għat-theddid emerġenti
L-implimentazzjoni tal-EIBM għandha tagħti l-għodod meħtieġa għar-rispons għat-theddid emerġenti possibbli kollu fil-fruntieri esterni u l-ġestjoni tiegħu. Irid ikun hemm prontezza kontinwa fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex jiġi ġestit kwalunkwe influss bil-massa ta’ migranti irregolari li jaqsmu l-fruntieri esterni b’mod illegali. Għal dak il-għan, pjanijiet ta’ kontinġenza komprensivi, ittestjati u kontinwament aġġornati, inkluż l-użu tal-kapaċitajiet u l-istrumenti tal-UE u dawk nazzjonali, eż. interventi rapidi fil-fruntieri, timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, timijiet ta’ intervent għar-ritorn, u l-użu sħiħ tal-approċċ hotspot, għandhom ikunu parti minn dan l-approċċ integrat. Il-pjanijiet ta’ kontinġenza għandhom jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni prattika u effettiva ta’ miżuri fi kwalunkwe sitwazzjoni li teħtieġ azzjoni urġenti fil-fruntieri esterni u, jekk meħtieġ, fit-twettiq ta’ interventi biex jiġi appoġġat ir-ritorn.
Jeħtieġ li l-Frontex twettaq eżerċizzji annwali ta’ reazzjoni rapida, li se jippermettu ttestjar regolari tal-proċeduri u l-mekkaniżmi rilevanti, biex tiġi żgurata l-prontezza sħiħa għall-kapaċità ta’ reazzjoni rapida, ħalli l-Istati Membri jiġu appoġġati meta tkun ġejja kriżi.
Aktar koordinazzjoni u ppjanar integrat
Il-funzjonament b’suċċess ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huwa bbażat fuq sistema stabbilita sew ta’ koordinazzjoni, komunikazzjoni u ppjanar bejn il-komponenti Ewropej (il-Frontex) u dawk nazzjonali (l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri jew involuti fiha). Għan ewlieni huwa l-iżvilupp ta’ użu flessibbli u integrat tal-informazzjoni, tal-kapaċitajiet ikkombinati, u tas-sistemi u tal-għodod interoperabbli fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Rekwiżit ewlieni għall-funzjonament ta’ din l-istruttura Ewropea ġdida jinkludi sistemi nazzjonali ċari ta’ koordinazzjoni, komunikazzjoni u ppjanar, biex tiġi ggarantita l-kooperazzjoni funzjonali mal-Aġenzija u bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti fl-IBM. Għandu jkun hemm awtorità nazzjonali ta’ tmexxija waħda fil-livell nazzjonali, li tkun inkarigata mill-koordinazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, u punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali għall-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet tal-Aġenzija. Kunċett nazzjonali tal-IBM se jikkontribwixxi biex tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti bejn l-awtorità nazzjonali ta’ tmexxija u l-awtoritajiet nazzjonali kollha b’responsabbiltajiet fil-ġestjoni tal-fruntieri. Sabiex tiġi żgurata prontezza kontinwa fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, l-EIBM tirrikjedi ppjanar integrat bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija. Dan huwa meħtieġ għat-tħejjija ta’ rispons għall-isfidi fil-fruntieri esterni, għall-ippjanar ta’ kontinġenza u għall-koordinazzjoni tal-iżvilupp fit-tul tal-kapaċitajiet, kemm f’termini ta’ reklutaġġ kif ukoll ta’ taħriġ, u l-akkwist u l-iżvilupp tat-tagħmir. Għalhekk, jeħtieġ li l-iżvilupp tal-kapaċità fil-livelli nazzjonali u tal-Aġenzija jkun kontinwu fin-natura tiegħu, filwaqt li jqis l-ippjanar fuq terminu qasir, medju u twil, u jkun konformi mal-ippjanar ta’ kontinġenza.
Għarfien komprensiv tas-sitwazzjoni
Għarfien komprensiv u qrib il-ħin reali tas-sitwazzjonijiet prevalenti u prevedibbli, li jkopri kważi l-funzjonijiet kollha tal-IBM u l-livelli kollha tal-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli 5 , huwa l-pedament għar-rispons korrett u f’waqtu għal sitwazzjonijiet differenti. Għandha tinżamm stampa komprensiva tas-sitwazzjoni Ewropea, mill-Aġenzija fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, biex tiġi ggarantita reazzjoni effettiva u rapida mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għat-theddid emerġenti. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-puntwalità u l-effettività tal-attivitajiet operazzjonali min-naħa ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra u aġenziji tal-UE li jwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom fil-fruntieri u fiż-żona Schengen. Bħala l-bażi ewlenija għall-istampa tas-sitwazzjoni tal-IBM, il-EUROSUR għandha tiġi implimentata b’mod effettiv u żviluppata aktar. Dan huwa partikolarment importanti minħabba li ġew introdotti karatteristiċi ġodda tal-EUROSUR mir-Regolament dwar l-EBCG li għandhom jirriżultaw fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-EBCG rigward l-għarfien tas-sitwazzjoni u r-reazzjoni, u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali fost l-Istati Membri u l-Frontex.
Standards tekniċi tal-EIBM
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u mill-Frontex fil-fruntieri esterni, l-istandards tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni u għat-tagħmir meħtieġ għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt mill-Frontex, mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, kif previst rispettivament mill-Artikoli 16 u 64 tar-Regolament dwar l-EBCG. Ladarba fis-seħħ, l-EBCG għandha l-obbligu li tikseb u tuża t-tagħmir, u li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-istandards tekniċi.
L-istandards tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni huma meħtieġa sabiex l-informazzjoni u d-data pprovduti mill-Istati Membri u mill-Frontex ikunu jistgħu jitqabblu u jiġu analizzati faċilment. Dan huwa kruċjali biex jittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari biex tiġi kkomplementata l-istampa tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR u tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni għas-sitwazzjonijiet fil-fruntieri esterni.
Japplikaw prinċipji simili għall-istandards tekniċi għar-riżerva ta’ tagħmir tekniku, magħmula minn tagħmir li huwa l-proprjetà tal-Istati Membri jew tal-Frontex, minn naħa waħda, u għal tagħmir li huwa l-proprjetà komuni tal-Istati Membri u tal-Frontex għall-attivitajiet operazzjonali tagħha, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà tat-tagħmir fir-riżerva ta’ tagħmir tekniku, sabiex tkun tista’ taħdem fl-istess ambjent operazzjonali b’tagħmir ieħor fit-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi u f’xenarji operazzjonali differenti. Is-sostituzzjoni ta’ komponent wieħed ta’ tagħmir ma’ komponent ieħor għandha ssir malajr u mingħajr xkiel, sabiex ma jkunx hemm tfixkil fl-eżitu tal-attivitajiet operazzjonali.
Barra minn hekk, dawn l-istandards se jikkontribwixxu għall-iffaċilitar ta’ bażi teknoloġika u industrijali Ewropea għall-IBM, li tista’ tnaqqas dipendenzi mhux Ewropej mhux mixtieqa.
Kultura komuni tal-gwardji tal-fruntiera u livell għoli ta’ professjonaliżmu
Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri hija kunċett li jirrikjedi livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni u professjonaliżmu. Permezz tad-diversi attivitajiet tagħha, inkluż it-taħriġ, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha trawwem fehim reċiproku u kultura komuni għall-gwardji tal-fruntiera abbażi tal-valuri Ewropej stabbiliti fit-Trattati.
B’mod ġenerali, dawk li jaqdu d-dmirijiet ta’ gwardji tal-fruntiera Ewropea u ta’ ritorn għandhom ikunu professjonisti mħarrġa apposta fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u jkollhom valuri etiċi b’saħħithom u integrità liema bħalha. Huma għandhom jappartjenu għall-awtoritajiet kompetenti tal-kontroll tal-fruntieri jew tal-infurzar tal-liġi b’kodiċi ta’ kondotta b’saħħtu. Ma hi permessa l-ebda eċċezzjoni fir-rigward ta’ dmirijiet li jirrikjedu kwalunkwe użu ta’ data personali, konsultazzjoni ta’ reġistri kunfidenzjali jew fil-każ ta’ atti li jirrikjedu l-użu ta’ setgħat eżekuttivi, f’konformità mad-dritt tal-UE jew dak nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iġorru r-responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet kollha ta’ kontroll fil-fruntieri, fiċ-ċirkostanzi kollha. Ma huwiex possibbli li tiġi esternalizzata r-responsabbiltà għall-kompiti ta’ kontroll tal-fruntieri - il-kontroll tal-fruntieri minnu nnifsu huwa kompitu tal-infurzar tal-liġi. F’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-kapaċitajiet u l-assi militari jistgħu jintużaw meta jintalbu jassistu lill-awtoritajiet kompetenti tal-gwardja tal-fruntiera, dment li jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet kollha meħtieġa msemmija hawn fuq.
Integrità funzjonali
Kif stipulat fir-Regolament dwar l-EBCG, l-awtoritajiet nazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri fl-Istati Membri għandhom iġorru r-responsabbiltà prinċipali għall-ġestjoni tas-sezzjonijiet tagħhom tal-fruntieri esterni. L-istess prinċipju għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ ritorn tal-UE. L-EIBM hija strument li permezz tagħha ċerti responsabbiltajiet jeżistu fil-livell nazzjonali, filwaqt li dawk tal-Aġenzija huma limitati meta mqabbla ma’ dawk tal-awtoritajiet nazzjonali. Dawn l-oqsma soġġetti għall-politiki nazzjonali jikkonċernaw, pereżempju, miżuri fiż-żona Schengen (eż. kontrolli tal-pulizija, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni) u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera organizzata fil-fruntieri esterni. Għaldaqstant, dawn is-suġġetti u l-funzjonijiet għandhom jiġu koperti f’aktar dettall u b’mod unifikat mill-istrateġiji nazzjonali tal-IBM.
5.Prijoritajiet ta’ politika u linji gwida strateġiċi għall-komponenti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri
Ir-Regolament dwar l-EBCG jelenka 15-il komponent għall-istabbiliment tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Minn dawn, 12-il komponent tematiku jkopru l-kontroll tal-fruntieri, it-tfittxija u s-salvataġġ f’sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu matul l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi, l-analiżi tar-riskju, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell nazzjonali u tal-UE, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Aġenzija, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, ir-ritorni u miżuri oħra fiż-żona Schengen, mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità ta’ Schengen u mekkaniżmi ta’ solidarjetà, b’mod partikolari strumenti ta’ finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, ġew identifikati tliet komponenti globali: id-drittijiet fundamentali; ir-riċerka u l-innovazzjoni; u l-edukazzjoni u t-taħriġ. Fost dawn, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija ta’ importanza partikolari, biex jiġi żgurat li l-kontroll effettiv tal-fruntieri u l-politika ta’ ritorn ikunu konformi mal-obbligi u l-valuri internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri.
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-EBCG jispeċifika li l-objettiv tal-politika strateġika pluriennali għall-EIBM huwa li “tistipula l-prijoritajiet politiċi u tipprovdi l-linji gwida strateġiċi għal perjodu ta’ ħames snin b’rabta mal-komponenti [tal-EIBM] stipulati fl-Artikolu 3 [tar-Regolament dwar l-EBCG].” F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni b’dan qed tipproponi, għall-kunsiderazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-gwida li ġejja għall-iżvilupp tal-politika strateġika pluriennali fir-rigward tal-15-il komponent tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.
Komponent 1: “Il-kontroll fuq il-fruntieri, inklużi miżuri biex jiġi ffaċilitat il-qsim leġittimu tal-fruntieri u, fejn xieraq: miżuri relatati mal-prevenzjoni u l-qbid tal-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni, b’mod partikolari il-faċilitazzjoni ta’ dħul ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu; u mekkaniżmi u proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u minuri mhux akkumpanjati, u għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jkollhom bżonn, jew li jixtiequ japplikaw għal, protezzjoni internazzjonali, l-għoti ta’ informazzjoni lil tali persuni u r-riferiment ta’ tali persuni 6 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-kontroll tal-fruntieri mmexxi mill-analiżi tar-riskju (il-kontrolli tal-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera) jinsab fil-qalba tal-EIBM. Il-Frontex u l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, għandu jkollhom il-kapaċità legali, istituzzjonali, amministrattiva u operazzjonali u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu kontroll effettiv u effiċjenti tal-fruntieri fiċ-ċirkostanzi kollha. Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà interna tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, il-kontroll tal-fruntieri jimpedixxi il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni minn migranti irregolari. Dan jiffaċilita wkoll il-qsim leġittimu bejn il-fruntieri tan-nies u tat-traffiku transfruntier. Fl-istess ħin, il-kontroll tal-fruntieri jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ diversi forom ta’ kriminalità transfruntiera u għall-ġlieda kontrihom. Il-kontroll tal-fruntieri għandu jitwettaq b’mod li jirrispetta d-drittijiet tal-persuni kollha, irrispettivament minn jekk humiex ifittxu l-protezzjoni jew le. L-individwi li jfittxu l-protezzjoni jeħtiġilhom jingħataw aċċess għall-proċeduri, filwaqt li dawk li ma jfittxux il-protezzjoni wkoll jeħtiġilhom jiġu protetti kontra n-non-refoulement. Barra minn hekk, il-kontroll tal-fruntieri jinkludi miżuri fiż-żona tal-fruntiera fir-rigward ta’ persuni li jkunu qasmu l-fruntieri esterni barra mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera (jiġifieri miżuri ta’ skrinjar skont id-dritt nazzjonali jew il-fażi ta’ skrinjar skont ir-regoli tal-UE ladarba jiġu adottati).
Linji gwida strateġiċi
1.L-Istati Membri għandu jkollhom il-kapaċità legali, strutturali, amministrattiva u teknika biex iwettqu kontrolli tal-fruntieri f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 7 u biex jiffaċilitaw il-qsim leġittimu bejn il-fruntieri tal-persuni u l-vetturi. L-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri fil-fruntieri esterni għandu jirrifletti l-ħtiġijiet li jirrigwardjaw ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, biex jiġi żgurat li l-kontroll tal-fruntieri ma jfixkilx il-kummerċ, l-iskambju soċjali u kulturali, jew il-kooperazzjoni transfruntiera. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll il-kapaċitajiet disponibbli (fir-rigward tar-riżorsi u l-infrastruttura) u x-xejriet fl-isfidi (bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti).
2.L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu qsim sikur u mingħajr tfixkil bejn il-fruntieri tal-passiġġieri u tal-vetturi f’punti ta’ qsim tal-fruntiera.
3.Il-ġbir antiċipat ta’ informazzjoni għall-funzjoni tal-kontroll tal-fruntiera (jiġifieri informazzjoni ta’ qabel il-wasla, li għandha tkun element ewlieni tal-funzjoni tal-kontroll tal-fruntiera) għandu jiġi żviluppat aktar permezz tal-użu effettiv tas-sistema tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) u tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR).
4.Il-proċedura tal-kontroll tal-fruntieri għandha tissaħħaħ u tiġi ottimizzata permezz ta’ implimentazzjoni komprensiva tas-sistemi tal-IT ġodda u mġedda tal-UE fuq skala kbira (l-EES, l-ETIAS, il-VIS, il-Eurodac u s-SIS), u l-interoperabbiltà tagħhom. Din se żżid l-ammont u l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli għall-finijiet tal-kontroll tal-fruntiera. Barra minn hekk, bil-possibbiltà tad-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fil-futur, il-qsim bejn il-fruntieri jista’ jissaħħaħ saħansitra aktar.
5.Għandu jinżamm għarfien affidabbli u komprensiv tas-sitwazzjoni fil-fruntieri fil-livelli kollha, biex tiġi ggarantita kapaċità għolja biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Għandha tinżamm stampa komprensiva tas-sitwazzjoni Ewropea qrib il-ħin reali, kondiviża u żviluppata aktar fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, f’konformità mal-qafas leġiżlattiv u mal-ħtiġijiet operazzjonali.
6.Għarfien kontinwu (24/7) tas-sitwazzjoni għandu jkun il-bażi għal kapaċità ta’ reazzjoni xierqa, biex l-inċidenti kollha fil-fruntieri, il-bidliet imprevedibbli fil-fruntieri esterni u s-sitwazzjonijiet ta’ immigrazzjoni illegali fuq skala kbira jiġu indirizzati b’mod xieraq; din il-kapaċità għandha tiġi żgurata fiċ-ċirkostanzi kollha fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Il-kapaċità nazzjonali u tal-UE għandha tiġi żviluppata biex, meta meħtieġ, il-kontroll tal-fruntieri jissaħħaħ malajr fi kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntieri u sezzjoni tal-fruntieri esterni. Il-kapaċità ta’ reazzjoni u l-pjanijiet ta’ kontinġenza għandhom jiġu ttestjati u jkomplu jiġu żviluppati b’mod regolari, b’mod partikolari jekk ikun hemm l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti.
7.Sistema integrata ta’ sorveljanza tal-fruntieri mmexxija minn analiżi tar-riskju għandu jkollha kapaċità stabbli (organizzattiva, amministrattiva u teknika) u prontezza kontinwa. Dan sabiex jiġi evitat u identifikat qsim mhux awtorizzat bejn il-fruntieri, jinqabdu individwi u jiġu interċettati mezzi ta’ trasport bħall-vetturi li jaqsmu l-fruntiera illegalment, tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera, bħall-kuntrabandu, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu, u jiġi indirizzat it-theddid ta’ natura ibrida.
8.L-attivitajiet ta’ sorveljanza f’kull sezzjoni tal-fruntiera esterna għandhom jikkorrispondu għal-livell tal-impatt allokat lilha, bl-użu ta’ sistemi ta’ sorveljanza integrati, tagħmir mobbli u (unitajiet ta’) pattulji mobbli u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju. Il-livelli tal-impatt għandhom jiġu identifikati b’mod armonizzat fl-UE.
9.Il-fruntiera esterna għandha tiġi mmonitorjata b’mod kostanti (24/7). Għandhom jitwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri u fiż-żoni prefruntieri, bl-użu ta’ diversi għodod, bil-għan li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, li tiġi kondiviża informazzjoni azzjonabbli, u li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni.
10.Is-sistemi nazzjonali ta’ sorveljanza integrata għandhom jiġu appoġġati minn kapaċitajiet Ewropej ta’ sorveljanza komuni u interoperabbli. Is-sorveljanza tal-fruntieri (inkluż f’żoni prefruntieri) għandha tiġi organizzata f’konformità mar-Regolament dwar l-EBCG u mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Meta aktar minn servizz wieħed ikun involut fis-sorveljanza tal-fruntieri fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jidentifikaw l-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għas-sorveljanza ġenerali u l-mekkaniżmi meħtieġa ta’ kmand, kooperazzjoni u koordinazzjoni, u jiżguraw li r-responsabbiltajiet tal-korpi u l-aġenziji differenti jkunu regolati mil-leġiżlazzjoni jew mill-ftehimiet ta’ kooperazzjoni. Il-kapaċitajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, li huma l-proprjetà ta’ awtoritajiet differenti, għandhom joperaw f’konformità mar-Regolament dwar l-EBCG u mal-Manwal aġġornat tal-EUROSUR.
11.Fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, u jekk meħtieġ, id-data miġbura minn awtoritajiet differenti għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra għandha tiġi kondiviża permezz taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni korrispondenti.
12.Is-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar trid tkun tista’ tirrikonoxxi, tidentifika u, jekk meħtieġ, tittraċċa u tinterċetta l-bastimenti kollha li jkunu deħlin f’ilmijiet territorjali, u tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar fil-kundizzjonijiet kollha tat-temp. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-kapaċitajiet ta’ sorveljanza offruti mill-Aġenzija biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet nazzjonali u l-għarfien globali tas-sitwazzjoni u jsaħħuhom.
13.Is-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-art trid tkun kapaċi tidentifika kull okkorrenza ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri tinterċetta l-persuni li jaqsmu l-fruntiera illegalment f’żoni ta’ riskju għoli fiċ-ċirkostanza kollha. Is-sistemi ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-art jistgħu jinkludu droni, sensuri tal-movimenti, u unitajiet mobbli. Jeħtieġ li l-użu ta’ dawn il-mezzi tekniċi, b’mod partikolari kwalunkwe teknoloġija li tista’ tiġbor data personali, ikun ibbażat fuq dispożizzjonijiet definiti b’mod ċar tad-dritt tal-UE u dak nazzjonal, inkuż dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali, u eżerċitat f’konformità magħhom.
14.Is-sorveljanza tal-fruntiera għandha tiġi kkomplementata mill-iskrinjar ta’ dawk li jkunu qasmu l-fruntiera esterna mingħajr ma jkunu ġew soġġetti għall-kontrolli tal-fruntiera. L-objettiv tal-iskrinjar huwa li jidentifika l-persuni, iwettaq kontrolli tas-sigurtà u tas-saħħa u jirreferi lill-persuni skrinjati għall-proċeduri xierqa.
15.Il-kapaċità li jiġu miġġielda l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu transfruntier fil-fruntieri esterni għandha tissaħħaħ fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Permezz ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza tal-fruntieri, b’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet rilevanti oħra tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni, b’mod partikolari biex jiġu identifikati ġellieda terroristi barranin jew awturi ta’ kriminalità transfruntiera, bħat-traffikanti.
16.Barra minn hekk, il-gwardji tal-fruntiera għandhom ikunu lesti jidentifikaw u jipprovdu l-ewwel għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jirreferuhom għas-servizzi xierqa.
17.Il-gwardji tal-fruntiera għandu jkollhom biżżejjed kapaċità, mekkaniżmi u proċeduri fis-seħħ għall-identifikazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u minorenni mhux akkumpanjati, u għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jew li jixtiequ japplikaw għal din il-protezzjoni, sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jiġu rriferuti għall-proċeduri u l-awtoritajiet rilevanti.
Komponent 2: “operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ għal persuni f’diffikultà fil-baħar varati u mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 656/2014 u mal-liġi internazzjonali, li jsiru f’sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu tul operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera fil-baħar 8 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet fil-fruntieri esterni jiffurmaw prijorità ewlenija tal-EIBM. Il-kapaċità u l-prontezza operazzjonali biex jitwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u l-kooperazzjoni fost dawk kollha involuti, għandhom ikunu parti importanti u integrali mill-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-esterni tal-baħar.
Linji gwida strateġiċi
1.Għandha tiżdied il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-tfittxija u s-salvataġġ tal-Istati Membri, u ma’ awtoritajiet oħra possibbilment involuti f’operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, ukoll permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt Ewropew dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ. Dan bil-ħsieb li jitnaqqsu l-fatalitajiet fil-baħar, li tinżamm is-sikurezza tan-navigazzjoni u li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni, f’konformità mal-obbligi legali rilevanti u f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1365 9 .
2.Ir-responsabbiltà tat-tfittxija u s-salvataġġ tal-Istati Membri għandha titqies bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-ippjanar operazzjonali u tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri tal-baħar mill-Aġenzija u mill-Istati Membri. Għandhom jiġu stabbiliti, u ttestjati b’mod regolari, arranġamenti standardizzati u proċeduri operattivi standard mal-awtoritajiet tat-tfittxija u s-salvataġġ tal-Istati Membri (iċ- Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu), maċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCC) u maċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Il-pattulji u l-assi tekniċi kollha li jipparteċipaw fis-sorveljanza tal-fruntieri marittimi, inklużi operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi fil-fruntieri tal-baħar ikkoordinati mill-Frontex, għandhom jitħarrġu u jiġu mgħammra b’mod xieraq għal interventi possibbli ta’ tfittxija u salvataġġ, inkluża l-kapaċità li jaġixxu bħala koordinaturi fuq il-post, jekk meħtieġ.
3.Il-kapaċità li jiġu appoġġati l-interventi ta’ tfittxija u salvataġġ għandha tkompli tissaħħaħ, billi jiġi pprovdut it-taħriġ meħtieġ għall-persunal li jipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri tal-baħar fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-Aġenzija għandha tipprovdi aktar appoġġ operazzjonali u tekniku f’konformità mal-kompetenza tal-UE u tiskjera assi marittimi lill-Istati Membri, biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar.
4.Il-kapaċità tal-EUROSUR li tappoġġa l-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, kif ukoll is-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar f’sitwazzjonijiet li jaf jinqalgħu matul l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-baħar, għandha tiġi implimentata u applikata bis-sħiħ f’konformità mar-Regolament dwar l-EBCG u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/581 10 .
Komponent 3: “Analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna u analiżi tat-theddid li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament jew is-sigurtà tal-fruntieri esterni 11 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tkun xprunata minn analiżi tar-riskju. Analiżijiet tar-riskju affidabbli, komprensivi u integrati għandhom ikunu disponibbli fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex jintużaw għall-ippjanar u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, strateġiċi u operazzjonali. L-analiżi tar-riskju għandha tipprovdi sejbiet analitiċi u rakkomandazzjonijiet għal kunċetti u azzjonijiet konkreti (legali, tekniċi, operazzjonali) biex ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet attwali u potenzjali, li jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni kollu tal-IBM fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, jittaffew fi żmien xieraq.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-mudell integrat komuni Ewropew ta’ analiżi tar-riskju, kif adottat mill-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex 12 , irid jiġi aġġornat u applikat regolarment fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
2.Sabiex jappoġġaw azzjonijiet miftiehma tal-UE biex isaħħu l-ġestjoni tal-fruntieri esterni u jżommu s-sigurtà interna, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kapaċità nazzjonali meħtieġa (organizzattiva, amministrattiva u teknika) biex iwettqu analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà unifikati. Il-prodotti u l-proċeduri tal-analiżi tar-riskju pprovduti mill-Frontex għandhom jiġu integrati fil-proċess nazzjonali għall-kompilazzjoni tal-analiżi tar-riskju għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri, filwaqt li jkopru l-livelli kollha tal-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli.
3.Għandhom jiġu stabbiliti u operati strutturi speċjalizzati ta’ analiżi tar-riskju, bis-setgħa li jiġbru u jaggregaw data rilevanti mill-istituzzjonijiet nazzjonali kollha involuti fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri, minn għadd suffiċjenti ta’ persunal speċjalizzat u mħarreġ.
4.Il-kooperazzjoni bejn il-korpi rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali, speċjalment bejn il-Frontex, il-Europol, l-eu-LISA, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni (inkluż l-OLAF, meta xieraq), għandha tkompli tissaħħaħ fil-qasam tal-analiżi tar-riskju. Dan sabiex tiġi ggarantita analiżi aktar komprensiva relatata mar-riskji għall-integrità tal-fruntieri esterni, u għas-sigurtà interna, inkluż il-funzjonament xieraq taż-żona Schengen. Għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Europol u l-Frontex meta jitħejjew aġġornamenti tal-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata.
5.F’kuntest aktar strateġiku, l-analiżi tar-riskju strateġika biannwali hija għodda essenzjali li għandha tippermetti lill-Aġenzija tiżviluppa fehim fit-tul tal-flussi migratorji lejn u ġewwa l-UE f’termini ta’ xejriet migratorji, volum u rotot. Barra minn hekk, din se tgħin biex jiġu identifikati l-isfidi fil-fruntieri esterni u fiż-żona Schengen, u fir-rigward tar-ritorni, u għaldaqstant tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet fit-tul. L-isfidi identifikati għandhom jiffukaw ukoll fuq fenomeni bi probabbiltà baxxa iżda b’impatt għoli, bħall-pandemiji u t-theddid għas-saħħa li jirriżulta minnhom. L-aħħar analiżi disponibbli għandha tiġi riflessa fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.
6.Filwaqt li l-valutazzjonijiet tar-riskju dejjem għandhom jitwettqu qabel u matul l-attivitajiet operazzjonali konġunti kkoordinati mill-Frontex, l-Aġenzija għandha tkompli tiżviluppa l-kapaċità tagħha għall-ħruġ ta’ prodotti ad hoc marbuta mal-analiżi tar-riskju, li jkopru t-theddid emerġenti u li jappoġġaw il-proċessi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.
7.L-Aġenzija għandha tkompli ssaħħaħ il-kapaċità ta’ tbassir tagħha billi tuża kemm jista’ jkun sorsi ta’ informazzjoni affidabbli u rilevanti meħtieġa.
8.Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu formali għall-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari il-pajjiżi ta’ oriġini potenzjali u l-pajjiżi ta’ tranżitu rilevanti, f’konformità mar-Regolament dwar l-EBCG u b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Dan għandu inżamm u jkompli jiġi żviluppat mill-Istati Membri u mill-Frontex biex tittejjeb l-analiżi tar-riskju u biex l-azzjonijiet operazzjonali jsiru aktar immirati.
Komponent 4 “L-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’oqsma koperti minn dan ir-Regolament, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż l-appoġġ ikkoordinat mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta 13 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Għandhom jiġu stabbiliti, użati u żviluppati kapaċitajiet Ewropej u nazzjonali b’mod koordinat u integrat, biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva u unifikata tal-aspetti kollha tal-EIBM fiċ-ċirkostanzi kollha u fil-livelli kollha tal-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, magħmula mill-Aġenzija u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-gwardji tal-fruntiera u tar-ritorn, għandu jkollha prontezza kontinwa u ttestjata biex tirrispondi għall-inċidenti kollha possibbli fil-fruntiera esterna u għal fenomeni ġodda li jaffettwaw il-funzjonament tal-kontroll tal-fruntieri u tar-ritorn. Għandu jkun hemm kapaċità ta’ reazzjoni rapida u kapaċitajiet meħtieġa biex jitwettqu b’mod effettiv diversi tipi ta’ operazzjonijiet konġunti fil-partijiet kollha tal-fruntieri esterni.
Linji gwida strateġiċi
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali effettiv u proċessi ta’ ħidma għall-funzjonijiet u l-attivitajiet kollha tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-Istati Membri għandu jkollhom punt ta’ kuntatt nazzjonali uniku responsabbli (24/7) għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardjaw l-attivitajiet tal-Aġenzija. Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għandu jirrappreżenta lill-awtoritajiet nazzjonali kollha involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri u fir-ritorn.
2.L-għarfien tas-sitwazzjoni, il-kapaċità ta’ reazzjoni u r-rwol taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni (NCC) għandhom ikomplu jissaħħu u jiġu integrati f’konformità mar-Regolament dwar l-EBCG u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/581. Kull Stat Membru jrid ikollu fis-seħħ NCC li jiffunzjona bis-sħiħ.
3.L-informazzjoni miġbura mill-għodod ta’ sorveljanza, magħquda flimkien u distribwita ulterjorment mill-NCCs, għandha tintuża kemm biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ reazzjoni f’ħin reali (eż. l-interċettazzjonijiet) kif ukoll għal finijiet ta’ analiżi tar-riskju.
4.L-Istati Membri għandhom jallokaw ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa u li jkollhom prontezza operazzjonali kontinwa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jipprovdu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji u volontarji għall-kapaċitajiet Ewropej kollettivi kkoordinati mill-Frontex, b’mod partikolari l-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u r-riżerva tat-tagħmir tekniku.
5.L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jiżguraw tkabbir gradwali tal-korp permanenti biex jilħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu ta’ 10 000 uffiċjal sal-2027.
6.Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija ssir aktar effiċjenti, il-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex għandu jadotta u jirrieżamina regolarment il-kunċett operazzjonali għall-korp permanenti. Dan biex l-implimentazzjoni tal-kompiti operazzjonali u tekniċi tal-Aġenzija tiġi diretta aħjar, b’mod partikolari għat-tnedija ta’ interventi rapidi fil-fruntieri fi kriżijiet speċifiċi, inklużi każijiet ta’ strumentalizzazzjoni. Dan sabiex jiġi żgurat li l-iskjerament tal-korp permanenti u tat-tagħmir isir fi żmien xieraq kull meta sseħħ kriżi bħal din.
7.Il-Frontex għandha tkompli ssaħħaħ l-integrazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fit-tħejjija, fl-ippjanar ta’ kontinġenza u fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Dan se jiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-kapaċità mhux biss li jsaħħu s-sigurtà fil-fruntieri esterni tagħhom, iżda wkoll li jagħtu s-sehem tagħhom lill-korp permanenti, inklużi l-kontribuzzjonijiet għal interventi rapidi u r-riżerva ta’ tagħmir tekniku. F’dan il-proċess, l-Aġenzija tibni wkoll fuq is-sinerġiji bejn il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà.
8.Kull strateġija nazzjonali tal-IBM għandha tistabbilixxi l-mekkaniżmu ċentralizzat biex tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti bejn l-awtorità nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-awtoritajiet nazzjonali kollha b’responsabbiltajiet fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.
9.Il-kooperazzjoni operazzjonali bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri għandha tkompli tiġi żviluppata meta din il-kooperazzjoni tkun kompatibbli mal-kompiti tal-Aġenzija. L-appoġġ tal-Aġenzija u l-kapaċitajiet u l-istrumenti komuni Ewropej (eż. il-EUROSUR) għandhom jintużaw bis-sħiħ.
10.L-iskambju ta’ informazzjoni huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-kooperazzjoni operazzjonali fost l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Frontex. Dan irid jitwettaq b’mod sigur permezz tan-network ta’ komunikazzjoni ddedikat, b’mod partikolari meta dan l-iskambju jkopri informazzjoni klassifikata sal-livell CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL. L-Istati Membri u l-Frontex iridu jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali u s-sigurtà tal-informazzjoni f’kull ħin, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u mar-regoli tas-sigurtà stabbiliti mill-Aġenzija.
11.L-Aġenzija trid tiżgura monitoraġġ u għarfien tas-sitwazzjoni kostanti, u tikkondividi dik l-informazzjoni mal-NCCs bil-EUROSUR, b’mod partikolari biex tipprovdi rapportar f’ħin reali dwar iż-żona tal-fruntiera u ż-żona prefruntiera korrispondenti b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ kriżi. Meta jittrattaw id-data u l-informazzjoni tal-EUROSUR, l-Istati Membri u l-Frontex iridu jiżguraw li l-kontrolli, il-proċessi u l-pjanijiet tas-sigurtà jkunu fis-seħħ, filwaqt li jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni.
18.L-Istati Membri għandu jkollhom kapaċità ta’ hosting ittestjata biex jingħataw l-appoġġ permezz tal-iskjerament tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, jekk meħtieġ.
19.L-istrateġija pluriennali għall-iżvilupp u l-akkwist tal-kapaċitajiet tekniċi tal-Aġenzija u l-pjan ta’ implimentazzjoni assoċjat iridu jservu bħala għodda flessibbli biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet fit-tul, biex il-korp permanenti jiġi mgħammar b’assi tekniċi, inkluża l-possibbiltà li jiġu attivati għażliet alternattivi għall-aktar ħtiġijiet kritiċi (jiġifieri s-sorveljanza mill-ajru).
20.L-Istati Membri u l-Aġenzija għandu jkollhom kapaċità effettiva ta’ ppjanar, koordinazzjoni u implimentazzjoni biex jorganizzaw l-operazzjonijiet, xprunati mill-analiżi tar-riskju, fil-fruntieri esterni u/jew f’pajjiżi terzi, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar l-EBCG. Il-proċess ta’ ppjanar ibbażat fuq l-intelliġenza għandu jiġi kkoordinat u sinkronizzat bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, filwaqt li jiġi żgurat użu effettiv tar-riżorsi.
21.L-Aġenzija għandha tkompli tiżviluppa l-kunċett ta’ operazzjonijiet konġunti, filwaqt li tiżgura flessibbiltà suffiċjenti u l-kapaċità li jiġu applikati mudelli differenti, skont ix-xenarju operazzjonali speċifiku.
22.Il-kunċett ta’ punti ċentrali għandu jiġi żviluppat aktar billi ssir enfasi fuq l-iżgurar ta’ rispons operazzjonali effettiv, speċjalment f’żoni hotspot fil-fruntieri esterni u fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, inkluż element ta’ bini tal-kapaċità.
23.L-istandards tekniċi żviluppati tal-Aġenzija għat-tagħmir u għall-iskambju ta’ informazzjoni, fosthom għall-interkonnessjoni tas-sistemi u n-networks, għandhom jiġu applikati mill-komunità kollha tal-EBCG b’mod unifikat. L-EBCG għandha taħdem b’mod kollettiv fuq proċess ta’ standardizzazzjoni biex tiżgura l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà tat-tagħmir użat mas-sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni rilevanti, u l-EUROSUR.
Komponent 5: “Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fost l-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru li jkunu responsabbli għall-kontroll fuq il-fruntiera jew għal kompiti oħra mwettqa mal-fruntiera, kif ukoll bejn l-awtoritajiet responsabbli għar-ritorn f’kull Stat Membru, inkluż l-iskambju regolari ta’ informazzjoni permezz ta’ għodod għall-iskambju tal-informazzjoni eżistenti, inkluż, fejn xieraq, il-kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali inkarigati mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali 14 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi xprunata mill-kooperazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji għandha tiġi stabbilita sew fil-livell nazzjonali biex tiggarantixxi implimentazzjoni komprensiva, transsettorjali, konġunta u kosteffettiva tal-IBM, inkluż fost il-korpi nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Id-diviżjoni tax-xogħol, l-istrutturi ta’ kooperazzjoni, l-użu komuni tal-kapaċitajiet, il-kanali ta’ komunikazzjoni u l-proċeduri ta’ ħidma sinkronizzati għandhom ikunu definiti u konsolidati sew.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali fost l-elementi kostitwenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u awtoritajiet nazzjonali oħra li jwettqu kompiti oħra fil-fruntiera, għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika ċara, inkluża l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din il-bażi ġuridika għandha tirrifletti t-tqassim tas-setgħat u l-ispeċifiċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika u l-kuntesti istituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri, u għandha tidħol fis-seħħ permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u azzjonijiet konkreti. Oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni jinkludu l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni, l-analiżi konġunta tar-riskju, l-operazzjonijiet konġunti u l-użu komuni tal-kapaċitajiet Ewropej u nazzjonali f’konformità mas-setgħat partikolari.
2.Il-potenzjal sħiħ tal-għodod eżistenti u futuri għall-iskambju tal-informazzjoni, speċjalment il-EUROSUR, għandu jidħol f’użu operazzjonali fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni effettiva fi ħdan u fost l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-EBCG u fil-Frontex stess. Din il-kooperazzjoni u koordinazzjoni għandhom jiġu previsti mill-qafas tal-EUROSUR, b’mod partikolari f’kull NCC.
3.Il-kontroll doganali ma huwiex parti mill-acquis ta’ Schengen, u mhux l-istati kollha ta’ Schengen huma membri tal-Unjoni Doganali. Għaldaqstant, il-kontroll doganali ma huwiex parti mill-kunċett tal-EIBM direttament. Madankollu, id-dwana u awtoritajiet oħra li jaħdmu fil-fruntieri esterni huma involuti fl-implimentazzjoni tal-EIBM permezz tal-komponent ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Il-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntiera u l-awtoritajiet doganali bħala sħab strateġiċi għandha tiġi żviluppata aktar fil-livelli kollha biex twassal għal integrazzjoni aħjar tal-kontroll tal-persuni u tal-prodotti, biex jiġi ggarantit qsim fluwidu u sigur bejn il-fruntieri. F’termini konkreti, dan ifisser li għandu jkun hemm qafas legali stabbilit b’mod ċar għall-kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntiera u l-awtoritajiet doganali, li jinvolvi tqassim tax-xogħol definit sew, strutturi ta’ kooperazzjoni funzjonali u ambjent tekniku interoperabbli, li jiżgura kooperazzjoni mill-qrib u prattika fil-livelli kollha. Ir-Recommendations for the cooperation between Customs Administration and Border Guards 15 , imħejjija mill-Kummissjoni, għandhom jintużaw bħala bażi meta tiġi żviluppata aktar din il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija hawn fuq, il-Grupp ta’ Persuni Għorrief għall-Isfidi li Tiffaċċja l-Unjoni Doganali kkonkluda li jista’ jkun hemm l-għażla li l-qasam tad-dwana jiġi involut b’mod aktar integrat 16 .
4.L-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni militari relatati mal-appoġġ tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera għandhom ikomplu jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali. Dan se jiggarantixxi koordinazzjoni aħjar, u użu effettiv u kosteffiċjenti tal-informazzjoni, tal-kapaċitajiet u tas-sistemi. Dan huwa meħtieġ fil-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera, tat-terroriżmu u tal-immigrazzjoni illegali u fil-kontribuzzjoni għas-salvataġġ tal-ħajja tal-migranti. Din il-kooperazzjoni għandu jkollha bażi ġuridika ċara, kif ukoll ftehimiet u proċeduri operattivi standard. L-awtoritajiet responsabbli tal-infurzar tal-liġi dejjem għandhom ikunu responsabbli għall-funzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri.
Komponent 6: “Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni fl-oqsma koperti b’dan ir-Regolament, inkluż permezz tal-iskambju regolari ta’ informazzjoni 17 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi xprunata mill-kooperazzjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ma’ partijiet ikkonċernati Ewropej oħra għandha tiġi stabbilita sew, biex tiggarantixxi implimentazzjoni komprensiva, transsettorjali, konġunta u kosteffettiva tal-EIBM.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-UE għandha ssir permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari arranġamenti ta’ ħidma konklużi mill-Frontex mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-UE msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament dwar l-EBCG. Oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni huma relatati ma’ skambju effettiv ta’ informazzjoni, analiżi konġunta tar-riskju, operazzjonijiet konġunti u użu komuni tal-kapaċitajiet Ewropej f’konformità mas-setgħat partikolari. Il-kunċett ta’ operazzjonijiet b’diversi skopijiet, abbażi tal-analiżi tar-riskju u fil-livell tal-UE, għandu jkompli jiġi żviluppat, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompiti u r-responsabbiltajiet ewlenin tal-atturi fil-livell tal-UE involuti f’operazzjonijiet bħal dawn.
2.Il-potenzjal sħiħ ta’ għodod eżistenti u futuri għall-iskambju tal-informazzjoni, speċjalment il-EUROSUR, għandu jidħol f’użu operazzjonali fil-livell tal-UE. Il-ġbir ta’ informazzjoni mis-servizzi ta’ fużjoni tal-EUROSUR għandu jkompli jiġi żviluppat permezz tal-applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma konklużi bejn il-Frontex u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rispettivi tal-UE, sabiex l-Istati Membri u l-Frontex jingħataw servizzi ta’ informazzjoni b’valur miżjud b’rabta mal-EIBM.
3.Għandha tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni Ewropea fir-rigward tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta biex jiżdiedu l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima u l-kapaċità ta’ reazzjoni, u biex tiġi appoġġata azzjoni koerenti u kosteffettiva fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Manwal prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea fir-rigward tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta għandu jiġi applikat fuq firxa wiesgħa, biex tiġi promossa implimentazzjoni armonizzata ta’ din il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali 18 .
4.L-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti fl-UE kollha (l-EES, l-ETIAS, is-SIS, il-VIS) għandha tkompli tiġi implimentata u, jekk meħtieġ, żviluppata aktar biex tiggarantixxi użu aktar effettiv tad-diversi strumenti.
5.Il-kunċett ta’ hotspot, li jinkludi proċeduri operattivi standard, għandu jiġi applikat meta rilevanti. L-aġenziji rilevanti kollha (il-Frontex, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, il-Europol u l-FRA) għandu jkollhom prontezza kontinwa biex jappoġġaw il-hotspots f’konformità mal-kunċett adottat. L-Istati Membri għandu jkollhom prontezza legali u operazzjonali biex jospitaw jew jappoġġaw hotspots Ewropej.
6.Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-qafas taċ-ċiklu ta’ politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, għandhom jissaħħu fil-fażijiet kollha tal-proċess. L-enfasi ewlenija tal-parteċipazzjoni attiva mill-Frontex u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-fruntiera għandha ssir f’dawk l-oqsma ta’ prijorità strateġiċi li jkunu direttament marbuta mal-fruntieri esterni u mal-kompiti tal-kontroll tal-fruntieri.
7.Barra minn hekk, il-Frontex għandha timpenja ruħha li tikkoopera mal-Kummissjoni (inkluż l-OLAF), b’mod partikolari biex tagħti pariri dwar l-iżvilupp ta’ azzjonijiet għall-ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi u, meta rilevanti, mal-Istati Membri u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna f’attivitajiet relatati maż-żona doganali, inklużi l-ġestjoni tar-riskji u l-ġlieda kontra l-frodi, meta dawk l-attivitajiet jikkomplementaw lil xulxin.
Komponent 7: “Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti b’dan ir-Regolament, b’enfasi partikolari fuq pajjiżi terzi ġirien u fuq dawk il-pajjiżi terzi li ġew identifikati permezz ta’ analiżi tar-riskju bħala pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni illegali. 19 ”
Prijoritajiet ta’ politika
L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u l-politika dwar il-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-EIBM ma’ pajjiżi terzi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali għandha tkun konformi mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, inklużi d-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tan-non-refoulement, biex tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali, jissaħħaħ ir-ritorn effettiv, tiġi evitata l-kriminalità transfruntiera, u jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu.
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għall-avvanz tal-EIBM għandha l-għan partikolari li ssaħħaħ il-kapaċitajiet operazzjonali u ta’ kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kontroll tal-fruntieri, l-analiżi tar-riskju, ir-ritorn u r-riammissjoni. B’din il-perspettiva, il-promozzjoni tal-valuri u l-istandards Ewropej f’pajjiżi terzi hija kruċjali. Għandha tingħata prijorità lill-pajjiżi kandidati tal-UE, lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, u lill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni irregolari.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-EIBM għandha tkun ibbażata fuq ftehimiet f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data personali. Dawn il-ftehimiet (inklużi l-ftehimiet dwar l-istatus u l-arranġamenti ta’ ħidma) għandhom jidentifikaw organizzazzjonijiet responsabbli, strutturi ta’ kooperazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni, u jistabbilixxu regoli dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet.
2.Il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi hija mħeġġa kull meta din il-kooperazzjoni tkun kompatibbli mal-kompiti tal-Frontex. L-Istati Membri għandhom jastjenu minn kwalunkwe attività li tista’ tipperikola l-funzjonament tal-Aġenzija jew il-ksib tal-objettivi tagħha.
3.L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, b’mod partikolari dwar il-EUROSUR, għandu jiġi pprovdut fil-qafas ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom isegwu r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet mudell għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qafas tal-EUROSUR f’konformità mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament dwar l-EBCG 20 .
4.Il-Frontex għandha tagħti ħarsa ġenerali fil-livell tal-UE dwar il-kooperazzjoni operazzjonali eżistenti ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn. Dan għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u minn korpi Ewropej oħra.
5.Meta jistabbilixxu stampi speċifiċi tas-sitwazzjoni ma’ partijiet terzi għall-EUROSUR, l-Istati Membri u l-Frontex għandhom jikkonformaw mal-istandards tekniċi u operazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni żviluppati mill-Aġenzija, kif ukoll jippromwovuhom.
6.L-attivitajiet operazzjonali f’pajjiżi terzi kkoordinati mill-Frontex għandhom jiġu ppjanati u implimentati f’konformità mal-ftehimiet dwar l-istatus bejn l-UE u l-pajjiż terz rilevanti u/jew f’konformità mal-arranġamenti ta’ ħidma konklużi mill-Frontex u mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi (meta disponibbli). Kemm il-ftehimiet dwar l-istatus kif ukoll l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom ikunu bbażati fuq il-mudelli rispettivi adottati mill-Kummissjoni 21 .
7.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi trid tikkonforma mad-dritt tal-UE, inklużi n-normi u l-istandards li jiffurmaw parti mil-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ, anke meta l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ssir fit-territorju ta’ dawk il-pajjiżi. L-iskambji ta’ data personali ma’ pajjiżi terzi jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.
8.Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali u reġjonali ma’ pajjiżi terzi. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għandhom jintużaw bħala punti ta’ kuntatt għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi ġirien u ma’ pajjiżi rilevanti oħra.
9.Meta n-networks tal-uffiċjali ta’ kollegament (LOs) ikollhom potenzjal identifikabbli biex jikkontribwixxu għal funzjonijiet differenti relatati mal-IBM fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, dawn għandhom jiġu kkoordinati b’mod effettiv u jingħataw appoġġ xieraq sabiex jiġu massimizzati l-kapaċitajiet operazzjonali u l-effettività. Il-kanali u l-forom ta’ kooperazzjoni u rapportar għandhom ikunu ċari fil-livelli kollha. Għandu jkun hemm kapaċità kostanti u flessibbli biex jiġu skjerati uffiċjali ta’ kollegament b’ħiliet jew timijiet ta’ esperti rilevanti f’postijiet differenti jekk ikun hemm ħtiġijiet operazzjonali. Il-Frontex għandu jkollha stampa sħiħa tas-sitwazzjoni ta’ tipi differenti ta’ uffiċjali ta’ kollegament Ewropej (l-LOs tal-Frontex, l-LOs tal-Migrazzjoni Ewropea, l-LOs tar-Ritorn Ewropew, l-LOs ta’ aġenziji oħra) u l-LOs tal-immigrazzjoni nazzjonali bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u minn korpi Ewropej rilevanti oħra. L-informazzjoni miġbura għandha ssaħħaħ l-analiżi tar-riskju u l-għarfien tas-sitwazzjoni fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, inkluża l-istampa ta’ intelligence prefruntiera. Barra minn hekk, l-Uffiċjali ta’ Kollegament tal-Frontex għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha mad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż tal-iskjerament tagħhom, fil-qafas tal-koordinazzjoni globali tal-politika tal-UE f’dak il-pajjiż.
10.Iż-żjarat ta’ ħidma relatati mal-IBM għat-tisħiħ tal-kapaċità f’pajjiżi terzi, inkluż il-finanzjament dirett, il-pariri tekniċi, it-taħriġ jew l-appoġġ b’tagħmir tekniku, għandhom ikunu kkoordinati u mmonitorjati sew mill-UE. Il-Frontex għandha tkompli timplimenta proġetti u programmi għat-tisħiħ tal-kapaċità, iffinanzjati mill-UE u relatati mal-IBM, fil-pajjiżi kandidati tal-UE u f’pajjiżi terzi ta’ prijorità oħra, b’mod partikolari għall-iskop li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kontroll tal-fruntieri, l-analiżi tar-riskju, ir-ritorn u r-riammissjoni. Barra minn hekk, il-Frontex għandha tikkoopera mill-qrib mas-sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn tal-Kummissjoni fl-għoti tal-pariri matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri fil-viċinat u f’pajjiżi terzi ta’ prijorità oħra. Il-proġetti mmexxija mill-Istati Membri għandhom jiġu implimentati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex; il-potenzjal sħiħ tal-għarfien espert tal-Aġenzija għandu jintuża bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-proġetti. L-Aġenzija għandha tagħti wkoll ħarsa ġenerali iżda komprensiva lejn il-proġetti u ż-żjarat ta’ ħidma għat-tisħiħ tal-kapaċità relatati mal-IBM, kemm dawk li għadhom għaddejjin kif ukoll dawk ippjanati, f’pajjiżi terzi.
11.Il-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, li jkollhom komponent ta’ ġestjoni tal-fruntieri u l-Frontex, għandha tkompli tiġi żviluppata għall-iżgurar tal-għarfien tas-sitwazzjoni, għall-appoġġ tal-analiżi tar-riskju u għall-promozzjoni tal-istandards tal-EIBM.
Komponent 8: “Miżuri tekniċi u operazzjonali fiż-Żona Schengen li huma relatati mal-kontroll fuq il-fruntieri u mfassla biex jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali u biex jiġġieldu r-reati transfruntiera aħjar 22 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Il-kontinwità operazzjonali u l-interoperabbiltà bejn il-kontroll tal-fruntieri esterni u l-miżuri tekniċi u operazzjonali fiż-żona Schengen għandhom jiġu stabbiliti sew biex jiggarantixxu l-ġlieda effettiva kontra l-movimenti sekondarji mhux awtorizzati, il-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera b’rabta mal-fruntieri esterni.
Il-kapaċità nazzjonali (u l-prontezza tagħha) hija stabbilita biex tintensifika l-kontrolli tal-pulizija relatati mal-migrazzjoni irregolari ġewwa t-territorju, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri interni, appoġġati minn miżuri alternattivi oħra li l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, u b’hekk tillimita l-ħtieġa li jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri interni.
Linji gwida strateġiċi
1.Kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali għandu jkun hemm stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u analiżi tar-riskju dwar il-wasliet irregolari u l-movimenti sekondarji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE, bħala bażi għall-miżuri mmirati u proporzjonali li għandhom jittieħdu. Għandha titħejja stampa tas-sitwazzjoni Ewropea mill-Frontex, bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri u b’kooperazzjoni ma’ aġenziji rilevanti oħra tal-UE. Il-EUROSUR għandha tintuża bħala l-pjattaforma ewlenija għal din il-funzjoni, flimkien ma’ sistemi oħra effettivi u unifikati għall-ġbir tad-data. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-avvenimenti relatati ma’ movimenti sekondarji mhux awtorizzati jiġu rrapportati mill-awtoritajiet nazzjonali lill-NCC.
2.Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa għandhom ikomplu jiġu żviluppati, inklużi analiżi konġunta tar-riskju, prattiki operazzjonali u l-iskambju mexxej ta’ informazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntiera u awtoritajiet oħra li jaħdmu fil-fruntiera esterna. Dawn jinkludu l-NCCs, l-awtoritajiet li jaħdmu fiż-żona Schengen u ċ-Ċentri ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana (PCCCs) u ċentri rilevanti oħra. Sistemi differenti ta’ informazzjoni fl-UE kollha għandhom jidħlu f’użu effettiv għall-awtoritajiet responsabbli kollha.
3.Il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-operazzjonijiet konġunti kkoordinati mill-Frontex u l-PCCCs rilevanti għandha tkompli tiġi żviluppata u kkonsolidata.
4.Għandu jkun hemm kapaċità suffiċjenti fil-livell nazzjonali biex jiġu intensifikati l-kontrolli tal-pulizija relatati mal-immigrazzjoni illegali fit-territorju kollu u biex jitwettqu kontrolli tal-pulizija u kontroll tal-migrazzjoni fit-toroq ewlenin tat-trasport, inklużi żoni tal-fruntiera bbażati fuq analiżi tar-riskju.
Komponent 9: “Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġin minn Stat Membru 23 .”
Prijoritajiet ta’ politika
Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru għandhom jiġu rritornati b’mod effettiv, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Għandu jkun hemm kapaċità (amministrattiva, teknika u operazzjonali) biex jiġu implimentati proċessi ta’ ritorn, inklużi ritorni volontarji, fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali b’mod effettiv u unifikat, bħala parti integrali mill-katina tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-funzjonament tal-EIBM.
Ir-ritorni implimentati b’mod effettiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jkunu soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn, għandhom jiżguraw li dawk kollha li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE realment jitilqu mill-UE. L-EIBM għandha tiżgura wkoll li l-proċedura ta’ ritorn titwettaq b’mod uman, deċenti u sostenibbli, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali ta’ persuni rimpatrijati u f’konformità mad-dritt internazzjonali u dak tal-UE, minn esperti mħarrġa b’mod xieraq.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-kapaċità u r-rwol tal-Frontex biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn għandhom ikomplu jissaħħu, billi jsir użu sħiħ mill-istrumenti kollha disponibbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali.
2.Il-kapaċità tal-Istati Membri li, b’mod unilaterali jew konġunt, iwettqu r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu f’pajjiż illegalment, għandha tissaħħaħ bl-iżvilupp ta’ sistema ta’ ritorn nazzjonali integrata u koordinata, ibbażata fuq il-mudell tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn żviluppat mill-Aġenzija, u kompatibbli mal-politika Ewropea dwar ir-ritorn. L-Istati Membri għandhom jiżguraw bis-sħiħ li jkollhom il-kapaċità li jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet Ewropej ta’ ritorn ikkoordinati jew organizzati mill-Frontex.
3.L-Applikazzjoni tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni Irregolari (IRMA) għandha tkompli tiġi żviluppata biex issaħħaħ l-għarfien tas-sitwazzjoni dwar ir-ritorn u l-ġbir tad-data dwar l-operazzjonijiet ta’ ritorn u r-riammissjoni. Din se tiffaċilita l-ippjanar, l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali rilevanti, u l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ ritorn, ta’ riammissjoni u ta’ riintegrazzjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk, din se tippermetti lill-Frontex tassumi rwol proattiv għalkollox fl-ippjanar u fl-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluża l-assistenza ta’ qabel ir-ritorn u r-riintegrazzjoni.
4.Stampa komprensiva tas-sitwazzjoni, inklużi l-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri dwar ir-ritorn, għandha titħejja mill-Frontex, abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri, it-tipi differenti ta’ LOs tal-immigrazzjoni (Ewropej u nazzjonali) u pajjiżi terzi.
5.Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, b’mod partikolari l-Frontex, għandha timplimenta l-Istrateġija tal-UE tal-2021 dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni 24 .
Komponent 10: “L-użu tal-aħħar teknoloġija, inklużi sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira 25 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
L-EIBM, speċjalment il-kontrolli fil-fruntieri u s-sorveljanza fil-fruntieri, għandha tiġi appoġġata minn sistemi u soluzzjonijiet tekniċi Ewropej avvanzati, mobbli u interoperabbli, applikabbli għal sistemi tal-IT tal-UE fuq skala kbira. Dan sabiex jiġi ggarantit kontroll tal-fruntieri aktar effiċjenti u affidabbli. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandu jkollha l-kapaċità li tagħmel l-aħjar użu mill-aktar teknoloġiji avvanzati, inklużi mekkaniżmi għas-sigurtà tad-data.
Linji gwida strateġiċi
1.Il-kwalità tal-informazzjoni użata għall-kontrolli fil-fruntieri fis-sistemi eżistenti għandha tiżdied billi jittieħdu miżuri prattiċi biex tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data, billi tiġi sfruttata l-evalwazzjoni perjodika tagħhom, fosthom billi tiġi implimentata teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.
2.Għandha tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT eżistenti u ġodda fuq skala kbira (l-EES, il-VIS, l-ETIAS, is-SIS imġedda), speċjalment l-implimentazzjoni sħiħa u komprensiva tas-sistemi mġedda reċentement.
3.L-iżvilupp, iż-żamma u t-tħaddim tal-komponenti ċentrali tas-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira jiffurmaw l-objettiv ewlieni tal-eu-LISA, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.
4.Il-potenzjal tas-soluzzjonijiet tekniċi intelliġenti l-ġodda (eż. il-punti fil-fruntieri b’kontrolli awtomatizzati), kif ukoll l-interoperabbiltà ta’ sistemi ta’ informazzjoni differenti relatati mal-fruntieri u s-sigurtà, għandhom jiġu massimizzati biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini, jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-fruntieri u l-qsim bejn il-fruntieri esterni, u jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntieri.
5.Għandu jintuża l-potenzjal sħiħ tat-teknoloġija moderna biex jiżdiedu l-kapaċitajiet Ewropej ta’ sorveljanza u ta’ reazzjoni fil-fruntieri esterni. L-użu tal-kapaċitajiet ta’ sorveljanza Ewropej (eż. is-servizzi bis-satellita) għandu jkompli jiġi żviluppat biex tinħoloq stampa tas-sitwazzjoni komprensiva.
6.Il-kapaċità ta’ sorveljanza ta’ sistemi ta’ sorveljanza teknika integrati, interoperabbli u adattabbli (stazzjonarji u mobbli) użati fil-fruntieri tal-baħar u tal-art għandha tkompli tiġi żviluppata. Din għandha tinkludi soluzzjonijiet tekniċi u proċessi ta’ ħidma użati f’ċentri operazzjonali differenti (NCCs, Ċentri ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u Ċentri ta’ Koordinazzjoni Lokali) u unitajiet mobbli.
7.Fil-kontribut tagħha għal awtonomija teknoloġika kritika Ewropea 26 , il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tiżgura li l-ippjanar tagħha għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet iqis l-objettiv li jitnaqqsu d-dipendenzi fit-teknoloġiji kritiċi minn pajjiżi terzi.
8.L-użu ta’ teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku jrid jikkonforma mar-rekwiżiti tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data.
Komponent 11: “Mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità, b’mod partikolari l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u l-possibbiltà ta’ mekkaniżmi nazzjonali, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri 27 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
Għandu jkun hemm sistema Ewropea komprensiva ta’ kontroll tal-kwalità biex tiggarantixxi għarfien kontinwu tal-implimentazzjoni u l-kwalità tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-livelli strateġiċi u operazzjonali. Ir-riżultati tal-kontroll tal-kwalità għandhom jintużaw bħala bażi għall-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi u l-funzjonijiet tal-EIBM u l-IBM nazzjonali.
Linji gwida strateġiċi
·Mekkaniżmu Ewropew ta’ kontroll tal-kwalità, li jikkonsisti fil-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà mwettqa mill-Frontex, għandu jibda jintuża bis-sħiħ.
·Abbażi tal-iskambju regolari ta’ informazzjoni, is-sinerġiji bejn il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen għandhom jiġu massimizzati bil-ħsieb li tiġi stabbilita stampa aħjar tal-funzjonament taż-żona Schengen. Din għandha tevita kemm jista’ jkun l-isforzi doppji min-naħa tal-Istati Membri, u tiżgura użu koordinat aħjar tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE li jappoġġaw il-ġestjoni tal-fruntieri esterni.
·Ir-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jintużaw fl-iżvilupp tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-fruntieri u fil-prijoritizzazzjoni tal-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament rilevanti tal-UE (eż. programmi nazzjonali u faċilitajiet tematiċi skont l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) tal-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri), speċjalment fil-valutazzjoni ta’ proposti oħra ta’ finanzjament mill-Kummissjoni.
·L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità (“evalwazzjoni ta’ Schengen” nazzjonali), li jkopri l-partijiet u l-funzjonijiet kollha tas-sistema nazzjonali tal-IBM u li jinkludi l-awtoritajiet kollha involuti fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri.
·L-Istati Membri għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fiż-żjarat ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen ikkoordinati mill-Kummissjoni u jipprovdu kontribuzzjonijiet f’waqthom u ta’ kwalità għall-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà mmexxija mill-Frontex.
Komponent 12: “Mekkaniżmi ta’ solidarjetà, b’mod partikolari l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni 28 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija Ewropea tal-IBM għandha tiġi appoġġata minn fondi speċifiċi tal-UE, speċjalment il-BMVI u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Il-fondi tal-UE għandhom jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-UE u ddefiniti mid-dritt tal-UE, bil-ħsieb li jipprovdu valur miżjud massimu tal-UE. Il-komponenti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri rregolati mil-liġi nazzjonali, fil-prinċipju, għandhom ikunu koperti mir-riżorsi nazzjonali.
L-attivitajiet tal-Frontex huma appoġġati mill-baġit iddedikat tal-Aġenzija, mill-baġit globali tal-UE. L-Aġenzija tista’ tibbenefika wkoll mill-finanzjament tal-UE għal proġetti ta’ assistenza teknika f’pajjiżi terzi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni.
Linji gwida strateġiċi
·L-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE (eż. il-programmi nazzjonali taħt il-BMVI) għandu jiġi allinjat mal-istrateġiji nazzjonali tal-IBM, mal-pjanijiet ta’ azzjoni u mal-ippjanar tal-kapaċità. Għandu jkun hemm prijoritajiet nazzjonali ċari u dettaljati sew (eż. il-EUROSUR, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet), abbażi tal-prijoritajiet tal-UE.
·Ir-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà għandhom jitqiesu biex jiġi pprijoritizzat l-użu tal-fondi tal-UE fil-livell nazzjonali.
·Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Frontex għandha tiżgura sinerġiji bejn l-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-Frontex iffinanzjati minn strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE u tevita l-finanzjament doppju.
·Il-finanzjament iddedikat tal-UE skont l-azzjonijiet speċifiċi tal-Fond għas-Sigurtà Interna (għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni) u tal-BMVI għandu jappoġġa lill-Istati Membri fil-ksib tat-tagħmir meħtieġ, bil-ħsieb li dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Frontex f’konformità mal-Artikolu 64(14) tar-Regolament dwar l-EBCG. Dan se jikkonsolida l-kapaċità tal-Aġenzija li tappoġġa lil dawk l-Istati Membri li jeħtieġu l-assistenza.
Komponent 13: “Id-drittijiet fundamentali 29 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
Ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali jinsab fil-qalba tal-EIBM. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta trid tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità mal-mandat tagħha, meta timplimenta l-EIBM. L-azzjonijiet tal-atturi tal-UE u dawk nazzjonali fi ħdan il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-dritt rilevanti tal-UE, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali rilevanti. Dan tal-aħħar jinkludi l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju tan-non‑refoulement, ukoll iridu jiġu rrispettati bis-sħiħ. Fil-proposta tagħha għal regolament dwar l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi 30 , il-Kummissjoni pproponiet li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti biex jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati fir-rigward tal-iskrinjar fil-fruntieri esterni u li kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiġi investigata b’mod xieraq. Dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ikun parti mill-governanza u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni migratorja previsti mill-Proposta għal Regolament Ġdid dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni 31 .
Linji gwida strateġiċi
·L-Istrateġija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ akkumpanjament adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex għandhom jiġu osservati b’mod strett fl-attivitajiet kollha tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
·L-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali matul iċ-ċiklu operazzjonali kollu tal-attivitajiet kollha ta’ ġestjoni tal-fruntieri u ta’ ritorn fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom tal-IBM.
·L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw, u jżommu b’mod operazzjonali, mekkaniżmu nazzjonali ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn.
·Id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu parti essenzjali mill-programm tat-taħriġ fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali għall-persuni kollha li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ kontroll tal-fruntieri jew ta’ ritorn. Dawn il-miżuri ta’ taħriġ għandhom jagħmlu enfasi speċifika fuq il-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, inklużi l-minuri.
·Matul l-evalwazzjonijiet imwettqa skont il-Mekkaniżmu rivedut ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni ta’ Schengen, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi vverifikat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.
Komponent 14: “L-edukazzjoni u t-taħriġ 32 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
Id-disponibbiltà ta’ għadd suffiċjenti ta’ persunal kompetenti u speċifikament imħarreġ fl-oqsma kollha tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi żgurata fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali, permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib fost l-akkademji tat-taħriġ fl-Istati Membri u l-Frontex.
L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu bbażati fuq standards ta’ taħriġ komuni armonizzati u ta’ kwalità għall-korp permanenti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operazzjonali, il-kompiti u l-kompetenza legali, u b’enfasi fuq fehim ċar tal-valuri stabbiliti fit-Trattati. Dawn għandhom jippromwovu l-ogħla standards u l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-fruntieri u r-ritorn, b’enfasi speċjali fuq il-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, inklużi t-tfal, u fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u għandhom joħolqu kultura komuni bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.
Linji gwida strateġiċi
·Il-kurrikuli komuni ewlieni u l-għodod ta’ taħriġ meħtieġa għall-ġestjoni tal-fruntieri u għar-ritorn, inkluż dwar il-protezzjoni tat-tfal u ta’ persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għandhom ikomplu jiġu żviluppati u jkunu bbażati fuq qafas referenzjarju ġenerali komuni tal-kwalifiki żviluppat għas-settur (qafas ta’ kwalifiki settorjali għall-gwardja tal-fruntieri u tal-kosta). Dawn il-prodotti għandhom iqisu l-pjan direzzjonali tal-kapaċità tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, approvat kull sena mill-Bord tat-Tmexxija. Barra minn hekk, għandhom joffru korsijiet ta’ taħriġ u seminars addizzjonali relatati mal-kompiti ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri, kemm għall-korp permanenti kif ukoll għall-uffiċċjali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
·Għodda speċifika ta’ taħriġ għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkompli tiġi żviluppata u msaħħa mill-Frontex, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Kummissjoni, mal-aġenziji rilevanti tal-UE u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, filwaqt li jitqiesu r-riżultati rilevanti tar-riċerka u l-aħjar prattiki.
·Għandhom jiġu żviluppati aktar miżuri ta’ taħriġ speċjalizzati rilevanti għall-kompiti u s-setgħat tal-membri tal-korp permanenti, għall-kontrolluri tar-ritorn sfurzat u għall-kontrolluri tad-drittijiet fundamentali, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet operazzjonali. Għandhom jitwettqu eżerċizzji regolarment ma’ dawk il-gwardji tal-fruntiera u ma’ membri oħra tat-timijiet, f’konformità mal-iskeda ta’ taħriġ speċjalizzat.
·Għandu jiġi pprovdut livell ugwali ta’ taħriġ relatat mal-gwardja tal-fruntiera u mar-ritorn fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali lill-membri kollha tal-korp permanenti li għandhom jiġu skjerati għal attivitajiet operazzjonali, irrispettivament mill-kategorija tagħhom. Dan sabiex jiġi żgurat li l-gwardji Ewropej kollha tal-fruntiera u tal-kosta jkunu professjonisti, u mħarrġa b’mod xieraq skont l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.
·Il-Frontex għandha timplimenta mekkaniżmu intern ta’ kontroll tal-kwalità, f’konformità mal-istandards u l-linji gwida Ewropej għall-edukazzjoni u t-taħriġ, biex tiżgura taħriġ ta’ livell għoli, għarfien espert u professjonaliżmu tal-persunal statutorju li jipparteċipa fl-attivitajiet operazzjonali tal-Aġenzija. L-istat tal-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu għandu jitniżżel fir-rapport ta’ evalwazzjoni annwali u mehmuż bħala anness mar-rapport annwali tal-attività.
·Il-ksib ta’ għarfien ġenerali jew ta’ għarfien espert speċifiku mill-esperjenza u mill-prattiki tajbin barra mill-pajjiż matul il-missjonijiet u l-operazzjonijiet relatati mar-ritorn fi Stat Membru ieħor għandu jiġi mħeġġeġ. B’mod partikolari, dan għandu jiġi pprovdut permezz ta’ programm ta’ skambju lill-gwardji tal-fruntiera li jipparteċipaw f’interventi ta’ ritorn mill-Frontex.
·L-istabbiliment ta’ ċentru ta’ taħriġ fi ħdan il-Frontex għandu jkompli jiġi kkunsidrat, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq aktar kooperazzjoni u sinerġiji akbar mal-istituti nazzjonali ta’ taħriġ tal-Istati Membri, u jibni fuqhom. L-għan huwa li jiġu kkoordinati u ssimplifikati l-iżvilupp, it-twassil u ċ-ċertifikazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, abbażi ta’ standards Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità, u li tiġi ffaċilitata aktar l-inklużjoni ta’ kultura Ewropea komuni fit-taħriġ ipprovdut.
Komponent 15: “Ir-riċerka u l-innovazzjoni 33 ”.
Prijoritajiet ta’ politika
Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri għandha tkun appoġġata minn teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u riċerka li tħares ’il quddiem dwar xjenzi rilevanti li jappoġġaw il-professjoni ta’ gwardja fil-fruntieri. Għal dan il-għan għandu jiġi żgurat investiment f’waqtu u kkoordinat sew fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
Linji gwida strateġiċi
·L-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri għandhom jużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni biex isiru aktar interoperabbli u kosteffettivi. Għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera għall-ekonomiji ta’ skala. Il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-unitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-awtoritajiet tal-fruntieri tal-Istati Membri għandha tkompli tiġi żviluppata f’oqsma prijoritarji. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri għandhom ikunu familjari wkoll mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi li jantiċipaw ix-xejriet, l-isfidi u t-theddid, ukoll minħabba li n-networks ta’ kuntrabandu u tat-terroristi jużaw teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.
·Il-Frontex għandha tipparteċipa b’mod attiv fil-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-Istati Membri, mill-UE u mill-industrija fl-oqsma koperti mill-IBM, kif ukoll minn atturi rilevanti oħra, inklużi pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet oħra.
·Il-Frontex għandha tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi qafas tal-Unjoni rilevanti għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-IBM.
·L-użu tar-riċerka u l-innovazzjoni jrid jikkonforma mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.
6.Il-governanza taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali
L-għan ewlieni taċ-ċiklu ta’ politika tal-EIBM huwa li jiġi żgurat li, fil-ħames snin li ġejjin, il-prijoritajiet politiċi tal-UE jissarrfu kif xieraq f’objettivi u f’attivitajiet operazzjonali għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Filwaqt li huwa meħtieġ l-ippjanar fit-tul, l-ambjent operazzjonali għall-EIBM, li huwa dinamiku ħafna, politiku u sensittiv, jirrikjedi monitoraġġ permanenti tal-iżviluppi u adattament flessibbli għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu. Għaldaqstant, il-politika strateġika pluriennali dwar l-EIBM għandha tistabbilixxi wkoll mekkaniżmu xieraq biex jiġi żgurat qafas ta’ governanza effettiv li jakkumpanja l-implimentazzjoni b’suċċess taċ-ċiklu.
Dan il-mekkaniżmu għandu jiġi integrat fiċ-ċiklu ta’ Schengen, li tnieda mir-rapport annwali dwar l-Istat ta’ Schengen. Ir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen jiġi adottat flimkien ma’ dan id-dokument ta’ politika. Iċ-ċiklu ta’ Schengen se jippermetti l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-EIBM f’diversi formazzjonijiet:
-Il-laqgħa annwali tal-Forum ta’ Schengen se tippermetti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jirrieżaminaw l-implimentazzjoni tal-EIBM u jipprovdu direzzjoni politika komplementari għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
-Il-Kunsilli ta’ Schengen, organizzati fuq bażi trimestrali, għandhom jirrieżaminaw u jwasslu konklużjonijiet dwar il-governanza ta’ Schengen, u jipprovdu l-impetu politiku dwar il-kwistjonijiet strateġiċi ewlenin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-EIBM. Dawn jipprevedu l-opportunità li fil-livell politiku jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluża l-Frontex, u meta xieraq, li jinħarġu rakkomandazzjonijiet strateġiċi u tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom.
-Se tiġi pprovduta wkoll tmexxija strateġika addizzjonali minn laqgħa ta’ livell għoli tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija.
Il-laqgħat annwali ta’ kooperazzjoni interparlamentari stabbiliti fl-Artikolu 112 tar-Regolament dwar l-EBCG jistgħu jipprovdu opportunità biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew fuq l-Aġenzija u tal-parlamenti nazzjonali fuq l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri jiġu eżerċitati b’mod effettiv. Il-laqgħat jistgħu jiġu kkoordinati mat-tħejjija tal-laqgħa annwali tal-Forum ta’ Schengen.
7.Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni ħejjiet dan id-dokument ta’ politika bil-għan li jkun hemm fehim komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kif l-EBCG għandu jimplimenta l-EIBM fil-ħames snin li ġejjin.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiddiskutu dan id-dokument ta’ politika, li jistabbilixxi politika strateġika pluriennali għall-EIBM, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-fehmiet rispettivi tagħhom.
Fl-istess ħin, minħabba l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw qafas ta’ governanza effettiv li jakkumpanja l-implimentazzjoni taċ-ċiklu, il-Kummissjoni tfittex il-fehmiet taż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-ideat tagħha għal direzzjoni mmirata li għandha tiġi pprovduta fuq bażi aktar regolari, u li għandha tikkomplementa l-prijoritajiet ta’ politika u l-linji gwida strateġiċi ta’ ħames snin.
Abbażi tal-kontribut politiku miż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-aspetti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni se tadotta komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-EIBM u l-governanza tagħha.
L-iskeda ta’ żmien taċ-ċiklu tal-EIBM |
|
Azzjonijiet għall-implimentazzjoni taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali |
Skeda ta’ żmien indikattiva |
Il-Kummissjoni tippreżenta dokument ta’ politika li jistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Q2 2022 |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddiskutu d-dokument ta’ politika li jistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Q3 2022 |
Il-Kummissjoni tadotta Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Q4 2022 |
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tadotta l-istrateġija teknika u operazzjonali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Q2 2023 (6 xhur wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) |
L-Istati Membri jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tal-IBM tagħhom |
Q4 2023 (12-il xahar wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) |
Il-Kummissjoni tevalwa l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Q4 2026 (48 xahar wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) |
Il-Kummissjoni tippreżenta t-tieni dokument ta’ politika li jiżviluppa l-politika strateġika pluriennali li jmiss għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri |
Tmiem l-2027 |
Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, ĠU L 295, 14.11.2019.
https://frontex.europa.eu/assets/Publications/Risk_Analysis/Risk_Analysis/Strategic_Risk_Analysis_2020.pdf.
L-Analiżi Strateġika tal-Frontex dwar ir-Riskji identifikat ukoll iċ-ċiberkriminalità bħala waħda mill-isfidi futuri għall-EIBM. Madankollu, iċ-ċiklu ta’ politika dwar il-kriminalità organizzata jitqies aktar rilevanti biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell Ewropew.
Il-Premessa (11) tar-Regolament dwar l-EBCG tistipula li [i]l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, ibbażata fuq il-mudell ta’ kontroll tal-aċċess b’erba’ livelli, tinkludi miżuri f’pajjiżi terzi, bħal dawk skont il-politika komuni tal-viża, miżuri ma’ pajjiżi terzi ġirien, miżuri ta’ kontroll fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni, analiżi tar-riskju, u miżuri fiż-żona Schengen u r-ritorn.
L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).
L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1365 dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/581 tad-9 ta’ April 2021 dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR).
L-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Id-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex 50/2021 tal-21 ta’ Settembru 2021 li tadotta l-mudell ta’ analiżi Integrata Komuni tar-riskju.
L-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament dwar l-EBCG.
L-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Ares (2018)6193959 – 3.12.2018.
Minuti tar-raba’ laqgħa (16 u 17 ta’ Diċembru 2021) tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief għall-Isfidi li Tiffaċċja l-Unjoni Doganali, https://ec.europa.eu/taxation_customs/system/files/2022-01/Minutes%20of%20fourth%20meeting.pdf .
L-Artikolu 3(1)(f) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Commission Recommendation establishing a ‘Practical Handbook’ on European cooperation on coast guard functions, C(2021) 5310 final.
L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament dwar l-EBCG.
C(2022) 300 final.
COM(2021) 829 final u COM(2021) 830 final.
L-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament dwar l-EBCG.
L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament dwar l-EBCG.
COM(2021) 120 final, 27.4.2021.
L-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament dwar l-EBCG.
Id-Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Frar 2021 .
L-Artikolu 3(1)(k) tar-Regolament dwar l-EBCG.
L-Artikolu 3(1)(l) tar-Regolament dwar l-EBCG.
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-EBCG.
COM(2020) 612, 23.9.2020.
COM(2020) 610, 23.9.2020.
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-EBCG.
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-EBCG.